Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0659

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti

/* COM/2013/0659 final */

52013DC0659

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti /* COM/2013/0659 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti

1            L-Ewropa għandha bżonn tal-Foresti tagħha

Il-foresti u art imsaġġra oħra jkopru aktar minn 40 % taż-żona tal-art tal-UE, b'diversità kbira fil-karattru fr-reġjuni kollha. F'dawn l-aħħar deċennji, l-afforestazzjoni u s-suċċessjoni naturali żiedu ż-żona ta' foresti tal-UE b'madwar 0,4 % fis-sena. Madankollu, globalment, iż-żona tal-foresti tkompli tonqos. Bħalissa fl-UE, qed jinqata' biss bejn 60 u 70 % taż-żieda annwali, u għalhekk qed jiżdied l-istokk tal-injam li qed jikber. Madankollu, skont il-projezzjonijiet tal-Istati Membri taħt l-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF), ir-rati tal-ħsad huma mistennija jiżdiedu b’madwar 30 % sal-2020 meta mqabbla mal-2010.[1] Madwar 60 % tal-foresti huma l-proprjetà ta' diversi miljuni ta' proprjetarji privati,[2] b'numri li mistennija jiżdiedu hekk kif ir-restituzzjoni tas-sjieda tal-foresti titkompla f'ċerti Stati Membri. Il-bqija huma jappartjenu lill-Istat u lil sidien pubbliċi oħra.

Il-foresti huma multifunzjonali, u jservu skopijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Huma joffru ħabitati għall-annimali u l-pjanti u għandhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u servizzi ambjentali oħrajn. Kważi kwart taż-żona tal-foresti tal-UE huwa protett taħt Natura 2000, u fil-biċċa l-kbira tal-bqija jgħixu speċijiet protetti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura. Il-foresti joffru wkoll benefiċċji soċjali estensivi, inkluż għas-saħħa tal-bniedem, ir-rikreazzjoni u t-turiżmu.[3]

L-importanza soċjoekonomika tal-foresti hija għolja, iżda hija ta' spiss sottovalutata. Il-foresti jikkontribwixxu għall-iżvilupp rurali u jipprovdu madwar tliet miljun impjieg. L-injam għadu s-sors ewlieni tad-dħul finanzjarju mill-foresti. Għaldaqstant l-istrateġija tħares ukoll lejn l-industriji tal-UE bbażati fuq il-foresti, skont il-politika industrijali tal-UE. L-injam huwa meqjus ukoll bħala sors importanti ta’ materja prima għall-industriji emerġenti b'bażi bijoloġika.

Il-bijomassa tal-foresti bħalissa hija l-aktar sors importanti tal-enerġija rinnovabbli, u llum tirrappreżenta madwar nofs il-konsum totali tal-enerġija rinnovabbli tal-UE. Skont il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli, il-bijomassa użata għat-tisħin, għat-tkessiħ u għall-elettriku tipprovdi madwar 42 % tal-mira ta' 20 % ta' enerġija rinnovabbli għall-2020. Jekk din il-mira tintlaħaq, l-ammont tal-injam użat għal skopijiet ta' enerġija fl-UE jkun ekwivalenti għall-ħsad totali tal-injam li hemm fil-preżent. Il-foresti jipprovdu wkoll firxa kbira ta’ prodotti oħra, bħas-sufra, ir-raża, il-faqqiegħ, il-ġewż, l-annimali tal-kaċċa u l-frott tal-bosk (berries).

Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-foresti jiġu ġestiti b'mod sostenibbli jekk irridu li dawn il-benefiċċji jitwasslu b'mod bilanċjat.

Ġestjoni sostenibbli tal-foresti tfisser li l-foresti u l-art tal-foresti jintużaw b'tali mod u b'rata, li jżommu l-bijodiversità, il-produttività, il-kapaċità riġenerattiva, il-vitalità u l-potenzjal tagħhom li jaqdu, kemm issa kif ukoll fil-ġejjieni, funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali, fil-livelli lokali, nazzjonali u globali, mingħajr ma ssir l-ebda ħsara lil ekosistemi oħrajn.[4]

Filwaqt li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ma jagħmel l-ebda referenza għal dispożizzjonijiet speċifiċi għal politika tal-UE dwar il-Foresti, l-UE ilha żmien twil tikkontribwixxi permezz tal-politiki tagħha għall-implimentazzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar il-foresti. Żviluppi importanti jinkludu l-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi, il-Pjan Direzzjonali għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, il-Politika għall-Iżvilupp Rurali, il-Politika Industrijali, il-Pakkett tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija bil-miri tiegħu għall-2020, l-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Pjanti u l-Materjali Riproduttivi u l-Istrateġiji dwar il-Bijodiversità u l-Bijoekonomija.[5]

Ibbażata fuq is-sussidjarjetà u r-responsabbiltà konġunta, l-Istrateġija tal-UE tal-1998 dwar il-Forestrija[6] stabbiliet qafas għal azzjonijiet relatati mal-foresti li jappoġġaw ġestjoni sostenibbli tal-foresti u li huma bbażati fuq rabtiet kooperattivi u benefiċjarji bejn il-politiki u l-inizjattivi tal-UE u dawk tal-Istati Membri. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Foresti[7] 2007-2011 kien strument importanti għall-implimentazzjoni tal-istrateġija u indirizzata erba’ objettivi: il-kompetittività, l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja u l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni. Il-kofinanzjament ta’ miżuri forestrali skont ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali kien u se jibqa’ l-mezz ewlieni ta’ finanzjament fuq ivell tal-UE.

Evalwazzjoni ex-post tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Foresti enfasizzat il-bżonn ta’ strateġija ġdida għall-foresti li: tiżviluppa u timplimenta viżjoni komuni ta' ġestjoni multifunzjonali u sostenibbli tal-foresti fl-Ewropa; tiddefinixxi l-prijoritajiet u l-miri tal-azzjoni; torbot l-istrateġiji u l-pjanijiet ta' finanzjament tal-UE ma' dawk tal-Istati Membri; issaħħaħ l-ippjanar, il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' azzjoni koerenti u transettorjali; tistabbilixxi mekkaniżmi ċari għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportaġġ; u tirrevedi l-involviment tal-partijiet interessati. Din il-Komunikazzjoni tappoġġa dawn ir-rakkomandazzjonijiet billi tipprovdi orjentazzjonijiet strateġiċi.

2            Għaliex huwa meħtieġ qafas ġdid

Matul dawn l-aħħar 15-il sena, bidliet soċjali u politiċi sinifikanti influwenzaw il-mod ta' kif is-soċjetà tal-UE tħares lejn il-foresti u l-forestrija. Is-sitwazzjoni ġenerali hija kkaratterizzata minn żieda fid-domanda fuq il-foresti u fit-theddid fil-konfront tagħhom. Fl-istess ħin, l-għadd li qed jiżdied ta' politiki relatati mal-foresti joħloq ambjent ta' politika għall-foresti li hu kumpless u frammentat. Ir-rabtiet li dejjem jiżdiedu bejn is-swieq internazzjonali tal-ikel, tal-għalf, tal-fibra u tal-fjuwil qed jikkawżaw ukoll tfixkil mhux mistenni fis-suq.

Huwa meħtieġ qafas ġdid biex:

· Jiżgura li l-potenzjal multifunzjonali tal-foresti tal-UE jkun ġestit b’mod sostenibbli u bbilanċjat, li jippermetti lis-servizzi vitali tal-ekosistemi tal-foresti jiffunzjonaw b’mod korrett.

· Jissodisfa d-domanda li dejjem tikber għal materja prima għall-prodotti eżistenti u għal dawk ġodda (eż. kimika ħadra jew fibri tat-tessuti) u għall-enerġija rinnovabbli. Din id-domanda hija opportunità għad-diversifikazzjoni tas-swieq, iżda toħloq sfida sinifikanti għall-ġestjoni sostenibbli u għall-bilanċ tad-domandi. Id-domanda għal użi ġodda fil-bijoekonomija u fil-bijoenerġija għandha tkun ikkoordinata ma’ domandi tradizzjonali, u għandha tirrispetta l-limiti sostenibbli.

· Jirreaġixxi għall-isfidi u l-opportunitajiet li l-industriji bbażati fuq il-foresti jiffaċċjaw fl-użu effiċjenti tar-riżorsi u tal-enerġija, fil-materja prima, fil-loġistika, fl-addattament strutturali, fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-ħiliet, fil-kompetizzjoni internazzjonali, fil-politika dwar il-klima lil hinn mill-2020 u fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni, sabiex jistimulaw it-tkabbir.

· Jipproteġi l-foresti u l-bijodiversità minn effetti sinifikanti ta’ maltempati u nirien, riżorsi tal-ilma li kull ma jmur isiru aktar skarsi, u mill-pesti. Dawn it-theddidiet ma jirrispettawx il-fruntieri nazzjonali u huma aggravati mit-tibdil fil-klima.

· Jirrikonoxxi li l-UE ma tiddependix biss fuq il-produzzjoni tagħha stess, u li l-konsum tagħha għandu implikazzjonijiet għall-foresti madwar id-dinja.

· Jiżviluppa sistema ta’ informazzjoni adegwata biex ikun hemm segwitu ta' dan kollu li tniżżel hawn fuq.

L-UE teħtieġ politika qafas biex tikkoordina u tiżgura l-koerenza ta’ politiki relatati mal-foresti u tippermetti li jkun hemm sinerġiji ma’ setturi oħrajn li jinfluwenzaw il-ġestjoni tal-foresti. Hi teħtieġ strateġija ġdida għall-foresti li tkun ir-referenza ewlenija fl-iżvilupp ta' politika relatata mal-foresti. Hemm bżonn li l-foresti u s-settur forestrali tal-UE jkunu pożizzjonati b’tali mod li tkun żgurata l-kontribuzzjoni tagħhom għall-objettivi u l-miri tal-UE.

3            It-triq 'il quddiem: Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti

Din il-proposta tippromwovi perspettiva koerenti u olisitka tal-ġestjoni tal-foresti, tkopri d-diversi benefiċċji tal-foresti, tintegra l-kwistjonijiet interni u esterni ta' politika dwar il-foresti, u tindirizza l-katina tal-valur tal-foresti kollha kemm hi.

Hi tidentifika l-prinċipji ewlenin meħtieġa għat-tisħiħ ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għat-titjib tal-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari f'żoni rurali, filwaqt li tiżgura l-ħarsien tal-foresti u l-provvediment ta' servizzi tal-ekosistema. Hi tispeċifika wkoll kif l-UE tixtieq timplimenta l-politiki relatati mal-foresti.

Sabiex din l-istrateġija jkollha sinifikat għal dawk il-politiki li jeħtieġu jew jistgħu jeħtieġu evidenza ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti u sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha, huma meħtieġa kriterji għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jkunu oġġettivi, ambizzjużi u li jidhru u li jistgħu jiġu applikati għal kull użu tal-bijomassa tal-foresti. L-istrateġija u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jibnu fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti u l-inizjattivi internazzjonali, inkluża l-ħidma li twettqet taħt FOREST EUROPE[8], għandhom jikkunsidraw is-sitwazzjoni speċjali tas-sidien ta' foresti żgħar, u jindirizzaw l-għodod tas-settur privat li huma bbażati fuq is-suq bħalma ma hi ċ-ċertifikazzjoni.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi u jittejbu l-koerenza u s-sinerġiji, huwa importanti li jkun hemm koordinazzjoni mal-Istati Membri u bejniethom. L-Istati Membri huma mitluba jikkunsidraw il-prinċipji u l-għanijiet ta’ din l-istrateġija huma u jistabbilixxu u jimplimentaw il-pjanijiet ta' azzjoni u l-programmi forestrali nazzjonali tagħhom. Għandhom jiġu żviluppati opportunitajiet ta’ netwerking u metodi għall-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki.

3.1         Prinċipji ta' gwida

- Ġestjoni sostenibbli tal-foresti u r-rwol multifunzjonali tal-foresti, il-provvediment ta' diversi oġġetti u servizzi b’mod ibbilanċjat u l-iżgurar tal-protezzjoni tal-foresti;

- L-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-ottimizzazzjoni tal-kontribut tal-foresti u tas-settur forestrali għall-iżvilupp rurali, għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi.

- Ir-responsabbiltà globali għall-foresti, il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-prodotti tal-foresta.

L-Ewropa ilha żmien tiġġestixxi l-foresti b'mod sostenibbli, u dan huwa rifless fil-prinċipji tal-FOREST EUROPE applikati mill-politiki tal-Istati Membri u appoġġati mill-UE, b'mod partikolari permezz tal-politika għall-iżvilupp rurali. Huwa kunċett dinamiku b'livelli internazzjonali, reġjonali u lokali li jeħtieġu jiġu implimentati fuq il-post mill-maniġers tal-foresti.

L-Istati Membri huma marbutin bl-impenni tal-FOREST EUROPE li jiġġestixxu l-foresti tagħhom b'mod sostenibbli, skont il-politiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-foresti. Matul l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija, huma għandhom jindirizzaw l-linji ta' referenza ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti, itejbu l-iskambju tal-informazzjoni u jxerrdu l-prattika t-tajba.

Fis-settur forestrali, l-użu effiċjenti tar-riżorsi jfisser li r-riżorsi tal-foresti jintużaw b'mod li jimminimizza l-impatt fuq l-ambjent u fuq il-klima, u jipprijoritizza l-outputs tal-foresti li għandhom aktar valur miżjud, joħloq aktar impjiegi u jikkontribwixxi għal bilanċ aħjar tal-karbonju. L-użu kaskat tal-injam[9] jissodisfa dawn il-kriterji. F’ċerti każijiet, jistgħu jkunu meħtieġa approċċi differenti, pereżempju f’każijiet ta’ tibdil fid-domanda jew ta' ħarsien ambjentali.

3.2         L-objettivi għall-foresti sal-2020

Li jiġi żgurat u muri li l-foresti fl-UE huma ġestiti skont il-prinċipji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti u li l-kontribuzzjoni tal-UE għall-promozzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għat-tnaqqis ta' deforestazzjoni fuq livell globali hija msaħħa, u b'hekk

- tikkontribwixxi għal bilanċ ta' funzjonijiet diversi tal-foresti, l-ilħuq tad-domandi u l-provvediment ta' servizzi vitali tal-ekosistemi;

- tipprovdi bażi biex il-forestrija u l-katina tal-valur bbażata fuq il-foresti kollha kemm hi jkunu kontributuri kompetittivi u vijabbli għall-ekonomija b'bażi bijoloġika.

L-objettivi żviluppati flimkien mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-partijiet interessati jindirizzaw it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli b’mod integrat, u jipprovdu approċċ olistiku għall-ġestjoni u l-politika tal-foresti.

3.3         Tmien oqsma prijoritarji marbuta: valur għal kulħadd

Ġestjoni sostenibbli tal-foresti tikkontribwixxi għall-objettivi soċjali ewlenin

3.3.1      Nappoġġaw il-komunitajiet rurali u urbani tagħna

Kull ma jmur is-soċjetà teħtieġ aktar foresti. Minbarra li jkopru partijiet kbar ta’ żoni rurali, il-foresti huma wkoll neċessarji għall-popolazzjoni rurali peress li jappoġġaw il-benessri ekonomiku u l-impjiegi.

Forza tax-xogħol sostenibbli, imħarrġa u sikura hija waħda mill-pilastri ta' settur forestrali aktar kompetittiv. Foresti ġestiti sew b'maniġers, ħaddiema u intraprendituri tal-forestil i jkunu kwalifikati jwittu t-triq għal settur forestrali sostenibbli u kompetittiv li jkollu rwol importanti fl-iżvilupp rurali u fl-ekonomija kollha kemm hi filwaqt li jipprovdi benefiċċji soċjali.

Il-Kummissjoni tqis li l-fondi għall-iżvilupp rurali għandhom jintużaw biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti.  L-Istati Membri għandhom jużaw l-opportunitajiet mogħtija fir-Regolament il-ġdid dwar l-Iżvilupp Rurali u jagħtu prijorità lill-investimenti: fl-immodernizzar ta' teknoloġiji forestrali; fl-ottimizzazzjoni tal-kontribut tas-settur għall-bijoekonomija; fit-titjib tar-reżiljenza, tal-valur ambjentali u tal-potenzjal ta' mitigazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti; fil-kisba tal-objettivi tan-natura u tal-bijodiversità; fl-adattament għat-tibdil fil-klima; fil-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi; fil-ħarsien tal-foresti u fl-informazzjoni dwarhom; u fil-ħolqien ta’ msaġar ġodda u ta' sistemi agroforestrali.

Orjentazzjonijiet strateġiċi:

- L-Istati Membri għandhom jużaw il-fondi għall-iżvilupp rurali biex itejbu l-kompetittività, jippromwovu d-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika u l-kwalità tal-ħajja, u jipproduċi oġġetti ambjentali pubbliċi speċifiċi,[10] sabiex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-funzjonijiet soċjali ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw u jtejbu l-effett tal-miżuri forestrali skont il-politika għall-iżvilupp rurali;

- Bħala parti mill-objettiv ta' simplifikazzjoni tal-pakkett ta' għajnuna mill-Istat għall-modernizzazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta' kumpaniji kbar fis-sistema ta' eżenzjoni ta' kategorija u qiegħda tirrevedi l-kundizzjonijiet għal eżenzjonijiet ta' kategorija fis-settur forestrali;[11]

- Bl-għajnuna tal-finanzjament għall-iżvilupp rurali, l-Istati Membri huma mħeġġa jappoġġaw: Sistemi Konsultattiva dwar il-Foresti għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; taħriġ; u komunikazzjoni bejn sidien lokali tal-foresti u l-awtoritajiet;

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw aktar il-benefiċċji li l-foresti jagħtu lis-soċjetà u, permezz ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti, għandhom isibu l-bilanċ it-tajjeb bejn il-provvediment ta' diversi oġġetti u servizzi.

3.3.2      Inrawmu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-Industriji tal-UE bbażati fuq il-Foresti, il-bijoenerġija u l-ekonomija ekoloġika usa'

L-injam huwa materja prima naturali, rinnovabbli, riċiklabbli u li jintuża aktar minn darba. Jekk jinkiseb minn foresti ġestiti b'mod sostenibbli, ikun ipproċessat u użat biex jimminimizza l-effetti negattivi fuq il-klima u l-ambjent filwaqt li jipprovdi l-għajxien, ir-rwol tiegħu jkun sostenibbli.

B’mod ġenerali, 58 % tal-bijomassa tal-injam maħsud tal-UE jiġi pproċessat mill-Industriji tal-UE bbażati fuq il-Foresti,[12] li jirrappreżenta madwar 7 % tal-PDG tal-manifattura tal-UE u kważi 3,5 miljun impjieg, u jikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tal-Politika Industrijali tal-UE.[13] Madankollu, il-kompetittività futura tiegħu teħtieġ proċessi u prodotti li jkunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija u li jirrispettaw lill-ambjent. Materjali u kimiċi bbażati fuq l-injam li jinsabu fi stat avvanzat mistennija li jkollhom rwol ewlieni fil-bijoekonomika tal-UE. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jiddeskrivi s-subsetturi tal-Industriji tal-UE bbażati fuq il-Foresti, il-prospetti eknomiċi u teknoloġiċi tagħhom, u jidentifika l-akbar sfidi u azzjonijiet ta' rimedju tagħhom (2013-20) biex jgħin fit-titjib tal-kompetittività globali tagħhom.

It-42 % li fadal jintuża għall-enerġija, u jammonta għal madwar 5 % tal-konsum tal-enerġija totali tal-UE. Skont il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli, il-bijomassa se tibqa’ s-sors ewlieni tal-enerġija rinnovabbli fl-2020. Bħalissa l-Kummissjoni qed tevalwa jekk il-miżuri addizzjonali, inklużi kriterji ta’ sostenibbiltà armonizzati, għandhomx jiġu proposti biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà relatati mal-użu ta' bijomassa solida u gassuża għat-tisħin, it-tkessiħ u l-elettriku.

Għaldaqstant, il-bijomassa bbażata fuq il-foresti, flimkien ma’ prodotti forestrali li mhumiex injam, li s-suq qed juri interess fihom, jipprovdu opportunitajiet li jżommu jew joħolqu l-impjiegi u jiddiversifikaw id-dħul f'ekonomija ekoloġika b’karbonju baxx.

Orjentazzjonijiet strateġiċi:

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, se:

- Tesplora u tippromwovi aktar bis-sħiħ l-użu tal-injam bħala materja prima sostenibbli, rinnovabbli, li ma tagħmilx ħsara lill-klima u lill-ambjent mingħajr ma tagħmel ħsara lill-foresti u lis-servizzi tal-ekosistema tagħhom; tivvaluta l-benefiċċji għall-klima bis-sostituzzjoni tal-materjali u l-enerġija bil-bijomassa tal-foresti u bi prodotti tal-injam maħsud u l-effett tal-inċentivi sabiex il-bijomassa tal-foresti tintuża biex toħloq distorsjoni fis-suq;

-Tiżviluppa sal-aħħar tal-2014 kriterji għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tal-UE li jkunu oġġettivi, ambizzjużi u li jidhru u li jistgħu jiġu applikati f’kuntesti ta’ politika differenti irrispettivament mill-użu aħħari tal-bijomassa tal-foresti. Il-Kummissjoni se tippreżenta miżuri xierqa;

- Tivvaluta l-provvista potenzjali tal-injam u tiffaċilita ż-żieda fil-mobilizzazzjoni tal-injam sostenibbli; tiżviluppa gwida ta’ prattika tajba għal dan u għall-prinċipju ta' "kaskata", kif ukoll dwar il-proċessi ta' manifattura li huma effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija, speċjalment għall-Industriji bbażati fuq il-Foresti, l-SMEs u l-mikrointrapriżi;

 - Tistimula t-tkabbir tas-suq u l-internazzjonalizzazzjoni tal-prodotti tal-Industriji bbażati fuq il-foresti tal-UE u ttejjeb l-għarfien settorjali, anke dwar il-kostruzzjoni sostenibbli u l-għoti ta' informazzjoni lill-konsumatur dwar l-għamara;

- Tiffaċilita l-aċċess għal swieq terzi fir-rigward tal-prodotti tal-Industrija bbażati fuq il-Foresti tal-UE u l-materja prima permezz ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali, u billi ttejjeb l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni u l-esportazzjonijiet tal-materja prima;   

- Tappoġġa lill-Pjattaforma Teknoloġika tas-Settur ibbażat fuq il-Foresti u tinkoraġġixxi inizjattivi ġodda, bħal sħubijiet privati-pubbliċi, eż. fis-settur ibbażat fuq il-prodotti bijoloġiċi, li jrawmu ir-riċerka u l-innovazzjoni għal diversi prodotti u proċessi li huma effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija;

- Tniedi valutazzjoni tal-ispejjeż kumulattivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE li taffettwa l-ktajjen tal-valur tal-Industrija bbażata fuq il-Foresti, fl-2014. Ir-riżultati jistgħu jikkontribwixxu għal analiżi usa' tal-impatti, inklużi l-ispejjeż, il-benefiċċji, u l-koerenza, tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni.

3.3.3      Il-foresti fi klima li qed tinbidel

Il-foresti huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima. Għalhekk huwa importanti li tinżamm u tittejjeb il-kapaċità tagħhom għar-reżiljenza u l-adattament, inkluż permezz tal-prevenzjoni tan-nar u soluzzjonijiet oħra ta' adattament (eż. speċijiet xierqa, varjetajiet ta’ pjanti, eċċ.).

Fl-istess ħin, il-ġestjoni tal-foresti tista' timmitiga t-tibdil fil-klima jekk il-foresti jibqgħu jintużaw bħala bjar fiċ-ċiklu tal-karbonju jew jekk dan ir-rwol jittejjeb u billi tipprovdi bijomaterjali li jistgħu jaġixxu bħala mħażen tal-karbonju jew bħala “sostituti tal-karbonju”, li jieħdu post il-materjali u l-karburanti li għandhom livell għoli ħafna ta' karbonju. Riċentement,l-UE adottat regoli għall-kontabilità, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-LULUCF[14] li skonthom l-Istati Membri, pereżempju, se jipprovdu informazzjoni dwar il-pjanijiet tagħhom għat-titjib tal-bjar u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet relatati mal-foresti. L-UE u l-Istati Membri għamlu wkoll impenni relatati mal-LULUCF li għandhom jinkisbu sal-2020, it-Tieni Perjodu ta' Impenn skont il-Protokoll ta' Kjoto.

Il-foresti jimmitigaw ukoll l-impatt ta’ avvenimenti estremi tat-temp billi jimmoderaw it-temperaturi, u jnaqqsu l-veloċità tar-riħ u l-ilma li jaħrab mill-wiċċ.

Orjentazzjonijiet strateġiċi:

L-Istati Membri għandhom juru:

- kif biħsiebhom iżidu l-potenzjal ta’ mitigazzjoni tal-foresti tagħhom permezz ta’ żieda fl-assorbiment u tnaqqis fl-emissjonijiet, inkluż permezz ta' kkaskar fl-użu tal-injam, filwaqt li jitqies li s-subprogram il-ġdid ta' LIFE+ għall-azzjoni fil-Klima u l-finanzjament għall-Iżvilupp Rurali jista' jippromwovi u jappoġġa prattiki ġodda jew eżistenti ta' ġestjoni tal-foresti li jillimitaw l-emissjonijiet jew iżidu l-produttività bijoloġika netta (jiġifieri, it-tneħħija tas-CO2). Huma għandhom jagħmlu dan sa nofs l-2014 u fil-kuntest tal-informazzjoni tagħhom dwar l-azzjonijiet LULUCF;

- kif isaħħu l-kapaċitajiet ta’ adattament u ta' reżiljenza tal-foresti tagħhom, u jibnu fuq l-azzjonijiet proposti fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima[15] u l-Green Paper dwar il-Ħarsien tal-Foresti u l-informazzjoni, bħalma hija soluzzjoni għan-nuqqas ta' għarfien u azzjoni ta' adattament għas-simplifikazzjoni fil-politiki tal-foresti.

3.3.4      Nipproteġu l-foresti u ntejbu s-servizzi tal-ekosistemi

Il-foresti jipprovdu servizzi tal-ekosistemi li fuqhom jiddependu l-komunitajiet rurali u urbani, u jospitaw varjetà enormi tal-bijodiversità.  Il-pressjonijiet fuq il-foresti, bħalma huma l-frammentazzjoni tal-ħabitat, il-firxa ta’ speċijiet aljeni invażivi, it-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tal-ilma, in-nirien, il-maltempati u l-pesti jeħtieġu ħarsien aħjar. Ir-regoli tal-UE jkopru l-moviment u l-kummerċ ta’ ċerti pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti li jistgħu jkunu ta' theddida għas-saħħa tal-pjanti.

L-isforzi għall-ħarsien għandu jkollhom l-għan li jżommu, itejbu u jirrestawraw ir-reżiljenza u l-multifunzjonalità tal-ekosistemi tal-foresti bħala parti ċentrali tal-infrastruttura ekoloġika tal-UE, u b'hekk jipprovdu servizzi ambjentali ewlenin flimkien mal-materja prima.

Għandu jkun hemm aktar enfasi fuq il-prevenzjoni tal-impatti negattivi fuq il-foresti milli fuq il-mitigazzjoni u r-restawr tal-ħsara. Sabiex il-foresti jkunu jistgħu jirreaġixxu għat-theddid u x-xejriet fil-futur, id-diversità ġenetika għandha tittejjeb u r-riżorsi ġenetiċi pperikolati għandhom jiġu mħarsa.

Kemm in-natura kif ukoll l-effetti ta’ ċerti theddidiet huma transkonfinali u għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE.

Il-Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Foresti (FMPs) jew strumenti ekwivalenti bbażati fuq il-prinċipji ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti huma l-istrumenti ewlenin għall-provvediment ta' diversi oġġetti u servizzi b'mod ibbilanċjat. Il-FMPs huma fil-qalba ta' kemm l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2020 kif ukoll tal-finanzjament għall-Iżvilupp Rurali. L-istrateġija tħaddanhom u tippromwovihom u tappoġġa l-użu tagħhom.

Orjentazzjonijiet strateġiċi:

L-Istati Membri:

- bl-għajnuna tal-Kummissjoni, se jiżviluppaw qafas kunċettwali għall-valwazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema, għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tagħhom f’sistemi tal-kontabilità fil-livell tal-UE u fil-livelli nazzjonali sal-2020. Huma se jibnu fuq l-Immappjar u l-Valutazzjoni tal-istat tal-Ekosistemi u tas-servizzi tagħhom;

- għandhom iżommu u jtejbu l-kopertura forestrali biex jiżguraw il-protezzjoni tal-ħamrija, ir-regolamentazzjoni tal-kwalità  u tal-kwantità tal-ilma billi jintegraw prattiki sostenibbli forestrali fil-Programm ta’ Miżuri tal-Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Baċir Idrografiku skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u fil-Programmi ta’ Żvilupp Rurali;

- għandhom jiksbu titjib sinifikanti u miżurabbli fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats tal-foresti billi jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, u jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali għall-foresti jikkontribwixxu għall-ġestjoni xierqa tan-netwerk Natura 2000 sal-2020. Huma għandhom jibnu fuq il-gwida li dalwaqt ħierġa dwar Natura 2000 u l-foresti;

- se jimplimentaw il-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 u jilħqu l-miri Aichi tagħha adottati fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, u b'hekk jibnu fuq il-Qafas dwar il-Prijoritizzazzjoni tar-Restawr komuni li dalwaqt se jkun hemm;

- għandhom isaħħu l-konservazzjoni ġenetika tal-foresti (id-diversità tal-ispeċijiet tas-siġar) u d-diversità fost l-ispeċijiet u fi ħdan il-populazzjonijiet. Il-Kummissjoni tista’ tappoġġahom b’mod partikolari permezz ta’ Programm tal-Iżvilupp Rurali.

Il-Kummissjoni:

- se timmonitorja l-progress tal-Istati Membri fir-rigward tal-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jew strumenti ekwivalenti u l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-bijodiversità li jinsabu fihom, inklużi l-objettivi tal-Konservazzjoni ta' Natura 2000;

- għandha, flimkien mal-Istati Membri, issaħħaħ il-mekkaniżmi għall-ħarsien tal-foresti kontra l-pesti, u tibni fuq aktar kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, riċerka msaħħa u l-eżaminar kontinwu tar-Reġim tas-Saħħa tal-Pjanti;

- se tivvaluta l-impatti u tikkunsidra estensjoni possibbli tal-obbligu biex japplika fi ħdan l-UE l-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 dwar materjali tal-injam għall-ippakkjar;

- se tipprovdi l-informazzjoni u d-dejta rilevanti li għandha fid-dispożizzjoni tagħha lill-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda Kontra d-Deżertifikazzjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tagħhom għall-ħarsien tal-foresti u tal-ħamrija fiż-żoni l-aktar mhedda mid-degradazzjoni tal-art u d-deżertifikazzjoni. B'mod partikolari, se tagħmel dan permezz taċ-Ċentru Ewropew tad-Dejta dwar il-Foresti u ċ-Ċentru Ewropew tad-Dejta dwar il-Ħamrija.

Titjib tal-bażi tal-għarfien

3.3.5      X’foresti għandna u kif qegħdin jinbidlu?

Huwa meħtieġ tisħiħ tal-bażi tal-għarfien tal-foresti sabiex nifhmu aħjar l-isfidi kumplessi ambjentali u dawk soċjali li s-settur forestrali qed iħabbat wiċċu magħhom. L-immappjar u l-valutazzjoni tal-istat tal-ekosistemi tal-foresti u s-servizzi tagħhom jirrikjedu informazzjoni aħjar dwar il-foresti min-naħa tal-UE. Varjabbli u parametri rilevanti se jiġu armonizzati fil-livell tal-UE, u se jkunu bbażati fuq kooperazzjoni bejn sistemi ta' akkwist ta' dejta internazzjonali, pan-Ewropej u nazzjonali, u fuq analiżi dettaljata tal-isfidi tal-UE. Programmi tal-UE bħal LIFE+ jistgħu jgħinu jimmobilizzaw ir-riżorsi meħtieġa.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri żviluppaw sistema modulari għall-informazzjoni dwar il-foresti, u l-ħidma fuq il-bijomassa u l-bijodiversità għadha għaddejja.

Orjentazzjonijiet strateġiċi:

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se

- jistabbilixxu s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Foresti tal-Ewropa billi jiġbru informazzjoni armonizzata madwar l-Ewropa kollha dwar ir-rwol multifunzjonali tal-foresti u tar-riżorsi tal-foresti u jintegraw sistemi diversi ta' informazzjoni (eż. EFFIS[16]) u pjattaformi ta' dejta (eż. EFDAC[17]) f’sistema modulari dinamika li tiġbor flimkien id-dejta u l-mudelli f'applikazzjonijiet;

- jallinjaw l-informazzjoni dwar il-foresti tal-UE sabiex din tkun primarjament ibbażata fuq id-dejta miġbura mill-Istati Membri bir-rekwiżiti għall-arkitettura tad-deja tal-UE bħal INSPIRE,[18] SEIS[19] u Copernicus,[20] u ssegwi proċessi internazzjonali u reġjonali;

- jippromwovu aktar żvilupp tal-bażi ta' dejta tal-UE tal-materjal riproduttiv tal-foresti, inklużi hyperlinks għar-reġistru u l-mapep nazzjonali;

- itejbu, jipparagunaw u jaqsmu l-informazzjoni dwar il-foresti, jibnu fuq esperjenzi li kellhom suċċess bħall-EFFIS, is-saħħa tal-foresti, l-istatistiċi dwar il-forestrija tal-UE u l-EFDAC.

B’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se:

- tiżviluppa diversi moduli, eż. dwar il-foresti u d-disturbi naturali bħan-nirien u l-pestiċidi, il-foresti u l-bijoekonomija, il-foresti u t-tibdil fil-klima u l-foresti u s-servizzi tal-ekosistema li jistgħu jikkontribwixxu għall-istatistika dwar il-forestrija tal-UE u għall-Kontabilità Ambjentali u Ekonomika Integrata għall-foresti.

3.3.6      Forestrija ġdida u innovattiva u prodotti b'valur miżjud

Huwa meħtieġ qasam ta' riċerka bbażat fuq il-foresti tal-UE li jkun koerenti u ambizzjuż sabiex jistimola l-innovazzjoni madwar is-settur forestrali. Dan il-qasam ta' riċerka għandu jqis l-ispeċifiċitajiet tal-foresti bħalma huma perjodi ta’ żmien twal.

Il-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp jappoġġaw is-settur forestrali. Is-settur forestrali huwa aktar preżenti fis-Seba' Programm Qafas ta' Riċerka u fl-Orizzont 2020, b'konformità mal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija għall-Ewropa[21]. L-għan huwa li tittejjeb s-sostenibbiltà tas-settur u l-kontribut tagħha għall-ekonomija rurali permezz ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti, titjieb il-kapaċità tas-settur biex jiffaċċja stress bijotiku u abijotiku, u li jiġu żviluppati sistemi u prodotti aħjar għall-produzzjoni tal-forestrija.

Orjentazzjonijiet strateġiċi:

- Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati fit-trasferiment tal-għarfien teknoloġiku u xjentifiku għall-prattika u s-suq tal-foresti, b'mod partikolari permezz ta' Orizzont 2020 u s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli, biex b'hekk tappoġġa l-iżvilupp ta' prodotti b'valur miżjud akbar;

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien fuq ir-riċerka avvanzata u fuq l-għodod ta' mmudellar sabiex jonqsu l-lakuni ta' dejta u tal-għarfien biex b'hekk ikun hemm għarfien aħjar tal-kwistjonijiet kumplessi dwar il-bidliet soċjali, ekonomiċi u ambjentali b'rabta mal-foresti (eż. l-identifikazzjoni tal-limiti ambjentali);

- Il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (KPRA) se jintuża sabiex isaħħaħ il-koordinazzjoni tar-riċerka u tal-ħidma innovattiva bejn l-UE, l-Istati Membri u l-partijiet interessati;

- Il-Kummissjoni se tiżgura li jkun hemm tixrid tar-riżultati u l-prattiki tajbin permezz tal-istruttura tal-UE għall-governanza tal-foresti u fora rilevanti oħra.

Trawwim ta' koordinazzjoni u komunikazzjoni

3.3.7      Naħdmu flimkien għal ġestjoni koerenti u għal fehim aħjar tal-foresti tagħna

Diversi kwistjonijiet ta’ politika trasversali jindirizzaw il-foresti u xi kultant l-objettivi tagħhom ivarjaw. Għaldaqstant hemm bżonn ta' koordinazzjoni, kooperazzjoni u komunikazzjoni sabiex tinkiseb politika koerenti u konsistenti.

Diversi għażliet għat-titjib tal-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ġew diskussi mal-Istati Membri, inkluża Direttiva qafas dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Madankollu, ma ntlaħaq l-ebda kunsens kontinwu lil hinn minn approċċ volontarju. Fi kwalunkwe każ, ir-rabtiet ma’ politiki relatati mal-foresti għandhom jittejbu.

L-istruttura attwali tal-UE għall-governanza tal-foresti[22] tiddependi mill-Kumitat Permanenti tal-Forestrija[23] (SFC). L-SFC għandu jibqa’ l-forum għad-diskussjoni tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-foresti, biex b'hekk jiżgura li l-politiki relatati mal-foresti jkunu kkoordinati u koerenti. Madankollu, hemm bżonn ta' titjib biex jiġi żgurat li l-SFC jirreaġixxi għal kontribuzzjonijiet minn politiki oħrajn. L-SFC ħadem mal-Grupp Konsultattiv dwar il-Forestrija u s-Sufra, il-Kumitat dwar il-Ħabitat u l-Grupp Espert dwar il-ġestjoni tan-Natura 2000 biex jippreparaw b'mod konġunt il-gwida dwar Natura 2000 u l-foresti — din tkun tista' tintuża bħala l-aħjar prattika. Barra minn hekk, jista' jkun hemm aktar enfażi fuq ir-rwol li għandu l-SFC biex iżomm il-foresti multifunzjonali.

Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Forestrija u s-Sufra[24] se jibqa' l-pjattaforma ewlenija tad-diversi partijiet interessati għad-diskussjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-forestrija u mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Industriji bbażati fuq il-Foresti[25] se jibqa’ l-pjattaforma ewlenija għall-kwistjonijiet relatati mal-ktajjen tal-valur industrijali.

Dawn it-tliet fora għandhom ikunu l-pedamenti għall-iżvilupp u s-segwitu tal-istrateġija l-ġdida.

Il-komunikazzjoni hija sfida partikolari għas-settur, peress li b'mod ġenerali, il-pubbliku mhuwiex konxju minn kemm il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti hija importanti, jew mill-modi diversi li bihom is-settur forestrali jikkontribwixxi għall-ekonomika ekoloġika.

Orjentazzjonijiet strateġiċi:

- Il-Kummissjoni se tiżgura li l-ħidma tal-Kumitat Permanenti għall-Forestrija tibni fuq politiki oħra tal-UE rilevanti għal foresti u s-settur forestrali, biex b'hekk jiġi żgurat li l-ġestjoni tal-foresti tal-UE tibqa’ multifunzjonali;

- Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jesploraw diversi għażliet għal koordinazzjoni aħjar tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, informazzjoni armonizzata dwar il-foresti u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u flimkien magħhom;

- Il-Kummissjoni se toħloq Netwerk Ewropew tal-Bureau għall-Foresti (Inventarji Nazzjonali tal-Foresti — NFI) biex tiżviluppa kriterji armonizzati għad-dejta tal-NFI. Ħidma komplementarja hija ppjanat permezz tal-azzjonijiet u l-proġetti ta' riċerka tal-COST;

- L-Istati Membri għandhom itejbu l-informazzjoni pubblika dwar il-foresti u l-injam, u jibnu fuq l-Istrateġija ta’ Komunikazzjoni tal-UE dwar il-Foresti żviluppata mill-SFC[26];

- Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-perċezzjoni pubblika tal-foresti (permezz ta’ stħarriġ tal-Ewrobarometru sal-2015).

3.3.8      Il-foresti minn perspettiva globali

Fil-livell pan-Ewropew, l-enfasi qiegħda fuq in-negozjati li għaddejjin biex jiġi stabbilit fethim legalment vinkolanti dwar il-foresti, bl-UE bħala l-attur ewlieni. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-UE għandha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti madwar ir-reġjun kollu. L-istrateġija l-ġdida tieħu l-forma ta' vettura xierqa għall-implimentazzjoni tal-ftehim.

Fuq livell globali, l-UE hija fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Hija tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħala mezz li tħares il-bijodiversità, tiġġieled id-deżertifikazzjoni u tirreaġixxi għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tiżgura li l-ekosistemi tal-foresti jipprovdu oġġetti u servizzi. B’dan il-mod hija tikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli u għall-qerda tal-faqar. REDD+, FLEGT[27] u Regolament tal-UE dwar l-Injam[28] jimmiraw lejn dawn l-għanijiet. Sal-2015, il-Kummissjoni se teżamina l-funzjonament u l-effikaċja tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam.

Din l-istrateġija għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm konsistenza bejn il-politiki, l-objettivi u l-impenni tal-UE u tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mal-foresti fuq livell internazzjonali. Hija tappoġġa lill-UE u lill-Istati Membri billi tifformula objettivi ċari u koerenti.

Orjentazzjonijiet strateġiċi:

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se:

- jiżguraw li jkun hemm konsistenza bejn il-politiki u l-impenni UE u tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mal-foresti fuq livell internazzjonali;

- jippromwovu ġestjoni sostenibbli tal-foresti madwar l-Ewropa u d-dinja kollha, u r-rwol tal-foresti fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u l-azzjoni esterna;

- jiżguraw li jkun hemm appoġġ kontinwu għall-isforzi globali għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT;

- jappoġġaw lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-politiki u r-regolamenti dwar il-foresti, isaħħu l-governanza tal-foresti, jivvalutaw u jissorveljaw l-ekosistemi tal-foresti, u jindirizzaw il-kawżi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti permezz ta' REDD+.

Il-Kummissjoni se:

- tevalwa l-impatt ambjentali tal-konsum tal-UE ta’ prodotti u materja prima li x'aktarx jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti barra mill-UE. Jekk ikun xieraq, hija se tikkunsidra għażliet ta’ politika sabiex tillimita dawn l-impatti, inkluż l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Hi se tagħmel dan b'konformità mas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE.

4            Inbiddlu l-prinċipji f'azzjoni: naħdmu flimkien għall-foresti tagħna u għas-settur forestrali

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, se jiżguraw l-implimentazzjoni tal-istrateġija u s-segwitu tagħha, u se jiżguraw li l-partijiet interessati jkunu involuti.

Sabiex jiġu stabbiliti l-miri għall-kisba tal-objettivi għall-foresti sal-2020 u sabiex jiġu indirizzati l-prijoritajiet strateġiċi tal-azzjonijiet fil-politika dwar il-foresti u l-politiki relatati mal-foresti, il-Kummissjoni se taħdem mal-Kumitat Permanenti dwar il-Forestrija biex issaħħaħ ir-rabtiet ma' politiki tal-UE relatati. Meta meħtieġ, hi se taħdem ma’ kumitati u fora oħrajn. Minħabba li l-fondi tal-UE huma importanti ħafna għall-foresti u għas-settur forestrali, jinħass il-bżonn li titjieb il-kwalità tad-diskussjonijiet fil-livell tal-UE.

Se jiġu identifikati oqsma oħrajn li fihom l-Istati Membri għandhom javvanzaw aktar, bħalma huma l-prevenzjoni ta’ nirien fil-foresti, il-ġlieda kontra l-pesti u l-mard, il-promozzjoni tal-injam sostenibbli u l-kooperazzjoni reġjonali/transreġjonali.

Bħalissa l-foresti u s-settur forestrali jirċievu fondi sinifikanti mill-UE. Il-miżuri forestrali skont ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali huma s-sinsla tar-riżorsi tal-istrateġija (90 % tat-total ta’ finanzjament tal-UE għall-forestrija). Skont il-pjanijiet aġġornati, EUR 5,4 biljun mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali ġew allokati għall-miżuri forestrali għall-perjodu 2007-2013. Għalkemm dan se jkun jiddependi mill-Pjanijiet għall-Iżvilupp Rurali tal-Istati Membri, nefqa simili għal dik fil-perjodu kurrenti tista' tkun mistennija għall-perjodu 2014-2020. Din in-nefqa għandha tkun iddedikata għall-kontribuzzjoni tal-objettivi ta' din l-istrateġija, u b'mod partikolari biex jiġi żgurat li l-foresti tal-UE jkunu ġestiti skont prinċipji sostenibbli għall-ġestjoni tal-foresti.  LIFE+ jappoġġa l-konservazzjoni tan-natura, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-bżonnijiet ta' informazzjoni u ta' protezzjoni, il-fondi strutturali jappoġġaw il-proġetti ta' koeżjoni u Orizzont 2020 jappoġġa l-azzjonijiet ta' riċerka u ta' innovazzjoni, inkluża s-sħubija bejn il-pubbliku u l-privat dwar l-industriji bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi. Il-politiki dwar l-iżvilupp u t-tibdil fil-klima jipprovdu wkoll finanzjament għal pajjiżi terzi, b’mod partikolari permezz tal-fondi tal-UE għall-iżvilupp, REDD+ u FLEGT.  Ir-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi disponibbli u t-titjib fil-koordinazzjoni bejn l-UE u l-finanzjament nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu għal implimentazzjoni aħjar tal-istrateġija.

5            Konklużjonijiet

Hemm bżonn li jkun hemm strateġija għall-foresti u għas-settur forestrali peress li m'hemmx politika komuni tal-UE dwar il-foresti jew qafas ta' gwida għall-kwistjonijiet relatati mal-foresti. Billi numru dejjem jiżdied ta' politiki tal-UE qed jagħmel domandi dejjem akbar fuq il-foresti, hemm bżonn li l-politiki settorjali jiġu kkoordinati. Tinħass ukoll il-ħtieġa li jkun hemm qbil dwar viżjoni strateġika olistika dwar il-kwistjonijiet relatati mal-foresti, u li jiġi żgurat li l-politiki tal-UE relatati jiġu kkunsidrati f'politiki nazzjonali dwar il-foresti.  Dan isaħħaħ l-abbiltà tal-foresti u tas-settur ibbażat fuq il-foresti li jirreaġixxu aħjar għall-iżviluppi f’oqsma diversi tal-politika.

Din l-istrateġija għandha l-għan li tagħmel il-foresti u s-settur forestrali fiċ-ċentru tad-direzzjoni lejn ekonomija ekoloġika u li tapprezza l-benefiċċji li l-foresti jistgħu jagħtu b'mod sostenibbli, filwaqt li tiżgura l-ħarsien tagħhom. Għal dan il-għan jeħtieġ li jkun hemm impenn qawwi u appoġġ politiku mill-partijiet kollha involuti.

Fl-2018 se ssir reviżjoni biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jappoġġaw din l-istrateġija u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-implimentazzjoni tagħha.

[1]               Abbażi tal-livelli ta' referenza tal-UE pprojettati għall-ġestjoni tal-foresti li ġew sottomessi lill-UNFCCC CMP.6.

[2]               16-il miljun, skont l-istimi tas-sidien. Filwaqt li l-għadd ta’ sidien tal-foresti privati huwa pjuttost għoli, is-sehem tagħhom tal-art tal-foresti huwa relattivament żgħir u ħafna drabi frammentat.

[3]               Aktar dettalji jinsabu fil-Green Paper dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif Dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima COM (2010) 66.

[4]               Konferenza Ministerjali dwar il-Ħarsien tal-Foresti fl-Ewropa. Helsinki, 1993

[5]               COM(2011)244 u COM(2012)60

[6]               Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1998 dwar strateġija forestrali għall-UE

[7]               COM (2006) 302

[8]               Il-proċess politiku pan-Ewropew għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tal-kontinent.

[9]               Skont il-prinċipju ta' kaskata, l-injam jintuża fl-ordni ta' prijoritajiet li ġej: prodotti bbażati fuq l-injam, jestendilhom il-ħajja operattiva tagħhom, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, il-bijoenerġija u r-rimi.

[10]             Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7-8/2/2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

[11]             Billi s-settur forestrali ma jaqax taħt l-Anness I u l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, ir-regoli kollha ta' kompetizzjoni japplikaw bis-sħiħ għalih.

[12]             Woodworking, furniture, pulp and paper manufacturing and converting, printing (NACE Kapitli 16, 31, 17, 18.1). Aspetti rilevanti tal-ħsad tal-injam (NACE 02.2) huma koperti wkoll.

[13]             “Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku” , (COM (2012) 582 finali) u "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni” — COM (2010) 614).

[14]             Id-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE.

[15]             COM(2013)216.

[16]             Sistema tal-Informazzjoni tal-UE dwar in-Nirien fil-Foresti

[17]             Iċ-Ċentru Ewropew tad-Dejta dwar il-Foresti

[18]             Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Ewropa (INSPIRE).

[19]             Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża.

[20]             Programm ta’ Osservazzjoni tad-Dinja tal-Kummissjoni Ewropea.

[21]             COM (2012) 60

[22]             Deskritt fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal

[23]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/367/KEE

[24]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/391/KE

[25]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/837/KE

[26]             http://ec.europa.eu/agriculture/fore/publi/

[27]             Ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta' infurzar tal-liġi, tmexxija u liċenzja tal-kummerċ għall-importazzjoni tal-injam fl-UE.

[28]             Ir-Regolament (EU) Nru 995/2010

Top