Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013SC0236

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013

/* SWD/2013/0236 final */

52013SC0236

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 /* SWD/2013/0236 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013

1.           DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA

L-UE hija impenjata bis-sħiħ biex tikiseb l-għan tal-klima li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinzamm anqas minn 2 gradi Celsius ogħla mil-livelli preindustrijali. Għal dan l-għan, waħda mill-miri ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[1] huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) b'tal-anqas 20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 jew u bi 30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu favorevoli.[2]. Skont din il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija[3], is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu biex jinkiseb dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet, inklużi dawk tat-trasport marittimu u tal-avjazzjoni internazzjonali. It-trasport marittimu internazzjonali huwa l-uniku settur u mezz ta’ trasport li s’issa għad mhwiex kopert fil-livell tal-UE bil-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Minkejja t-titjib fl-effiċjenza enerġetika ta’ bastimenti, inkluż it-titjib tal-effiċjenza enerġetika introdotta bl-implimentazzjoni tal-Indiċi tal-Effiċjenza tal-Enerġija (Energy Efficiency Design Index/EEDI)[4], l-emissjonijiet tal-GHGs assoluti tal-UE mit-trasport marittimu mistennija jiżdiedu aktar. L-emissjonjiet ta' CO2 relatati mal-attivitajiet tat-trasport marittimu Ewropew (inklużi vjaġġi intra-UE, vjaġġi lejn l-UE u vjaġġi 'l barra mill-UE) mistennija jilħqu 210 Mt ta' CO2 fl-2020 (+8% meta mqabbla mal-2005), 223 Mt tas-CO2 fl-2030 (+15% meta mqabbla mal-2005) u 271 Mt ta' CO2 fl-2050 (+39% meta mqabbla mal-2005)[5].

L-emissjonijiet tal-GHGs mit-trasport marittimu huma relatati direttament mal-konsum tal-fjuwil u l-fjuwil jista' jirrappreżenta bejn 33 u 63 % tal-ispejjeż operazzjonali tal-bastiment[6]. Konsegwentement, iż-żieda kostanti fil-prezzijiet tal-fjuwil matul dawn l-aħħar snin kellha twassal biex jiġu adottati mezzi teknoloġiċi għal żieda fl-effiċjenza enerġetika ta’ bastimenti u fl-aħħar mill-aħħar għal tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta mqabbel ma’ xenarju ta' żamma tal-istatus quo.

Madankollu, ir-riċerka ta' dan l-aħħar[7] identifikat miżuri ta' tnaqqis tas-CO2 fis-settur tat-trasport marittimu li mhumiex qed jiġu implimentati. L-ispiża totali ta’ ħafna minn dawn il-miżuri hija negattiva – jiġifieri jagħtu aktar iffrankar fuq il-fjuwil milli l-ispejjeż tal-investiment meħtieġa. Dawn ma jiġux implimentati parzjalment minħabba l-ostakli tas-suq. L-ostakli ewlenin identifikati huma (i) nuqqas ta’ informazzjoni, (ii) inċentivi maqsuma u (iii) aċċess għall-finanzi. Konsegwentement, ukoll jekk il-prezz tal-fjuwil huwa fil-prinċipju l-mutur ewlieni biex jitħeġġeġ it-tnaqqis tal-emissjonijiet, ma jistax iwassal il-potenzjal sħiħ tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tat-trasport marittimu. Fl-istess ħin, kwalunkwe politika li twassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 twassal ukoll għal iffrankar sinifikanti.

Ukoll jekk jitneħħew l-ostakli tas-suq, l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mal-UE mit-trasport marittimu mistennija jiżdiedu. Tabilħaqq, il-kawża ewlenija wara ż-żieda fl-emissjonijiet ta' CO2 hija t-tkabbir tal-kummerċ dinji.

2.           Għanijiet

It-trasport marittimu internazzjonali huwa mistenni jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan deskritt fl-Istrateġija UE 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha. B'mod iktar preċiż, dan għandu jikseb il-mira speċifika, msemmija fil-White Paper dwar it-Trasport tal-Kummissjoni, ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE mill-fjuwils tal-bankers marittimi b’40 % (jekk fattibbli, 50 %) sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-2005.

Barra minn hekk, skont l-għanijiet tal-UE 2020, il-Kunsill Ewropew[8] identifika li l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima se tipprovdi opportunitajiet għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-bini ta’ għarfien espert fit-teknoloġiji ekoeffiċjenti. L-għanijiet ta’ politika għalhekk jippromwovu l-iżvilupp teknoloġiku, billi jappoġġaw innovazzjoni kontinwa fl-industriji tal-UE relatati mas-settur marittimu.

Barra minn hekk, minħabba n-natura globali tas-settur marittimu, ir-regolamentazzjoni internazzjonali hija dejjem ippreferuta. Għalhekk, għan speċifiku importanti ieħor tal-UE huwa li tiżviluppa politiki reġjonali li jistgħu jappoġġjaw il-proċess tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) jew/u li jistgħu jwettqu azzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi fi ħdan l-UE kif ukoll globalment.

3.           Analiżi tas-sussidjarjetà

L-azzjoni fil-livell tal-UE tista' tnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu globali. Fl-2010 l-emissjonijiet tas-CO2 relatati ma' vjaġġi minn u lejn portijiet tal-UE kienu jrrappreżentaw 180 Mt tas-CO2, jiġifieri madwar. 1/5 tal-emissjonjiet marittimi globali[9]. Dan ikopri vjaġġi intra-UE, vjaġġi mill-portijiet tal-UE lejn l-ewwel port ta' waqfien barra l-UE u vjaġġi mill-aħħar port ta' waqfien barra l-UE lejn l-ewwel port tal-UE.

L-azzjoni fil-livell tal-UE se tkun aktar effiċjenti mill-azzjoni fil-livell tal-Istat Membru minħabba d-dimensjoni Ewropea qawwija tal-bastimenti billi 90 % ta' waqfien f'portijiet tal-Istati Membri tal-UE huma minn bastimenti li jkunu ġejjin minn jew sejrin lejn port li jinsab fi Stat Membru ieħor tal-UE. Barra minn hekk, l-azzjoni fil-livell tal-UE tista’ tevita t-tfixkil tal-kompetizzjoni fis-suq intern billi tiżgura restrizzjonijiet ambjentali ugwali fuq bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-UE.

Finalment azzjoni fil-livell tal-UE se tiżgura li l-informazzjoni provduta dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra hija armonizzata fil-livell tal-UE, u b'hekk tikkontribwixxi għat-tneħħija tal-ostaklu tas-suq dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni.

4.           Alternattivi ta’ politika

4.1.        Għażla mill-alternattivi ta' politika

Billi proposta tal-UE għandha l-għan li tkun prekursur ta’ regolamentazzjoni internazzjonali, huwa importanti li nkomplu nibnu fuq l-alternattivi ta’ politika ppreżentati f’fora internazzjonali. L-alternattivi ta' politika vvalutati huma għalhekk mibnija fuq il-proposta eżistenti tal-OMI.

Fid-dawl ta’ żviluppi internazzjonali u għalkemm Din l-analiżi tħares lejn firxa ta’ miżuri li jinkludu MBMs, il-Viċi President Kallas u l-Kummissarju Hedegaard fl-1 ta’ Ottubru 2012 ħabbru approċċ fi stadji għall-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-UE. Dan l-ewwel pass se jkun il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport marittimu internazzjonali. Għaldaqstant, l-impatt tal-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 ġie kkunsidrat bħala miżura ta' politika indipendenti, minkejja l-fatt li din l-iskema hija prerekwiżit għal kwalunkwe alternattiva ta’ politika.

4.2.        Deskrizzjoni tal-alternattivi ta' politika vvalutati

4.2.1.     Alternattiva 1: Xenarju Bażi

Din l-alternattiva tikkunsidra biss politiki u strumenti legali eżistenti . Bħala konsegwenza, din l-alternattiva mistennija ma tneħħi l-ebda ostaklu tas-suq. Din l-alternattiva ma tikkunsidrax il-possibbiltà attwali għall-Istati Membri biex jinkludu attivitajiet jew installazzjonijiet (jiġifieri bastimenti jew portijiet) fl-ETS tal-UE, skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE. L-ebda Stat Membru ma uża din l-alternattiva s’issa.

4.2.2.     Alternattiva 2: Il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ibbażati fuq il-konsum tal-fjuwil

Il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika (MRV) tal-emissjonijiet ibbażati fuq il-konsum tal-fjuwil se jiżguraw informazzjoni preċiża dwar il-prestazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 ta’ bastiment. Għalhekk, din se tindirizza l-ostaklu tas-suq relatat man-nuqqas ta’ informazzjoni. Madankollu, din mhix se tindirizza l-fallimenti tas-suq assoċjati bil-qsim ta’ inċentivi u l-aċċess għall-finanzi. Skont din l-alternattiva, l-MRV isiru minn bastimenti, fuq il-bażi tal-konsum tagħhom tal-fjuwil. L-emissjonijiet tas-CO2 isiru pubblikament disponibbli bħala inċentiv għat-titjib fl-effiċjenza enerġetika.

4.2.3.     Alternattiva 3: Imposta fuq l-emissjonijiet

4.2.3.1.  Subalternattiva 3a: Imposta fuq il-bejgħ tal-fjuwil tal-banker

Din l-alternattiva hija bbażata fuq il-monitoraġġ , ir-rappurtar u l-verifika eżistenti tal-emissjonijiet ibbażati fuq bejgħ tal-fjuwil[10]. Ir-restrizzjoni fuq il-karbonju tiġi stabbilita permezz tal-pagament ta' kontribuzzjoni lil fond (f'EUR/tCO2). Kwalunkwe riċiklaġġ ta’ dħul se jkun taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiġbor l-imposta. Jekk dan ikun il-każ, dan id-dħul jista’ fit-teorija jiġi użat għat-tneħħija l-ostaklu tas-suq relatati mal-aċċess għall-finanzi.

4.2.3.2.  Subalternattiva 3b: Taxxa fuq l-emissjonijiet minn fjuwil ikkunsmat

Din l-alternattiva għandha tindirizza żewġ ostakli tas-suq: nuqqas ta’ informazzjoni u inċentivi maqsuma. Fil-prinċipju, id-dħul iġġenerat imur għall-baġit nazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu fit-teorija jistabbilixxu wkoll strumenti/interventi oħrajn sabiex ineħħu l-ostakli tas-suq fejn l-aċċess għall-finanzi huwa kkonċernat. F’dan il-każ biss, tista’ din l-alternattiva tindirizza l-ostakli tas-suq. L-MRV tal-emissjonijiet isiru minn bastimenti, fuq il-bażi tal-konsum tal-fjuwil (bħal fil-każ tal-Alternattiva 2). Ir-restrizzjoni fuq il-karbonju hija stabbilita permezz ta’ pagament ta’ taxxa dovuta għal kull tunnellata ta’ emissjonijiet tas-CO2 sabiex tinċentivizza t-tnaqqis tal-emissjonijiet.

4.2.3.3.  Is-Subalternattiva 3c: Fond ta’ kumpens ibbażat fuq il-kontribuzzjoni

Din l-alternattiva tindirizza l-ostakli tas-suq. L-MRV isiru minn bastimenti, fuq il-bażi tal-konsum tagħhom tal-fjuwil (bħal fil-każ tal-Alternattiva 2). Ir-restrizzjoni fuq il-karbonju hija stabbilit permezz ta’ pagament ta’ kontribuzzjoni voluntarja fissi (f’EUR/tunnellata ta’ CO2) sabiex tinċentivizza t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Hija prattika komuni fis-settur marittimu li jiġu stabbiliti fondi biex jiġu indirizzati l-problemi ambjentali. Jista’ jitwaqqaf fond pan-UE li jkun inkarigat bil-ġbir tal-kontribuzzjoni u r-riċiklar tad-dħul. Għandu jitwaqqaf prerekwiżit għal strument komplementari (eż. limiti tal-veloċità, eċċ.) sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni f’fond ta’ kumpens ibbażat fuq il-kontribuzzjoni bħala strument aktar attraenti għal bastimenti[11].

4.2.4.     Alternattiva 4: Skema għan-negozjar tal-emissjonijiet marittimi (ETS)

Is-subalternattivi kollha meqjusa fil-qafas tal-ETS għandhom jindirizzaw l-ostakli tas-suq relatati mad-disponibbiltà ta’ informazzjoni u mal-qsim ta’ inċentivi. Barra minn hekk, skema ETS bl-rkant tista’ tindirizza wkoll l-ostaklu tas-suq relatat mal-aċċess għall-finanzi, jekk strumenti/interventi adegwati huma stabbiliti sabiex jitneħħew dawn l-ostakli tas-suq. L-MRV tal-emissjonijiet isiru minn bastimenti, fuq il-bażi tal-konsum tal-fjuwil (bħal fil-każ tal-Alternattiva 2). Ir-restrizzjoni fuq il-karbonjucarbon hija stabbilita permezz tal-iffissar ta' mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.

Meta l-kwoti awtorizzati li għandhom jiġu ċeduti jkunu biss kwoti maħluqin ġodda għas-settur marittimu, is-sistema tissejjaħ sistema magħluqa. Mod ieħor, huwa meqjus bħala sistema miftuħa. Il-kwoti jistgħu ukoll jingħataw b’xejn jew jiġu rkantati. Dawn id-diversi subalternattivi huma meqjusa għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt.

4.2.5.     Alternattiva 5: Fond ta’ kumpens bbażat fuq il-mira

Din l-alternattiva tindirizza l-ostakli tas-suq kollha. L-MRV tal-emissjonijiet isiru minn bastimenti, fuq il-bażi tal-konsum tal-fjuwil (bħal fil-każ tal-Alternattiva 2). Il-flotta kollha għandha tikkonforma ma’ mira ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet. Għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt, il-mira hija preżunta li tkun stabbilita fl-istess livell ta’ sistema għan-negozjar tal-kwoti ta’ emissjonijiet (alternattiva 4). Il-konformità tiġi żgurata bl-obbligu ta' “fond ta’ kumpens”, li jirrappreżenta l-flotta kollha, li jċedu kumpensi lil awtorità kompetenti skont l-emissjonijiet fit-trasport marittimu rrappurtati għas-sena ta’ qabel. Dan il-“fond ta’ kumpens” jieħu r-responsabbiltà għall-emissjonijiet mill-bastimenti kollha li jidħlu f’portijiet tal-UE. Kull bastiment li jidħol f’port tal-UE irid ikun membru ta’ dan il-fond.

5.           Valutazzjoni tal-impatti

Ukoll jekk il-mira hija stabbilita sal-2050, minħabba l-inċertezzi tal-ekonomija globali fuq perjodu ta’ żmien aktar fit-tul sal-2030 tkun saret il-valutazzjoni ekonomika, ambjentali u soċjali.

5.1.        Impatti ambjentali

L-alternattivi kollha analizzati, ħlief l-alternattiva ta' bażi, se jwasslu għal tnaqqis tal-emissjonijiet (tabella 1 hawn taħt).

Tabella 1: Tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030

|| Emissjonijiet sal-2030 (Mt tas-CO2) || Meta mqabbla max-xenarju bażi || Tnaqqis kumulattiv tal-emissjonijiet sal-2030 (Mt tas-CO2)

Alternattiva 1 – Xenarju bażi || 223.0 || - || -

Alternattiva 2 — Monitoraġġ fuq il-bażi tal-konsum tal-fjuwil || 218.5 || -2 % || 55.9

Alternattiva 3 — Imposta fuq l-emissjonijiet || || ||

3a - Imposta fuq il-bejgħ tal-fjuwil || 217.0 || -3 % || 40.1

3b - Taxxa fuq l-emissjonijiet mill-fjwuil ikkunsmat || 186.8 || -16 % || 335.4

3c - Fond ta' kumpens ibbażat fuq il-kontribuzzjoni || 186.8 || -16 % || 335.4

Alternattiva 4 – ETS marittima || || ||

ETS magħluqa || 175.7 || -21 % || 377.1

ETS miftuħa b’allokazzjoni b'xejn || 186.7 || -16 % || 333.8

ETS miftuħa bl-irkant sħiħ || 186.8 || -16 % || 336.3

Alternattiva 5 – Fond ta’ kumpens ibbażat fuq il-mira || 186.8 || -16 % || 336.3

Sors: Ricardo-AEA Technology u oħrajn, 2012

It-tnaqqis tal-emissjonijiet imwassal permezz tal-ETS magħluqa (l-alternattiva 4a) huwa konsistenti mal-mira tal-White Paper dwar it-Trasport tal-Kummissjoni. It-tnaqqis tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-alternattivi tal-ETS miftuħa (4b u 4c) u mill-fond ta’ kumpens bbażat fuq il-mira (alternattiva 5) jistgħu jkunu wkoll konsistenti mal-mira tal-White Paper dwar it-trasport tal-Kummissjoni, jekk is-sidien tal-bastimenti u l-operaturi tal-bastimenti jkunu qed jixtru tnaqqis tal-emissjonijiet barra mis-settur li huma fornuti minn sistema ta’ negozjar ta’ emissjonijiet fejn l-emissjonijiet huma limitati. L-alternattivi l-oħra kollha ma jwasslux għal tnaqqis tal-emissjonijiet konsistenti mal-mira tal-White Paper dwar it-Trasport tal-Kummissjoni.

5.2.        Impatti ekonomiċi

L-alternattivi ta’ politika kollha analizzati li mhumiex skont ix-xenarju bażi se jwasslu għal iffrankar tal-fjuwil sinifikanti. Minbarra l-monitoraġġ fuq il-bażi tal-konsum tal-fjuwil, l-alternattivi ta’ politika għandhom jirriżultaw f’kapital addizzjonali żgħir u fi spejjeż operazzjonali. Ħlief għall-imposta fuq il-bejgħ tal-fjuwil tal-banker, dawn l-ispejjeż addizzjonali huma kkumpensati bit-tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż tal-fjuwil li jwassal għal iffrankar nett totali li jilħaq EUR 52 biljun sal-2030 għas-settur[12].

Tabella 2: Spejjeż addizzjonali tal-alternattivi ta’ politika mqabbla max-xenarju bażi, sal-2030, ir-rata ta’ skont privat (10 %), iċ-ċifri negattivi jesprimu l-iffrankar tal-ispejjeż

Spejjeż addizzjonali mqabbla max-xenarju bażi sal-2030 || Spiża kapitali || Spejjeż operazzjonali (esklużi l-ispejjeż tal-fjuwil) || Spejjeż tal-fjuwil; || Spejjeż tal-karbonju || Spiża totali

Il-monitoraġġ ibbażat fuq il-fjuwil ikkunsmat || Valur (f'EUR bn) || - || +0.6 || -9.4 || - || -8.8

Perċentwali || - || +0.3 % || -2.0 % || - || -0.6 %

Imposta fuq il-bejgħ tal-fjuwil tal-banker || Valur (f'EUR bn) || +2.5 || +1.6 || -4.8 || +66.7 || +66.0

Perċentwali || +0.4 % || +0.5 % || -0.8 % || - || +4.5 %

Taxxa fuq l-emissjonijiet || Valur (f'EUR bn) || +2.9 || +0.03 || -55.9 || +26.1 || -26.9

Perċentwali || +0.5 % || +0.01 % || -9.6 % || - || -1.8 %

Fond ta’ kumpens ibbażat fuq il-kontribuzzjoni || Valur (f'EUR bn) || +2.9 || +0.03 || -55.9 || +26.1 || -26.9

Perċentwali || +0.5 % || +0.01 % || -9.6 % || - || -1.8 %

ETS magħluqa || Valur (f'EUR bn) || +8.4 || +0.07 || -55.8 || - || -47.3

Perċentwali || +1.4 % || +0.02 % || -9.6 % || - || -3.3 %

ETS miftuħa b’allokazzjonijiet b'xejn || Valur (f'EUR bn) || +2.8 || +0.12 || -55.6 || +0.7 || -52.0

Perċentwali || +0.4 % || +0.04 % || -9.5 % || - || -3.6 %

ETS miftuħa bl-irkant sħiħ || Valur (f'EUR bn) || +3.0 || +0.01 || -56.0 || +30.4 || -22.6

Perċentwali || +0.5 % || +0.003 % || -9.6 % || - || -1.5 %

Fond ta’ kumpens bbażat fuq il-mira || Valur (f'EUR bn) || +3.0 || +0.01 || -56.0 || +30.4 || -22.6

Perċentwali || +0.5 % || +0.003 % || -9.6 % || - || -1.5 %

Sors: Ricardo-AEA Technology u oħrajn, 2012

Il-piż amministrattiv fuq l-operaturi tal-bastimenti u s-sidien tal-bastimenti huwa baxx ħafna (inqas minn 1 % tal-ispejjeż operazzjonali annwali) indipendentement mill-alternattiva analizzata.

Il-moviment liberu tal-oġġetti x’aktarx li ma jiġix affettwat. L-immudellar juri li l-ebda alternattiva ta' politika ma twassal għal tnaqqis tal-volum ta’ oġġetti fil-kummerċ ġewwa u barra l-UE. Żieda fir-rati tal-imposti fuq il-merkanzija huwa improbabbli, iżda tista’ sseħħ fuq rotot speċifiċi. Madankollu, il-valutazzjoni ta’ ħdax-il komodità rappreżentattiva ħafna (li jirrappreżentaw 58 % tal-importazzjonijiet tal-UE għall-2010 fil-valur) turi li l-prezzijiet tagħhom mhumiex affettwati biż-żieda possibbli ta’ rati tal-imposti fuq il-merkanzija. Għalhekk, ma hu mistenni l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ekonomija tal-UE.

L-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi huma mistennija li jkunu pjuttost baxxi (anqas minn EUR 8 miljun fis-sena għas-27 Stat Membru). Dawn l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu jekk xi awtorità kompetenti ċentrali tal-UE hija responsabbli u biss jekk il-bastimenti b’aktar minn 5000 TG huma koperti mir-Regolament.

5.3.        Impatti soċjali

Il-monitoraġġ ibbażat fuq fjuwil ikkunsmat (alternattiva 2) mhux mistenni li jwassal għal impatti soċjali addizzjonali għax-xenarju bażi, filwaqt li l-imposta fuq il-bejgħ tal-fjuwil tal-banker (alternattiva 3a) tista' twassal għall-għeluq ta’ ċerti fornituri tal-fjuwil tal-banker fl-UE, għaliex il-bejgħ jista’ jitnaqqas sa 90 %. L-alternattivi l-oħra kollha ma għandhomx iwasslu għal telf ta’ impjiegi, iżda għal żieda jew tnaqqis żgħir fl-impjiegi meta mqabbel mal-linja bażi.

Billi l-alternattivi kollha jwasslu għal tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil tal-banker u konsegwentement għal tnaqqis ta' NOX, SOX u PM, jistgħu jkunu mistennija impatti pożittivi sinifikanti fuq is-saħħa.

6.           Tqabbil tal-alternattvi

Wara li tqiesu l-linji gwida għall-valutazzjoni tal-impatt u d-9 prinċipji tal-OMI għat-tfassil ta’ miżuri bbażati fuq is-suq, ġew żviluppati il-kriterji li ġejjin għat-tqabbil tal-alternattvi: l-abbiltà li jitneħħew ostakli tas-suq, l-effettività ambjentali, il-vulnerabbiltà (esponiment għas-sustanzi/riskju ta’ evażjoni), eżegwibbiltà, il-kompetittività marittima, il-kompetittività tal-UE, is-stimolu tal-azzjonijiet minn oħrajn, inkluża l-OMI u l-konsistenza mal-politiki tal-UE relatati.

Bħala konklużjoni u skont l-approċċ gradwali proposta mill-Viċi President Kallas u l-Kummissarju Hedegaard, il-monitoraġġ tal-fjuwil ikkunsmat (alternattiva 2) għandu jitqies bħala l-alternattiva li tkun l-ewwel pass meħtieġ għal alternattivita’ politika oħrajn li jwasslu għal benefiċċji aktar sostanzjali f’termini ta’ impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

Għall-passi li jmiss wara l-implimentazzjoni tal-monitoraġġ u r-rappurtar, huwa ċar li imposta fuq bejgħ ta’ fjuwil tal-banker (alternattiva 3a) mhijiex xierqa għal miżura reġjonali minħabba l-ispejjeż sinifikanti assoċjati, l-impatt soċjali u r-riskju ta’ evażjoni. L-alternattivi ta’ politika l-oħra jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-problema[13] u jiksbu l-għan ambjentali, għalkemm li sa livell differenti. Kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tittieħed dwar miżuri bbażati fuq is-suq għandhom jiġu allinjati mal-alternattiva li toħroġ mid-deliberazzjonijiet rilevanti tal-OMI.

7.           MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

L-indikaturi ewlenin għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress li sar lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu huma relatati mal-emissjonijiet tad-CO2 mit-trasport marittimu. Indikaturi oħra se jiġu kkunsidrati wkoll biex jiġi evalwat l-impatt globali tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

[1]               COM(2011) 21 finali: http://ec.europa.eu/resource-efficient-europe

[2]               COM(2010) 2020, 3.3.2010

[3]               Deċiżjoni Nru 406/2009/KE dwar il-qsim tal-isforz, premessa 2 u d-Direttiva 2009/29/KE tal-ETS tal-UE, premessa 3

[4]               L-EEDI adottat mill-OMI f’Lulju 2011 jistabbilixxi standards tekniċi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika ta’ ċerti kategoriji ta’ bastimenti ġodda.

[5]               Ricardo-AEA Technology u oħrajn, 2013

[6]               Ricardo-AEA Technology u oħrajn, 2013

[7]               L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) 2009, CE Delft 2009, Det Norske Veritas (DNV) 2010

[8]               Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (is-17 ta’ Ġunju 2010), EUCO 13/10

[9]               Ibbażat fuq iċ-ċifri għall-2007.

[10]             Il-bejgħ tal-fjuwils tal-banker huwa rrappurtat mill-fornituri tal-fjuwil tal-banker għal raġunijiet ta’ tassazzjoni

[11]             Dan il-mekkaniżmu għandu jkun imfassal b’tali mod li l-fond ta’ kumpens ibbażat fuq il-kontribuzzjoni jibqa' fil-prattika l-istrument ewlieni.

[12]             Ricardo-AEA Technology u oħrajn, 2013

[13]             Għat-taxxa fuq l-emissjonijiet (alternattiva 2), l-ostakli tas-suq jistgħu jitneħħew biss li kieku l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu strumenti li jneħħu l-ostaklu tas-suq relatat mal-aċċess għall-finanzi.

Top