EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XG0615(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal- 11 ta' Mejju 2012 dwar it-tisħiħ tal-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ

OJ C 169, 15.6.2012, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2012 dwar it-tisħiħ tal-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ

2012/C 169/01

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL:

WARA LI KKUNSIDRAW:

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għal kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) li tappella għal appoġġ biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'demokrazija rappreżentattiva u soċjetà ċivili fil-livelli kollha u fis-soċjetà inġenerali u wkoll biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tat-talenti u l-ħiliet intraprenditorjali taż-żgħażagħ bil-ħsieb li jitjiebu l-impjegabbiltà u l-opportunitajiet ta' xogħol futur tagħhom u biex jiġu promossi l-iżvilupp personali, kapaċitajiet ta' apprendiment imtejba, il-ħiliet interkulturali, il-fehim u r-rispett tad-diversità kulturali kif ukoll l-iżvilupp ta' kompetenzi u ħiliet ġodda u flessibbli għal opportunitajiet ta' xogħol futuri.

L-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija tagħha “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda” u “Żgħażagħ Attivi”, u speċjalment il-mira ewlenija dwar l-impjiegi (li għandha l-għan li tgħolli b'75 % r-rata tal-impjiegi tan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ, ta' ħaddiema akbar fl-età u ta' ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-migranti legali) u l-mira ewlenija dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ (titjib tal-livelli tal-edukazzjoni, b'mod partikolari bl-għan li jitnaqqsu r-rati tat-tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10 % u jiżdied is-sehem ta' persuni ta' bejn it-30 u l-34 sena li jkunu temmew edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti għal mill-inqas 40 %);

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar il-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar il-promozzjoni ta' Ġenerazzjoni Kreattiva: l-iżvilupp tal-kreattività u l-kapaċità innovattiva taż-żgħażagħ permezz tal-espressjoni kulturali billi jiġi promoss aċċess usa' għall-kultura u l-espressjoni kulturali kemm permezz tal-edukazzjoni formali kif ukoll tat-tagħlim mhux formali, b'mod partikolari permezz ta' sħubijiet strutturati u strateġiċi fil-livell istituzzjonali u ta' politika;

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010 dwar il-Ħidma fil-Qasam taż-Żgħażagħ “tenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ tkun inkorporata bis-sħiħ fl-inizjattiva Żgħażagħ Attivi. Għandha tarma liż-żgħażagħ, b'mod partikolari dawk b'anqas opportunitajiet, bil-ħiliet rilevanti u l-kompetenzi ewlenin meħtieġa għas-soċjetà u l-ekonomija tal-2020”.

Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2011 dwar l-inkoraġġiment ta' forom ġodda u effettivi ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha fil-ħajja demokratika fl-Ewropa li tirrikonoxxi li ż-żgħażagħ għandhom kontributi siewja għall-iżvilupp tas-soċjetà;

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Novembru 2011 dwar il-kompetenzi kulturali u kreattivi u r-rwol tagħhom fil-bini tal-kapital intellettwali fl-Ewropa;

Id-Dikjarazzjoni mill-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012 li tappella għal sforzi biex jiġu stimulati l-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, inkluż billi jiġu promossi l-ewwel esperjenza ta' xogħol tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

JIRRIKONOXXU LI:

l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja għadd konsiderabbli ta' sfidi, inklużi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali li jwasslu għal tkabbir u progress insuffiċjenti, qgħad għoli taż-żgħażagħ u opportunitajiet limitati għaż-żgħażagħ, kif ukoll nuqqas ta' inklużjoni soċjali u koeżjoni;

ir-rata ta' qgħad attwali taż-żgħażagħ fl-Ewropa li hija aktar minn 20 % hija d-doppju ta' dik għall-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u x'aktarx ikollha implikazzjonijiet serji fil-perijodu qasir u fit-tul għaż-żgħażagħ milqutin, inklużi żgħażagħ bi ħtiġijiet addizzjonali jew speċifiċi jew b'anqas opportunijiet li jistgħu jkollhom kwalifiki limitati;

hemm domanda li qed tikber għal kreattività, innovazzjoni, adattabbiltà u ħiliet ta' komunikazzjoni avvanzati fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja soċjali kif ukoll ħtieġa li jiġu żviluppati l-ħiliet intraprenditorjali;

il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi proċessi demokratiċi formali bħal elezzjonijiet hija spiss aktar baxxa minn dik tal-popolazzjoni inġenerali.

JIKKUNSIDRAW LI:

l-potenzjal kreattiv u innovatti taż-żgħażagħ permezz tal-intraprenditorjat huwa wieħed mill-elementi kruċjali għall-ksib ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inkużiv;

l-edukazzjoni intraprenditorjali tista' tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ ikollhom attitudni aktar pożittiva lejn l-edukazzjoni, ikollhom ambizzjonijiet ogħla għall-edukazzjoni u l-karriera futuri tagħhom, iħossu li huma jistgħu jikkontribwixxu għas-soċjetà u jkollhom prospetti aktar ottimisti dwar il-futur;

l-involviment attiv taż-żgħażagħ fis-soċjetà, pereżempju permezz ta' ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, attivitajiet volontarji u organizzazzjonijiet ċiviċi jista' jisfrutta l-kreattività u l-kapaċità innovattiva tagħhom u b'hekk iċ-ċittadinanza attiva tagħhom u jżid il-prospetti tagħhom għas-suq tax-xogħol u għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg indipendenti;

it-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ formali huma indispensabbli għall-iżvilupp ta' kompetenzi u ħiliet għall-impjegabbiltà, għall-ksib ta' inklużjoni aħjar taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali;

il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma mezz għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi taż-żgħażagħ, inkluż taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet;

il-kisba ta' kompetenzi kulturali hija fundamentali għall-iżvilupp tal-kapital intellettwali taż-żgħażagħ u tippromwovi l-formazzjoni tal-kreattività tagħhom u l-kapaċità tagħhom ta' innovazzjoni;

l-użu kreattiv taż-żgħażagħ tal-media soċjali għandu jiġi stimulat aktar, flimkien ma' sforzi biex isaħħu l-abbiltà tagħhom li jaċċessaw il-media u li jifhmu, jevalwaw b'mod kritiku, joħolqu u jikkomunikaw il-kontenut tal-media, bil-għan li jsaħħu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà inġenerali, inkluż il-bini ta' kapital soċjali permezz tal-possibbiltà li l-komunitajiet u l-individwi jikkomunikaw online u fl-istess ħin is-soċjetà tibbenefika mill-kompetenzi u l-ħiliet tagħhom.

JAQBLU LI:

il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol hija essenzjali biex wieħed jibbenefika mill-potenzjal kreattiv u innovattiv tagħhom kif ukoll biex jiġu żgurati ċittadinanza attiva u inklużjoni soċjali;

il-kreattività, il-kapaċità innovattiva u l-ħiliet intraprenditorjali taż-żgħażagħ bħala għodod għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, u żieda tal-impjegabbiltà għandhom jiġu promossi, permezz ta' finanzjament adattat u bl-iżvilupp ta' sħubijiet bejn is-setturi rilevanti li għandhom l-għan li jistimulaw l-innovazzjoni;

il-kompetenzi u l-ħiliet miksuba permezz ta' tagħlim mhux formali u informali għandhom jiġu promossi aħjar u preferibbilment jiġu vvalidati sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet taż-żgħażagħ u r-rwol futur tagħhom fis-suq tax-xogħol eż. bħala impjegati jew intraprendituri;

l-inizjattivi taż-żgħażagħ - kif attwalment appoġġati mill-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni - huma strument importanti biex jispiraw u jappoġġaw intraprenditorjat kreattiv taż-żgħażagħ.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

(1)

jappoġġaw il-kreattività, il-kapaċità innovattiva u t-talent taż-żgħażagħ bil-għan li jiżguraw opportunitajiet suffiċjenti għall-iżvilupp personali u soċjali permezz ta' tagħlim mhux formali u informali, l-attivitajiet volontarji, iċ-ċittadinanza attiva, il-kooperazzjoni interkulturali u l-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, pereżempju bl-iżgurar ta' finanzjament adatt u sostenibbli fejn possibbli;

(2)

jistimulaw is-sħubijiet strateġiċi bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-awtoritajiet fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali kif ukoll is-settur privat biex jorganizzaw proġetti u avvenimenti mmexxijin miż-żgħażagħ;

(3)

jiffaċilitaw u jtejbu r-rikonoxximent u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;

(4)

jinkoraġġixxu inizjattivi biex jippromwovu l-koproprjetà maż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ permezz ta' djalogu fejn l-atturi kollha jistgħu jesprimu ideat biex jinvolvu liż-żgħażagħ fi proċeduri demokratiċi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha;

(5)

jippromwovu u jxerrdu informazzjoni dwar il-kreattività, il-kapaċità innovattiva u t-talent taż-żgħażagħ permezz ta' skambju tal-aħjar prattika.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

(1)

jistabbilixxu grupp tematiku ta' esperti bil-parteċipazzjoni ta' esperti nazzjonali maħturin mill-Istati Membri skont il-prinċipju tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness bl-objettiv li ġej:

il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika dwar kif jiġu promossi l-kreattività u l-kapaċità innovattiva taż-żgħażagħ billi jiġu identifikati l-kompetenzi u l-ħiliet miksuba permezz ta' tagħlim mhux formali u informali rilevanti għall-impjegabbiltà;

(2)

jindirizzaw il-kreattività u l-kapaċità innovattiva taż-żgħażagħ kif ukoll iċ-ċittadinanza attiva u l-inklużjoni soċjali tagħhom permezz tal-prijoritajiet tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni u, mingħajr preġudizzju għan-negozjati li għaddejjin, possibbilment programmi u fondi eżistenti u futuri oħra tal-UE, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew;

(3)

jikkunsidraw iniedu riċerka dwar l-użu tal-media fir-rigward tal-parteċipazzjoni demokratika fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex jappoġġaw żieda fil-parteċipazzjoni demokratika permezz ta' komunikazzjoni mfassla apposta, favorevoli għaż-żgħażagħ u trasparenti;

(4)

jagħmlu l-aħjar użu mis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 (1) bil-ħsieb li ssir enfasi fuq il-mobbiltà libera u l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fis-soċjetà Ewropea; u jsaħħu l-għarfien tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE, il-koeżjoni u l-fehim reċiproku ta' xulxin.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX:

(1)

tirrapporta lura lill-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ dwar ir-riżultati ta' dan il-grupp tematiku ta' esperti l-aktar tard sa tmiem l-2013;

(2)

ixxerred ir-riżultati tal-istudju li se jsir dwar “Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-Ħajja Demokratika fl-Ewropa”, b'fokus speċjali fuq l-implikazzjonijiet possibbli tiegħu għall-impjegabbiltà taż-żgħażagħ;

(3)

jagħmlu proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali kif imħabbar fl-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 “Żgħażagħ Attivi” u “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”.


(1)  Soġġett għall-adozzjoni formali tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013), dok. 13478/11.


ANNESS

Prinċipji relatati mas-sħubija u l-funzjonament tal-grupp tematiku ta' esperti stabbilit mill-Istati Membri u l-Kummissjoni

Sħubija

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-ħidma tal-grupp hija volontarja u l-Istati Membri jistgħu jissieħbu fiha fi x'ħin iridu.

L-Istati Membri interessati li jipparteċipaw fil-ħidma tal-grupp tematiku ta' esperti ser jiżguraw li l-esperti nnominati jkollhom esperjenza rilevanti fil-livell nazzjonali u ser jiżguraw komunikazzjoni effettiva mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Kummissjoni ser tikkoordina l-eżerċizzju tan-nominazzjoni.

Il-grupp tematiku ta' esperti jista' jiddeċiedi li jistieden parteċipanti oħrajn: esperti indipendenti, partijiet interessati u rappreżentanti tal-pajjiżi terzi Ewropej.

Proċeduri ta' ħidma

Il-grupp tematiku ta' esperti ser ikun responsabbli li jaħtar il-president jew il-kopresidenti tiegħu fl-ewwel laqgħa tal-grupp ta' esperti. Huwa ser iħejji wkoll skeda ta' ħidma bil-ħsieb li jinkisbu riżultati konkreti u utli dwar is-suġġett mitlub.

Il-Kummissjoni ser tipprovdi tagħrif espert, kif ukoll appoġġ loġistiku u segretarjali għall-ħidma tal-grupp tematiku ta' esperti. Sakemm ikun possibbli, hija ser tappoġġa lill-grupp b'mezzi adatti oħrajn.

Il-grupp tematiku ta' esperti ser jiltaqa' fi Brussell bħala regola ewlenija, iżda jista' jorganizza laqgħat barra Brussell meta mistieden minn Stat Membru.


Top