This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0130
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL amending Regulation (EC) No 261/2004 establishing common rules on compensation and assistance to passengers in the event of denied boarding and of cancellation or long delay of flights and Regulation (EC) No 2027/97 on air carrier liability in respect of the carriage of passengers and their baggage by air
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom
/* COM/2013/0130 final - 2013/0072 (COD) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom /* COM/2013/0130 final - 2013/0072 (COD) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Il-qafas legali attwali Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004[1] skont iċ-ċirkostanzi tal-interruzzjoni
tal-ivvjaġġar, jeħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru: –
jagħtu lill-passiġġieri assistenza,
bħal ikliet, xorb u ikel ħafif, telefonati u akkomodazzjoni f'lukandi; –
joffru riprogrammar tar-rotta u rimborżi; –
iħallsu kumpens b'rata fissa sa EUR 600
għal kull passiġġier, skont id-distanza tat-titjira; u –
jgħarrfu b'mod proattiv
lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom. It-trasportatur tal-ajru mhux obbligat iħallas
kumpens finanzjarju jekk jintwera li t-tħassir jew id-dewmien kien
ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji. Madankollu, l-obbligi
għal indukrar u assistenza jibqgħu applikabbli anki f'sitwazzjonijiet
bħal dawn. Ir-Regolament jeħtieġ ukoll li l-Istati
Membri jistabbilixxu Korpi Nazzjonali għall-Infurzar (NEB) biex tkun żgurata
l-applikazzjoni korretta tar-Regolament. Id-drittijiet tal-passiġġieri skont
ir-Regolament ma għandhomx jitfixklu mad-drittijiet tagħhom skont il-Konvenzjoni
ta' Montreal: filwaqt li l-Konvenzjoni tipprovdi għal ħsara
individwalizzata lill-vjaġġaturi, ivvalutata każ b'każ
skont iċ-ċirkostanzi individwali tal-passiġġier,
ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jistabbilixxi intitolamenti standardizzati
(fir-rigward ta' assistenza u indukrar) applikabbli
għall-passiġġieri kollha, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi
individwali tagħhom. Skont il-Konvenzjoni ta' Montreal (kif
trasposta mir-Regolament (KE) Nru 2027/97[2] fil-liġi tal-UE), passiġġier
jista' jkun intitolat għal kumpens fil-każ ta' ġestjoni
ħażina tal-bagalji (iżda sa limitu ta' madwar €1200), minbarra
jekk it-trasportatur tal-ajru jista' juri li ħa l-miżuri kollha
raġonevoli biex jevita l-ħsarat jew jekk kien impossibbli li
jittieħdu miżuri bħal dawn. Għall-kuntrarju
għar-Regolament (KE) Nru 261/2004, la r-Regolament (KE) Nru 2027/97
u lanqas il-Konvenzjoni ta' Montreal ma jeħtieġu t-twaqqif ta' korpi għall-infurzar
biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tagħhom. 1.2. Żviluppi
reċenti It-trasportaturi tal-ajru spiss jonqsu milli
joffru lill-passiġġieri d-drittijiet li huma intitolati għalihom
f'ċirkostanzi fejn ma jitħallewx jitiligħu abbord, dewmien twil,
kanċellazzjonijiet jew ġestjoni ħażina tal-bagalji, b'mod
partikolari skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ("ir-Regolament")
u r-Regolament (KE) Nru 2027/97. Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza
tal-UE tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2010: Inżarmaw l-ostakoli
għad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE[3] ħabbar miżuri biex
jiġi żgurat sett ta' drittijiet komuni
għall-passiġġieri li jivvjaġġaw b'kull tip ta'
trasport fl-UE u l-infurzar adegwat ta' dawn id-drittijiet. Il-White Paper dwar it-Trasport tal-Kummissjoni li ġiet adottata fit-28 ta' Marzu 2011
semmiet fost l-inizjattivi tagħha l-ħtieġa tal-"iżvilupp
ta' interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE dwar id-drittijiet
tal-passiġġieri u infurzar armonizzat u effikaċi, biex ikunu żgurati
kundizzjonijiet ekwi għall-industrija u standard Ewropew
għall-protezzjoni taċ-ċittadini".[4] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' April 2011[5] irrapportat dwar
l-interpretazzjonijiet differenti tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament
(KE) Nru 261/2004, minħabba partijiet mhux ċari u nuqqasijiet
fit-test attwali, u infurzar mhux uniformi bejn l-Istati Membri. Barra minn
hekk, huwa diffiċli għall-passiġġieri li jinfurzaw
id-drittijiet individwali tagħhom. Fid-29 ta' Marzu 2012, il-Parlament
Ewropew (PE) adotta riżoluzzjoni[6] bi tweġiba
għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq. Il-PE jemmen li
l-applikazzjoni xierqa tar-regoli eżistenti mill-Istati Membri u t-trasportaturi
tal-ajru, l-infurzar ta' mezzi suffiċjenti u sempliċi ta' rimedju u
l-għoti ta' informazzjoni preċiża lill-passiġġieri dwar
id-drittijiet tagħhom għandhom ikunu s-sisien li fuqhom terġa'
tinkiseb il-fiduċja tal-passiġġieri. Il-PE jiddispjaċih li
l-korpi nazzjonali għall-infurzar mhux dejjem jiżguraw protezzjoni
effikaċi tad-drittijiet tal-passiġġieri. Fir-rigward
tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-PE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi
kjarifika tad-drittijiet tal-passiġġieri, b'mod partikolari
l-kunċett ta' "ċirkostanzi straordinarji". Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha
tikkonforma bis-sħiħ mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali[7]. B'mod iktar
speċifiku, mill-Artikolu 28 jidher li għandu jinkiseb livell
ogħla ta' protezzjoni tal-konsumatur fil-politiki kollha tal-Unjoni. Dispożizzjonijiet
rilevanti oħrajn jinkludu d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta
personali (l-Artikolu 8), il-projbizzjoni ta' kull forma ta'
diskriminazzjoni u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà (l-Artikoli 21
u 26) u d-dritt għal rimedju effikaċi u għal proċess
imparzjali (l-Artikolu 47). Il-każistika
kellha impatt deċiżiv fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament. Fil-kawża
C-344/04 (IATA), il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat
il-kompatibilità sħiħa tiegħu mal-Konvenzjoni ta' Montreal u
l-kumplimentaritajiet bejn iż-żewġ strumenti legali. Fil-kawża
C-549/07 Wallentin-Herrman, il-Qorti ċċarat meta problema teknika f'ajruplan
ma għandhiex titqies bħala "ċirkostanza straordinarja".
Fil-kawża Sturgeon (il-Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07), il-Qorti
tal-Ġustizzja ddeċidiet li dewmien twil ta' mill-inqas tliet sigħat
fil-wasla jintitola lill-passiġġieri għal kumpens. Din
il-proposta għandha l-għan li tippromwovi l-interess
tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru billi tiżgura li
t-trasportaturi tal-ajru jikkonformaw ma' livell għoli ta' protezzjoni
tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru matul
interruzzjonijiet tal-ivvjaġġar, filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet
finanzjarji u jkun żgurat li t-trasportaturi tal-ajru joperaw b'kundizzjonijiet
armonizzati f'suq liberalizzat. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT 2.1. Il-proċess ta'
konsultazzjoni Saret konsultazzjoni pubblika bejn id-19 ta' Diċembru 2011
u l-11 ta' Marzu 2012; waslu 410 sottomissjonijiet. Ir-riżultati jistgħu jinstabu fuq il-websajt
tal-Kummissjoni[8].
Barra minn hekk, konsulent għamel intervisti u konsultazzjonijiet
individwali u aktar dettaljati ma' 98 parti interessata mill-gruppi kollha
tal-partijiet interessati. Fl-aħħar, fit-30 ta' Mejju 2012,
il-Kummissjoni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew organizzaw flimkien
konferenza li matulha l-partijiet interessati kellhom l-opportunità
jwieġbu għar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika. Il-preżentazzjonijiet
u l-minuti tal-konferenza jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni[9]. Ir-rappreżentanti tal-konsumaturi u
tal-passiġġieri ffukaw l-aktar fuq il-konformità dgħajfa u
l-infurzar inadegwat, speċjalment fir-rigward tal-kumpens finanzjarju
fil-każ ta' dewmien. Primarjament, it-trasportaturi tal-ajru u
l-assoċjazzjonijiet tagħhom qiesu li l-ispiża finanzjarja
tar-Regolament hija wisq, b'mod partikolari minħabba li t-trasportaturi
jiffaċċjaw responsabbiltà illimitata għal inċidenti li ma
jkunux tort tagħhom (eż. il-kriżi tas-sħaba ta' rmied
vulkaniku f'April 2010). It-trasportaturi tal-ajru kkritikaw bil-qawwa l-konsegwenzi
tad-deċiżjoni Sturgeon bħala li qed tikkawża spejjeż
eċċessivi. Il-fehmiet tal-assoċjazzjonijiet tal-aġenti
tal-ivvjaġġar u tal-operaturi turistiċi kienu simili
għal dawk tat-trasportaturi tal-ajru, b'xi eċċezzjonijiet
notevoli bħal fir-rigward tad-dritt għal riprogrammar tar-rotta jew
l-użu ta' partijiet individwali ta' biljett tal-ajru (il-politika meta l-passiġġier
ma jfeġġx). L-ajruporti esprimew oppożizzjoni qawwija li
jingħataw kwalunkwe responsabbiltà skont ir-Regolament rivedut. L-awtoritjiet nazzjonali u subnazzjonali
li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika esprimew fehmiet dwar
il-maġġoranza tal-kwistjonijiet li kienu simili għal dawk
tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi/passiġġieri, iżda
kienu aktar sensittivi għar-restrizzjonijiet ekonomiċi, baġitarji
u legali. 2.2. Valutazzjoni tal-impatt Il-Kummissjoni vvalutat erba'
għażliet ta' politika bil-għan li ttejjeb l-applikazzjoni u
l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw
bl-ajru. Dawn ivarjaw mill-għażla ta' kompromess bejn infurzar aktar
b'saħħtu u aġġustament tal-inċentivi ekonomiċi
għat-trasportaturi tal-ajru: żieda sostanzjali fl-ispejjeż hija
inċentiva biex it-trasportaturi tal-ajru jnaqqsu l-ispejjeż ta'
konformità u jipprovaw ma jagħtux lill-passiġġieri d-drittijiet
tagħhom. Politika ta' sanzjonar aktar b'saħħitha hija
inċentiva għal konformità. Għalhekk, għall-għażliet
li fihom l-ispejjeż imposti mill-obbligi tar-Regolament huma ogħla,
il-politika ta' infurzar trid tkun aktar stretta u koordinata aħjar, u
viċeversa. Għażla bħal din tqieset peress
li jekk jinxteħet enfasi sħiħ fuq l-infurzar mingħajr ma
jiġu indirizzati d-diżinċentivi ekonomiċi
għall-konformità, ikun hemm bżonn li jiġu allokati riżorsi
pubbliċi konsiderevoli għall-korpi ta' infurzar. Għażla 1: enfasi fuq l-inċentivi
ekonomiċi (bidla moderata fl-infurzar): fl-għażla 1
l-infurzar huwa kkordinat aħjar, l-aktar permezz ta' fluss aħjar ta'
informazzjoni bejn l-NEBs u l-Kummissjoni. L-għażla tiffoka l-aktar
fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż billi jinbidlu ċerti obbligi fir-rigward
tal-indukrar (jiġifieri l-forniment tal-ikel, l-akkomodazzjoni) mal-obbligu
li t-trasportaturi tal-ajru jipproponu assigurazzjoni mhux obbligatorja
lill-passiġġieri. Għażla 2: bilanċ bejn
politika ta' infurzar aktar b'saħħitha u inċentivi
ekonomiċi: il-politika tal-infurzar hija msaħħa
permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-NEBs. L-NEBs jeħtiġilhom itejbu
l-informazzjoni li jipprovdu lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom
u l-Kummissjoni tista' titlob li jsiru investigazzjonijiet, speċjalment
fil-każijiet li jinvolvu bosta Stati Membri. Spejjeż addizzjonali li
jirriżultaw mit-titjib fl-indukrar u l-assistenza huma kkumpenstati
bl-aġġustamenti fl-ammont globali tal-kumpens finanzjarju. Dan jista'
jinkiseb billi titnaqqas il-frekwenza tal-ħlasijiet tal-kumpens permezz ta'
żewġ varjanti: ·
Varjant 2a:
żieda fil-livell limitu tal-ħin li warajh il-passiġġier
għandu dritt għall-kumpens fil-każ ta' dewmien mit-tliet sigħat
attwali għal tal-inqas ħamsa; ·
Varjant 2b: estensjoni
tal-kamp ta' applikazzjoni ta' "ċirkostanzi straordinarji" biex jiġu
inklużi ħafna mill-problemi tekniċi. Għaż-żewġ varjanti 2a
u 2b, ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt janalizza jekk ikunx utli li jsir
aġġustament addizzjonali tal-ammonti ta' kumpens b'somma f'daqqa. Bl-għażla 2, ikun hemm limitu ta' 3
jew 4 ijiem fuq l-obbligu ta' akkomodazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' avvenimenti
straordinarji li jdumu ħafna. Sabiex jiġi mmitigat l-impatt fuq il-passiġġieri,
jiddaħħlu pjanijiet ta' kontinġenza u riprogrammar aktar rapidu
tar-rotta. Għażla 3: enfasi fuq
l-infurzar: din l-għażla tiffoka bis-sħiħ
fuq infurzar aktar b'saħħtu u tiċċara d-drittijiet
eżistenti tal-passiġġieri biex l-applikazzjoni tagħhom
issir aktar effettiva. Għażla 4: infurzar
ċentralizzat: l-għażla 4 tiffoka bis-sħiħ
fuq politika ta' infurzar kompletament ċentralizzata li trid
tiġġieled l-inċentivi negattivi mill-ispejjeż ta'
konformità: għalhekk, korp ċentrali tal-UE għall-infurzar huwa
parti minn din l-għażla. Fl-għażliet 3 u 4, fond
tal-industrija – iffinanzjat b'imposta fuq kull biljett tal-ajru – għandu
jiżgura aktar attenzjoni fuq każijiet ta' avvenimenti straordinarji
li jieħdu fit-tul ħafna, billi jrodd lura tal-inqas parti
mill-ispejjeż imġarrba mit-trasportaturi tal-ajru. L-għażliet politiċi kollha
għandhom l-istess karatteristiċi komuni bħal: ·
il-kjarifika ta' numru ta' kwistjonijiet (eż.
ċirkostanzi straordinarji kif imsemmi hawn fuq, l-obbligi ta' riprogrammar
tar-rotta, l-indukrar matul dewmien fuq it-tarmak, id-drittijiet fil-każ
ta' konnessjonijiet mitlufa, eċċ); ·
is-separazzjoni funzjonali tal-infurzar
ġenerali u l-ġestjoni ta' lmenti individwali meta din
tal-aħħar tkun tista' ssir minn korpi għal soluzzjoni
alternattiva tat-tilwim (ADR). Kemm it-trasportaturi tal-ajru kif ukoll il-korpi
responsabbli mill-ilmenti individwali jkunu sottomessi għal proċeduri
ċari ta' ġestjoni tal-ilmenti (inkluż il-ħinijiet massimi għat-tweġib); ·
l-involviment ta' atturi oħrajn tas-suq: possibbiltà
akbar ta' rikors għat-trasportaturi tal-ajru kontra partijiet terzi
responsabbli għall-interruzzjonijiet; it-tfassil ta' pjanijiet ta'
kontinġenza fost l-utenti tal-ajruport. Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li
l-għażla 2 hija l-aktar ippreferuta mill-oħrajn għax
hija l-aktar waħda li ttejjeb b'mod effettiv u effiċjenti
d-drittijiet tal-passiġġieri filwaqt li tqis l-impatt finanzjarju fuq
is-settur tat-trasport tal-ajru. Il-varjant 2a huwa ppreferut ftit iktar
mit-2b għax jekk il-livell limitu tad-dewmien jinżamm qasir wisq
(bħal fil-każ tat-2b), dan jista' jwassal għal aktar
kanċellazzjonijiet u għax it-2a jiżgura konsistenza aħjar
bejn id-dritt għal kumpens u d-dritt għal rimborż (fejn it-tnejn
jirriżultaw l-inqas wara ħames (5) sigħat). Il-valutazzjoni
tal-impatt ma tindikax preferenza fir-rigward ta' subvarjanti oħrajn
għall-għażla 2a (jiġifieri aġġustament
fil-livelli ta' kumpens u/jew tal-livelli limitu ta' ħin multipli
għall-kumpens għad-dewmien). L-ispejjeż tal-konformità
għat-trasportaturi tal-ajru jkunu simili fl-għażla 2 meta
mqabbla mar-Regolament attwali, iżda l-potenzjal li jiżdiedu jkun
limitat fil-każ li jikber is-sehem ta' passiġġieri li jitolbu
kumpens jew f'avveniment straordinarju li jdum ħafna. Il-Kummissjoni ddeċidiet li
tippreżenta proposta konformi mal-konklużjoni tal-valutazzjoni
tal-impatt, jiġifieri li tikkorrispondi għall-għażla 2a
tagħha, inkluż livell limitu uniformi ta' ħames (5) sigħat
għall-kumpens f'każ ta' ttardjar għall-vjaġġi kollha
fi ħdan l-UE. Fir-rigward tal-għażliet sekondarji, il-proposta
ma tbiddilx il-livelli ta' kumpens, iżda tintroduċi livell limitu
itwal għall-kumpens għad-dewmien fi vjaġġi barra mill-UE ta'
aktar minn 3 500 km, minħabba l-problemi speċifiċi
mġarrba minn vjaġġi fuq distanzi twal biex jiġi indirizzat
x'qed jikkawża d-dewmien 'il bogħod mill-bażi tas-servizz
tat-trasportatur tal-ajru (disa' (9) sigħat għal vjaġġi
barra mill-UE bejn 3 500 u 6 000 km u 12-il siegħa għal
vjaġġi barra mill-UE ta' 6 000 km u iktar). 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi legali Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 100(2)
tat-TFUE. 3.2. Sussidjarjetà u
proporzjonalità L-ewwel nett, hemm ambitu limitat għall-Istati
Membri biex jaġixxu waħedhom ħalli jipproteġu lill-konsumaturi,
peress li r-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru (KE) Nru 1008/2008[10] ma jippermettix li l-Istati
Membri jdaħħlu rekwiżiti addizzjonali fuq it-trasportaturi
tal-ajru li joperaw servizzi fl-UE. It-tieni nett, il-maġġoranza
tal-problemi bid-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw
bl-ajru jirreferu għal diverġenzi fl-applikazzjoni/infurzar
tar-Regolamenti (KE) Nru 261/2004 u (KE) Nru 2027/97
bejn l-Istati Membri, u dan iwassal għal dgħufija tad-drittijiet
tal-passiġġieri u jaffettwa l-kundizzjonijiet indaqs bejn l-operaturi
tal-ajru. Dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' intervent
koordinat tal-UE. Barra minn hekk, il-proposta tikkonforma
mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Kull spiża żejda għall-operaturi
ekonomiċi u għall-awtoritajiet nazzjonali hija limitata għal dik
meħtieġa biex jittejbu l-applikazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet
tal-passiġġieri. Iż-żieda fl-ispejjeż relatati
mal-provvista ta' indukrar u assistenza jew għall-kumpens fil-każ ta'
dewmien twil hija kkumpensata bil-livelli limitu tal-ħin li jwasslu
għad-dritt għal kumpens. 3.3. Spjegazzjoni dettaljata
tal-proposta 3.3.1. L-iżgurar ta' infurzar
effettiv u konsistenti tad-drittijiet tal-passiġġieri Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb
l-infurzar billi tiċċara l-prinċipji ewlenin u d-drittijiet
impliċiti tal-passiġġieri li fl-imgħoddi wasslu għal
ħafna tilwim bejn it-trasportaturi tal-ajru u l-passiġġieri; u
billi ttejjeb u tikkordina aħjar il-politiki ta' infurzar immexxija fuq
livell nazzjonali. 3.3.1.1. Kjarifika tal-prinċipji ewlenin ·
Definizzjoni ta' "ċirkostanzi
straordinarji": il-proposta tiddefinixxi
biċ-ċar it-termini b'konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti
Ewropea fil-kawża C-549/07 (Wallentin-Herman), jiġifieri
ċirkostanzi li, minħabba s-sura jew l-oriġini tagħhom,
mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur
tal-ajru kkonċernat u mhumiex fil-kontroll proprju tiegħu. Barra minn
hekk, għal aktar ċertezza legali, il-proposta tintroduċi lista
mhux eżawrjenti ta' ċirkostanzi li għandhom jitqiesu bħala
straordinarji u ta' ċirkostanzi li għandhom jitqiesu bħala mhux
straordinarji (l-Artikolu 1(1e) tal-proposta – l-Artikolu 2(m) tar-Regolament
emendat (KE) Nru 261/2004 – u l-Anness 1). ·
Dritt għal kumpens fil-każ ta' dewmien
twil: il-proposta tintroduċi b'mod espliċitu
d-dritt għal kumpens fil-każ ta' dewmien twil – kif imħabbar
mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi konġunti C-407/07 u C-432/07
(Sturgeon) – fit-test tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Madankollu, biex tiġi
evitata żieda fil-kanċellazzjonijiet (li normalment huma aktar
inkonvenjenti għall-passiġġieri), huwa propost li l-livell
limitu tal-ħin li warajh japplika d-dritt għal kumpens jiżdied
minn tlieta għal ħames sigħat għall-vjaġġi kollha
fl-UE. Filwaqt li huwa propost livell limitu wieħed għall-UE,
għal vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi, il-livell limitu se jkun
jiddependi fuq id-distanza tal-vjaġġ sabiex jitqiesu l-problemi
prattiċi li t-trasportaturi tal-ajru jiltaqgħu magħhom meta jkun
qed jindirizzaw x'jikkawża dewmien f'ajruporti remoti (ara iktar 'l isfel;
il-paragrafu 3.3.2) (l-Artikolu 1(5) tal-proposta – l-Artikolu 6(2)
tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). ·
Dritt għal riprogrammar tar-rotta: il-proposta tiċċara li, jekk it-trasportatur tal-ajru ma jkun
jista' jirriprogramma r-rotta tal-passiġġier fuq is-servizzi
tiegħu stess fi żmien 12-il siegħa, dan għandu jikkunsidra
trasportaturi oħrajn jew tipi oħrajn ta' trasport, soġġetti
għad-disponibbiltà tas-sedili (l-Artikolu 1(8) tal-proposta – l-Artikolu 8(5)
tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). ·
Dritt ta' indukrar: fejn
bħalissa l-livell limitu tal-ħin għal indukrar jiddependi fuq
id-distanza tat-titjira (sagħtejn, tlieta (3) jew erba' (4) sigħat),
il-proposta tħeffef dan billi tintroduċi livell limitu ta' ħin
uniku ta' sagħtejn għat-titjiriet tad-distanzi kollha (l-Artikolu 1(5)
tal-proposta – l-Artikolu 6(1)(i) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). ·
Titjira konnessa mitlufa: il-proposta tikkonferma li l-passiġġieri li jitilfu titjira
konnessa minħabba li tkun ittardjat it-titjira preċedenti
tagħhom għandhom id-dritt ta' indukrar (li jrid jingħata mit-trasportatur
tal-ajru tat-titjira mitlufa li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex
jipprovdi dan l-indukrar) u, f'ċertu ċirkostanzi, dritt għal
kumpens (li jrid jingħata mit-trasportatur operattiv tal-ajru tat-titjira li
tkun ittardjat għax din kienet il-bidu tad-dewmien kollu). Madankollu,
dritt bħal dan japplika biss meta t-titjiriet konnessi jkunu parti minn
kuntratt uniku ta' trasport bħal fil-każ li t-trasportaturi tal-ajru
konċernati kkommettew ruħhom għall-konnessjoni maħsub bejn
it-titjiriet u jkunu jafu b'dan. It-trasportaturi tal-ajru għandhom id-dritt
li jaqblu kif se jaqsmu l-ispejjeż bejniethom (l-Artikolu 1(6) tal-proposta
– l-Artikolu 6a tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). ·
Skedar rivedut:
il-proposta tikkonferma li l-passiġġieri ta' titjiriet bi skedar
rivedut li jingħataw avviż inqas minn ġimagħtejn qabel il-ħin
oriġinali skedat, għandhom drittijiet simili għal
passiġġieri mdewma (l-Artikolu 1(5) tal-proposta – l-Artikolu 6
tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). ·
Dewmien fuq it-tarmak:
il-proposta tistabbilixxi b'mod ċar id-drittijiet
tal-passiġġieri meta l-ajruplan tagħhom jittardja fuq it-tarmak,
b'mod partikolari dritt għal żbark wara ħames sigħat (b'konformità
mad-dritt għal rimborż) (l-Artikolu 1(5) tal-proposta – l-Artikolu 6(5)
tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). ·
Projbizzjoni parzjali tal-politika dwar passiġġier
li ma jfeġġx: il-proposta tikkonferma li
l-passiġġieri ma jistgħux jiġu miċħuda l-imbark
fuq vjaġġ ta' ritorn tal-istess biljett minħabba li ma jkunux ġew
għall-ewwel vjaġġ. Madankollu, tali projbizzjoni ma taffettwax
id-dritt tat-trasportaturi tal-ajru li jimponu regoli partikolari fir-rigward
tal-użu sekwenzjali tat-titjiriet fl-istess vjaġġ.
Il-Kummissjoni ddeċidiet kontra projbizzjoni sħiħa tal-politika dwar
passiġġier li ma jfeġġx għax dan jaffettwa
ħażin it-trasportaturi tal-ajru li jixtiequ joffru titjiriet
indiretti għal prezzijiet aktar baxxi mit-titjiriet diretti u
għalhekk ifixkel il-kompetizzjoni (l-Artikolu 1(3(b)) tal-proposta – l-Artikolu 4(4)
tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). ·
Dritt għal informazzjoni: il-passiġġieri għandu jkollhom dritt għal
informazzjoni dwar l-interruzzjoni ta' titjira malli l-informazzjoni tkun
disponibbli (l-Artikolu 1(13) tal-proposta – l-Artikolu 14 tar-Regolament
emendat (KE) Nru 261/2004). 3.3.1.2. L-iżgurar ta' sanzjonar effettiv
u konsistenti Il-proposta tiċċara r-rwol tal-Korpi
Nazzjonali għall-Infurzar (NEBs) billi talloka biċ-ċar ir-rwol
tal-infurzar ġenerali lill-NEB filwaqt li l-ġestjoni barra mill-qorti
tal-ilment individwali se tkun ir-rwol tal-korpi tal-ġestjoni tal-ilmenti
li jistgħu jsiru Korpi ta' Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) skont
id-Direttiva ADR[11].
Iż-żewġ tipi ta' korpi se jikkoperaw mill-qrib (l-Artikolu 1(15)
tal-proposta – l-Artikoli 16 u 16a tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). L-NEB se jadottaw politika ta'
monitoraġġ aktar proattiva mil-lum u r-rwol tagħhom se
jiġi estiż għall-monitoraġġ tal-konformità
mad-dispożizzjonijiet dwar il-bagalji tar-Regolament (KE) Nru 2027/97
(u tal-Konvenzjoni ta' Montreal) (l-Artikolu 2(4) tal-proposta – l-Artikolu 6b
tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97). L-iskambju tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni
bejn l-NEBs, u bejn l-NEBs u l-Kummissjoni se jittejbu bl-obbligi ta' rapportar
u l-proċeduri formali ta' koordinazzjoni (l-Artikolu 1(15) tal-proposta
– l-Artikolu 16b tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). 3.3.1.3. L-iżgurar ta' ġestjoni effettiva
tal-pretensjonijiet u l-ilmenti individwali Skont il-proposta, it-trasportaturi tal-ajru
għandhom jgħarrfu lill-passiġġieri, waqt li jkunu qed
jibbukkjaw, dwar il-proċeduri tagħhom għall-ġestjoni
tal-pretensjonijiet u l-ilmenti, jipprovdu mezzi elettroniċi
għas-sottomissjoni tal-ilmenti u jagħtu informazzjoni dwar il-korpi
kompetenti għall-ġestjoni tal-ilmenti. It-trasportaturi tal-ajru se
jkunu meħtieġa jwieġbu fi żmien xahrejn
lill-passiġġieri (l-Artikolu 1(15) tal-proposta – l-Artikolu 16a
tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). 3.3.2. Kunsiderazzjoni aħjar
tal-kapaċitajiet finanzjarji tat-trasportaturi tal-ajru Numru limitat ta' miżuri għandhom
l-għan li jnaqqsu l-aspetti bl-akbar spejjeż tar-Regolament (KE)
Nru 261/2004: ·
Id-dritt għal kumpens fil-każ ta' dewmien
se jkun japplika wara ħames sigħat għall-vjaġġi kollha
fl-UE. Għall-vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi, sabiex jitqiesu
l-problemi partikolari li t-trasportaturi tal-ajru jiltaqgħu magħhom
biex jindirizzaw x'jikkawża dewmien f'ajruporti remoti, dawn il-livelli
limitu se jkunu jiddependu fuq id-distanza tal-vjaġġ; ħames (5)
sigħat għal vjaġġi barra mill-UE ta' 3 500 km jew
inqas, disa' (9) sigħat għal vjaġġi barra mill-UE bejn 3 500
u 6 000 km, u 12-il siegħa għal vjaġġi barra mill-UE
ta' 6 000 km jew aktar (l-Artikolu 1(5) tal-proposta – l-Artikolu 6(2)
tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). ·
Fil-każ ta' dewmien u kanċellazzjonijiet
minħabba ċirkostanzi straordinarji, it-trasportatur tal-ajru jista'
jillimita d-dritt għal akkomodazzjoni għal tlett (3) iljieli b'massimu
ta' EUR 100 għal kull lejl u passiġġier (l-Artikolu 1(9)
tal-proposta – l-Artikolu 9(4) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004).
Madankollu, l-impatt fuq il-passiġġieri huwa mmitigat permezz ta'
żewġ miżuri addizzjonali: l-ewwel, ir-riprogrammar aktar rapidu
tar-rotta għandu jnaqqas ir-riskju li l-passiġġieri jibqgħu
l-art għal perjodu tant twil (ara hawn fuq); it-tieni, l-ajruporti,
it-trasportaturi tal-ajru u atturi oħra fil-katina tat-trasport tal-ajru
se jkunu meħtieġa jistabbilixxu pjanijiet ta' kontinġenza sabiex
itejbu l-indukrar u l-assistenza lill-passiġġieri li jibqgħu
l-art (l-Artikolu 1(4) tal-proposta – l-Artikolu 5(5) tar-Regolament
emendat (KE) Nru 261/2004). Barra minn hekk, il-limitazzjoni fil-provvista
ta' akkomodazzjoni ma tapplikax għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa (PMM),
dawk il-persuni li qed jakkumpanjawhom, nisa tqal, persuni fi bżonn ta'
assistenza medika speċifika u tfal mhux akkumpanjati – sakemm dawn ikunu
nnotifikaw minn qabel lit-trasportatur tal-ajru tal-anqas 48 siegħa
qabel il-ħin tat-tluq skedat (l-Artikolu 1(11) tal-proposta – l-Artikoli 11(3)
u 11(4) tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). ·
Minħabba l-ispeċifiċitajiet
tal-operazzjonijiet (reġjonali) fuq skala żgħira,
it-trasportaturi tal-ajru mhumiex obbligati jipprovdu akkomodazzjoni lil
passiġġieri ta' titjiriet ta' inqas minn 250 km fuq ajruplan b'kapaċità
massima ta' 80 post (ħlief għal titjiriet konnessi). Mill-ġdid,
din id-deroga ma tapplikax għal PMM, persuni li jakkumpanjawhom, nisa tqal,
persuni bi bżonn ta' assistenza medika speċifika u tfal mhux
akkumpanjati (l-Artikoli 1(9) u 1(11) tal-proposta – l-Artikoli 9(5),
11(3) u 11(4) tar-Regolament emendat Nru 261/2004). ·
Il-proposta tispeċifika li l-liġi
nazzjonali ma tistax tillimita d-dritt li t-trasportaturi tal-ajru jfittxu
kumpens minn partijiet terzi responsabbli għad-dewmien jew
għall-kanċellazzjonijiet (l-Artikolu 1(12) tal-proposta – l-Artikolu 13
tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004). 3.3.3. L-iżgurar ta' infurzar
aħjar tad-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward
tal-ġestjoni ħażina tal-bagalji B'kunsiderazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet
Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet u tal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali (l-Artikoli 21 u 26), passiġġieri
b'mobbiltà mnaqqsa għandu jkollhom l-istess dritt tal-moviment liberu,
tal-għażla libera u tan-nondiskriminazzjoni bħal ċittadini
oħra. Ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru dwar
tagħmir tal-mobbiltà se tiżdied sal-valur proprju
tat-tagħmir. B'konformità mal-Konvenzjoni ta' Montreal, dan jinkiseb billi
t-trasportaturi tal-ajru jiġu obbligati joffru awtomatikament
l-għażla li ssir dikjarazzjoni ta' interess speċjali stabbilita
fil-Konvenzjoni, mingħajr ħlas (l-Artikolu 2(4) tal-proposta – l-Artikolu 6a
tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97). Il-proposta ssaħħaħ
it-trasparenza fejn tidħol il-kwota tal-bagalji. Din
teżiġi b'mod espliċitu li t-trasportaturi tal-arju
jeħtiġilhom juru biċ-ċar il-kwoti tal-bagalji tal-kabina u
tal-bagalji tal-idejn waqt il-buking u fl-ajruport (l-Artikolu 2(4) tal-proposta
– l-Artikolu 6d tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97). Il-proposta tinkludi miżuri dwar strumenti
mużikali. Din tobbliga lit-trasportaturi tal-ajru jaċċettaw
strumenti żgħar ġewwa l-kabina tal-passiġġieri, soġġett
għal ċertu kundizzjonijiet, u li jiċċaraw ir-regoli
tagħhom dwar il-ġarr ta' strumenti akbar fil-kompartiment
tal-merkanzija (l-Artikolu 2(4) tal-proposta – l-Artikolu 6e tar-Regolament
emendat (KE) Nru 2027/97). B'kunsiderazzjoni tal-limiti stretti taz-żmien
tal-Konvenzjoni ta' Montreal li fihom il-passiġġieri jistgħu
jissottomettu pretensjonijiet għall-ġestjoni ħażina
tal-bagalji lit-trasportaturi tal-ajru, qed jiġi propost li
t-trasportaturi tal-ajru joħorġu formola għall-pretensjonijiet
fl-ajruport fejn il-passiġġieri jistgħu jilmentaw dwar dewmien,
ħsara jew telf ta' bagalji (bħar-Rapport dwar Irregolarità
fil-Proprjetà jew il-PIR) u mbagħad jaċċettaw din bħala
pretensjoni għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 u
l-Konvenzjoni ta' Montreal (l-Artikolu 2(1) tal-proposta – l-Artikolu 3(2)
tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97). Skont din il-proposta, il-Korpi Nazzjonali
għall-Infurzar maħtura skont ir-Regolament Nru 261/2004 se jkunu
responsabbli wkoll għall-infurzar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament
Nru 2027/97 relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri rigward
dewmien, telf jew ħsara ta' bagali (l-Artikolu 2(4) tal-proposta – l-Artikolu 6b
tar-Regolament emendat (KE) Nru 2027/97). 3.3.4. Adattament tal-limiti ta'
responsabbiltà skont l-inflazzjoni tal-prezzijiet ġenerali Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97, kif
emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002, jintroduċi l-Konvenzjoni ta'
Montreal fil-liġi tal-UE u jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha
għal titjiriet domestiċi (flimkien mat-titjiriet internazzjonali). Il-Konvenzjoni
tistabbilixxi limiti ta' responsabbiltà rigward il-ġarr ta'
passiġġieri, bagalji u merkanzija, li żdiedu bi 13,1% b'effett
mit-30 ta' Diċembru 2009. Din il-proposta
taġġorna l-limiti fir-Regolament tal-UE biex jitqiesu l-ammonti
riveduti fil-Konvenzjoni (l-Artikoli 2(2) u 2(3) u l-Anness 2
tal-proposta – l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-anness tar-Regolament emendat Nru 2027/97). 4. Implikazzjoni tal-baġit Il-proposta ma għandhiex
implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE. 2013/0072 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004
li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal
passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta'
kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar
ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi
bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u
l-bagalji tagħhom (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mingħad il-Kummissjoni
Ewropea, Wara li ttrażmettew l-abbozz ta' att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12],
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[13], Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li
jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal
passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta'
kanċellazzjoni jew dewmien ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament
(KEE) Nru 295/91[14],
u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 1997
dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta'
inċidenti[15]
kkontribwixxew b'mod sinifikanti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri
li jivvjaġġaw bl-ajru meta l-pjanijiet tal-ivvjaġġar
tagħhom jiġu interrotti minħabba imbark miċħud,
dewmien twil ta' titjiriet, kanċellazzjoni jew ġestjoni
ħażina tal-bagalji. (2) Madankollu, għadd ta'
nuqqasijiet li ħarġu waqt l-implimentazzjoni tad-drittijiet skont
ir-Regolamenti xekklu l-potenzjal sħiħ tagħhom fejn tidħol
il-protezzjoni tal-passiġġieri. Sabiex tiġi żgurata
applikazzjoni aktar effettiva, effiċjenti u konsistenti tad-drittijiet
tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru madwar l-Unjoni, hemm
bżonn serje ta' aġġustamenti fil-qafas legali attwali. Dan saħqu
r-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 tal-Kummissjoni:
Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE[16] li ħabbar miżuri
biex ikun żgurat sett ta' drittijiet komuni notevolment
għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru u l-infurzar
xieraq ta' dawn id-drittijiet. (3) Sabiex tiżdied
iċ-ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru u
l-passiġġieri, hemm bżonn definizzjoni iktar preċiża
tal-kunċett ta' "ċirkostanzi straordinarji", li tqis is-sentenza
tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawża C-549/07
(Wallentin-Hermann). Definizzjoni bħal din tista' tiġi
ċċarata iktar b'lista mhux eżawrjenti ta' ċirkostanzi li
huma ddefiniti biċ-ċar bħala straordinarji jew le. (4) Fil-kawża C-173/07
(Emirates), il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li
l-kunċett ta' "titjira" fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004
għandha tiġi interpretata li tikkonsisti essenzjalment f'operazzjoni
tat-trasport tal-ajru, bħala "unità" ta' dan it-trasport, li
ssir minn trasportatur tal-ajru skont skeda stabbilita minnu. Sabiex tiġi
evitata l-inċertezza, issa għandha tingħata definizzjoni aktar
ċara ta' "titjira", kif ukoll
għall-kunċetti assoċjati ta' "titjira konnessa" u "vjaġġ". (5) Fil-kawża C-22/11
(Finnair), il-Qorti Ewropea ddeċidiet li l-kunċett ta' "imbark
miċħud" għandu jiġi interpretat bħala relatat
mhux biss ma' każijiet ta' imbark miċħud minħabba bbukkjar
żejjed, iżda anki ma' dawk ta' imbark miċħud għal
raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi. Minħabba
din il-konferma, ma hemm l-ebda raġuni biex tinbidel id-definizzjoni attwali
ta' "imbark miċħud". (6) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004
japplika wkoll għal passiġġieri li jkunu bbukkjaw il-vjaġġ
bl-ajru tagħhom bħala parti minn vjaġġ b'kollox inkluż.
Madankollu, għandu jiġi ċċarat li l-passiġġieri
ma jistgħux jakkumulaw drittijiet korrispondenti, b'mod partikolari kemm skont
dan ir-Regolament kif ukoll skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990
dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi
kollox kompriż u t-tours kollox kompriż [17]. Il-passiġġieri
għandhom ikunu jistgħu jagħżlu liema liġi
jintroduċu fil-pretensjonijiet tagħhom, iżda ma għandux
ikollhom id-dritt li jakkumulaw il-kumpens għall-istess problema skont
iż-żewġ atti legali. Il-passiġġieri ma għandhomx
ikunu kkonċernati dwar kif it-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ġiti
jallokkaw tali pretensjonijiet bejniethom. (7) Sabiex jitjieb il-livell ta'
protezzjoni, il-passiġġieri ma għandux ikollhom l-imbark
miċħud fuq il-vjaġġ tar-ritorn b'biljett bidirezzjonali
(tar-ritorn) għax ma jkunux ħadu l-vjaġġ tal-bidu. (8) Bħalissa,
il-passiġġieri kultant jiġu ppenalizzati għal żbalji
ta' ortografija fl-ismijiet tagħhom permezz tal-applikazzjoni ta' tariffi
amministrattivi punittivi. Korrezzjonijiet raġonevoli ta' żbalji fil-buking
għandhom jingħataw mingħajr ħlas sakemm dawn ma jimplikawx
bidla fil-ħinijiet, id-data, l-iskeda jew il-passiġġier. (9) Għandu jkun
iċċarat li fil-każijiet ta' kanċellazzjoni,
l-għażla bejn ir-riċevuta ta' rimborż, l-issoktar
tal-vjaġġ permezz ta' riprogrammar tar-rotta jew
l-ivvjaġġar f'data aktar tard hija d-deċiżjoni
tal-passiġġier u mhux tat-trasportatur tal-ajru. (10) L-ajruporti u l-utenti
tal-ajruporti bħat-trasportaturi tal-ajru u l-kumpaniji tal-groundhandling
għandhom jikkoperaw biex inaqqsu l-impatt ta' interruzzjonijiet multippli
tat-titjiriet fuq il-passiġġieri billi jiżguraw il-kura u
r-riprogrammar tar-rotot tagħhom. Għal dan il-għan,
għandhom jippreparaw pjanijiet ta' kontinġenza għal tali
okkorrenzi u jaħdmu flimkien fl-iżvilupp ta' tali pjanijiet. (11) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004
għandu jinkludi espliċitament id-dritt għal kumpens
għall-passiġġieri li jsoffru dewmien twil, b'konformità
mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Kawżi Konġunta
C-402/07 u C-432/07 (Sturgeon). Fl-istess ħin, il-livelli limitu li 'l fuq
minnhom id-dewmien iwassal għal dritt għal kumpens għandhom jiżdiedu
biex jieħdu f'kunsiderazzjoni l-impatt finanzjarju fuq is-settur u sabiex
tiġi evitata kwalunkwe żieda fil-frekwenza tal-kanċellazzjonijiet
bħala riżultat ta' dan. Biex jiġi żgurat li
ċ-ċittadini li jivvjaġġaw fi ħdan l-UE jiffaċċjaw
kundizzjonijiet omoġeni għal kumpens, il-livell limitu għandu
jkun l-istess għall-vjaġġi kollha fl-Unjoni, iżda
għandu jkun jiddependi fuq id-distanza tal-vjaġġi
għall-ivvjaġġar lejn u minn pajjiżi terzi sabiex jitqiesu
d-diffikultajiet operazzjonali li jiltaqgħu magħhom it-trasportaturi
tal-ajru biex jindirizzaw dewmien f'ajruporti remoti. (12) Sabiex tiġi żgurata
ċ-ċertezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu
jikkonferma espliċitament li t-tibdil fl-iskedi tat-titjiriet għandu
impatt simili fuq il-passiġġieri bħad-dewmien u għalhekk
għandu jirriżulta fl-istess drittijiet. (13) Il-passiġġieri li
jitilfu titjira konnessa għandhom jingħataw indukrar xieraq waqt li
jistennew ir-riprogrammar tar-rotta. B'konformità mal-prinċipju tat-trattament
ugwali, dawn il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jitolbu
kumpens fuq bażi simili għall-passiġġieri li t-titjiriet
tagħhom jittardjaw jew jiġu kkanċellati fid-dawl tad-dewmien
meta jilħqu d-destinazzjoni finali tal-vjaġġ tagħhom. (14) Sabiex titjieb il-protezzjoni
tal-passiġġieri, għandu jiġi ċċarat li
passiġġieri ttardjati jgawdu d-drittijiet għal kura u kumpens irrispettivament
minn jekk dawn jistennewx fit-terminal tal-ajruport jew jekk ikunux diġà
abbord l-ajruplan. Madankollu, minħabba li fil-każ
tal-aħħar ma jkollhomx aċċess għas-servizzi
disponibbli fit-terminal, id-drittijiet tagħhom għandhom jiġu rinforzati
fir-rigward tal-ħtiġijiet bażiċi u fir-rigward tad-dritt
għal żbark. (15) Fejn passiġġier ikun
għażel ir-riprogrammar tar-rotta mal-ewwel possibbiltà,
it-trasportatur tal-ajru ħafna drabi jagħmel ir-riprogrammar
tar-rotta kundizzjonali għad-disponibbiltà ta' postijiet fuq is-servizzi tiegħu
stess, u b'hekk iċaħħad lill-passiġġieri tiegħu d-dritt
li jagħżlu riprogrammar tar-rotta aktar rapidu ma' servizzi
alternattivi. Għandu jiġi stabbilit li wara li jkun għadda
ċertu ħin, it-trasportatur għandu joffri riprogrammar tar-rotta
fuq is-servizzi ta' trasportatur tal-ajru ieħor jew fuq tipi ta' trasport
differenti fejn dan jista' jgħaġġel ir-riprogrammar tar-rotta. Riprogrammar
tar-rotta alternattiv għandu jkun soġġett
għad-disponibbiltà tal-postijiet. (16) It-trasportaturi tal-ajru bħalissa
jiffaċċjaw responsabbiltà illimitata għall-akkomodazzjoni
tal-passiġġieri tagħhom fil-każ ta' ċirkostanzi
straordinarji ta' dewmien twil. Din l-inċertezza marbuta man-nuqqas ta' xi
limitu prevedibbli taż-żmien tista' tipperikola l-istabbiltà
finanzjarja tat-trasportatur tal-ajru. Għalhekk, it-trasportatur tal-ajru
għandu jkun jista' jillimita l-provvista ta' indukrar wara ċertu
perjodu taż-żmien. Barra minn hekk, l-ippjanar ta' kontinġenza u
r-riprogrammar rapidu tar-rotot għandhom inaqqsu r-riskju li
l-passiġġieri jibqgħu l-art għal perjodi twal. (17) L-implimentazzjoni ta'
ċertu drittijiet tal-passiġġieri, b'mod partikolari d-dritt
għal akkomodazzjoni, tidher li hija sproporzjonata għad-dħul
tat-trasportaturi tal-ajru għal ċertu operazzjonijiet ta' daqs
żgħir. Għalhekk titjiriet li jagħmlu ajruplani
żgħar fuq distanzi qosra għandhom jiġu eżentati
mill-obbligu ta' ħlas għall-akkomodazzjoni, għalkemm
it-trasportatur tal-ajru xorta għandu jgħin lill-passiġġier
isib akkomodazzjoni bħal din. (18) Għal persuni b'diżabbiltà,
persuni b'mobbiltà mnaqqsa u persuni oħrajn bi bżonnijiet
speċjali bħal tfal mhux akkumpanjati, nisa tqal u persuni bi
bżonn ta' għajnuna medika speċifika, jista' jkun aktar
diffiċli biex isirulho, arranġamenti għall-akkomodazzjoni meta
jseħħu interruzzjonijiet tat-titjiriet. Għalhekk, kull
limitazzjoni għad-dritt għal akkomodazzjoni fil-każijiet ta'
ċirkostanzi straordinarji jew għal operazzjonijiet reġjonali ma
għandhiex tapplika għal dawn il-kategoriji ta' passiġġieri. (19) Ir-raġunijiet
għal-livell attwali ta' dewmien twil u titjiriet ikkanċellati fl-UE
ma jistgħux jiġu attribwiti biss lit-trasportaturi tal-ajru. Sabiex
ikunu inċentivati l-atturi kollha fil-katina tal-avjazzjoni ħalli
jfittxu soluzzjonijiet effiċjenti u f'waqthom, biex tonqos kemm jista'
jkun l-inkonvenjenza li d-dewmien twil u l-kanċellazzjonijiet joħolqu
lill-passiġġieri, it-trasportaturi tal-ajru għandu jkollhom
id-dritt li jfittxu rimedju minn xi parti terza li kkontribwixxiet
għall-avveniment li wassal għall-kumpens jew obbligi oħra. (20) Il-passiġġieri mhux
biss għandhom jiġu mgħarrfa sew dwar id-drittijiet tagħhom
fil-każ ta' interruzzjoni tat-titjira, iżda għandhom jiġu
mgħarrfa wkoll kif xieraq dwar xi kkawża l-interruzzjoni, malli
l-informazzjoni ssir disponibbli. Din l-informazzjoni għandha
tingħata wkoll meta l-passiġġier ikun xtara l-biljett mingħand
intermedjarju stabbilit fl-Unjoni. (21) Sabiex ikun żgurat
infurzar aħjar tad-drittijiet tal-passiġġieri, ir-rwol tal-Korpi
Nazzjonali għall-Infurzar għandu jiġi ddefinit bi
preċiżjoni ikbar u distint biċ-ċar mill-ġestjoni
tal-ilmenti ta' passiġġieri individwali. (22) Il-passiġġieri
għandhom jiġu mgħarrfa kif xieraq dwar il-proċeduri
rilevanti biex jissottomettu pretensjonijiet u lmenti lit-trasportaturi
tal-ajru u għandhom jirċievu tweġiba fi żmien
raġonevoli. Il-passiġġieri għandu jkollhom ukoll
l-għażla li jilmentaw fuq it-trasportaturi tal-ajru permezz ta'
miżuri barra mill-qorti. Madankollu, peress li d-dritt għal rimedju
effettiv quddiem tribunal huwa dritt fundamentali rikonoxxut fl-Artikolu 47
tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dawk il-miżuri
la għandhom jipprevjenu u lanqas ixekklu l-aċċess
tal-passiġġieri għall-qrati. (23) Fil-kawża C-139/11 (Moré
vs KLM), il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ċċarat li l-limiti taż-żmien
biex jittieħdu azzjonijiet għal kumpens huma ddeterminati skont
ir-regoli nazzjonali ta' kull Stat Membru. (24) Fluss regolari ta'
informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-korpi għall-infurzar għandu
jippermetti lill-Kummissjoni tissodisfa aħjar ir-rwol ta'
monitoraġġ u koordinazzjoni tagħha fuq il-korpi nazzjonali u
tappoġġahom. (25) Sabiex ikunu żgurati
kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE)
Nru 261/2004, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat tal-implimentazzjoni.
Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont
ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011
li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet
ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni
tas-setgħat ta' implimentazzjoni[18]. (26) Il-proċedura
konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta'
deċiżjonjiet implimentattivi rigward il-kontenut tar-rapporti
tal-attività pprovduti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. (27) Sabiex jiġi żgurat
li ħsarat jew telf ta' tagħmir tal-mobbiltà jiġi kkumpensat
sal-valur kollu tiegħu, it-trasportaturi tal-ajru għandhom joffru
mingħajr ħlas lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa l-opportunità li
jagħmlu dikjarazzjoni ta' interess speċjali, li skont il-Konvenzjoni
ta' Montreal, tippermettihom ifittxu kumpens sħiħ għal telf jew
ħsara. (28) Xi drabi
l-passiġġieri jitfixklu dwar il-bagalja li jistgħu itellgħu
fuq l-ajruplan, fejn jidħlu l-qisien, il-piż jew l-għadd ta'
oġġetti. Sabiex ikun żgurat li l-passiġġieri jafu sew
il-kwoti tal-bagalji inklużi fil-biljett tagħhom, kemm
għall-bagalja tal-kabina kif ukoll għall-bagalja tal-idejn,
it-trasportaturi tal-ajru għadhom juru biċ-ċar dawn il-kwoti
waqt il-buking u fl-ajruport. (29) L-istrumenti mużikali
għandhom safejn possibbli jiġu aċċettati bħala bagalji
fil-kabina tal-passiġġieri u, fejn dan mhux possibbli, safejn
possibbli għandhom jinġarru f'kundizzjonijiet xierqa fil-kompartiment
tal-merkanzija tal-ajruplan. Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 għandu
jiġi emendat skont dan. (30) Sabiex tiġi żgurata
l-applikazzjoni korretta u konsistenti tad-drittijiet mogħtija
lill-passiġġieri bir-Regolament (KE) Nru 2027/97, il-Korpi
Nazzjonali għall-Infurzar maħtura skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004
għandhom ukoll jimmonitorjaw u jinfurzaw id-drittijiet skont ir-Regolament
(KE) Nru 2027/97. (31) Minħabba l-iskadenzi
qosra għas-sottomissjoni ta' lmenti għal telf, ħsara jew dewmien
tal-bagalji, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jagħtu
l-passiġġieri l-possibbiltà li jissottomettu lment billi jipprovdu
formola għall-ilmenti fl-ajruport. Din tista' tkun ukoll il-formola
tar-Rapport dwar Irregolarità fil-Proprjetà (PIR) komuni. (32) L-Artikolu 3(2) tar-Regolament
(KE) Nru 2027/97[19]
skada għaliex il-kwistjonijiet tal-assigurazzjoni issa huma kkontrollati
bir-Regolament (KE) Nru 785/2004. Dan għalhekk għandu
jitħassar. (33) Huwa meħtieġ li
l-limiti monetarji espressi fir-Regolament (KE) Nru 2027/97 jiġu
emendati sabiex jieħdu kont tal-iżviluppi ekonomiċi, kif rivedut
mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) fl-2009 skont
l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal. (34) Sabiex tiġi żgurata
l-korrispondenza kontinwa bejn ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 u
l-Konvenzjoni ta' Montreal, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata
lill-Kummissjoni. Din is-setgħa se tippermetti lill-Kummissjoni temenda
l-limiti monetarji espressi fir-Regolament (KE) Nru 2027/97 fil-każ
li jiġu adattati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni
Ċivili (ICAO) skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal. (35) Dan ir-Regolament għandu
jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod
partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
notevolment il-protezzjoni tal-konsumatur, id-dritt għall-protezzjoni
tad-dejta personali, il-projbizzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u
l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà, id-dritt għal rimedju
effettiv u għal proċess imparzjali ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament Nru 261/2004 huwa emendat
kif ġej: 1. L-Artikolu 2 huwa
emendat kif ġej: (a)
Id-definizzjoni fil-punt (c) tinbidel b'dan li
ġej: '"trasportatur tal-ajru tal-Komunità" tfisser
trasportatur tal-ajru b'liċenzja operattiva valida mogħtija minn Stat
Membru skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-24 ta' Settembru 2008
dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità[20].' (b)
Id-definizzjoni fil-punt (d) tinbidel b'dan li
ġej: '"Organizzatur" tfisser persuna fis-sens
tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990
dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi
kollox kompriż u t-tours kollox kompriż[21]; (c)
Id-definizzjoni fil-punt (i) tinbidel b'dan li
ġej: '"persuna b'mobbiltà mnaqqsa" tfisser
kwalunkwe persuna kif iddefinita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE)
Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta'
persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru[22].' (d)
Is-sentenza li ġejja tiżdied
mad-definizzjoni ta' "kanċellazzjoni" fil-punt (l): 'Titjira li fiha l-ajruplan ikun telaq iżda
li, għal xi raġuni, wara kellu jinżel f'ajruport li ma jkunx
l-ajruport ta' destinazzjoni jew imur lura lejn l-ajruport tat-tluq, għandha
titqies bħala titjira kkanċellata.' (e)
Jiżdiedu d-definizzjonijiet li ġejjin: '(m) "ċirkostanzi straordinarji"
tfisser ċirkostanzi li, minħabba s-sura jew il-bidu tagħhom,
mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur
tal-ajru kkonċernat u mhumiex fil-kontroll proprju tiegħu.
Għall-fini ta' dan ir-Regolament, iċ-ċirkostanzi straordinarji
għandhom jinkludu ċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Anness; (n) "titjira" tfisser operazzjoni
tat-trasport tal-ajru bejn żewġ ajruporti; waqfiet intermedji
għal skopijiet tekniċi u operazzjonali biss ma għandhomx jitqiesu; (o) "titjira konnessa" tfisser
titjira li, skont kuntratt wieħed ta' trasport, hija maħsuba biex
tippermetti l-passiġġier jasal f'punt tat-trasferiment sabiex jaqbad
titjira oħra, jew, fejn xieraq skont il-kuntest, tfisser dik it-titjira
l-oħra li titlaq mill-punt tat-trasferiment. (p) "vjaġġ" tfisser
titjira jew serje kontinwa ta' titjiriet konnessi li jwasslu lill-passiġġier
minn ajruport tat-tluq għad-destinazzjoni finali tiegħu skont
il-kuntratt tat-trasport; (q) "ajruport" tfisser kull
żona adattata speċifikament għall-inżul, it-tluq u
l-immanuvrar ta' ajruplan, inklużi installazzjonijiet anċillari li
dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu għall-ħtiġijiet
tat-traffiku u tas-servizzi tal-ajruplani, inklużi l-installazzjonijiet
meħtieġa biex jassistu s-servizzi tal-ajru kummerċjali; (r) "korp tal-ġestjoni
tal-ajruport" tfisser korp li, flimkien ma' attivitajiet oħra jew mingħajr,
skont kif ikun il-każ, għandu bħala għan skont
il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti nazzjonali l-amministrazzjoni
u l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport jew netwerk ta' ajruporti u
l-koordinazzjoni u l-kontroll tal-attivitajiet tal-operaturi differenti li
jinsabu fl-ajruport jew in-netwerk ta' ajruporti konċernati; (s) "prezz tal-biljett" tfisser
il-prezz sħiħ imħallas għal biljett inkluż in-noll
tal-ajru, u t-taxxi, l-imposti, l-imposti miżjuda u t-tariffi mħallsa
għas-servizzi kollha mhux obbligatorji u obbligatorji inklużi
fil-biljett; (t) "prezz tat-titjira" tfisser
il-valur miksub bil-multiplikazzjoni tal-prezz tal-biljett skont il-proporzjon
bejn id-distanza tat-titjira u d-distanza totali tal-vjaġġ(i)
kopert(i) bil-biljett; (u) "ħin tat-tluq" tfisser
il-ħin meta l-ajruplan jitlaq il-post tat-tluq, imbuttat lura jew
waħdu (il-ħin off-block); (v) "ħin tal-wasla" tfisser
il-ħin meta l-ajruplan jilħaq l-istend tal-wasla u l-brejkijiet
tal-ipparkjar ikunu attivati (ħin in-block); (w) "dewmien fuq it-tarmak" tfisser,
fit-tluq, il-ħin li l-ajruplan jibqa' fuq l-art bejn il-bidu tal-imbark
tal-passiġġieri u l-ħin tat-tluq tal-ajruplan jew, fil-wasla,
il-ħin bejn meta l-ajruplan ikun l-art u l-bidu tal-iżbark
tal-passiġġieri; (x) "lejl" tfisser il-perjodu bejn
nofsillejl u s-sita (6) ta' filgħodu, (y) "tifel/tifla mhux akkumpanjata"
tfisser tfal li jivvjaġġaw mingħajr ġenitur jew gwardjan li
jakkumpanjawhom u meta t-trasportatur tal-ajru jkun aċċetta
r-responsabbiltà għall-indukrar skont ir-regoli pubblikati tiegħu.' 2. L-Artikolu 3 huwa
emendat kif ġej: (a)
Il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej: 'Il-paragrafu 1 għandu japplika bil-kundizzjoni
li l-passiġġieri: (a) ikollhom ibbukkjar ikkonfermat fuq it-titjira kkonċernata
u, minbarra fil-każ tal-kanċellazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 u
fil-każ ta' bidla fl-iskeda msemmija fl-Artikolu 6, jippreżentaw
ruħhom għall-imbark, - kif stipulat u fil-ħin indikat minn qabel u
bil-miktub (anki b'mezzi elettroniċi) mit-trasportatur tal-ajru,
l-organizzatur jew aġent tal-ivvjaġġar awtorizzat, jew, jekk ma hemmx ħin indikat, - mhux aktar tard minn 45 minuta qabel
il-ħin tat-tluq skedat; jew (b) ikun trasferixxihom trasportatur tal-ajru jew
organizzatur mit-titjira bbukkjata għal titjira oħra, tkun xi tkun ir-raġuni.' (b)
Il-paragrafu jinbidel b'dan li ġej: '4. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 8(6),
dan ir-Regolament għandu japplika biss għal passiġġieri ttrasportati
b'ajruplani bil-ġwienaħ fissi bil-magni. Madankollu, fejn parti
mill-vjaġġ titwettaq, skont kuntratt ta' trasport, minn tip
ieħor ta' trasport jew bil-ħelikopter, dan ir-Regolament għandu
japplika għall-vjaġġ kollu u l-parti tal-vjaġġ
imwettqa minn tip ieħor ta' trasport għandha titqies bħala
titjira konnessa għall-fini ta' dan ir-Regolament.' (c)
Il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej: '6. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal
passiġġieri trasportati skont kuntratti ta' vjaġġ b'kollox
inkluż iżda ma għandux jaffettwa d-drittijiet
tal-passiġġieri skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE. Il-passiġġier
għandu jkun intitolat li jippreżenta pretensjonijiet skont dan ir-Regolament
u skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, iżda ma jistax fir-rigward
tal-istess fatti jiġma' d-drittijiet miż-żewġ atti legali
jekk id-drittijiet jissalvagwardjaw l-istess interess jew għandhom
l-istess għan. Dan ir-Regolament ma għandux japplika
fil-każijiet fejn ġita b'kollox inkluż tiġi
kkanċellata jew ittardjata għal raġunijiet li mhumiex
kanċellazzjoni jew ittardjar tat-titjira.' 3. L-Artikolu 4 huwa
emendat kif ġej: (a)
Il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej: '3. Jekk l-imbark jiġi miċħud
lill-passiġġieri kontra r-rieda tagħhom, it-trasportatur
tal-ajru li qed jopera għandu jikkkumpensahom immedjatament skont l-Artikolu 7
u jagħtihom assistenza skont l-Artikolu 8. Meta l-passiġġier
jagħżel ir-riprogrammar tar-rotta mal-ewwel opportunità skont l-Artikolu 8(1)(b)
u meta l-ħin tat-tluq ikun tal-inqas sagħtejn wara l-ħin
tat-tluq inizjali, it-trasportatur tal-ajru li qed jopera għandu jassisti
lill-passiġġier skont l-Artikolu 9.' (b)
Jiżdiedu ż-żewġ paragrafi li
ġejjin: '4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw
ukoll għall-biljetti ta' ritorn fejn il-passiġġier jiġi
miċħud l-imbark fil-vjaġġ ta' ritorn minħabba li ma
jkunx ħa l-vjaġġ tal-bidu jew ma jkunx ħallas imposta
addizzjonali għal dan l-iskop. 5. Meta l-passiġġier, jew intermedjarju
li jaġixxi f'isem il-passiġġier, jirrapporta żball
ortografiku fl-isem ta' passiġġier wieħed jew iżjed minn
wieħed inklużi fl-istess kuntratt ta' trasport li jista' jwassal
għal ċaħda tal-imbark, it-trasportatur tal-ajru għandu
jikkorreġi dan tal-anqas sa 48 siegħa qabel it-tluq
mingħajr ebda imposta għall-passiġġier jew l-intermedjarju,
minbarra fejn ma jistax jagħmel dan minħabba l-liġi nazzjonali
jew internazzjonali.' 4. L-Artikolu 5 huwa
emendat kif ġej: (a)
Il-paragrafu 1, il-punti (a) u (b) jinbidlu
b'dan li ġej: '(a) it-trasportatur operattiv tal-ajru joffrilhom
l-għażla bejn rimborż, kontinwazzjoni tal-vjaġġ tagħhom
permezz ta' riprogrammar tar-rotta jew vjaġġ f'data aktar tard, skont
l-Artikolu 8; u '(b) jkunu offruti mit-trasportatur operattiv
tal-ajru fil-każ ta' riprogrammar tar-rotta meta l-ħin tat-tluq
raġonevolment mistenni tat-titjira jkun tal-anqas sagħtejn wara
t-tluq ippjanat tat-titjira kanċellata, il-kura speċifikata fl-Artikolu 9
u' (b)
Il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej: '3. Trasportatur operattiv tal-ajru ma
għandux ikun obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7 jekk
jista' juri li l-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ċirkostanzi
straordinarji u li l-kanċellazzjoni ma setgħetx tiġi evitata
anki kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli. Tali
ċirkostanzi straordinarji jistgħu jiġu invokati biss safejn
jaffettwaw it-titjira konċernata jew it-titjira preċedenti operata
mill-istess ajruplan.' (c)
Jiżdied il-paragrafu 5 li ġej: '5. Fl-ajruporti li t-traffiku annwali tagħhom
ma kienx inqas minn tliet miljun passiġġier għal tal-inqas tliet
snin konsekuttivi, il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport għandu
jiżgura li l-operazzjonijiet tal-ajruport u tal-utenti tal-ajruport, b'mod
partikolari tat-trasportaturi tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi ta'
groundhandling, ikunu koordinati bi pjan ta' kontinġenza xieraq
minħabba sitwazzjonijiet ta' kanċellazzjonijiet multippli u/jew
dewmien tat-titjiriet li jwasslu biex numru konsiderevoli ta'
passiġġieri jeħlu fl-ajruport, inkluż fil-każijiet ta'
insolvenza jew revoka tal-liċenzja operattiva tat-trasportatur tal-ajru. Il-pjan ta' kontinġenza għandu jitwaqqaf biex jiżgura
li lill-passiġġieri jingħatawlhom l-informazzjoni u l-assistenza
xierqa. Il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport għandu jikkomunika l-pjan
ta' kontinġenza u kull emenda fih lill-Korp Nazzjonali għall-Infurzar
maħtur skont l-Artikolu 16. Fl-ajruporti 'l
isfel mil-livell limitu msemmi hawn fuq, il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport
għandu jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jikkoordina
l-utenti tal-ajruport u biex jgħin u jinforma lil passiġġieri li
baqgħu l-art f'dawn is-sitwazzjonijiet. 5. L-Artikolu 6 għandu
jinbidel b'dan li ġej: 'Artikolu 6 Dewmien
fit-tul 1. Meta trasportatur operattiv tal-ajru jassumi
raġonevolment li titjira se tiddewwem, jew trasportatur operattiv tal-ajru
jipposponi l-ħin tat-tluq skedat, lil hinn mill-ħin tat-tluq
oriġinarjament skedat għaliha, it-trasportatur operattiv tal-ajru
għandu joffri għall-passiġġieri: (i) meta d-dewmien ikun ta' mill-inqas
sagħtejn, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); (ii) meta d-dewmien ikun ta' mill-inqas
ħames sigħat u jinkludi lejl wieħed jew iżjed minn
wieħed, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(c); u (iii) meta d-dewmien ikun ta' mill-inqas
ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a). 2. Il-passiġġieri għandu
jkollhom dritt għal kumpens mit-trasportatur operattiv tal-ajru skont
l-Artikolu 7 meta l-passiġġier jasal fid-destinazzjoni finali
tiegħu: (a) ħames sigħat jew iżjed wara
l-ħin tal-wasla skedat għall-vjaġġi kollha fi ħdan
il-Komunità u għal vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi ta' 3 500 km
jew inqas; (b) disa' sigħat jew iktar wara l-ħin
tal-wasla skedat għall-vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi bejn 3 500
u 6 000 km; (c) tnax-il siegħa jew iktar wara l-ħin
tal-wasla skedat għall-vjaġġi lejn/minn pajjiżi terzi ta' 6 000 km
jew iktar. 3. Il-paragrafu 2 għandu japplika
wkoll meta t-trasportatur operattiv tal-ajru jkun immodifika l-ħinijiet
tat-tluq u tal-wasla skedati u jikkawża dewmien meta mqabbel mal-ħin
tal-wasla tal-iskeda oriġinali, sakemm il-passiġġier ma jkunx
ġie mgħarraf bil-bidla fl-iskeda iktar minn ħmistax-il
ġurnata qabel il-ħin tat-tluq oriġinarjament skedat. 4. Trasportatur operattiv tal-ajru ma
għandux ikun obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7, jekk
jista' juri li d-dewmien jew il-bidla fl-iskeda huma kkawżati minn
ċirkostanzi straordinarji u li d-dewmien jew il-bidla fl-iskeda ma setgħux
jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha
raġonevoli. Ċirkostanzi straordinarji bħal dawn jistgħu
jiġu invokati biss safejn jaffettwaw it-titjira kkonċernata jew
it-titjira preċedenti operata mill-istess ajruplan. 5. Soġġett
għar-restrizzjonjiet tas-sigurtà, fejn dewmien fuq it-tarmak jaqbeż is-siegħa,
it-trasportatur operattiv tal-ajru għandu jipprovdi aċċess mingħajr
ħlas għall-faċilitajiet tal-kamra tal-banju u l-ilma tax-xorb,
għandu jiżgura tisħin jew tkessiħ xieraq tal-kabina
tal-passiġġieri, u għandu jiżgura li jkun hemm disponibbli l-attenzjoni
medika xierqa jekk meħtieġa. Meta d-dewmien fuq it-tarmak jilħaq
massimu ta' ħames sigħat, l-ajruplan għandu jirritorna
għall-bieb tat-tluq jew punt ta' żbark ieħor xieraq fejn
il-passiġġieri jitħallew jinżlu u jibbenefikaw mill-istess
assistenza speċifikata fil-paragrafu 1, sakemm ma jkunx hemm
raġunijiet relatati mas-sigurtà jew mas-sikurezza għalfejn l-ajruplan
ma jistax jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu fuq it-tarmak.' 6. Jiżdied l-Artikolu li
ġej: 'Artikolu 6a Titjira konnessa
mitlufa 1. Meta passiġġier jitlef titjira konnessa
bħala riżultat ta' dewmien jew bidla fl-iskeda ta' titjira
preċedenti, it-trasportatur tal-ajru Komunitarju li jkun qed jagħmel
it-titjira konnessa suċċessiva għandu joffri
lill-passiġġier: (i) l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a)
u 9(2) jekk il-ħin ta' stennija tal-passiġġier
għall-konnessjoni jittawwal mill-inqas b'sagħtejn; u (ii) riprogrammar tar-rotta kif speċifikat
fl-Artikolu 8(1)(b); u (iii) meta l-ħin tat-tluq skedat tat-titjira
alternattiva jew tat-trasport l-ieħor offrut skont l-Artikolu 8 huwa
mill-inqas 5 sigħat wara l-ħin tat-tluq skedat tat-titjira mitlufa u
d-dewmien jinkludi lejl wieħed jew iżjed minn wieħed,
l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(c). 2. Meta passiġġier jitlef titjira konnessa
bħala riżultat ta' dewmien tat-titjira konnessa preċedenti,
il-passiġġier għandu jkollu d-dritt għal kumpens mit-trasportatur
tal-ajru Komunitarju li jkun qed jagħmel din it-titjira preċedenti
skont l-Artikolu 6(2). Għal dawn il-fini, id-dewmien għandu jkun
ikkalkulat b'referenza għall-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni
finali. 3. Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr
ħsara għal kwalunkwe arranġamenti ta' indennizz bejn
it-trasportaturi tal-ajru affettwati. 4. Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw ukoll
għal trasportaturi tal-ajru ta' pajjiżi terzi li jkunu qed
jagħmlu titjira konnessa minn jew lejn ajruport tal-UE.' 7. L-Artikolu 7 huwa
emendat kif ġej: (a)
Fil-paragrafu 1, il-kelma "titjiriet"
tinbidel bi "vjaġġi". (b)
Il-paragrafi 2, 3 u 4 jinbidlu b'dan li
ġej: 2. Meta l-passiġġier ikun
għażel l-issoktar tal-vjaġġ tiegħu skont l-Artikolu 8(1)(b),
id-dritt għal kumpens jista' jirriżulta biss darba matul
il-vjaġġ tiegħu lejn id-destinazzjoni finali, anki jekk ikun
hemm kanċellazzjoni ġdida jew konnessjoni mitlufa matul
ir-riprogrammar tar-rotta. 3. Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1
għandu jitħallas fi flus kontanti, bi trasferiment elettroniku bankarju,
ordnijiet bankarji jew ċekkijiet bankarji. 4. Id-distanzi mogħtija fil-paragrafu 1
għandhom jitkejlu bil-metodu tar-rotta ortodromika. 5. It-trasportatur tal-ajru jista' jilħaq
ftehim volontarju mal-passiġġier li jissostitwixxi
d-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens stabbiliti fil-paragrafu 1, sakemm dan
il-ftehim huwa kkonfermat b'dokument iffirmat mill-passiġġier li
jfakkar lill-passiġġier dwar id-drittijiet tiegħu għal
kumpens skont dan ir-Regolament.' 8. L-Artikolu 8 jinbidel b'dan
li ġej: 'Artikolu 8 Dritt
għal rimborż jew riprogrammar tar-rotta 1. Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu,
il-passiġġieri għandhom jiġu offruti, mingħajr
ħlas, l-għażla bejn tliet alternattivi: (a) - rimborż fi żmien sebat ijiem
mit-talba tal-passiġġier, bil-mezzi stipulati fl-Artikolu 7(3), tal-prezz
tat-titjira, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux,
u għall-parti jew il-partijiet li jkunu saru diġà jekk it-titjira ma
tibqax isservi kwalunkwe skop relatat mal-pjan oriġinali tal-ivvjaġġar
tal-passiġġier, flimkien ma', fejn rilevanti, - titjira tar-ritorn sal-ewwel punt tat-tluq,
mal-ewwel opportunità; (b) kontinwazzjoni tal-pjanijiet
tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri permezz ta' riprogrammar
tar-rotta tagħhom, b'kundizzjonijiet ta' trasport paragunabbli,
sad-destinazzjoni finali tagħhom mal-ewwel opportunità; jew (c) riprogrammar tar-rotta, b'kundizzjonijiet
tat-trasport paragunabbli, sad-destinazzjoni finali tagħhom f'data aktar
tard għall-konvenzjenza tal-passiġġier, soġġett
għad-disponibbiltà ta' postijiet. 2. Il-paragrafu 1(a) għandu japplika
wkoll għal passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jifformaw
parti minn vjaġġ b'kollox inkluż, minbarra għad-dritt
għal rimborż fejn tali dritt iqum skont id-Direttiva 90/314/KEE. 3 Jekk trasportatur operattiv tal-ajru joffri lil passiġġier
titjira lejn jew minn ajruport alternattiv għal dak li għalih sar il-buking,
it-trasportatur operattiv tal-ajru għandu jħallas l-ispejjeż ta'
trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv għal
dak li għalih saret il-prenotazzjoni, jew, fir-rigward tal-ajruport ta'
destinazzjoni, għal destinazzjoni oħra viċin bi qbil
mal-passiġġier. 4. Fejn isir qbil mal-passiġġier,
it-titjira jew titjiriet ta' ritorn imsemmija fil-paragrafu 1(a) jew
ir-riprogrammar tar-rotta msemmi fil-pagarafu 1(b) jew 1(c) jistgħu
jużaw servizzi operati minn trasportatur tal-ajru ieħor, jinvolvu
rotta differenta, jew jużaw tip ta' trasport ieħor. 5. Meta l-passiġġieri jagħżlu
l-alternattiva msemmija fil-paragrafu 1(b), dawn għandu jkollhom id-dritt
għal riprogrammar tar-rotta permezz ta' trasportatur tal-ajru ieħor,
soġġetti għad-disponibbiltà, jew tip ieħor ta' trasport meta
t-trasportatur operattiv tal-ajru ma jkunx jista' jittrasporta lill-passiġġier
bis-servizzi tiegħu u fil-ħin biex jasal fid-destinazzjoni finali fi
żmien 12-il siegħa mill-ħin tal-wasla skedat. Minkejja l-Artikolu 22(1)
tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008[23],
it-trasportatur tal-ajru l-ieħor jew l-operatur tat-trasport l-ieħor,
ma għandux jitlob lit-trasportatur tal-ajru kontraenti prezz li jmur lil
hinn mill-prezz medju mħallas mill-passiġġieri tiegħu stess
għal servizzi ekwivalenti fl-aħħar tliet xhur. 6. Kull meta l-passiġġieri jiġu
offruti, skont il-paragrafu 1, riprogrammar totali jew parzjali tar-rotta
permezz ta' tip ieħor ta' trasport, dan ir-Regolament għandu japplika
għat-trasport imwettaq minn dak it-tip l-ieħor ta' trasport
daqslikieku kien qed jitwettaq minn ajruplan bil-ġwienaħ fissi.' 9. L-Artikolu 9 huwa
emendat kif ġej: (a)
Il-paragrafu 1, il-punt c jinbidel b'dan
li ġej: '(c) trasport bejn l-ajruport u l-post ta'
akkomodazzjoni (lukanda, post ta' residenza tal-passiġġier jew
ieħor)' (b)
Jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin: '4. Jekk it-trasportatur operattiv tal-ajru jista'
juri li l-kanċellazzjoni, id-dewmien jew il-bidla fl-iskeda hija
kkawżata minn ċirkostanti straordinarji u li l-l-kanċellazzjoni,
id-dewmien jew il-bidla fl-iskeda ma setgħetx tiġi evitata anki kieku
ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, dan jista' jillimita
l-ispejjeż totali tal-akkomodazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1(b)
bi EUR 100 għal kull lejl u għal kull passiġġier u
għal massimu ta' tlett (3) iljieli. Jekk it-trasportatur tal-ajru li qed
jopera, jagħżel li japplika dan il-limitu, dan għandu
jagħti l-informazzjoni lill-passiġġieri dwar l-akkomodazzjoni
disponibbli wara t-tlett iljieli, apparti li jkompli jwettaq l-obbligi
tiegħu tal-informazzjoni kif speċifikati fl-Artikolu 14. 5. L-obbligu ta' offerta ta' akkomodazzjoni skont
il-paragrafu 1(b) ma għandux japplika fejn it-titjira konċernata hija
ta' 250 km jew inqas u skedata li tiġi operata minn ajruplan b'kapaċità
massima ta' 80 post jew anqas, ħlief meta t-titjira tkun titjira
konnessa. Madankollu, jekk it-trasportatur operattiv tal-ajru jagħżel
li japplika din l-eżenzjoni, għandu jipprovdi l-passiġġieri
bl-informazzjoni dwar l-akkomodazzjoni disponibbli. 6. Meta passiġġier jagħżel
ir-rimborż skont l-Artikolu 8(1)(a) waqt li jkun fl-ajruport tat-tluq
tal-vjaġġ tiegħu, jew jagħżel ir-riprogrammar
tar-rotta f'data aktar tard skont l-Artikolu 8(1)(c), il-passiġġier
ma jkollu l-ebda dritt ieħor għal indukrar skont l-Artikolu 9(1)
relatat mat-titjira rilevanti.' 10. Fil-paragrafu 2, il-punti
(a), (b) u (c) tal-Artikolu 10, it-terminu "prezz tal-biljett" jinbidel
bi "prezz tat-titjira". 11. Il-paragrafu li ġej jiżdied
mal-Artikolu 11: '3. It-trasportatur operattiv tal-ajru ma
għandux japplika l-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(4) u
9(5) jekk il-passiġġier huwa persuna b'mobbiltà mnaqqsa jew xi
persuna li qed takkumpanjah, tifel/tifla mhux akkumpanjati, mara tqila jew
persuna li teħtieġ assistenza medika speċifika, diment li t-trasportatur
tal-ajru jew l-aġent tiegħu jew l-organizzatur ikun ġie mgħarraf
bil-bżonnijiet partikolari tagħhom għal assistenza tal-inqas 48 siegħa
qabel il-ħin skedat għat-tluq tat-titjira. Notifika bħal din għandha
titqies li tkopri l-vjaġġ sħiħ u l-vjaġġ tar-ritorn
jekk iż-żewġ vjaġġi ġew ikkuntrattati mal-istess
trasportatur tal-ajru.' 12. L-Artikolu 13 jinbidel b'dan
li ġej: 'Artikolu 13 Dritt
għal rimedju Meta trasportatur operattiv tal-ajru jħallas
kumpens jew jissodisfa l-obbligi l-oħra tiegħu skont dan
ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament jew
tal-liġi nazzjonali ma tista' tiġi interpretata li tirrestrinġi
d-dritt tiegħu li jfittex kumpens għall-ispejjeż li jkollu skont
dan ir-Regolament minn kull parti terza li kkontribwixxiet
għall-avveniment li wassal għall-kumpens jew obbligi oħra.' 13. L-Artikolu 14 jinbidel
b'dan li ġej: 'Artikolu 14 Obbligi
ta' informazzjoni lill-passiġġieri 1. Il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport u t-trasportatur
operattiv tal-ajru għandhom jiżguraw li fil-bankijiet taċ-check-in
(inkluż l-magni taċ-check-in fejn wieħed jinqeda waħdu) u
fil-bieb tal-imbark, avviż leġġibbli biċ-ċar li fih
it-test li ġej għandu jintwera f'mod viżibbli u ċar
lill-passiġġieri: "Jekk tiġi miċħud l-imbark jew
jekk it-titjira tiegħek tiġi kkanċellata jew imdewma għal
tal-inqas sagħtejn, staqsi mal-bank taċ-check-in jew il-bieb
tal-imbark għall-avviż li jiddikjara d-drittijiet tiegħek, b'mod
partikolari dwar l-assistenza u l-kumpens". 2. Trasportatur operattiv tal-ajru li
jiċħad l-imbark jew jikkanċella titjira għandu jipprovdi
lil kull passiġġeri affettwat b'avviż bil-miktub li
jistabbilixxi r-regoli għall-kumpens u l-assistenza b'konformità ma' dan
ir-Regolament, inkluża informazzjoni dwar il-limitazzjonijiet skont l-Artikolu 9(4)
u 9(5). Dan għandu jipprovdi wkoll lil kull passiġġier affettwat
b'dewmien jew bidla fl-iskeda ta' mill-inqas sagħtejn b'avviż
ekwivalenti. Id-dettalji tal-kuntatt tal-korpi kompetenti tal-ġestjoni
tal-ilment maħtura skont l-Artikolu 16a ukoll għandhom
jingħataw lill-passiġġier bil-miktub. 3. Fir-rigward ta' persuni neqsin mid-dawl u b'vista
batuta, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom
jiġu applikati bl-użu ta' mezzi alternattivi xierqa. 4. Il-korp ta' ġestjoni tal-ajruport
għandu jiżgura li l-informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet
tal-passiġġieri tintwera biċ-ċar u li tkun viżibbli
fiż-żoni tal-passiġġieri tal-ajruport. Dan għandu jiżgura
wkoll li l-passiġġieri preżenti fl-ajruport ikunu mgħarrfa
dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom u dwar id-drittijiet
tagħhom fil-każ li t-trasportatur tal-ajru jwaqqaf l-operat meta mhux
mistenni bħal fil-każ ta' insolvenza jew revoka tal-liċenzja
operattiva tiegħu. 5. Fil-każ ta' kanċellazzjoni jew
dewmien fit-tluq, il-passiġġieri għandhom ikunu mgħarrfa
mit-trasportatur operattiv tal-ajru dwar is-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun
u f'kull każ mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq
skedat, u dwar il-ħin ta' tluq stmat malli din l-informazzjoni tkun
disponibbli, diment li t-trasportatur tal-ajru jkun irċieva d-dettalji ta'
kuntatt tal-passiġġier skont il-paragrafi 6 u 7 fil-każ li
l-biljett ikun inxtara mingħand intermedjarju. 6. Meta l-passiġġier ma jkunx xtara
l-biljett direttament mit-trasportatur operattiv tal-ajru, iżda minn
intermedjarju stabbilit fl-Unjoni, dan l-intermedjarju għandu jipprovdi
d-dettalji ta' kuntatt tal-passiġġier lit-trasportatur tal-ajru, diment
li l-passiġġier ikun ta l-awtorizzazzjoni espliċita u bil-miktub
tiegħu. Din l-awtorizzazzjoni tista' tingħata biss fuq bażi "inklużjoni
fakultattiva". It-trasportatur tal-ajru jista' juża dawn id-dettalji
ta' kuntatt esklussivament biex jissodisfa l-obbligu ta' informazzjoni skont
dan l-Artikolu u mhux għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u
għandu jħassar id-dettalji ta' kuntatt fi żmien 72 siegħa
wara li jiġi kkompletat il-kuntratt ta' trasport. L-ipproċessar,
l-aċċess u l-ħażna ta' din id-dejta għandhom jitwettqu
skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar
il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta
personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta[24]. 7. Intermedjarju għandu jkun eżentat
mill-paragrafu 6 jekk jista' juri l-eżistenza ta' sistema alternattiva li
tiżgura li l-passiġġier ikun informat mingħajr
it-trażmissjoni tad-dettalji ta' kuntatt rilevanti.' 14. L-Artikolu 16 huwa mibdul
b'dak li ġej: 'Artikolu 16 Infurzar 1. Kull Stat Membru għandu jaħtar Korp Nazzjonali
għall-Infurzar li jkun responsabbli għall-infurzar ta' dan
ir-Regolament fir-rigward ta' titjiriet minn ajruporti sitwati fit-territorju
tiegħu u titjiriet minn pajjiż terz lejn tali ajruporti. L-Istati
Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-korp li nħatar
skont dan il-paragrafu. 2. Il-Korp Nazzjonali għall-Infurzar
għandu jissorvelja mill-qrib il-konformità mar-rekwiżiti ta' dan
ir-Regolament u jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura
li jiġu rispettati d-drittijiet tal-passiġġieri. Għal dan
il-għan, it-trasportaturi tal-ajru u l-korpi ta' ġestjoni
tal-ajruport għandhom jipprovdu d-dokumenti rileventi lill-Korp Nazzjonali
għall-Infurzar fuq talba tiegħu. Sabiex iwettaq il-funzjonijiet
tiegħu, il-Korp Nazzjonali għall-Infurzar għandu jieħu f'kunsiderazzjoni
wkoll l-informazzjoni sottomessa lilu mill-korp maħtur skont l-Artikolu 16a.
Dan jista' jiddeċiedi wkoll dwar azzjonijiet ta' infurzar abbażi
tal-ilmenti individwali trażmessi mill-korp maħtur skont l-Artikolu 16a. 3. Is-sanzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri
għall-ksur ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu effettivi,
proporzjonali u dissważivi. 4. Meta l-korpi maħtura skont l-Artikoli 16
u 16a ma jkunux l-istess wieħed, għandhom jiddaħħlu
mekkaniżmi ta' rapportar biex jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni
bejn il-korpi differenti sabiex jgħinu lill-Korp Nazzjonali
għall-Infurzar iwettaq il-kompiti tiegħu ta' superviżjoni u
infurzar u għall-korp maħtur skont l-Artikolu 16a biex
jiġbor l-informazzjoni meħtieġa biex jeżamina l-ilmenti
individwali. 5. Għal kull sena, u mhux aktar tard minn tmiem
April tas-sena kalendarja ta' wara, il-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar
għandhom jippubblikaw statistiki dwar l-attivitajiet tagħhom,
inkluż dwar is-sanzjonijiet li jkunu applikaw. 6. It-trasportaturi tal-ajru għandhom
jikkomunikaw id-dettalji ta' kuntatt tagħhom, għal kwistjonijiet
koperti minn dan ir-Regolament, lill-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar
tal-Istati Membri li joperaw fihom.' 15. Jiżdiedu l-Artikoli li
ġejjin: 'Artikolu 16a Pretensjonijiet
u lmenti tal-passiġġieri 1. Fil-ħin tal-prenotazzjoni,
it-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu informazzjoni
lill-passiġġieri dwar il-proċessi ta' ġestjoni
tal-pretensjoni u l-ilment tagħhom relatati mad-drittijiet stabbiliti f'dan
ir-Regolament u dwar l-indirizzi ta' kuntatt rilevanti, li fuqhom il-passiġġieri
jistgħu jibagħtu l-pretensjonijiet u l-ilmenti tagħhom, anki b'mezzi
elettroniċi ta' trażmissjoni. It-trasportatur tal-ajru għandu jgħarraf
ukoll lill-passiġġieri dwar il-korp jew il-korpi kompetenti
għall-ġestjoni tal-ilmenti tal-passiġġieri. 2. Jekk passiġġieri jixtieq jagħmel
ilment mat-trasportatur tal-ajru rigward id-drittijiet tiegħu skont dan
ir-Regolament, għandu jissottomettih fi żmien tliet (3) xhur mid-data
li fiha tkun twettqet jew kienet skedata li titwettaq it-titjira. Fi żmien
7 ijiem minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur għandu
jikkonferma li rċieva l-ilment lill-passiġġier. Fi żmien
xahrejn minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur tal-ajru għandu
jagħti tweġiba sħiħa lill-passiġġier. 3. Skont il-liġi rilevanti tal-UE u
nazzjonali, kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi nazzjonali
biex ikunu responsabbli għal riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti
bejn it-trasportaturi tal-ajru u l-passiġġieri fir-rigward tad-drittijiet
koperti b'dan ir-Regolament. 4. Kull passiġġier jista' jilmenta ma' xi
korp nazzjonali maħtur skont il-paragrafu 3, fuq ksur allegat ta' dan
ir-Regolament f'kull ajruport li jinstab fit-territorju ta' Stat Membru jew li
jikkonċerna xi titjira minn pajjiż terz lil ajruport li jinstab fuq
dak it-territorju. Ilmenti bħal dawn jistgħu jiġu sottomessi
mhux qabel xahrejn wara li l-ilment ikun ġie sottomess lit-trasportatur
tal-ajru kkonċernat sakemm it-trasportatur ma jkunx diġà ta tweġiba
finali għat-tali lment. 5. Fi żmien sebat (7) ijiem minn meta
jirċievi l-ilment, il-korp maħtur għandu jikkonferma li
rċieva l-ilment u għandu jibgħat kopja lill-Korp Nazzjonali
għall-Infurzar xieraq. Iż-żmien meħud biex tingħata
t-tweġiba finali lill-ilmentatur ma għandux ikun itwal minn tliet
xhur mir-riċevuta tal-ilment. Kopja tat-tweġiba finali għandha
tingħata wkoll lill-Korp Nazzjonali għall-Infurzar. Artikolu 16b Kooperazzjoni
bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni 1. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja
d-djalogu bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni
nazzjonali ta' dan ir-Regolament permezz tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 16c. 2. Ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom
jipprovdu rapport tal-attività tagħhom lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn
tmiem April tas-sena kalendarja ta' wara. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi
fuq il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati f'dawn ir-rapporti permezz
ta' atti implimentattivi. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu
adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16c. 3. L-Istati Membri għandhom jibgħatu
regolarment l-informazzjoni rilevanti dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni
nazzjonali tar-Regolament lill-Kummissjoni, li se tqiegħed din
l-informazzjoni għad-dispożizzjoni f'forma elettronika għal Stati
Membri oħra. 4. Fuq talba ta' Stat Membru, jew fuq
l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha teżamina
l-każijiet fejn iqumu differenzi fl-applikazzjoni u l-infurzar ta'
kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u b'mod
partikolari rigward l-interpretazzjoni ta' ċirkostanzi straordinarji; u
għandha tiċċara d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament,
bil-għan li tippromwovi approċċ komuni. Għal dan
il-għan, il-Kummissjoni tista' tadotta rakkomandazzjoni wara li tikkonsulta
lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 16c. 5. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Korpi Nazzjonali
għall-Infurzar għandhom jinvestigaw prattiki suspettużi
speċifiċi minn trasportatur tal-ajru wieħed jew iżjed u
jirrapportaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien erba' (4)
xhur mit-talba. Artikolu 16c Proċedura
ta' kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita
mill-Kumitat għad-Drittijiet tal-Passiġġieri, magħmul minn
żewġ rappreżentanti ta' kull Stat Membru u li tal-inqas
wieħed minnhom ikun jirrappreżenta Korp Nazzjonali
għall-Infurzar. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira
tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu,
għandu jkun japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 16. L-Artikolu 17 jinbidel b'dan
li ġej: 'Artikolu 17 Rapport Sal-1 ta' Jannar 2017 il-Kummissjoni
għandha tirrapporta mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-tħaddim
u r-riżultati ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari rigward l-impatti
tal-kumpens għal dewmien fit-tul u l-limitazzjoni tal-akkomodazzjoni f'ċirkostanzi
straordinarji ta' dewmien twil. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll
dwar it-titjib fil-protezzjoni tal-passiġġieri li qed
jivvjaġġaw bl-ajru fuq titjiriet minn pajjiżi terzi li joperaw
minn trasportaturi tal-ajru mhux tal-Komunità, fil-kuntest tal-ftehimiet
internazzjonali dwar it-trasport tal-ajru. Meta jkun hemm bżonn, ir-rapport
għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi. 17. L-Anness 1 ta' dan
ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness 1 tar-Regolament Nru 261/2004. Artikolu 2 Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 huwa
emendat kif ġej: 1. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3
jinbidel b'dan li ġej: '2. It-trasportatur tal-ajru tal-Komunità
għandu jipprovdi formola għall-ilmenti fl-ajruport li tippermetti lill-passiġġier
jissottometti minnufih ilment bħal dan dwar ħsara jew dewmien
tal-bagalji. Tali formola għall-ilmenti, li tista' tieħu l-forma ta'
Rapport dwar Irregolarità fil-Proprjetà (PIR), għandha tkun
aċċettata mit-trasportatur tal-ajru fl-ajruport bħala lment
skont l-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal. Din il-possibbiltà ma
għandhiex taffettwa d-dritt tal-passiġġier li jissottometti
lment permezz ta' mezzi oħra fl-iskadenzi mogħtija mill-Konvenzjoni
ta' Montreal.' 2. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5
jinbidel b'dan li ġej: '2. Mingħajr ħsara għall-paragrafu
1, ħlas bil-quddiem ma għandux ikun inqas mill-ekwivalenti f'euro ta'
SDR 18 096 għal kull passiġġier fil-każ ta' mewt.
'Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa, permezz ta' att iddelegat
skont l-Artikolu 6c, li taġġusta dan
l-ammont fid-dawl ta' deċiżjoni mill-Organizzazzjoni
Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal. Kull
aġġustament fl-ammont imsemmi hawn fuq għandu jbiddel ukoll
l-ammont korrispondenti fl-Anness.' 3. Is-sentenza li ġejja tiżdied
mal-Artikolu 6(1): 'Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa,
permezz ta' att iddelegat skont l-Artikolu 6c, li
taġġusta l-ammonti msemmija fl-Anness, bl-eċċezzjoni
tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(2), fid-dawl ta' deċiżjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal.' 4. Jiżdiedu l-Artikoli li
ġejjin: 'Artikolu 6a 1. Meta jkun qed iġorr siġġijiet
tar-roti jew tagħmir tal-mobbiltà jew apparat tal-assistenza ieħor li
jkun diġà għadda miċ-check-in, it-trasportatur tal-ajru u
l-aġenti tiegħu jistgħu joffru kull persuna b'mobbiltà mnaqqsa
kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006[25] l-għażla li
jagħmlu, mingħajr ħlas, dikjarazzjoni ta' interess speċjali
skont l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal, mal-prenotazzjoni u
mhux aktar tard minn meta t-tagħmir jingħata lit-trasportatur
tal-ajru. 2. Fil-każ ta' qerda, telf ta' jew ħsara
lit-tagħmir ta' għajnuna għall-mobbiltà, ir-responsabbiltà tat-trasportatur
tal-ajru għandha tkun limitata għas-somma dikjarata mill-persuna
fil-ħin meta tagħmel it-tagħmir tal-mobbiltà li jkun għadda
miċ-check-in jingħata lit-trasportatur tal-ajru tal-Komunità. 3. Fil-każ ta' qirda, telf, ħsara jew
dewmien fit-trasport ta' siġġijiet bir-roti jew tagħmir
tal-mobbiltà jew apparat ta' assistenza ieħor li jkun għadda
miċ-check-in, it-trasportatur tal-ajru tal-Komunità għandu jkun
responsabbli għal-ħlas ta' somma li ma taqbiżx is-somma dikjarata
mill-passiġġier; sakemm ma jurix li s-somma ddikjarata hija akbar
mill-interess proprju tal-persuna fit-twassil fid-destinazzjoni. Artikolu 6b 1. Il-Korp Nazzjonali għall-Infurzar
maħtur skont l-Artikolu 16 tar-Regolament 261/2004 għandu
jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament. Għal dan il-għan,
dan għandu jissorvelja: - it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti
tat-trasport bl-ajru; - l-offerta sistematika ta' dikjarazzjoni ta'
interess speċjali għal tagħmir tal-mobbiltà li jgħaddi
miċ-check-in, u ta' livell xieraq ta' kumpens fil-każ ta' ħsara
kkawżata lit-tagħmir tal-mobbiltà; - il-ħlas ta' ħlas bil-quddiem skont l-Artikolu 5(1)
meta applikabbli; - l-applikazzjoni tal-Artikolu 6. 2. Għall-fini ta' monitoraġġ
tal-protezzjoni ta' passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa u ta' passiġġieri
b'diżabbiltajiet fil-każ ta' ħsara fit-tagħmir tal-mobbiltà
tagħhom, il-Korp Nazzjonali għall-Infurzar għandu jeżamina
wkoll u jqis l-informazzjoni fuq l-ilment dwar tagħmir tal-mobbiltà
sottomessa lill-korpi maħtura skont l-Artikolu 16a tar-Regolament Nru 261/2004. 3. Is-sanzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri
għall-ksur ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu effettivi,
proporzjonati u dissważivi. 4. Fir-rapporti annwali tagħhom skont l-Artikolu 16(6)
tar-Regolament 261/2004, il-Korpi Nazzjonali għall-Infurzar għandhom
jippubblikaw ukoll statistiki dwar l-attivitajiet tagħhom u dwar
is-sanzjonijiet li jkunu applikaw fir-rigward tal-applikazzjoni ta' dan
ir-Regolament. Artikolu 6c 1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa
li tadotta atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet
stabbiliti f'dan l-Artikolu. 2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 6(1)
għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien
indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 6(1)
tista' tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew
mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega
tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha
tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni
tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa
l-validità ta' xi atti ddelegati diġà fis-seħħ. 4. Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni
għandha tinnotifika fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill. 5. Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 6(1)
għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa
l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi
żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament
Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu,
il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw
lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Il-perjodu għandu
jkun estiż b'xahrejn wara l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill.' Artikolu 6d 1. Filwaqt li t-trasportaturi tal-ajru
għandhom il-libertà kummerċjali kollha li jistabbilixxu
l-kundizzjonijiet li skonthom jippermettu li tinġarr bagalja, dawn
għandhom juru biċ-ċar, waqt il-buking jew waqt iċ-check-in
(inkluż fil-magni taċ-check-in self-service), il-kwota massima
tal-bagalji li l-passiġġieri jistgħu jġorru fil-kabina jew
fl-istiva tal-ajruplan fuq kull waħda mit-titjiriet inklużi
fil-buking tal-passiġġier, li tkun tinkludi kwalunkwe restrizzjonijiet
fuq l-għadd tal-oġġetti applikati fi kwota massima partikolari
tal-bagalji. Meta jiġu applikati ħlasijiet żejda
għall-ġarr tal-bagalji, it-trasportaturi tal-ajru għandhom juru
biċ-ċar id-dettalji ta' dawn il-ħlasijiet waqt il-buking jew fuq
talba fl-ajruport. 2. Meta minħabba ċirkostanzi
straordinarji, bħal raġunijiet ta' sikurezza jew tibdil fit-tip ta'
trasportatur tal-arju wara li jkun sar il-buking, ma jkunux jistgħu
jinġarru fil-kabina dawk l-oġġetti inklużi fil-kwota
tal-bagalji li wieħed jista' jtella' miegħu, it-trasportatur tal-ajru
jista' jġorrhom fl-istiva tal-ajruplan, iżda mingħajr spiża
żejda għall-passiġġier. 3. Dawn id-drittijiet ma jaffettwawx
ir-restrizzjonijiet fuq il-bagalja li wieħed jista' jtella' miegħu,
stabbiliti mir-regoli tal-UE u internazzjonali dwar is-sigurtà bħar-Regolamenti
(KE) Nru 300/2008 u (KE) Nru 820/2008. Artikolu 6e 1. Trasportatur tal-ajru tal-Komunità għandu
jħall passiġġier iġorr strument mużikali fil-kabina
tal-passiġġieri ta' ajruplan soġġett għar-regoli ta'
sigurtà applikabbli u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-restrizzjonijiet
tal-ajruplan ikkonċernat. L-istrumenti mużikali għandhom
jiġu aċċettati għat-trasport fil-kabina tal-ajruplan diment
li t-tali strumenti jistgħu jiġu stivati b'mod sigur f'kompartiment xieraq
tal-bagalji fil-kabina jew taħt sedil xieraq tal-passiġġieri.
Trasportatur tal-ajru jista' jiddetermina li strument mużikali għandu
jifforma parti mill-kwota permessa tal-bagalji tal-idejn ta'
passiġġier u ma jinġarrx b'żieda ma' dik il-kwota. 2. Meta strument mużikali jkun kbir wisq biex
jiġi stivat b'mod sigur f'kompartiment xieraq tal-bagalji fil-kabina jew
taħt sedil xieraq tal-passiġġieri, it-trasportatur tal-ajru
jista' jitlob il-ħlas ta' biljett addizzjonali meta t-tali strumenti
mużikali jinġarru bħala bagalji tal-idejn fuq sedil ieħor. Meta
jinxtara t-tieni sedil, it-trasportatur tal-ajru għandu jagħmel sforzi
raġonevoli biex ipoġġi l-passiġġier u l-istrument
mużikali kkonċernat biswit xulxin. Meta disponibbli u jekk jintalab
hekk, l-istrumenti mużikali għandhom jinġarru f'parti
msaħħna tal-kompartiment tal-merkanzija tal-ajruplan
soġġetti għar-regoli ta' sigurtà applikabbli,
ir-restrizzjonijiet tal-ispazju u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi
tal-ajruplan ikkonċernat. Trasportatur tal-ajru għandu jindika biċ-ċar
it-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu li abbazi tagħhom se jiġu
trasportati l-istrumenti mużikali u l-imposti applikabbli.' 5. L-Artikolu 7 jinbidel b'dan
li ġej: 'Artikolu 7 Sal-1 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni
għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat u
r-riżultati ta' dan ir-Regolament. Meta jkun hemm bżonn, ir-rapport
għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.' 6. L-Anness tar-Regolament Nru 2027/97
jinbidel bl-Anness 2 ta' dan ir-Regolament. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President Anness 1 'Anness: il-lista mhux eżawrjenti
taċ-ċirkostanzi meqjusin bħala ċirkostanzi straordinarji
għall-fini ta' dan ir-Regolament 1. Iċ-ċirkostanzi li ġejjin
għandhom jitqiesu bħala straordinarji: i. diżastri naturali li jrendu impossibbli
l-operat sigur tat-titjira; ii. problemi tekniċi li mhumiex inerenti
fit-tħaddim normali tal-ajruplan, bħall-identifikazzjoni ta' difett
matul l-operat tat-titjira kkonċernata u li jipprevjeni l-kontinwazzjoni
normali tal-operat; jew difett tal-manifattura moħbi li jiġi rivelat
mill-manifattur jew awtorità kompetenti u li jaffettwa ħażin
is-sigurtà tat-titjira; iii. riskji tas-sigurtà, atti
ta' sabotaġġ jew terroriżmu li jrendu impossibbli l-operat sikur
tat-titjira; iv. riskji tas-saħħa jew emerġenzi
mediċi li jpoġġu l-ħajja fir-riskju li jeħtieġu
l-interruzzjoni jew id-devjazzjoni tat-titjira konċernata; v. restrizzjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku
tal-ajru jew l-għeluq tal-ispazju tal-ajru jew ajruport; vi. kundizzjonijiet meteoroloġiċi li
huma inkompatibbli mas-sikurezza tat-titjira; u vii. tilwim tal-persunal tat-trasportatur
operattiv tal-ajru jew tal-fornituri tas-servizzi essenzjali
bħall-ajruporti u l-Fornituri tas-Servizz ta' Navigazzjoni tal-Ajru. 2. Iċ-ċirkostanzi li ġejjin ma
għandhomx jitqiesu bħala straordinarji: i. problemi tekniċi inerenti fit-tħaddim
normali tal-ajruplan, bħal problema identifikata matul il-manutenzjoni ta'
rutina jew matul kontroll ta' qabel it-titjira tal-ajruplan jew li jfeġġu
minħabba nuqqas li titwettaq tali manutenzjoni jew kontroll ta' qabel
it-titjira; u ii. in-nuqqas ta' disponibbiltà
tal-ekwipaġġ tat-titjira jew l-ekwipaġġ tal-kabina (sakemm
mhux minħabba tilwim tal-persunal). Anness 2 'ANNESS Ir-responsabbiltà
tat-trasportatur tal-ajru għall-passiġġieri u l-bagalji
tagħhom Dan l-avviż ta' informazzjoni jiġbor
fil-qosor ir-regoli dwar ir-responsabbiltà applikati mit-trasportaturi tal-ajru
tal-Komunità kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE u
l-Konvenzjoni ta' Montreal. Kumpens
fil-każ ta' mewt jew korriment Ma hemm l-ebda limiti finanzjarji
għar-responsabbiltà għall-korriment jew il-mewt ta'
passiġġier ikkawżata minn inċident abbord l-ajruplan jew
matul l-operazzjonijiet ta' imbark jew żbark. Għal danni ta' sa SDR 113 100
(ammont approssimattiv fil-munita lokali), it-trasportatur tal-ajru ma jistax
jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tiegħu. 'Il fuq minn dak l-ammont,
it-trasportatur tal-ajru mhuwiex responsabbli jekk juri li ma kienx
negliġenti jew li ma kellux tort f'mod ieħor, jew li l-ħsara
kienet biss minħabba n-negliġenza jew tort f'mod ieħor ta' parti
terza. Ħlasijiet
bil-quddiem Jekk passiġġier imut jew ikorri, it-trasportatur
tal-ajru għandu jagħmel ħlas bil-quddiem, biex ikopri
l-ħtiġijiet ekonomiċi immedjati, fi żmien 15-il
ġurnata mill-identifikazzjoni tal-persuna intitolata għall-kumpens.
Fil-każ ta' mewt, dan il-ħlas bil-quddiem ma għandux ikun anqas
minn SDR 18 096 (ammont approssimattiv fil-munita lokali). Dewmien
tal-passiġġieri Fil-każ ta' dewmien
tal-passiġġieri, it-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli għall-ħsara
sakemm ma jkunx ħa l-miżuri kollha raġonevoli biex jevita
l-ħsara jew jekk kien impossibbli li jittieħdu tali miżuri.
Ir-responsabbiltà għad-dewmien tal-passiġġieri hija limitata
għal SDR 4 694 (ammont approssimattiv fil-munita lokali). Telf,
ħsara jew dewmien ta' bagalji Fil-każ ta' telf, ħsara jew dewmien
ta' bagalji, it-trasportatur huwa responsabbli għall-ħsara sa SDR 1 113
(ammont approssimattiv fil-munita lokali), bil-limitu ta' kumpens applikabbli
għal kull passiġġier u mhux għal kull bagalja li
tgħaddi miċ-check-in, sakemm ma jkunx sar qbil fuq limitu ogħla
bejn it-trasportatur tal-ajru u l-passiġġieri permezz ta'
dikjarazzjoni ta' interess speċjali. Għal ħsara jew telf ta'
bagalji, it-trasportatur tal-ajru mhuwiex responsabbli jekk il-ħsara jew
it-telf kien ikkawżat minn kwalità inerenti jew difett tal-bagalja. Għal
dewmien ta' bagalji, it-trasportatur tal-ajru ma għandux ikun responsabbli
meta jkun ħa l-miżuri kollha raġonevoli biex jevita d-dannu li
jirriżulta mid-dewmien tal-bagalja jew meta kien impossibbli li
jittieħdu tali miżuri. Fil-każ ta' bagalji tal-idejn, li
jinkludu oġġetti personali, it-trasportatur tal-ajru huwa
responsabbli biss jekk il-ħsara tkun irriżultat mit-tort tiegħu.
Limiti
ogħla għall-bagalji Passiġġier jista' jibbenefika minn
limitu ogħla ta' responsabblità billi jagħmel dikjarazzjoni
speċjali mhux aktar tard miċ-check-in u billi jħallas tariffa
supplimentari jekk ikun hemm bżonn. Tariffa supplimentari bħal din
għandha tkun ibbażata fuq tariffa li hija relatata mal-ispejjeż
addizzjonali involuti fit-trasport u l-assigurazzjoni tal-bagalji
konċernati 'l fuq mil-limitu ta' responsabblità ta' SDR 1 131. It-tariffa
għandha tkun disponibbli għall-passiġġieri fuq talba.
Passiġġieri b'diżabbiltajiet u passiġġieri b'mobbiltà
mnaqqsa għandhom jiġu offruti sistematikament u mingħajr
ħlas l-għażla li jagħmlu dikjarazzjoni ta' interess
speċjali għat-trasport tat-tagħmir tal-mobbiltà tagħhom. Limitu
ta' żmien għall-ilmenti fuq il-bagalji Fil-każ ta' ħsara, dewmien, telf jew
qerda tal-bagalji, il-passiġġier għandu fil-każijiet kollha
jikteb u jilmenta mat-trasportatur tal-ajru malajr kemm jista' jkun. Limitu ta'
żmien għall-ilment ta' sebat (7) ijiem japplika fil-każ li
l-bagalja ġġarrab ħsara u ta' 21 jum fil-każ li tiddewwem,
fiż-żewġ każijiet mid-data li fiha l-bagalja
tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-passiġġier.
Sabiex jintlaħqu faċilment dawn id-dati ta' skadenza, it-trasportatur
tal-ajru għandu joffri lill-passiġġieri l-possibbiltà li jimlew
formola tal-ilmenti fl-ajruport. Tali formola tal-ilmenti, li tista' tieħu
wkoll il-forma ta' Rapport dwar Irregolarità fil-Proprjetà (PIR), għandha
tiġi aċċettata mit-trasportatur tal-ajru fl-ajruport bħala
lment. Ir-responsabbiltà
tat-trasportaturi tal-ajru kuntrattati u attwali Jekk it-trasportatur tal-ajru li fil-fatt jagħmel
it-titjira ma jkunx l-istess bħat-trasportatur tal-ajru kkuntrattat,
il-passiġġier għandu d-dritt li jindirizza lment jew
jagħmel pretensjoni għall-ħsara kontra wieħed minnhom. Dan
jinkludi każijiet fejn ikun sar qbil dwar dikjarazzjoni ta' interess
speċjali fil-kunsinna mat-trasportatur tal-ajru attwali. Limitu
ta' żmien għal azzjoni Kull azzjoni fil-qorti għal pretensjoni għal
ħsara għandha ssir fi żmien sentejn mid-data tal-wasla
tal-ajruplan, jew mid-data li fiha l-ajruplan suppost li wasal. Il-bażi
għall-informazzjoni Il-bażi għar-regoli deskritti hawn
fuq hija l-Konvenzjoni ta' Montreal tat-28 ta' Mejju 1999, li
hija implimentata fil-Komunità permezz tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 (kif
emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 u bir-Regolament (UE) Nru xxx)
u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri.' [1] Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi
regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri
fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew
dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,
(ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1). [2] Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta' Ottubru 1997
dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta'
passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (ĠU L 285,
17.10.1997, p. 1) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2002
(ĠU L 140, 30.5.2002, p. 2) [3] COM(2010) 0603, is-16 ta' Ottubru 2010 [4] Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea
tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża
r-riżorsi b'mod effiċjenti COM(2011) 144 finali, ara
l-paġna 23: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0144:FIN:MT:PDF [5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li
jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal
passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta'
kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0174:FIN:MT:PDF).
COM(2011) 174 finali. [6] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar
il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li
jivvjaġġaw bl-ajru, 2011/2150 (INI), http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0099+0+DOC+XML+V0//MT [7] ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1. [8] http://ec.europa.eu/transport/passengers/consultations/2012-03-11-apr_en.htm [9] http://ec.europa.eu/transport/passengers/events/2012-05-30-stakeholder-conference_en.htm [10] Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni
għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità, ĠU L 293
tal-31 ta' Ottubru 2008. [11] Ara l-proposti tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/adr_policy_work_en.htm [12] ĠU C , , p. . [13] ĠU C , , p. . [14] ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1 [15] ĠU L 285, 17.10.1997, p. 1; modifikat
f'ĠU L 140, 30.5.2002, p. 2. [16] COM(2010) 603 finali. [17] ĠU L 158,
23.6.1990, p. 59. [18] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13. [19] Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 tal-Kunsill
tad-9 ta' Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi
bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji
tagħhom bl-ajru, ĠU L 285, 17.10.1997, p. 1, kif modifikat
mir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-13 ta' Mejju 2002, ĠU L 140, 30.5.2002, p. 2. [20] ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3. [21] ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59. [22] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1. [23] ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3. [24] ĠU L 281, 23.11.1995, p.31 [25] Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet
ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta
jivvjaġġaw bl-ajru, ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1.