EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XX0620(01)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq, u għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq

OJ C 177, 20.6.2012, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq, u għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq

2012/C 177/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(2) tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

1.   INTRODUZZJONI

1.1   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Din l-Opinjoni hija parti minn pakkett ta’ erba’ Opinjonijiet tal-KEPD relatati mas-settur finanzjarju, adottati kollha kemm huma fl-istess jum (3).

2.

Fl-20 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (ir-“Regolament propost”) u proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq (id-“Direttiva proposta”). Ir-Regolament u d-Direttiva proposti (b’mod konġunt imsejħa “il-proposti”) ntbagħtu mill-Kummissjoni lill-KEPD għal konsultazzjoni u waslu fil-31 ta’ Ottubru 2011. Fis-6 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkonsulta mal-KEPD dwar il-proposti.

3.

Il-KEPD ġie kkonsultat b’mod informali qabel l-adozzjoni tar-Regolament propost. Il-KEPD josserva li ħafna mill-kummenti tiegħu ġew ikkunsidrati fil-proposta.

4.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill.

1.2   Għanijiet u kamp ta’ applikazzjoni tal-proposti

5

Id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq (“MAD”) (4), adottata kmieni fl-2003, nediet qafas legali komuni tal-UE għall-prevenzjoni, għas-sejbien u għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fir-rigward kemm tal-abbuż minn informazzjoni privileġġata u kemm tal-manipulazzjoni tas-suq.

6

Wara diversi snin fis-seħħ, il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni tal-MAD u identifikat għadd ta’ problemi bħal lakuni fir-regolamentazzjoni ta’ ċerti strumenti u swieq, nuqqas ta’ infurzar effikaċi (ir-regolaturi għandhom ċertu nuqqas ta’ informazzjoni u s-setgħat u s-sanzjonijiet huma nieqsa jew inkella mhumiex dissważivi biżżejjed), nuqqas ta’ ċarezza dwar ċerti kunċetti importanti u piżijiet amministrattivi fuq l-emittenti.

7

Fid-dawl ta’ dawn il-problemi u tal-bidliet importanti li daħħlu fix-xenarju finanzjarju permezz tal-iżviluppi leġiżlattivi, tas-suq u teknoloġiċi, il-Kummissjoni adottat proposti leġiżlattivi għar-riforma tal-MAD li jikkonsistu mir-Regolament propost u d-Direttiva proposta. L-għanijiet politiċi tar-reviżjoni proposta huma li tiżdied il-fiduċja tal-investituri u l-integrità tas-suq u li jsir adattament għall-iżviluppi l-ġodda fis-settur finanzjarju.

8

B’mod partikolari, ir-Regolament propost jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas dwar l-abbuż tas-suq, jikkwalifika t-tentattivi ta’ manipulazzjoni tas-suq u t-tentattivi ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata bħala reati speċifiċi, isaħħaħ is-setgħat investigattivi mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti u jintroduċi regoli minimi għall-miżuri, sanzjonijiet u multi amministrattivi.

9

Id-Direttiva proposta teħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata jew manipulazzjoni tas-suq intenzjonati u għat-tqanqil ta’ għajnuna u tixwix jew tentattiv ta’ twettiq ta’ reat minnhom. Testendi wkoll ir-responsabbiltà għall-persuni ġuridiċi, inkluża, fejn din tkun possibbli, ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi.

1.3   Skop tal-Opinjoni tal-KEPD

10

Ħafna mill-miżuri ppjanati fil-proposti għall-kisba tal-impatt akbar fl-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri fuq id-drittijiet tal-individwi relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

11

B’mod partikolari, meta l-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw jew jikkooperaw biex isibu, jirraportaw u/jew jissanzjonaw abbuż minn informazzjoni privileġġata jew abbuż tas-suq, tinġabar, tiġi pproċessata u skambjata data personali. Barra dan, anki l-mekkaniżmu li jħeġġeġ lill-persuni jirraportaw il-ksur ser ikun jinvolvi pproċessar ta’ data personali li tirrigwarda kemm il-persuna li tirraporta l-ksur kif ukoll il-persuna ‘akkużata’. Finalment, ir-reġim ta’ sanzjonar ser jaffettwa d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fejn jiġu ppubblikati s-sanzjonijiet li jsemmu l-identità tal-persuna responsabbli mill-ksur tar-Regolament propost.

12

Filwaqt li r-Regolament propost fih diversi dispożizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw id-dritt ta’ individwu għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu, id-Direttiva proposta minnha nfisha ma tinvolvix ipproċessar tad-data personali. Għaldaqstant din l-Opinjoni ser tiffoka fuq ir-Regolament propost u b’mod partikolari fuq il-kwistjonijiet li ġejjin: 1) l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data; 2) il-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata; 3) is-segħat tal-awtoritajiet kompetenti; 4) is-sistemi fis-seħħ għas-sejbien u r-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi; 5) l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ stati terzi; 6) il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet u r-rapportar ta’ vjolazzjonijiet.

2.   ANALIŻI TAL-PROPOSTI

2.1   Applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data

13

Kemm il-premessi (5) kif ukoll id-dispożizzjonijiet (6) tar-Regolament propost isemmu l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-Direttiva 95/46 u r-Regolament 45/2001. B’mod partikolari, l-Artikolu 22 tar-Regolament propost jistipula b’mod espliċitu bħala regola ġenerali li “rigward l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-Istati Membri fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-AETS fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-AETS għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001”. Barra dan, id-dispożizzjoni tipprovdi għal perjodu massimu ta’ żamma ta’ 5 snin għal data personali.

14

Il-KEPD jilqa’ bi ħġaru din id-dispożizzjoni komprensiva u japprezza b’mod ġenerali l-attenzjoni speċifikament mogħtija għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data fir-Regolament propost. Madanakollu, il-KEPD jissuġġerixxi li d-dispożizzjoni għandha terġa’ tinkiteb billi jsir enfasi fuq l-applikabblità tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data eżistenti. Barra dan, ir-referenza għad-Direttiva 95/46/KE għandha tiġi ċċarata billi jiġi speċifikat li d-dispożizzjonijiet ser japplikaw skont ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Il-KEPD josserva li uħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament propost jirreferu b’mod espliċitu għad-Direttiva 95/46/KE u/jew għar-Regolament 45/2001. Dan jixħet dawl fuq l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data relevanti f’każi speċifiċi, iżda ma jimplikax li r-regoli mhumiex applikabbli meta dan ma jisemmiex b’mod espliċitu f’kull dispożizzjoni li (potenzjalment) tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali.

15

Bħal fil-premessa 33, premessi oħrajn għandhom jużaw b’mod konsistenti l-kliem li l-Istati Membri ‘jridu’ u mhux biss ‘għandhom’ jirrispettaw il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data relevanti, hekk kif din tal-aħħar hija fis-seħħ u ma hemm l-ebda diskrezzjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tagħha.

2.2   Listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata

16

Ir-Regolament propost fih l-obbligu għall-utenti ta’ strument finanzjarju jew il-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet sabiex ifasslu lista tal-persuni kollha li jaħdmu magħhom, b’kuntratt ta’ impjeg jew b’mod ieħor, li għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata (Artikolu 13.1). L-emittenti ta’ strument finanzjarju li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar fis-suq ta’ tkabbir tal-SMEs huma eżenti minn dan l-obbligu ħlief fejn ikunu mitluba jagħmlu dan mill-awtorità kompetenti (Artikolu 13.2).

17

Il-KEPD jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ din il-lista bħala għodda importanti għall-awtoritajiet kompetenti meta jinvestigaw abbuż minn informazzjoni privileġġata jew abbuż tas-suq possibbli. Madanakollu, fejn dawn il-listi ser ikunu jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, ir-regoli u l-garanziji ewlenin dwar il-protezzjoni tad-data għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi bażika. Għaldaqstant, il-KEPD jirrakkomanda li ssir referenza espliċita għall-iskop ta’ din il-lista f’dispożizzjoni sostantiva tar-Regolament propost. Tabilħaqq, l-iskop huwa wieħed mill-elementi essenzjali ta’ kwalunkwe pproċessar skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE.

18

Skont l-Artikolu 13.4 tar-Regolament propost, il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ddelegati, għandha tadotta miżuri li jiddeterminaw il-kontenut ta’ lista (inkluża l-informazzjoni rigward l-identitiatjiet u r-raġunijiet għalfejn il-persuni jiġu inklużi fuq lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata) u l-kundizzjonijiet li skonthom ser titfassal din il-lista (inklużi l-kundizzjonijiet għall-aġġornar, il-perjodu ta’ konservazzjoni u r-responsabbiltajiet tal-persuni elenkati). Madanakollu, il-KEPD jirrakkomanda:

li jiġu inklużi l-elementi ewlenin tal-lista (f’kull każ, ir-raġunijiet għalfejn il-persuni jiġu inklużi) fir-Regolament propost innifsu;

li tiġi inkluża referenza għall-ħtieġa li l-KEPD jiġi kkonsultat fejn l-atti ddelegati jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali.

2.3   Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti.

19

L-Artikolu 17.2 jelenka s-setgħat superviżorji u investigattivi li l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom bħala minimu sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont ir-Regolament propost.:

20

B’mod partikolari, żewġ setgħat jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba l-intereferenza tagħhom mad-drittijiet ta’ privatezza u protezzjoni tad-data: is-setgħa ta’ dħul f’bini privat biex jiġu sekwestrati dokumenti fi kwalunkwe forma u s-setgħa li jintalbu rekords eżistenti tat-telefon u tat-traffiku tad-data.

2.3.1.   Is-setgħa ta’ dħul f’bini privat

21

Is-setgħa ta’ dħul f’bini privat għas-sekwestru ta’ dokumenti fi kwalunkwe forma hija ferm intrusiva u tinterferixxi mad-dritt ta’ privatezza. Għaldaqstant, din għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet stretti u mgħammra b’salvagwardji adegwati (7). L-Artikolu 17.2 (e) jeħtieġ li l-aċċess għal bini privat huwa sottomess għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità ġudizzjarja skont il-liġi nazzjonali u għall-eżistenza ta’ suspett raġonevoli li d-dokumenti relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni jistgħu jkunu relevanti sabiex iservu ta’ prova ta’ każ ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata jew manipulazzjoni tas-suq. Il-KEPD japprezza li t-test jikkwalifika s-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti billi bħala kundizzjonijiet għal dħul f’bini privat jeħtieġ is-suspett raġonevoli ta’ ksur tar-Regolament jew tad-Direttiva proposti u l-awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja. Madanakollu, il-KEPD iqis li r-rekwiżit ġenerali ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel huwa kemm ġustifikat kif ukoll meħtieġ fir-rigward tal-intrusività potenzjali tas-setgħa kkonċernata, indipendentement minn jekk il-liġi nazzjonali teħtieġx dan.

22

Il-premessa 30 tar-Regolament propost tispeċifika l-każi fejn l-aċċess għal bini privat ikun meħtieġ, jiġifieri, il-persuna li tkun diġà saritilha talba ta’ informazzjoni tonqos (b’mod sħiħ jew parzjali) milli tikkonforma magħha jew fejn ikun hemm raġunijiet validi għalfejn wieħed jaħseb li li kieku kellha ssir talba, il-persuna ma tikkonformax magħha jew li d-dokumenti jew l-informazzjoni li magħha hija relatata t-talba ta’ informazzjoni, titneħħa, tiġi mbagħbsa jew titħassar. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon dawn l-ispeċifikazzjonijiet. Madanakollu, iqis li dawn huma salvagwardji addizzjonali li huma meħiteġa sabiex tiġi żgurata konformità mad-dritt għal privatezza u li għaldaqstant, għandhom jiddaħħlu f’dispożizzjoni sostantiva bħala kundizzjoni għall-aċċess f’bini privat.

2.3.2   Is-setgħa li jintalbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data eżistenti

23

L-Artikolu 17.2 (f) jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti sabiex ‘jitolbu rekords eżistenti tat-telefown jew tat-traffiku tad-dejta miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni jew minn kumpanija ta' investiment’, madanakollu, jiċċara li t-talba hija soġġetta għall-eżistenza ta’ ‘suspett raġonevoli’ li t-tali rekords ‘ikunu relevanti bħala prova ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata jew ta' manipulazzjoni tas-suq’ skont ir-Regolament propost jew id-Direttiva proposta. Madanakollu, dawn ir-rekords ma għandhomx jinkludu ‘[i]l-kontenut tal-komunikazzjonijiet li jirreferu għalihom’. Barra dan, il-paragrafu 3 tal-Artikolu 17 jistipula li s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu eżerċitati skont il-liġi nazzjonali.

24

Id-data relatata mal-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi tista’ tgħaddi firxa wiesgħa ta’ informazzjoni personali, bħall-identità tal-persuni li jċemplu jew li jirċievu t-telefonata, il-ħin u d-dewmien tat-telefonata, in-netwerk użat, il-post ġeografiku tal-utent f’każ ta’ strumenti portabbli, eċċ. Barra dan, xi data tat-traffiku relatata mal-użu tal-internet u tal-posta elettronika (pereżempju, il-lista ta’ websajts li nfetħu) tista’ tikxef dettaljti importanti dwar il-kontenut tal-komunikazzjoni. Barra dan, l-ipproċessar ta’ data tat-traffiku tmur kontra s-segretezza tal-korrispondenza. Fid-dawl ta’ dan, id-Direttiva 2002/58/KE (8) (id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika) stabbilixxiet il-prinċipju li d-data tat-traffiku trid titħassar jew titrenda anonoma meta ma tibqgħax meħtieġa għall-finijiet ta’ trażmissjoni ta’ komunikazzjoni (9). Skont l-Artikolu 15.1 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jinkludu derogi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal skopijiet leġittimi speċifiċi, iżda dawn iridu jkunu meħtieġa, xierqa u proporzjonati ġewwa soċjetà demokratika sabiex jinkisbu dawn l-iskopijiet (10).

25

Il-KEPD jirrikonoxxi li l-iskopijiet li għandha fi ħsiebha l-Kummissjoni fir-Regolament propost huma leġittimi. Jifhem il-ħtieġa għall-inizjattivi bil-għan li tissaħħaħ is-superviżjoni fuq is-swieq finanzjarji biex tiġi ppreżervata s-solidità tagħhom u biex jiġu protetti aħjar l-investituri u l-ekonomija inġenerali. Madanakollu, minħabba n-natura potenzjalment intrużiva tagħhom, is-setgħat investigattivi direttament relatati mad-data tat-traffiku jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ ħtieġa u proporzjonalità, jiġifieri jridu jkunu limitati għal dak li huwa xierqa biex jiksbu l-għan fil-mira u ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jiksbuh (11). Għaldaqstant, minn din il-perspettiva, huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet jiġu abbozzati b’mod ċar rigward il-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tagħhom kif ukoll iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw. Barra dan, għandhom jiġu pprovduti salvagwardji adegwati għal kontra r-riskju ta’ abbuż.

26

Ir-rekords tat-telefon u t-traffiku tad-data kkonċernati ser ikunu ovjament jinvolvu data personali fit-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE, id-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament 45/2001. Il-premessa 31 tar-Regolament propost tistipula li: “Ir-rekords tat-telefown u tat-traffiku tad-data jistgħu jistabbilixxu l-identità ta’ persuna responsabbli għat-tixrid ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, jew li ċerti persuni jkunu ġew f'kuntatt f'ċertu ħin, jew li teżisti relazzjoni bejn tnejn min-nies jew aktar” (12). Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat li jiġu rispettati bis-sħiħ il-kundizzjonijiet għal ipproċessar ġust u legali ta’ data personali, kif stabbilit fid-Direttiva u r-Regolament.

2.3.3   Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja

27

Il-KEPD josserva li skont l-Artikolu 17(3) din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata skont il-liġi nazzjonali mingħajr ma ssir referenza espliċita għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, bħal f’każ fejn tkun ikkonċernata s-setgħa ta’ dħul f’bini privat. Il-KEPD iqis li rekwiżit ġenerali għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel fil-każi kollha -indipendentement minn jekk il-liġi nazzjonali teħtieġx dan- ikun ġustifikat fir-rigward tal-intrużività potenzjali tas-setgħa inkwistjoni u fl-interess ta’ applikazzjoni armonizzata tal-leġiżlazzjoni madwar l-Istati Membri kollha tal-UE. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li diversi liġijiet tal-Istati Membri jipprovdu għal garanziji speċjali dwar l-invjolabbiltà tad-dar kontra spezzjonijiet, perkwiżizzjonijiet jew sekwestri sproporzjonati u mhux irregolati bir-reqqa, b’mod partikolari meta dawn isiru minn istituzzjonijiet ta’ natura amministrattiva.

28

Barra dan, il-KEPD jirrakkomanda l-introduzzjoni tar-rekwiżit li l-awtoritajiet kompetenti jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data permezz ta’ deċiżjoni formali li tispeċifika l-bażi legali u l-iskop tat-talba u x’informazzjoni hija meħtieġa, il-perjodu ta’ żmien limitat li fih l-informazzjoni trid tiġi pprovduta, kif ukoll id-dritt tad-destinatiarju li jkollu d-deċiżjoni riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja.

2.3.4   Definizzjoni tar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data

29

Ma hemm l-ebda definizzjoni tal-kunċetti ta’ “rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” fir-Regolament propost. Id-Direttiva 2002/58 (Privatezza Elettronika) tirreferi biss għal “data dwar it-traffiku’ iżda mhux għal ‘rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data”. Ovjament, it-tifsira eżatta ta’ dawn il-kunċetti tiddetermina l-impatt li s-setgħa investigattiva tista’ tħalli fuq il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data tal-persuni kkonċernati. Il-KEPD jissuġġerixxi li tintuża t-terminoloġija diġà fis-seħħ fid-definizzjoni ta’ “data dwar it-traffiku” fid-Direttiva 2002/58.

30

L-Artikolu 17.2 (f) jirreferi għar-“rekords eżistenti tat-telefown jew rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni”. Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tistabbilixxi l-prinċipju li d-data tat-traffiku trid titħassar meta ma tkunx meħtieġa aktar għall-finijiet kummerċjali li nġabret għalihom. Madanakollu, fuq il-bażi tal-Artikolu 15.1 tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dan l-obbligu għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Id-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data għandha l-iskop li tallinja l-inizjattivi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, f’dak li jikkonċerna ż-żamma ta’ data għall-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ delitt “serju”.

31

Il-mistoqsija hija dwar jekk ir-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data msemmija fl-Artikolu 17.2 (f) jirreferux għad-data disponibbli permezz tal-ħażna ta’ data dwar it-traffiku u l-post irregolata mid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika jew għad-data addizzjonali meħtieġa mid-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data. Din l-għażla msemmija l-aħħar tkun tqajjem tħassib serju peress li d-derogi stipulati fl-Artikolu 151 tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (jiġifieri l-prevenzjoni, is-sejbien u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati) jintużaw sabiex jitwessgħu l-iskopijiet li għalihom tinżamm id-data skont id-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data (jiġifieri l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ delitt “serju”). Fi kliem ieħor, b’mod il-mod, id-data li tinżamm skont id-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data tintuża għal skopijiet mhux previsti minn din id-Direttiva. Dan ikun jimplika tħeġġiġ mill-Ewropa favur l-użu ta’ “lakuna legali” li tikkostitwixxi waħda min-nuqqasijiet ewlenin tad-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data attwali (13).

32

Għaldaqstant, il-KEPD jirrakkomanda bis-sħiħ li jiġu speċifikati l-kategoriji ta’ rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu. Din id-data trid tkun adegwata, relevanti, u mhux eċċessiva fir-rigward tal-iskop li għalih tiġi aċċessata u pproċessata. Barra dan, il-KEPD jirrakkomanda li l-Artikolu 17.2 (f) jiġi limitat għal data normalment ipproċessata (“miżmuma”) minn operaturi tat-telekomunikazzjoni fil-qafas tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 2002/58/KE. Fil-prinċipju, dan jeskludi l-aċċess għal data miżmuma għall-iskopijiet tad-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data, sa fejn aċċess bħal dan ma jsirx għall-finijiet tal-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reat “serju” (14).

33

L-Artikolu 17.2 (f) jipprovdi għal aċċess għal “rekords eżistenti tat-telefown jew rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn kumpanija tal-investiment”. It-test għandu jispeċifika l-kategorija ta’ rekords u jiċċara li d-ditti li qed tirreferi għalihom id-dispożizzjoni. Il-KEPD jissoponi li r-rekords ser jikkoinċidu ma’ dawk imsemmija fil-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (“il-MIFID proposta”). Jisħaq li huwa ħareġ xi osservazzjonijiet dwar din il-proposti li skont dawn huwa rrakkomanda li jiġu ċċarati dawn il-kunċetti wkoll (15). Barra dan, sa fejn id-data dwar it-telefon u t-traffiku jkunu jikkonċernaw il-konverżazzjonijiet telefoniċi u l-komunikazzjonijiet elettroniċi msemmija fl-Artikolu 16.7 tal-MiFID proposta, il-KEPD jirrakkomanda li jiġi definit l-iskop tar-reġistrazzjoni ta’ dawn il-komunikazzjonijiet u li jiġi speċifikat liema tip ta’ komunikazzjonijiet kif ukoll liema kategoriji ta’ data tal-komunikazzjonijiet ser jiġu rreġistrati (16).

34

Fl-aħħar, il-KEPD huwa kuntent li jara li bħala kundizzjoni għal aċċess għar-rekords, it-test jeħtieġ suspett raġonevoli ta’ ksur tar-Regolament propost jew tad-Direttiva proposta u jeskludi b’mod espliċitu aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

2.4   Sistemi fis-seħħ għas-sejbien u r-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi

35

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 11.1 tar-Regolament propost jipprevedi li kwalunkwe persuna li topera n-negozju ta’ ċentru tan-negozjar għandha tadotta u żżomm arranġamenti u proċeduri effettivi bil-għan li jipprevjenu u jsibu abbuż tas-suq. Barra dan, il-paragrafu 2 jeħtieġ li kwalunkwe persuna li tirranġa jew twettaq tranżazzjonijiet b’mod professjonali fl-istrumenti finanzjarji għandu jkollha sistemi fis-seħħ sabiex issib u tirraporta ordnijiet u tranżazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn informazzjoni privileġġata, manipulazzjoni tas-suq jew tentattiv ta’ twettiq ta’ manipulazzjoni tas-suq jew abbuż minn informazzjoni privileġġata. F’każ ta’ suspett, l-awtorità kompetenti għandha tiġi notifikata bla dewmien. Il-Kummissjoni ser tadotta l-istandards tekniċi regolatorji sabiex tiddetermina l-arranġamenti u l-proċeduri xierqa msemmija fl-ewwel paragrafu u sabiex tiddetermina s-sistemi u l-mudelli ta’ notifiki msemmija fit-tieni paragrafu (l-aħħar sentenza tal-Artikolu 11.3).

36

Peress li dawn is-sistemi aktarx li ser jinvolvu data personali (eż. monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet li jsiru minn persuni msemmija fuq il-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata), il-KEPD jixħet dawl fuq il-fatt li dawn l-istandards għandhom jiġu żviluppati skont il-prinċipju ta’ ‘privatezza skont id-disinn’, jiġifieri l-integrazzjoni tal-protezzjoni u l-privatezza tad-data sa mit-tfassil ta’ prodotti, servizzi u proċeduri ġodda li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali (17). Barra dan, il-KEPD jirrakkomanda l-inklużjoni ta’ referenza għall-ħtieġa li jiġi kkonsultat il-KEPD fejn dawn l-istandards regolatorji jkunu jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali.

2.5   Skambju ta’ informazzjoni ma’ stati terzi

37

Il-KEPD jinnota r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE, b’mod partikolari għall-Artikoli 25 jew 26 u s-salvagwardji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament propost li jikkonċernaw id-divulgazzjoni ta’ data personali lil pajjiżi terzi. B’mod speċifiku, il-valutazzjoni ta’ każ b’każ, l-assigurazzjoni tal-ħtieġa tat-trasferiment, ir-rekwiżit għal awtorizzazzjoni espressa minn qabel tal-awtorità kompetenti għal trasferiment ulterjuri ta’ data lil u minn pajjiż terz u l-eżistenza ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data personali fil-pajjiż terz li jirċievi d-data personali huma meqjusa li jirrappreżentaw salagwardji xierqa fir-rigward tar-riskji kkonċernati f’dawn it-trasferimenti.

2.6   Pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet

2.6.1.   Pubblikazzjoni mandatorja tas-sanzjonijiet

38

L-Artikolu 26.3 tar-Regolament propost jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw kull miżura u sanzjoni amministrattiva għall-ksur tar-Regolament propost mingħajr dewmien żejjed, inkluża tal-inqas l-informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli għalih, sakemm divulgazzjoni bħal din ma tkunx tipperikola serjament l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

39

Il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet tkun qed tikkontribwixxi għal deterrenza akbar, peress li l-atturi attwali jew potenzjali ta’ reat jkunu skoraġġiti milli jwettqu reati sabiex jevitaw ħsara fir-reputazzjoni tagħhom. Barra dan, iżżid it-trasparenza, peress li l-operaturi tas-suq isiru konxji li jkun twettaq ksur minn persuna partikolari. Dan l-obbligu hwa mitigat biss fejn il-pubblikazjoni tkun tikkawża ħsara sproporzjonata għall-partijiet involuti, u f’dan il-każ l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw is-sanzjonijiet fuq bażi anonima.

40

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza fil-premessa 35 għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u b’mod partikolari d-dritt għal protezzjoni tad-data personali meta jiġu adottati u ppubblikati s-sanzjonijiet. Madanakollu, mhuwiex konvint li l-pubblikazzjoni mandatorja tas-sanzjonijiet, kif inhi mfassla bħalissa, tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data kif iċċarati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schecke  (18). Huwa tal-fehma li l-iskop, il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura mhumiex stabbiliti b’mod suffiċjenti u li, fi kwalunkwe każ, kellhom jiġu previsti u għandhom jiġu pprovduti salagwardji adegwati għal kontra r-riskji għad-drittijiet tal-individwi.

2.6.2.   Ħtieġa u proporzjonalità tal-pubblikazzjoni

41

Fis-sentenza Schecke, il-Qorti tal-Ġustizzja ħassret id-dispożizzjonijiet ta’ Regolament tal-Kunsill u ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jipprovdu għall-pubblikazzjoni mandatorja tal-informazzjoni li tikkonċerna l-benefiċjarji ta’ fondi agrikoli, inklużi l-identità tal-benefiċjarji u l-ammonti rċivuti. Il-Qorti ddeċidiet li din il-pubblikazzjoni kkostitwixxiet l-ipproċessar ta’ data personali li taqa’ taħt l-Artikolu 8(2) tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali (il-“Karta”) u għaldaqstant, ikkostitwixxiet interferenza mad-drittijiet rikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

42

Wara li analizzat li “d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom jiġu applikati biss sa fejn dan ikun assolutament meħtieġ”, il-Qorti kompliet tanalizza l-iskop tal-pubblikazzjoni u l-proporzjonalità tagħha. Ikkonkludiet li ma kien hemm xejn x’juri li, meta adottaw il-leġiżlazzjoni kkonċernata, il-Kunslil u l-Kummissjoni ħadu f’kunsiderazzjoni metodi ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni li jkunu konsistenti mal-għan ta’ pubblikazzjoni bħal din filwaqt li fl-istess ħin jikkawżaw inqas interferenza ma’ dawn il-benefiċjarji.

43

L-Artikolu 26.3 tar-Regolament propost jidher li huwa affettwat mill-istess nuqqasijiet li l-ECJ xeħtet dawl fuqhom fis-sentenza Schecke. Għandu jitqies li għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data ta’ dispożizzjoni li teħtieġ divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni personali, huwa ta’ importanza kruċjali li jkun hemm skop ċar u definit sew li l-pubblikazzjoni prevista beħsiebha taqdi. Huwa biss bi skop ċar u definit sew li jkun jista’ jiġi valutat jekk il-pubblikazzjoni ta’ data personali involuta hijiex verament meħtieġa u proporzjonata (19).

44

Wara li nqraw il-proposta u d-dokumenti li jakkumpanjawha (jiġifieri, ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt), il-KEPD għandu l-impressjoni li l-iskop, u konsegwentement il-ħtieġa, ta’ din il-miżura mhumiex stabbiliti b’mod ċar. Filwaqt li l-premessi tal-proposti ma jgħidu xejn dwar dawn il-kwistjonijiet, il-valutazzjoni tal-impatt biss tirreferi għall-impatti pożittivi ġenerali (jiġifieri effett deterrenti tal-abbuż tas-suq, kontribuzzjoni għall-protezzjoni tal-investitur, trattament ugwali tal-emittenti, infurzar imtejjeb) u ssemmi biss li “l-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet hija ta’ importanza kbira għat-titjib tat-trasparenza u ż-żamma tal-kunfidenza fis-suq finanzjarju’ u li ‘l-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti se tikkontribwixxi għal-għan ta’ deterrenza u ttejjeb l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri” (20). Dikjarazzjoni ġenerali bħal din ma tidhirx biżżejjed sabiex turi l-ħtieġa tal-miżura proposta. Jekk l-iskop ġenerali huwa ż-żieda tad-deterrenza, jidher li l-Kummissjoni missha spjegat, b’mod partikolari, għalfejn ma kinux ikunu biżżejjed penali finanzjarji akbar (jew sanzjonijiet oħrajn li ma jwasslux għall-pubblikazzjoni tal-isem u ċ-ċanfir pubbliku).

45

Barra dan, ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt ma jidhirx li jieħu f’kunsiderazzjoni metodi inqas intrużivi, bħall-pubblikazzjoni li għandha tiġi deċiża fuq bażi ta’ każ b’każ. B’mod partikolari, din l-għażla tal-aħħar tkun tidher li prima facie hija soluzzjoni aktar proporzjonata, b’mod partikolari jekk wieħed iqis li -kif rikonoxxut fl-Artikolu 26.1 (d)- il-pubblikazzjoni hija sanzjoni li għaldaqstant, trid tiġi valutata fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi relevanti bħall-gravità tal-ksur, il-grad ta’ responsabblità personali, reċidiviżmu, telf għal partijiet terzi, eċċ (21).

46

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt ma jispjegax għalfejn il-pubblikazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ mhijiex għażla suffiċjenti. Isemmi biss li l-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti ser “tikkontribwixxi għall-għan ta’ eliminiazzjoni tal-għażliet u d-diskrezzjonijiet fejn possibbli billi tneħħi d-diskrezzjoni attwali li l-Istati Membri għandhom sabiex ma jitolbux pubblikazzjoni bħal din” (22). Fil-fehma tal-KEPD, il-possibbiltà li l-każ jiġi valutat fil-każ taċ-ċirkustanzi speċifiċi hija aktar proporzjonata u għaldaqstant, hija l-għażla ppreferuta meta mqabbla mal-pubblikazzjoni mandatorja fil-każi kollha. Pereżempju, din id-diskrezzjoni tkun tippermetti lill-awtorità kompetenti sabiex tevita pubblikazzjoni fil-każi ta’ ksur inqas serju, fejn il-ksur ma jkun ikkawża l-ebda dannu importanti, fejn il-parti turi attitudni kooperattiva, eċċ. Għaldaqstant, il-valutazzjoni li saret fil-valutazzjoni tal-impatt ma tneħħix id-dubju rigward il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura.

2.6.3.   Il-ħtieġa għal salvagwardji adegwati

47

Ir-Regolament propost missu ppreveda salvagwardji adegwati sabiex jiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi differenti kkonċernati. L-ewwel nett, is-salvagwardji huma meħtieġa fir-rigward tad-dritt tal-persuni akkużati sabiex jikkontestaw deċiżjoni quddiem qorti u l-preżunzjoni ta’ innoċenza. F’dan ir-rigward, missha ġiet inkluża lingwa speċifika fit-test tal-Artikolu 26.3, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati jieħdu l-miżuri xierqa kemm fir-rigward tas-sitwazzjonijiet fejn id-deċiżjoni tkun soġġetta għal appell kif ukoll fejn din eventwalment titħassar mill-qorti (23).

48

It-tieni nett, ir-Regolament propost għandu jiżgura li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu rispettati b’mod proattiv. Il-KEPD japprezza l-fatt li l-verżjoni finali tal-proposta tipprevedi l-possibbiltà li l-pubblikazzjoni tiġi eskluża f’każi fejn din tkun tikkawża ħsara sproporzjonata. Madanakollu, approċċ proattiv għandu jimplika li s-suġġetti tad-data huma mgħarrfa minn qabel bil-fatt li ser tiġi ppublikata deċiżjoni li tissanzjonahom, u li huma għandhom id-dritt li joġġezzjonaw skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46/KE fuq il-bażi ta’ raġunijiet leġittimi aċċettabbli (24).

49

It-tielet, filwaqt li r-Regolament propost ma jispeċifikax il-mezz li bih l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata, fil-prattika, huwa immaġinabbli li f’ħafna mill-Istati Membri l-pubblikazzjoni sseħħ fuq l-Internet. Il-pubblikazzjonijiet fuq l-Internet iqajmu kwistjonijiet u riskji speċifiċi li b’mod partikolari jikkonċernaw il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-informazzjoni ma tinżammx online għal żmien itwal milli huwa meħtieġ u li d-data ma tkunx tista’ tiġi manipolata jew mbagħbsa. L-użu ta’ muturi ta’ riċerka esterni jinolvi anki r-riskju li l-informazzjoni tittieħed barra mill-kuntest tagħha u tgħaddi minn ġewwa u barra l-internet b’modi li mhux faċilment jistgħu jiġu kkontrollati (25).

50

Fir-rigward ta’ dan li ntqal hawn fuq, hemm il-bżonn li l-Istati Membri jiġu obbligati jiżguraw li d-data personali tal-persuni kkonċernati tinżamm biss online għal perjodu ta’ żmien raġonevoli biss, u wara dan iż-żmien din titħassar b’mod sistematiku (26). Barra dan, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw li jkunu implimentati miżuri u salagwardji ta’ sigurtà adegwati, b’mod partikolari sabiex jipproteġuhom minn riskji relatati mal-użu ta’ muturi ta’ riċerka esterni (27).

2.6.4.   Konklużjoni

51

Il-KEPD huwa tal-fehma li d-dispożizzjoni dwar il-pubblikazzjoni mandatorja tas-sanzjonijiet - hekk kif inhi fformulata fil-preżent - ma tikkonfromax mad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Il-leġiżlatur għandu jivvaluta bir-reqqa l-bżonn tas-sistema proposta u jivverifika jekk l-obbligu ta’ pubblikazzjoni jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jikseb l-għan tal-interess pubbliku fil-mira u jekk hemmx miżuri inqas restrittivi sabiex jikseb l-istess għan. Soġġett għar-riżultat ta’ dan it-test tal-proporzjonalità, l-obbligu ta’ pubblikazzjoni għandu jkun appoġġjat minn salvagwardji adegwati fi kwalunkwe każ sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, id-dritt tal-persuni kkonċernati sabiex joġġezzjonaw, is-sigurtà/il-preċiżjoni tad-data u t-tħassir tagħha wara perjodu ta’ żmien adegwat.

2.7   Rapportar ta’ ksur

52

L-Artikolu 29 tar-Regolament propost jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw mekkaniżmi effettivi għar-rapportar ta’ ksur, magħrufa wkoll bħala skemi ta’ whistle-blowing. Filwaqt li dawn jistgħu jservu bħala għodda ta’ konformità effettiva, dawn is-sistemi jqajmu kwistjonijiet sinifikanti mill-perspettiva ta’ protezzjoni ta’ data (28).

53

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-Regolament propost fih salvagwardji speċifiċi, li għandhom jiġu żviluppati ulterjorment fil-livell nazzjonali, li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-persuni li jirraportaw dwar il-ksur suspettat u b’mod aktar ġenerali l-protezzjoni ta’ data personali. Il-KEPD huwa konxju mill-fatt li r-Regolament propost jistabbilixxi biss l-elementi ewlenin tal-iskema li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri. Minkejja dan, jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn il-punti addizzjonali li ġejjin.

54

Bħal fil-każ tal-Opinjonijiet l-oħrajn (29), il-KEPD jisħaq fuq il-bżonn li tiġi introdotta referenza speċifika għar-rispett tal-kunfidenzjalità tal-identità tal-whistleblowers u l-informaturi. Il-KEPD jixħet dawl fuq il-fatt li l-pożizzjoni tal-whistleblowers hija waħda sensittiva. Il-persuni li jipprovdu informazzjoni bħal din għandhom jiġu aċċertati li l-identità tagħhom ser tinżamm kunfidenzjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-persuna li allegatament wettqet il-ksur irraportat (30). Il-kunfidenzjalità tal-identità tal-whistleblowers għandha tkun garantita fl-istadji kollha tal-proċedura, sakemm din ma tmurx kontra r-regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri ġudizzjarji. B’mod partikolari, jista’ jkun meħtieġ li l-identità tiġi divulgata fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċeduri ġudizzjarji sussegwenti miġjuba bħala konsegwenza tal-inkjesta (anki jekk ikun ġie stabbilit li l-persuna għamlet dikjarazzjoni falza b’mod malizzjuż dwaru/dwarha). (31) Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-KEPD jirrakkomanda li fl-ittra b tal-Artikolu 29.1 tiżdied id-dispożizzjoni li ġejja: “l-identità ta’ dawn il-persuni għandha tiġi garantita fl-istadji kollha tal-proċedura, sakemm id-divulgazzjoni tagħha ma tkunx meħtieġa mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċeduri ġudizzjarji sussegwenti”.

55

Il-KEPD huwa kuntent li jara li l-Artikolu 29.1 (c) jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni tad-data personali kemm tal-akkużat kif ukoll tal-persuna li takkuża, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE. Madanakollu, jissuġġerixxi t-tneħħija tal-frażi “l-prinċipji stabbiliti fi”, sabiex ir-referenza għad-Direttiva ssir aktar komprensiva u vinkolanti. Rigward il-bżonn li tiġi rrispettata l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data fl-implimentazzjoni prattika tal-iskemi, il-KEPD jixtieq jixħet dawl, b’mod partikolari, fuq ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 fl-Opinjoni tiegħu tal-2006 dwar il-whistle-blowing. Fost l-oħrajn, meta jimplimentaw skemi nazzjonali, l-entitajiet ikkonċernati għandhom iżommu f’rashom il-bżonn li tiġi rrispettata l-proporzjonalità billi jiġu limitati, kemm jista’ jkun possibbli, il-kategoriji ta’ persuni intitolati għar-rapport, il-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jiġu inkriminati u l-ksur li għalihom jistgħu jiġu inkriminati; il-bżonn ta’ promozzjoni tar-rapporti identifikati u kunfidenzjali kontra rapporti anonimi; il-bżonn li jiġi pprovdut għal divulgazzjoni tal-identità tal-whistleblowers fejn il-whistleblower ikun għamel dikjarazzjonijiet malizzjużi; u l-bżonn ta’ konformità ma’ perjodi stretti ta’ żamma ta’ data.

3.   KONKLUŻJONIJIET

56

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni speċifikament mogħtija għall-protezzjoni tad-data fir-Regolament propost.

57

Il-KEPD jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Fl-Artikolu 13 jiġi speċifikat l-iskop tal-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata;

Fl-Artikolu 17.2 (e) rigward is-setgħa ta’ dħul f’bini privat, tiġi introdotta l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel bħala rekwiżit ġenerali;

Fl-Artikolu 17.2 (f) rigward is-setgħa li tintalab data tat-telefon u dwar it-traffiku, tiġi introdotta l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel bħala rekwiżit ġenerali u r-rekwiżit ta’ deċiżjoni formali li tispeċifika: (i) il-bażi legali (ii) l-iskop tat-talba (iii) x’informazzjoni hija meħtieġa (iv) il-limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni u (v) id-dritt tad-destinatarju li jkollu d-deċiżjoni riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja;

Jiġu speċifikati l-kategoriji ta’ rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni u minn ditti tal-investiment li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu u jiġi limitat l-Artikolu 17.2 (f) għal data normalment ipproċessata (“miżmuma”) minn operaturi tat-telekomunikazzjoni fil-qafas tad-Direttiva 2002/58/KE;

Fl-Artikolu 29.1 (b) tiżdied dispożizzjoni li tistipula li: “l-identita' ta’ dawn il-persuni għandha tiġi ggarantita fl-istadji kollha tal-proċedura, sakemm id-divuglazzjoni ma tkunx meħtieġa mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċeduri ġudizzjarji sussegwenti”;

Fid-dawl tad-dubji espressi f’din l-Opinjoni, jiġu valutati l-ħtieġa u l-proporzjonalità tas-sistema proposta ta’ pubblikazzjoni mandatorja tas-sanzjonijiet. Soġġetta għar-riżultat tat-test tal-ħtieġa u l-propozjonalità, fi kwalunkwe każ, irid jiġi pprovdut għal salvagwardji adegwati sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, id-dritt tal-persuni kkonċernati sabiex joġġezzjonaw, is-sigurtà/il-preċiżjoni tad-data u t-tħassir tagħha wara perjodu ta’ żmien adegwat.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2012.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Opinjonijiet tal-KEPD tal-10 ta’ Frar 2012 fuq il-pakkett leġiżlattiv dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni bankarja, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MIFID/MIFIR) u l-abbuż tas-suq.

(4)  Id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(5)  Ara l-premessi 33, 35, 39 u 40 tar-regolament propost.

(6)  Ara l-Artikoli 17.4, 22, 23 u 29.1 (ċ) tar-regolament propost.

(7)  Ara, b’mod partikolari, QEDB, 23 ta’ Frar 1993, Funcke v. Franza, 10828/84.

(8)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(9)  Ara l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, ĠU 2002, L 201/45.

(10)  L-Artikolu 15.1 tad-Direttiva 2002/58/KE jistipula li restrizzjonijiet bħal dawn iridu “restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f'soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà tal-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew ta' użu mhux awtorizzat tas-sistema ta' komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma tal-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu (...)”.

(11)  Ara, eż., il-Kawżi Magħquda C-92/09 u C-93/09, Volker und Markus Schecke GbR (C-92/09), Hartmut Eifert (C-92/09) v. Land Hessen, għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, punt 74.

(12)  Ara wkoll p. 12 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-Regolament propost.

(13)  F’dan ir-rigward, ara l-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-rapport ta’ Evalwazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rigward id-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data (Direttiva 2006/24/KE), eż. il-paragrafu 24.

(14)  Il-KEPD jixtieq ifakkar il-problemi marbutin man-nuqqas ta’ definizzjoni Ewropea ta’ “delitt serju”. Tabilħaqq, il-KEPD jisħaq li r-rapport ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data juri li l-għażla li titħalla definizzjoni preċiża ta’ x’jikkostitwixxi “delitt serju” għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, wasslet għal varjetà wiesgħa ta’ skopijiet li għalihom intużat id-data. Il-Kummissjoni ddikkjarat li “[i]l-parti l-kbira tal-Istati Membri li wettqu t-traspożizzjoni, skont il-leġiżlazzjoni tagħhom, jippermettu l-aċċess għal u l-użu tad-data miżmuma għal skopijiet li jmorru lil hinn minn dawk koperti mid-Direttiva, inklużi l-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali u r-riskju għall-ħajja u ta’ feriment”. Ara l-Opinjoni tal-31 ta’ Mejju 2011 dwar ir-rapport ta’ Evalwazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rigward id-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data (Direttiva 2006/24/KE), §§24, 71 u 72.

(15)  Skont l-Artikolu 71.2 (d), l-awtorità kompetenti, skont il-MiFID proposta, jistgħu jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data eżistenti miżmuda minn ditti tal-investiment fejn ikun jeżisti suspett raġonevoli ta’ ksur tal-MIFID proposta.

(16)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD tal-10 ta’ Frar 2012 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Tfassil mill-ġdid) u proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (EMIR) dwar id-derivati OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tan-negozju.

(17)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Approċċ komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea”, ĠU L 181, 22.6.2011, p. 1, §108 sa 115.

(18)  Kawżi Magħquda C-92/09 u C-93/09, Schecke, paragrafi 56-64.

(19)  F’dan ir-rigward, ara wkoll l-Opinjoni tal-KEPD tal-15 ta’ April 2011 dwar ir-regoli Finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni. ĠU C 215, 21.7.2011, p. 13-18.

(20)  Ara l-valutazzjoni tal-impatt p. 166.

(21)  Jiġifieri, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament propost li jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet.

(22)  Ara l-valutazzjoni tal-impatt p. 167.

(23)  Pereżempju, il-miżuri li ġejjin jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali: jissospendu l-pubblikazzjoni sakemm l-appell jiġi miċħud jew, kif inhu suġġerit fir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt, jindikaw b’mod ċar li d-deċiżjoni għadha soġġetta għal appell u li l-individwu huwa preżunt innoċenti sakemm id-deċiżjoni ssir finali, jippubblikaw rettifika f’każi fejn id-deċiżjoni titħassar minn qorti.

(24)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD tal-10 ta’ April 2007 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, ĠU C 134, 16.6.2007, p. 1-3.

(25)  F’dan ir-rigward, ara d-dokument ippubblikat mid-DPA Taljana Personal Data As Also Contained in Records and Documents by Public Administrative Bodies: Guidelines for Their Processing by Public Bodies in Connection with Web-Based Communication and Dissemination (Data Personali kif Tinsab Ukoll fir-Rekords u d-Dokumenti f’Korpi Amministrattivi Pubbliċi: Linji Gwida għall-Ipproċessar Tagħha minn Korpi Pubbliċi b’Rabta mal-Komunikazzjoni u t-Tixrid Ibbażati fuq l-Internet) disponibbli fuq il-websajt tad-DPA Taljana, http://www.garanteprivacy.it/garante/doc.jsp?ID=1803707

(26)  Dan it-tħassib huwa marbut ukoll mad-dritt aktar ġenerali li s-suġġett tad-data jintesa, li l-inklużjoni tiegħu fil-qafas leġiżlattiv ġdid għall-protezzjoni tad-data personali qed tiġi diskussa.

(27)  Dawn il-miżuri u s-salvagwardji jistgħu jikkonsistu, pereżempju, fl-esklużjoni tal-indiċjar tad-data permezz ta’ muturi ta’ riċerka esterni.

(28)  Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 ippubblika Opinjoni dwar dawn l-iskemi fl-2006 fejn jindirizza aspetti relatati mal-protezzjoni tad-data ta’ dan il-fenomenu: L-Opinjoni 1/2006 dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data għal skemi ta’ whistle blowing intern fl-oqsma tal-kontabbiltà, kontrolli tal-kontabbiltà interna, materji tal-awditjar, ġlieda kontra t-tixħim, reati bankarji u finanzjarji (Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-whistleblowing). L-Opinjoni tista’ tinstab fuq il-websajt tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29: http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/index_en.htm)

(29)  Ara, pereżempju, l-Opinjoni dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni tal-15.4.2011, u l-opinjoni dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) tal-1.6.2011, it-tnejn li huma disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu

(30)  L-importanza taż-żamma tal-identità tal-whistleblower bħala kunfidenzjali diġà ġiet enfasizzata mill-KEPD f’ittra lill-Ombudsman Ewropew tat-30 ta’ Lulju 2010 fil-każ 2010-0458, li tista’ tinstab fuq il-websajt tal-KEPD (www.edps.europa.eu). Ara wkoll l-Opinjonijiet ta’ verifika minn qabel tal-KEPD tat-3 ta’ Frar 2012, 23 Ġunju 2006, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (Każ 2005-0418), u tal-4 ta’ Ottubru 2007 rigward l-investigazzjonijiet esterni tal-OLAF (Każi 2007-47, 2007-48, 2007-49, 2007-50, 2007-72).

(31)  Ara l-opinjoni dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni tal-15 ta’ April 2011, disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu


Top