Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0033

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-profil u l-kompiti ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ tat-trejns

/* COM/2013/033 final */

In force

52013DC0033

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-profil u l-kompiti ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ tat-trejns /* COM/2013/033 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar il-profil u l-kompiti ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ tat-trejns

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Id-Direttiva 2007/59/KE[1] dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li applikant irid jissodisfa biex jikseb liċenzja ta' sewwieq tat-trejn jew ċertifikat komplimentari armonizzat.

L-għan ewlieni tal-istess Direttiva huwa li tagħmilha aktar faċli għas-sewwieqa tat-trejns li jsuqu fi Stati Membri oħra u li jsuqu minn Stat Membru għall-ieħor, iżda wkoll li tagħmilha aktar faċli għalihom li jiċċaqilqu minn impriża ferrovjarja għal oħra, u b’mod aktar ġenerali li l-liċenzji u ċ-ċertifikati komplimentari armonizzati jkunu rikonoxxuti mill-partijiet interessati kollha fis-settur tat-trejns.

Sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2007/59/KE, il-Kummissjoni diġà adottat leġiżlazzjoni addizzjonali, skont id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva.

Bid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2009[2], il-Kummissjoni adottat parametri bażiċi għar-reġistri tal-liċenzji tas-sewwieqa tat-trejns u ċertifikati komplimentari, skont l-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2007/59/KE.

Fit-3 ta’ Diċembru 2009, kif mitlub mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2007/59/KE, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 36/2010[3] dwar mudelli Komunitarji għal-liċenzji tas-sewqan tal-ferroviji, ċertifikati komplementari, kopji ċċertifikati taċ-ċertifikati komplementari u formoli tal-applikazzjoni għal-liċenzji tas-sewqan tal-ferroviji.

Il-Kummissjoni adottat ukoll Deċiżjoni fit-22 ta’ Novembru 2011[4] dwar kriterji għar-rikonoxximent ta' ċentri ta' taħriġ involuti fit-taħriġ ta' sewwieqa tat-trejns, dwar kriterji għar-rikonoxximent ta' eżaminaturi tas-sewwieqa tat-trejns u dwar kriterji għall-organizzazzjoni ta’ eżamijiet skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni[5] datata t-22 ta’ Novembru 2011 dwar il-proċedura għar-rikonoxximent taċ-ċentri tat-taħriġ u l-eżaminaturi tas-sewwieqa tat-trejns skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Filwaqt li d-Direttiva 2007/59/KE ma tkoprix membri oħra tal-ekwipaġġ tal-ferroviji li jwettqu kompiti kritiċi għas-sikurezza, l-Artikolu 28 jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport u, jekk ikun kunsiljabbli, tressaq proposta leġiżlattiva għal sistema ta’ ċertifikazzjoni għal membri oħra tal-ekwipaġġ ibbażata fuq rapport imħejji mill-ERA. L-Aġenżija għandha tidentifika l-profil u x-xogħol ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ li jkunu qed iwettqu xogħol kritiku għas-sikurezza u li l-kwalifiki professjonali tagħhom għaldaqstant jikkontribwixxu kif xieraq għas-sikurezza tal-ferroviji li għandhom jiġu rregolati fil-livell Komunitarju permezz ta' sistema ta' liċenzji u/jew ċertifikati li tista’ tkun simili għas-sistema stabbilita b’din id-Direttiva.

Il-motivazzjoni għal tali talba kienet iż-żieda fil-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u s-sikurezza fil-binarji tal-UE; għal dan il-għan għandha tingħata attenzjoni speċjali lil membri oħra tal-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi għas-sikurezza fuq lokomotivi u trejns. Ir-rekwiżiti minimi li jikkonċernaw is-saħħa medika u l-kwalifiki professjonali diġà jinsabu stipulati fit-TSI dwar l-operazzjoni u l-ġestjoni tat-traffiku. Madanakollu, minħabba li dik it-TSI hija implimentata permezz ta’ pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali, u sa ċertu punt tapplika biss għal servizzi transfruntieri, hemm ċertu inċertezza legali dwar l-implikazzjonijet li tali persunal jiġi aċċettat fil-proċess taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji, kif ukoll f'termini ta' mobbiltà bejn l-impriżi ferrovjarji. Din hija r-raġuni għaliex l-Aġenzija intalbet tħejji rapport dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' membri oħra tal-ekwipaġġ li jkunu qed iwettqu kompiti kritiċi għas-sikurezza.

Din il-Komunikazzjoni tqis ir-rapport[6] imħejji mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA), wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, li ntbagħat lill-Kummissjoni fl-2010. Qabel jadottaw din il-komunikazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni ddiskutew ir-riżultati tar-rapport tal-ERA mal-partijiet soċjali fil-kuntest tal-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali settorjali.

Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq membri oħra tal-ekwipaġġ għat-trejns tal-passiġġieri. Kompiti komuni relatati mal-merkanzija huma marbuta mat-tħejjija tat-trejns tal-merkanzija, aktar milli waqt il-vjaġġ tat-trejn. It-tħejjija tat-trejn mhux neċessarjament tkun teħtieġ li l-persunal jakkumpanja t-trejn.

2.           Qafas leġiżlattiv

Il-qafas leġiżlattiv applikabbli jinkludi fil-biċċa l-kbira:

· Id-Direttiva 2004/49/KE fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija, li tistabbilixxi approċċ komuni għas-sikurezza. Din id-Direttiva tipprovdi sistema ta’ ċertifikazzjoni ta' impriżi ferrovjarji, li fi ħdan is-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza, tinkludi r-responsabbiltà biex jiġi definit it-taħriġ tal-persunal u biex dan jitwettaq;

· Id-Direttiva 2008/57/KE dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja, li tistabbilixxi l-qafas għad-definizzjoni tar-rekwiżiti applikabbli għall-komponenti tas-sistema ferrovjarja fl-għamla ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabilità (TSIs). Dawn it-TSIs jinkludu wkoll rekwiżiti għall-persunal involut fit-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sistema ferrovjarja fl-għamla ta’ kwalifiki professjonali minimi u kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza.

3.           Is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-profili tax-xogħol u l-kompiti tal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi għas-sikurezza

3.1.        Ir-regolazzjoni tal-kompiti fis-servizzi tal-passiġġieri

Fir-rapport tagħha l-ERA, ġabret dejta dwar l-għadd ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ, ipprovduta minn diversi impriżi ferrovjarji fi 11-il Stat Membru. Permezz ta’ estrapolazzjoni, l-għadd ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ għat-trejns tal-passiġġieri huwa stmat li jlaħħaq l-70 000 fl-Ewropa, inkluż fl-Isvizzera u fin-Norveġja.

Mir-rapport tal-ERA jidher li kważi l-Istati Membri kollha[7] (20 minn 22) jirregolaw il-professjoni, għalkemm b’modi differenti u b’livelli differenti ta’ dettall. Madanakollu, skont id-Direttiva 2004/49/KE[8] fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (id-Direttiva fuq is-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija), id-deċiżjonijiet rigward il-mod li bih iridu jitwettqu l-kompiti għandhom jittieħdu fil-livell tal-impriża ferrovjarja.

14 mill-20 Stat Membru jirregolaw ukoll il-profili u l-kompiti fil-livell nazzjonali.

Analiżi tal-kompiti kollha tal-ekwipaġġ l-ieħor tat-trejns turi li:

· Ġew identifikati 59 kompitu bħala kompiti mwettqa minn membri oħra tal-ekwipaġġ fis-servizzi tal-passiġġieri, li 48 minnhom huma kompiti ta’ sikurezza operazzjonali u l-11 l-oħra huma kompiti kummerċjali tipiċi li jridu jitwettqu matul il-vjaġġ bit-trejn (spezzjoni tal-biljetti, avviżi għall-konsumatur, eċċ);

· 21 mit-48 kompitu ta’ sikurezza operazzjonali huma rregolati fl-14-il Stat Membru li jirregolaw il-kompiti fis-servizzi tal-passiġġieri fil-livell nazzjonali. Dawn il-21 kompitu ta’ sikurezza operazzjonali huma marbuta mill-qrib mal-Anness J tat-TSI OPE[9] dwar l-elementi minimi fir-rigward tal-kwalifika professjonali għall-kompiti assoċjati mal-akkumpanjament tat-trejns.

3.2.        Identifikazzjoni ta’ mudelli tal-profil fis-servizzi tal-passiġġieri

Ġew identifikati ħafna mill-profili tax-xogħol għal membri oħra tal-ekwipaġġ fis-servizzi tal-passiġġieri. Żewġ mudelli tal-profil (PP1 u PP2) ġew introdotti bħala l-kompiti komuni ewlenin ta' profili tax-xogħol differenti minn Stati Membri differenti; u huma ddettaljati fl-Anness. Għalkemm il-maġġoranza tal-kompiti assenjati huma simili fiż-żewġ mudelli tal-profil, id-differenza ewlenija bejn PP1 u PP2 tikkonċerna “it-tħejjija tat-trejns”. Filwaqt li PP1 jinkludi kważi l-kompiti kollha relatati mat-tħejjija tat-trejns, kompitu tat-tħejjija tat-trejns wieħed biss huwa assenjat lil PP2.

F’dawn iż-żewġ mudelli tal-profil, ġew identifikati kompiti kritiċi għas-sikurezza komuni bħal: il-proċedura tal-għeluq tal-bieb, it-tluq tat-trejn u l-evakwazzjoni tal-passiġġieri f'każ ta' sitwazzjonijiet degradati u ta' emerġenza. Ħafna mill-impriżi ferrovjarji implimentaw sistema ta’ ċertifikazzjoni għal PP1, iżda mhux għal PP2.

3.3.        Rekwiżiti bażiċi u ċertifikazzjoni

Mir-rapport tal-ERA jidher li r-rekwiżiti bażiċi għall-età minima, l-edukazzjoni, il-ħiliet lingwistiċi, il-verifiki mediċi u psikoloġiċi u l-kompetenzi professjonali meħtieġa biex wieħed isir membru tal-kategorija membri oħra tal-ekwipaġġ huma diġà simili ħafna mal-UE kollha. Dawn ir-rekwiżiti bażiċi huma kważi l-istess għaż-żewġ profili u diġà huma koperti minn TSI OPE, li, madanakollu bħalissa tikkonċerna biss it-traffiku transfruntieri.

Disa’ Stati Membri għandhom regoli vinkolanti dwar proċeduri għall-valutazzjoni ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ, għall-impriżi ferrovjarji. Fi 13-il Stat Membru hemm regolamenti nazzjonali li jmexxu d-dispożizzjonijiet ta’ taħriġ biex jiżguraw li l-għarfien u l-ħiliet għall-anqas jinżammu f'livell standard u biex jikkontrollaw il-livell ta' kompetenza. Għas-servizzi tal-passiġġieri, l-impriżi ferrovjarji ġeneralment jipprovdu taħriġ u eżamijiet interni. Il-kors tat-taħriġ ġeneralment idum bejn 4 u 16-il ġimgħa.

L-impriżi ferrovjarji żviluppaw proċeduri speċifiċi għas-servizzi tal-passiġġieri biex iżommu livell xieraq ta' ħiliet. Huma jorganizzaw korsijiet ta’ taħriġ regolari jew kontinwu f’intervalli varjabbli; fi 12 minnhom, ġew stabbiliti proċeduri ta' valutazzjoni intermittenti, li jvarjaw minn kull 3 xhur għal kull 3 snin.

L-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sikurezza diġà huma kapaċi jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti bażiċi minimi rigward l-ekwipaġġ l-ieħor tat-trejns permezz taċ-ċertifikazzjoni tas-Sistemi ta' Ġestjoni tas-Sikurezza tal-impriżi ferrovjarji skont l-Aness III il-Punt (e) tad-Direttiva 2004/49/KE.

3.4.        Mobbiltà tal-ħaddiema

Jekk membru tal-ekwipaġġ jibdel il-kumpanija li jaħdem magħha darba jew darbtejn tul il-karriera ta’ 35 sena tiegħu, l-għadd ta’ membri tal-ekwipaġġ li jibdlu l-kumpaniji jista' jkun bejn 2000 u 4000 fis-sena, peress li fl-Ewropa hemm madwar 70000 membri oħra tal-ekwipaġġ. Din iċ-ċifra ma tqisx il-fatt li l-persunal iħalli l-impjieg tiegħu biex jagħmel attivitajiet oħra, fis-settur ferrovjarju jew lil hinn minnu, jew li l-persunal jista’ jiġi ttrasferit meta kumpanija ġdida tieħu f’idejha l-persunal ta’ kumpanija preċedenti taħt kuntratt ġdid tal-Obbligi tas-Servizz Pubbliku.

Diversi impriżi ferrovjarji ma esperjenzawx mobbiltà tal-ħaddiema għaliex huma impriża ferrovjarja unika jew huma impriża ferrovjarja tal-gvern. Madanakollu, anke dawk li għandhom ftit esperjenza, jimponu korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ tal-kumpanija meta jirreklutaw membri ġodda minn impriżi ferrovjarji oħra. Ir-raġuni għal dan it-taħriġ supplimentari speċifiku hija d-differenza fil-vetturi ferrovjarji u l-infrastruttura. Jista’ jkun hemm ukoll proċeduri differenti f’impriżi ferrovjarji differenti.

Kumpaniji żgħar għandhom aktar esperjenza fil-mobbiltà tal-ħaddiema għaliex jimpjegaw membri tal-ekwipaġġ minn kumpaniji stabbiliti. Madanakollu, ma hemm xejn li juri li n-nuqqas ta' skema ta' ċertifikazzjoni għall-ekwipaġġ tat-trejns huwa ostaklu għall-mobbiltà u l-Kummissjoni għadha ma rċeviet l-ebda ilment rigward din il-kwistjoni.

3.5.        Omoġeneità fir-rigward ta’ kwalifikazzjonijiet professjonali

Hemm varjetà wiesgħa ta' profili tax-xogħol mal-Unjoni Ewropea kollha.

F’dan l-istadju, ma jkunx xieraq li dawn kollha jiġu armonizzati, għar-raġunijiet li ġejjin:

· Min-naħa, iż-żewġ kompiti tal-“għeluq tal-bieb” u t-“tluq tat-trejn (operazzjonijiet mitmuma)” huma proċeduri operazzjonali li jistgħu jvarjaw minn kumpanija għal oħra minħabba soluzzjonijiet tekniċi differenti. Għandhom jibqgħu fil-livell tal-kumpanija u ma għandhomx ikunu rregolati fil-livell tal-UE.

· Min-naħa l-oħra, il-kompiti komuni li baqa' huma kollha relatati mas-sikurezza tal-passiġġieri. Ġeneralment jiġu rregolati fil-livell nazzjonali u huma ddefiniti fil-livell tal-UE:

– protezzjoni tal-passiġġieri f’sitwazzjonijiet degradati u ta’ emerġenza;

– evakwazzjoni tal-passiġġieri f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Skont il-Punt 4.6 u l-Anness J dwar l-elementi minimi rilevanti għall-kwalifika professjonali għall-kompiti assoċjati mat-trejns ta' akkumpanjament tat-TSI OPE, il-persunal professjonali kollu għandu jkollu l-għarfien meħtieġ biex jikkontrolla operazzjonijiet degradati, evakwazzjonijiet tat-trejns u s-sikurezza tal-passiġġieri u l-ħila li dak l-għarfien jitqiegħed fil-prattika. Barra minn hekk, skont il-punt 4.6.1 dwar il-kompetenza speċifika għall-mini tal-ekwipaġġ tal-ferroviji u persunal ieħor tat-TSI SRT[10], “l-ekwipaġġ kollu tal-ferroviji għandu jkollu l-għarfien tal-imġiba xierqa rigward is-sikurezza f'mini u b'mod partikolari jkun kapaċi jevakwa ferrovija f'mina. Dan jinvolvi li wieħed jagħti struzzjonijiet lill-passiġġieri biex imorru fil-kabina li jmiss jew biex joħorġu mill-ferrovija, u li jiggwidahom 'il barra mill-ferrovija għal post sikur”.

Titjib tal-qafas attwali jkun jikkonsisti mid-dettaljar jew l-estensjoni tar-rekwiżiti għall-kompiti li jeżistu diġà fit-TSI OPE, sabiex l-Anness J ikopri l-kompiti kollha identifikati fil-mudelli tal-profil PP1 u PP2 ta' membri oħra tal-ekwipaġġ.

3.6.        Għarfien ta' kwalifiki professjonali

Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali ġenerlament ma jkunx irregolat fil-każ ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ fis-servizzi tal-passiġġieri. Tabilħaqq, ħames Stati Membri biss għandhom sistema ta’ ċertifikazzjoni kkontrollata minn regoli vinkolanti nazzjonali għat-trejns tal-passiġġieri. Kollha kemm huma jikkonċernaw PP1 u għal erbgħa minnhom jinħarġu ċertifikati mill-Awtorità Nazzjonali ta’ Sigurtà (ANS). Għall-ħames Stat Membru, iċ-ċertifikat jinħareġ mill-impriża ferrovjarja. Fir-rigward tas-servizzi tal-merkanzija hemm sistema ta’ ċertifikazzjoni f’ħames Stati Membri minn disgħa, u f’kollha kemm huma, l-ANS jew il-ministeru kompetenti huwa responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikati.

Din is-sitwazzjoni tidher li toħloq xkiel għaż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, peress li l-unika prekondizzjoni għal impriża ferrovjarja biex topera fi Stat Membru fil-qafas leġiżlattiv attwali jkun li jinkiseb ċertifikat ta' sikurezza (il-Parti A u l-Parti B). Madanakollu, l-Istati Membri jista’ jkollhom regoli nazzjonali rigward dan l-aspett, jekk għadu mhux kopert mit-TSIs, u, kif diġà ġie spjegat fit-Taqsima 3.3, it-TSI dwar l-operat u l-ġestjoni tat-traffiku huwa applikabbli biss għal servizzi transfruntieri sa fejn il-kwalifiki professjonali huma kkonċernati. F’dan l-isfond l-estensjoni tal-ambitu tat-TSI għas-servizzi domestiċi hija importanti u l-ERA għandha tingħata mandat biex tħejji rakkomandazzjoni għal dik l-estensjoni.

3.7.        Benefiċċji potenzjali għal sistema Ewropea li tixhed il-kompetenzi ta’ membri tal-ekwipaġġ b’kompiti kritiċi għas-sikurezza

L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva fuq is-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija (Id-Direttiva 2004/49/KE) diġà jipprovdi li “Meta jkunu impjegati sewwieqa ġodda tal-ferroviji, ħaddiema fuq il-ferroviji u ħaddiema li jwettqu xogħol importanti tas-sigurtà, l-impriżi tal-linji tal-ferrovija għandhom ikunu kapaċi li jieħdu inkonsiderazzjoni kwalunkwe taħriġ, kwalifiki jew esperjenza miksuba qabel minn impriżi oħra tal-linji tal-ferrovija. Għal dan il-għan, dawn il-membri mill-ħaddiema għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess, jiksbu kopji u jakkwistaw id-dokumenti kollha li jixhdu t-taħriġ, il-kwalifiki u l-esperjenzi tagħhom."

Għall-kompiti ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi għas-sikurezza, aktar armonizzazzjoni tista' tkun is-soluzzjoni biex il-mobbiltà tal-ħaddiema tiġi ffaċilitata mingħajr ma dan ikollu impatt negattiv fuq il-livell tas-sikurezza. Il-mira għandha tkun li impriża ferrovjarja li timpjega membri oħra tal-ekwipaġġ għandha tkun kapaċi tqis il-kompetenzi li nkisbu aktar kmieni waqt kompiti kritiċi għas-sikurezza u għandha tillimita t-taħriġ addizzjonali kemm jista' jkun possibbli bi prezz aktar baxx. Skema komuni fil-livell Ewropew għandha tippermetti l-ksib ta’ din il-mira.

L-enfasi għandha ssir fuq kompiti ferrovjarji spefiċi, bħall-assistenza għall-passiġġieri f’sitwazzjonijiet degradati u ta’ emerġenza. Bil-ftuħ tas-suq ta’ servizzi internazzjonali tal-passiġġieri fl-1 ta’ Jannar 2010, ikun loġiku li l-kompetenza li tinkiseb minn membri oħra tal-ekwipaġġ rigward il-protezzjoni u l-evakwazzjoni tal-passiġġieri f'sitwazzjonijiet degradati u ta' emerġenza tkun l-istess fil-kumpaniji tal-Unjoni Ewropea kollha. Dan għandu jiffaċilita fehim komuni f’aspetti operazzjonali u jkollu valur miżjud għas-sikurezza tal-passiġġieri. Jista’ jkollu wkoll impatt pożittiv fuq il-mobbiltà tal-ħaddiema. Dawn il-kompiti komuni huma ġeneralment dawk elenkati fl-Anness J, il-punt 3 tat-TSI OPE.

Tali għan isir aktar importanti bil-ftuħ tas-suq domestiku għall-passiġġieri propost fil-kuntest tar-raba’ pakkett ferrovjarju.

Min-naħa l-oħra, il-kompiti li huma relatati mal-proċeduri u dipendenti fuq vetturi ferrovjarji, bħall-għeluq tal-bibien, li jistgħu jvarjaw minn kumpanija għall-oħra (minħabba soluzzjonijiet tekniċi differenti) ma għandhomx jitqiesu. Membru tal-ekwipaġġ li jiċċaqlaq għal impriża ferrovjarja differenti, ikun tabilħaqq jeħtieġ taħriġ speċifiku fil-proċeduri ta’ dik l-impriża ferrovjarja u l-vetturi ferrovjarji tagħha.

4.           Attestazzjoni skont il-kompiti ta’ taħriġ dwar ir-riskji u l-għajnuna lill-passiġġieri mogħtija mill-impriża ferrovjarja

Bil-għan li tiġi rikonoxxuta l-kompetenza li tinkiseb minn membru tal-ekwipaġġ biex jagħti l-għajnuna u biex jiżgura s-sikurezza tal-passiġġieri f’każ ta’ sitwazzjonijiet degradati jew ta’ emerġenza, il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa attestazzjoni fuq livell Ewropew tal-kompiti ta' taħriġ dwar ir-riskji u l-għajnuna lill-passiġġieri mogħtija mill-impriża ferrovjarja lid-detentur tal-impjieg, f’konformita mar-rekwiżiti bażiċi minimi kollha li jikkonċernaw il-membri l-oħra tal-ekwipaġġ mit-TSI OPE.

L-għotja ta’ dawn l-attestazzjonijiet għandha tkun ir-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji li jimpjegaw jew jikkuntrattaw l-impjegati, u għandha tkun ibbażata fuq sistema ta' żewġ livelli, li tuża rekwiżiti minimi stabbiliti fil-livell tal-UE u rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fil-livell tal-kumpanija. Dan it-taħriġ jista' jiġi pprovdut ukoll minn ċentru tat-taħriġ li ma jkunx tal-impriża ferrovjarja, iżda l-attestazzjoni għandha tingħata mill-impriża ferrovjarja taħt ir-responsabbiltà tagħha.

Il-proċess ta’ attestazzjoni għandu jiġi żviluppat madwar erba’ punti importanti:

· L-impriżi ferrovjarji għandhom jorganizzaw sessjonijiet ta' taħriġ dwar ir-riskji ferrovjarji tat-tħaddim relatati mas-sikurezza tal-passiġġieri u l-assistenza għall-passiġġieri. It-taħriġ ikun kopert mis-Sistema tal-Ġestjoni tas-Sikurezza (SMS) tal-impriżi ferrovjarji u bbażat fuq ir-rekwiżiti speċifikati b’mod ċar fl-OPE TSIs.

· Fi tmiem il-kors ta’ taħriġ, l-impriżi ferrovjarji għandhom jagħtu lill-membri l-oħra tal-ekwipaġġ “attestazzjoni tar-riskji u t-taħriġ għall-assistenza tal-passiġġieri”, ipprovdut taħt is-Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza tagħhom. Dan għandu jkopri wkoll il-ħiliet armonizzati pprovduti fit-TSI OPE bħala minimu u għandu jsemmi wkoll kwalunkwe ħila addizzjonali miksuba matul il-kors ta' taħriġ.

· Din l-attestazzjoni għandha tkun valida madwar l-Unjoni Ewropea u għandha tittieħed inkonsiderazzjoni mill-impriżi ferrovjarji meta jirreklutaw il-persunal.

· L-attestazzjoni li tingħata lid-detenturi tal-impjiegi (membri oħra tal-ekwipaġġ) issir tagħhom. Huma jkollhom l-opportunità li jużaw din l-attestazzjoni għal darb’oħra jekk ikunu jixtiequ jbiddlu l-kumpanija.

Din l-iskema ta’ attestazzjoni ma timponix taħriġ addizzjonali, ħlief dak li bħalissa huwa meħtieġ fil-qafas tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza u li diġà ġie ddefinit fit-TSI OPE.

Il-kwistjoni tal-attestazzjoni għandha tibqa' fil-livell tal-kumpanija għal raġunijiet amministrattivi u ekonomiċi, biex jiġu evitati kosti addizzjonali għall-impriżi ferrovjarji kif ukoll kompiti addizzjonali kbar għall-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sigurtà.

Il-format u l-kontenut tal-attestazzjoni, sa ċertu punt jistgħu jsegwu r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 36/2010/KE għaċ-ċertifikati komplimentari għas-sewwieqa tat-trejns, adattati għal dan il-għan speċifiku.

L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva fuq is-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija diġà jipprovdi bażi legali għal din l-attestazzjoni; fejn xieraq il-Kummissjoni se tipproponi modifika minuri tal-Anness III sabiex tiċċara dan l-aspett. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi aġġornament għat-TSI OPE biex tispeċifika l-ambitu tal-attestazzjoni tat-taħriġ u t-TSI OPE.

Kompiti addizzjonali (kemm jekk relatati mas-sikurezza u kemm jekk le) u rekwiżiti addizzjonali rigward il-kwalifiki professjonali jistgħu jkunu previsti fil-livell tal-kumpanija mingħajr ma jimpedixxu l-mobbiltà tal-ħaddiema.

Ir-rikonoxximent tal-kompetenza tal-membri tal-ekwipaġġ fil-livell tal-UE ikollu valur miżjud għas-sikurezza tal-passiġġieri u jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-mobbiltà tal-ħaddiema, waqt li jnaqqas l-ispejjeż ta’ taħriġ żejjed għall-impriżi ferrovjarji.

Ir-rappreżentanti tal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura (CER u EIM) jqisu li l-leġiżlazzjoni eżistenti diġà tipprovdi r-rekwiżiti meħtieġa kollha u li sistema taċ-ċertifikazzjoni jew tal-liċenzjar għal membri oħra tal-ekwipaġġ ma għandhiex iġġib xi element utli ġdid li mhux fost dawk li diġà huma ddefiniti, iżda tista’ tinvolvi wkoll spejjeż kbar. Min-naħa l-oħra, l-ETF, il-Fondazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport titlob skema Ewropea ta' ċertifikazzjoni għal persunal abbord, inkluż liċenzja mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u ċertifikat komplementari mogħti mill-impriża ferrovjarja.

5.           Regolament mill-Istati Membri dwar kompiti kritiċi għas-sikurezza mwettqa minn membri oħra tal-ekwipaġġ

Kif issemma fit-Taqsima 2.1, ħafna Stati Membri iddefinixxew regoli vinkolanti nazzjonali biex jikkontrollaw il-professjoni b’modi differenti u bi gradi differenti ta’ dettall.

Dawk ir-regoli vinkolanti nazzjonali, li ġew stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali jew li ġew trasferiti mill-kumpanija nazzjonali għal-livell nazzjonali, jridu jiġu applikati mill-impriżi ferrovjarji kollha li joperaw f'dawk l-Istati Membri.

B’mod ġenerali, dawn ir-regolamenti jidhru li mhumiex konformi sal-aħħar mal-leġiżlazzjoni Ewropea għal tliet raġunijiet:

· Mhumiex konformi sal-aħħar mat-TSI OPE, li tistipula x'għandu jsir, minħabba li ċerti Stati Membri jippreskrivu kif dan għandu jsir.

· Ir-regolamenti fil-livell nazzjonali jidher li qed ifixklu n-negozju u b’mod partikolari il-mobbiltà tal-ħaddiema. Barra minn hekk, dawk ir-regoli tal-kumpaniji (regoli indiretti) li jsiru regoli vinkolanti nazzjonali jagħtu lill-impriżi ferrovjarji storiċi vantaġġ kompetittiv ċar.

· Meta awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu proċeduri operazzjonali dettaljati, huma jieħdu taħt idejhom responsabbiltajiet li għandhom jaqgħu taħt l-impriżi ferrovjarji u l-amministratturi tal-infrastruttura. Ir-regolament dettaljat ta’ kompiti fil-livell nazzjonali jista’ jillimita r-responsabbiltajiet tal-impriżi ferrovjarji u jista’ jkun f’kontradizzjoni mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva fuq is-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija.

Sakemm ma jkunx hemm xi aspett partikolari ta’ netwerk li jkun jeħtieġ regoli speċifiċi, ir-regoli relatati mal-mod li bih il-kompiti għandhom jitwettqu, għandhom isiru fil-livell tal-impriżi ferrovjarji u mhux fil-livell nazzjonali. Tabilħaqq, anke jekk il-proċeduri jinbidlu minn impriża ferrovjarja waħda għal oħra, l-importanti huwa li l-kompitu jitwettaq.

Konsegwentement, il-Kummissjoni beħsiebha ssaqsi lill-Istati Membri biex jirrevedu dawk il-proċeduri tar-regolamenti nazzjonali tagħhom li jeħtieġ ikunu konformi mat-TSI OPE. Dan se jsir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fuq is-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija u l-analiżi tar-regoli nazzjonali tas-sikurezza li bħalissa qed titwettaq mill-ERA.

6.           Konklużjoni: Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se titlob lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea biex tiżviluppa d-dispożizzjonijiet meħtieġa tal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ għal attestazzjoni li tenfasizza fuq il-kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-passiġġieri. L-Aġenzija se tidentifika l-kompiti komuni kritiċi għas-sikurezza ta' membri oħra tal-ekwipaġġ mhux relatati mad-disinn tal-vetturi/vetturi ferrovjarji u se tiddefinixxi l-kontenut tal-attestazzjoni tat-taħriġ u l-ambitu tal-Anness J tat-TSI OPE. L-Aġenzija se tiżviluppa mudell ta’ taħriġ ta’ attestazzjoni f’kompiti kritiċi għas-sikurezza, li għandu jingħata lid-detentur tal-impjieg. Emenda fl-Anness III tad-Direttiva fuq is-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija se tagħmel dispożizzjoni sabiex dan il-proċess ta’ attestazzjoni jsir parti mis-Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Impriża Ferrovjarja.

Il-ħtieġa ta’ din l-iskema ta’ attestazzjoni tissaħħaħ bil-ftuħ tas-suq domestiku tal-passiġġieri propost fir-raba’ pakkett ferrovjarju.

Il-Kummissjoni se titlob lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea biex fl-analiżi tagħha tar-regoli Nazzjonali tas-Sikurezza tinkludi kapitolu speċifiku dwar ir-regoli vinkolanti nazzjonali relatat mal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ u sa fejn imorru lil hinn mill-ambitu tagħhom. Jekk dawn ir-regoli ma jkunux kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri xierqa biex tassigura l-applikazzjoni korretta tagħhom.

Membri oħra tal-ekwipaġġ jiffurmaw grupp professjonali li għandu rwol importanti għal sistema ferrovjarja sikura fir-rigward tas-sikurezza operazzjonali u s-sikurezza u s-sigurtà tal-passiġġieri. Il-Kummissjoni temmen li l-proposti tagħha se jsaħħu l-prestazzjonijiet tas-sikurezza u jtejbu l-kwalità ta’ din il-professjoni ferrovjarja importanti kif ukoll jappoġġjaw il-mobbiltà tal-ħaddiema tagħha.

ANNESS Deskrizzjoni tal-kompiti ewlenin fil-mudelli tal-profil (PP)

B’kollox, 17-il kompitu huma assenjati lil PP1 u kkontrollati f'mill-anqas 50 % tal-11-il Stat Membru fejn jeżisti l-PP1. Dawn il-kompiti huma:

· Ivverifika l-kompożizzjoni tat-trejn:

– “Ivverifika l-kompożizzjoni tat-trejn:”

– “Ivverifika d-dokument/id-dokumentazzjoni tal-kompożizzjoni tat-trejn”

· Verifiki u testijiet qabel it-tluq:

– “L-istatus tal-brejkijiet/is-sistema tal-brejkijiet”

– “Sinjali tat-trejn f’posthom”

· It-tluq tat-trejn minn kwalunkwe stazzjon:

– "Għeluq tal-bieb”

– “Tluq tat-trejn (operazzjonijiet mitmuma)”

· Il-vjaġġ tat-trejn:

– “Brejk ta’ emerġenza – Erġa’ ssettja wara l-użu u rrapporta lis-sewwieq”

– “Komunikazzjoni abbord (b’mod partikolari is-sikurezza tal-passiġġieri)”

· Operazzjoni f'modalità degradata:

– “Protezzjoni tal-passiġġieri”

– “Tluq tat-trejn”

– “Rappurtar ta’ kwalunkwe okkorrenzi mhux normali”

· Operazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza:

– “Deċiżjoni dwar il-waqfien tat-trejn”

– “Protezzjoni tal-passiġġieri”

– “Evakwazzjoni tal-passiġġieri”

– “Tluq tat-trejn -operazzjonijiet mitmuma-”

– “Tinforma/tikkomunika mas-sewwieq”

– “Tinforma/tikkomunika mal-impriża ferrovjarja”

Rigward PP2, ħames kompiti biss huma assenjati lil PP2 u kkontrollati f'mill-anqas 50 % tas-sitt Stati Membri fejn jeżisti PP2. Dawn il-kompiti huma:

· It-tluq tat-trejn minn kwalunkwe stazzjon:

– "Għeluq tal-bieb”

– “Tluq tat-trejn (operazzjonijiet mitmuma)”

· Operazzjoni f'modalità degradata:

– “Protezzjoni tal-passiġġieri”

· Operazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza:

– “Protezzjoni tal-passiġġieri”

– “Evakwazzjoni tal-passiġġieri”

Il-kompitu tal-immanuvrar ('shunting') huwa assenjat b'modi differenti fl-Istati Membri u mhuwiex meqjus f'dawn il-mudelli tal-profil.

[1]               ĠU L315 3.12.2007.

[2]               ĠU L8 13.1.2010.

[3]               ĠU L13 19.1.2010.

[4]               ĠU L314 29.11.2011.

[5]               ĠU L314 29.11.2011.

[6]               Rapport dwar il-profil u x-xogħol tal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ li qed iwettqu kompiti kritiċi għas-sikurezza skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2007/59/KE. Ref tal-Unità tal-Interoperabilità ERA/REP/14-2010/INT tas-27 ta’ Settembru 2010. Mhux ippubblikat

[7]               Id-dejta minn ċerti Stati Membri ma kinitx biżżejjed biex tiġi meqjusa. L-informazzjoni min-Norveġja hija inkluża.

[8]               ĠU L220 21.6.2004.

[9]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Awwissu 2006 dwar l-Ispeċifikazzjoni Teknika għall-Interoperabilità rigward is-subsistema tat-Tħaddim u l-Ġestjoni tat-Traffiku tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (innotifikata taħt id-dokument numru C(2006) 3593) kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/640/UE, id-Deċiżjoni 2009/107/KE u d-Deċiżjonijiet 2008/231/KE, ĠU L 359, 18.12.2006.

[10]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2007 rigward l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabilità rigward is-“sikurezza fil-mini tal-ferroviji” fis-sistema ferrovjarja ta’ veloċità għolja (notifikata skont id-dokument C(2007)6450), ĠU L64 tas-7 Marzu 2008.

Top