Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0803

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

/* COM/2013/0803 final - 2013/0392 (NLE) */

52013PC0803

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi /* COM/2013/0803 final - 2013/0392 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tniedi strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, Ewropa 2020[1], ibbażata fuq koordinazzjoni mtejba ta’ politiki ekonomiċi, li se jiffukaw fuq oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli. B'dan l-għan, il-Kunsill Ewropew qabel li jistabbilixxi miri ewlenin tal-UE, li jikkostitwixxu għanijiet kondiviżi li jmexxu l-azzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistipula li l-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta' interess komuni u jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill. F'żewġ artikoli distinti, huwa stipulat li l-Kunsill għandu jadotta linji gwida ġenerali ta' politika ekonomika (l-Artikolu 121) u linji gwida dwar l-impjiegi (l-Artikolu 148), bl-ispeċifikazzjoni li din tal-aħħar għandha tkun konsistenti ma’ ta qabilha. B'din il-bażi legali, il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi u ekonomiċi huma ppreżentati bħala żewġ strumenti legali separati — li madanakollu huma interkonnessi b'mod intrinsiku:

– Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni — l-Ewwel Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Ewropa 2020;

– Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri — it-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Ewropa 2020.

Dawn il-linji gwida implimentati mill-istrumenti legali msemmija hawn fuq flimkien jiffurmaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew adottati fil-21 ta' Ottubru 2010, u kif stipulat fid-deċiżjoni tal-adozzjoni, għandhom jibqgħu stabbli sal-2014 sabiex ikun żgurat fokus fuq l-implimentazzjoni.

L-objettivi u l-prijoritajiet ġenerali li ġew espressi fil-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi jibqgħu validi. Bis-saħħa tal-Artikolu 148(2), il-validità tagħhom għall-2014 jeħtieġ li tiġi kkonfermata b'deċiżjoni tal-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat tal-Impjiegi.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

m.a.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.

2013/0392 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[4],

Billi:

(1)       It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula fl-Artikolu 145 li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza ta' xogħol b’ħiliet, imħarrġa u li tadatta kif ukoll swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku bl-għan li jiksbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(2)       L-"Istrateġija Ewropa 2020" proposta mill-Kummissjoni tippermetti lill-Unjoni li ddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, akkumpanjat minn impjiegi ta’ livell għoli, produttività u koeżjoni soċjali. Ħames miri ewlenin, elenkati taħt il-linji gwida rilevanti, jikkostitwixxu objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri, u jikkunsidraw il-pożizzjonijiet inizjali relattivi tagħhom u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, kif ukoll il-pożizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-Unjoni. L-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-objettivi tax-xogħol u tas-suq tax-xogħol tal-istrateġija l-ġdida.

(3)       Dawn il-linji gwida integrati huma f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri dwar id-definizzjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom u dwar l-implimentazzjoni tar-riformi. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiffurmaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE, b’mod parallel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(2) tat-TFUE. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jifformaw ukoll il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew.

(4)       L-eżami tal-abbozzi tal-programmi nazzjonali ta' riforma tal-Istati Membri li qegħdin fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li l-Kunsill adotta fit-28 ta’ Frar 2013, turi li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw il-prijoritajiet li ġejjin: li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u li jonqos il-qgħad strutturali, li jitrawmu ħaddiema ta' ħila skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li ssir promozzjoni ta’ xogħol ta' kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja, li tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ f'kull livell u li tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.

(5)       Il-linji gwida dwar l-impjiegi adottati fl-2010 għandhom jibqgħu stabbli sal-2014 sabiex jiżguraw fowkus fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Sal-aħħar tal-2014 kull aġġornament tal-linji gwida dwar l-impjiegi għandu jibqa’ strettament limitat. Fl-2011, l-2012 u l-2013, il-linji gwida dwar l-impjiegi nżammu. Dawn għandhom jinżammu wkoll għall-2014,,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri[5] għandhom jinżammu għall-2014 u għandhom ikunu kkunsidrati mill-Istati Membri fil-politiki tal-impjiegi tagħhom.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               COM(2010) 2020, 3.3.2010.

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               ĠU C , , p. .

[4]               ĠU C , , p. .

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).

Top