EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0401

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI "Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv"

/* COM/2013/0401 final */

52013DC0401

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI "Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv" /* COM/2013/0401 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

"Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv"

1.           Daħla

1.1.        L-Objettivi tal-Komunikazzjoni

Fi żminijiet ekonomikament diffiċli, ambjent legali sod u sistemi ġudizzjarji effiċjenti jistgħu jikkontribwixxu b’mod deċiżiv għall-mira tal-Unjoni Ewropea li jinkiseb tkabbir kompetittiv. L-għan ewlieni tal-politika għall-UE hu li tibqa’ kompetittiva fuq livell globali u li jkollha suq uniku miftuħ u li jiffunzjona hekk kif enfasizzat fl-istrateġija Ewropa 2020 u fl-Att dwar is-Suq Uniku. Iċ-ċertezza legali u ambjent legali affidabbli huma ta’ importanza ewlenija f’dan il-kuntest.

Il-politika tal-ġustizzja tal-UE timmira li tiżviluppa żona ġenwina ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li taqdi liċ-ċittadini u lin-negozji[1]. Kemm iċ-ċittadini kif ukoll in-negozji għandhom ikunu jistgħu jiksbu rimedju effettiv, b’mod partikolari f’każijiet transkonfinali u fil-każijiet fejn id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jkunu nkisru. Dan jista’ jkun jeħtieġ soluzzjonijiet permezz tal-liġi proċedurali bbażati fuq il-liġi tal-UE. Ix-xogħol imwettaq fil-qasam tal-liġi proċedurali s’issa pproduċa għadd ta’ soluzzjonijiet li jiffaċilitaw rimedju effettiv: il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar[2] hija proċedura ċivili Ewropea ssimplifikata u kost-effettiva li tiffaċilita t-talbiet tal-konsumatur li jirriżultaw minn bejgħ transkonfinali. Il-Proċedura tal-Ordni ta’ Ħlas Ewropea[3] tikkontribwixxi għall-irkupru mgħaġġel tad-dejn fuq livell transkonfinali, li jagħmilha aktar faċli għan-negozji biex jamministraw it-talbiet tagħhom. Id-Direttiva dwar il-Medjazzjoni[4], li hija applikabbli għat-tilwim ċivili transkonfinali kollu, tippromwovi s-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim li tiffranka l-ispejjeż u l-isforzi u tnaqqas iż-żmien meħtieġ għal litigazzjoni transkonfinali. Fil-qasam tal-politika dwar il-konsumaturi[5] id-Direttiva adottata dan l-aħħar dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim[6] tal-konsumatur flimkien mar-Regolament dwar Soluzzjoni Online għat-Tilwim[7] imorru lill hinn billi jitolbu lill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tilwim kuntrattwali bejn il-konsumatur u n-negozjant li jirriżultaw mill-bejgħ ta’ oġġetti jew mill-għoti ta’ servizzi jista’ jitressaq quddiem entità ta’ Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim.

L-istrumenti legali msemmija hawn fuq, flimkien ma’ strumenti oħra li f’daqqa jagħmlu l-acquis tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja u l-protezzjoni tal-konsumatur, jirrispondu għal ħtiġijiet konkreti ħafna u identifikati tajjeb taċ-ċittadini u tan-negozji. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, huma jħallu lok ukoll għal soluzzjonijiet ġudizzjarji nazzjonali u sistemi ta’ rimedju.

Ir-rimedju kollettiv huwa wieħed mill-mekkaniżmi li ġie analizzat għal bosta snin mill-istituzzjonijiet tal-UE fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba f’diversi Stati Membri għall-kapaċità tiegħu li jikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żona Ewropea tal-ġustizzja biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur u titjib fl-infurzar tal-liġi tal-UE b’mod ġenerali, inklużi r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, filwaqt li jservi t-tkabbir ekonomiku u jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja. Il-Kummissjoni kompliet u approfondiet din l-analiżi bejn l-2010 u l-2012 biex tipprovdi tweġibiet għal tliet mistoqsijiet bażiċi:

(1) x’inhi l-problema li għadha ma ġietx indirizzata b’mod sodisfaċenti mill-istrumenti eżistenti,

(2) jista’ mekkaniżmu legali partikolari, bħal mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv Ewropew possibbli, isolvi din il-problema?

(3) kif jista’ mekkaniżmu bħal dan jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżiti tal-Artikolu 67(1) TFUE, li skontu, l-Unjoni, filwaqt li tistabbilixxi żona Ewropea ta’ libertà, ġustizzja u sigurtà, hija mitluba li tirrispetta s-sistemi legali u t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari f’oqsma (bħal-liġi proċedurali) li huma stabbiliti sew fil-livell nazzjonali, filwaqt li huma pjuttost ġodda fil-livell tal-UE.

Għall-Kummissjoni, kwalunkwe miżura ta’ rimedju ġudizzjarju għandha tkun xierqa u effettiva u ġġib soluzzjonijiet ibbilanċjati li jappoġġjaw it-tkabbir Ewropew, filwaqt li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja. Għalhekk, dawn m’għandhomx jattiraw litigazzjoni abbużiva jew ikollhom effetti detrimentali fuq rispondenti irrispettivament mir-riżultati tal-proċedimenti. Eżempji ta’ effetti ħżiena bħal dawn jistgħu jidhru b’mod partikolari fi ‘class actions’ (azzjonijiet ta' klassi) kif inhuma magħrufin fl-Istati Uniti. L-approċċ Ewropew għar-rimedju kollettiv għandu b’hekk jagħti kas bix-xieraq għall-prevenzjoni ta' dawn l-effetti negattivi u għandu jfassal salvagwardji adegwati għal kontrihom.

Fl-2011, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika orizzontali ‘Lejn approċċ koerenti Ewropew għal rimedju kollettiv’. L-għan tagħha kien, inter alia, li jiġu identifikati prinċipji legali komuni dwar rimedju kollettiv u li jiġi eżaminat kif prinċipji komuni bħal dawn jistgħu jidħlu fis-sistema legali tal-UE u fis-sistemi legali tas-27 Stat Membru tal-UE. Il-konsultazzjoni esplorat ukoll l-oqsma fejn forom differenti ta’ rimedju kollettiv jistgħu jgħinu biex jinfurzaw aħjar il-leġiżlazzjoni tal-UE jew jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadini u tan-negozji tal-UE.

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jagħti l-kontribut tiegħu għad-dibattitu Ewropew billi jadotta riżoluzzjoni bbażata fuq rapport komprensiv ta’ inizjattiva proprja dwar ir-rimedju kollettiv[8].

Din il-Komunikazzjoni tirrapporta l-fehimiet ewlenin imfissra fil-konsultazzjoni pubblika u tirrifletti l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar xi kwistjonijiet ċentrali fir-rigward tar-rimedju kollettiv. Hija akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tirrakkomanda li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jkollhom sistemi nazzjonali ta’ rimedju kollettiv ibbażati fuq għadd ta’ prinċipji komuni Ewropej. Ir-Rakkomandazzjoni hija favur approċċ orizzontali u l-kontenut tagħha għalhekk japplika wkoll għall-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, qasam li għalih regoli speċifiċi – iġġustifikati mill-ispeċifiċitajiet tal-liġi tal-kompetizzjoni – huma inklużi fil-proposta għad-Direttiva dwar ċerti regoli li jirregolaw azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea[9]. Filwaqt li r-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu l-prinċipji ssuġġeriti fiha, id-Direttiva proposta tħalli f’idejn l-Istati Membri jekk jintroduċux jew le azzjonijiet ta’ rimedju kollettiv fil-kuntest tal-infurzar privat tal-liġi tal-kompetizzjoni.[10]

1.2.        X’inhu r-rimedju kollettiv?

Ir-rimedju kollettiv huwa mekkaniżmu proċedurali li jippermetti, għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali u/jew effiċjenza tal-infurzar, li ħafna talbiet legali simili jinġabru f’azzjoni waħda tal-qorti. Ir-rimedju kollettiv jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari f’każijiet fejn il-ħsara individwali tkun tant baxxa li l-atturi potenzjali ma jaħsbux li jkun vallapena li jirrikorru għal talba individwali. Dan isaħħaħ ukoll il-poter tan-negozjar tal-atturi potenzjali u jikkontribwixxi għall-amministrazzjoni effiċjenti tal-ġustizzja billi jevita bosta proċedimenti li jikkonċernaw talbiet li jirriżultaw mill-istess ksur ta’ liġi.

Skont it-tip ta’ talba, ir-rimedju kollettiv jista’ jieħu l-forma ta’ rimedju inġuntiv, fejn jintalab waqfien tal-prattika illegali jew rimedju kumpensatorju, bl-għan li jinkiseb kumpens għad-dannu mġarrab. Din il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummssjoni li takkumpanja din il-Komunikazzjoni jindirizzaw iż-żewġ forom ta’ rimedju kollettiv, mingħajr ma jinterferixxu fil-mezzi ta' rimedju inġuntiv diġà fis-seħħ fl-Istati Membri fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni.

Huwa tabilħaqq importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-azzjonijiet li jfittxu inġunzjonijiet jew danni għall-allegati ksur tad-drittijiet jew waqfien ta’ prattika illegali huma tilwim ċivili bejn żewġ partijiet privati[11], anki meta parti waħda tkun ‘kollettiva’, eżempju grupp ta’ rikorrenti. Kwalunkwe ksur tad-drittijiet u kull inġunzjoni konsewgwenti jew kumpens għal ħsara, jiġu determinati biss fil-mument tad-deċiżjoni tal-qorti[12] fil-każ[13]. F’konformità mal-prinċipju tal-istat tad-dritt, il-parti konvenuta (rispondenti) tal-litigazzjoni ċivili mhijiex ikkunsidrata bħala waħda li aġixxiet b’mod abużiv jew li kisret kwalunkwe dritt jekk u sakemm dan jiġi eskluż mill-qorti[14].

1.3.        Is-sitwazzjoni attwali dwar ir-rimedju kollettiv fl-Unjoni Ewropea

Il-leġiżlazzjoni tal-UE u ftehimiet internazzjonali ratifikati mill-UE jirrikjedu lill-Istati Membri biex jipprovdu għal sostenn inġuntiv kollettiv f’ċerti oqsma. Fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur, bħala riżultat tad-Direttiva dwar l-Inġunzjonijiet[15], l-awtoritajiet kwalifikati ta’ protezzjoni tal-konsumatur u organizzazzjonijiet tal-konsumatur huma awtorizzati li jibdew proċeduri quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri kollha biex jitolbu l-projbizzjoni ta’ prattiki li jiksru r-regoli nazzjonali u tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumatur. Fil-qasam tal-liġi ambjentali, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tal-ksur ta’ standards ambjentali[16]. L-Istati Membri għalhekk għandhom proċeduri fis-seħħ li jippermettu lill-partijiet atturi, li jaġixxu b’mod kollettiv jew rappreżentattiv, biex ifittxu inġunzjoni biex iwaqqfu l-prattiki illegali.

Ġew introdotti wkoll proċeduri biex iġibu talbiet kollettivi għall-miżuri kumpensatorji f’għadd ta’ Stati Membri, s’issa bħala riżultat ta’ żviluppi nazzjonali fil-politika tal-ġustizzja. L-istrumenti dwar l-eżenzjoni kumpensatorja kollettiva għadhom ma jeżistux fil-livell tal-UE. Il-mekkaniżmi eżistenti li bihom grupp ta’ individwi li huma milqutin minn prattiki illegali tan-negozju jista’ jitlob kumpens, ivarja bejn l-Istati Membri[17]. Differenzi kbar fil-mekkaniżmi għandhom x’jaqsmu mal-ambitu tagħhom, mad-disponibbiltà tagħhom għal organizzazzjonijet rappreżentattivi jew individwi bħala atturi, mad-disponibbiltà tagħhom lin-negozji u b’mod partikolari SMEs, ma’ kif jiġi ffurmat grupp ta’ atturi (‘opt-in’ jew ‘opt-out’), ma’ kif l-azzjoni hija ffinanzjata u ma’ kif l-aġġudikazzjoni titqassam.

Il-Kummissjoni ħadmet għal diversi snin biex jiġu żviluppati standards Ewropej ta’ rimedju fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni u tal-konsumatur. Adottat Green Paper dwar azzjonijiet antitrust fl-2005[18] u White Paper fl-2008[19], biex teżamina l-idea tal-integrazzjoni ta’ rimedju kollettiv bħala strument ulterjuri għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE minn partijiet privati. Fl-2008, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Green Paper dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturi[20].

Il-partijiet interessati qajmu l-kwistjoni ta’ inkonsistenzi bejn l-inizjattivi differenti tal-Kummissjoni dwar ir-rimedju kollettiv, fatt li jindika l-ħtieġa għal sistema aktar koerenti. Tabilħaqq, ir-rimedju kollettiv huwa għodda proċedurali li tista’ tkun rilevanti għall-politiki tal-UE f’oqsma oħra minbarra l-protezzjoni tal-kompetizzjoni jew tal-konsumatur. Eżempji tajba huma s-servizzi finanzjarji, il-ħarsien ambjentali u l-protezzjoni tad-dejta[21] jew in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li huwa neċessarju li tiżdied il-koerenza tal-politika u li jittieħed approċċ orizzontali dwar ir-rimedju kollettiv skont il-konsultazzjoni pubblika li saret fl-2011[22].

2.           Ir-riżultati ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika

2.1.        Il-kontribut tal-partijiet interessati

Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar ir-rimedju kollettiv irċeviet rispons konsiderevoli: 310 tweġibiet waslu minn partijiet interessati oħra u 300 ruħ attendew smigħ pubbliku fil-5 ta’ April 2011. Barra minn hekk, waslu aktar minn 19 000 tweġiba fil-forma ta’ posta tal-massa miċ-ċittadini[23]. Il-kwalità ta’ ħafna mit-tweġibiet turi l-interess sostanzjali f’din il-kwistjoni u kemm hi importanti. Il-kontribuzzjonijiet infurmaw il-fehim tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjonijiet varji meħuda mill-partijiet interessati u enfassizaw liema kwistjonijiet huma kontroversjali u liema huma aktar kunsenswali.

Id-differenza ewlenija ta’ opinjoni dwar il-benefiċċji li jistgħu joħorġu mill-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ġodda tar-rimedju kollettiv għall-infurzar tal-liġi tal-UE hija bejn iċ-ċittadini/konsumaturi u n-negozji: il-konsumaturi huma ġeneralment favur l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ġodda filwaqt li l-intrapriżi huma ġeneralment kontriha. L-akkademiċi huma ġeneralment favuriha. L-avukati huma diviżi fuq din il-kwistjoni għalkemm dawk li huma xettiċi jew opposti jaqbżu sew lil dawk li huma favur.

L-Istati Membri[24] li wieħbu l-konsultazzjoni esprimew ukoll fhemiet diverġenti, li jvarjaw minn appoġġ għal regoli vinkolanti tal-UE dwar rimedju kollettiv għal xettiċiżmu qawwi.

Xi Stati Membri jikkunsidraw ir-regoli vinkolanti tal-UE fir-rigward ta’ oqsma jew kwistjonijiet politiċi speċifiċi biss (id-Danimarka – fir-rigward ta’ rimedju kollettiv transkonfinali, il-Pajjiżi l-Baxxi – fir-rigward tal-aspetti privati tal-liġi internazzjonali tar-rimedju kollettiv, l-Isvezja – fl-oqsma tal-politika b’regoli sostantivi armonizzati, bħall-kompetizzjoni, ir-Renju Unit – fil-qasam tal-kompetizzjoni; il-Latvja tkun tikkunsidra sett ta’ rekwiżiti minimi vinkolanti fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni għall-każijiet transkonfinali.

Bosta kontributuri, li jirrappreżentaw il-kategoriji varji tal-partijiet interessati, qiesu li r-rimedju kollettiv bħala forma ta’ infurzar privat għandu normalment ikun indipendenti mill-infurzar minn korpi pubbliċi iżda hemm bżonn ta' ċertu livell ta’ koordinazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u dak privat; fil-fatt dawn għandhom jikkumplimentaw lil xulxin. Xi kontributuri argumentaw li r-rimedju kollettiv għandu jsir biss wara l-infurzar pubbliku, bħala azzjonijiet “ta’ segwitu”.

Ħafna mill-partijiet interessati jaqblu li huwa mixtieq li jiġu stabbiliti prinċipji komuni għar-rimedju kollettiv fil-livell tal-UE. Madankollu, dawn il-prinċipji għandhom jidħlu fis-sistema legali tal-UE u fl-ordnijiet legali tas-27 Stat Membru u jqisu l-esperjenza prattika ta’ sistemi ta’ rimedju kollettiv li diġà joperaw f’diversi Stati Membri. Skont bosta partijiet interessati, il-prinċipji għandhom jiżguraw proċeduri effettivi, jipprevjenu t-theddid ta’ litigazzjoni abbużiva, jinkoraġġixxu soluzzjoni kunsenswali kollettiva għat-tilwim u jipprovdu mekkaniżmu għall-infurzar transkonfinali tas-sentenzi.

B’mod aktar speċifiku, ħafna partijiet interessati jaqblu mal-parametri bażiċi li ġejjin ta’ sistema għal rimedju kollettiv f’termini ta’ effettività u salvagwardji: kull mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv għandu l-ewwel u qabel kollox ikun kapaċi li effettivament isolvi numru kbir ta’ pretensjonijiet individwali li jqajmu l-istess kwistjonijiet jew kwistjonijiet komuni u għandu jirrelata ma’ wieħed mill-allegat ksur ta’ drittijiet mogħtija skont il-liġi tal-UE. Huwa għandu jkun kapaċi jwassal riżultati legalment ċerti u ġusti fi żmien raġonevoli filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-partijiet kollha involuti. Fl-istess ħin għandu jinkorpora salvagwardji kontra l-ligitazzjoni abbużiva u jevita kwalunkwe inċentiv ekonomiku biex jitressqu pretensjonijiet spekulattivi. Hekk kif eżaminat il-moduli konkreti meħtieġa biex jiżguraw l-effettività u s-salvagwardji, il-konsultazzjoni pubblika kkonfermat li l-mekkaniżmi tar-rimedju kollettiv ivarjaw b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri. Dawn il-mekkaniżmi huma differenti minn xulxin fir-rigward tat-tip ta’ azzjoni kollettiva disponibbli u l-karatteristiċi ewlenin tagħha bħall-ammissibbiltà, il-locus standi, l-użu ta’ sistema opt-in jew opt-out, l-irwol tal-imħallef fil-proċeduri kollettivi u r-rekwiżiti dwar l-infurmar lil rikorrenti potenzjali dwar azzjoni kollettiva. Barra minn hekk, kull mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv jopera fil-kuntest usa’ tar-regoli ġenerali ċivili u proċedurali, ir-regoli li jirregolaw il-professjoni legali u regoli rilevanti oħra li huma wkoll differenti fost l-Istati Membri. Minħabba din id-diversità, il-partijiet interessati naturalment għandhom opinjonijiet differenti ħafna dwar jekk xi sistema speċifika nazzjonali ta’ rimedju kollettiv — jew il-karatteristiċi tagħha — jistgħux ikunu partikolarment istruttivi meta jifformulaw standards mifruxin madwar l-UE dwar l-effettività u s-salvagwardji.

2.2.        Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi potenzjali tar-rimedju kollettiv skont il-konsultazzjoni pubblika

F’ħafna mir-rispons, diversi partijiet interessati indikaw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi inerenti tal-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv. Dawn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi potenzjali għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-valuri u l-politiki tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari kif espressi fit-Trattati u l-leġiżlazzjoni. Il-vantaġġi jistgħu jinkisbu u l-iżvantaġġi jistgħu jittaffew jekk il-prinċipji komuni ta’ segwitu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jiġu implimentati b’mod xieraq.

2.2.1.     Il-vantaġġi: aċċess għall-ġustizzja u infurzar aktar b’saħħtu

Skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull min iġarrab vjolazzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tiegħu garantiti mil-liġi tal-Unjoni, għandu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal. L-effikaċja tar-rimedju tiddependi fuq diversi fatturi, inkluż l-aċċessibbiltà prattika għar-rimedju offrut mis-sistema legali.

Il-Kunsill Ewropew fil-Programm ta’ Stokkolma enfasizza li l-aċċess għall-ġustizzja fiż-żona ġudizzjarja Ewropea għandu jkun magħmul aktar faċli, b'mod partikolari fi proċedimenti transkonfinali. Wieħed mill-ostakli għall-aċċess għall-ġustizzja jista’ jkun l-ispejjeż tal-proċessi ġudizzjarji. Fejn għadd kbir ta’ persuni jsostnu li jistgħu jkunu qegħdin isofru dannu minn allegat ksur tad-drittijiet mogħtija skont il-liġi tal-UE iżda t-telf potenzjali ta’ kull individwu huwa żgħir meta mqabbel mal-ispejjeż potenzjali għal kull attur, il-ġbir flimkien ta’ pretensjonijiet simili fi skema ta’ rimedju kollettiv tippermetti lil persuni li jallegaw danni li jaqsmu l-ispejjeż u b’hekk jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq atturi individwali. Il-possibilità li azzjoni titressaq b'mod kollettiv tħeġġeġ lil aktar persuni li setgħu sofrew danni sabiex ifittxu d-drittijiet tagħhom għal kumpens[25]. Id-disponibbiltà ta’ azzjoni kollettiva fil-qorti fis-sistemi legali nazzjonali – flimkien mad-disponibbiltà ta’ metodi ta' soluzzjoni ta' tilwim b'mod kunsenswali – tista’ għalhekk tikkontribwixxi għal titjib fl-aċċess għall-ġustizzja.

Barra minn hekk, meta l-atturi potenzjali jkunu jistgħu jinfurzaw b’mod aktar effettiv id-drittijiet tagħhom mogħtija skont il-liġi tal-UE kontra dawk li possibbilment jiksruhom, dan jikkontribwixxi għal-livell ġenerali ta’ infurzar tal-liġi tal-UE. F’oqsma tal-politika fejn l-awtoritajiet pubbliċi nnominati għandhom setgħat biex jinfurzaw ir-regoli fl-interess pubbliku, l-infurzar pubbliku u privat huwa kumplimentari: filwaqt li l-ewwel wieħed ikun immirat lejn il-prevenzjoni, il-kxif u d-deterrenza ta’ ksur, it-tieni jimmira li jiżgura kumpens għall-vittmi. F’oqsma ta’ politika b’infurzar pubbliku dgħajjef, l-azzjonijiet kollettivi, minbarra l-funzjoni ta’ kumpens jew ta' prevenzjoni tagħhom, jistgħu jservu wkoll il-funzjoni ta’ deterrent.

2.2.2.     L-iżvantaġġi: riskju ta’ litigazzjoni abbużiva

It-tħassib ewlieni espress kontra l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju ġudizzjarju kollettiv, kien li jista' jattira litigazzjoni abbużiva jew inkella li jista' jkollu impatt negattiv fuq l-attivitajiet ekonomiċi ta’ negozji tal-UE[26]. Il-litigazzjoni tista’ titqies abbużiva meta din tkun intenzjonalment immirata kontra n-negozji li jobdu l-liġi sabiex tikkawża ħsara fir-reputazzjoni tagħhom jew biex tikkaġuna piż finanzjarju żejjed fuqhom.        

Hemm ir-riskju li sempliċi allegazzjoni ta’ ksur jista’ jkollha influwenza negattiva fuq il-perċezzjoni tal-konvenut mill-klijenti eżistenti jew potenzjali tiegħu. Il-konvenuti li jobdu l-liġi jistgħu jkunu suxxettibbli li jsolvu l-każ biss sabiex jipprevjenu jew jimminimizzaw id-dannu possibbli. Barra minn hekk, l-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni legali f’każ kumpless jistgħu jikkostitwixxu nefqa sostanzjali, b’mod partikolari għall-operaturi ekonomiċi żgħar.

‘Azzjonijiet ta' klassi’ fis-sistema legali tal-Istati Uniti huma l-aħjar eżempju magħruf ta’ forma ta’ rimedju kollettiv, iżda huma wkoll illustrazzjoni tal-vulnerabbiltà ta’ sistema għal-litigazzjoni abbużiva. Diversi karatteristiċi tas-sistema legali tal-Istati Uniti għamlu lil dawn l-azzjonijiet ta' klassi strument partikolarment b’saħħtu li, madankollu, ibeżża’ lil dawk fuq in-naħa tad-difiża, b'mod partikolari lill-kummerċ u lill-industrija peress li dan jista' jintuża bħala għodda b'saħħitha li ġġegħilhom isolvu każ li mhux bilfors ikun fondat tajjeb. Dawk il-karatteristiċi huma pereżempju l-ħlasijiet ta’ kontinġenza tal-avukati jew il-kxif ta’ proċedura tad-dokumenti li tippermetti l-użu tal-qrati lil hinn mill-ambitu ġust tal-kawża. Karatteristika importanti oħra tas-sistema legali tal-Istati Uniti hija l-possibbiltà li tfittex għad-danni punittivi li żżid l-interessi ekonomiċi involuti fl-azzjonijiet kollettivi. Dan huwa msaħħaħ mill-fatt li l-azzjonijiet kollettivi tal-Istati Uniti huma f’ħafna mill-każijiet proċeduri ‘opt-out’ legali: ir-rappreżentant tal-klassi jista’ jħarrek f’isem il-klassi kollha ta’ atturi possibilment affettwati mingħajr ma huma jitolbu speċifikament li jixtiequ jipparteċipaw. Matul dawn l-aħħar snin, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti bdiet tillimita progressivament id-disponibbiltà ta’ azzjonijiet kollettivi fid-dawl tal-effetti ekonomiċi u legali detrimentali ta’ sistema li hija miftuħa għall-abbuż minn litigazzjoni frivola.

2.3.        Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2012

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ‘Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għal Rimedju Kollettiv’ tat-2 ta’ Frar 2012[27] tieħu nota sew tal-opinjonijiet ferm diverġenti tal-partijiet interessati espressi dwar il-kwistjoni tar-rimedju kollettiv.

Il-Parlament Ewropew jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni lejn approċċ Ewropew koerenti għat-talba kollettiva li tisħaq li “l-vittmi ta' prattiki illegali – ċittadini u kumpaniji bl-istess mod – għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens għat-telf jew id-dannu individwali li jġarrbu, b'mod partikolari fil-każ ta' danni diffużi u mifruxa, fejn jista' jkun li r-riskju tal-ispiża ma jkunx proporzjonat mad-danni mġarrba”.[28] Barra minn hekk, tenfasizza "il-benefiċċji possibbli tal-azzjonijiet ġudizzjarji kollettivi f'termini ta' kostijiet aktar baxxi u ċertezza ġuridika ikbar għall-atturi, il-konvenuti u s-sistema ġudizzjarja billi tkun evitata litigazzjoni parallela ta' pretensjonijiet li jkunu simili"[29].

Madankollu, il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex l-ewwelnett twettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa qabel issir kwalunkwe azzjoni regolatorja ulterjuri.[30] Skont il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha turi fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha “li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, hemm bżonn ta' azzjoni fil-livell ta' UE sabiex jitjieb il-qafas regolatorju attwali tal-UE ħalli l-vittmi ta' ksur tal-liġi tal-UE jkunu jistgħu jiġu kkumpensati għad-dannu li jsofru u b'hekk isir kontribut għall-fiduċja tal-konsumatur u għall-funzjonament aktar lixx tas-suq intern.” Il-Parlament Ewropew ifakkar ukoll “li, attwalment, l-Istati Membri biss jilleġiżlaw fuq ir-regoli nazzjonali li jikkwantifikaw l-ammont ta' kumpens li jista' jingħata”.[31] Il-Parlament Ewropew barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni li "tifli bir-reqqa l-bażi ġuridika xierqa għal kwalunkwe miżura fil-qasam tar-rimedju kollettiv"[32].

Il-Parlament Ewropew jikkonkludi billi jitlob li “fil-każ li tittieħed deċiżjoni wara kunsiderazzjoni dettaljata li jkun hemm bżonn u li hija mixtieqa skema tal-Unjoni ta' rimedju kollettiv, kull proposta fil-qasam tar-rimedju kollettiv tieħu s-sura ta' qafas orizzontali li jinkludi ġabra ta' prinċipji komuni li jipprovdu aċċess uniformi għall-ġustizzja permezz tar-rimedju kollettiv fl-UE u jkun jittratta b'mod speċifiku, għad li mhux esklużiv, l-infrazzjonijiet tal-jeddijiet tal-konsumatur.”[33] Il-Parlament jisħaq ukoll fuq "il-ħtieġa li tittieħed kunsiderazzjoni debita tat-tradizzjonijiet u l-ordnijiet ġuridiċi tal-Istati Membri individwali u li jittejjeb il-koordinament tal-prattiki tajbin bejn l-Istati Membri"[34].

Fir-rigward tal-ambitu tal-qafas orizzontali possibbli dwar ir-rimedju kollettiv, il-Parlament Ewropew isib li azzjoni tal-UE se tagħti aktar benefiċċji fil-każijiet transkonfinali u fil-każijiet li jinvolvu ksur tal-liġi tal-UE.

Il-Parlament isib ukoll li r-regoli Ewropej tal-liġi internazzjonali privata għandhom japplikaw għall-azzjonijiet kollettivi b’mod ġenerali, madankollu, il-qafas orizzontali nnifsu għandu jistabbilixxi regoli li jipprevjenu 'forum shopping'. Huwa jfakkar il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-kunflitt tal-liġijiet.

Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew iqajjem diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-karatteristiċi speċifiċi ta’ rimedju kollettiv. Huwa jappoġġja l-prinċipju ta’ ‘opt-in’ bħala l-approċċ Ewropew uniku xieraq għar-rimedju kollettiv. Il-locus standi għandha tingħata lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi li għandhom ikunu kkwalifikati bil-quddiem. Id-danni punittivi għandhom ikunu pprojbiti b’mod ċar u għandu jingħata kumpens sħiħ lill-individwi ladarba l-qorti tikkonferma li għandhom raġun fil-pretensjoni tagħhom.

Huwa jenfasizza li wieħed mill-modi ta’ kif tiġi miġġielda l-litigazzjoni abbużiva huwa li jiġu esklużi ċerti karatteristiċi mill-ambitu tal-qafas orizzontali, b’mod partikolari danni punittivi, finanzjar minn parti terza ta’ rimedju u ħlasijiet ta’ kontinġenza għal avukati. Bħala waħda mis-salvagwardji ewlenin kontra l-litigazzjoni abbużiva, il-Parlament Ewropew jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prinċipju ta' ‘min jitlef iħallas’ li normalment jipprevali fit-tilwim ċivili għandu japplika wkoll fil-każijiet kollettivi. Il-Parlament Ewropew mhuwiex favur li jiġu speċifikati kundizzjonijiet jew linji gwida għall-finanzjament privat ta’ pretensjonijiet għad-danni fil-livell tal-UE.

3.           L-aspetti ta’ Qafas Orizzontali Ewropew dwar ir-rimedju kollettiv

Analiżi bir-reqqa tal-fehimiet u l-argumenti mressqa matul il-konstulazzjoni pubblika, u b’mod partikolari tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-kompetenzi miġbura mill-Kummissjoni matul l-attivitajiet preċedenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni, jagħmilha possibbli li jiġu identifikati l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati b’mod koerenti fil-qafas orizzontali Ewropew dwar ir-rimedju kollettiv.

B’mod partikolari, huwa komuni li kwalunkwe approċċ Ewropew għandu:

– ikun kapaċi li jsolvi b’mod effettiv għadd kbir ta’ pretensjonijiet individiwali għall-kumpens tad-dannu u b’hekk jippromwovi ekonomija proċedurali;

– ikun kapaċi jipprovdi riżultati legalment ċerti u ġusti fi żmien raġonevoli, filwaqt li jiġu rrispettati l-jeddijiet tal-partijiet kollha involuti;

– jipprovdi għal salvagwardji robusti kontra l-litigazzjoni abbużiva; u

– jevita kwalunkwe inċentiv ekonomiku sabiex jitressqu pretensjonijiet spekulattivi.

3.1.        Ir-relazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u rimedju kollettiv privat – kumpens bħala oġġett ta’ azzjoni kollettiva

Hemm qbil fost il-partijiet interessati li l-infurzar privat u pubbliku huma żewġ mezzi differenti li normalment għandhom għanijiet differenti. Billi huwa l-kompitu ewlieni tal-infurzar pubbliku li japplika l-liġi tal-UE fl-interess pubbliku u li jimponi sanzjonijiet fuq dawk li jiksruha biex dawn jiġu kkastigati u jżommhom lura milli jerġgħu jikkommettu ksur fil-futur, ir-rimedju kollettiv privat huwa meqjus primarjament bħala strument biex jipprovdi lil dawk affettwati mill-ksur b’aċċess għall-ġustizzja u – fir-rigward tar-rimedju kollettiv kumpensatorju – il-possibbiltà li jitolbu kumpens għad-dannu subit. F’dan is-sens, l-infurzar pubbliku u r-rimedju kollettiv privat huma meqjusa li jikkumplimentaw lil xulxin.

L-azzjonijiet kollettivi għad-danni għandhom ifittxu li jiżguraw kumpens għad-dannu li jinstab li jkun ikkawżat minn ksur. Il-funzjonijiet ta’ piena u deterrent għandhom jiġu eżerċitati mill-infurzar pubbliku. M’hemm l-ebda ħtieġa għal inizjattivi tal-UE dwar ir-rimedju kollettiv li jmorru lil hinn mill-għan ta’ kumpens: Danni punittivi m’għandhomx ikunu parti minn sistema Ewropea għal rimedju kollettiv.

3.2.        Ammissibilità ta’ rimedju kollettiv

Il-kundizzjonijiet għall-ammissibilità ta’ azzjonijiet kollettivi jvarjaw fl-Istati Membri skont it-tip konkret ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv. Normalment, il-kundizzjonijiet bażiċi huma stabbiliti mil-liġi li tirregola kull tip ta’ azzjoni kollettiva. Hemm ukoll sistemi li jħallu l-valutazzjoni tal-ammissibilità fid-diskrezzjoni tal-qrati. Il-firxa ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-qorti biex tiddeċiedi fuq il-kundizzjonijiet ta’ ammissibilità tvarja bejn l-Istati Membri, anki meta l-kundizzjonijiet legali jkunu kodifikati fil-liġi.

Xi azzjonijiet kollettivi huma disponibbli għat-tipi kollha ta’ pretensjonijiet għad-danni ċivili; oħrajn huma disponibbli biss għal pretensjonijiet li jirrigwardaw danni għall-allegat ksur tar-regoli legali speċifiċi: ir-regoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni tal-investitur, il-liġi tal-kompetizzjoni eċċ. Hemm ukoll sistemi li fihom, tipi partikolari ta’ azzjoni kollettiva huma biss ammissibbli ladarba awtorità pubblika tkun stabbiliet ksur tar-regoli relevanti: jiġifieri azzjonijiet ta’ segwitu[35].

Għandu jiġi żgurat li l-azzjonijiet kollettivi għad-danni (ħelsien kumpensatorju) jistgħu jitressqu biss meta ċerti kundizzjonijiet ta’ ammissibilità jiġu sodisfatti. Fi kwalunkwe każ, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibilità ta’ azzjoni kollettiva konkreta fi stadju bikri ħafna tal-proċedura.

3,3.        Locus Standi

Il-locus standi biex titressaq azzjoni kollettiva fl-Istati Membri jiddependi mit-tip ta’ mekkaniżmu konkret ta’ rimedju kollettiv. F’ċerti tipi ta’ azzjonijiet kollettivi, bħall-azzjonijiet ta’ grupp, fejn l-azzjoni tista’ tinbeda b’mod konġunt minn dawk li jsostnu li jkunu sofrew dannu, il-kwistjoni tal-pożizzjoni hija pjuttost diretta. Fil-kuntest ta’ azzjonijiet rappreżentattivi, il-kwistjoni tal-locus standi trid tiġi definita. Azzjoni ta’ danni rappreżentattiva hija azzjoni li tiġi ppreżentata minn entità rappreżentattiva (li f’xi sistemi tista’ tkun ukoll awtorità pubblika) f’isem grupp definit ta’ indvidwi jew persuni ġuridiċi li jallegaw li sofrew ħsara mill-istess allegat ksur. L-indvidwi mhumiex partijiet għall-proċediment; l-entità rappreżentattiva biss taħdem fuq in-naħa tal-attur. Għalhekk għandu jiġi żgurat li l-entità rappreżentattiva ġenwinament taħdem fl-aħjar interess tal-grupp rappreżentat u mhux għall-profitt tagħha stess. Il-Kummissjoni temmen li skont qafas orizzontali Ewropew dwar rimedju kollettiv huwa mixtieq li l-azzjonijiet kollettivi jkunu disponibbli fl-Istati Membri għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala mezz ta’ pretensjoni kollettiva għall-inġunzjonijiet jew pretensjoni għal kumpens għal dannu kkawżat lilhom minn ksur tad-drittijiet mogħtija skont il-liġi tal-UE.

Jeżistu sistemi differenti fir-rigward ta’ kriterji ta' kwalifikazzjoni għall-entitajiet rappreżentattivi li mhumiex awtoritajiet pubbliċi. L-approċċ possibbli huwa li l-qorti titħalla tivverifika jekk l-entità rappreżentattiva hijiex xierqa għall-għan fuq bażi ta’ każ b’każ (ċertifikazzjoni ad hoc). Approċċ ieħor huwa li jiġu stabbiliti ċerti kriterji ta’ kwalifikazzjoni mil-liġi u b’hekk jiġu definiti l-mezzi bil-quddiem. Il-verifika ta' jekk kriterji ta’ kwalifikazzjoni bħal dawn humiex issodisfati tista' titħalla f'idejn il-qorti, jew tista’ tiġi introdotta sistema ta’ awtorizzazzjoni fejn awtorità pubblika tkun responsabbli għall-verifika tas-sodisfar tal-kriterji ta’ kwalifikazzjoni. Sitwazzjonijiet ta’ dannu tal-massa jistgħu jinfirxu madwar il-fruntiera, speċjalment fil-kuntest ta’ suq diġitali uniku żviluppat aktar, għalhekk entitajiet rappreżentattivi li joriġinaw minn Stati Membri oħra minbarra dak fejn azzjoni kollettiva titressaq quddiem il-qorti għandu jkollhom il-possibiltà li jkomplu jwettqu r-rwol tagħhom.

Billi xi partijiet interessati, b’mod partikolari, in-negozji, huma favur b’mod qawwi tal-għoti ta’ locus standi biex jinġiebu azzjonijiet rappreżentattivi lil entitajiet kwalifikati li jissodisfaw kriterji espliċiti biss, partijiet interessati oħrajn huma kontra d-determinazzjoni permanenti bil-liġi, billi jargumentaw li dan jista’ jillimita bla bżonn l-aċċess għal litigazzjoni billi jfittxu kumpens għal dawk kollha li potenzjalment sofrew danni. Il-Kummissjoni tqis li huwa mixtieq li jiġu definiti l-kundizzjonijiet għal-locus standi f’kawżi rappreżentattivi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.[36]

3,4.        ‘Opt-in’ versus ‘opt-out’

Hemm żewġ approċċi bażiċi għall-mod li bih il-grupp rappreżentant ikun magħmul: ‘opt-in’, fejn il-grupp jinkludi biss lil dawk l-individwi jew persuni ġuridiċi li jagħżlu b’mod attiv li jsiru parti mill-grupp rappreżentat u ‘opt-out’, fejn il-grupp huwa magħmul mill-individwi kollha li jappartjenu għall-grupp definit u jallegaw li sofrew ħsara mill-istess ksur jew simili sakemm ma jagħżlux b'mod attiv li ma jiffurmawx parti mill-grupp. Fil-mudell ‘opt-in’, is-sentenza hija vinkolanti fuq dawk li għażlu li jiffurmaw parti mill-grupp, filwaqt li l-individwi l-oħrajn kollha potenzjalment milquta mill-istess ksur jew simili jibqgħu liberi li jressqu l-pretensjonijiet tagħhom għad-danni individwalment. Min-naħa l-oħra, fil-mudell ‘opt-out’, is-sentenza torbot lill-individwi kollha li jappartjenu għall-grupp definit ħlief għal dawk li espliċitament jagħżlu li jibqgħu barra. Il-mudell ‘opt-in’ jintuża minn bosta Stati Membri li jipprovdu rimedju kollettiv. Il-mudell ‘opt-out’ jintuża fil-Portugall, fil-Bulgarija u fl-Olanda (fi ħlasijiet kollettivi) kif ukoll fid-Danimarka f’każijiet tal-konsumatur definiti b’mod ċar imressqa bħala azzjonijiet rappreżentattivi[37].

Numru sinifikanti ta’ partijiet interessati, b’mod partikolari intrapriżi, jopponu bil-qawwa l-mudell ‘opt-out’, billi jargumentaw li huwa aktar suxxettibbli għal abbuż u li jista’ jkun antikostituzzjonali f’ċerti Stati Membri jew għallinqas inkompatibbli mat-tradizzjonijiet legali tagħhom. Min-naħa l-oħra, xi organizzazzjonijiet tal-konsumatur jargumentaw li sistemi ‘opt-in’ jistgħu jonqsu milli jagħtu aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-konsumaturi kollha li sofrew xi dannu[38]. Fil-fehma tagħhom, id-disponibbiltà ta’ ‘opt-out’ hija għalhekk mixtieqa, għallinqas bħala għażla fil-każijiet xierqa u soġġett għall-approvazzjoni mill-qorti.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, għandu jiġi żgurat li l-grupp rappreżentat ikun definit b’mod ċar biex jippermetti lill-qorti sabiex twettaq il-proċeduri b'mod konsistenti mad-drittijiet tal-partijiet kollha u b’mod partikolari mad-drittijiet tad-difiża.

Is-sistema ‘opt-in’ tirrispetta d-dritt ta’ persuna li tiddeċiedi jekk tipparteċipax jew le. Hija għalhekk iżżomm aħjar l-awtonomija tal-partijiet li jagħżlu jekk jiħdux sehem fil-litigazzjoni jew le. F’din is-sistema, il-valur tat-tilwima kollettiva huwa aktar faċilment determinat peress li jikkonsisti fis-somma tat-talbiet individwali kollha. Il-qorti hija f’pożizzjoni aħjar biex tevalwa kemm il-merti tal-każ kif ukoll l-ammissibbiltà tal-azzjoni kollettiva. Is-sistema ‘opt-in’ tiggarantixxi wkoll li s-sentenza m’għandhiex torbot lill-kredituri potenzjalment ikkwalifikati oħrajn li ma jkunux issieħbu

Is-sistema ‘opt-out’ tagħti lok għal mistoqsijiet aktar fundamentali dwar il-libertà ta’ atturi potenzjali sabiex jiddeċiedu jekk iridux jagħmlu litigazzjoni jew le. Id-dritt għal rimedju effettiv ma jistax jiġi interpretat b’mod li jipprevjeni lil persuni milli jieħdu deċiżjonijiet (infurmati) dwar jekk jixtiqux jitolbu għad-danni jew le. Barra minn hekk, is-sistema ‘opt-out’ tista’ ma tkunx konsistenti mal-għan ċentrali ta’ rimedju kollettiv, li huwa li jinkiseb kumpens għad-dannu subit meta tali persuni mhumiex identifikati u għalhekk l-aġġudikazzjoni ma tiġix distribwita lilhom.

Il-Kummissjoni għalhekk hija tal-fehma fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li skont il-qafas orizzontali Ewropew dwar rimedju kollettiv il-parti tal-attur għandha tiġi infurmata fuq il-bażi tal-metodu ‘opt-in’ u li kull eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, bil-liġi jew b’ordni mill-qorti, għandha tkun iġġustifikata kif dovut minn raġunijiet ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja b'saħħitha.

3,5.        Għoti ta’ informazzjoni effettiva lill-atturi potenzjali

Informazzjoni effettiva dwar azzjoni kollettiva hija kundizzjoni vitali għall-iżgurar li dawk li jistgħu jallegaw li sofrew ħsara mill-istess allegat ksur jew simili jitgħallmu dwar il-possibiltà li jissieħbu f'azzjoni rappreżentattiva jew f'azzjoni fi grupp u għalhekk jistgħu jagħmlu użu minn dan il-mezz ta’ aċċess għall-ġustizzja. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi injorat il-fatt li r-reklamar (eż. fuq it-televixin jew permezz ta’ flyers) bl-intenzjoni li ssir azzjoni kollettiva jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-konvenut, li jista’ jkollha effetti negattivi fuq is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu.

Hemm kunsens fost il-partijiet interessati fuq l-importanza ta’ regoli li jistipulaw li entità rappreżentattiva jkollha l-obbligu li tinforma b’mod effettiv lill-membri potenzjali tal-grupp rappreżentat. Ħafna partijiet interessati jissuġġerixxu li l-qorti għandu jkollha rwol attiv f'li tara li din l-obbligazzjoni tkun ġiet sodisfatta.

Għal kull tip ta’ azzjoni kollettiva, kwalunkwe regola dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-atturi potenzjali għandha tibbilanċja tħassib rigward il-libertà tal-espressjonu u d-dritt għall-aċċess għall-informazzjoni bil-protezzjoni tar-reputazzjoni tal-konvenut. Iż-żmien u l-kundizzjonijiet li fihom tiġi pprovduta l-informazzjoni jkollhom rwol importanti fl-iżgurara li dan il-bilanċ jinżamm.

3,6.        Interazzjoni ta’ rimedju kollettiv u l-infurzar pubbliku f’oqsma politiċi speċifiċi

Fir-rigward ta’ oqsma politiċi tal-UE fejn l-infurzar pubbliku għandu rwol ewlieni – bħall-kompetizzjoni, l-ambjent, il-protezzjoni tad-dejta jew is-servizzi finanzjarji – ħafna mill-partijiet interessati jaraw il-ħtieġa għal regoli speċifiċi li jirregolaw l-interazzjoni bejn l-infurzar privat u dak pubbliku u jipproteġu l-effettività ta' dan tal-aħħar[39].

Azzjonijiet kollettivi għad-danni f’oqsma ta’ politika regolati normalment isegwu ksur ta’ deċiżjonijiet adottati mill-awtorijiet pubbliċi u jiddependu fuq il-konstatazzjoni tal-ksur, li ta’ spiss tkun vinkolanti għall-qorti ċivili li quddiemha jiġu ppreżentati d-danni kollettivi. Pereżempju, fil-qasam tal-kompetizzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 jindika li meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-regoli tal-antitrust tal-UE li huma diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

F’każijiet bħal dawn, l-azzjonijiet ta’ segwitu jikkonċernaw essenzjalment il-mistoqsijiet ta' jekk dannu kienx ikkawżat mill-ksur u jekk iva, lil min u f’liema daqs.

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-effettività ta’ infurzar pubbliku mhijiex titqiegħed f’perikolu bħala riżultat ta’ azzjonijiet kollettivi għad-danni jew azzjonijiet li huma miġjuba quddiem qrati filwaqt li tkun għadha għaddejja investigazzjoni minn awtorità pubblika. Dan jista’ normalment jeħtieġ regoli li jirregolaw l-aċċess mill-atturi għad-dokumenti miksubin jew prodotti mill-awtorità pubblika fil-kors tal-investigazzjoni jew ir-regoli speċifiċi dwar il-preskrizzjoni li jippermettu lill-atturi potenzjali sabiex jistennew għal azzjoni kollettiva sakemm l-awtorità pubblika tieħu d-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-ksur. Lil hinn mill-għan li jipproteġu l-infurzar pubbliku, regoli ta’ dan it-tip jiffaċiltaw ukoll rimedju effettiv u effiċjenti permezz ta’ azzjonijiet għad-danni kollettivi. Jiġifieri, l-atturi f’azzjoni ta’ segwitu jistgħu sa ċertu punt sinifikanti jibbażaw fuq ir-riżultati tal-infurzar pubbliku u b’hekk jevitaw il-litigazzjoni (mill-ġdid) ta’ ċerti kwistjonijiet. Għandu jingħata l-kas dovut għall-ispeċifiċitajiet ta’ azzjonijiet kollettivi għad-danni f’oqsma politiċi fejn l-infurzar pubblika ikollu rwol ewlieni, sabiex jintlaħaq l-għan doppju li tiġi protetta l-effettività tal-infurzar pubbliku u jiġi ffaċilitat rimedju kollettiv privat effettiv partikolarment fil-forma ta’ azzjonijiet kollettivi ta’ segwitu.

3,7.        Infurzar effettiv f'azzjonijiet kollettivi transkonfinali permezz ta’ regoli tal-liġi internazzjonali privata

Il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali privata Ewropea jeħtieġu li tilwima kollettiva b’implikazzjonijiet transkonfinali għandha tinstema' minn qorti kompetenti fuq il-bażi ta’ regoli Ewropej dwar il-ġuriżdizzjoni, inklużi dawk li jipprovdu għall-għażla tal-qorti sabiex jiġi evitat forum shopping. Ir-regoli dwar il-liġi proċedurali ċivili Ewropea u l-liġi applikabbli għandhom jiffunzjonaw b'mod effiċjenti fil-prattika biex tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa tal-proċeduri nazzjonali għal rimedju kollettivi f’każijiet transkonfinali.

Fir-rigward ta’ regoli ġuriżdizzjonali, ħafna partijiet interessati talbu li proċedimenti kollettivi jiġu indirizzati b’mod speċifiku fil-livell Ewropew. L-opinjonijiet madankollu huma differenti dwar il-fattur ta’ konnessjoni mixtieq bejn il-qorti u l-kawża. L-ewwel grupp ta’ partijiet interessati jirrakkomanda regola ġdida li tagħti ġuriżdizzjoni f’sitwazzjoni ta’ talbiet tal-massa lill-qorti fejn il-maġġoranza tal-partijiet li jallegaw li sofrew dannu jkunu domiċiljati u/jew estensjoni tal-ġuriżdizzjoni għall-kuntratti tal-konsumatur għal entitajiet rappreżentattivi li jippreżentaw talba kollettiva. It-tieni kategorija targumenta li l-ġuriżdizzjoni fil-post tad-domiċilju tal-konvenut hija ideali peress li hija faċilment identifikabbli u tiżgura ċ-ċertezza legali. It-tielet kategorija tissuġġerixxi ħolqien ta’ panil ġuridiku speċjali għall-azzjonijiet kollettivi transkonfinali mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li r-regoli eżistenti tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġuriżdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (‘ir-Regolament Brusell I’)[40], għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ. Fid-dawl ta’ iktar esperjenza li tinvolvi każijiet transkonfinali, ir-rapport previst dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I għandu jinkludi s-suġġett ta’ infurzar effettiv f'azzjonijiet kollettivi transkonfinali.

Fl-aħħarnett, xi partijiet interessati qajmu l-problema li skont il-kunflitt attwali ta’ regoli tal-liġi tal-UE[41], qorti li fiha tiġi ppreżentata tilwima kollettiva f’każ li jinvolvi atturi minn diversi Stati Membri sejra jkollha tapplika kultant diversi liġijiet differenti għas-sustanza tat-talba. F’każijiet ta’ danni dwar ir-responsabbiltà tal-prodott, il-liġi hija determinata skont ir-residenza abitwali tal-persuna li ġarrbet id-dannu. F’każijiet ta’ danni dwar ir-responsabbiltà tal-prodott, il-liġi hija determinata skont ir-residenza abitwali tal-persuna li ġarrbet id-dannu. Barra minn hekk, għal każijiet ta’ kompetizzjoni inġusta, l-liġi applikabbli hija l-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet kompetittivi jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi huma jew x’aktar li jiġu affettwati. Ċertament, jista’ jkun hemm sitwazzjoni fejn il-kunflitt tal-liġijiet jista’ jirrendi litigazzjoni transkonfinali kumplessa, b’mod partikolari jekk il-qorti jkollha tapplika diversi liġijiet tal-kumpens għal grupp ta’ persuni li jallegaw li sofrew danni. Madankollu, il-Kummissjoni s’issa mhix konvinta li jkun xieraq li tiġi introdotta regola speċifika għal talbiet kollettivi li jkunu jeħtieġu lill-qorti biex tapplika liġi waħda għal każ. Dan jista’ jwassal għal inċertezza meta din ma tkunx il-liġi tal-pajjiż tal-persuna li tkun qed titlob id-danni.

3,8.        Disponibbiltà ta’ soluzzjoni kunsenswali kollettiva għat-tilwim

Il-partijiet interessati jaqblu li s-soluzzjoni tat-tilwim b'mod kunsenswali jista’ jipprovdi lill-partijiet b’mezz ta’ soluzzjoni veloċi, mhux għali u sempliċi għat-tilwim tagħhom. Soluzzjoni tat-tilwim b'mod kunsenswali jista' wkoll inaqqas il-ħtieġa li persuna tfittex rimedju ġudizzjarju. Il-partijiet fil-proċedimenti kollettivi għandu għalhekk ikollhom il-possibbiltà li jsolvu tilwimiet tagħhom kollettivament barra mill-qorti jew bl-intervent ta' parti terza (eż. bl-użu ta' mekkaniżmu bħal arbitraġġ jew medjazzjoni) jew mingħajr intervent bħal dan (eż. ftehim fost il-partijiet ikkonċernati).

Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet interessati inklużi l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) huma tal-fehma li s-soluzzjoni ta’ tilwim kollettiv b'mod kunsenswali m'għandux ikun l-ewwel pass obbligatorju qabel imorru l-qorti. Tabilħaqq, dan l-approċċ jista’ joħloq spejjeż u dewmien bla bżonn u jista’ f'ċerti sitwazzjonijiet saħansitra jispiċċa jfixkel id-dritt fundamentali ta' aċċess għall-ġustizzja[42]. Ir-rikorriment għas-soluzzjoni kollettiva b'mod kunsenswali ta' tilwim għandu għalhekk jibqa’ volontarju, filwaqt li titqies kif dovut il-liġi eżistenti tal-UE fil-qasam tal-ADR. Madankollu, l-imħallfin fil-proċeduri ta’ rimedju kollettiv m'għandhomx ikunu impeduti milli jistiednu lill-partijiet biex ifittxu soluzzjoni kollettiva b'mod kunsenswali għat-tilwim tagħhom[43].

Verifika tal-legalità tal-eżitu ta' soluzzjoni kollettiva b'mod kunsenswali ta' tilwim u l-infurzabbiltà tiegħu hija ta' importanza partikolari fil-każijiet kollettivi, peress li mhux il-membri kollha tal-grupp li jallegaw li sofrew dannu minn allegata prattika illegali huma dejjem kapaċi li jieħdu sehem direttament fis-soluzzjoni kollettiva b'mod kunsenswali ta' tilwim. Il-qorti għandha għalhekk tikkonferma r-riżultat. Il-Kummissjoni tirrakkomanda dan lill-Istati Membri.[44]

Il-Kummissjoni tara għalhekk li mekkaniżmi ta' soluzzjoni ta' tilwim b'mod kunsenswali jista' jkollhom rwol kumplementari utli. Filwaqt li tibni fuq il-passi li diġà ttieħdu f'din id-direzzjoni, jiġifieri d-Direttiva dwar il-Medjazzjoni, id-Direttivi dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim tal-Konsumaturi u r-Regolament dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim Onlajn tal-konsumatur, il-Kummissjoni tqis li dan huwa pass ieħor utli li jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jiżviluppaw mekkaniżmi kollettivi ta’ soluzzjoni ta' tilwim b'mod kunsenswali[45].

3,9.        Finanzjament ta’ azzjoni kollettiva

Fil-każ ta’ rimedju kollettiv, l-ispejjeż[46] li normalment jitħallsu mill-partijiet involuti fil-litigazzjoni ċivili jistgħu jkunu relattivament għoljin, b'mod partikolari fejn ikun hemm ħafna atturi. Filwaqt li n-nuqqas ta' finanzjament m'għandux jillimita l-aċċess għall-ġustizzja[47], mekkaniżmi ta’ finanzjament disponibbli għal azzjonijiet kollettivi m’għandhomx joħolqu inċentivi għal litigazzjoni abbużiva.

3,9.1.     Finazjament minn partijiet terzi

Appoġġ finanzjarju minn parti terza privata li ma tkunx parti fil-proċedimenti jista’ jieħu forom differenti. Finanzjar minn parti terza dirett ta’ azzjonijiet kollettivi huwa meqjus bħala fattur li potenzjalment iwassal għal litigazzjoni abbużiva, sakemm ma jkunx regolat b'mod xieraq. Assigurazzjoni dwar spejjeż legali hija perċepita minn uħud bħala aktar newtrali u assigurazzjoni ta’ ‘wara l-avveniment’ jista' jkollha ċerta rilevanza għall-azzjonijiet kollettivi.

Drittijiet ta’ kontinġenza jew suċċess għal servizzi legali li jkopru mhux biss rappreżentazzjoni, iżda wkoll l-azzjoni preparatorja, il-ġbir ta' evidenza u l-amministrazzjoni ta’ każ ġenerali jikkostitwixxu de facto finanzjar minn parti terza. Il-varjetà tas-soluzzjonijiet adottati f'dan il-qasam mill-Istati Membri tvarja minn projbizzjoni għal aċċettazzjoni. Xi partijiet interessati jikkunsidraw it-tneħħija ta’ drittijiet ta’ kontinġenza bħala salvagwardja importanti kontra litigazzjoni abbużiva filwaqt li oħrajn jaraw id-drittijiet ta’ kontinġenza bħala metodu utli ta’ finanzjament ta’ azzjonijiet kollettivi.

Finanzjament minn parti terza huwa qasam li jeħtieġ li jitfassal b'mod li jservi b'mod proporzjonat l-objettiv li jiġi żgurat aċċess għall-ġustizzja. Il-Kummissjoni għalhekk hija tal-fehma fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li dan għandu jkun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Sistema mhux xierqa u mhux trasparenti ta’ finanzjament minn parti terza għandha r-riskju li tistimula litigazzjoni abbużiva jew litigazzjoni li tagħmel ftit biex isservi l-aħjar interessi tal-litiganti.

3,9.2.     Finanzjament pubbliku

Fil-konsultazzjoni pubblika, xi partijiet interessati, jiġifieri organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u xi avukati, iffavorixxew il-ħolqien ta’ fondi pubbliċi li jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-atturi potenzjali fil-każijiet ta’ rimedju kollettiv.

Madankollu, minħabba li rimedju kollettiv ikun proċedura li sseħħ fil-kuntest ta’ kawża ċivili bejn żewġ partijiet, anki jekk waħda minnhom tkun magħmula minn għadd ta’ atturi, u deterrent se jkun effett sekondarju tal-proċeduri, il-Kummissjoni ma tarax li jkun neċessarju li tirrakkomanda appoġġ dirett minn fondi pubbliċi, peress li jekk il-qorti ssib li tkun saret ħsara, il-parti li tkun sofriet il-ħsara sejra tikseb kumpens mill-parti telliefa, inklużi l-ispejjeż legali tagħhom.

3,9.3.     Il-prinċipju ta' ‘min jitlef iħallas’

Il-prinċipju li l-parti telliefa għandha tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri tal-qorti huwa inkorporat sew fit-tradizzjoni legali Ewropea, għalkemm mhuwiex preżenti f'kull ġuriżdizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-mod li fih huwa applikat ivarja bejn il-ġuriżdizzjonijiet.

Fil-konsultazzjoni pubblika, il-partijiet kollha involuti qablu li l-prinċipju ta' ‘min jitlef iħallas’ għandu japplika għall-każijiet ta’ rimedju kollettiv. Il-Kummissjoni m'għandha l-ebda dubju li l-prinċipju ta' ‘min jitlef iħallas’ għandu jifforma parti mill-approċċ Ewropew għar-rimedju kollettiv u għalhekk tirrakkomanda li dan il-prinċipju jiġi segwit fl-azzjonijiet kollettivi.[48]

4.           Konklużjonijiet

Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni fl-2011, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2012 u l-analiżi tal-Kummissjoni stess għamluha possibbli li jiġu identifikati kwistjonijiet partikolari sabiex jiġu indirizzati fl-iżvilupp ta’ qafas orizzontali Ewropew għal rimedju kollettiv. Bħala konklużjoni prinċipali l-Kummissjoni tara l-vantaġġ li jiġi segwit approċċ orizzontali sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ inizjattivi settorjali mhux ikkoordinati tal-UE u biex tiżgura l-aħjar interface mar-regoli proċedurali nazzjonali, fl-interess tat-tħaddim tas-suq intern.

B'kont meħud tal-kumplessità min-naħa waħda u l-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ koerenti għar-rimedju kollettiv min-naħa l-oħra , il-Kummissjoni tadotta, b'mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni, Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 292 tat-TFUE li tissuġġerixxi prinċipji komuni orizzontali ta’ rimedju kollettiv fl-Unjoni Ewropea li għandhom jiġu mħarsa mill-Istati Membri kollha. Wara l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw sentejn biex jimplimentaw il-prinċipji rakkomandati mir-Rakkomandazzjoni fis-sistemi ta’ rimedju kollettiv nazzjonali. Fuq il-bażi tal-esperjenza prattika li għandha ssir mar-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni sejra, erba' snin wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, tivvaluta jekk għandhomx jiġu proposti miżuri leġiżlattivi oħrajn biex tikkonsolida u ssaħħaħ l-approċċ orizzontali rifless fil-Komunikazzjoni attwali u fir-Rakkomandazzjoni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni sejra tivvaluta l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-aċċess għall-ġustizzja, fuq id-dritt li jinkiseb kumpens, fuq il-ħtieġa tal-prevenzjoni ta’ litigazzjoni abbużiva u fuq il-funzjonament tas-suq uniku, fuq l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u l-fiduċja tal-konsumaturi.

[1]               Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjan ta’ Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma" COM(2010) 171 20.4.2010. Ara Il-Programm ta’ Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, adottat mill-Kunsill Ewropew fid-9.12.2009, ĠU C 115, 4.5.2010, p.1.

[2]               Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ĠU L 199, 31.7.2007.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, ĠU L 399, 30.12.2006.

[4]               Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 136, 24.5.2008.

[5]               Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropw, “L-istrateġija Ewropea tal-Politika tal-Konsumatur 2007-2013 Responsabiltajiet akbar għall-konsumatur, titjib tal-benessri tagħhom, u l-ħarsien effettiv tagħhom", COM(2007)99finali, {SEC(2007)321}, {SEC(2007)322}, {SEC(2007)323}, 13.03.2007 u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat Reġjonali "Aġenda Ewropea tal-Konsumatur – Tkabbir fil-kunfidenza u l-iżvilupp", COM(2012)225finali,{SWD(2012) 132 finali}, 22.05.2012.

[6]               P7_TA(2013)0066 Is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi, Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur PE487.749 Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar alternattiva għal riżoluzzjoni għat-tilwim tal-konsumatur u emendi tar-Regolament(KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Id-Direttiva dwar il-konsumatur ADR) (COM(2011)0793 – C7-0454/2011– 2011/0373(COD)).

[7]               P7_TA(2013)0065 Soluzzjoni onlajn għat-tilwim tal-konsumaturi , il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur PE487.752 Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjoni online għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (COM(2011)0794 – C7-0453/2011– 2011/0374(COD)) (Proċedura leġiżlattiva ordinajra: l-ewwel qari)

[8]               Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2012 “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għal Rimedju Kollettiv”

[9]               [ŻID referenza COM(2013)XXX meta magħrufa]

[10]             Għall-Kummissjoni, ir-Rakkomandazzjoni orizzontali u d-Direttiva speċifika għas-settur huma "pakkett" li, fit-totalità tiegħu, jirrifletti approċċ ibbilanċjat magħżul deliberatament mill-Kummissjoni. Filwaqt li l-proċeduri ta’ adozzjoni huma differenti għaż-żewġ miżuri taħt it-Trattati, bidliet sinifikanti għal dan l-approċċ ibbilanċjat ikunu jeħtieġu li l-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-proposta tagħha.

[11]             Barra minn hekk awtorità pubblika tista’ tkun attur jew konvenut fi kwistjonijiet ċivili meta ma tkunx qed teżerċita l-poter pubbliku tagħha iżda tkun qed taġixxi skont il-liġi ċivili.

[12]             Sakemm ma tkunx azzjoni ta’ danni ‘ta’ segwitu’ li tkun teħtieġ il-konstatazzjoni minn qabel ta’ ksur minn awtorità pubblika kompetenti, bħal awtorità tal-kompetizzjoni.

[13]             Għal din ir-raġuni, mhuwiex xieraq li ssir referenza għal "vittmi", "ħsara" jew "ksur " fil-kuntest ta’ azzjonijiet kollettivi privati qabel il-qorti tiddeċiedi li l-ħsara kienet ikkawżata minn ksur partikolari tal-liġi.

[14]             Ir-riċerka mwettqa fil-Ġermanja wriet li madwar 60 % tal-azzjonijiet (ta’ inġunzjoni) miġjuba minn awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur jew assoċjazzjonijiet kienu ta' suċċess fil-perjodu ta' żmien partikolari. Dan il-perċentwal huwa għoli minħabba li l-atturi jagħżlu l-każijiet b'attenzjoni. Madankollu, f'40 % tal-każijiet, ma nstab l-ebda ksur jew attività illegali mill-qorti. Ara Meller-Hannich: Effektivität kollektiver Rechtschutzinstrumente, 2010.

[15]             Id-Direttiva 2009/22/KE, ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30.

[16]             L-Istati Membri implimentaw dan billi taw il-jedd lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi permanenti li jikkontestaw id-deċiżjonijiet amministrattivi fi kwistjonijiet ambjentali quddiem il-qrati.

[17]             Ara eż. l-istudju tal-2008 “Evalwazzjoni tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv fl-Unjoni Ewropea" mitlub mill-Kummissjoni u disponibbli fuq http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/collective_redress_en.htm#Studies.

[18]             COM(2005)672, 19.12.2005.

[19]             COM(2008)165, 2,4.2008.

[20]             COM(2008)794, 27,11.2008.

[21]             Forma ta’ rimedju kollettiv rappreżentattiv ġiet proposta mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Regolament dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta). Hawnhekk, ir-rimedju ġudizzjarju għal vjolazzjonijiet għall-protezzjoni tad-dejta jista’ jiġi eżerċitat minn kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li timmira li tipproteġi d-drittijiet u l-interessi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom suġġetti tad-dejta, jekk dawn jaġixxu f'isem suġġett tad-dejta wieħed jew aktar(ara COM(2012)11, 25.1.2012, Artikoli 73(2) u 76). F’dawn il-każijiet, l-azzjoni għalhekk issir f'isem is-suġġett tad-dejta rrappreżentat u tmur biss safejn is-suġġett tad-dejta nnifsu/nfisha ikun intitolat li jressaq azzjoni.

[22]             COM(2010)135, 31,3.2010.

[23]             Kważi kollha kienu tweġibiet uniformi miċ-ċittadini Franċiżi u Ġermaniżi.

[24]             15-il Stat Membru wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika (AT, BG, CZ, DE, DK, EL, FR, HU, IT, LV, NL, PL, PT, SE, UK).

[25]             Skont stħarriġ tal-Eurobarometer tal-2011, 79 % ta’ dawk li ġew mistoqsija fis-27 Stat Membru ddikjaraw li se jkunu aktar lesti li jiddefendu d-drittijiet tagħhom fil-qorti jekk ikunu jistgħu jingħaqdu ma' konsumaturi oħra. "L-attitudnijiet tal-konsumaturi lejn il-kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur" Flash Eurobarometer, Marzu 2011.

[26]             Opinjoni espressa mill-maġġoranza tal-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari n-negozji.

[27]             Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2012 dwar ‘Lejn Approċċ Ewropew Keoerenti għar-Rimedju Kollettiv’ (2011/2089(INI)).

[28]             Punt 1 tar-Riżoluzzjoni.

[29]             Punt 5 tar-Riżoluzzjoni.

[30]             Punt 4 tar-Riżoluzzjoni.

[31]             Punt 7 tar-Riżoluzzjoni.

[32]             Punt 8 tar-Riżoluzzjoni.

[33]             Punt 15 tar-Riżoluzzjoni.

[34]             Punt 16 tar-Riżoluzzjoni.

[35]             Eż. l-azzjoni rappreżentativa ta’ segiwtu tar-Renju Unit għal danni li jirriżultaw minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li jkunu ġew stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

[36]             Ara l-punti 6-9 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

[37]             Is-sistema ta’ ‘opt-out’ għandha żewġ vantaġġi li jispjegaw għala xi Stati Membri introduċewha: l-ewwel, li tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja fil-każijiet fejn id-dannu individwali huwa tant żgħir li wħud mill-atturi potenzjali jiddeċiedu li ma jiħdux sehem fil-proċedimenti. It-tieni hija li l-proċedimenti ‘opt-out’ jagħtu aktar ċertezza lill-konvenut, peress li s-sentenza ma tkunx torbot biss lil dawk li għażlu li jibqgħu barra.

[38]             L-għaqda tal-konsumaturi Which? tirreferi għall-esperjenza tagħha fil-kawża tagħha Replica Football Shirts, meta azzjoni kollettiva "opt-in" (ta’ azzjoni ta’ danni ta’ segwitu fil-qasam tal-kompetizzjoni) finalment iggarantiet il-kumpens għal perċentwal żgħir ħafna biss ta' dawk milquta bit-termini tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti.

[39]             Fil-qasam tal-kompetizzjoni, ħafna partijiet interessati jenfasizzaw il-ħtieġa li tiġi mħarsa l-effettività ta’ programmi ta' klemenza applikati mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni meta jiġu infurzati r-regoli tal-UE kontra l-kartelli. Kwistjonijiet oħra ta’ spiss imsemmija f'dan il-kuntest jinkludu l-effett vinkolanti ta' deċiżjonijiet ta’ ksur mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet kollettivi għad-danni ta’ segwitu u l-istabbiliment ta’ preskrizzjonijiet speċifiċi li jġibu dawn l-azzjonijiet ta’ segwitu.

[40]             Hekk kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1215/2012 li sejjer jidħol fis-seħħ fl-10 ta’ Jannar 2015. ĠU L 351, 20.12.2012.

[41]             Regolamenti (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008, u (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali (Ruma II), ĠU L 199, 31.7.2007.

[42]             Skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

[43]             Dan diġà huwa l-każ għall-medjazzjoni f'tilwim transkonfinali, fejn, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali, il-qrati li quddiemhom titressaq azzjoni jistgħu jistiednu lill-partijiet sabiex jużaw il-medjazzjoni sabiex isolvu t-tilwima.

[44]             Ara punt 30 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Fit-tilwim ċivili u kummerċjali transkonfinali, skont id-Direttiva 2008/52/KE, il-kontenut ta’ ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni għandu jsir infurzabbli mill-qorti rikjesta sakemm ma jkunx kuntrarju għal-liġi tal-Istat Membru fejn issir it-talba jew il-liġi ta’ dak l-Istat Membru ma tipprovdix għall-infurzabbiltà tiegħu

[45]             Ara l-punti 27-30 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Id-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim tal-Konsumaturi ma timpedixxix Stati Membri milli jżommu jew jintroduċu proċeduri alternattivi għas-soluzzjoni ta' tilwim li jittrattaw b'mod konġunt l-istess tilwim jew simili bejn negozjant u bosta konsumaturi, u b'hekk tippermetti li jiġu żviluppati proċeduri alternattivi ta' soluzzjoni ta' tilwim.

[46]             Dawn l-ispejjeż jinkludu l-ħlasijiet tal-qorti, ir-rimunerazzjoni tar-rappreżentanti legali, l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni fis-smigħ, l-ispejjeż tal-ġestjoni ġenerali tal-każ, l-ispejjeż ta' analiżi ta’ espert.

[47]             Is-sistemi nazzjonali ta’ għajnuna legali għandhom jintużaw kif xieraq biex jevitaw dan.

[48]             Ara punt 15 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

Top