EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XG1219(02)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas- 26 ta’ Novembru 2012 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ f'Ewropa 2020 — il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjiegi

OJ C 393, 19.12.2012, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/5


Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ f'Ewropa 2020 — il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjiegi

2012/C 393/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FIL-KUNTEST TA':

L-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

L-istrateġija Ewropa 2020, u b'mod partikolari l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012 u r-rakkomandazzjonijiet tal-2012 speċifiċi għall-pajjiż;

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxu qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu sal-2020 (“ET2020”) (1), li l-għan primarju tiegħu huwa l-appoġġ għal aktar żvilupp tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ fl-Istati Membri li għandhom l-għan li jiżguraw is-sodisfazzjon personali, soċjali u professjonali taċ-ċittadini, kif ukoll il-prosperità ekonomika sostenibbli u l-impjegabbiltà, filwaqt li jippromwovu l-valuri demokratiċi, il-koeżjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva, u d-djalogu interkulturali;

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Frar 2011 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2).

WARA LI KKUNSIDRA:

Ir-Rapport Konġunt ta' Frar 2012 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (3), li jistabbilixxi l-passi biex tissaħħaħ il-governanza ta' “ET2020” u jiġi mmobilizzat il-proċess “ET2020” b'appoġġ għall-objettivi tal-Ewropa 2020 dwar it-tkabbir u l-impjiegi.

U FID-DAWL TA':

1.

Id-dibattitu dwar l-edukazzjoni u Ewropa 2020 li sar matul il-laqgħa informali tal-ministri tal-edukazzjoni f'Nikosija fl-4 u l-5 ta' Ottubru 2012.

2.

L-eżitu tar-reviżjoni pilota bejn il-pari dwar ir-rispons tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ organizata fis-17 ta' Settembru 2012, li ffukat fuq l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala tnejn mill-oqsma ewlenin li l-importanza tagħhom ġiet enfasizzata matul is-Semestru Ewropew tal-2012.

3.

Id-dibattitu pubbliku dwar il-kwistjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ imqajma matul is-Semestru Ewropew tal-2012, li sar matul il-Forum Ewropew dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ fit-18-19 ta' Ottubru 2012.

4.

L-isforzi biex jitjiebu l-evidenza empirika u l-kapaċità analitika permezz tal-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

5.

L-organizzazzjoni ta' reviżjoni tematika konġunta bejn il-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Kumitat tal-Impjiegi fit-18 ta' April 2012.

JILQA':

Ir-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jissottolinja l-kompetenza tal-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw riformi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

JINNOTA LI:

1.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-rakkomandazzjonijiet tal-2012 speċifiċi għall-pajjiż maħruġa mill-Kunsill fl-10 ta' Lulju 2012 jiffokaw speċifikament fuq il-promozzjoni tal-aċċess għal edukazzjoni preprimarja u formali ta' kwalità tajba; it-tnaqqis tan-numru ta' studenti li jħallu l-iskola kmieni; l-iffaċilitar tat-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol; it-titjib tal-eżiti tal-edukazzjoni u r-rilevanza tal-ħiliet għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; ir-rinfurzar tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b'fokus fuq taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol u fuq l-apprentistati; l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja b'enfasi fuq it-tnaqqis tar-rati ta' tluq bikri mill-iskola; u t-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni għall-gruppi żvantaġġati.

2.

Bejn l-2010 u l-2011 sar progress inkoraġġanti, iżda diskwilibrat, lejn il-mira ewlenija tal-UE tal-ilħuq terzjarju jew ekwivalenti u t-tluq bikri mill-iskola, u li l-isforzi kontinwati huma indispensabbli sabiex din il-mira tintlaħaq sal-2020, b'kont meħud tal-fatt li l-isforzi biex jitwettqu r-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ spiss jeħtieġu ż-żmien.

JAQBEL LI:

1.

Anke fi żmien ta' riżorsi finanzjarji skarsi, l-investiment effiċjenti u adegwat f'oqsma favorevoli għat-tkabbir bħall-edukazzjoni u t-taħriġ hu komponent ewlieni tal-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività, li min-naħa tagħhom huma essenzjali għall-ħolqien tal-impjiegi.

2.

L-investiment effiċjenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ jista' jkun saħansitra aktar importanti matul perijodi ta' diffikulta ekonomika u fi żmien ta' qgħad għoli fost iż-żgħażagħ. Ladarba l-kriżi tkun spiċċat, numru akbar ta' gradwati ta' kwalità għolja kemm mill-edukazzjoni għolja kif ukoll mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) jista' sostanzjalment jagħti spinta lill-prospetti ta' tkabbir, irawwem l-innovazzjoni u jgħin jevita kriżi futura.

3.

Il-livelli ta' kompetenza u ħiliet kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-adulti f'ħafna oqsma jeħtieġu jiġu adattati kontinwament u kompletament għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-ekonomija u s-suq tax-xogħol. L-impjegabbiltà tal-persuni għandha għalhekk tiġi promossa kemm fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fuq il-post tax-xogħol, bħala responsabbiltà konġunta tas-settur pubbliku u privat fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja.

4.

Hu kruċjali għall-kisba tal-objettivi tal-Ewropa 2020 li ċ-ċittadini Ewropej jitħejjew biex ikunu persuni li jitgħallmu motivati u awtonomi kapaċi li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tal-koeżjoni soċjali għal perijodu fit-tul.

5.

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikollhom l-għan li jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, li jilħqu bilanċ adatt bejn it-teorija u l-prattika, fejn rilevanti, li jsaħħu konnessjonijiet bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol. It-tagħlim għandu jirrifletti aħjar ir-realtajiet ġodda u, fejn adatt, jinkludi elementi ta' taħriġ prattiku li jista' jikkontribwixxi għat-titjib fl-impjegabbiltà tal-istudenti u oħrajn li qed jitgħallmu.

6.

Is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż fil-livell ministerjali, għandu jkollu rwol aktar prominenti kemm fid-definizzjoni tal-approċċi u l-objettivi komuni relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-aspetti tal-edukazzjoni u t-taħriġ tas-Semestru Ewropew tal-Ewropa 2020:

(a)

billi jsiru dibattiti fil-Kunsill dwar kwistjonijiet relatati mas-Semestru Ewropew;

(b)

billi tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn il-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Kumitat tal-Impjiegi u kumitati rilevanti oħra.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI:

1.

Jiżviluppaw u jimplimentaw, f'konformità mal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet nazzjonali u reġjonali, ir-riformi mmirati għall-ittrattar tal-isfidi indirizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.

Jimmiraw investiment effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ bħala parti mill-istrateġija usa' għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjegi, inkluż permezz tal-programmi tal-UE u l-Fondi Strutturali Ewropej.

3.

Jagħmlu sforzi, flimkien mal-partijiet interessati rilevanti, biex itejbu r-reklutaġġ, l-iżvilupp professjonali u l-istatus ġenerali tal-għalliema fl-iskejjel, il-mexxejja tal-iskejjel u min iħarreġ lill-għalliema, sabiex tiżdied il-kwalità tat-tagħlim u tal-ambjent tat-tagħlim, kif ukoll biex tissaħħaħ l-attrazzjoni ta' dawn il-professjonijiet.

4.

Jinkludu aktar elementi bbażati fuq ix-xogħol fil-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, partikolarment fil-qasam tal-VET, inkluż permezz ta' programmi ta' taħriġ u apprendistati; jistabbilixxu strutturi ta' kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-VET, l-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali; u jżidu l-attrazzjoni tas-settur tal-VET, inkluż billi jiddiversifikaw l-alternattivi fil-VET u billi jagħtu aktar gwida matul l-ewwel snin tal-edukazzjoni sekondarja.

5.

Jippromwovu mogħdijijiet flessibbli bejn il-VET u l-edukazzjoni għolja fil-kuntest ta' oqfsa ta' kwalifiki nazzjonali.

6.

Iwessgħu l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja u l-VET, pereżempju billi jimmiraw miżuri lejn gruppi li huma sottorappreżentati, billi jintroduċu modi ta' tagħlim flessibbli u billi jiżviluppaw, fejn mhux attwata, edukazzjoni għolja orjentata professjonalment jew vokazzjonalment bħala edukazzjoni komplementarja għall-edukazzjoni universitarja.

7.

Jipprovdu appoġġ u gwida aħjar immirata għall-istudenti, bil-ħsieb li jgħinu lill-istudenti jlestu l-lawrja fl-edukazzjoni għolja fiż-żmien previst.

8.

Jorbtu l-prijoritajiet ta' edukazzjoni u taħriġ definiti fl-Istrateġija Ewropa 2020 u l-qafas “ET2020” mal-infiq mill-Fondi Strutturali Ewropej taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali u futur.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

1.

Tevalwa l-eżerċizzju pilota reċenti ta' evalwazzjoni bejn il-pari u, abbażi ta' dan, tippreżenta proposti għal diskussjoni dwar avvenimenti ta' tagħlim bejn il-pari u reviżjonijiet bejn il-pari possibbli futuri marbuta mal-objettivi tal-Ewropa 2020.

2.

Tippreżenta lill-Kunsill abbozz ta' programm ta' ħidma ta' “ET2020”, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-oqsma ta' prijorità għat-tieni ċiklu ta' ħidma 2012-2014 ta' “ET2020” u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż, fejn rilevanti. Għal kull qasam ta' prijorità, il-programm ta' ħidma għandu jispeċifika l-azzjoni, iż-żmien u l-involviment ippjanati tal-gruppi ta' ħidma tal-MMK.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI:

1.

Jiżguraw — mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali — li l-ħtiġijiet ta' riforma ssottolinjati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jiġu meqjusin fl-għażla ta' prijoritajiet u intervenzjonjiet ta' investiment programmati taħt il-Qafas Strateġiku Komuni futur tal-Fondi Strutturali Ewropej.

2.

Jikkoordinaw aħjar in-netwerks ta' Eurydice u ta' netwerks rilevanti oħra, bħal ReferNet tas-Cedefop, bil-ħsieb tal-analiżi tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri u tar-riformi li qed jitwettqu fil-proċess ta' Ewropa 2020.


(1)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(2)  ĠU C 70, 4.3.2011, p. 1.

(3)  ĠU C 70, 8.3.2012, p. 9.


Top