EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE6135

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kejl tal-impatt soċjali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 170, 5.6.2014, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kejl tal-impatt soċjali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 170/03

Relatur: is-Sinjura RODERT

Nhar id-19 ta’ Settembru 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-kejl tal-impatt soċjali

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Novembru 2013.

Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2013 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’146 vot favur, 5 voti kontra u 3 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-dibattitu dwar il-kejl tal-impatt soċjali għal intrapriżi soċjali, iżda jenfasizza l-importanza li jingħata iżjed ħin lil dan is-suġġett kumpless. L-ewwel pass huwa li l-Kummissjoni tibda proċess ta' ġbir ta' data għal analiżi komparabbli tal-kejl tal-impatt soċjali fl-Istati Membri, kif ukoll li tistħarreġ iktar dan is-suġġett fil-kuntest tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa.

1.2

Il-KESE jaħseb li approċċ mhux korrett jew mgħaġġel wisq jista' jmur kontra l-għan tal-istituzzjoni tal-UE li tappoġġa l-iżvilupp u t-tkabbir tas-settur tal-intrapriża soċjali. Peress li ma tantx hemm sensibilizzazzjoni dwar dan is-settur f'ħafna Stati Membri, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza aktar sensibilizzazzjoni u implimentazzjoni sħiħa tal-aġenda tal-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali.

1.3

Il-kejl tal-impatt soċjali għandu l-għan li jkejjel l-effetti soċjali u l-impatt maħluq minn attivitajiet speċifiċi ta' intrapriża soċjali u mhux mill-intrapriżi nfushom, anke jekk l-istrutturi tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fihom infushom jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' valur soċjali. Huwa proċess kontinwu u parti integrali tal-attività ta' intrapriża u għodda ta' ppjanar strateġiku importanti.

1.4

Huwa diffiċli li wieħed japprova metodu wieħed biss, u huwa għalhekk li l-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex minflok tiżviluppa metodu ġdid, tibni għarfien dwar il-prinċipji l-iktar użati. Aspett komuni bejniethom huwa li huma inizjattivi minn isfel għal fuq maħsuba biex jirreġistraw impressjoni tal-bidla soċjali abbażi ta' ħtieġa reali u attivitajiet reali.

1.5

Kull metodu ta' kejl irid jiġi żviluppat mill-effetti/riżultati ewlenin tal-intrapriża soċjali, u jservi ta' appoġġ għall-attivitajiet tagħha, b'mod proporzjonat mingħajr ma joħnoq l-innovazzjoni soċjali. Dan il-metodu għandu jfittex bilanċ bejn data kwalitattiva u kwantitattiva, billi jagħraf li l-“istorja” hija essenzjali għall-kejl tas-suċċess. Wieħed għandu jinnota wkoll il-bżonn ta' aktar stħarriġ dwar id-diffikultajiet fl-assorbiment tar-riżultat tal-kejl tal-impatt soċjali mil-livell mikro għal dak makro (mil-lokal għall-UE).

1.6

Filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa għal metodi ta' kejl tal-impatt soċjali speċifikament għar-Regolamenti dwar il-EuSEF (1) u l-PESI (2), il-KESE jirrakkomanda li l-metodi żviluppati għal dawn ir-Regolamenti jitmexxew, jiġu monitorjati mill-qrib u anke riveduti jekk hemm bżonn. B'dan il-mod jiġi żgurat li ma jxekklux l-aċċess tal-intrapriżi soċjali għal finanzjament permezz ta' dawn l-istrumenti. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni tfassal linji gwida u prinċipji komuni dwar x'għandu jitkejjel minflok dwar kif għandu jsir il-kejl.

1.7

Il-KESE se jkompli janalizza dan is-suġġett u se jsegwi mill-qrib il-ħidma tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' metodu li jiżgura li ma jiġix imxekkel l-iżvilupp tal-intraprenditorija soċjali fl-Ewropa. Barra minn hekk, se jkompli jinvolvi ruħu f'diskussjoni usa' dwar kif l-impatt soċjali jista', biż-żmien, jiġi kkunsidrat għal oqsma oħra.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid (3) tenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati metodi għall-kejl tal-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li jinħolqu minn intrapriżi soċjali fl-implimentazzjoni tal-EuSEF u l-PESI.

2.2

Bħala risposta, sottogrupp (4) tal-grupp konsultattiv dwar l-intrapriża soċjali (GECES) tal-Kummissjoni, li jinkludi diversi partijiet interessati, ingħata l-kompitu li jagħti lill-Kummissjoni linji gwida dwar kif l-intrapriża soċjali tkun tista' tkejjel l-impatt soċjali tagħhom.

2.3

Din l-Opinjoni tiddeskrivi l-perspettiva ta' intrapriżi soċjali fl-iżvilupp ta' metodu ta' kejl tal-impatt soċjali tal-UE primarjament fil-kuntest tal-EuSEF u l-PESI. Madankollu, billi dan huwa suġġett importanti, il-KESE jenfasizza li idealment il-kejl tal-impatt soċjali għandu biż-żmien jiġi kkunsidrat ukoll għal oqsma oħra sabiex jiġi evitat approċċ ifframmentat.

2.4

L-intrapriża soċjali hija enfasizzata f'diversi inizjattivi reċenti tal-UE. Barra minnhekk, il-KESE ħadem b'mod sinifikanti fuq dan is-suġġett (5) bħall-indirizzar tal-isfidi mal-EuSEF u l-intrapriżi soċjali (6). F'pożizzjoni ċentrali hemm it-tnedija tal-Inizjattiva għan-negozju soċjali tal-Kummissjoni (SBI) (7), li għandha l-għan li tippromovi l-iżvilupp u t-tkabbir tal-intraprenditorija soċjali u l-intrapriża soċjali fl-UE.

2.5

L-intrapriżi soċjali jinħolqu għal għan soċjali u joperaw fl-ekonomija soċjali. Sabiex jiġi salvagwardjat dan il-mudell, il-KESE jenfasizza li d-deskrizzjoni tal-intrapriżi soċjali mill-Inizjattiva għan-negozju soċjali għandha tkun il-bażi għal kwalunkwe regolament, standard jew programm idderivat, peress li tqiegħed lill-intrapriżi soċjali f'kuntest usa' li jaqbel mad-diversi mudelli fl-Istati Membri.

2.6

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-intenzjoni ta' din l-Opinjoni mhijiex li jitressqu argumenti għall-kejl tal-impatt soċjali tan-negozji b'mod ġenerali. Barra minn hekk, il-kwistjoni m'għandhiex tiġi konfuża ma' b'inizjattivi relatati mar-responsabbiltà soċjali korporattiva jew l-obbligu, bħalma hu għall-impjegaturi kollha, li jiġu pprovduti kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u li jkunu konformi ma' kull ftehim kollettiv li jeżisti. Barra minn hekk, wieħed għandu jinnota li prestazzjoni soċjali u infrastruttura effettivi jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

2.7

Anke jekk din l-Opinjoni tikkunsidra biss l-impatt soċjali tal-effetti tal-attivitajiet tal-intrapriżi soċjali, u mhux l-intrapriżi soċjali infushom, l-istruttura u l-mudelli operattivi tagħhom stess huma komponenti ewlenin fi-ħolqien ta' impatt soċjali, permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż soċjali u l-ħolqien ta' esternalitajiet pożittivi.

3.   L-impatt soċjali f'kuntest soċjetali

3.1

L-effetti ekonomiċi kienu għal ħafna żmien l-indikatur ewlieni għall-kejl tal-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet u pajjiżi, tkun xi tkun il-motivazzjoni ewlenija, kemm progress ekonomiku kif ukoll dak soċjali. Għal dinja sostenibbli, irid ikun hemm perspettiva iżjed olistika li tmexxi u li tikkunsidra l-konsegwenzi soċjali, ambjentali u ekonomiċi.

3.2

In-nies saru iżjed sensibbli għal dan f'dawn l-aħħar snin. Fl-2008 il-KESE adotta Opinjoni fuq inizjattiva proprja bit-titlu Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli  (8), li enfasizzat il-ħtieġa għal metodi ġodda ta' kejl tas-sostenibbiltà u l-benessri sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali. Il-Kummissjoni ppubblikat segwitu għal dan b'rapport fl-2009 bl-isem Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel  (9), li ġibdet l-attenzjoni għall-ħtieġa għal strumenti ġodda li jimmonitorjaw u jkejlu l-iżvilupp soċjali. Barra minn hekk, atturi oħrajn ukoll ħadu passi biex jintroduċu stumenti ġodda, pereżempju l-OECD bl-Indiċi ta' Ħajja Aħjar (10).

3.3

Għall-Ewropa, li tinsab f'nofs kriżi b'mudelli ta' għajnuna soċjali li qed jinbidlu, huwa dejjem iżjed importanti li l-enfasi tkun fuq il-ħolqien ta' valur reali. Reċentement dan ġie enfasizzat fl-inizjattivi li jippromovu dimensjoni soċjali għall-UEM (11), fejn ġew proposti indikaturi u azzjonijiet soċjali biex jikkomplementaw ir-rappurtar ekonomiku. Dan it-tip ta' raġunar issa jidher f'ħafna dokumenti tal-UE, fejn il-kejl u l-monitoraġġ ta' valur soċjali miżjud, tal-bidla u tal-impatt huma prerekwiżiti għall-implimentazzjoni effettiva ta' direttivi, programmi jew attivitajiet.

3.4

Il-kejl tal-impatt soċjali huwa suġġett importanti u ċentrali għall-bini mill-ġdid tad-dimensjoni soċjali fl-Ewropa. Għaldaqstant, il-KESE jistaqsi għalfejn il-Kummissjoni qed tgħaġġel wisq f'dan il-qasam u jappella biex jingħata iktar żmien sabiex is-suġġett usa' jiġi diskuss bis-sħiħ u b'hekk jiġu żgurati l-metodoloġiji l-iżjed adatti. F'dan il-kuntest, wieħed irid isemmi li billi l-objettiv globali huwa li l-intrapriżi soċjali jiġu appoġġati biex iwettqu l-missjoni tagħhom, il-Kummissjoni trid timxi b'kawtela meta tiżviluppa strumenti li jistgħu jħallu l-effett oppost.

3.5

Dan il-punt jissaħħaħ ukoll meta wieħed jara l-għarfien baxx tal-intraprenditorija u l-ekonomija soċjali f'ħafna Stati Membri. Meta d-dibattitu jinbeda mill-perspettiva tal-impatt soċjali minflok mit-trawwim ta' ambjent li jippermetti l-iżvilupp ta' intrapriżi soċjali, dan jista' jagħmel ħsara lill-proċess ta' żvilupp ta' dan is-settur. Għalhekk il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprijotizza l-implimentazzjoni sħiħa tal-SBI sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti u trasparenti għall-intrapriżi soċjali fl-Istati Membri kollha qabel ma titnieda inizjattiva għall-kejl tal-impatt soċjali.

4.   Deskrizzjoni tal-impatt soċjali

4.1

Il-kejl tal-impatt soċjali huwa ta' benefiċċju għas-setturi kollha tas-soċjetà. Għall-intrapriżi soċjali, li jkun hemm impatt soċjali pożittiv huwa l-għan ewlieni tagħhom, u ta' sikwit dan ikun parti integrali u bla waqfien mill-attività tal-intrapriża. Huwa importanti li r-riżultati soċjali jiġu separati mir-riżultati tan-negozju; huwa l-impatt soċjali li jrid jitkejjel, mhux l-organizzazzjoni.

4.2

Hemm similaritajiet fil-mod kif il-partijiet interessati jiddeskrivu l-impatt soċjali, iżda jeżistu wkoll differenzi. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta' fehim komuni u jissuġġerixxi li dan jiġi deskritt bħala l-effetti soċjali u l-impatt soċjali li jinħolqu minn attivitajiet speċifiċi ta' intrapriża soċjali.

4.3

Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li l-kejl tal-impatt jirrigwarda l-kejl mhux biss tal-effetti maħsuba, iżda wkoll tal-effetti globali (maħsuba u mhux maħsuba) u l-impatt tagħhom.

4.4

L-evalwazzjoni tal-impatt soċjali hija sfida peress li r-rabtiet bejn l-attività u l-effetti tagħha jistgħu jkunu diffiċli li jintwerew. L-effetti pożittivi ta' sikwit huma kwalitattivi u xi kultant isiru evidenti biss matul perjodi ta' żmien itwal. Meta wieħed jittanta jispjega l-istampa sħiħa ta' attività permezz ta' ċifri, hemm ir-riskju kbir li l-informazzjoni miksuba ma tkejjilx dak li kienet maħsuba li tkejjel, jew li ma tkejjilx b'mod adatt. Għalhekk, l-intrapriżi soċjali m'għandhomx jitqiegħdu taħt pressjoni biex il-kejl iqisuh bħala kwantifikazzjoni, billi jiffokaw biss fuq attivitajiet li faċli jitkejlu, jiġu kwantifikati jew rikonoxxuti esternament.

4.5

Minflok, il-kwantifikazzjoni għandha titqies bħala metodu wieħed kif isir il-kejl, flimkien ma' approċċi kwalitattivi bħal metodi ta' narattiva. Dan l-approċċ alternattiv, jew kumplimentari, biex jinġabru stejjer rikki fl-informazzjoni mill-perspettiva tal-benefiċjarju, huma kruċjali fl-evalwazzjoni tal-“valur miżjud” tal-attivitajiet tal-intrapriża soċjali. Barra minn hekk, wieħed irid jinnota li l-kejl tal-ħolqien tal-valur mhux neċessarjament għandu jirriżulta f'ċifra finali, iżda jista' minflok ikun taħlita ta' ċifri u test.

4.6

Sabiex din il-kumplessità tiġi analizzata aktar, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tibda l-ġbir tad-data ta' metodi eżistenti bħala punt ta' tluq għal analiżi komparabbli bejn l-Istati Membri.

5.   Atturi ewlenin u kunċetti

5.1

Prerekwiżit għal metodu tal-UE għall-kejl tal-impatt soċjali fil-kuntest attwali tal-UE (EuSEF u PESI) huwa l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati li primarjament jinkludu intrapriżi soċjali, utenti, dawk li jfasslu l-politika, il-fornituri tal-finanzjament, kif ukoll il-provvedituri ta' servizzi soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali fejn huwa adatt. Dan l-approċċ tal-partijiet interessati jipprovdi proċess ta' bini ta' fiduċja favur fehma komuni dwar l-impatt mixtieq.

5.2

Prekundizzjoni għal dan l-approċċ tal-partijiet interessati hija fehim komuni tal-kunċetti bażiċi għall-kejl tal-impatt soċjali. Termini bħal input , prestazzjoni , effetti impatt ta' sikwit jiġu definiti differenti f'kuntesti differenti. Huwa importanti li l-partijiet interessati ikunu tal-istess fehma dwar dawn it-termini.

5.3

Jekk wieħed iħares biss lejn il-prestazzjoni (pereżempju l-għadd ta' nies li qed jieħdu sehem fit-taħriġ), ikun qed jonqos milli jkejjel l-impatt reali tal-attività. Għalhekk huwa importanti li wieħed jirrikkonoxxi li l-kejl tal-impatt soċjali huwa bidla mill-kejl tal-prestazzjoni għall-kejl tal-impatt. B'dan il-mod, jista' jiġi reġistrat il-valur miżjud reali, filwaqt li nibqgħu nqisu l-kumplessità u l-aspett multidixxiplinarju tal-kejl tal-impatt soċjali.

5.4

Wieħed għandu jinnota li għandhom jiġu analizzati iktar u b'mod speċifiku d-diffikultajiet fl-assorbiment tar-riżultat tal-kejl tal-impatt soċjali mil-livell mikro għal dak makro (mil-lokal għall-UE). Barra minn hekk, irid jiġi analizzat kif il-metodi ta' kejl jirrispettaw id-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-individwi u tal-intrapriżi.

6.   Metodi u strumenti

6.1

L-impatt soċjali jitkejjel f'ħafna modi differenti, li jfisser li huwa diffiċli li jiġi promoss metodu wieħed jew anke li jitqabblu metodi differenti (12). Ġew żviluppati ħafna metodi, ħafna minnhom mibdija permezz ta' proġetti EQUAL differenti (13). Aspett komuni bejniethom huwa li huma inizjattivi minn isfel għal fuq maħsuba biex iwasslu għal bidla soċjali u huma msejsa fuq ħtieġa reali u attivitajiet reali.

6.2

Il-metodi l-iktar magħrufa huma dħul soċjali fuq l-investiment (SROI – Social return on investment), li huwa kunċett imsejjes fuq l-impatt maħsub biex juri l-ħolqien ta' valur soċjali, ambjentali u ekonomiku ta' organizzazzjoni, u l-kontabilità soċjali, li hija metodu għall-ippjanar, il-kejl u l-evalwazzjoni tal-għanijiet soċjali ta' organizzazzjoni (14). Eżempju ta' metodu iktar ġenerali biex jiġi determinat il-valur miżjud soċjali huwa l-GRI (Global Reporting Index), sistema ta' rappurtar tas-sostenibbiltà li tipprovdi qafas għal rappurtar soċjali, ambjentali u ekonomiku. Iżda hemm ukoll ħafna metodi oħra disponibbli (15).

6.3

Dawn il-metodi għandhom inkomuni l-fatt li huma mfassla mill-perspettiva tal-objettiv tal-attivitajiet tal-intrapriża soċjali, minflok ikunu mudelli meħuda minn setturi oħra. Minflok ma jkejlu biss il-prestazzjoni bejn żewġ mumenti speċifiċi, dawn l-approċċi ta' sikwit jużaw proċess usa' mhux lineari bħat-Teorija tal-Bidla (Theory of Change) (16) li fil-qosor tfisser li tiddefinixxi, tikkwalifika u tittraċċa. Bl-użu ta' dawn l-approċċi, il-proċess ta' kejl stess jiġi inkorporat fl-ippjanar tan-negozju tal-intrapriża u jkun għodda importanti għal titjib intern.

6.4

Meta jiġu mfassla metodi ta' impatt soċjali, iridu jinżammu proporzjonali u maħsuba biex jappoġġaw l-intrapriża soċjali. Ħafna intrapriżi soċjali huma żgħar jew ġodda, b'riżorsi limitati biex japplikaw metodi kkumplikati. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li jiġi żgurat li l-piżijiet burokratiċi jkunu limitati, proporzjonali, u jinqasmu ma' partijiet interessati oħra (UE, maniġers ta' fondi) minflok li l-intrapriżi soċjali jerfgħu r-responsabbiltà tal-ispiża kollha tal-kejl tal-impatt.

6.5

Il-KESE jissuġġerixxi li l-indikaturi jintgħażlu mill-intrapriżi soċjali permezz ta' intervisti mal-utenti u l-partijiet interessati. Pereżempju, indikaturi jistgħu jkunu “spejjeż iffrankati għas-soċjetà” jew “fatturi li jikkawżaw impatt” għall-intrapriża soċjali, iżda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-ħidma ta' appoġġ tal-intrapriża u l-istruttura u l-mudelli operattivi tagħha.

6.6

Abbażi ta' metodi eżistenti, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tiżviluppa qafas tal-UE skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE li jinkludi r-regolamenti speċifiċi li jeżistu f'xi Stati Membri kif ukoll il-mudelli ta' organizzazzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-intrapriżi soċjali stess.

7.   Punti oħra

7.1

Peress li huwa diffiċli ħafna li wieħed jippromovi metodu wieħed jew indikaturi standard għall-kejl tal-impatt soċjali, l-ewwel pass tal-Kummissjoni huwa li tibni sensibilità tal-prinċipji u l-metodi eżistenti li jintużaw l-iżjed u li tinkoraġġixxi lill-intrapriżi biex jużawhom. Minn dawn l-esperjenzi l-Kummissjoni tista' tfassal linji gwida komuni għall-kejl ta' effetti soċjali minflok jitkejlu l-prestazzjonijiet tagħhom, sabiex jiġi stabbilit qafas ta' prinċipji ta' dak li għandu jitkejjel minflok ma nipprovaw niddefinixxu kif għandu jitkejjel impatt soċjali.

7.2

Minħabba li s-suġġett huwa kumpless, il-KESE jirrakkomanda li jiġu pilotati l-metodi żviluppati għall-EuSEF u l-PESI bħala l-ewwel pass. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib l-impatt tal-applikazzjoni ta' dawn il-metodi u jippermetti li ssir reviżjoni jekk ikun hemm bżonn. Id-data kollha li tinġabar għandha titqassam skont is-sess sabiex ir-rwol tan-nisa fl-intraprenditorija soċjali jiġi rikonoxxut u tiġi żgurata trasparenza fl-allokazzjoni tal-fondi. Dan sabiex jiġi żgurat li l-metodi użati ma jillimitawx l-aċċess għal fondi għal min hu intenzjonat li jirċievi finanzjament.

7.3

Meta tistruttura dawn il-proġetti pilota, il-Kummissjoni trid tikkunsidra wkoll aspetti bħall-kompetenza u l-objettiv tal-entità/parti interessata responsabbli għall-verifika. Dan huwa relatat mill-qrib ma' spejjeż addizzjonali u l-motivi ta' dawn l-atturi. Il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel sforzi biex ttnaqqas kemm jista' jkun dawn l-ispejjeż meta tfassal ir-rekwiżiti ta' kejl kif ukoll biex tevita l-ħolqien ta' burokrazija żjeda jew li jkun hemm distorsjoni tal-iżvilupp soċjali.

7.4

Hemm il-periklu li l-metodu ta' kejl imfassal speċifikament għall-EuSEF u l-PESI se jippresiedi meta jiġu implimentati għodod u regoli oħra relatati mal-intrapriża soċjali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Applikazzjoni mhux adegwata jew mhux korretta tal-kejl tal-impatt soċjali tista' xxekkel l-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni soċjali. Sabiex jiġi limitat dan ir-riskju, il-Kummissjoni għandha toffri programmi ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ fl-Istati Membri.

7.5

Din l-Opinjoni hija l-ewwel pass fil-ħidma tal-KESE dwar il-kejl tal-impatt soċjali. Hija tweġiba għall-ħidma attwali tal-Kummissjoni fuq din it-tema. Madankollu, il-KESE jaħseb li hija ta' importanza vitali li d-diskussjoni titkompla u titwessa' u għaldaqstant se jimmonitorja l-ħidma tal-Kummissjoni u jkompli jaħdem fuq dan is-suġġett fi ħdan oqsma oħra tal-ħidma ta' politika tiegħu.

Brussell, 10 ta’ Diċembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej, COM(2011) 862 final.

(2)  Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni, COM(2011) 609 final.

(3)  COM(2012) 573 final.

(4)  http://ec.europa.eu/internal_market/social_business/expert-group/social_impact/index_en.htm.

(5)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22; ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1; ĠU C 229, 31.7.2012, p. 44.

(6)  ĠU C 229, 31.07.2012, p. 55.

(7)  COM(2011) 682 final.

(8)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.

(9)  COM(2009) 433 final.

(10)  www.betterlifeindex.org.

(11)  http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/archives/2013/10/pdf/20131002_1-emu_en.pdf.

(12)  Bouchard, M (ed) (2009): The worth of social economy, Peterlang, Bruxelles.

(13)  http://ec.europa.eu/employment_social/equal_consolidated.

(14)  http://www.thesroinetwork.org/what-is-sroi, http://www.socialauditnetwork.org.uk/getting-started/what-is-social-accounting-and-audit.

(15)  Pereżempju, PQASSO (Practical Quality Assurance System for Small Organisations), SIMPLE (Simple Impact Measurement for Local Economies), Volunteering Impact Assessment Toolkit, The Big Picture, Impact Framework, Logic Model Builder, Measuring Impact Framework, Outcome Mapping, Outcome-Based Evaluation, Social Impact Assessment (SIA), the Shujog Impact Framework and Assessment.

(16)  http://www.theoryofchange.org.


Top