EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013SC0477

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija mċaħħda mil-libertà u l-għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

/* SWD/2013/0477 final */

52013SC0477

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija mċaħħda mil-libertà u l-għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew /* SWD/2013/0477 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar l-għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija mċaħħda mil-libertà u l-għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

1.           Definizzjoni tal-problema

Il-problema ġenerali indirizzata f’din il-valutazzjoni tal-impatt għandha żewġ aspetti: (a) m’hemmx biżżejjed protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ persuni ssuspettati u mixlija fl-UE u (b) hemm bżonn li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri minħabba n-nuqqas ta’ standards fl-għajnuna legali.

Attwalment m’hemm l-ebda strument legali tal-UE li jipprovdi għall-persuni ssuspettati u mixlija d-dritt għal għajnuna legali fi proċedimenti kriminali. Minkejja standards komuni fuq livell Ewropew[1] u l-fatt li l-Istati Membri kollha għandhom sistema ta’ għajnuna legali, hemm livell għoli ta’ varjazzjonijiet bejn id-diversi sistemi ta’ għajnuna legali tal-Istati Membri fil-liġi u fil-prattika. Dan iwassal għal nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-dritt għal proċess ġust. Id-dritt limitat għal għajnuna legali f’ċerti Stati Membri għandu l-potenzjal li jtellef mill-fiduċja reċiproka u fil-kooperazzjoni ġudizzjarja reċiproka fil-qasam tal-proċedimenti kriminali, kif ukoll ifixkel id-dritt għal proċess ġust skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta).

Id-dritt għall-għajnuna legali huwa intrinsikament marbut mad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat. Għall-persuni li m’għandhomx mezzi u f’ċerti sitwazzjonijiet (pereżempju meta ma tingħatax il-libertà), l-aċċess għas-servizzi ta' avukat ma jistax ikun effettiv jekk l-Istat ma jipprovdix għajnuna legali b'mod prattiku u finanzjarju sabiex jiżguralhom assistenza legali. Filwaqt li d-Direttiva proposta tal-UE dwar l-aċċess għas-servizzi ta' avukat[2], li l-adozzjoni formali tagħha għadha pendenti, tipprevedi d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi avukat, ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar min iħallas jew jipprokura avukat. Għaldaqstant, mingħajr l-intervent tal-UE sabiex jiġu stabbiliti standards minimi komuni dwar l-għajnuna legali, id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi avukat kif previst mid-Direttiva jista' ma jkunx prattiku u effettiv.

In-nuqqas ta’ standards xierqa dwar l-għajnuna legali jaffettwa l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u jtellef fil-kooperazzjoni ġudizzjarja ta' bejn l-Istati Membri. Dan huwa ta' ħsara għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet u tas-sentenzi ġudizzjarji, u għal każijiet oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, kif ukoll itellef mill-fiduċja fl-istrumenti transkonfinali. Jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom dubju dwar kemm ġurisdizzjoni oħra hija konformi mad-drittijiet għal proċess ġust, u jemmnu li hemm ir-riskju li persuna ssuspettata jew mixlija mhux se jkollha aċċess effettiv għall-pariri legali minħabba n-nuqqas ta’ għajnuna legali, it-talbiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja minn dik il-ġurisdizzjoni jistgħu jiġu rrifjutati. Minħabba li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huwa l-pedament tal-qasam tal-Ġustizzja, huwa meħtieġ li tiżdied il-fiduċja reċiproka sabiex ikun effettiv.

Il-problema speċifika indirizzata hija li hemm nuqqas ta’ aċċess għal għajnuna legali effettiva għall-persuni ssuspettati jew mixlija fl-UE, li jagħmel ħsara lill-fiduċja reċiproka u għat-tħaddim bla xkiel tas-sistema tar-rikonoxximent reċiproku. Hemm żewġ raġunijiet għal din il-problema:

· Il-possibbiltajiet ta' aċċess għal għajnuna legali fi proċedimenti ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE) fl-Istati Membri mhumiex biżżejjed;

· L-assistenza permezz ta' għajnuna legali mhix dejjem disponibbli fl-istadji bikrin tal-proċedimenti, speċjalment qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar għajnuna legali, għalkemm id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat japplika minn meta l-persuna tiġi mgħarrfa mill-awtoritajiet li hija persuna ssuspettata;

Barra minn hekk, hemm żewġ elementi oħra li għandhom ukoll il-potenzjal li jtellfu mill-fiduċja reċiproka:

· Kriterji ta’ eliġibbilità restrittivi wisq sabiex tingħata għajnuna legali;

· Nuqqasijiet fil-kwalità u fl-effettività tal-assistenza legali li tingħata permezz ta’ skemi ta’ għajnuna legali.

L-ewwel raġuni – L-għajnuna legali fi proċedimenti ta' MAE: Id-Direttiva dwar l-aċċess għas-servizzi ta' avukat se tagħti d-dritt għal rappreżentazzjoni doppja fil-proċedimenti ta' estradizzjoni taħt il-MAE.[3] Meta persuna tiġi arrestata b’MAE hija jkollha d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-proċedimenti ta’ estradizzjoni, u d-dritt li taħtar it-tieni avukat fl-Istat Membru li ħareġ il-MAE sabiex jikkoordina mal-avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxihom. Madankollu, id-Direttiva ma teħtieġx li din l-assistenza legali tkun koperta b'għajnuna legali. L-ebda Stat Membru attwalment ma jagħti għajnuna legali għas-servizzi ta' avukat fl-Istat Membru emittenti. Id-dritt għall-għajnuna legali għadu esklussivament rregolat mil-liġi nazzjonali fl-Istati Membri ta' eżekuzzjoni u dawk emittenti, u dan jaffettwa l-effettività ta’ dan id-dritt u l-applikazzjoni konsistenti tiegħu, minkejja d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat previst mid-Direttiva. Dan jista’ jippreġudika d-drittijiet tal-konvenut fi proċedimenti ta' MAE, jikkawża dewmien u spejjeż żejda kif ukoll jista’ fl-aħħar mill-aħħar jtellef mill-fiduċja reċiproka li hija meħtieġa sabiex l-istrument ta' MAE jaħdem bla xkiel.

It-tieni raġuni – L-għażla taż-żmien: Huwa ta’ importanza kbira li jkun hemm aċċess għas-servizzi ta' avukat mill-aktar fis possibbli fl-istadji investigattivi tal-proċedimenti sabiex jiġi protett d-dritt għal proċess ġust tal-persuni ssuspettati, sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-evidenza u biex ikun hemm protezzjoni kontra l-intimidazzjoni u t-trattament ħażin. Fil-fatt, id-Direttiva dwar l-aċċess għas-servizzi ta' avukat tiżgura assistenza legali mill-mument meta persuna tiġi mgħarrfa mill-awtoritajiet li hija ssuspettata jew mixlija b’reat kriminali – iżda ma tiggarantix li din l-għajnuna hija koperta mill-għajnuna legali. Għadd ta’ Stati Membri ma għandhomx sistema li tiffunzjona ssanzjonata mill-Istat li tiżgura li jkun hemm aċċess effettiv bla ħlas għas-servizzi ta' avukat fl-istadji l-aktar bikrija tal-proċedimenti, speċjalment għall-persuni f’detenzjoni. Dawn in-nuqqasijiet huma rikonoxxuti b’mod mifrux mill-partijiet interessati[4] u jfixklu serjament il-qofol tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat.

It-tielet raġuni – L-eliġibbiltà: Kif previst fil-Karta u fil-KEDB, l-Istati Membri jistgħu jużaw żewġ kundizzjonijiet sabiex jiddeterminnaw jekk persuna għandiex id-dritt għall-għajnuna legali b'xejn: il-persuna ma jkollhiex biżżejjed mezzi (it-test tal-mezzi); u fl-interess tal-ġustizzja tkun meħtieġa l-għajnuna legali (it-test tal-merti).[5] Hemm varjazzjoni wiesgħa fil-mod ta' kif issir valutazzjoni tal-eliġibbiltà fl-Istati Membri. Hemm ukoll diverġenza wiesgħa dwar kif il-kriterji ta' “mezzi” u ta' “merti” jinfthiemu. Il-kriterji restrittivi ta’ eliġibbiltà jirriżultaw f’ħafna persuni ssuspettati jew mixlija li ma jkollhomx biżżejjed mezzi sabiex ma jibbenefikawx mill-għajnuna legali anke meta huwa fl-interess tal-ġustizzja. Konsegwentement, id-drittijiet tagħhom għal difiża mhux se jiġu garantiti sew.

Ir-raba' raġuni – Il-kwalità: Il-QEDB stipulat li l-obbligu tal-Istat li jipprovdi assistenza legali b'xejn ma jiġix sodisfatt billi jiġi sempliċiment maħtur avukat iffinanzjat mill-fondi pubbliċi, huwa għandu jiżgura li l-assistenza mogħtija mill-avukati tal-għajnuna legali hija prattika u effettiva, u ta' certu kwalità.[6] Il-kwalità tal-assistenza koperta mill-għajnuna legali tista’ tiġi żgurata permezz ta’: (1) il-kwalifiki u l-akkreditament; (2) it-taħriġ tal-avukati u (3) il-monitoraġġ tal-xogħol kopert bl-għajnuna legali. F’ħafna Stati Membri, ftit li xejn hemm garanzija ta' kwalità, jew kważi xejn.

Min jintlaqat bil-miżuri? Potenzjalment il-persuni ssuspettati jew mixlija kollha fi proċedimenti kriminali fl-UE huma affettwati. Madwar 10 miljuni proċedimenti kriminali jseħħu fl-UE kull sena, iżda ma jkun hemm l-ebda dejta disponibbli dwar l-għadd ta’ proċedimenti li fihom persuna suspettata jew mixlija ma ngħatatx għajnuna legali. Il-miżuri jaffettwaw ukoll lill-avukati li jipprovdu jew jistgħu jipprovdu assistenza, permezz ta' għajnuna legali, lil dawn il-persuni.

2.           Analiżi tas-sussidjarjetà

Hemm bżonn ta' azzjoni tal-UE abbażi tat-tliet fatturi li ġejjin:

(1) Il-problema għandha dimensjoni transkonfinali għaliex jekk ċerti Stati Membri ma jirrispettawx id-dritt proċedurali għall-għajnuna legali, dan joħloq problemi għall-Istati Membri l-oħra.[7]

(2) Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jkunu involuti fi proċedimenti kriminali barra mill-Istat Membru tagħhom, u l-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni ssuspettati jew mixlija għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-UE.

(3) Il-KEDB diġà tistipula standards għal proċessi ġusti fl-Ewropa, iżda l-mekkaniżmi ta’ infurzar tagħha ma jiggarantixxux livell suffiċjenti u konsistenti ta’ protezzjoni jew ta' konformità mill-Istati firmatarji tagħha, inklużi l-Istati Membri tal-UE.

3.           L-objettivi tal-inizjattiva tal-UE

Kull miżura li tittieħed fil-livell tal-UE dwar l-għajnuna legali, li ġiet żviluppata abbażi tal-problemi ġenerali u speċifiċi identifikati hawn fuq, għandha tilħaq l-objettivi ġenerali, speċifiċi u operattivi li ġejjin.

Ġenerali: || · Sabiex tiggarantixxi liċ-ċittadini tal-UE standard ta’ livell għoli fil-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali fundamentali fi proċedimenti kriminali. · Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u b’hekk ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-UE jkun aġevolat, u sabiex titjieb il-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-UE.

Speċifiċi: || · Sabiex jiġi żgurat li l-persuni ssuspettati jew mixlija jkollhom aċċess għall-għajnuna legali u jingħataw għajnuna legali adegwata matul il-proċedimenti kriminali, f’livell li jiżgura fiduċja reċiproka msaħħa. · Sabiex jiġi żgurat li d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat, kif previst mid-Direttiva dwar id-Dritt ta’ Aċċess għas-Servizzi ta' Avukat għall-persuni ssuspettati u mixlija u għall-persuni suġġetti għall-proċedimenti ta' MAE, ikun effettiv, billi tiġi żgurata l-għajnuna legali.

Operattivi: || 1) Sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna legali hija disponibbli għall-persuni suġġetti għal MAE, 2) Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-assistenza koperta mill-għajnuna legali (“id-difiża f'emerġenza”) fl-ewwel stadji tal-proċedimenti, 3) Sabiex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-għajnuna legali għal persuni ssuspettati u mixlija li m’għandhomx mezzi suffiċjenti (it-test tal-mezzi), u fejn huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja (it-test tal-mertu), 4) Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex itejbu l-kwalità tas-servizzi koperti mill-għajnuna legali.

4.           Għażliet ta’ politika

Erba’ għażliet ta’ politika ewlenin tqiesu fid-dettall:

Għażla 1 – Status quo || Iż-żamma tal-istatus quo. L-ebda azzjoni fil-livell tal-UE.

Għażla 2 – Livell ta' obbligu baxx || Azzjoni mhux leġislattiva: Azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, tal-għoti tal-informazzjoni, tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri (billi jinħoloq grupp ta’ esperti biex jiġbor l-aħjar prattiki għal-linji gwida tal-prattikanti).

Għażla 3 – Livell ta' obbligu medju || L-istrument legali L-għażla sekondarja 3(a) permezz ta' Rakkomandazzjoni; L-għażla sekondarja 3(b) permezz ta' Direttiva; jew permezz ta' taħlita tat-tnejn li huma: Bejn billi jiġu stabbiliti standards kwalitattivi minimi kif inhuma previsti fil-KEDB u fil-Karta, u bejn billi tissaħħaħ il-prevedibilità tal-istandards nazzjonali kif ukoll jogħla l-livell tagħhom. L-istrument legali, b’mod partikolari, ikun jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-persuni ssuspettati u mixlija jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna legali fi proċedimenti ta' MAE u fl-ewwel stadji tal-proċedura. Madankollu, mhux se jkun hemm azzjoni ddettaljata preskrittiva, hija fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri kif jimplimentawh. Iż-żewġ għażliet sekondarji jistgħu jiġu kkumbinati billi xi elementi jkunu previsti fi strument legali vinkolanti, filwaqt li elementi oħra jkunu previsti fi strument legali nonvinkolanti.

Għażla 4 – Livell għoli ta' obbligu || L-istrument legali Permezz ta’ Direttiva li tipprevedi kriterji ddettaljati minimi armonizzati dwar l-aċċess u l-kwalità tal-għajnuna legali, li sa ċertu punt jmorru lil hinn mill-istandards kwalitattivi stipulati fil-KEDB.

5.           Il-valutazzjoni tal-impatti

5.1.        L-effettività sabiex jintlaħqu tal-objettivi politiċi

· Għażla 1: L-aċċess insuffiċjenti għall-għajnuna legali jibqa' l-istess jew imur għall-agħar.

· Għażla 2: L-inċentiv għall-Istati Membri sabiex itejbu l-aċċess għall-għajnuna legali huwa insuffiċjenti, ladarba ma hemmx azzjoni leġiżlattiva.

· Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Għandha impatt medju minħabba li din l-għażla se tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali. Madankollu, minħabba n-natura nonvinkolanti ta’ dan l-istrument, hemm ir-riskju li din l-għażla ma jkollha l-ebda impatt tanġibbli peress li tista’ ma tiġix implimentata kollha kemm hi mill-Istati Membri kollha.

· Għażla 3(b) – Direttiva: Għandha impatt kbir minħabba li din l-għażla se twassal għal titjib sinifikanti permezz ta' standards minimi komuni dwar l-għajnuna legali li huma legalment vinkolanti u infurzabbli.

· Għażla 4: Għandha impatt kbir ħafna għax ikollha s-saħħa kollha ta' istrument leġiżlattiv (b'natura vinkolanti, b'eżegwibbiltà għolja) u jkollha impatt sinifikanti pożittiv li jwassal biex jintlaħaq l-objettiv tal-politika, madankollu titfa' piż kbir fuq l-Istati Membri. Din se ttejjeb b’mod sinifikanti l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni.

5.2.        Impatt fuq id-Drittijiet Fundamentali

· Għażla 1: Ma għandha l-ebda impatt billi l-aċċess għall-għajnuna legali se jibqa' jiġi protett fil-livell tal-Istati Membri permezz tal-KEDB u tal-Karta, u se jibqgħu l-problemi attwali ta' protezzjoni limitata.

· Għażla 2: Għandha impatt żgħir billi t-titjib fil-proċess ġust u fid-drittijiet tad-difiża se jiddependu fuq kemm l-Istati Membri jikkonformaw mal-aħjar eżempji ta' prattiki jew linji gwida, fuq kif l-informazzjoni dwar l-għajnuna legali se tixxerred u kif se jsir it-taħriġ.

· Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Hija pożittiva iżda għandha impatt medju żgħir fuq id-drittijiet fundamentali u tiddependi fuq kif l-Istati Membri jimplimentawha. Xi titjib huwa mistenni fil-proċess ġust u fid-drittijiet tad-difiża, iżda n-nuqqas ta’ metodu ta’ infurzar jista’ jtejjeb biss ftit s-sitwazzjoni.

· Għażla 3(b) – Direttiva: Għandha impatt kbir billi din l-għażla jkollha l-istess impatt pożittiv bħall-għażla 3(a), iżda permezz ta’ miżura legalment vinkolanti.

· Għażla 4: Għandha impatt pożittiv sinifikanti fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuni ssuspettati jew mixlija.

5.3.        Impatti Soċjali

· Għażla 1: Ebda implikazzjoni.

· Għażla 2: Hija pożittiva iżda għandha impatt limitat minħabba azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-taħriġ.

· Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Jekk tiġi implimentata kif suppost mill-Istati Membri, din l-għażla jkollha impatti soċjali pożittivi (pereżempju aċċess ugwali għall-ġustizzja billi tiġi żgurata l-assistenza permezz tal-għajnuna legali u titjib fil-kwalità ta' din l-assistenza).

· Għażla 3(b) – Direttiva: Għandha impatt kbir billi din l-għażla jkollha l-istess impatt pożittiv bħall-għażla 3(a) iżda permezz ta’ miżura legalment vinkolanti.

· Għażla 4: Għandha impatti soċjali kbar peress li se twessa’ l-aċċess għall-għajnuna legali u konsegwentement il-possibbiltà għal proċess ġust għal persuni ssuspettati u mixlija fil-bżonn.

5.4.        Impatt fuq is-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja

· Għażla 1: Ma għandha l-ebda impatt – is-sistemi nazzjonali jistgħu jevolvu lejn aktar konverġenza f'konformità mal-ġurisprudenza tal-QEDB, iżda mhux fuq perjodu ta' żmien qasir jew medju.

· Għażla 2: L-impatt globali se jkun limitat ladarba l-azzjonijiet huma nonvinkolanti u ma għandhomx l-għan dirett li jistabbilixxu standards minimi komuni fl-UE.

· Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Minħabba n-natura nonvinkolanti tagħha, huwa diffiċli li jiġi previst l-impatt tagħha, għax jiddependi fuq kemm l-Istati Membri jridu jikkonformaw. Jekk tiġi implimentata kif suppost, din l-għażla tkun teħtieġ bidliet fis-sistemi tal-Istati Membri li attwalment għandhom standards baxxi tal-għajnuna legali.

· Għażla 3(b) – Direttiva: Għandha impatt medju kbir billi din l-għażla tkun teħtieġ riformi leġiżlattivi f’għadd ta’ Stati Membri, madankollu tippermetti ċerta flessibbiltà permezz ta' obbligi fformulati b'mod ġenerali.

· Għażla 4: Għandha l-aktar impatti sinifikanti fuq is-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali billi l-ġudikatura jkollha l-għodda kollha meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna legali bi standard għoli. Ikun hemm bżonn jitwettqu riformi leġiżlattivi sinifikanti fis-sistemi tal-għajnuna legali tal-Istati Membri kollha, sabiex ikunu konformi mal-istrument.

5.5.        Impatt finanzjarju u ekonomiku

· Għażla 1: Ma hemm l-ebda piżijiet finanzjarji immedjati assoċjati ma’ din l-għażla.

· Għażla 2: L-ispejjeż għal din l-għażla se jkunu limitati u se jitħallsu kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-UE. L-ogħla total tal-ispejjeż finanzjarji huwa stmat li se jkun madwar EUR 23 miljun.

· Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Jekk l-Istati Membri jikkonformaw mar-rakkomandazzjoni, l-ispejjeż ikunu l-istess bħal fl-għażla 3(b).

· Għażla 3(b) – Direttiva: L-ispejjeż totali huma mistennija li jkunu fil-medja tal-erba’ għażliet, u ħafna minnhom se jitħallsu mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell lokali u nazzjonali. L-ispejjeż totali jvarjaw minn EUR 247 sa EUR 382 miljun. Dawn jinkludu l-ispejjeż għall-miżuri li ġejjin:

– L-għajnuna legali fi proċedimenti ta' MAE: EUR 0,13-0,24 miljun (fl-UE fis-sena)

– Is-sistema ta’ difiża f'emerġenza: EUR 52-81 miljun (fl-UE fis-sena)

– Il-kriterji ta’ eliġibbilità minimi komuni: EUR 181-287 miljun (fl-UE fis-sena)

– Il-kontroll tal-kwalità: EUR 13,4 miljun (fl-UE fis-sena)

· Għażla 4: L-ispejjeż totali huma mistennija li jkunu l-ogħla mill-erba’ għażliet, u ħafna minnhom se jitħallsu mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell lokali u nazzjonali. L-ispejjeż totali jvarjaw minn EUR 1 594 sa EUR 1 716-il miljun. Dawn ikunu jinkludu l-ispejjeż għall-miżuri li ġejjin:

– L-għajnuna legali fi proċedimenti ta' MAE: EUR 0,8-1,1 miljun (fl-UE fis-sena)

– Is-sistema ta’ difiża f'emerġenza: EUR 180-210 miljun (fl-UE fis-sena)

– Il-kriterji minimi komuni ta’ eliġibbilità: EUR 1.4 biljun (biż-żieda ta’ EUR 92 miljun għall-għajnuna legali obbligatorja għat-tfal) (fl-UE fis-sena)

– Il-kontroll tal-kwalità: EUR 13,4-il miljun (fl-UE fis-sena)

Għall-għażliet 3 u 4 l-ispejjeż ma jeħdux inkonsiderazzjoni l-iffrankar fl-ispejjeż li huwa possibbli minn tnaqqis fl-ispejjeż attwali tal-QEDB u tal-appelli domestiċi, tal-proċessi mill-ġdid, tal-proċedimenti mitmuma minħabba rappreżentazzjoni legali mhux adegwata.

6.           It-tqabbil tal-għażliet/L-għażla ppreferuta

Ma hemm l-ebda għażla ppreferuta.

7.           Monitoraġġ u evalwazzjoni

Jekk l-għażla ppreferuta tkun azzjoni leġiżlattiva fil-forma ta’ Direttiva, iż-żmien stipulat għat-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri se jkun ta’ 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha. L-Istati Membri għandhom jintalbu jiġbru dejta affidabbli sabiex jassistu f’dan il-proċess, peress li attwalment hemm nuqqas ta’ dejta bħal din. Jekk l-għażla ppreferuta hija azzjoni fil-forma ta’ Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tagħha l-aktar tard fi żmien erba’ snin minn meta tiġi ppublikata.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq studju empiriku speċifiku b’enfasi fuq il-ġbir tad-dejta wara li kull strument tal-Pjan Direzzjonali dwar id-Drittijiet Proċedurali jkun ilu applikat minn tliet snin sa ħamsa. Sabiex takkwista għarfien kwantitattiv u kwalitattiv fil-fond dwar l-effikaċja tal-proposti, se jintużaw indikaturi speċifiċi għall-għajnuna legali.

[1]               L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artikolu 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).

[2]               COM(2011) 326 final, 8.6.2011.

[3]               Il-proċedimenti ta' MAE mhumiex per se meqjusa bħala “proċedimenti kriminali” u mhumiex koperti mill-KEDB.

[4]               Ara pereżempju Schumann, Bruckmüller, Soyer, Pre-Trial Emergency Defence Intersentia 2012. Cape et al, Effective Criminal Defence in Eastern Europe, LARN 2012. Ara wkoll ir-Rapport tal-FTI Defence Rights in the EU, Ottubru 2012, paragrafi 71-73 fejn hemm irrappurtat dwar bosta problemi fl-iskemi b'avukati li jkunu fuq servizz fl-Istati Membri u r-rapport reċenti ta' Justicia, p. 46. Ir-Rapport tal-Konferenza mill-Konferenza dwar l-għajnuna legali f'Varsavja. Ara wkoll Improving pre-trial Justice, p. 38 tal-Open Society Institute Sofia 2008, Report on Civic monitoring of police stations (b'rabta mal-BU).

[5]               Il-KEDB u l-Karta jħaddnu test kumulattiv dwar il-mezzi u l-merti, u l-persuni jridu jikkwalifikaw fit-tnejn sabiex jiksbu l-għajnuna legali. Għalhekk huwa aċċettat li hemm sitwazzjonijiet fejn persuna ssuspettata li ma jkollhiex biżżejjed riżorsi ma tikkwalifikax għall-għajnuna legali, pereżempju meta l-każ ma jkunx wieħed kumpless jew minħabba li s-sanzjoni li tista' tiġi imposta ma tkunx daqshekk serja.

[6]               Pavlenko vs Russia, Rikors nru 42371/02, sentenza tal-4 ta' Ottubru 2010, paragrafu 99.

[7]               Pereżempju, jekk awtorità ġudizzjarja tintalab biex teżegwixxi sentenza tal-qorti minn Stat Membru ieħor fejn l-istandards mhumiex adegwati, tista’ jew tirrifjuta li tagħmel dan, jew tista’ titlob tagħrif addizzjonali li jwassal biex l-eżekuzzjoni tiddewwem.

Top