EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0371

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Polonja għall-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Polonja għall-2012-2016

/* COM/2013/0371 final - 2013/ () */

52013DC0371

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Polonja għall-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Polonja għall-2012-2016 /* COM/2013/0371 final - 2013/ () */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Polonja għall-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Polonja għall-2012-2016

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[4], li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)       Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro, bl-użu tal-livers, l-istrumenti, u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jilħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4)       Fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma għall-2011 tal-Polonja u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ konverġenza aġġornat tal-Polonja għall-perjodu 2011-2015.

(5)       Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[5], li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2013 ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012 ukoll, il-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[6], li fih ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li kellha ssirlu analiżi fil-fond.

(6)       Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu ġgarantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7)       Fit-30 ta’ April 2013, il-Polonja ppreżentat il-programm ta’ konverġenza tagħha għall-2013 li jkopri l-perjodu 2012-2016 u, l-programm nazzjonali ta’ riforma tagħha għall-2013. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)       Il-Polonja għamlet sforzi konsiderevoli ta' konsolidazzjoni fl-2011-2012 f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika globali deterjoranti l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv leħqet skorriet u hemm bżonn ta' aktar żmien biex dan jitranġa. Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ konverġenza tal-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa ottimist. B'mod partikolari, il-konsum privat u l-investiment privat huwa mistenni jiżdied ferm aktar minn kif previst fit-tbassir tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa 2013, li jwassal għal rata ta' tkabbir ġenerali ogħla fl-2013 (1,5 % kontra 1,1 %). L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritt fil-programm huwa li d-defiċit jitnaqqas għal 3,5 % tal-PDG sal-2013 (sena wara l-iskadenza oriġinali tal-EDP tal-2012) u jintlaħaq l-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM) sal-2016. Madankollu, il-Programm ta' Konverġenza għall-2013 qed jippjana li jġib id-defiċit taħt it-3 % tal-PDG sal-2015 biss. Billi t-tbassir tat-tkabbir huwa ottimist iżżejjed u l-projezzjonijiet tal-introjtu fil-programm, il-Kunsill jikkunsidra li l-isforz fiskali previst mill-awtoritajiet mhux kompatibbli ma' korrezzjoni attwali tad-defiċit eċċessiv sal-2013 sakemm ma jittiħdux miżuri addizzjonali sinifikanti li jinfurzaw l-isforz għal din is-sena. Il-programm huwa bbażat fuq xenarju ottimist u mhux appoġġat biżżejjed b'miżuri dettaljati sabiex jiżgura b'mod kredibbli l-korrezzjoni tad-defiċit sa mhux aktar tard mill-2014. Għaldaqstant, hemm bżonn ta' aktar sforzi bbażati fuq miżuri dettaljati kemm għall-2013 u l-2014. L-awtoritajiet ma sfruttawx biżżejjed is-sitwazzjoni ta' tkabbir ta' qabel il-kriżi biex jirriformaw l-istruttura tan-nefqa pubblika sabiex jagħtu l-prijorità lil dawk l-affarijiet li jkattru t-tkabbir. Il-programm ikkonferma l-OTM preċedenti ta' -1 % tal-PDG, li jirrifletti l-objettivi tal-Patt. Abbażi tad-defiċit strutturali (rikalkulat), l-OTM mhux previst li jintleħaq sal-2016, kif ippjanat fil-programm, peress li l-progress annwali ppjanat lejn l-OTM ta' 0,3 % tal-PDG (f'termini strutturali) fl-2015 u 0,7 % tal-PDG fl-2016 mhuwiex biżżejjed. Ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa tal-Gvern, b'kunsiderazzjoni tal-miżuri tad-dħul diskrezzjonarji, huwa konformi mal-livell limitu tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir tul il-perjodu tal-programm kollu. Jistgħu jkunu meħtiepa wkoll sforzi addizzjonali u kif ukoll bidliet fil-kompożizzjoni tal-aġġustament fis-snin ta' barra tal-programm hekk kif il-progress lejn l-OTM jiddependi l-aktar fuq tnaqqis mdaqqas fin-nefqa tal-investiment pubbliku u mhix appoġġata biżżejjed b'miżuri dettaljati. Huwa previst li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fil-Polonja jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG matul il-perjodu kopert mill-programm. L-awtoritajiet nazzjonali jbassru li dan se jibqa' ġeneralment kostanti, ftit ’il fuq minn 55,5 % tal-PDG sal-2014/2015 (u tnaqqis fl-2016), filwaqt li l-Kummissjoni waqt li tikkunsidra r-riskji possibbli fir-rigward tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni u l-affarijiet li jnaqqsu d-dejn, qed tistenna żieda ta’ madwar 59 % tal-PDG fl-2014. Il-konformità mat-taxxa tibqa' kwistjoni ewlenija f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, li teħtieġ ukoll tnaqqis fil-piż amministrattiv fuq il-kontribwenti u titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali, huwa importanti li l-konsolidazzjoni fiskali tkun appoġġata b'riformi strutturali komprensivi.

(9)       Sehem baxx ta’ nfiq li jsaħħaħ it-tkabbir (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni) u għadda dejjem inqas ta' investimenti pubbliċi jxekklu l-prospetti ta’ tkabbir fit-tul. Is-settur tas-saħħa fil-Polonja huwa kkonfrontat b’limitazzjonijiet fl-aċċess għall-kura u l-kostineffiċjenzi, filwaqt li l-infiq fil-kura tas-saħħa huwa mistenni jikber b’mod konsiderevoli fuq medda medja sa medda twila ta’ żmien minħabba soċjetà li qed tixjieħ, u dan se jżid il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Is-sistema tista’ tittejjeb bit-tisħiħ tal-kura primarja u tas-sistemi ta’ riferiment u bl-isfruttament tal-potenzjal għal qligħ tal-kosteffiċjenza fil-kura fl-isptar.

(10)     Il-Gvern Pollakk għadu ma implimentax regola tan-nefqa permanenti u konsistenti mas-Sistema Ewropea tal-Kontabilità (ESA). Il-Polonja ma għamlet l-ebda progress ukoll fir-rigward tal-ippjanar fit-terminu medju u t-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-livelli differenti tal-Gvern rigward il-proċess baġitarju.

(11)     Il-qgħad fost iż-żgħażagħ qed jikber li huwa prinċipalment ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-frott tal-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Filwaqt li r-riformi implimentati tas-sistemi ta’ edukazzjoni huma maħsuba biex jindirizzaw ir-rabta ħażina bejn l-impjiegi u l-ħiliet, xorta hemm il-bżonn li tiżdied id-disponibbiltà ta’ apprendistati u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u min iħaddem u biex tittejjeb il-kwalità tat-tagħlim. L-implimentazzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, li tibni fuq l-isforzi attwali, se tikkontribwixxi biex tappoġġa liż-żgħażagħ fl-impjiegi. Il-proporzjon tal-adulti li qed jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja għadu baxx ħafna u l-adozzjoni ta’ strateġija għal tagħlim tul il-ħajja hija pendenti.

(12)     Fir-rigward tal-kura tat-tfal żgħar, l-isforzi tal-Gvern ikkonċentraw fuq l-implimentazzjoni tat-"Toddler Programme". B’riżultat ta’ dan, l-għadd ta’ mixtliet (nurseries) kważi rdoppja matul l-aħħar sentejn, iżda għadu baxx ħafna f’termini relattivi u ma jissodisfax id-domanda. Il-Polonja ħadet biss passi żgħar biex tindirizza l-użu estensiv ta’ impjiegi temporanji. Il-pajjiż għandu t-tielet l-ogħla sehem ta’ impjiegi b'terminu fiss involontarji fl-UE, b’mod partikolari f’dawk bejn il-15-24 sena. Filwaqt li l-kuntratti ta’ terminu fiss huma ħafna drabi meqjusa bħala strument għall-persuni qiegħda biex jidħlu fis-suq tax-xogħol bil-ħsieb li aktar 'il quddiem jidħlu għal kuntratt permanenti, dan jidher li mhuwiex il-każ għall-maġġoranza tal-ħaddiema fil-Polonja. Minflok, l-użu estensiv ta’ kuntratti bħal dawn jidher li għandu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-kapital uman u fuq il-produttività, billi l-impjegati temporanji għandhom it-tendenza li jkollhom inqas aċċess għal taħriġ vokazzjonali. Il-penali tal-pagi fuq kuntratti b’terminu fiss huwa wkoll relattivament għoli, li jwassal għal waħda mill-ogħla rati ta’ faqar fost dawk li jaħdmu fl-UE. Barra minn hekk, l-użu ta’ kuntratti tal-liġi ċivili li jduru bi tnaqqis sinifikanti tad-drittijiet tal-protezzjoni soċjali huwa mifrux. Skont ir-rapport tal-Gvern "Żgħażagħ 2011", aktar minn 50 % tal-ħaddiema żgħażagħ huma impjegati b'dan it-tip ta' kuntratti.

(13)     Il-Polonja qed taffaċċja rati baxxi ta' impjiegi fost il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien. Minkejja li l-possibbiltajiet għall-irtirar bikri tnaqqsu b’mod sinifikanti u twettqet ir-riforma tal-pensjonijiet ġenerali, għad hemm skema speċjali tal-pensjoni għall-ħaddiema li jaħdmu fil-minjieri. Barra minn hekk, is-sistema ta’ sigurtà soċjali għall-bdiewa (KRUS) toħloq inċentivi għall-bdiewa fuq skala żgħira biex dawn jibqgħu fis-settur agrikolu prinċipalment għaliex id-dħul tal-bdiewa individwali mhuwiex ittraċat b’mod preċiż fis-sistema. Dan jirriżulta f’qgħad mistur fiż-żoni rurali, iżomm lura l-produttività u jwaqqaf il-mobbiltà tax-xogħol reġjonali u settorjali.

(14)     Il-Polonja hija fost il-pajjiżi tal-UE bl-iktar livell baxx ta’ nefqa fir-R&Ż hija waħda mill-agħar fl-indikaturi usa’ tal-innovattività. Il-proporzjon globali ta’ nfiq fir-R&Ż fil-Polonja, fi 0,77 % fl-2011, kien fost l-aktar baxxi fl-UE. B’mod partikolari, l-infiq privat fir-R&Ż huwa baxx (0,2 % tal-PDG fl-2011). L-intrapriżi Pollakki kienu qed jiddependu ħafna fuq l-assorbiment tat-teknoloġija, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji eżistenti permezz tal-investiment kapitali fiss. Filwaqt li dan kellu suċċess f’li jiżgura l-kisbiet fil-produttività u t-tkabbir ekonomiku, il-Polonja issa teħtieġ tranżizzjoni lejn mudell indiġenu bbażat fuq l-innovazzjoni. Ir-riformi fis-sistema edukattiva ogħla u tax-xjenza nbdew minħabba ristrutturar maġġuri biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u l-industrija. Sa issa mhi disponibbli l-ebda valutazzjoni ta’ dawn ir-riformi. Huwa meħtieġ approċċ aktar olistiku biex jiġu allinjati l-isforzi fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-politika industrijali u jiġi żgurat li jkun hemm strumenti adegwati li jappoġġaw iċ-ċiklu kollu tal-innovazzjoni.

(15)     Għad hemm potenzjal għoli ħafna ta' qligħ minn titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fis-setturi kollha tal-ekonomija tal-Polonja, b’mod partikolari bis-saħħa tal-iżolazzjoni tal-bini, u dan il-qligħ jista’ jkun ta’ appoġġ għat-tkabbir. Il-qafas tal-elettriku domestiku għadu kkonġestjonat, iżda il-pjanijiet qegħdin javvanzaw biex tinħoloq aktar kapaċità ta’ interkonnessjoni lejn swieq ġirien. Il-kompetizzjoni fis-suq tal-gass għadha ostakolata b'numru ta' fatturi, notevolment it-tneħħija gradwali ta’ prezzijiet regolati għad trid titlesta, l-operatur li għandu sehem fis-suq ta’ madwar 97 % fis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut u 90 % tal-importazzjonijiet ta’ gass naturali ġejjin mir-Russja.

(16)     Minkejja li sar xi progress, l-infrastruttura sottożviluppata tat-trasport tal-Polonja tibqa' waħda mill-akbar ostakoli għat-tkabbir. Proġetti kbar ta’ infrastruttura tat-toroq għamlu progress, iżda proġetti ta’ investiment ferrovjarju għadhom ferm lura. Infrastruttura ferrovjarja degradata teħtieġ investiment sostanzjali ta' tkabbir, billi 36 % biss ta’ madwar 20 000 km ta’ linji ferrovjarji f’operazzjoni huma f’kundizzjoni teknika tajba. Minkejja sforzi reċenti, il-Polonja għadha lura ħafna fejn Stati Membri oħra fil-ħtif tal-potenzjal tat-tkabbir ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT). Il-kopertura fissa tal-broadband hija l-aktar waħda baxxa fl-UE, kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll f'żoni rurali. L-investiment f’netwerks tal-ilma baqa’ insuffiċjenti.

(17)     Il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tal-Polonja hija taħt il-medja tal-UE. Il-problemi ewlenin jinkludu trasparenza, il-kumplessità tas-sistema tat-taxxa u l-ispejjeż tal-konformità, iż-żieda fil-medja tat-tul tal-proċedimenti f’każijiet ċivili u kummerċjali, u proċedimenti ta’ falliment twal u rati baxxi ta’ rkupru. L-użu tal-Gvern-e fl-amministrazzjoni pubblika għadha wkoll taħt il-medja tal-UE. Il-Polonja bdiet riforma biex tiffaċilita l-aċċess għall-professjonijiet irregolati li waqgħet lura fl-iskeda mħabbra fil-bidu.

(18)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Polonja. Hija vvalutat il-programm ta’ konverġenza u l-programm nazzjonali ta’ riforma. Ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (7) hawn taħt.

(19)     Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-Polonja, u l-opinjoni tiegħu[7] hija riflessa b’mod partikulari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fil-perjodu bejn 2013-2014 sabiex:

1            Issaħħaħ u timplimenta l-istrateġija baġitarja għas-sena 2013 u għas-snin ta’ wara, appoġġata b'miżuri speċifikati biżżejjed għall-2013 u l-2014, biex tiżgura korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv sal-2014 b’mod sostenibbli u l-kisba tal-isforz fiskali speċifikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Korrezzjoni dewwiema tal-iżbilanċi fiskali teħtieġ implimentazzjoni kredibbli ta' riformi strutturali ambizzjużi, li jżidu l-kapaċità tal-aġġustament u jippermettu żieda fit-tkabbir potenzjali u l-impjiegi. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, hija għandha tfittex li tikseb l-isforz ta’ aġġustament strutturali li se jippermetti lill-Polonja tilħaq l-objettiv ta’ terminu medju sal-2016. Bil-ħsieb li ttejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi, timminimizza qtugħ fl-investiment li jkattar it-tkabbir, terġa' tivvaluta l-politiki tal-infiq li jtejbu l-miri tal-politiki soċjali u jżidu l-kosteffettività u l-effiċjenza tal-infiq fis-settur tal-kura tas-saħħa. Ittejjeb il-konformità fiskali, partikolarment billi żżid l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa.

2.           Tiżgura l-approvazzjoni ta’ regola tal-infiq permanenti fl-2013 konsistenti mar-regoli tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet. Tieħu miżuri biex issaħħaħ il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni baġitarja annwali u fit-terminu medju ta’ żmien fost il-livelli differenti ta’ gvern.

3.           Issaħħaħ l-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, iżżid id-disponibilità ta’ apprendistati u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u min iħaddem u ttejjeb il-kwalità tat-tagħlim. Tadotta l-istrateġija proposti għat-tagħlim tul il-ħajja. Tiġġieled il-faqar fost il-ħaddiema u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol permezz ta’ tranżizzjoni aħjar minn impjieg b'terminu fiss għal impjieg permanenti u billi jitnaqqas l-użu eċċessiv ta’ kuntratti tal-liġi ċivili.

4.           Tkompli l-isforzi biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi tinvesti f’kura tat-tfal u edukazzjoni ta’ qabel l-iskola ta' kwalità u affordabbli, billi tiżgura finanzjament stabbli u persunal ikkwalifikat. Bil-ħsieb li tittejjeb il-mobilità tax-xogħol settorjali, tieħu passi permanenti lejn ir-riforma tal-iskema tal-KRUS tas-sigurtà soċjali tal-bdiewa. Ittemm gradwalment l-iskema speċjali tal-pensjonijiet għal dawk li jaħdmu fil-minjieri bil-għan li dawn jintegraw ruħhom fl-iskema ġenerali. Tirfed ir-riforma tal-pensjonijiet ġenerali b’miżuri li jippromwovu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema akbar fl-età biex jgħollu l-etajiet ta’ ħruġ mis-suq tax-xogħol.

5.           Tieħu miżuri addizzjonali biex tiżgura ambjent tan-negozju li jkun favur l-innovazzjoni permezz tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-politika industrijali, billi tkompli tiżviluppa strumenti rotattivi u inċentivi tat-taxxa u billi timmira aħjar l-istrumenti eżistenti lejn l-istadji differenti taċ-ċiklu ta’ innovazzjoni.

6.           Iġġedded u testendi l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u ttejjeb l-effiċjenza fil-katina kollha tal-enerġija. Tħaffef u testendi l-iżvilupp tal-qafas tal-elettriku, inklużi l-interkonnessjonijiet transkonfinali, u telimina l-ostakli fl-iskambju transkonfinali tal-elettriku. Issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-settur tal-gass bit-tneħħija gradwali ta’ prezzijiet regolati. Issaħħaħ ir-rwol u r-riżorsi tar-regolatur tas-suq ferrovjarju u tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-proġetti ta’ investiment ferrovjarju mingħajr aktar dewmien. Tħaffef l-isforzi biex tiżdied il-kopertura tal-broadband. Ittejjeb il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma.

7.           Tieħu passi ulterjuri biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi tissimplifika l-infurzar tal-kuntratti u r-rekwiżiti għall-permessi tal-kostruzzjoni u billi tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità mat-taxxa. Tadotta u timplimenta il-liberalizzazzjoni ppjanata tal-aċċess għal servizzi professjonali.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM(2013) 371 finali.

[3]               P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053.

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208 UE tat-22 ta' April 2013.

[5]               COM(2012) 750 finali.

[6]               COM(2012) 751 finali.

[7]               Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

Top