Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XG1229(01)

Strateġija tal-UE dwar id-Drogi (2013-2020)

OJ C 402, 29.12.2012, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 402/1


Strateġija tal-UE dwar id-Drogi (2013-2020)

2012/C 402/01

PREFAZJU

1.

Din l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi tipprovdi l-qafas politiku ġenerali u l-prijoritajiet għal politika tal-UE dwar id-drogi identifikati mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, għall-perijodu 2013-2020. Il-qafas, l-għan u l-objettivi ta’ din l-Istrateġija ser iservu bħala bażi għal żewġ Pjani ta’ Azzjoni konsekuttivi ta’ erba’ snin tal-UE dwar id-Drogi.

2.

Din l-Istrateġija dwar id-Drogi hi bbażata l-ewwel u qabel kollox fuq il-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-UE u, f’kull rigward, issostni l-valuri fundaturi tal-Unjoni: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. L-għan tagħha hu li tipproteġi u ttejjeb il-benesseri tas-soċjetà u tal-individwu, li tipproteġi s-saħħa pubblika, li toffri livell għoli ta’ sigurtà għall-pubbliku ġenerali u li tieħu approċċ bilanċjat, integrat u bbażat fuq l-evidenza fir-rigward tal-fenomenu tad-drogi.

3.

L-Istrateġija hi bbażata wkoll fuq il-liġi internazzjonali, il-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU (1) li jipprovdu l-qafas legali internazzjonali biex jiġi indirizzat il-fenomenu ta’ drogi illeċiti u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi tieħu kont ta’ dokumenti politiċi rilevanti tan-NU, inkluża d-Dikjarazzjoni Politika tan-NU u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali lejn Strateġija Integrata u Bbilanċjata għall-Ġlieda kontra l-Problema Dinjija tad-Drogi, adottata fl-2009, li tiddikjara li t-tnaqqis fid-domanda għad-drogi u t-tnaqqis fil-provvista tad-drogi huma elementi reċiprokament rinfurzanti fil-politika dwar drogi illeċiti u d-Dikjarazzjoni Politika tan-NU dwar l-HIV/AIDS. L-Istrateġija ġiet abbozzata abbażi tal-prinċipji li jinsabu fit-Trattat ta’ Lisbona u skont il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri individwali. Ingħatat attenzjoni debita għas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, billi din l-Istrateġija tal-UE hi intenzjonata li żżid il-valur lill-istrateġiji nazzjonali. L-Istrateġija għandha tiġi implimentatata f'konformità ma' dawn il-prinċipji u kompetenzi. Barra minn hekk, l-Istrateġija tirrispetta bis-sħiħ il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

4.

Sal-2020, il-prijoritajiet u l-azzjonijiet fil-qasam ta’ drogi illeċiti, inkoraġġiti u kkoordinati permezz ta’ din l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi, għandhom ikunu kisbu impatt globali fuq aspetti kruċjali tas-sitwazzjoni tad-drogi fl-UE. Huma għandhom jiżguraw livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-istabilità u tas-sigurtà soċjali, permezz ta’ implimentazzjoni koerenti, effettiva u effiċjenti ta’ miżuri, interventi u approċċi għat-tnaqqis fid-domanda u fil-provvista ta’ drogi fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali, u billi jiġu mminimizzati l-konsegwenzi negattivi potenzjali mhux intenzjonati assoċjati mal-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet.

5.

Il-fenomenu tad-drogi huwa kwistjoni nazzjonali u internazzjonali li jeħtieġ li tiġi indirizzata f’kuntest globali. F’dan ir-rigward, l-azzjoni kkoordinata mwettqa fil-livell tal-UE għandha rwol importanti. Din l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi tipprovdi qafas komuni u bbażat fuq l-evidenza għar-rispons għall-fenomenu tad-drogi fi ħdan u barra l-UE. Billi tipprovi qafas għal azzjonijiet konġunti u komplementari, l-Istrateġija tiżgura li r-riżorsi investiti f’dan il-qasam jintużaw b’mod effettiv u effiċjenti, filwaqt li jittieħed kont tal-limitazzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji u l-kapaċitajiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE.

6.

L-Istrateġija għandha l-għan li tikkontribwixxi għal tnaqqis fid-domanda għad-drogi u l-provvista tad-drogi fi ħdan l-UE, kif ukoll tnaqqis fir-rigward tar-riskji u ħsara għas-saħħa u s-soċjetà kkawżati mid-drogi permezz ta’ approċċ strateġiku li jappoġġa u jikkomplementa l-politiki nazzjonali, li jipprovdi qafas għal azzjonijiet ikkoordinati u konġunti u li jifforma l-bażi u l-qafas politiku għall-kooperazzjoni esterna tal-UE f’dan il-qasam. Dan ser jinkiseb permezz ta’ approċċ integrat, ibbilanċjat u bbażat fuq l-evidenza.

7.

Fl-aħħar nett, din l-Istrateġija tibni fuq it-tagħlimiet li nkisbu mill-implimentazzjoni ta’ Strateġiji preċedenti tal-UE dwar id-Drogi u Pjani ta’ Azzjoni assoċjati, inklużi s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-evalwazzjoni esterna tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2005-2012, filwaqt li jittieħed kont ta’ żviluppi politiċi u azzjonijiet oħra rilevanti fil-livell tal-UE u dak internazzjonali fil-qasam tad-drogi.

I.   Introduzzjoni

8.

L-Istrateġija tinkludi approċċi ġodda u tindirizza sfidi ġodda li ġew identifikati f’dawn l-aħħar snin, inklużi:

It-tendenza li qed tiżdied lejn użu ta’ sustanzi mħallta, inkluż taħlit ta’ sustanzi leċiti, bħal alkoħol u medikazzjoni preskritta kkontrollata, u sustanzi illeċiti;

It-tendenzi lejn użu ta’ drogi non-opjojdi kif ukoll il-feġġ u t-tixrid ta’ sustanzi psikoattivi ġodda;

Il-ħtieġa li jiġi żgurat u mtejjeb l-aċċess għal medikazzjonijiet preskritti kkontrollati;

Il-ħtieġa li jittejbu l-kwalità, il-kopertura u d-diversifikazzjoni ta’ servizzi għat-tnaqqis fid-domanda għad-drogi;

L-inċidenza għolja kontinwa ta’ mard li jittieħed mid-demm, speċjalment il-virus tal-epatite C, fost dawk li jużaw drogi injettati u riskji potenzjali ta’ tifqigħ ġdid ta’ infezzjonijiet ta’ HIV u ta’ mard ieħor li jittieħed mid-demm relatat mal-użu ta’ drogi injettati;

Il-prevalenza dejjem għolja ta’ numri ta’ mwiet relatati mad-drogi fl-UE;

Il-ħtieġa li jiġi mmirat l-użu tad-drogi permezz ta’ approċċ integrat għall-kura tas-saħħa li jindirizza – inter alia – il-komorbożità psikjatrika;

Id-dinamika fis-swieq tad-drogi illeċiti, inkluż iċ-ċaqliq tar-rotot tal-ittraffikar tad-drogi, kriminalità organizzata transkonfinali u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ komunikazzjoni bħala faċilitatur għat-tqassim ta’ drogi illeċiti u sustanzi psikoattivi ġodda.

Il-ħtieġa li tiġi evitata devjazzjoni ta’ prekursuri, pre-prekursuri u kimiċi essenzjali oħrajn użati fil-manufattura illeċita ta’ drogi mill-kummerċ legali għas-suq illeċitu u d-diverżjoni ta' ċerti sustanzi kimiċi li jintużaw bħala aġenti ta' qtugħ.

9.

L-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi huma:

Li tikkontribwixxi għal tnaqqis li jista’ jitkejjel fid-domanda għad-drogi, tad-dipendenza fuq id-drogi u ta’ riskji u ħsara għas-saħħa u s-soċjetà relatati mad-drogi;

Li tikkontribwixxi għal tfixkil tas-suq tad-drogi illeċiti u tnaqqis li jista’ jitkejjel tad-disponibbiltà ta’ drogi illeċiti;

Li tinkuraġġixxi koordinazzjoni permezz ta’ diskors attiv u analiżi ta’ żviluppi u sfidi fil-qasam tad-drogi fil-livell tal-UE u dak internazzjonali;

Li ssaħħaħ b’mod ulterjuri d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali dwar kwistjonjiet ta’ drogi;

Li tikkontribwixxi għat-tixrid aħjar ta’ riżultati tal-monitoraġġ, ir-riċerka u l-evalwazzjoni u li jinftehmu aħjar l-aspetti kollha tal-fenomenu tad-drogi u l-impatt tal-interventi sabiex tingħata bażi mibnija fuq evidenza li hi soda u komprensiva għall-politiki u l-azzjonijiet.

10.

L-Istrateġija tibni fuq il-kisbiet (2) imwttqa mill-UE fil-qasam tad-drogi illeċiti u hi informata minn valutazzjoni kontinwa u komprensiva tas-sitwazzjoni attwali tad-drogi b’mod partikolari dik mogħtija mill-EMCDDA, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-ħtieġa ta’ rispons proattiv għall-iżviluppi u l-isfidi.

11.

L-Istrateġija hi strutturata madwar żewġ oqsma ta’ politika; tnaqqis fid-domanda għad-drogi u tnaqqis fil-provvista tad-drogi, u tliet temi trasversali; (a) il-koordinazzjoni, (b) il-kooperazzjoni internazzjonali u (c) ir-riċerka, l-informazzjoni u l-evalwazzjoni. Iż-żewġ Pjani ta’ Azzjoni konsekuttivi tagħha, abbozzati minn Presidenzi korrispondenti fl-2013 u fl-2017, ser jipprovdu lista ta’ azzjonijiet speċifiċi bi skeda ta’ żmien, partijiet responsabbli, indikaturi u għodod għall-valutazzjoni.

12.

B'kont debitu meħud tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tad-drogi u l-ħtiġijiet tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, ser jingħażlu għadd limitat ta' azzjonijiet immirati f'kull wieħed miż-żewġ oqsma ta' politika u t-tliet temi trasversali, għall-inklużjoni fil-Pjani ta' Azzjoni abbażi ta' kriterji li jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza, xjentifikament validi u kosteffettivi, u jfittxu riżultati realistiċi li jistgħu jitkejlu u li jistgħu jiġu evalwati;

(b)

L-azzjonijiet ser ikunu marbuta biż-żmien, ikunu assoċjati ma' punti ta' riferiment u indikaturi tal-prestazzjoni u jidentifikaw il-partijiet responsabbli għall-implimentazzjoni, ir-rapportar u l-evalwazzjoni;

(c)

L-azzjonijiet għandhom ikollhom rilevanza u valur miżjud ċari tal-UE;

13.

Bħala salvagwardja għall-iffokar kontinwu fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u tal-Pjani ta' Azzjoni li jakkumpanjawha, kull Presidenza, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-kontribut tekniku mill-EMCDDA u l-Europol għandha tindirizza l-prijoritajiet u l-azzjonijiet li jeħtieġu segwitu fl-HDG matul il-Presidenza u għandha twettaq monitoraġġ tal-progress. Il-Kummissjoni, waqt li tieħu kont tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u disponibbli mill-EMCDDA, l-Europol u korpi oħra tal-UE kif ukoll is-soċjetà ċivili, għandha tipprovdi rapporti ta' progress biennali, bil-għan li tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-objettivi u l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u l-Pjan(i) ta' Azzjoni tagħha.

14.

Il-Kummissjoni, waqt li tieħu kont tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u disponibbli mill-EMCDDA, l-Europol, korpi u istituzzjonijiet oħra rilevanti tal-UE u s-soċjetà ċivili, sal-2016 ser tibda valutazzjoni esterna tal-Istrateġija ta' nofs it-term, bil-għan li jitħejja t-tieni Pjan ta' Azzjoni għall-perijodu 2017-2020. Malli jiġu konklużi l-Istrateġija dwar id-Drogi u l-Pjani ta' Azzjoni tagħha sal-2020, il-Kummissjoni ser tibda evalwazzjoni esterna ġenerali tal-implimentazzjoni tagħhom. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu kont ukoll tal-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri, l-EMCDDA, l-Europol, u istituzzjonijiet u korpi rilevanti oħra tal-UE, is-soċjetà ċivili, u evalwazzjonijiet preċedenti biex jingħata kontribut u rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp futur tal-politika tal-UE dwar id-drogi.

15.

Biex jinkisbu l-objettivi tagħha u tiġi żgurata l-effiċjenza, l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2013-2020, kull meta jkun possibbli, ser tuża strumenti u korpi eżistenti li joperaw fil-qasam tad-drogi fil-mandat rispettiv, jew li huma rilevanti għal aspetti ewlenin tiegħu, kemm fl-UE (b'mod partikolari l-EMCDDA, l-Europol, l-Eurojust, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-kollaborazzjoni ma' korpi barra mill-UE (bħall-UNODC, il-WCO, il-WHO u l-Grupp Pompidou). Il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew ser jiżguraw li l-attivitajiet tal-UE fil-qasam tad-drogi illeċiti jkunu kkoordinati u li jikkomplementaw lil xulxin.

16.

Għandhom jiġu allokati riżorsi adatti u mmirati għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta' din l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi, fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali.

II.   Qasam ta' politika: tnaqqis fid-domanda għad-drogi

17.

It-tnaqqis fid-domanda għad-drogi jikkonsisti f'firxa ta' miżuri ta' importanza ugwali u reċiprokament rinforzanti, li jinkludu l-prevenzjoni (ambjentali, universali, selettiva u indikata), kxif u intervent minn kmieni, tnaqqis tar-riskju u tal-ħsara, trattament, riabilitazzjoni u reintegrazzjoni soċjali, u l-irkupru.

18.

Fil-qasam tat-tnaqqis tad-domanda għad-drogi, l-objettiv tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2013-2020 hu li tikkontribwixxi għat-tnaqqis miżurabbli fl-użu ta' drogi illeċiti u żieda fl-età tal-ewwel użu, sabiex jonqos u jiġi eliminat l-użu problematiku tad-drogi, id-dipendenza mid-drogi u r-riskji u d-danni soċjali u għas-saħħa marbuta mad-drogi permezz ta' approċċ integrat, multidixxiplinari u bbażat fuq l-evidenza, u billi tippromwovi u tissalvagwardja l-koerenza bejn il-linji ta' politika dwar is-saħħa, dawk soċjali u tal-ġustizzja.

19.

Fil-qasam tat-tnaqqis tad-domanda għad-drogi huma identifikati l-prijoritajiet li ġejjin (mhux elenkati fl-ordni ta' prijorità):

19.1.

Titjib tad-disponibbiltà, l-aċċessibilità u l-kopertura ta' miżuri effettivi u diversifikati li jnaqqsu d-domanda għad-drogi, il-promozzjoni tal-użu u l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards ta' kwalità fil-prevenzjoni (ambjentali, universali, selettivi u indikati), kxif u intervent minn kmieni, tnaqqis tar-riskju u l-ħsara, trattament, riabilitazzjoni, reintegrazzjoni soċjali u l-irkupru.

19.2.

Titjib tad-disponibbiltà u l-effikaċja tal-programmi ta' prevenzjoni (mill-impatt inizjali sas-sostenibbilità għal żmien twil), u sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju tal-użu ta' drogi u sustanzi psikoattivi oħra illeċiti u l-konsegwenzi relatati. Għal dan il-għan, il-miżuri ta' prevenzjoni għandhom jinkludu kxif u intervent minn kmieni, promozzjoni ta' stili ta' ħajja sana u prevenzjoni mmirata (jiġifieri selettiva u indikata) diretti wkoll lejn il-familji u l-komunitajiet.

19.3.

Żieda u żvilupp ta' miżuri effettivi għat-tnaqqis tad-domanda bi tweġiba għal sfidi bħal: l-użu ta' drogi mħallta inkluż l-użu flimkien ta' sustanzi leċiti u illeċiti, abbuż minn medikamenti ikkontrollati preskritti u l-użu ta' sustanzi psikoattivi ġodda.

19.4.

Investiment fi u aktar riċerka dwar miżuri effettivi li jnaqqsu r-riskju u l-ħsara mmirati sabiex inaqqsu sostanzjalment l-għadd tal-imwiet u l-inċidenza ta' mard li jittieħed mid-demm marbuta direttament jew indirettament mad-drogi, assoċjati mal-użu tad-drogi, iżda mhux limitati biss għall-HIV u l-epatite virali, kif ukoll il-mard li jittieħed mis-sess u t-tuberkulożi.

19.5.

Espansjoni tad-disponibbiltà, l-aċċessibilità u l-kopertura ta' trattament effettiv u diversifikat għad-drogi fl-UE kollha għal persuni bi problemi u dipendenti mid-drogi inklużi dawk non-opjoidi, sabiex dawk kollha li jixtiequ jibdew it-trattament għad-drogi jkunu jagħmlu dan minnufih, skont il-ħtiġijiet rilevanti.

19.6.

Żieda fl-iżvilupp, id-disponibbiltà u l-kopertura ta' miżuri għat-tnaqqis tad-domanda għad-drogi fil-ħabs, kif adatt, u abbażi ta' valutazzjoni korretta tas-sitwazzjoni tas-saħħa u l-ħtiġijiet tal-priġunieri, bil-għan li tinkiseb kwalità ta' kura ekwivalenti għal dik ipprovduta fil-komunità u f'konformità mad-dritt għal kura tas-saħħa u d-dinjità umana kif imnaqqxa fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-kontinwazzjoni tal-kura għandha tiġi żgurata fl-istadji kollha tas-sistema tal-ġustizzja kriminali u wara r-rilaxx.

19.7.

Żvilupp u espansjoni ta' mudelli ta' kura integrati, li jkopru ħtieġaijiet marbuta ma' problemi ta' saħħa mentali u/jew fiżika, riabilitazzjoni u appoġġ soċjali sabiex jitjiebu s-sitwazzjoni soċjali u tas-saħħa, ir-reintegrazzjoni soċjali u l-irkupru tal-każijiet ta' persuni bi problemi dipendenti mid-drogi, inklużi dawk affettwati mill-komorbożità.

19.8.

Żvilupp ta' miżuri effettivi u differenzjati ta' tnaqqis tad-domanda għad-drogi li għandhom l-għan li jitnaqqas jew jittardja l-bidu tal-użu tad-drogi u li huma adatti għall-ħtiġijiet ta' gruppi speċifiċi, modalitajiet tal-użu u l-ambjenti tad-drogi, b'attenzjoni partikolari li għandha tingħata għall-gruppi vulnerabbli u marġinalizzati.

19.9.

Prevenzjoni ta' epidemiji lokali u reġjonali fost dawk li jużaw id-drogi, li jistgħu jheddu s-saħħa pubblika fl-UE, billi jiġu żgurati approċċi kkoordinati u effettivi komuni.

19.10.

Il-prijoritajiet għat-tnaqqis fid-domanda għad-drogi jeħtieġu jieħdu kont tal-karatteristiċi, ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi ppreżentati mill-fenomenu tad-drogi fuq il-livell nazzjonali u dak tal-UE. Hu imperattiv li jiġi previst livell adatt ta' riżorsi għal dak il-għan fil-livell lokali, nazzjonali u dak tal-UE.

III.   Qasam ta' politika: tnaqqis fil-provvista tad-drogi

20.

It-tnaqqis fil-provvista tad-drogi jinkludi l-prevenzjoni u d-diswżjoni u l-isfrattar tal-kriminalità relatata mad-drogi, b'mod partikolari, il-kriminalità organizzata, permezz tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi, l-interdizzjoni u l-konfiska ta' assi kriminali, l-investigazzjonijiet u l-ġestjoni tal-fruntieri.

21.

Fil-qasam tat-tnaqqis tal-provvista tad-drogi, l-objettiv tal-Istrateġija 2013-2020 tal-UE dwar id-Drogi 2013-2020 hu li tikkontribwixxi għal tnaqqis miżurabbli tad-disponibbiltà ta' drogi illeċiti, permezz tal-isfrattar tat-traffikar tad-drogi illeċiti, l-iżmantellament ta' gruppi kriminali organizzati li huma involuti fil-produzzjoni u t-traffikar tad-drogi, l-użu effiċjenti tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, l-infurzar tal-liġi effettiv immexxi mill-intelligence u kondiviżjoni akbar ta' intelligence. Fil-livell tal-UE, l-enfasi ser titqiegħed fuq kriminalità organizzata transkonfinali ta' skala kbira relatata mad-drogi.

22.

Fil-qasam tat-tnaqqis tad-domanda għad-drogi huma identifikati l-prijoritajiet li ġejjin (mhux elenkati fl-ordni ta' prijorità):

22.1.

Tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fuq livell strateġiku u operattiv. Dan għandu jinkludi, iżda ma jkunx limitat għal, it-titjib tal-iskambju transkonfinali tal-informazzjoni (u l-intelligence) fi żmien reali, l-aħjar prattiki u l-għarfien, kif ukoll it-tmexxija ta' operazzjonijiet u investigazzjonijiet konġunti. Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar it-trattament ta' kriminalità organizzata relatata mad-drogi li topera lejn u fl-UE għandha titqies bħala importanti f'dan ir-rigward.

22.2.

Tnaqqis tal-produzzjoni, kuntrabandu, traffikar, distribuzzjoni u bejgħ transkonfinali u fi ħdan l-UE ta' drogi illeċiti u tal-faċilitazzjoni ta' dawn l-attivitajiet, kif ukoll tnaqqis tad-devjazzjoni tal-prekursuri tad-drogi, il-preprekursuri u sustanzi kimiċi essenzjali oħra li jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi.

22.3.

Rispons effettiv għat-tendenzi li qed jevolvu, bħad-diverżjoni ta' ċerti sustanzi kimiċi utilizzati bħala aġenti ta' qtugħ għad-drogi illeċiti u l-provvista ta' drogi bl-użu ta' teknoloġija ġdida.

22.4.

Għandha tingħata attezjoni speċjali għal teknoloġiji ġodda ta' komunikazzjoni bħala li għandhom rwol sinifikanti bħala faċilitar għall-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, it-traffikar u d-distribuzzjoni tad-drogi (inklużi sustanzi psikoattivi ġodda kontrollati)

22.5.

L-Istati Membri għandhom ikomplu jikkooperaw u jikkoordinaw – fejn adatt– l-azzjonijiet tagħhom fil-livell tal-UE, flimkien mal-korpi u l-aġenziji tal-UE u internazzjonali, bħalma huma l-Europol, l-Eurojust u l-EMCDDA u jisfruttaw bl-aħjar mod l-istrumenti u metodi eżistenti previsti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi, bħall-pulizija mmexxija mill-intelligence, l-analiżi forensika tal-karatteristiċi tad-drogi, Skwadri ta' Investigazzjoni Konġunta, Operazzjonijiet Konġunti Doganali u tal-Pulizija u inizjattivi rilevanti bħall-proġetti tal-EMPACT, Pjattaformi ta' Uffiċjali ta' Kuntatt u permezz tal-użu ta' pjattaformi reġjonali.

22.6.

Fuq livell tal-UE, għandu jkun hemm enfasi fuq infurzar tal-liġi mmexxija mill-intelligence immirat lejn il-produzzjoni u t-traffikar tad-drogi fuq skala kbira. Għandhom jissaħħu aktar il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fi u bejn l-Istati Membri kif ukoll mal-Europol.

22.7.

Fejn meħtieġ, meta tali kompiti ma jiġux inizjati jew implimentati mill-Europol, jistgħu jinħolqu inizjattivi jew pjattaformi ta' kollaborazzjoni reġjonali ad hoc fl-UE, biex għall-ġlieda kontra theddidiet emerġenti riżultat ta' rotot ta' traffikar tad-drogi li jinbidlu u ċentri ta' kriminalità organizzata emerġenti. Dan għandu jsir permezz ta' tweġibiet operattivi kkoordinati. Tali azzjonijiet jeħtieġu jkunu kompatibbli ma' u komplimentarji għal arranġamenti legali u operattivi eżistenti fil tal-UE u għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet u analiżi ta' theddid. Tali strutturi ta' kooperazzjoni għandhom ikunu flessibbli, jista' jkollhom tul ta' ħajja temporanja skont l-iżvilupp futur tat-theddida speċifika li jindirizzaw u jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-aġenziji u l-pjattaformi kollha rilevanti tal-UE, b'mod partikolari mal-Europol.

22.8.

Tisħiħ, fejn meqjus meħtieġ, tal-kooperazzjoni tal-UE relatata mad-drogi ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi u l-użu ta' prattiki eżistenti billi jiġu stabbiliti reazzjonijiet aktar rapidi u aktar preċiżi. Appoġġ tal-attivitajiet tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi u l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence.

22.9.

Rinfurzar tal-qafas leġislattiv tal-Unjoni Ewropea b'mod immirat kif meqjus meħtieġ sabiex jissaħħaħ ir-rispons tal-UE fl-indirizzar ta' xejriet ġodda, jiġi żgurat li l-isforzi kollaborattivi jikkomplementaw lil xulxin bil-għan li jiżmantellaw il-gruppi tal-kriminalità organizzata transkonfinali, jiġu kkonfiskati r-rikavati tal-kriminalità marbuta mad-drogi bl-użu sħiħ tan-netwerk tal-UE tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u b'hekk ikun żgurat rispons effettiv għat-traffikar tad-drogi. L-iżvilupp ulterjuri ta' strumenti rilevanti tal-infurzar tal-liġi jista' jiġi esplorat.

22.10.

L-UE għandha taħdem lejn linji ta' politika aktar effettivi fil-qasam tat-tnaqqis tal-provvista tad-drogi, billi ssaħħaħ l-evalwazzjoni u l-analiżi tal-linji ta' politika biex jitjieb l-fehim dwar is-swieq tad-drogi, il-kriminalità relatata mad-drogi u l-effettività tar-reazzjonijiet relatati mad-drogi tal-infurzar tal-liġi.

22.11.

Biex timpedixxi l-kriminalità, tevita r-reċidiviżmu u ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema tal-ġustizzja kriminali waqt li tiżgura l-proporzjonalità, l-UE għandha tħeġġeġ, fejn ikun opportun, l-użu, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki u l-programmi dwar id-drogi, inkluż ir-riferiment waqt l-arrest u alternattivi adatti għal sanzjonijiet koerċittivi (bħall-edukazzjoni, it-trattament, ir-riabilitazzjoni, kura ulterjuri u reintegrazzjoni soċjali) għat-trasgressuri li jieħdu d-drogi.

IV.   Tema trasversali: Koordinazzjoni

23.

Fil-qasam tal-politika tal-UE dwar id-drogi, l-objettiv tal-koordinazzjoni huwa doppju, jiġifieri li jiġu żgurati s-sinerġiji, il-komunikazzjoni u skambju effettiv ta' informazzjoni u ta' fehmiet b'appoġġ għall-objettivi tal-politika, waqt li fl-istess ħin tinkoraġġixxi diskors politiku attiv u analiżi tal-iżviluppi u l-isfidi fil-qasam tad-drogi fil-livell tal-UE u dak internazzjonali.

Hija meħtieġa koordinazzjoni fi u fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, u korpi oħra rilevanti Ewropej u s-soċjetà ċivili min-naħa l-waħda, u bejn l-UE, korpi internazzjonali u pajjiżi terzi min-naħa l-oħra.

24.

Fil-qasam tal-koordinazzjoni huma identifikati l-prijoritajiet li ġejjin (mhux elenkati fl-ordni ta' prijorità):

24.1.

Jiġu żgurati s-sinerġiji, il-koerenza u prattiki ta' ħidma effettivi fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-inizjattivi rilevanti tal-UE, abbażi tal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera (3), waqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, jiġi żgurat l-iskambju effiċjenti ta' informazzjoni, jintużaw ir-riżorsi b'mod effettiv u tiġi garantita l-kontinwità tal-azzjonijiet fil-Presidenza kollha.

24.2.

Minħabba r-rwol tal-HDG bħala l-korp koordinatur prinċipali dwar id-drogi fil-Kunsill, l-isforzi tiegħu għall-koordinazzjoni jeħtieġ jissaħħu aktar biex jittieħed kont tal-ħidma tad-diversi korpi li jinkludu komponent dwar id-drogi, bħall-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Operattiva dwar is-Sigurtà Interna (COSI) u l-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika. Barra minn hekk, l-approċċ bilanċjat għall-problema tad-drogi, li bl-istess vitalità jimmira d-domanda għal u l-provvista tad-drogi, jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib, interazzjoni u skambju ta' informazzjoni ma' korpi preparatorji rilevanti oħra tal-Kunsill inklużi dawk fl-oqsma tal-azzjoni esterna u inizjattivi rilevanti oħra tal-UE, fil-qasam ta' materji ġudizzjarji u kriminali, l-infurzar tal-liġi, is-saħħa pubblika u l-affarijiet soċjali.

24.3.

Jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw u jimplimentaw metodi ta' ħidma u l-aħjar prattiki għal kooperazzjoni multidixxiplinari b'appoġġ għall-objettivi tal-Istrateġija u li dawn jingħataw promozzjoni fil-livell nazzjonali.

24.4.

Jingħataw opportunitajiet taħt kull Presidenza għal diskussjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni ta' kwistjonijiet ta' koordinament, kooperazzjoni, tendenzi emerġenti, interventi effettivi u żviluppi oħra ta' politika ta' valur miżjud għall-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi, pereżempju waqt il-Laqgħat tal-Koordinaturi Nazzjonali dwar id-Drogi.

24.5.

Tiġi promossa u inkoraġġuta l-parteċipazzjoni attiva u valida u l-involviment tas-soċjetà ċivili, inklużi ta' organizzazzjonijiet nongovernattivi, kif ukoll iż-żgħażagħ, persuni li jieħdu d-drogi u klijenti ta' servizzi relatati mad-drogi, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' linji ta' politika dwar id-drogi, fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali. Ukoll biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni mal-Forum tas-Soċjetà tal-UE dwar id-Drogi fil-livell tal-UE u dak internazzjonali.

24.6.

Jiġi żgurat li l-UE titkellem b'vuċi waħda qawwija fil-fora internazzjonali bħall-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND) u fid-djalogi ma' pajjiżi terzi, li tippromwovi l-approċċ tal-UE integrat, ibbilanċjat u bbażat fuq l-evidenza rigward id-drogi. F'dan il-qafas, id-delegazzjonijiet tal-UE jista' jkollhom rwol siewi fil-promozzjoni ta' tali approċċ fil-qasam tad-drogi u fl-iffaċilitar ta' diskors koerenti għall-politika dwar id-drogi.

V.   Tema trasversali: kooperazzjoni internazzjonali

25.

Il-kooperazzjoni internazzjonali hija qasam prinċipali fejn l-UE żżid il-valur lill-isforzi tal-Istati Membri fil-koordinazzjoni tal-linji ta' politika dwar id-drogi u fl-indirizzar tal-isfidi. Ir-relazzjonijiet esterni tal-UE fil-qasam tad-drogi huma bbażati fuq il-prinċipji ta' responsabbiltà kondiviża, il-multilateraliżmu, lapproċċ integrat, ibbilanċjat u bbażat fuq l-evidenza, l-integrazzjoni tal-iżvilupp, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità umana u r-rispett għall-konvenzjonijiet internazzjonali.

26.

L-objettiv tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2013-2020 fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali hu li b'mod komprensiv u bbilanċjat ikomplu jissaħħu id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali dwar kwistjonijiet ta' drogi.

27.

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi hija parti minn approċċ ġenerali li jippermetti lill-UE titkellem b'vuċi waħda fl-arena internazzjonali u mal-pajjiżi sħab. L-UE ser tibqa' impenjata għall-kooperazzjoni internazzjonali u d-dibattitu dwar il-prinċipji fundamentali tal-politika dwar id-drogi, u b'mod attiv tikkondividi il-kisbiet tal-approċċ tal-UE fil-politika dwar id-drogi li hu bbilanċjat bejn it-tnaqqis tad-domanda għad-drogi u t-tnaqqis tal-provvista tad-drogi, ibbażat fuq l-evidenza xjentifika u l-intelligence kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Dan jeħtieġ koerenza bejn il-linji ta' politika u l-azzjonijiet fil-livell tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni esterna dwar it-tnaqqis tad-domanda għad-drogi, inkluż it-tnaqqis tar-riskju u l-ħsara, it-tnaqqis tal-provvista tad-drogi, l-iżvilupp alternattiv, l-iskambju u t-trasferiment tal-għarfien u l-involviment tal-atturi tal-istat kif ukoll dawk li mhumiex.

28.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiggarantixxu l-integrazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u l-objettivi tagħha fil-qafas tal-politika barranija ġenerali tal-UE bħala parti minn approċċ komprensiv li jagħmel użu sħiħ mid-diversità ta' linji ta' politika u strumenti diplomatiċi, politiċi u finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-UE b'mod koerenti u kkoordinat. Ir-Rappreżentant Għoli appoġġata mis-SEAE għandha tiffaċilita dan il-proċess.

29.

L-approċċ tal-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tad-drogi għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ u jappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi terzi sabiex jittrattaw l-isfidi għas-sikurezza, is-sigurtà u s-saħħa pubblika. Dan ser isir permezz tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi speċifikati f'din l-Istrateġija u l-pjani ta' azzjoni sussegwenti, inklużi l-iżvilupp alternattiv, it-tnaqqis fid-domanda għad-drogi, it-tnaqqis fil-provvista tad-drogi, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u b'kont meħud ukoll tal-inizjattivi reġjonali. Minħabba l-impatt tal-produzzjoni u t-traffikar tad-drogi fuq l-istabbiltà interna u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiżi tal-oriġini u tat-transitu, l-azzjonijiet ser jimmiraw ukoll il-korruzzjoni, ir-riċiklaġġ tal-flus u r-rikavati mill-kriminalità relatati mad-drogi.

30.

Fil-qasam tal-koordinazzjoni internazzjonali huma identifikati l-prijoritajiet li ġejjin (mhux elenkati fl-ordni ta' prijorità):

30.1.

Titjib tal-koerenza bejn l-aspetti interni u esterni tal-linji ta' politika u r-reazzjonijiet tal-UE lejn pajjiżi terzi fil-qasam tad-drogi.

30.2.

Jiżdiedu l-impenn u l-koordinament tal-UE fid-diskors internazzjonali dwar il-politika dwar id-drogi, kemm fir-rigward ta' negozjati ma' organizzazzjonijiet u strutturi internazzjonali inklużi n-NU, il-G8 u l-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi billi jinkisbu pożizzjonijiet komuni tal-UE, u jiġi żgurat rwol effettiv fil-proċess tal-politika tan-NU dwar id-drogi.

30.3.

Jiġi żgurat li l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-drogi tkun integrata fir-relazzjonijiet politiċi ġenerali u l-ftehimiet qafas bejn l-UE u l-imsieħba tagħah, f'livell kemm nazzjonali kif ukoll/jew dak reġjonali. Din għandha tirrifletti l-approċċ tal-UE integrat, ibbilanċjat u bbażat fuq l-evidenza u tinkludi: djalogu politiku, koordinament fil-qasam tad-drogi, tnaqqis tad-domanda (inkluż tnaqqis tar-riskju u l-ħsara), tnaqqis tal-provvista inkluż żvilupp alternattiv u infurzar tal-liġi, integrazzjoni ta' linji ta' politika dwar id-drogi fl-aġenda usa' tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, informazzjoni, riċerka, monitoraġġ u evalwazzjoni.

30.4.

Jiġi żgurat li r-rispons u l-azzjonijiet internazzjonali tal-UE f'pajjiżi terzi u reġjuni prijoritarji madwar id-dinja jkunu komprensivi u b'kont meħud ta' kull dimensjoni tal-fenomenu tad-drogi, waqt li jindirizzaw l-iżvilupp, l-istabbiltà u s-sigurtà ta' dawn il-pajjiżi u r-reġjuni permezz ta' sħubija msaħħa.

30.5.

Jiġi żgurat li r-rispons internazzjonali tal-UE fir-rigward tad-drogi ikun ibbażat fuq l-evidenza u tinkludi proċess ta' monitoraġġ tas-sitwazzjoni u l-progress li jinvolvi għodod ta' informazzjoni differenti mill-Kummissjoni, is-SEAE, inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-EMCDDA, l-Europol, l-Eurojust u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNODC.

30.6.

Jiġi żgurat li l-appoġġ għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, u l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, jiffoka fuq il-bini ta' kapaċità fuq it-tnaqqis kemm tal-provvista kif ukoll tad-domanda u linji ta' politika dwar id-drogi li jkunu bbażati fuq l-evidenza, effettivi u bbilanċjati, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa li tinkludi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki tal-UE u l-parteċipazzjoni, fejn adatt, f'aġenziji tal-UE, bħall-EMCDDA, l-Europol u l-Eurojust.

30.7.

Jiġi żgurat livell sostenibbli ta' djalogu dwar il-politika u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-istrateġiji, il-miri u l-inizjattivi rilevanti permezz ta' djalogi dwar id-drogi ma' msieħba internazzjonali, f'livell kemm reġjonali kif ukoll bilaterali. L-imsieħba ewlenin huma identifikati abbażi tal-istatus ta' kooperazzjoni tagħhom mal-UE u r-relevanza tagħhom fl-indirizzar tal-fenomenu globali tad-drogi illeċiti filwaqt li jittieħed kont tal-imsiħba li jfiġġu bħala riżultat tal-iżviluppi fis-sitwazzjoni tad-drogi. Id-Djalogi Politiċi għandhom ikunu komplimentarji u koerenti ma' strutturi ta' kooperazzjoni esterna oħra u l-impatt tagħahom u, fejn adatt, jipprovdu forum għad-diskussjoni ta' prijoritajiet dwar il-kooperazzjoni u l-progress fi proġetti ffinanzjati mill-UE.

30.8.

Jiġi żgurat livell adatt ta' finanzjament u kompetenza esperta (previsti mill-UE u l-Istati Membri tagħha) inkluż bir-rinfurzar tal-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-appoġġ finanzjarju u tekniku, filwaqt li jitfittxu s-sinerġiji u permezz ta' bilanċ kontinwu tal-allokazzjoni trasparenti ta' kooperazzjoni, riżorsi, assistenza u kooperazzjoni finanzjarja u teknika, bejn il-miżuri għat-tnaqqis fid-domanda għad-drogi u l-provvista tad-drogi li jirrifletti l-approċċ tal-UE. L-UE għandha taħdem biex tipprovdi għarfien espert rilevanti fid-Delegazzjonijiet tal-UE biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-miżuri mmirati lejn pajjiżi terzi fil-qasam tad-drogi. Ir-reviżjoni ta' nofs it-term u l-valutazzjoni finali ta' din l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi għandhom jirriflettu fuq l-impatt tal-infiq tal-UE u l-Istati Membri f'pajjiżi terzi u s-SEAE għandha tipprovdi lill-Istati Membri b'aġġornamenti dwar il-prijoritajiet u l-progress fl-infiq tal-UE f'reġjuni extra-Ewropej fejn adatt.

30.9.

Meta jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku lill-pajjiżi tal-oriġini, l-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b'mod partikolari, li programmi ta' żvilupp alternattivi:

huma non-kondizzjonali, non-diskriminanti u, jekk tkun skedata l-eradikazzjoni, għandha tkun b'sekwenza korretta,

jiffissaw objettivi realistiċi relatati mal-iżvilupp u indikaturi għas-suċċess, waqt li tiġi żgurata s-sjieda fost il-komunitajiet immirati u

jappoġġaw l-iżvilupp lokali, waqt li jikkunsidraw l-interazzjonijiet ma' fatturi bħas-sigurtà tal-bniedem, il-governanza, il-vjolenza, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp u s-sigurtà alimentari.

30.10.

Jiġi żgurat li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tkun integrata bis-sħiħ fid-djalogi politiċi u fl-implimentazzjoni u r-riżultat ta' programmi u proġetti rilevanti fil-qasam tad-drogi.

VI.   Tema trasversali: informazzjoni, riċerka, monitoraġġ u evalwazzjoni

31.

L-objettiv tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2013-2020 fil-qasam tal-informazzjoni, ir-riċerka, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni hu li tikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-aspetti kollha tal-fenomenu tad-drogi u tal-impatt tal-miżuri sabiex tipprovdi evidenza soda u komprensiva għall-linji ta' politika u l-azzjonijiet. Barra minn hekk, l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2013-2020 tikkontribwixxi għal tixrid aħjar tar-riżultati tal-monitoraġġ, ir-riċerka u l-evalwazzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali filwaqt li tiżgura t-tisħiħ tas-sinerġiji, l-allokazzjoni bilanċjata tar-riżorsi finanzjarji u tevita d-duplikazzjoni tal-isforzi. Dan jista' jinkiseb permezz tal-armonizzazzjoni ta' metodoliġiji, netwerking u kooperazzjoni aktar mill-qrib.

32.

Fil-qasam tal-informazzjoni, ir-riċerka, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni huma identifikati l-prijoritajiet li ġejjin (mhux elenkati fl-ordni ta' prijorità):

32.1.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jinvestu fl-iskambju tal-informazzjoni, il-ġbir u l-monitoraġġ tad-data, u fir-riċerka u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-drogi u r-reazzjonijiet għaliha fil-livell nazzjonali u dak tal-UE. Dan għandu jkopri l-aspetti kollha rilevanti tal-fenomenu tad-drogi, inklużi d-domanda għad-drogi u l-provvista tad-drogi. Għandha titqiegħed enfasi partikolari fuq iż-żamma u t-titjib ulterjuri tal-ġbir u r-rappurtar tad-data permezz tal-indikaturi prinċipali tal-EMCDDA fit-tnaqqis tad-domanda għad-drogi.

32.2.

L-EMCDDA għandha, fil-limiti tal-mandat tagħha, tkompli ttejjeb l-infrastruttura tal-għarfien u għandha tkompli twettaq rwol ewlieni bħala l-faċilitatur ċentrali, is-sostenitur u l-fornitur tal-informazzjoni, ir-riċerka, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tad-drogi illeċiti fl-UE kollha. Hija għandha tkompli tipprovdi analiżi f'waqtha, olistika u komprensiva tas-sitwazzjoni tad-drogi fl-Ewropa u r-reazzjonijiet għaliha, u tikkollabora ma' aġenziji oħra rilevanti, inkluż, fejn ikun rilevanti u adatt, iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-WHO.

32.3.

L-Europol għandha tkompli l-isforzi tiegħu fir-rigward tal-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni fil-qasam tal-kriminalità organizzata relatata mad-drogi, waqt li l-Istati Membri għandhom iwasslu l-informazzjoni rilevanti lill-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tkompli tipprovdi regolarment rapporti ta' valutazzjoni tat-theddidiet (eż. EU SOCTA) dwar kriminalità organizzata relatata mad-drogi fl-UE.

32.4.

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE għandhom itejbu l-ġbir ta' informazzjoni u data dwar l-aspetti kollha tal-provvista tad-drogi, inkluż dwar swieq tad-drogi, kriminalità relatata mad-drogi u tnaqqis fil-provvista tad-drogi bil-għan li jtejbu l-analiżi u li jittieħdu deċiżjonijiet informati. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-EMCDDA, l-Europol u – fejn adatt – aġenziji oħra tal-UE għandhom jaħdmu flimkien biex itejbu l-ġbir ta' data u l-iżvilupp ta' indikaturi rilevanti għall-linji ta' politika u xjentifikament sodi.

32.5.

L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-Istati Membri tal-UE għandhom itejbu l-kapaċità li jikxfu, jivvalutaw u jirrispondu b'mod rapidu u effettiv għall-feġġ ta' sustanzi psikoattivi ġodda, għal bidliet ta' mġiba fil-konsum tad-drogi u tfaqqigħ ta' epidemiji u għal tendenzi emerġenti oħra li jippreżentaw riskji għas-sikurezza u s-saħħa pubblika. Dan jista' jinkiseb inter alia permezz tat-tisħiħ tal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE, l-iskambju ta' informazzjoni, l-intelligence, l-għarfien u l-aħjar prattiki.

32.6.

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE għandhom jippromwovu u jappoġġaw ir-riċerka, inkluża r-riċerka applikata, f'sustanzi psikoattivi ġodda u jiżguraw l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn in-netwerks fil-livell nazzjonali u dak tal-UE biex jissaħħaħ il-fehim tal-fenomenu. Il-monitoraġġ f'dan il-qasam għandu jiżdied f'koordinazzjoni mill-qrib mal-EMCDDA. B'mod partikolari, għandha titqiegħed enfasi fuq l-iżvilupp tal-kapaċità forensika u tossikoloġika kif ukoll fuq it-titjib tad-disponibbiltà tal-informazzjoni epidemjoloġika.

32.7.

L-Istati Membri għandhom ikomplu bl-isforzi biex iżommu l-kisbiet magħmula fl-UE f'termini ta' monitoraġġ u skambju ta' informazzjoni, inkluż permezz tan-Netwerk ta' Punti Fokali Nazzjonali Reitox, waqt li jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tal-ġbir ta' data standardizzat tal-UE u l-analiżi fl-oqsma tad-domanda għad-drogi u l-provvista tad-drogi.

32.8.

Jiġi żgurat finanzjament adegwat għal proġetti ta' riċerka u żvilupp relatati mad-drogi f'livell tal-UE u dak nazzjonali, skont ir-riżorsi finanzjarji inkluż permezz tal-programmi ta' finanzjament tal-UE li jkopru l-perijodu 2014-2020. Il-proġetti appoġġati fil-livell tal-UE għandhom jieħdu kont tal-prijoritajiet tal-Istrateġija u l-Pjani ta' Azzjoni tagħha u jagħtu valur miżjud ċar tal-UE, jiżguraw il-koerenza u s-sinerġiji waqt li jevitaw id-duplikazzjoni fil-programmi u mal-korpi tal-UE.

32.9.

L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-Istati Membri tal-UE għandhom jagħrfu r-rwol tal-evalwazzjoni xjentifika tal-politiki u l-interventi (b'iffokar fuq ir-riżultati miksuba) bħala element ewlieni fit-tisħiħ tal-approċċ tal-UE għad-drogi, u għandhom jippromwovu l-użu tagħha fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali.

32.10.

Jiġi żgurat u rinforzat it-taħriġ ta' professjonisti involuti fi kwistjonijiet b'rabta mad-drogi, fil-qasam tat-tnaqqis kemm fid-domanda għad-drogi kif ukoll fil-provvista tad-drogi.


(1)  Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961 kif emendata mill-protokoll tal-1972, il-Konvenzjoni dwar Sustanzi Psikotropiċi (1971) u l-Konvenzjoni kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (1988).

(2)  Rapport dwar il-valutazzjoni indipendenti tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2005-2012 u l-pjani ta’ azzjoni tagħha, disponibbli fi http://ec.europa.eu/justice/anti-drugs/files/rand_final_report_eu_drug_strategy_2005-2012_en.pdf

(3)  TUE, Artikolu 4


Top