EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5439

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv COM(2013) 401 final

OJ C 170, 5.6.2014, p. 68–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv

COM(2013) 401 final

2014/C 170/11

Relatur: is-Sur von FÜRSTENWERTH

Nhar il-11 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv

COM(2013) 401 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Novembru 2013.

Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru (seduta tal-10 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'161 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ilu aktar minn għoxrin sena jitlob strumenti ta' rimedju kollettiv fil-livell tal-UE li jipprovdu protezzjoni legali effettiva meta jinkisru d-drittijiet kollettivi. Il-miżuri ta' rimedju kollettiv għandhom ikopru l-oqsma kollha li fihom il-liġi tal-UE tħares id-drittijiet taċ-ċittadini filwaqt li fl-istess ħin iqisu t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri.

1.2

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar ħadet l-inizjattiva li titlob lill-Istati Membri jintroduċu sistemi nazzjonali ta' rimedju kollettiv ibbażati fuq prinċipji komuni Ewropej. Din l-inizjattiva ilha mistennija żmien twil. L-istrumenti ta' rimedju kollettiv huma fl-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll dawk l-intrapriżi li jwettqu l-attività tagħhom b'mod ġust u konformi mal-liġi. Huma jħarsu l-ekonomija minn kompetizzjoni inġusta u jsaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-ekonomija.

1.3

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ressqitx proposta għal direttiva. Sempliċi Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni mhumiex biżżejjed biex jiżguraw l-implimentazzjoni uniformi meħtieġa fl-Istati Membri. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni għalhekk tressaq proposta għal direttiva. Ir-rimedju kollettiv huwa l-uniku proċedura li tista' tiżgura rimedju effettiv b'mod komprensiv fl-Unjoni Ewropea.

1.4

Il-KESE jagħraf l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni biex tipprovdi approċċ bilanċjat li jiżgura d-drittijiet proċedurali fundamentali tal-partijiet u jimpedixxi l-abbuż. Il-KESE jappoġġja wkoll ix-xewqa tal-Kummissjoni li tistabbilixxi azzjonijiet kollettivi kemm inġuntivi kif ukoll kumpensatorji. Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-estensjoni tat-tipi ta' azzjoni possibbli.

1.5

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tirrifjuta l-“class actions” ibbażati fuq il-mudell Amerikan. Ir-rimedju kollettiv fil-liġi Ewropea m'għandux jieħu l-forma ta' “class action” abbażi tal-mudell Amerikan. Is-salvagwardji tal-Kummissjoni kontra dan huma suffiċjenti u adattati. Il-ħlasijiet ta' kontinġenza (contingency fees) tal-avukati li joħolqu inċentiv għal-litigazzjoni u d-danni punittivi, huma bir-raġun rifjutati. Ir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni tal-atturi u l-ħlas tal-ispejjeż għandhom jiġu rivedui fid-dawl tal-aspett tal-aċċess għall-ġustizzja.

1.6

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-individwi għandu jkollhom id-dritt li jingħaqdu f'azzjonijiet kollettivi abbażi ta' proċedura opt-in. Madanakollu l-KESE jara wkoll każijiet fejn proċedura opt-out ikollha l-vantaġġi tagħha. B'mod partikolari fil-każ ta' numru kbir ta' partijiet li jkunu ġarrbu dannu żgħir ħafna jkun jagħmel sens li l-azzjoni tiġi estiża għall-partijiet kollha li potenzjalment ġarrbu dannu. Mhux ċar jekk il-Kummissjoni f'dawn il-każijiet tikkunsidrax il-proċedura opt-out bħala għażla legalment possibbli. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni għalhekk tippreċiża dan fil-proposta tagħha. Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll reġistru ċentrali Ewropew tal-azzjonijiet li jipprovdi l-informazzjoni lill-atturi potenzjali.

1.7

Il-KESE minn dejjem enfasizza l-potenzjal ta' riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti. Il-KESE jilqa' għalhekk l-approċċ li għażlet il-Kummissjoni li tipprevedi din il-proċedura bħala strumenti kumplementari li jistgħu jagħżlu li jużaw il-partijiet u tagħti lill-imħallef il-kompitu li jippromovi r-riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li fejn jidħol kunflitt għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-azzjonijiet kollettivi ta' rimedju. Jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tar-rimedju kollettiv jiġu kkompletati. Ir-risjku finanzjarju tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ għandu jkun ċar. Dwar dan jeżistu regolamenti fl-Istati Membri.

2.   Sinteżi tal-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

2.1

Fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tiġbor flimkien il-konklużjonijiet tal-eżerċizzju ta' konsultazzjoni li sar fl-2011 intitolat “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għal Rimedju Kollettiv” (1). Barra minn hekk hija tagħti l-pożizzjoni tagħha dwar kwistjonijiet ċentrali fil-qasam tar-rimedju kollettiv. Fir-Rakkomandazzjoni (2) li ġiet ippubblikata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri li jintroduċu sistemi nazzjonali għar-rimedju kollettiv ibbażati fuq prinċipji komuni Ewropej. L-Istati Membri huma mistennija jinkorporaw dawn il-prinċipji fis-sistemi nazzjonali tagħhom fi żmien sentejn. Wara erba' snin, il-Kummissjoni ser tevalwa jekk għandhiex tipproponi iktar miżuri leġislattivi.

2.2

F'oqsma fejn il-liġi tal-UE tiggarantixxi d-drittijiet tal-individwi u n-negozji għandu jkun hemm proċeduri nazzjonali ta' rimedju. Il-Kummissjoni tixtieq ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja iżda fl-istess waqt timpedixxi l-litigazzjoni abbużiva permezz tal-miżuri adattati.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena u iktar ta' dibattitu ferm kontroversjali l-KESE dejjem wera li kien favur strumenti ta' rimejdu kollettiv fil-livell tal-UE bħala l-uniku garanzija ta' protezzjoni legali effettiva fil-każ ta' ksur tad-drittijiet kollettivi (3). L-aċċess effettiv għall-ġustizzja huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini stabbilit fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali. Il-proċeduri kollettivi tal-infurzar tal-liġi huma neċessarji kemm għaċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll għall-SMEs fil-każ ta' danni tal-massa u mifruxa fejn jista' jkun li r-riskju tal-ispiża ma jkunx proporzjonat mad-danni mġarrba. Dawn ikopru bosta oqsma: il-ħarsien tal-konsumatur, il-kompetizzjoni, il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tad-data. Huwa b'dan il-mod biss li jista' jiġi infurzat id-dritt stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

3.2

F'dan il-kuntest il-KESE jilqa' l-inizjattivi li ddeċidiet li tieħu l-Kummisjoni minkejja li kien jippreferi azzjoni ħafna iktar rapida, bikrija u, f'dak li jirrigwarda l-għażla tal-istrument legali, azzjoni iktar immirata. Il-kwistjoni tar-rimedju ġudizzjarju kollettiv ilha tiġi diskussa fil-livell Ewropew sa mill-1985, u għalhekk issa wasal verament iż-żmien li jittieħdu d-deċiżjonijiet (4).

3.3

Il-KESE jinnota b'dispjaċir li l-Kummissjoni għażlet l-istrument ta' Direttiva biss għall-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni (5). Il-KESE dejjem saħaq li rakkomandazzjoni mhix l-istrument adattat biex jiggarantixxi l-implimentazzjoni effettiva u uniformi li hemm bżonn fl-Istati Membri (6). Billi l-proċeduri fl-Istati Membri jvarjaw ħafna bejniethom, direttiva biss tista' tiżgura bażi tajba ta' armonizzazzjoni filwaqt li fl-istess ħin tagħti lill-Istati Membri biżżejjed flessibbiltà biex jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi legali tagħhom. Il-KESE jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tressaq proposta għal direttiva.

3.4

Huwa pożittiv li l-Kummissjoni tadotta approċċ orizzontali. Il-KESE diġà nnota li oqsma ta' politika bħall-ħarsien tal-konsumatur, is-suq intern u l-politika tal-kompetizzjoni huma marbuta flimkien mill-qrib (7). L-inizjattivi li jagħtu aċċess iktar faċli għall-mezzi ta' rimedju għandhom ikunu koordinati tajjeb bejniethom sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-leġislazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-KESE huwa kuntent li l-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjoni u l-proposta għal Direttiva fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni bħala pakkett uniku (8).

3.5

Il-KESE jagħraf l-approċċ bilanċjat tal-Kummissjoni li filwaqt li fid-dawl tat-tradizzjonijiet legali differenti jiżgura d-drittijiet proċedurali fundamentali tal-partijiet u fl-istess waqt jimpedixxi l-litigazzjoni abbużiva.

3.6

Il-KESE dejjem ħeġġeġ protezzjoni effettiva minn prattiki abbużivi. Huwa jilqa' għalhekk b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni tirrifjuta l-“class actions” ibbażati fuq il-mudell Amerikan. Il-Kumitat dejjem enfasizza li r-rimedju kollettiv fil-liġi Ewropea m'għandux jieħu l-forma ta' “class action” abbażi tal-mudell Amerikan (9). Huwa għalhekk li dejjem insista wkoll li għandhom jiġu evitati l-ħlasijiet ta' kontinġenza u dispożizzjonijiet li jinkludu inċentivi ekonomiċi għat-tielet partijiet (10). Dawn it-talbiet miġbura f'dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

3.7

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-azzjonijiet kollettivi ta' kumpens għandhom jimmiraw li jikkumpensaw dannu li ngħatat prova li ġie kkawżat minn ksur tal-liġi tal-Unjoni. Il-funzjonijiet ta' piena u deterrent għandhom jiġu eżerċitati mill-awtoritajiet pubbliċi.

3.8

Il-KESE jiddispjaċih madanakollu li l-Kummissjoni ma ressqitx proposti speċifiċi fir-rigward tal-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli. Għalhekk jista' jiġri li fil-każ ta' azzjonijiet transkonfinali l-qrati japplikaw regoli differenti ta' kumpens. Barra minn hekk, il-kompetenzi paralleli u l-periklu ta' forum-shopping mhumiex esklużi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Azzjonijiet inġuntivi u kumpensatorji

4.1.1

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-proposti jkopru kemm azzjonijiet inġuntivi kif ukoll kumpensatorji f'sitwazzjonijiet ta' dannu tal-massa . B'rabta ma' dan, huwa pożittiv li jidher ċar li l-approċċ tal-Kummissjoni japplika għat-tilwimiet li jinvolvu ammonti żgħar u dawk b'ammonti kbar.

4.1.2

Irrispettivament minn dan, mill-perspettiva tal-ħarsien tal- tal-konsumatur jista' jkun utli wkoll li terġa' tiġi kkunsidrata r-restrizzjoni fuq l-azzjonijiet inġuntivi u kumpensatorji. Jista' jagħmel sens li jkun hemm aktar elementi kollettivi ta' protezzjoni legali għal sitwazzjonijiet fejn zewġ persuni jew iktar jintlaqtu minn mill-istess ksur tal-liġi tal-UE. Dan jista' jkun rilevanti pereżempju għal digrieti dikjaratorji, annulamenti minħabba żbalji jew talbiet marbutin mal-garanziji. Dan għandu jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni.

4.2   Ir-rwol tal-qorti

4.2.1

Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu l-KESE enfasizza r-rwol ċentrali tal-imħallfin fil-proċeduri ta' rimedju kollettiv (11). Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qieset dawn l-elementi. L-evalwazzjoni bikrija min-naħa tal-imħallef ta' jekk hux ċar li azzjoni mhix ġustifikata hi protezzjoni importanti kontra l-abbuż mill-azzjonijiet kompensatorji kollettivi.

4.2.2

Fejn l-awtoritajiet ikollhom is-setgħa li jiddeterminaw ksur tal-liġi tal-UE, l-azzjoni privata għandha tkun tista' titressaq mhux biss wara li tkun intemmet din il-proċedura. Jekk il-proċedura tieħu ħafna ħin, jista' jkun li ma tingħatax protezzjoni legali. F'dan il-każ, ir-rwol tal-imħallef jista' jissaħħaħ pereżempju billi jkun jista' jissospendi l-proċedura.

4.3

Locus Standi. Sabiex tiġi evitata l-litigazzjoni abbużiva, għandhom jiġu stabbiliti kriterji ċari ħafna dwar il-locus standi tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi. Il-KESE jilqa' għalhekk ir-rekwiżiti minimi li stabbiliet il-Kummissjoni għall-organizzazzjonijiet li jixtiequ jirrappreżentaw lil min ġarrab id-dannu. Huwa ġust li dawn m'għandux ikollhom skop ta' qligħ u li m'għandhomx jinqalgħu kunflitti ta' interess. Huwa eżaġerat u mhux aċċettabbli li dawn ir-rekwiżiti minimi jinkludu d-disponibbiltà ta' biżżejjed riżorsi finanzjarji u personali u għarfien espert legali. Dan iqajjem il-kwistjoni ta' liema kriterji ser jintużaw biex tittieħed deċiżjoni dwar dan fil-każijiet individwali. Hemm bżonn li ssir riflessjoni fil-fond dwar dan. Il-proċeduri leġislattivi ġodda fl-Istati Membri jistgħu jipprovdu momentum tajjeb f'dan ir-rigward.

4.4

Rimedju effettiv għad-danni. Huwa importanti ħafna li l-parti li ġarrbet il-ħsara tirċievi rimedju sħiħ għad-danni li sofriet (12). Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu dan il-prinċipju B'rabta ma' dan nilqgħu l-fatt li mhumiex permessi ħlasijiet ta' kontinġenza għall-avukati li jitħallsu mir-rimejdu tar-rikorrent (13).

4.5   Proċedura opt-in jew opt-out

4.5.1

Fl-Opinjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2008, il-KESE eżamina fid-dettall il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-proċeduri opt-in u opt-out (14). F'din l-Opinjoni u oħrajn warajha huwa wera preferenza għal sistema mħallta li tiġbor flimien il-vantaġġi taż-żewġ proċeduri (15).

4.5.2

L-individwi għandu jkollhom id-dritt li jagħżlu li jingħaqdu f'azzjonijiet kollettivi (opt-in) minflok ma wieħed jassumi li huma jagħmlu parti minn azzjoni sakemm ma jiddeċidux mod ieħor (opt-out) (16). Madanakollu l-KESE jara wkoll każijiet fejn proċedura opt-out ikollha l-vantaġġi tagħha. B'mod partikolari fil-każ ta' numru kbir ta' partijiet li jkunu ġarrbu dannu żgħir ħafna jkun jagħmel sens li l-azzjoni tiġi estiża għall-partijiet kollha li potenzjalment ġarrbu dannu. (17)

4.5.3

F'dawn il-każijiet ir-rikorrent għandu jkun organizzazzjoni rappreżentattiva kwalifikata skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

4.5.4

Mhux ċar jekk il-Kummissjoni f'dawn il-każijiet tikkunsidrax il-proċedura opt-out bħala għażla legalment possibbli. Minflok, il-Kummissjoni tgħid sempliċiment b'mod ġenerali li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju opt-in jistgħu jsiru biss (biss) għal raġunijiet ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Madanakollu hija ma tispjegax eżatt meta jkun hemm dawn ir-raġunijiet. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni għalhekk tippreċiża dan fil-proposta tagħha (18).

4.6

Informazzjoni dwar azzjoni kollettiva. Il-KESE jiddispaċih li r-rakkomandazzjoni ma tipprevedix reġistru elettroniku tal-azzjonijiet fil-livell Ewropew li jinforma u jinkludi lill-atturi potenzjali. Reġistru bħal dan, li jkun jista' jiġu kkonsultat minn dawk kollha li ġarrbu danni fl-Unjoni Ewropea, jista' jiġi ġestit b'mod effiċjenti u rħis (19) u jkun ta' għajuna għaċ-ċittadini u l-intapriżi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

4.7

Mekkaniżmi kollettivi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim Il-mekkaniżmi kollettivi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim jistgħu jkunu strumenti addizzjonali tajbin fil-qasam tas-soluzzjoni ta' tilwim (20). Il-KESE minn dejjem enfasizza l-potenzjal ta' riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti (21). Għalhekk il-KESE jilqa' l-approċċ li għażlet il-Kummissjoni li tipprevedi din il-proċedura bħala strument kumplementari li jistgħu jagħżlu li jużaw il-partijiet. Huwa essenzjali li l-limiti jew perjodi stabbiliti ma japplikawx waqt li jkunu għaddejjin il-proċeduri ta' soluzzjoni ta' tilwim barra l-qorti. Il-Kummissjoni għandha tiċċara dan, bħal fil-każ tal-azzjonijiet kollettivi ta' segwitu (ara punt 4.8).

4.8

Azzjonijiet kollettivi ta' segwitu Fl-oqsma fejn japplika l-infurzar pubbliku tal-liġi, bħal-liġi tal-kompetizzjoni, jeħtieġ li tiġi garantita implimentazzjoni effettiva mill-awtoritajiet u fl-istess waqt jiġu faċilitati t-talbiet għal rimedju tal-vittmi ta' ksur tal-liġi tal-Unjoni (22). Il-proposta tal-Kummissjoni dwar dan hija bilanċjata billi ma japplikawx limiti jew perjodi stabbiliti għal dawk li ġarrbu ħsara qabel ma jintemmu l-proċeduri amministrattivi.

4.9   Il-finanzjament tar-rimedju kollettiv

4.9.1

L-azzjonijiet kompensatorji ġustifikati għandhom ikunu possibbli mingħajr ma jiġu limitati mill-ispejjeż kbar tal-proċedura. Il-KESE, għalhekk, jilqa' t-talba li għamlet il-Kummissjoni lill-Istati Membri li l-proċeduri tar-rimedju kollettiv ma jkunux għaljin iżżejjed.

4.9.2

Il-Kummissjoni għandha mandanakollu tippreċiża aktar ir-riflessjoni tagħha dwar dan. L-ispejjeż tal-proċedura u tal-avukati jistgħu jkunu ostaklu insormontabbli għall-organizzazzjonijiet rappreżentattivi mingħajr skop ta' qligħ. Dan b'mod partikolari jekk fil-każ li jitilfu jispiċċaw bl-ispejjeż tal-esperti li tant ikun kbar li jikkompromettu l-eżistenza tal-istess organizzazzjonijiet. Għalhekk jeħtieġ li titqies il-possibbiltà li, kif jiġri fil-liġijiet tax-xogħol u soċjali ta' ċerti Stati Membri, l-ispejjeż proċedurali jkunu limitati għal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ bħal dawn. F'każijiet ta' arrikkiment, jeżistu raġunijiet sodi favur li titqies sistema li tippermetti li l-profitti jmorru għand l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

4.9.3

Il-Kumitat jappoġġja wkoll id-deċiżjoni li f'ċerti kundizzjonijiet jiġi awtorizzat il-finanzjament minn partijiet terzi. Il-kundizzjonijiet li ssemmi l-Kummissjoni, bħat-trasparenza dwar l-oriġini tal-fondi, huma adegwati u suffiċjenti għall-prevenzjoni tal-litigazzjoni abbużiva.

Brussell, 10 ta' Diċembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2010) 135 final, 31.3.2010.

(2)  Prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv ta' inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni ĠU L 201, 26.7.2013, p. 60.

(3)  Ara ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97ĠU C 181, 21.6.2012, p. 89, Punt 3.30.

(4)  Dwar dan ara ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1, punt 3.6 ff., punt 7 ff., ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97.

(5)  COM(2013) 404 final,11.6.2013.

(6)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1, Punt 8.1.

(7)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40, Punt 4.2.1.

(8)  Ara n-nota 10 f'qiegħ il-paġna tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013) 401 final, 11.6.2013.

(9)  ĠU. C 162, 25.6.2008, p. 1, Punt 7.1.2; ĠU. C 128,18.5.2012, p. 97, Punt 5.2.3.

(10)  ĠU. C 162, 25.6.2008, p. 1, Punt 7.1.2; ĠU. C 128,18.5.2012, p. 97, Punt 5.2.3.

(11)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1, punt 7.3 ff. ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97, Punt 5.2.3.

(12)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97, Punt 5.2.3.

(13)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40, Punt 4.8.4.

(14)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1, Punt 7.2 ff.

(15)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1, Punt 7.2.3.1; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97, Punt 5.2.3; ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40, Punti 4.4.1. u 4.4.2.

(16)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97, Punt 5.2.3.

(17)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1, Punt 7.2.3.1; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97, Punt 5.2.3; ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40, Punti 4.4.1. u 4.4.2.

(18)  Il-Kummissjoni jeħtieġ li terġa' tiċċara wkoll meta u liema huma l-kundizzjonijiet li fihom proċedura opt-out tkun kompatibbli mad-dritt li wieħed jinstema' stabbilit fl-Artikolu 41 (2) u 47 (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri bħall-Ġermanja fejn id-dritt li wieħed jinstema' huwa mħares mill-Kostituzzjoni.

(19)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40, Punt 4.8.5.

(20)  ĠU C 128,18.5.2010, p. 97, Punt 5.3.5.

(21)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 93.

(22)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40, Punt 3.6.1.


Top