EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0109

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi

/* COM/2013/0109 final - 2013/0065 (NLE) */

52013PC0109

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi /* COM/2013/0109 final - 2013/0065 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

B’din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni tfittex awtorizzazzjoni mill-Kunsill biex tiffirma, f’isem l-Unjoni Ewropea, it-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi adottat f’Bejġing fl-24 ta’ Ġunju 2012 (minn hawn ’il quddiem “it-Trattat ta’ Bejġing”).

It-Trattat ta’ Bejġing jistabbilixxi sett ta’ regoli internazzjonali ġodda li jimmiraw li jiżguraw protezzjoni u rimunerazzjoni adegwata għall-artisti awdjoviżivi, jiġifieri artisti bħal atturi, mużiċisti jew żeffiena, li l-prestazzjonijiet tagħhom huma inkorporati f’xogħol awdjoviżiv (eż. film jew programm televiżiv).

It-Trattat huwa pass sinifikanti ’l quddiem fil-protezzjoni internazzjonali tad-drittijiet relatati u l-ewwel strument multilaterali adottati f’dan il-qasam sa mill-1996. Huwa jagħmel l-aġġornament tant mistenni tal-protezzjoni tal-artisti awdjoviżivi fil-livell internazzjonali u jimmodernizza din il-protezzjoni billi jirrikonoxxi d-drittijiet tal-artisti fl-ambjent diġitali. Billi jagħmel hekk jimla lakuna fil-protezzjoni tad-dritijiet tal-artisti li kienet tħalliet miftuħa mill-1996 meta ġie adottat it-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (minn hawn ’il quddiem WPPT).

Il-WPPT, li l-Unjoni Ewropea aderiet miegħu fl-2000, ipprovda għal protezzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-awturi u ċerti detenturi ta’ drittijiet relatati li, għall-ewwel darba, ikkunsidra l-iżviluppi ekonomiċi u teknoloġiċi tal-ambjent diġitali. Madankollu, ma ntlaħaq l-ebda ftehim f’dak iż-żmien biex il-protezzjoni tal-artisti fir-rigward tal-prestazzjonijiet tagħhom iffissati f’xogħlijiet awdjoviżivi tiġi inkluża fl-ambitu ta’ dawn l-istrumenti (il-WPPT ikopri biss id-drittijiet tal-artisti f’relazzjoni mal-prestazzjonijiet tagħhom fil-fonogrammi).

Mis-7 sal-20 ta’ Diċembru 2000 saret Konferenza Diplomatika f’Ġinevra, iżda Membri tal-WIPO ma setgħux jaqblu dwar it-test ta’ Trattat ġdid. Il-falliment tal-Konferenza Diplomatika tal-2000 issospenda l-ħidma għal aktar minn għaxar snin. F’Ġunju 2011, il-Kumitat Permanenti tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati (it-22 sezzjoni) laħaq ftehim provviżorju dwar il-kwistjoni ewlenija li baqgħet ma ssolvitx fl-2000, id-dispożizzjoni dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-artisti lill-produtturi ta’ xogħlijiet awdjoviżivi. Barra minn hekk, l-Assemblea Ġenerali tal-WIPO iddeċidiet, fl-40 sessjoni tagħha f’Ottubru 2011, li terga’ titlaqqa’ l-Konferenza Diplomatika li kienet ġiet sospiża fl-2000. Il-Konferenza Diplomatika li reġgħet tlaqqgħet saret f’Bejġing mill-20 sas-26 ta’ Ġunju 2012 u wasslet għall-adozzjoni tat-Trattat fl-24 ta’ Ġunju 2012.

Bid-Deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata mill-Kunsill biex tmexxi negozjati bil-għan tal-adozzjoni ta’ strument għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-artisti tal-prestazzjonijiet awdjoviżivi tagħhom . Fit-18 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill aġġorna d-direttivi tan-negozjati mehmuża mad-Deċiżjoni biex jitqiesu t-tibdiliet fl-acquis tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur wara l-2000 (l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29 dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Soċjetà tal-Informazzjoni,) u sabiex jirrikonoxxu t-tlaqqigħ mill-ġdid tal-Konferenza Diplomatika f’Bejġing mill-20 sas-26 ta’ Ġunju 2012.

Il-Konferenza Diplomatika ta’ Bejġing adottat it-Trattat fl-24 ta’ Ġunju 2012.

L-Unjoni Ewropea ffirmat l-Att finali tal-Konferenza Diplomatika fl-għeluq tal-Konferenza Diplomatika. Il-Parlament Ewropew ġie infurmat dwar l-eżitu tal-Konferenza Diplomatika fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fid-9 ta’ Lulju 2012.

2.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Unjoni Ewropea kellha rwol attiv fit-tfassil tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Bejġing, sabiex tiżgura li artisti awdjoviżivi jgawdu minn livell ta’ protezzjoni konsistenti mal-acquis tal-UE, u li artisti awdjoviżivi Ewropej jistgħu jibbenefikaw fuq livell internazzjonali mill-istess livell ta’ protezzjoni li huma jgawdu taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE. Fil-fatt, il-maġġoranza ta’ kwistjonijiet koperti mit-Trattat huma diġà armonizzati fuq livell tal-UE.

Ħafna mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Bejġing huma mmudellati fuq il-WPPT tal-1996 u fil-biċċa l-kbira ż-żewġ trattati jsegwu l-istess struttura. Il-benefiċjarji tal-protezzjoni skont it-Trattat ta’ Bejġing huma artisti li huma ċittadini tal-firmatarji tat-Trattat, jew li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom f’wieħed mill-pajjiżi firmatarji.

Il-protezzjoni tingħata fuq bażi ta’ trattament nazzjonali li jfisser li kull pajjiż jittratta l-artisti (ċittadini ta’ pajjiż ieħor), fir-rigward tad-drittijiet esklussivi u d-dritt għal remunerazzjoni ekwa mogħtija fit-Trattat, bl-istess mod kif jittratta liċ-ċittadini tiegħu stess. L-ambitu ta’ trattament nazzjonali jista’ jkun limitat fir-rigward ta’ ċerti drittijiet fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat.

It-Trattat jipprevedi li indipendentement mid-drittijiet ekonomiċi, u anke wara t-trasferiment ta’ dawk id-drittijiet, l-artisti għandhom ikollhom ċerti drittijiet morali fir-rigward tal-prestazzjonijiet live jew tal-prestazzjonijiet iffissati fi prodotti awdjoviżivi.

F’dak li jirrigwarda d-drittijiet ekonomiċi, it-Trattat jagħti lill-artisti drittijiet esklussivi fir-rigward tal-prestazzjonijiet tagħhom mhux fissi u fissi.

Fir-rigward tal-prestazzjonijiet mhux fissi, l-artisti jgawdu d-dritt li jawtorizza x-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet mhux fissi tagħhom, kif ukoll li jawtorizzaw l-iffissar tal-prestazzjonijiet mhux fissi tagħhom.

Fir-rigward tal-prestazzjonijiet iffissati fuq il-prodotti awdjoviżivi, l-artisti igawdu d-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni diretta jew indiretta tagħhom, id-distribuzzjoni tagħhom, u l-kiri kummerċjali lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet oriġinali u kopji (anke wara li jkunu awtorizzaw id-distribuzzjoni tagħhom).

L-artisti jgawdu d-dritt esklussiv li jawtorizzaw id-disponibbiltà lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet tagħhom (eż. film li jitniżżel minn fuq l-internet li jinkorpora l-prestazzjoni tagħhom). Fl-aħħarnett it-Trattat jagħti lill-artisti d-dritt li jawtorizza xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet tagħhom. Il-Partijiet Kontraenti huma intitolati jissostitwixxu dan id-dritt bi dritt għal rimunerazzjoni ekwitabbli jew li jidderogaw minn dan id-dritt għal kollox.

Fir-rigward tat-trasferiment jew id-drittijiet, il-Partijiet kontraenti jingħataw flessibilità sħiħa biex jorganizzawh. Huma jistgħu jiddeċiedu pereżempju li, ladarba artist approva l-iffissar ta’ prestazzjoni, id-drittijiet esklussivi tiegħu huma trasferiti lill-produtturi, sakemm kuntratt bejn artist u produttur ma jgħidx mod ieħor. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjoni ma timponi l-ebda obbligu fuq il-Partijiet Kontraenti li jipprovdu trasferiment awtomatiku.

Skont l-WPPT, it-Trattat ta’ Bejġing jispeċifika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi l-istess tipi ta’ limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni ta’ artisti kif tipprevedi rigward il-protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi, f’konformità ma’ l-hekk imsejjaħ “test ta’ tliet passi”. L-istess bħall-WPPT, it-Trattat il-ġdid jirrikjedi wkoll lill-Partijiet Kontraenti jipprovdu protezzjoni legali adegwata u rimedji legali effettivi kontra ċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika użati minn artisti f’konnessjoni mal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u r-rimedji legali effettivi u adegwata kontra it-tneħħija jew il-bidliet tal-informazzjoni elettronika tal-immaniġġjar tad-drittijiet mehmuża ma’ prestazzjoni fissa f’prodott awdjoviżiv. Fl-aħħarnett, il-perjodu ta’ protezzjoni huwa mill-inqas ta’ 50 sena wara li jsir l-iffissar tal-prestazzjoni awdjoviżiva.

L-aħħar parti tat-Trattat tikkonsisti mid-dispożizzjonijiet amministrattivi u proċedurali tas-soltu, f’dan il-każ ukoll fil-biċċa l-kbira ispirati mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-WPPT.

It-Trattat jinkludi wkoll għadd ta’ dikjarazzjonijiet miftiehma, li xi wħud minnhom (ir-relazzjoni tat-Trattat mal-WPPT u t-TRIPS, id-definizzjoni ta’ artist, miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika f’relazzjoni mal-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet) kienu s-suġġett ta’ negozjati speċifiċi matul il-Konferenza Diplomatika tal-2012.

L-Artikolu 23 tat-Trattat ta’ Bejġing jipprevedi li l-Unjoni Ewropea tista’ ssir parti għal dan it-Trattat “wara li għamlet d-dikjarazzjoni”, matul il-Konferenza Diplomatika, li hija kompetenti fir-rigward ta’ u li għandha l-leġislazzjoni tagħha stess li torbt fuq l-Istati Membri kollha tagħha dwar materji koperti minn dan it-Trattat u li ġiet awtorizzata kif dovut, skont il-proċeduri interni tagħha, biex issir parti mit-Trattat. Kif il-Kummissjoni kienet ġiet awtorizzata kif jixraq mill-Kunsill biex tinnegozja, u bħala riflessjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni, l-Unjoni Ewropea għamlet din id-dikjarazzjoni fil-Konferenza Diplomatika ta’ Bejġing . Bħala l-pass li jmiss it-Trattat għandu jiġi ffirmat mill-Unjoni Ewropea skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(5) TFUE.

Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tan-negozjati bħala sodisfaċenti u qed titlob lill-Kunsill biex jawtorizza l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta’ Bejġing tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi adottat f’Bejġing fl-24 ta’ Ġunju 2012.

2013/0065 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fis-7 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja fi ħdan il-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Konferenza Diplomatika li saret f’Ġinevra mis-7 sal-20 ta’ Diċembru 2000 bil-għan li tfassal strument biex jipproteġi d-drittijiet tal-artisti fil-prestazzjonijiet awdjoviżivi tagħhom.

(2)       In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fit-tlaqqigħ mill-ġdid fil-Konferenza Diplomatika li saret f’Bejġing mill-20 sas-26 ta’ Ġunju 2012 u t-Trattat ta’ Bejġing tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi ġie adottat fl-24 ta’ Ġunju 2012.

(3)       It-Trattat jistabbilixxi sett ta’ regoli internazzjonali ġodda fil-qasam tad-drittijiet relatati li għandhom l-għan li jiżguraw il-protezzjoni u r-rimunerazzjoni adegwati tal-artisti awdjoviżivi.

(4)       It-Trattat għandu jkun miftuħ għall-iffirmar minn kull parti eliġibbli għal sena wara l-adozzjoni tiegħu. Għalhekk, dan għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar ’il quddiem.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tat-Trattat ta’ Bejġing tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi huwa b’dan approvat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Trattat f’data aktar ’il quddiem.

It-test tat-Trattat li għandu jiġi iffirmat jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ biex jiġi ffirmat it-Trattat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/i indikat(i) mill-Kummissjoni Ewropea

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

għall-

proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi

Trattat ta’ Beijing dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi

(adottat mill-Konferenza Diplomatika dwar il-Protezzjoni tal-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi f’Beijing, fl-24 ta’ Ġunju 2012)

KONTENUT

Preambolu

Artikolu 1: Relazzjoni ma’ Konvenzjonijiet u Trattati Oħra

Artikolu 2: Definizzjonijiet

Artikolu 3: Benefiċjarji tal-Protezzjoni

Artikolu 4: Trattament Nazzjonali

Artikolu 5: Drittijiet Morali

Artikolu 6: Drittijiet Ekonomiċi tal-Artisti Interpreti fil-Prestazzjonijiet Mhux Fissi tagħhom

Artikolu 7: Dritt ta’ Riproduzzjoni

Artikolu 8: Dritt ta’ Distribuzzjoni

Artikolu 9: Dritt ta’ Kiri

Artikolu 10: Dritt ta’ Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Prestazzjonijiet Fissi

Artikolu 11: Dritt ta’ Xandir u Komunikazzjoni lill-Pubbliku

Artikolu 12: Trasferiment tad-Drittijiet

Artikolu 13: Limitazzjonijiet u Eċċezzjonijiet

Artikolu 14: Terminu ta’ Protezzjoni

Artikolu 15: Obbligi dwar Miżuri Teknoloġiċi

Artikolu 16: Obbligi dwar Informazzjoni fuq il-Ġestjoni tad-Drittijiet

Artikolu 17: Formalitajiet

Artikolu 18: Riservi u Notifiki

Artikolu 19: Applikazzjoni maż-Żmien

Artikolu 20: Dispożizzjonijiet dwar l-Infurzar tad-Drittijiet

Artikolu 21: Assemblea

Artikolu 22: Bureau Internazzjonali

Artikolu 23: Eliġibbiltà għal Sħubija fit-Trattat

Artikolu 24: Drittijiet u Obbligi skont it-Trattat

Artikolu 25: Iffirmar tat-Trattat

Artikolu 26: Dħul fis-Seħħ tat-Trattat

Artikolu 27: Data Effettiva tas-Sħubija fit-Trattat

Artikolu 28: Denunzja tat-Trattat

Artikolu 29: Lingwi tat-Trattat

Artikolu 30: Depożitarju

Preambolu

Il-Partijiet Kontraenti,

Bil-għan li jiżviluppaw u jżommu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-artisti interpreti fil-prestazzjonijiet awdjoviżivi bl-aktar mod effettiv u uniformi possibbli,

Filwaqt li jfakkru l-importanza tar-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenda għall-Iżvilupp, adottata fl-2007 mill-Assemblea Ġenerali tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), li għandha l-għan li tassigura li l-konsiderazzjonijiet dwar l-iżvilupp jiffurmaw parti integrali mix-xogħol tal-Organizzazzjoni,

Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiddaħħlu regoli internazzjonali ġodda sabiex jiġu pprovduti soluzzjonijiet adegwati għall-kwistjonijiet imqajma mill-iżviluppi ekonomiċi, soċjali, kulturali u teknoloġiċi,

Filwaqt li jirrikonoxxu l-impatt tal-iżvilupp u l-konverġenza tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar il-produzzjoni u l-użu tal-prestazzjonijiet awdjoviżivi,

Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet tal-artisti interpreti fil-prestazzjonijiet awdjoviżivi tagħhom u l-interess pubbliku akbar, b’mod partikolari l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għall-informazzjoni,

Filwaqt li jirrikonoxxu li t-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (WPPT) magħmul f’Ġinevra fl-20 ta’ Diċembru 1996, ma jestendix il-protezzjoni għall-artisti interpreti fir-rigward tal-prestazzjonijiet tagħhom iffissati f’muntaġġi awdjoviżivi,

Filwaqt li jirreferu għar-Riżoluzzjoni dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi adottata mill-Konferenza Diplomatika dwar Ċerti Kwistjonijiet ta’ Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet tal-Viċinat fl-20 ta’ Diċembru 1996,

Ftiehmu kif ġej:

Artikolu 1 Relazzjoni ma’ Konvenzjonijiet u Trattati Oħra

(1) Xejn f’dan it-Trattat ma għandu jagħti deroga mill-obbligi eżistenti li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin skont il-WPPT jew il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir li saret f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961.

(2) Il-protezzjoni mogħtija b’dan it-Trattat għandha tħalli intatta u m’għandha bl-ebda mod taffettwa l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi. Konsegwentement, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan it-Trattat ma tista’ tiġi interpretata bħala li tippreġudika din il-protezzjoni.

(3) Dan it-Trattat m’għandu jkollu l-ebda konnessjoni ma’ trattati oħra għajr il-WPPT, u m’għandu jippreġudika l-ebda drittijiet u obbligi taħt xi trattati oħra[1],[2].

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan it-Trattat:

(a) "artisti interpreti" huma atturi, kantanti, mużiċisti, żeffiena, u persuni oħra li jirreċtaw, ikantaw, iwasslu, jiddeklamaw, jieħdu sehem fi, jinterpretaw, jew inkella jaħdmu f’xogħlijiet letterarji jew artistiċi jew espressjonijiet ta’ folklor [3];

(b) "muntaġġ awdjoviżiv" ifisser l-inkorporazzjoni ta’ immaġni jiċċaqilqu, akkumpanjati jew le minn ħsejjes jew mir-rappreżentazzjonijiet tagħhom, li minnhom jistgħu jiġu perċepiti, riprodotti jew komunikati permezz ta’ strument[4];

(c) "xandir" ifisser it-trażmissjoni b’mezzi mingħajr fili għar-riċeviment pubbliku ta’ ħsejjes jew ta’ immaġni jew ta’ immaġni u ħsejjes jew tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom; tali trażmissjoni bis-satellita hija wkoll "xandir"; it-trażmissjoni ta’ sinjali kriptati tkun "xandir" meta l-mezzi għad-dekriptazzjoni jiġu pprovduti lill-pubbliku mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha;

(d) "komunikazzjoni lill-pubbliku" ta’ prestazzjoni tfisser it-trażmissjoni lill-pubbliku bi kwalunkwe mezz, għajr bix-xandir, ta’ prestazzjoni mhux fissa, jew ta’ prestazzjoni ffissata f’muntaġġ awdjoviżiv. Għall-finijiet tal-Artikolu 11, "komunikazzjoni lill-pubbliku" tinkludi l-produzzjoni ta’ prestazzjoni artistika ffissata f’muntaġġ awdjoviżiv awdibbli jew viżibbli jew awdibbli u viżibbli għall-pubbliku.

Artikolu 3 Benefiċjarji tal-Protezzjoni

(1) Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħtu l-protezzjoni mogħtija skont dan it-Trattat lil artisti interpreti li jkunu ċittadini ta’ Partijiet Kontraenti oħra.

(2) L-artisti interpreti li ma jkunux ċittadini tal-Partijiet Kontraenti iżda li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom f’waħda minnhom għandhom, għall-finijiet ta’ dan it-Trattat, jiġu assimilati maċ-ċittadini ta’ dik il-Parti Kontraenti.

Artikolu 4 Trattament Nazzjonali

(1) Kull Parti Kontraenti għandha tagħti liċ-ċittadini ta’ Partijiet Kontraenti oħra l-istess trattament li tagħti liċ-ċittadini tagħha fir-rigward tad-drittijiet esklussivi speċifikament mogħtija f’dan it-Trattat u d-dritt għal remunerazzjoni ġusta previst fl-Artikolu 11 ta’ dan it-Trattat.

(2) Parti Kontraenti għandu jkollha d-dritt li tillimita l-firxa u t-terminu ta’ protezzjoni mogħtija liċ-ċittadini ta’ Parti Kontraenti oħra skont il-paragrafu (1), fir-rigward tad-drittijiet mogħtija fl-Artikolu 11(1) u 11(2) ta’ dan it-Trattat, għal dawk id-drittijiet li ċ-ċittadini tagħha jgawdu f’dik il-Parti Kontraenti l-oħra.

(3) L-obbligu previst fil-paragrafu (1) ma japplikax għal Parti Kontraenti sakemm dik il-Parti Kontraenti l-oħra tagħmel użu mir-riservi permessi mill-Artikolu 11(3) ta’ dan it-Trattat, u lanqas ma tapplika għal Parti Kontraenti, sakemm tkun għamlet tali riserva.

Artikolu 5 Drittijiet Morali

(1) Indipendentement mid-drittijiet ekonomiċi ta’ artist interpretu, u anki wara t-trasferiment ta’ dawk id-drittijiet, l-artist interpretu għandu, fir-rigward tal-prestazzjonijiet live tiegħu jew il-prestazzjonijiet iffissati f’muntaġġi awdjoviżivi, ikollu d-dritt:

(i) li jitlob li jiġi identifikat bħala l-artist interpretu tal-prestazzjonijiet tiegħu, ħlief fejn l-ommissjoni tkun dettata mill-mod tal-użu tal-prestazzjoni; u

(ii) li joġġezzjona għal kwalunkwe distorsjoni, mutilazzjoni jew modifika oħra tal-prestazzjonijiet tiegħu li tippreġudika r-reputazzjoni tiegħu, meta titqies in-natura tal-muntaġġi awdjoviżivi.

(2) Id-drittijiet mogħtija lil artist interpretu skont il-paragrafu (1) għandhom, wara mewtu, jinżammu, tal-anqas sal-iskadenza tad-drittijiet ekonomiċi, u għandhom ikunu eżerċitabbli mill-persuni jew l-istituzzjonijiet awtorizzati mil-leġiżlazzjoni tal-Parti Kontraenti fejn tintalab il-protezzjoni. Madankollu, dawk il-Partijiet Kontraenti li l-leġiżlazzjoni tagħhom, fil-mument tar-ratifika jew tas-sħubija tagħhom f’dan it-Trattat, ma tipprovdix għall-protezzjoni, wara l-mewt tal-artist interpretu, tad-drittijiet kollha stipulati fil-paragrafu preċedenti, jistgħu jipprovdu li xi wħud minn dawn id-drittijiet, wara mewtu, ma jibqgħux jinżammu.

(3) Il-mezz ta’ rimedju għall-ħarsien tad-drittijiet mogħtija skont dan l-Artikolu għandu jkun regolat mil-leġiżlazzjoni tal-Parti Kontraenti fejn tintalab il-protezzjoni[5].

Artikolu 6 Drittijiet Ekonomiċi tal-Artisti Interpreti fil-Prestazzjonijiet Mhux Fissi tagħhom

L-artisti interpreti għandhom ikollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw, fir-rigward tal-prestazzjonijiet tagħhom:

(i) ix-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet mhux fissi tagħhom ħlief fejn il-prestazzjoni tkun diġà prestazzjoni mxandra; u

(ii) il-muntaġġ tal-prestazzjonijiet mhux fissi tagħhom.

Artikolu 7 Dritt ta’ Riproduzzjoni

L-artisti interpreti għandhom igawdu d-dritt esklussiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni diretta jew indiretta tal-prestazzjonijiet tagħhom iffissati f’muntaġġi awdjoviżivi, fi kwalunkwe mod jew forma[6].

Artikolu 8 Dritt ta’ Distribuzzjoni

(1) L-artisti interpreti għandhom igawdu d-dritt esklussiv li jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-prestazzjonijiet oriġinali u l-kopji tagħhom iffissati f’muntaġġi awdjoviżivi permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tas-sjieda.

(2) Xejn f’dan it-Trattat ma għandu jaffettwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet, jekk ikun hemm, li bihom l-eżawriment tad-dritt fil-paragrafu (1) japplika wara l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor tas-sjieda tal-prestazzjoni oriġinali jew kopja tal-prestazzjoni ffissata bl-awtorizzazzjoni tal-artist interpretu[7].

Artikolu 9 Dritt ta’ Kiri

(1) L-artisti interpreti għandhom igawdu d-dritt esklussiv li jawtorizzaw il-kiri kummerċjali lill-pubbliku tal-oriġinali u l-kopji tal-prestazzjonijiet tagħhom iffissati fuq muntaġġi awdjoviżivi kif stabbilit fil-liġi nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti, anki wara d-distribuzzjoni tagħhom minn, jew skont l-awtorizzazzjoni mill-artist interpretu.

(2) Il-Partijiet Kontraenti huma eżentati mill-obbligu tal-paragrafu (1) sakemm il-kiri kummerċjali ma jkunx wassal għal ikkupjar estensiv ta’ dawn il-muntaġġi li materjalment idgħajjef id-dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni tal-artisti interpreti[8].

Artikolu 10 Dritt ta’ Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Prestazzjonijiet Fissi

L-artisti interpreti għandhom igawdu d-dritt esklussiv li jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-prestazzjonijiet tagħhom iffissati f’muntaġġi awdjoviżivi, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f’ħin li huma jagħżlu b’mod individwali.

Artikolu 11 Dritt ta’ Xandir u Komunikazzjoni lill-Pubbliku

(1) L-artisti interpreti għandhom igawdu d-dritt esklussiv li jawtorizzaw ix-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, tal-prestazzjonijiet tagħhom iffissati f’muntaġġi awdjoviżivi.

(2) F’notifika depożitata mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddikjaraw li, minflok id-dritt tal-awtorizzazzjoni previst fil-paragrafu (1), huma se jistabbilixxu dritt għal remunerazzjoni ġusta għall-użu dirett jew indirett ta’ prestazzjonijiet iffissati f’muntaġġi awdjoviżivi għax-xandir jew għall-komunikazzjoni lill-pubbliku. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddikjaraw ukoll li se jistabbilixxu kundizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tagħhom għall-eżerċizzju tad-dritt għal remunerazzjoni ġusta.

(3) Kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tiddikjara li se tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (1) jew (2) fir-rigward biss ta’ ċerti użi, jew li se tillimita l-applikazzjoni tagħhom b’xi mod ieħor, jew li ma tkunx se tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (1) u (2).

Artikolu 12 Trasferiment tad-Drittijiet

(1) Parti Kontraenti tista’ tipprovdi fil-liġi nazzjonali tagħha li ladarba artist interpretu jkun qabel mal-iffissar tal-prestazzjoni tiegħu jew tagħha f’muntaġġ awdjoviżiv, id-drittijiet esklussivi tal-awtorizzazzjoni previsti fl-Artikoli 7 sa 11 ta’ dan it-Trattat għandhom ikunu proprjetà ta’ jew eżerċitati minn jew trasferiti lill-produttur ta’ tali muntaġġ awdjoviżiv soġġett għal kwalunkwe kuntratt f’sens kuntrarju bejn l-artist interpretu u l-produttur tal-muntaġġ awdjoviżiv kif stabbilit mil-liġi nazzjonali.

(2) Parti Kontraenti tista’ tesiġi, fir-rigward tal-muntaġġi awdjoviżivi prodotti skont il-liġi nazzjonali tagħha, li tali kunsens jew kuntratt ikun bil-miktub u ffirmat miż-żewġ partijiet fil-kuntratt jew mir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom.

(3) Indipendentement mit-trasferiment tad-drittijiet esklussivi deskritti hawn fuq, il-liġijiet nazzjonali jew ftehimiet individwali, kollettivi jew ftehimiet oħra jistgħu jagħtu lill-artist interpretu d-dritt li jirċievi royalties jew remunerazzjoni ġusta għal kwalunkwe użu tal-prestazzjoni, kif previst f’dan it-Trattat inkluż fir-rigward tal-Artikoli 10 u 11.

Artikolu 13 Limitazzjonijiet u Eċċezzjonijiet

(1) Il-Partijiet Kontraenti jistgħu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jipprovdu għall-istess tipi ta’ limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-artisti interpreti li għandhom, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, b’rabta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi.

(2) Il-Partijiet Kontraenti għandhom jillimitaw kwalunkwe limitazzjoni jew eċċezzjoni għad-drittijiet previsti f’dan it-Trattat għal ċerti każijiet speċjali li ma jkunux f’kunflitt ma’ sfruttament normali tal-prestazzjoni u li ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tal-artist interpretu[9].

Artikolu 14 Terminu ta’ Protezzjoni

It-terminu ta’ protezzjoni li għandu jingħata lill-artisti interpreti skont dan it-Trattat għandu jdum, mill-anqas, sat-tmiem ta’ perjodu ta’ 50 sena kkalkulat mill-aħħar tas-sena li fiha tiġi ffissata l-prestazzjoni.

Artikolu 15 Obbligi dwar Miżuri Teknoloġiċi

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu protezzjoni legali adegwata u rimedji legali effettivi kontra ċ-ċirkomvenzjoni ma’ miżuri teknoloġiċi effettivi li jintużaw mill-artisti interpreti b’rabta mal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom skont dan it-Trattat u li jillimitaw atti, fir-rigward tal-prestazzjonijiet tagħhom, li ma jkunux awtorizzati mill-artisti interpreti kkonċernati jew permessi mil-liġi[10],[11].

Artikolu 16 Obbligi dwar Informazzjoni fuq il-Ġestjoni tad-Drittijiet

(1) Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu rimedji legali adegwati u effettivi kontra kwalunkwe persuna li konxjament tagħmel xi wieħed mill-atti li ġejjin meta taf, jew fir-rigward ta’ rimedji ċivili jkollha bażi raġonevoli sabiex tkun taf li, se tinduċi, tagħmel possibbli, tiffaċilita jew taħbi ksur ta’ xi dritt kopert minn dan it-Trattat:

(i) tneħħi jew tibdel mingħajr awtorità informazzjoni elettronika dwar il-ġestjoni tad-drittijiet;

(ii) tqassam, timporta għad-distribuzzjoni, ixxandar, tikkomunika jew tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr awtorità, prestazzjonijiet jew kopji ta’ prestazzjonijiet fissi f’muntaġġi awdjoviżivi konxja li l-informazzjoni elettronika dwar il-ġestjoni tad-drittijiet tkun tneħħiet jew inbidlet mingħajr awtorità.

(2) Kif użata f’dan l-Artikolu, "informazzjoni dwar il-ġestjoni tad-drittijiet" tfisser informazzjoni li tidentifika lill-artist interpretu, il-prestazzjoni tal-artist interpretu, jew is-sid ta’ kwalunkwe dritt fil-prestazzjoni, jew informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-prestazzjonijiet, u kwalunkwe numru jew kodiċi li jirrappreżentaw tali informazzjoni, meta xi wieħed minn dawn il-punti ta’ informazzjoni jkun marbut ma’ prestazzjoni ffissata f’muntaġġ awdjoviżiv[12].

Artikolu 17 Formalitajiet

It-tgawdija u l-eżerċizzju tad-drittijiet previsti f’dan it-Trattat m’għandhom ikunu soġġetti għall-ebda formalità.

Artikolu 18 Riservi u Notifiki

(1) Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3), m’għandhomx ikunu permessi riservi għal dan it-Trattat.

(2) Kwalunkwe notifika skont l-Artikolu 11(2) jew 19(2) tista’ ssir fi strumenti ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni, u d-data effettiva tan-notifika għandha tkun l-istess bħad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat fir-rigward tal-Parti Kontraenti li tkun għamlet in-notifika. Kwalunkwe notifika bħal din tista’ ssir ukoll aktar tard, f’liema każ in-notifika għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara li jirċeviha d-Direttur Ġenerali tal-WIPO jew fi kwalunkwe data aktar tard indikata fin-notifika.

Artikolu 19 Applikazzjoni maż-Żmien

(1) Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħtu l-protezzjoni mogħtija skont dan it-Trattat lil prestazzjonijiet fissi li jkunu jeżistu fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat għal kull Parti Kontraenti.

(2) Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1), Parti Kontraenti tista’ tiddikjara f’notifika depożitata mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO li hija ma tkunx se tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 sa 11 ta’ dan it-Trattat, jew xi waħda jew aktar minnhom, għal prestazzjonijiet fissi li kienu jeżistu fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat għal kull Parti Kontraenti. Fir-rigward ta’ tali Parti Kontraenti, Partijiet Kontraenti oħra jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tal-imsemmija Artikoli għal prestazzjonijiet li jkunu seħħew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat għal dik il-Parti Kontraenti.

(3) Il-protezzjoni mogħtija f’dan it-Trattat għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att kommess, ftehimiet konklużi jew drittijiet miksuba qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat għal kull Parti Kontraenti.

(4) Il-Partijiet Kontraenti jistgħu fil-leġiżlazzjoni tagħhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet transitorji li bihom kwalunkwe persuna li, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, tkun ħadet sehem f’atti legali fir-rigward ta’ prestazzjoni, tista’ twettaq fir-rigward tal-istess atti ta’ prestazzjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 5 u 7 sa 11 wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat għall-Partijiet Kontraenti rispettivi.

Artikolu 20 Dispożizzjonijiet dwar l-Infurzar tad-Drittijiet

(1) Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jadottaw, skont is-sistemi legali tagħhom, il-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat.

(2) Il-Partijiet Kontraenti għandhom jassiguraw li jkunu disponibbli proċeduri ta’ infurzar skont il-liġi tagħhom sabiex jippermettu azzjoni effettiva kontra kwalunkwe att ta’ ksur tad-drittijiet koperti minn dan it-Trattat, fosthom rimedji rapidi sabiex jiġi evitat ksur u rimedji li jikkostitwixxu deterrent għal aktar ksur.

Artikolu 21 Assemblea

(1)

(a) Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikollhom Assemblea.

(b) Kull Parti Kontraenti għandha tkun rappreżentata fl-Assemblea minn delegat wieħed li jista’ jkun assistit minn delegati supplenti, konsulenti u esperti.

(c) L-ispejjeż ta’ kull delegazzjoni għandhom jitħallsu mill-Parti Kontraenti li tkun ħatret id-delegazzjoni. L-Assemblea tista’ titlob lill-WIPO biex tagħti għajnuna finanzjarja sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ delegazzjonijiet minn Partijiet Kontraenti kkunsidrati bħala pajjiżi li qed jiżviluppaw f’konformità mal-prattika stabbilita tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jew li jkunu pajjiżi fi tranżizzjoni għal ekonomija tas-suq.

(2)

(a) L-Assemblea għandha tittratta kwistjonijiet li jirrigwardaw iż-żamma u l-iżvilupp ta’ dan it-Trattat u l-applikazzjoni u t-tħaddim ta’ dan it-Trattat.

(b) L-Assemblea għandha twettaq il-funzjoni mogħtija lilha bl-Artikolu 23(2) fir-rigward tal-ammissjoni ta’ ċerti organizzazzjonijiet intergovernattivi sabiex jissieħbu f’dan it-Trattat.

(c) L-Assemblea għandha tiddeċiedi l-konvokazzjoni ta’ kwalunkwe konferenza diplomatika għar-reviżjoni ta’ dan it-Trattat u tagħti l-istruzzjonijiet neċessarji lid-Direttur Ġenerali tal-WIPO għall-preparazzjoni ta’ tali konferenza diplomatika.

(3)

(a) Kull Parti Kontraenti li tkun Stat għandu jkollha vot wieħed u għandha tivvota biss f’isimha stess.

(b) Kwalunkwe Parti Kontraenti li tkun organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tipparteċipa fil-vot, minflok l-Istati Membri tagħha, b’numru ta’ voti daqs in-numru tal-Istati Membri tagħha li jkunu msieħba f’dan it-Trattat. L-ebda organizzazzjoni intergovernattiva bħal din ma għandha tipparteċipa fil-vot jekk xi wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota u viċi versa.

(4) L-Assemblea għandha tiltaqa’ wara konvokazzjoni mid-Direttur Ġenerali u, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, matul l-istess perjodu u fl-istess post bħall-Assemblea Ġenerali tal-WIPO.

(5) L-Assemblea għandha tagħmel l-almu tagħha biex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’kunsens u għandha tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tagħha stess, inkluża l-konvokazzjoni ta’ sessjonijiet straordinarji, ir-rekwiżiti ta’ kworum u, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat, il-maġġoranza meħtieġa għal diversi tipi ta’ deċiżjonijiet.

Artikolu 22 Bureau Internazzjonali

Il-Bureau Internazzjonali tal-WIPO għandu jaqdi l-kompiti amministrattivi fir-rigward tat-Trattat.

Artikolu 23 Eliġibbiltà għal Sħubija fit-Trattat

(1) Kwalunkwe Stat Membru tal-WIPO jista’ jissieħeb f’dan it-Trattat.

(2) L-Assemblea tista’ tiddeċiedi li tħalli kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva tissieħeb f’dan it-Trattat li tiddikjara li hija kompetenti fir-rigward ta’, u li jkollha l-leġiżlazzjoni tagħha li torbot lill-Istati Membri tagħha kollha fuq il-kwistjonijiet koperti minn dan it-Trattat u li tkun ġiet awtorizzata, skont il-proċeduri interni tagħha, li tissieħeb f’dan it-Trattat.

(3) L-Unjoni Ewropea, wara li għamlet id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti fil-Konferenza Diplomatika li adottat dan it-Trattat, tista’ tissieħeb f’dan it-Trattat.

Artikolu 24 Drittijiet u Obbligi skont it-Trattat

Soġġetta għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja speċifika f’dan it-Trattat, kull Parti Kontraenti għandha tgawdi d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha skont dan it-Trattat.

Artikolu 25 Iffirmar tat-Trattat

Dan it-Trattat ikun miftuħ għall-iffirmar fil-kwartieri ġenerali tal-WIPO minn kwalunkwe parti eliġibbli għal sena wara l-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 26 Dħul fis-Seħħ tat-Trattat

Dan it-Trattat għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara li 30 parti eliġibbli msemmija fl-Artikolu 23 ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika jew adeżjoni.

Artikolu 27 Data Effettiva tas-Sħubija fit-Trattat

Dan it-Trattat għandu jorbot:

(i) it-30 parti eliġibbli msemmija fl-Artikolu 26, mid-data li fiha jkun daħal fis-seħħ dan it-Trattat;

(ii) kull parti eliġibbli oħra msemmija fl-Artikolu 23, mill-għeluq ta’ tliet xhur mid-data li fiha tkun iddepożitat l-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni tagħha mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO.

Artikolu 28 Denunzja tat-Trattat

Dan it-Trattat jista’ jiġi denunzjat minn kwalunkwe Parti Kontraenti permezz ta’ notifika indirizzata lid-Direttur Ġenerali tal-WIPO. Kwalunkwe denunzja għandha tidħol fis-seħħ sena mid-data li fiha d-Direttur Ġenerali tal-WIPO jkun irċieva n-notifika.

Artikolu 29 Lingwi tat-Trattat

(1) Dan it-Trattat huwa ffirmat f’verżjoni oriġinali unika bl-Ingliż, bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol, bil-verżjonijiet f’dawn il-lingwi kollha jkunu awtentiċi daqs xulxin.

(2) Test uffiċjali fi kwalunkwe lingwa għajr dawk imsemmija fil-paragrafu (1) għandu jiġi stabbilit mid-Direttur Ġenerali tal-WIPO fuq talba ta’ xi parti interessata, wara konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati. Għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, "parti interessata" tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-WIPO li l-lingwa uffiċjali tiegħu, jew xi waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, tkun involuta u l-Unjoni Ewropea, u kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva oħra li tista’ tissieħeb f’dan it-Trattat, jekk tkun involuta waħda mil-lingwi uffiċjali tagħha.

Artikolu 30 Depożitarju

Id-Direttur Ġenerali tal-WIPO huwa d-depożitarju ta’ dan it-Trattat.

[1]               Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 1: Huwa mifhum li xejn f’dan it-Trattat ma jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi skont it-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (WPPT) jew l-interpretazzjoni tagħhom u huwa mifhum ukoll li l-paragrafu 3 ma joħloqx obbligi għal Parti Kontraenti f’dan it-Trattat sabiex tirratifika jew taderixxi mal-WPPT jew sabiex tikkonforma ma’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu.

[2]               Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 1(3): Huwa mifhum li l-Partijiet Kontraenti li jkunu membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jirrikonoxxu l-prinċipji u l-objettivi kollha tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (Ftehim TRIPS) u jifhmu li xejn f’dan it-Trattat ma jaffettwa d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, li jinkludu, iżda li mhumiex limitati għad-dispożizzjonijiet relatati ma’ prattiċi antikompetittivi.

[3]               Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 2(a): Huwa mifhum li d-definizzjoni ta’ "artisti interpreti" tinkludi dawk li jaħdmu f’xogħol letterarju jew artistiku li jinħoloq jew jiġi ffissat l-ewwel darba matul prestazzjoni artistika.

[4]               Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 2(b): B’dan huwa kkonfermat li d-definizzjoni ta’ "muntaġġ awdjoviżiv" li hemm fl-Artikolu 2(b) hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(c) tal-WPPT.

[5]               Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 5: Għall-iskopijiet ta’ dan it-Trattat u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe trattat ieħor, huwa mifhum li, meta titqies in-natura tal-muntaġġi awdjoviżivi u l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tagħhom, il-modifiki ta’ prestazzjoni li jsiru fil-kors normali ta’ sfruttament tal-prestazzjoni, bħal editjar, kompressjoni, doppjar, jew ifformattjar, f’mezzi jew formati eżistenti jew ġodda, u li jsiru waqt użu awtorizzat mill-artist interpretu, fihom infushom ma jammontawx għal modifiki fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ii). Id-drittijiet skont l-Artikolu 5(1)(ii) huma kkonċernati biss b’bidliet li oġġettivament jippreġudikaw ir-reputazzjoni tal-artist interpretu b’mod sostanzjali. Huwa mifhum ukoll li s-sempliċi użu ta’ teknoloġija jew mezzi ġodda jew mibdula, fih innifsu, ma jammontax għal modifika fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ii).

[6]               Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 7: Id-dritt ta’ riproduzzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 7, u l-eċċezzjonijiet permessi għalih permezz tal-Artikolu 13, japplikaw b’mod sħiħ fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari għall-użu tal-prestazzjonijiet f’forma diġitali. Huwa mifhum li l-ħażna ta’ prestazzjoni protetta f’forma diġitali f’mezz elettroniku tikkostitwixxi riproduzzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu.

[7]               Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikoli 8 u 9: Kif użata f’dawn l-Artikoli, l-espressjoni "oriġinali u kopji," li huma soġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u d-dritt ta’ kiri skont l-Artikoli msemmija, tirreferi esklussivament għal kopji fissi li jistgħu jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli.

[8]               Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikoli 8 u 9: Kif użata f’dawn l-Artikoli, l-espressjoni "oriġinali u kopji," li huma soġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u d-dritt ta’ kiri skont l-Artikoli msemmija, tirreferi esklussivament għal kopji fissi li jistgħu jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli.

[9]               Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 13: Id-dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 10 (dwar Limitazzjonijiet u Eċċezzjonijiet) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (WCT) hija applikabbli mutatis mutandis ukoll għall-Artikolu 13 (dwar Limitazzjonijiet u Eċċezzjonijiet) tat-Trattat.

[10]             Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 15 billi tirrigwarda l-Artikolu 13: Huwa mifhum li xejn f’dan l-Artikolu ma jimpedixxi Parti Kontraenti milli tadotta miżuri effettivi u meħtieġa sabiex tassigura li benefiċjarju jkun jista’ jgawdi l-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet previsti fil-liġi nazzjonali ta’ dik il-Parti Kontraenti, skont l-Artikolu 13, fejn ikunu ġew applikati miżuri teknoloġiċi għal prestazzjoni awdjoviżiva u l-benefiċjarju jkollu aċċess legali għal dik il-prestazzjoni, f’ċirkustanzi bħal meta ma jkunux ittieħdu miżuri xierqa u effettivi mid-detenturi tad-drittijiet fir-rigward ta’ dik il-prestazzjoni sabiex il-benefiċjarju jkun jista’ jgawdi l-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet skont il-liġi nazzjonali ta’ dik il-Parti Kontraenti. Mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni legali ta’ xogħol awdjoviżiv li fih prestazzjoni tkun fissa, huwa mifhum ukoll li l-obbligi skont l-Artikolu 15 ma japplikawx għal prestazzjonijiet mhux protetti jew li ma jkunux aktar protetti taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta dan it-Trattat.

[11]             Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 15: L-espressjoni "miżuri teknoloġiċi użati mill-artisti interpreti" għandha, billi dan huwa l-każ rigward il-WPPT, tiġi interpretata b’mod wiesa’, billi tirreferi wkoll għal dawk li jaġixxu f’isem l-artisti interpreti, inklużi r-rappreżentanti, id-detenturi ta’ liċenzja jew iċ-ċessjonarji tagħhom, u persuni involuti fil-komunikazzjoni u x-xandir li jużaw il-prestazzjonijiet fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni dovuta.

[12]             Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 16: Id-Dikjarazzjoni maqbula dwar l-Artikolu 12 (dwar Obbligi dwar Informazzjoni fuq il-Ġestjoni tad-Drittijiet) tal-WCT hija applikabbli mutatis mutandis ukoll għall-Artikolu 16 (dwar Obbligi dwar Informazzjoni fuq il-Ġestjoni tad-Drittijiet) tat-Trattat.

Top