EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013SC0191

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010

/* SWD/2013/0191 final */

52013SC0191

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 /* SWD/2013/0191 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010

RIMARKA PRELIMINARI

Fi Frar 2013 ġiet ippreżentata lill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (BVI) verżjoni ġdida tal-Valutazzjoni tal-Impatt (VI) ta’ Copernicus, li taġġorna l-verżjoni ppreżentata qabel sabiex takkumpanja d-dokument dwar il-Futur tal-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES). Din is-sottomissjoni mill-ġdid tikkunsidra d-deċiżjoni riċenti tal-Kunsill dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (MFF) u b’hekk iffukat fuq l-aħjar mod sabiex jintuża l-baġit allokat għal Copernicus. Hija bniet fuq l-analiżijiet li saru qabel tal-kostijiet u l-benefiċċji, inkorporat ir-riżultati ta’ studji ġodda li saru fl-2012 u fl-2013 u kkunsidrat l-opzjonijiet ta’ politika illustrati mill-merti relattivi tal-varjazzjoni tat-tqassim tal-baġit propost partikolari għall-komponenti spazjali, fil-post u tas-servizzi. Id-dokument li qiegħed jiċċirkola bħalissa jirrifletti l-aġġustamenti fil-Valutazzjoni tal-Impatt li jsegwu l-kummenti addizzjonali li rċieva l-BVI.

PROBLEMA SOTTOSTANTI LI TRID TIĠI INDIRIZZATA MILL-GMES/COPERNICUS

– Servizzi eżistenti insuffiċjenti għall-osservazzjoni tad-dinja

Fl-aħħar 30 sena, saru sforzi sostanzjali ta’ riċerka u żvilupp mill-UE, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Istati Membri rispettivi tagħhom fil-qasam tal-Osservazzjoni tad-Dinja, bil-għan li jiġu żviluppati l-infrastruttura u servizzi ta’ Osservazzjoni tad-Dinja preoperattivi. Madankollu, ħafna mis-servizzi eżistenti ta’ Osservazzjoni tad-Dinja fl-Ewropa huma inadegwati minħabba lakuni fl-infrastruttura u nuqqas ta’ garanziji dwar id-disponibbiltà tagħhom fuq perjodu fit-tul. Copernicus huwa maħsub biex jindirizza din id-dgħufija.

Investimenti ekonomiċi f’riskju

Sal-lum, l-investiment totali magħmul mill-UE, l-ESA u l-Istati Membri tagħha jammonta għal aktar minn EUR 3,000 miljun. Dan l-investiment kbir jitlob li Copernicus jiġi sostnut fuq perjodu fit-tul, inkella l-biċċa l-kbira tal-investiment li saru fl-imgħoddi jintilfu, bir-riskju addizzjonali li jiġu mfixkla l-kapaċitajiet nazzjonali li jżommu l-investiment tagħhom fl-attivitajiet ta’ osservazzjoni spazjali tad-dinja billi d-dimensjoni tal-UE ma tibqax tipprovdi qafas politiku u programmatiku. Għalhekk, huwa probabbli li s-sitwazzjoni kieku tmur lura għal attivitajiet spazjali frammentati u mhux ikkoordinati, bir-riżultat li jibqgħu lakuni, eċċessi mhux solvuti u nuqqas ta’ ekonomiji ta’ skala, kif kien hemm qabel il-ħolqien tal-GMES.

Dan ir-riskju ta’ diskontinwità jirrappreżenta tħassib kbir mhux biss għall-utenti finali bħall-awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll għall-fornituri ta’ servizzi downstream, billi dawn mhumiex probabbli li jinvestu b’mod sinifikanti fi swieq riskjużi mhux maturi u se jiffaċċjaw diffikultajiet addizzjonali biex iżidu l-kapital. Ir-Regolament dwar GIO (l-Operazzjoni Inizjali tal-GMES) se jibqa’ validu sal-aħħar tal-2013. Sadanittant il-Kunsill Ewropew ippropona baġit ġdid għall-GMES, li se jidħol fil-fażi operattiva tiegħu mill-bidu tal-2014 taħt l-isem il-ġdid ta’ Copernicus. Dawn il-bidliet jeħtieġu Regolament li se jipproponi deċiżjonijiet, fost l-oħrajn, dwar il-kwistjonijiet tal-governanza tal-programm, tas-sjieda tal-infrastruttura u tat-tqassim tal-baġit bejn il-komponenti differenti. Barra minn hekk, ġie ppreparat Att Iddelegat dwar il-Politika tad-Dejta u l-Informazzjoni ta’ Copernicus, applikabbli għall-fażi operattiva, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ aċċess sħiħ, liberu u mingħajr ħlas għad-dejta u l-informazzjoni prodotta mill-programm Copernicus. Huwa kruċjali li dan it-‘titjib’ fil-programm jirriżulta fi tranżizzjoni bla xkiel għall-fażi operattiva l-ġdida, speċjalment mill-perspettiva tal-utenti eżistenti u potenzjali, bl-ogħla livell ta’ kontinwità u t-tqassim effiċjenti tal-baġit, kif ukoll għażliet ta’ governanza effiċjenti. Il-paragrafi li ġejjin jissottolinjaw ir-raġunijiet għaliex dawn l-għażliet huma partikolarment sinifikanti, sensittivi jew urġenti.

Potenzjal ta’ innovazzjoni

Wieħed mill-punti fundamentali tal-politika tal-UE huwa li l-inizjattivi ta’ Riċerka u Żvilupp iffinanzjati mill-UE jiġu tradotti f’innovazzjoni. Għalhekk il-potenzjal li tiġi liberata l-kapaċità ta’ innovazzjoni marbuta ma’ Copernicus, li hija prinċipalment innovazzjoni relatata ma’ servizz, huwa assolutament vitali sabiex l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp jiġi tradott f’benefiċċji tanġibbli bħall-potenzjal tassew reali għal tkabbir ekonomiku sinifikanti u impjiegi, kif juri l-mudell ta’ Analiżi tal-Impatt deskritt aktar ’l isfel.

Awtonomija

Copernicus jagħti lill-UE kapaċità awtonoma li mingħajrha jkollha tiddependi fuq sorsi mhux ikkoordinati mill-Istati Membri tagħha u fuq satelliti u sorsi ta’ informazzjoni mhux Ewropej (eż. tal-Istati Uniti), għall-implimentazzjoni tal-politiki tagħha.

Impjiegi

Is-sistemi tal-applikazzjonijiet bis-satellita huma s-sors prinċipali ta’ introjtu għall-industrija spazjali Ewropea bl-Osservazzjoni tad-Dinja tkun wieħed miż-żewġ segmenti l-aktar sinifikanti f’termini ta’ introjtu, li attwalment jammonta għal madwar 30% tal-introjtu totali għall-industrija spazjali Ewropea. Studji riċenti analizzaw l-impatt tad-disponibbiltà tad-dejta ta’ Copernicus fuq l-iżvilupp tas-swieq downstream u żiedu ċ-ċifri tal-impjiegi fis-settur downstream maċ-ċifri tal-iżvilupp tal-impjiegi fis-setturi (upstream) relatati mal-ispazju.

Min huma l-iżjed gruppi affettwati?

Il-komunità tal-utenti ta’ Copernicus hija kbira u diversa, u tvarja minn partijiet interessati internazzjonali saċ-ċittadini Ewropej. Il-gruppi l-iżjed affettwati jinkludu:

– Fuq livell Ewropew, is-Servizzi tal-Kummissjoni. Ħafna DĠ diġà qegħdin jużaw jew qed jippjanaw li jużaw prodotti ta’ Copernicus (ECHO, ENV, AGRI, MOVE, MARE, REGIO u CLIMA). L-Aġenziji tal-UE wkoll huma utenti u atturi importanti (EEA, EMSA, FRONTEX, EUSC), kif ukoll is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), aġenziji intergovernattivi Ewropej (ECMWF, EUMETSAT, EDA, ESA), u programmi, assoċjazzjonijiet u netwerks Ewropej (EMEP, EUMETNET, Eurogeographic, Eurogeosurvey, OSPAR, HELCOM).

– Fuq livell internazzjonali, Copernicus qed jiżviluppa relazzjonijiet ma’ sħab tal-GEO, aġenziji tan-NU u programmi internazzjonali ta’ riċerka;

– Awtoritajiet Nazzjonali bħall-Ministeri tal-Ambjent, it-Trasport, l-Intern, l-Agrikoltura, l-Enerġija, is-Sajd, il-Ġestjoni tal-Art, l-Affarijiet Marittimi, u Awtoritajiet Pubbliċi Lokali, iżda wkoll entitajiet speċifiċi bħall-Awtoritajiet tal-Protezzjoni Ċivili u l-Aġenziji għall-Kontroll tar-Riskju.

– Firxa wiesgħa ta’ utenti fil-qafas tal-industrija (is-settur tal-manifattura spazjali u l-operazzjonijiet relatati, il-forniment ta’ servizzi, is-settur tal-produzzjoni u tat-tixrid tad-dejta, l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ valur miżjud fis-settur downstream), u fl-aħħar nett iċ-ċittadini Ewropej li se jużaw il-prodotti finali.

OBJETTIVI

Objettivi ġenerali

L-objettivi ġenerali tad-definizzjoni, il-finanzjament, l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ Copernicus, programm operattiv ta' attivitajiet fit-tul, kif deskritt fir-Regolament propost dwar l-istabbiliment tal-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus) huma li jiġu indirizzati attivament il-problemi deskritti aktar ’il fuq.

· Is-servizzi ta’ Copernicus għandhom l-għan li jippermettu lil dawk li jfasslu l-politika pubblika b’mod partikolari sabiex:

· iħejju leġislazzjoni nazzjonali, Ewropea u internazzjonali, pereżempju fil-qasam tal-kwistjonijiet ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima,

· jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ din il-leġislazzjoni

· jaċċessaw informazzjoni komprensiva u preċiża dwar kwistjonijiet relatati mas-sikurezza u s-sigurtà (eż. għas-sorveljanza tal-fruntieri, attivitajiet tal-protezzjoni ċivili, eċċ.).

Objettivi operattivi ta’ politika

Il-bidla minn fażi ta’ riċerka għal fażi operattiva teħtieġ id-definizzjoni tat-tqassim tal-baġit u konsiderazzjoni mill-ġdid tal-istruttura ta’ governanza bl-aktar mod kosteffikaċi. Ir-raġunijiet huma diversi: il-proġetti ta’ riċerka huma iżgħar f’termini ta’ baġit u objettivi, huma ta’ żmien limitat u maħsuba bħala prototipi ta’ kif tista’ tidher l-istruttura sħiħa ta’ Copernicus; barra minn hekk, ħafna drabi jiġu mmaniġġjati b’mod konġunt minn servizzi differenti tal-Kummissjoni u mis-sħab speċifiċi approvati. It-tqassim magħżul tal-baġit isegwi l-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji miġbura fil-qosor fil-VI; il-qafas ta’ governanza jrid jassigura ġestjoni u implimentazzjoni tajba tal-proġett, jiffaċċja d-daqs limitat tal-Unità ta’ Copernicus u jisfrutta l-kapaċitajiet diġà eżistenti barra mill-KE.

Rilevanza għal politiki oħra tal-UE

Copernicus se jwassal informazzjoni lil dawk li jfasslu l-politika, lill-awtoritajiet pubbliċi, lin-negozji u liċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk Copernicus għandu l-potenzjal li jappoġġja l-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet rilevanti kollha tal-Unjoni, fejn il-fehim tal-mod kif il-bidliet ambjentali jaffettwaw il-pjaneta tagħna huwa importanti ħafna. Jeżistu bosta eżempji tal-kontribut ta’ Copernicus lejn il-politiki tal-UE f’oqsma bħal (kif dettaljati fir-Rapport dwar il-VI): il-politiki dwar il-Kooperazzjoni internazzjonali, il-politika tat-Trasport, il-politiki Ambjentali, l-Għajnuna umanitarja, l-Enerġija, il-politika Reġjonali, il-politika dwar it-Tibdil fil-klima, l-Affarijiet interni u s-sigurtà, il-politiki relatati mal-Agrikoltura u l-Baħar.

OPZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-Valutazzjoni tal-Impatt tanalizza żewġ settijiet differenti ta’ opzjonijiet: opzjonijiet dwar it-tqassim tal-baġit u opzjonijiet dwar il-governanza.

A. Opzjonijiet dwar it-tqassim tal-baġit

Minħabba l-ammont ta’ finanzjament deċiż mill-Kunsill Ewropew għall-programm Copernicus, it-tliet xenarji (opzjonijiet) deskritti f’din it-taqsima jeżaminaw l-effetti tal-varjazzjoni tal-ammont allokat għat-tliet komponenti prinċipali: l-infrastruttura spazjali, il-kontribuzzjoni għall-infrastruttura fil-post u l-finanzjament tas-Servizzi. L-analiżi tenfasizza l-għażla ta’ kompromess bejn l-investimenti fl-infrastruttura spazjali u s-servizzi, filwaqt li n-nefqa fil-post tibqa' stabbli, minħabba n-natura inerenti ta’ dan il-komponent (li jiddependi prinċipalment fuq investimenti nazzjonali). Sabiex l-analiżi tkun paragunabbli ma’ studji preċedenti, l-impatti huma akkumulati sal-2030 b’suppożizzjoni nozzjonali (konsistenti ma’ dawk l-istudji) għal livell ta’ finanzjament lil hinn mill-MFF 2014-2020.

A.1 Metodoloġija

L-analiżi prinċipali mwettqa fl-2013 b’appoġġ għal din il-Valutazzjoni tal-Impatt tibni fuq żewġ studji preċedenti (imsemmija u miġbura fil-qosor fil-VI). Sabiex jirfina l-analiżijiet preċedenti, l-istudju tal-2013 eżamina l-iskala tal-benefiċċji meta mqabbla mal-livell ta’ tqassim tal-fondi bejn il-komponenti Spazjali u tas-Servizzi. Dan jippermetti t-tqabbil ta’ diversi xenarji li kollha jaqsmu l-istess pakkett baġitarju.

A.2 Deskrizzjoni tal-opzjonijiet

L-Analiżi tal-Impatt ikkunsidrat tliet opzjonijiet/xenarji kif ġej.

I – Xenarju għall-Forniment ta’ Servizz li fih sehem relattivament kbir mill-baġit disponibbli jintuża sabiex jiffinanzja l-forniment ta’ servizzi filwaqt li xorta jippermetti livell ta’ finanzjament għall-komponent Spazjali f’konformità ma’ studji preċedenti. Dan ix-xenarju jipprova jgħaqqad flimkien l-investiment minimu fl-infrastruttura spazjali mal-allokazzjoni massima possibbli u prattika għas-servizzi.

II – Xenarju Intermedju fejn l-investiment fil-komponent Spazjali jiżdied, filwaqt li l-komponent tas-Servizzi jitnaqqas b’mod proporzjonali.

III – Xenarju Mmexxi mit-teknoloġija li jipprevedi l-akbar investiment possibbli fil-komponent Spazjali filwaqt li l-komponent tas-Servizzi jitnaqqas għall-minimu neċessarju.

A.3 Analiżi tal-impatti

Is-suppożizzjonijiet tat-tqassim tal-baġit, l-impatti finanzjarji u l-impatt fuq l-impjiegi, għal kull xenarju, huma ppreżentati fit-tabelli ta’ hawn taħt:

|| || I - Xenarju għall-Forniment ta’ Servizz || II - Xenarju Intermedju || III – Xenarju Mmexxi mit-Teknoloġija || Total

|| || Spazju || Fil-post || Servizzi || Spazju || -Fil-post || Servizzi || Spazju || -Fil-post || Servizzi || € M

TOTAL  (2014-2030) || € Miljuni || 400 || 22 || 119 || 422 || 22 || 97 || 438 || 22 || 81 || 541

% || 74% || 4% || 22% || 78% || 4% || 18% || 81% || 4% || 15% ||

Tqassim tal-baġit skont ix-xenarju (Medji Annwali 2014 -2030)

|| || || I - Xenarju għall-Forniment ta’ Servizz || II – Xenarju Intermedju || III – Xenarju Mmexxi mit-Teknoloġija

2014-2020 || Benefiċċji Kumulattivi || € Bn || 6,3 || 6,1 || 5,9

2021-2030 || Benefiċċji Kumulattivi || 23,0 || 22,1 || 20,8

TOTAL (2014-2030) || Benefiċċji Kumulattivi || 29,4 || 28,2 || 26,7

Impatt Downstream fl-2030 || 1,03 || 0,98 || 0,95

Kontribuzzjoni integrata għall-PDG Ewropew || % || 0,164% || 0,157% || 0,149%

BCR Integrat || : || 3,30 || 3,17 || 3,01

Simulazzjoni Integrata tal-Impatt Skont ix-Xenarju (Mhux skontat)

|| || I - Xenarju għall-Forniment ta’ Servizz || II – Xenarju Intermedju || III – Xenarju Mmexxi mit-Teknoloġija

|| || DE || IE || T || DE || IE || T || DE || IE || T

|| || Numru ta’ impjiegi maħluqa / miżmuma sal-2030

TOTAL (2014-2030) || US || 2.030 || 5.270 || 7.300 || 2.140 || 5.550 || 7.690 || 2.220 || 5.770 || 7.980

MS || 710 || 1.830 || 2.540 || 680 || 1.750 || 2.420 || 650 || 1.690 || 2.340

DS || 9.170 || 29.340 || 38.510 || 8.710 || 27.850 || 36.550 || 8.460 || 27.070 || 35.530

T || 11.900 || 36.440 || 48.330 || 11.510 || 35.150 || 46.650 || 11.330 || 34.520 || 45.840

Impatt fuq l-Impjiegi skont ix-Xenarju (Numru ta’ impjiegi maħluqa / miżmuma sal-2030)

(US=Upstream, MS=Midstream, DS=Downstream, DE=Impjiegi Diretti, IE=Impjiegi Indiretti) A.4 Potenzjal għal żieda dinamika fuq l-impatti

Sabiex tiġi kumplimentata l-analiżi ta’ hawn fuq, ġie żviluppat l-hekk imsejjaħ mudell FeliX, mudell tad-dinamiċi tas-sistema u simulatur tal-benefiċċji, li jikkunsidra r-relazzjonijiet kumplessi bejn is-sistemi naturali u s-sistemi soċjoekonomiċi. Il-mudell ibassar benefiċċji konsiderevolment akbar (~8 darbiet, fuq terminu twil) mill-projezzjonijiet ‘statiċi’ tal-benefiċċji tal-istudju preżenti. Dan huwa dovut għall-kamp ta’ applikazzjoni mkabbar tal-approċċ Felix u s-suppożizzjonijiet wiesgħa tiegħu tal-infrastruttura sottostanti (jiġifieri l-GEOSS, li għaliha Copernicus huwa mistenni li jikkostitwixxi l-kontribuzzjoni ewlenija tal-UE). It-tqabbil mal-output ta’ FeliX iservi sabiex jissottolinja l-potenzjal qawwi għal benefiċċji ta’ daqsijiet akbar meta Copernicus jitqies bħala parti minn sistema ta’ sistemi aktar wiesgħa.

A.5 Konklużjoni

L-Analiżi tal-Kostijiet u l-Benefiċċji msemmija hawn fuq turi li fil-baġit previst mill-Kunsill Ewropew, ix-Xenarju I (Xenarju għall-Forniment ta’ Servizz) ikollu l-iżjed benefiċċji u għalhekk ikun l-iżjed xenarju kosteffikaċi.

B. Opzjonijiet dwar il-governanza

· L-objettiv għall-governanza huwa li jiġi assigurat li l-aspetti kollha mis-superviżjoni tal-politika sal-implimentazzjoni teknika jitwettqu b’mod ċar minn organizzazzjonijiet b’mandat xieraq:

– Is-superviżjoni u l-koordinazzjoni ġenerali tal-politika tikkonsisti fid-definizzjoni tal-politika, l-orjentazzjonijiet u l-kontenut ta’ livell għoli tal-programm, ir-rekwiżiti assoċjati tal-baġit, il-prinċipji organizzattivi u arkitettoniċi prinċipali, u l-linji gwida ġenerali għall-implimentazzjoni tal-programm.

– Ġestjoni: l-awtorità maniġerjali ssegwi l-prinċipji ġenerali u hija responsabbli mill-ġestjoni tal-baġits għall-implimentazzjoni tal-kompiti. Hija tipprepara u timplimenta l-programmi ta’ ħidma u tissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom. Din hija responsabbli mill-preparazzjoni tal-arranġamenti amministrattivi għall-entitajiet li se jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni teknika tal-kompiti;

– Koordinazzjoni teknika: ġeneralment titwettaq mill-awtorità maniġerjali, iżda f’xi każijiet, xi kompiti jistgħu jiġu ddelegati lil korp ieħor, eż. il-preparazzjoni ta’ kuntratti u SLAs, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, il-konsolidament tar-rekwiżiti tal-utenti u tas-servizzi.

– L-implimentazzjoni teknika ssir mill-entitajiet operatorji responsabbli minn kompiti speċifiċi (kostruzzjoni ta’ satelliti, konsenja ta’ servizzi).

· Il-Kummissjoni Ewropea għandha tibqa’ politikament responsabbli għall-opzjonijiet kollha possibbli. Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni teknika tas-servizzi trid, minn naħa, tikkunsidra l-esperjenzi imprezzabbli miksuba matul il-fażijiet tal-Operazzjonijiet Inizjali tal-GMES (u aktar bikrija) filwaqt li, min-naħa l-oħra, tirrispetta l-prinċipji tal-kompetizzjoni miftuħa. Dan l-aħħar tħassib, li probabbilment se jiġi indirizzat permezz ta’ proċess kompetittiv, għandu xorta waħda jikkunsidra l-kompetizzjoni miftuħa li fuqha kien ibbażat l-għoti tas-servizzi prekursuri ffinanzjati mill-FP7 kif ukoll li jassigura li l-prinċipji tal-kompetizzjoni miftuħa jiġu mħaddna mill-entitajiet ta’ koordinazzjoni tas-servizzi permezz tal-għażla tas-sħab.

It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor l-analiżi ta’ xi opzjonijiet ta’ governanza tal-programm.

Opzjoni || Deskrizzjoni || Kummenti

Il-Kummissjoni responsabbli mill-koordinazzjoni u l-ġestjoni ġenerali || Il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli mis-superviżjoni u l-koordinazzjoni ġenerali tal-programm, inkluża l-ġestjoni tal-kompiti u l-baġit. Il-koordinazzjoni teknika tal-infrastruttura spazjali tiġi esternalizzata lil korpi kompetenti, l-istess bħar-responsabbiltà għall-implimentazzjoni teknika tas-servizzi. ||  Din l-opzjoni tippreserva l-istruttura preżenti. Bl-esternalizzazzjoni tal-kompiti, l-impatt fuq ir-riżorsi tal-UE jkun wieħed limitat. Il-Kummissjoni tibqa’ involuta fil-ġestjoni diretta tal-programm, inkluża l-implimentazzjoni tal-baġit, filwaqt li tikkonċentra fuq il-kompitu ewlieni tagħha, jiġifieri s-superviżjoni politika tal-programm.

Delegazzjoni tal-ġestjoni lil Aġenzija Ewropea eżistenti || Il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli mill-koordinazzjoni ġenerali u s-superviżjoni politika tal-programm iżda mhux mill-ġestjoni tiegħu. Attivitajiet, bħall-implimentazzjoni tal-baġit, jiġu ddelegati lil Aġenzija esterna. Il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli mir-relazzjonijiet mas-sħab u l-utenti u jkollha rwol politiku ta’ superviżjoni u koordinazzjoni. Il-ġestjoni ta’ kuljum tkun fdata lil Aġenzija aktar adatta għal dan ir-rwol b’persunal aktar speċjalizzat, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni. || Din l-opzjoni hija konformi b’mod sħiħ mal-prinċipju tas-separazzjoni bejn is-superviżjoni u l-ġestjoni. Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu effiċjenzi operattivi jekk isiru sinerġiji ma’ programmi oħra. Id-delegazzjoni tal-kompiti lil Aġenzija xorta jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-UE.

Delegazzjoni tal-koordinazzjoni u tal-ġestjoni lill-Aġenzija Spazjali Ewropea || Il-Kummissjoni ma tibqax responsabbli mill-programm. Il-koordinazzjoni ġenerali, li tinkludi l-ġestjoni tal-baġit u l-implimentazzjoni tal-kompiti, tiġi ddelegata lill-ESA, soġġett għall-emenda xierqa tal-atti kostitwenti jew fl-arranġamenti funzjonali. Il-Kummissjoni ma tibqax responsabbli mis-superviżjoni politika tal-programm u mir-relazzjonijiet mal-imsieħba u l-utenti. || Il-kontroll politiku tal-Kummissjoni fuq il-programm jonqos, l-istess kif tagħmel l-influwenza tagħha fid-definizzjoni tal-objettivi u r-rekwiżiti tiegħu. L-implimentazzjoni ta’, u l-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi ta’ Copernicus jistgħu jitnaqqsu għal ftit Stati Membri li jkollhom ir-rieda li jkomplu bl-investimenti tagħhom. B’hekk jirriskja li jsir programm immexxi mit-teknoloġija pjuttost milli programm immexxi mill-utenti. Jista’ jkun jeħtieġ emenda fil-Konvenzjoni tal-ESA, li tkun diffiċli u tieħu fit-tul. Dan jista’ jirriskja li l-komponenti tas-servizzi u fil-post jirċievu livell aktar baxx ta’ attenzjoni.

Delegazzjoni tal-ġestjoni lil Aġenzija ġdida || Titwaqqaf Aġenzija ġdida għall-ġestjoni tal-programm tal-GMES/Copernicus u l-implimentazzjoni tal-baġit korrispondenti. Din l-Aġenzija tista’ tkun Aġenzija tal-UE jew aġenzija internazzjonali. Il-Kummissjoni jkollha rwol politiku ta’ superviżjoni/koordinazzjoni. Il-ġestjoni ta’ kuljum tkun fdata lill-Aġenzija iżda taħt il-kontroll tal-Kummissjoni. || Din l-opzjoni x’aktarx li tagħmel ix-xenarju istituzzjonali aktar kumpless. Is-sinerġiji ma jkunux massimizzati, b’riskji potenzjali għall-implimentazzjoni tal-programm. Il-ħolqien ta’ entità ġdida jista’ jirriżulta kumpless u jieħu fit-tul.

MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

Diġà saru evalwazzjoni ex post tal-Azzjoni Preparatorja tal-GMES u evalwazzjoni Interim tal-Operazzjonijiet Inizjali tal-GMES. Ir-riżultati tagħhom huma rrappurtati fid-dokument tal-VI u ġew ikkunsidrati sabiex jiggwidaw l-inizjattiva ġdida ta’ politika. Il-monitoraġġ kontinwu ta’ Copernicus se jseħħ permezz tal-Forum tal-Utenti. Evalwazzjonijiet futuri se jiffukaw fuq il-ksib tal-objettivi operattivi u l-impatt tas-servizzi operattivi fuq l-industrija tal-osservazzjoni tad-Dinja fl-Ewropa kif ukoll fuq l-adozzjoni mill-utenti u l-isfruttament downstream. Fid-dokument tal-Valutazzjoni tal-Impatt hemm inkluża tabella li turi l-indikaturi possibbli.

Top