EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0240

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117 EURATOM dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat

/* COM/2013/0240 final */

52013DC0240

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117 EURATOM dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat /* COM/2013/0240 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117 EURATOM dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4

1.1........ Sfond............................................................................................................................. 4

1.2........ Il-qafas legali.................................................................................................................. 5

1.3........ Prinċipji ġenerali għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi.................................................. 6

2........... L-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ġenerali............................................................... 7

2.1........ It-traspożizzjoni tad-Direttiva.......................................................................................... 7

2.2........ Id-dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi......................................... 7

2.3........ L-awtoritajiet kompetenti................................................................................................ 7

2.4........ It-trażmissjoni................................................................................................................. 8

2.5........ Il-kumitat konsultattiv...................................................................................................... 8

2.6........ Ir-rapporti regolari.......................................................................................................... 8

3........... Ir-rappurtar mill-Istati Membri........................................................................................ 9

3.1........ Il-vjeġġi.......................................................................................................................... 9

3.2........ L-esportazzjonijiet ’il barra mill-Komunità..................................................................... 10

4........... Konklużjonijiet............................................................................................................. 10

1.           Introduzzjoni

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom[1] tistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ superviżjoni u kontroll ta’ vjeġġi transkonfinali ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit, sabiex tiġi garantita l-protezzjoni adegwata tal-popolazzjoni. Din id-Direttiva tapplika għal vjeġġi transkonfinali kull meta l-pajjiż tal-oriġini jew il-pajjiż tad-destinazzjoni jew kull pajjiż tat-tranżitu jkun Stat Membru tal-Komunità. Din tiżgura li l-Istati Membri kkonċernati jkunu infurmati dwar vjeġġi ta’ skart radjuattiv u fjuwil nukleari użat għal jew permezz tat-territorju tagħhom bl-obbligu li jagħtu l-kunsens tagħhom jew ir-rifjut motivat għall-vjeġġi.

Id-Direttiva tipprevedi rappurtar perjodiku mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-għan ta’ dan ir-rappurtar huwa biex tingħata ħarsa ġenerali utli tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija fil-Komunità kollha u biex tkun tista' ssir identifikazzjoni ta’ diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri waqt l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u s-soluzzjonijiet applikati.

Dan huwa l-ewwel rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom. Wara l-introduzzjoni, dan ir-rapport se jipprovdi:

– Rispons dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali (Kapitolu 4) tad-Direttiva;

– Sommarju ġenerali tal-informazzjoni mill-Istati Membri li rrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Din l-informazzjoni ġiet stabbilita f’konsultazzjoni mal-Istati Membri individwali. Dettalji dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri huma ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2013)150.

Il-konklużjoni ta’ dan ir-rapport se tagħti perspettiva dwar l-isfidi li jeħtieġu iktar attenzjoni u li se jiġu indirizzati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitat konsultattiv u l-Istati Membri.

1.1.        Sfond

L-Istati Membri kollha tal-UE jipproduċu skart radjuattiv, iġġenerat minn bosta attivitajiet, bħall-produzzjoni tal-elettriku f’impjanti tal-enerġija nukleari u applikazzjonijiet radjuisotopiċi fil-mediċina, l-industrija, l-agrikoltura, ir-riċerka u l-edukazzjoni. L-operazzjoni tar-reatturi nukleari wkoll tiġġenera fjuwil użat. Fjuwil użat huwa fjuwil nukleari li ġie rradjat u mneħħi b'mod permanenti mill-qalba ta’ reattur. Meta fjuwil użat jinħatt mill-qalba ta’ reattur, dan jinħażen f’vaski ddedikati maġenb ir-reattur sabiex il-livelli inizjali tas-sħana u r-radjazzjoni jkunu jistgħu jonqsu. Mis-sit tar-reattur, il-fjuwil użat jinġarr bit-triq, bil-ferrovija jew bil-baħar lejn sit ta’ ħażna temporanju jew lejn impjant ta’ ripproċessar fejn ikun se jiġi ripproċessat.

Erbatax-il Stat Membru minn għoxrin għandhom reatturi tal-enerġija nukleari li qed joperaw, u żewġ Stati Membri oħra għandhom reatturi tal-enerġija nukleari li qed jiġu dekummissjonati[2]. Il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom reatturi għar-riċerka.

Kull Stat Membru huwa għalkollox responsabbli għall-għażla tal-politika nazzjonali tiegħu dwar il-ġestjoni tal-iskart radjoattiv u l-fjuwil użat. Il-fjuwil użat jista’ jitqies bħala riżorsa li tista’ tintuża u li tista’ tiġi ripproċessata jew ikun intiż għar-rimi jekk jitqies bħala skart radjuattiv. Il-fjuwil użat għalhekk jeħtieġ attenzjoni partikolari. Minkejja l-għażla magħmula mill-Istati Membri għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat tagħhom, l-operazzjonijiet tat-trasport ta’ dawk il-materjali huma meħtieġa u jseħħu bejn l-Istati Membri u ’l ġewwa, u ’l barra mill-Komunità.

1.2.        Il-qafas legali

L-operazzjonijiet involuti fil-vjeġġi tal-iskart radjuattiv jew il-fjuwil użat huma soġġetti għal numru ta’ rekwiżiti skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja[3] u l-Konvenzjonijiet internazzjonali legalment vinkolanti[4] b’mod partikolari rigward it-trasport sikur ta’ materjal radjuattiv u l-kundizzjonijiet li taħthom l-iskart radjuattiv jew il-fjuwil użat jintremew jew jinħażnu fil-pajjiż tad-destinazzjoni.

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku inġenerali teżiġi li l-vjeġġi ta’ skart radjuattiv jew ta’ fjuwil użat bejn l-Istati Membri, lejn il-Kommunità u ’l barra minnha jkunu soġġetti għal sistema obbligatorja u komuni ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-vjeġġi, imwaqqfa fl-1992[5], tbiddlet b’mod sinifikanti fl-2006 bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u l-fjuwil użat, minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-Vjeġġi”[6]. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-1992 kellha bżonn tiġi emendata fid-dawl tal-esperjenza; biex issir klarifikazzjoni u jiżdiedu xi kunċetti u definizzjonijiet, biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet li tħallew barra fil-passat u biex tiġi ssimplifikata l-proċedura eżistenti għall-vjeġġi ta’ skart radjuattiv bejn l-Istati Membri. Kienu wkoll meħtieġa xi modifiki sabiex tiġi garantita l-konsistenza mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u internazzjonali oħrajn, u partikolarment mal-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv, li l-Komunità aderixxiet magħhom fit-2 ta’ Jannar 2006.

L-obbligi skont id-Direttiva dwar il-Vjeġġi huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jesportaw fjuwil użat għar-ripproċessar. Xejn fid-Direttiva ma jimplika li Stat Membru tad-destinazzjoni jrid jaċċetta l-vjeġġi ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat għat-trattament jew id-disponiment aħħari ħlief fil-każ tal-ispedizzjoni lura (ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini). Kwalunkwe rifjut ta’ tali vjeġġi għandu jiġi ġġustifikat skont il-kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-Vjeġġi tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ skart radjoattiv jew fjuwil użat lejn il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew jew tal-Paċifiku (AKP) jew lejn pajjiż terz li ma jkollux ir-riżorsi biex jimmaniġġja l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat b’mod sikur.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom li ġiet reċentement adottata[7], minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar l-Iskart”, tintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali vinkolanti f’każ ta’ vjeġġi tal-iskart radjuattiv, inkluż il-fjuwil użat meqjus bħala skart f’każ ta’ rimi. Il-prinċipju ġenerali skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Iskart jipprevedi li l-iskart radjuattiv għandu jintrema fl-Istat Membru fejn ikun ġie ġġenerat, sakemm fil-ħin tal-vjeġġ ikun daħal fis-seħħ ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati u Stat Membru ieħor jew pajjiż terz biex tintuża faċilità tar-rimi f’wieħed minnhom. Madankollu tali ftehim huwa wkoll soġġett għall-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar il-Vjeġġi u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Iskart li jeżiġu fost l-oħrajn li tali faċilità tar-rimi trid tkun diġà titħaddem b’mod sikur fil-ħin tal-vjeġġ.

Id-Direttiva tal-Iskart ma taffetwax il-libertà tal-Istati Membri li jaċċettaw fjuwil użat jew skart għall-ipproċessar jew ir-ripproċessar minn pajjiżi terzi u li jibagħtuhom lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Bl-istess mod, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa biex jibagħtu l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat tagħhom għall-ipproċessar jew ir-ripproċessar lejn Stat Membru ieħor jew lejn pajjiż terz. Fiż-żewġ każijiet, ir-responsabbiltà finali għar-rimi sikur u responsabbli ta’ dawk il-materjali, inkluż kull skart bħala prodott sekondarju, tibqa’ tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li minnu jkun ġie trasportat il-materjal radjuattiv.

1.3.        Prinċipji ġenerali għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi

Detentur[8] li jippjana li jagħmel vjeġġ intraKomunitarju ta’ skart radjuattiv jew ta’ fjuwil użat jew li jirranġa biex isir tali vjeġġ għandu jippreżenta applikazzjoni mimlija kif dovut lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini. Applikazzjoni waħda tista’ tkopri diversi vjeġġi jekk dawn ikollhom l-istess karatteristiċi u jekk ir-rotta (il-pajjiżi u l-fruntieri maqsuma) u l-awtoritajiet kompetenti jkunu l-istess.

Meta l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat ikunu se jiġu importati fil-Komunità, il-destinatarju għandu jissottometti din l-applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni. Meta vjeġġ isir minn Stat Membru lejn pajjiż terz, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini jridu jikkuntattjaw lill-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiż tad-destinazzjoni.

Il-vjeġġ ma jistax isir qabel l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tad-destinazzjoni u ta’ kull pajjiż tat-tranżitu jkunu nnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini dwar l-approvazzjoni tagħhom. Id-Direttiva dwar il-Vejġġi tistipula perjodu ta’ xahrejn wara li tkun waslet l-applikazzjoni għal notifika ta’ approvazzjoni jew rifjut. Rifjut minn Stat Membru tad-destinazzjoni jew tat-tranżitu jrid ikun iġġustifikat fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-ġestjoni ta’ skart radjoattiv jew fjuwil użat jew għal raġunijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, Komunitarja jew internazzjonali rilevanti applikabbli għat-trasport ta’ materjal radjuattiv.

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tat-tranżitu jew tad-destinazzjoni jistgħu iżidu kundizzjonijiet għall-vjeġġ. Madankollu, għal vjeġġi fil-Komunità, mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti mil-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru dwar it-trasport tal-iskart radjoattiv fuq it-territorju tiegħu stess.

Fl-aħħar nett, jekk il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-vjeġġi ma jitħarsux jew il-vjeġġ ma jkunx jista’ jitlesta, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiżguraw li l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat ikkonċernat jittieħed lura mid-detentur diment li ma jsirx arranġament sikur alternattiv.

2.           L-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ġenerali

2.1.        It-traspożizzjoni tad-Direttiva

Id-Direttiva dwar il-Vjeġġi eżiġiet li l-Istati Membri riedu jdaħħlu fis-seħħ qabel il-25 ta’ Diċembru 2008 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva.

Għalkemm ħafna Stati Membri kkonformaw fil-ħin ma’ din id-data ta’ skadenza, ftit Stati Membri ma ttrasponewx id-Direttiva fil-ħin u l-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontrihom. L-Istati Membri inkwistjoni mbagħad ikkomunikaw il-miżuri tagħhom biex jittrasponu d-Direttiva, u l-Kummissjoni setgħet tagħlaq dawn il-kawżi matul it-tieni nofs tal-2009, bl-eċċezzjoni tal-Greċja, li l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħha ġew ikkomunikati f’Settembru 2010.

Sa minn tmiem l-2010 it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom hija kompluta u tista’ titqies bħala implimentata fl-Istati Membri kollha tal-UE.

2.2.        Id-dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi

Id-Direttiva dwar il-Vjeġġi tipprevedi l-użu ta’ dokument standard għall-vjeġġi kollha fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva. Deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni li tistabbilixxi d-dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi ta’ skart radjuattiv u tal-fjuwil użat ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’April 2008[9] filwaqt li tqieset l-esperjenza tal-passat.

Għall-vjeġġi ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat (inkluż fjuwil użat destinat għar-rimi finali u għalhekk ikklassifikat bħala skart) id-dokument standard jipprovdi fl-anness tiegħu il-formoli għal: l-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni; il-konferma tar-riċevuta ta’ applikazzjoni; l-awtorizzazzjoni jew ir-rifjut ta’ vjeġġ; id-deskrizzjoni tal-kunsinna/lista ta’ pakketti kif ukoll konferma tar-riċevuta ta’ vjeġġ. Id-dokument standard jinkludi wkoll lista tar-rekwiżiti minimi ta’ applikazzjoni mimlija kif support.

Wara inkonsistenza bejn id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom u n-noti ta’ spjegazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 793 tal-5 ta’ Marzu 2008 li tistabbilixxi d-dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat imsemmi fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom (2008/312/Euratom), ġiet ippubblikata rettifika fil-Ġurnal Uffiċjali[10] biex jiġi mmodifikat il-kliem skont dan.

L-Istati Membri rrappurtaw ukoll xi diffikultajiet fl-użu tad-dokument standard. Dettalji dwar din l-inkonsistenza u d-diffikultajiet li nqalgħu huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2013)150. Dawn id-diffikultajiet se jkunu segwiti mill-kumitat konsultattiv.

2.3.        L-awtoritajiet kompetenti

Awtoritajiet kompetenti huma kwalunkwe awtorità li, taħt il-liġi jew ir-regolamenti tal-pajjiżi tal-oriġini, tat-tranżitu jew tad-destinazzjoni, ikollhom is-setgħa li jimplimentaw is-sistema ta’ superviżjoni u ta’ kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv jew ta’ fjuwil użat; Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni mal-Kummissjoni l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità jew awtoritajiet kompetenti tagħhom.

Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tista’ tinstab fil-websajt Europa tal-Kummissjoni Ewropea permezz tal-link li ġej:

http://ec.europa.eu/energy/nuclear/transport/shipment_directive_en.htm.

2.4.        It-trażmissjoni

Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-Vjeġġi, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għal sistema sigura u effettiva ta’ trażmissjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni relatati mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha wkoll tistabbilixxi u żżomm aġġornata l-pjattaforma ta’ komunikazzjoni elettronika li tagħti d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, il-lingwi aċċettabbli għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll kull kundizzjonijiet ġenerali u rekwiżiti addizzjonali, jekk ikun hemm, li huma meħtieġa għall-awtorizzazzjoni tal-vjeġġi.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal sistema sigura u effettiva ta’ trażmissjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’Lulju 2009[11].

Rigward il-pjattaforma elettronika, il-Kummissjoni stabbilixxiet websajt (ara l-link imsemmija hawn fuq) li fiha l-informazzjoni rilevanti kollha relatata mad-Direttiva dwar il-Vjeġġi. Id-dejta mogħtija, fejn xieraq, tiġi aġġornata wara li kull Stat Membru jibgħat l-informazzjoni lill-Kummissjoni kif previst skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva.

2.5.        Il-kumitat konsultattiv

Fit-twettiq tal-kompiti stabbiliti mid-Direttiva, il-Kummissjoni hija megħjuna minn Kumitat ta’ natura konsultattiva magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. L-ewwel laqgħa saret f’Mejju tal-2007 bl-adozzjoni tat-termini ta’ referenza u l-programm ta' ħidma għas-snin ta’ wara tal-kumitat konsultattiv. Il-Kumitat organizza disa’ laqgħat organizzati u ppreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Il-kumitat konsultattiv ta l-opinjoni tiegħu:

– dwar l-istabbiliment u l-użu tad-dokument standard;

– dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-kriterji għall-esportazzjoni ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat lejn pajjiżi terzi;

– dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal sistema sigura u effettiva ta’ trażmissjoni tad-dokumenti.

L-opinjonijiet tal-Kumitat ġew irreġistrati fil-minuti.

L-esperjenza sal-lum turi li l-kumitat konsultattiv huwa mezz tajjeb u utli li fih ir-rappreżentanti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-Kummissjoni u bejniethom.

2.6.        Ir-rapporti regolari

L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrappurtaw lill-Kummissjoni għall-ewwel darba sal-aħħar tal-2011 u mbagħad kull tliet snin dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Vjeġġi. Skont ir-rapporti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni stabbiliet l-ewwel rapport fil-qosor għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill u għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jagħti ħarsa ġenerali utli tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija fil-Komunità u jagħti informazzjoni dwar id-diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri u s-soluzzjonijiet applikati.

Skont l-Artikolu 20 u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 21 tad-Direttiva, il-kumitat konsultattiv ġie kkonsultat dwar l-abbozz tar-rapport u d-dokument ta’ ħidma assoċjat. L-ebda kummenti maġġuri ma waslu mingħand il-membri tal-kumitat konsultattiv. Il-kummenti kienu jikkonċernaw primarjament aġġornamenti ta’ dettalji ta’ kuntatt.

Ir-rappurtar għandu jagħti attenzjoni partikolari lil dawk il-każijiet ta’ vjeġġi lura relatati ma’ vjeġġi mhux awtorizzati u skart radjuattiv mhux iddikjarat (l-Artikolu 4 tad-Direttiva). Fil-kuntest ta’ dan l-ewwel rapport, il-Kummissjoni ma kinitx infurmata dwar vjeġġi li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4.

3.           Ir-rappurtar mill-Istati Membri

Sabiex tissimplifika l-proċess tar-rappurtar il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri mudell għar-rappurtar f’żewġ partijiet: l-ewwel parti dwar l-informazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, it-tieni parti dwar l-informazzjoni tal-vjeġġi. L-Istati Membri kollha rrappurtaw lill-Kummissjoni. L-informazzjoni pprovduta ġiet analizzata mill-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, xi kwistjonijiet li kienu jeħtieġu aktar kjarifika ġew indirizzat b’mod bilaterali mal-Istati Membri kkonċernati. L-elementi ewlenin tar-rapporti tal-Istati Membri huma miġbura fil-qosor f’dan ir-rapport. Aktar dettalji jinstabu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż.

B’mod ġenerali, l-ebda problemi maġġuri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva ma ġew irrappurtati mill-Istati Membri. Madankollu, xi Stati Membri rrappurtaw tħassib partikolari dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet:

– Minħabba li ma hemm l-ebda armonizzazzjoni tal-livelli ta’ awtorizzazzjoni għall-iskart radjuattiv fl-UE, hemm il-possibbiltà li materjali li jkunu jinkludu sustanzi radjuattivi jiġu rilaxxati f’xi Stat Membru iżda li xorta jkunu jistgħu jitqiesu bħala skart radjuattiv fi Stat Membru ieħor.

– Vjeġġi transkonfinali ta’ ċertu skart li fih materjali radjuattivi li jokkorru b’mod naturali (skart NORM[12]) u li ma jirriżultawx minn prattiki awtorizzati kif iddefiniti bħalissa taħt l-Istandards Bażiċi ta’ Sigurtà. Dawn it-tipi ta’ skart huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva iżda wkoll mid-Direttiva[13] dwar l-immaniġġar tal-iskart mill-industriji ta’ estrazzjoni.

Iż-żewġ kwistjonijiet se jkomplu jiġu investigati u indirizzati fi ħdan il-kumitat konsultattiv.

3.1.        Il-vjeġġi

Id-Direttiva dwar il-Vjeġġi teżiġi li vjeġġi ta’ skart radjuattiv u fjuwil nukleari użat bejn l-Istati Membri jsiru biss bil-kunsens infurmat minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha involuti.

Mis-27 Stat Membru, 14-il Stat Membru awtorizzaw vjeġġi fl-ambitu tad-Direttiva. In-numru ta’ awtorizzazzjonijiet huwa relattivament żgħir. Fil-perjodu kopert mir-rapport preżenti tal-2008-2011, l-Istati Membri rrappurtaw li ngħataw 161 awtorizzazzjoni[14] fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. 74% tal-awtorizzazzjonijiet huma relatati ma’ vjeġġi tal-iskart, u s-26% l-oħra huma vjeġġi ta’ fjuwil nukleari użat.

Il-biċċa l-kbira tal-vjeġġi huma vjeġġi bejn l-Istati Membri. Informazzjoni dettaljata tingħata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

3.2.        L-esportazzjonijiet ’il barra mill-Komunità

Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddefinixxi l-politika taċ-ċiklu tal-fjuwil użat tiegħu stess, u kif diġà msemmi, id-Direttiva dwar il-Vjeġġi ma għandhiex taffettwa d-dritt ta’ Stat Membru li jesporta fjuwil użat għar-ripproċessar, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tas-suq komuni nukleari, b’mod partikolari l-moviment liberu tal-oġġetti fl-UE. Madankollu l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jindika b’mod ċar taħt liema kundizzjonijiet vjeġġi ta’ esportazzjoni huma pprojbiti. Partikolarment importanti huwa l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhomx jawtorizzaw vjeġġi lejn pajjiż terz li ma jkollux il-kapaċità amministrattiva u teknika u l-istruttura regolatorja biex jimmaniġġja l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat b’mod sigur, kif iddikjarat ukoll fil-Konvenzjoni Konġunta.

Hawnhekk, u bl-involviment tal-kumitat konsultattiv skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, il-Kummissjoni stabbilixxiet kriterji skont l-Artikolu 16.2, filwaqt li jitqiesu, inter alia, l-istandards rilevanti tas-sikurezza tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), li jiffaċilitaw lill-Istati Membri fl-evalwazzjoni tagħhom dwar jekk ir-rekwiżiti għall-esportazzjonijiet ikunux ġew issodisfati. Dawk il-kriterji ġew ippubblikati bħala Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’Diċembru 2008[15].

In-numru ta’ awtorizzazzjonijiet kif irrappurtati mill-Istati Membri għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi għadu pjuttost baxx (17% tal-ammont totali ta’ awtorizzazzjonijiet irrapportati). 9 Stati Membri rrapportaw b'kollox 28 awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni barra l-UE lejn ir-Russja, iċ-Ċina, l-Isvizzera, il-Ġappun u l-Istati Uniti. 16 minn dawk l-awtorizzazzjonijiet kienu jikkonċernaw il-vjeġġi ta’ fjuwil użat għar-ripproċessar (6 awtorizzazzjonijiet għal fjuwil użat mill-impjanti tal-enerġija nukleari) jew ir-ripproċessar u l-ħażna (10 awtorizzazzjonijiet għal fjuwil użat minn reatturi ta’ riċerka). It-12-il awtorizzazzjoni l-oħra kienu għal skart radjuattiv li kien qed jintbagħat lura lejn il-pajjiż tal-oriġini (jiġifieri skart radjuattiv li jirriżulta mit-trattament ta’ materjal kontaminat f’wieħed mill-Istati Membri).

L-Istati Membri rrappurtaw li l-vjeġġi u l-esportazzjonijiet huma ssorveljati u kkontrollati skont il-proċeduri u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Vjeġġi. Madankollu, bl-informazzjoni mogħtija, il-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-kriterji kollha tal-esportazzjoni skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni kinux issodisfati għalkollox; partikolarment jekk il-faċilitajiet tal-fjuwil użat fil-pajjiżi terzi humiex effettivament sottomessi għal ftehim ta’ salvagwardji tal-IAEA, b’konnessjoni mal-iffirmar u r-rattifika tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni, u protokolli relatati addizzjonali jew jekk ir-rekwiżiti għal livell għoli ta’ sikurezza, humiex issodisfati kif teżiġi d-Direttiva dwar l-Iskart.

Fir-rappurtar mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tinnota wkoll konsistenza u komplimentarità ġenerali mar-Rapporti Nazzjonali skont il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv peress li dawk ir-rapporti jiddeskrivu prinċipalment il-qafas legali u r-responsabbiltajiet.

4.           Konklużjonijiet

Id-Direttiva dwar il-Vjeġġi ġiet trasposta b’suċċess fl-Istati Membri kollha tal-UE. Id-dispożizzjonijiet ġenerali skont id-Direttiva ġew implimentati permezz tal-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni u r-Rakkomandazzjonijiet rilevanti u l-ħolqien tal-Kumitat Konsultattiv.

Wara li evalwat l-informazzjoni li taw l-Istati Membri fl-ewwel eżerċizzju ta’ rappurtar tagħhom, il-Kummissjoni tinnota li d-Direttiva hija issa implimentata għalkollox sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni adegwata tal-popolazzjoni. Din tipprovdi qafas strutturat tajjeb u operattiv għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li tiżgura li l-vjeġġi transkonfinali ta’ skart radjuattiv u fjuwil nukleari użat isiru biss bil-kunsens infurmat minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha involuti.

L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Vjeġġi ma ħolqitx problemi maġġuri. Il-kwistjoni tal-iskart NORM u l-livelli ta’ awtorizzazzjoni fil-kuntest tal-vjeġġi ta’ skart radjoattiv ġiet identifikata u se tkompli tiġi segwita mill-kumitat konsultattiv stabbilit skont din id-Direttiva.

Fir-rigward ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat, il-Kummissjoni tinnota li d-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti, notevolment dawk li jimplimentaw id-Direttiva li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali mill-perikli li ġejjin minn radjazzjoni jonizzanti jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jissorveljaw il-movimenti ta’ dawn il-vjeġġi fit-territorju tagħhom.

Dan ir-rapport jagħti l-ewwel ħarsa ġenerali fil-qosor tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija fil-Komunità skont id-Direttiva dwar il-Vjeġġi. In-numru ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ vjeġġi huwa relattivament żgħir u hemm stampa ċara dwar l-esportazzjonijiet barra l-UE. Għalkemm il-kriterji tal-esportazzjoni tal-Kummissjoni huma ppubblikati biss bħala Rakkomandazzjoni b’ebda karattru legalment vinkolanti, l-allinjament tal-prattiki tal-Istati Membri mal-kriterji kollha se jibqa’ kwistjoni li se tkompli tiġi indirizzata wkoll f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitat konsultattiv.

Fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart, l-Istati Membri huma mitluba jieħdu deċiżjonijiet konkreti għall-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv tagħhom. Dan żgur se jħalli wkoll impatt fuq il-vjeġġi fi ħdan, lejn u barra l-UE. Rappurtar fil-futur imbagħad se jagħti informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-vjeġġi tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil nukleari użat.

Fl-aħħar nett, l-ebda inċidenti li jwasslu għar-rilaxx ta’ sustanzi radjuattivi fl-ambjent u li jinvolvu movimenti nazzjonali jew transkonfinali ta’ skart radjoattiv jew fjuwil użat ma kienu rrapurtati għat-tliet snin koperti minn dan ir-rapport.

[1]                      ĠU L 337, 5.12.2006, p. 21.

[2]               L-14-il Stat Membru li għandhom reatturi tal-enerġija nukleari li qed joperaw huma l-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u l-Ungerija; l-Italja u l-Litwanja biss għandhom reatturi tal-enerġija nukleari li qed jiġu ddekummissjonati.

[3]               B’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku in ġenerali u tal-ħaddiema kontra l-perikli ta’ radjazzjoni jonizzanti. ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

[4]               B’mod partikolari l-Konvenzjoni Konġunta tal-IAEA dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv.

[5]               Id-Direttiva tal-Kunsill 92/3/Euratom tat-3 ta’ Frar 1992; ĠU L 35, 12.2.1992, p. 24.

[6]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/ EURATOM tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit.

[7]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48.

[8]               Detentur tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, qabel ma twettaq vjeġġ ta’ skart radjuattiv jew ta’ fjuwil użat tkun responsabbli taħt il-liġi nazzjonali applikabbli għal tali materjali u li tippjana li twettaq vjeġġ lil desrinatarju;

[9]               ĠU L 107, 17.4.2008, p. 32.

[10]             ĠUUE L 343, 23 ta’ Diċembru 2011, pp. 149.

[11]             ĠU L 177, 8.7.2009, p. 5.

[12]             Materjali Radjuattivi li Jokkorru b’mod Naturali (Naturally Occurring Radioactive Materials - NORM)

[13]             Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006.

[14]             Għandu jkun innutat li xi awtorizzazzjonijiet jingħataw għal diversi vjeġġi li għandhom isiru fuq perjodu ta’ żmien li jista’ jaqbeż il-perjodu kurrenti tar-rappurtar.

[15]             ĠU L 338, 17.12.2008, p. 69.

Top