Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0095

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-impjiegi tas-servizzi personali u domestiċi Li jakkumpanja d-dokument KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn irkupru li joħloq l-impjiegi

/* SWD/2012/0095 final */

52012SC0095

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-impjiegi tas-servizzi personali u domestiċi Li jakkumpanja d-dokument KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn irkupru li joħloq l-impjiegi /* SWD/2012/0095 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-impjiegi tas-servizzi personali u domestiċi

Li jakkumpanja d-dokument

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn irkupru li joħloq l-impjiegi

WERREJ

1.        

1........... INTRODUZZJONI 3

2........... ID-DEFINIZZJONI U L-KEJL TAS-SERVIZZI PERSONALI U DOMESTIĊI 4

3........... L-ISFIDI TAL-POLITIKA U TAS-SUQ TAX-XOGĦOL. 10

4........... IT-TRIQ ’IL QUDDIEM... 16

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Dan id-dokument huwa dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea għal finijiet ta' informazzjoni. Dan ma jirrappreżentax il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni, u lanqas ma jantiċipa tali pożizzjoni.

1.           INTRODUZZJONI

Sabiex jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg fi żminijiet ta' konsolidament fiskali u biex ir-rata tal-impjieg fost dawk li għandhom bejn 20 u 64 sena tiżdied għal 75 % sal-2020[1], l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012 enfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri li jagħtu prijorità lill-"iżvilupp ta' inizjattivi li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ setturi bl-ogħla potenzjal ta' impjiegi, inkluż fl-ekonomiji effiċjenti fir-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju ("l-impjiegi ekoloġiċi"), fis-settur tas-saħħa u tas-servizzi soċjali (l-"impjegi fis-settur tas-saħħa"), kif ukoll fl-għoti ta' servizzi oħra lill-individwi u lill-unitajiet domestiċi u fl-ekonomija diġitali"[2]. Bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020, l-inizjattiva ewlenija "Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi"[3] għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-kisba tal-miri tal-2020 permezz tal-aġġornament, l-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet.

L-attivitajiet li jikkontribwixxu għall-benessri tal-familji u tal-individwi fid-dar, bħas-servizzi ta’ kura u s-servizzi tax-xogħol tad-dar, għandhom potenzjal importanti għall-ħolqien tal-impjiegi. Is-servizzi tal-kura fid-dar jiffurmaw parti mill-"impjiegi fis-settur tas-saħħa" flimkien mas-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-attivitajiet tal-kura residenzjali, filwaqt li s-servizzi tax-xogħol tad-dar jinsabu fil-limiti ta’din il-kategorija. Id-domanda għas-servizzi tal-kura u dawk domestiċi hi mistennija li tiżdied minħabba x-xejra importanti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Istati Membri kollha, flimkien mat-tnaqqis previst fl-għadd ta' carers potenzjali fiċ-ċirku tal-familja.

Fid-dibattiti ta’ politika f’bosta Stati Membri, is-servizzi personali u domestiċi ta' spiss jissemmew bħala tweġiba possibbli għall-kwistjonijiet li ġejjin:

· Bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li jinkiseb permezz ta' żieda fl-esternalizzazzjoni tax-xogħol li jsir ta' kuljum fid-dar kif ukoll tal-kura tat-tfal u tal-anzjani. Servizzi tal-kura aċċessibbli u affordabbli huma wkoll prekondizzjoni importanti biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

· Il-ħolqien ta' opportunitajiet tax-xogħol għall-ħaddiema li jkollhom relattivament ftit kompetenzi professjonali, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu s-servizzi tax-xogħol tad-dar, bi spiża baxxa għall-finanzi pubbliċi billi titħeġġeġ il-provvista tas-servizzi tax-xogħol tad-dar fl-ekonomija formali minflok fl-ekonomija klandestina. Il-ħolqien tax-xogħol hu wkoll fattur meta titqies l-ispiża tal-alternattivi differenti għall-kura fit-tul.

· It-titjib fil-kwalità tal-kura, bis-saħħa ta' forza tax-xogħol li jkollha l-ħiliet tajbin u li tgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol tajba, suġġetta għal kontrolli tal-kwalità fuq il-fornituri tas-servizzi.

Ir-riallokazzjoni ta' dawn is-servizzi mill-ekonomija klandestina għal dik formali se jikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien u t-tkabbir tal-mikrointrapriżi u tal-SMEs u minħabba li ħafna minn dawn is-servizzi huma pprovduti minn persuni li jaħdmu għal rashom u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Għalkemm l-impjiegi fis-servizzi personali u domestiċi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, ikun utli li ssir riflessjoni komuni billi l-Istati Membri kollha jħabbtu wiċċhom mal-istess sfidi. Il-qsim tal-prattiki tajba, tal-analiżi u tal-esperjenzi jista' jikkontribwixxi biex jinstabu t-tweġibiet it-tajba għall-problemi li jeżistu bħalissa f'dan il-qasam tal-ekonomija iżda wkoll għall-ħtiġijiet futuri li jirriżultaw mill-iżviluppi demografiċi. B'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-servizzi tal-Kummissjoni jippreżentaw dan id-dokument għad-dibattitu lill-partijiet interessati kollha, partikolarment l-awtoritajiet nazzjonali, l-imsieħba soċjali, l-utenti u l-fornituri tas-servizz.

2.           ID-DEFINIZZJONI U L-KEJL TAS-SERVIZZI PERSONALI U DOMESTIĊI

Għall-iskop ta' dan id-dokument, it-terminu "servizzi personali u domestiċi" (PHS) ikopri firxa wiesgħa ta' attivitajiet li jikkontribwixxu għall-benessri fid-dar tal-familji u tal-individwi: il-kura tat-tfal (CC), il-kura fit-tul (LTC) għall-anzjani u għall-persuni b’diżabbiltajiet, it-tindif, il-tagħlim rimedjali, it-tiswijiet fid-dar, il-ġardinaġġ, is-sostenn tal-ICT, eċċ.

Abbażi tal-informazzjoni statistika disponibbli, nistgħu nindikaw biss approssimazzjoni tal-kopertura tan-NACE[4] tal-PHS u l-għadd ta' persuni impjegati formalment f’dan il-qasam li huwa stmat li jammonta għal 7,5 miljuni.

Is-CC u l-LTC għall-anzjani u għall-persuni b’diżabbiltajiet huma s-servizzi soċjali, li ħafna drabi jiġu pprovduti mill-atturi tal-ekonomija soċjali, u għandhom rwol essenzjali fiż-żamma tal-koeżjoni soċjali. Dawn ġeneralment jitqiesu li huma ta’ interess ġenerali u ħafna drabi jiġu ffinanzjati mill-baġits pubbliċi. Fil-livell tal-UE, il-koordinazzjoni tal-politika dwar il-provvista ta’ dawn is-servizzi soċjali sseħħ fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali[5]. Sa fejn għandha x'taqsam speċifikament l-LTC, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali adotta rapport speċjali dwar l-LTC f’April 2008 u ta bidu għal riflessjoni ulterjuri dwar il-modi li ta' min wieħed jesplora fir-rigward tal-isfidi marbuta mal-LTC. Barra minn hekk, is-CC u l-LTC, flimkien ma' servizzi oħra ta' interess ġenerali, kienu s-suġġett ta' dibattitu dwar l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni: f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni f'Diċembru 2011 fasslet sett ta' proposti li jippermettu t-tisħiħ tal-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku, u ressqet reġim simplifikat u ġdid ta' għajnuna mill-Istat[6]. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppromwoviet l-iżvilupp, fil-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, ta' Qafas Ewropew tal-Kwalità volontarju għas-servizzi soċjali[7] li għandu jservi bħala referenza għad-definizzjoni, l-assigurazzjoni, il-valutazzjoni u t-titjib tal-kwalità ta’dawn is-servizzi.

Is-servizzi personali u domestiċi għandhom għadd ta' karatteristiċi interessanti mil-lat tal-politika tal-impjiegi:

· Il-kontenut baxx ta’ importazzjoni (attivitajiet prodotti lokalment), li jimplika tnaqqis żgħir fl-importazzjoni fil-każ tal-intervent pubbliku;

· L-għadd kbir ta' impjiegi, li jimplika effett potenzjalment importanti fuq il-ħolqien tal-impjiegi f’każ ta' sostenn pubbliku;

· Il-livelli varji ta’ rekwiżiti għal ħiliet tekniċi (il-possibbiltajiet ta’ approċċ "do it yourself" f’ċerti oqsma, rekwiżiti ogħla fil-każ tal-kura), iżda ġeneralment il-ħtieġa għal livell diċenti ta' kompetenzi diġitali u ħiliet soċjali u relazzjonali tajba;

· Il-produttività baxxa f’uħud mill-ħidmiet involuti, iżda ż-żidiet indiretti fil-produttività huma possibbli jekk il-klijenti tal-PHS ikunu jistgħu jiffokaw aktar fuq il-ħidma ta' produttività ogħla tagħhom stess;

· Meta wieħed iqis il-predominanza tal-ħaddiema mhux iddikjarati f'dawn is-setturi, l-intervent pubbliku x'aktarx li ma jqanqalx ċaqliq fl-impjiegi minn setturi oħra;

· Il-ħtieġa dejjem tikber għal dawn is-servizzi dovuta għat-tixjiħ tal-popolazzjoni u għall-ħtieġa biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-attivitajiet tal-PHS jgħinu biex itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kif ukoll jipproduċu effetti ta' rkupru permezz ta' żieda fis-sigħat tax-xogħol jew ritorn lejn is-suq tax-xogħol.

Tradizzjonalment il-PHS huma pprovduti mill-unità domestika u fi ħdanha, partikolarment min-nisa. Partijiet minn dawn il-ħidmiet ġew progressivament esternalizzati barra mid-dar (is-servizzi ta' catering, il-ħasil, iċ-ċentri għall-indukrar tat-tfal u l-istituzzjonijiet għall-anzjani) jew fid-dar lil ħaddiema esterni impjegati direttament jew indirettament mill-unità domestika. Kif imsemmi hawn fuq, l-awtoritajiet pubbliċi ġew involuti wkoll fl-organizzazzjoni u fil-finanzjament tal-LTC u tas-CC bħala għodod ta’ politiki soċjali.

2.1.        Il-provvista ta' PHS fl-unità domestika

L-estimi tal-OECD[8] juru li l-membri adulti tal-unità domestika fl-Istati Membri Ewropej tal-OECD iqattgħu bħala medja sagħtejn u nofs kuljum fuq il-kura u x-xogħol tad-dar. In-nisa huma ferm aktar involuti (tliet sigħat u nofs) meta mqabbla mal-irġiel (siegħa u nofs) (ara l-Figura 1). L-ikbar parti tax-xogħol mhux imħallas hija x-xogħol ta’ rutina li jsir fid-dar (it-tisjir, it-tindif, il-ġardinaġġ, u l-manutenzjoni tad-dar) u l-attivitajiet ta' kura.

Jekk wieħed jassumi li 331 miljun tal-popolazzjoni fl-UE bejn il-15 u l-65 sena (attivi u inattivi) iqattgħu sagħtejn u nofs kull wieħed kuljum fuq ix-xogħol tad-dar u l-kura, dan jirrappreżenta +/- 830 miljun siegħa kuljum ta' xogħol tad-dar fl-UE jew kważi 100 miljun ta' ekwivalenti full-time. L-esternalizzazzjoni ta’ xi wħud minn dawn l-attivitajiet tista' tirrappreżenta sors importanti ta’ impjiegi ġodda (l-impjieg indipendenti, il-ħolqien jew l-iżvilupp tal-SMEs).

Figura 1: Minuti li jiġu ddedikati kuljum għall-attività mill-irġiel u min-nisa

Sors: "Society at a Glance 2011-OECD social indicators"[9]

Barra minn hekk, rapport tal-Eurofound[10] tal-2011 ikkonkluda li madwar 80 % tal-ħin mgħoddi fil-kura tal-persuni b’diżabbiltà jew persuni anzjani dipendenti hu pprovdut minn fornituri tal-kura informali, speċjalment mill-istess unità domestika, jew minn fost il-ħbieb u l-ġirien, bl-ebda impatt fuq in-nefqa pubblika. Għalkemm min jipprovdi l-kura informali jista' jirċievi ħlasijiet informali mingħand il-persuna li tirċievi l-kura, dan mhuwiex ekwivalenti għal relazzjoni bejn l-impjegat u min iħaddem.

Madankollu, iż-żieda fir-rata tal-impjiegi fost in-nisa (minn 51,2 % fl-1997 għal 58,2 % fl-2010) timplika inqas ħin imqatta' fid-dar, u l-ħtieġa li jitqiesu mill-ġdid il-kura informali msejsa fuq l-unità domestika għat-tfal u għall-anzjani kif ukoll ix-xogħol tad-dar. Barra minn hekk, ir-rati tad-divorzju li dejjem qed jiżdiedu[11] jistgħu jnaqqsu s-sostenn tradizzjonali tal-unità domestika għall-anzjani. Id-dejta disponibbli għall-perjodu bejn l-1970 u l-2007 turi li din ix-xejra hija komuni madwar l-Ewropa, b'ċerti differenzi fost għadd ta' Stati Membri. Fil-livell tal-UE, ir-rata assoluta tad-divorzju[12] żdiedet minn 0,9 % fl-1970 għal 2,1 % fl-2007, bl-ogħla rati fl-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit.

It-tieni Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja, il-Ħajja Familjari u x-Xogħol[13] enfasizza li ammont eċċessiv ta' xogħol minħabba obbligi professjonali jew familjari jwassal biex is-sodisfazzjon tal-ħajja jonqos b'mod sostanzjali. Barra dan, il-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol[14] wera li kważi wieħed minn kull ħames ħaddiema Ewropej qed ikollu diffikultajiet biex jikseb bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. In-nisa li huma impjegati bi qligħ full time barra minn djarhom jesperjenzaw kunflitt bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u għandhom it-tendenza li jkunu inqas sodisfatti b'ħajjithom min-nisa li jaħdmu biss fid-dar. Billi l-impjieg tan-nisa huwa parti importanti tal-prosperità ekonomika tagħna, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aħjar biex jikkontribwixxu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jappoġġaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

Kopertura tajba tal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal hija kruċjali biex jiżdiedu r-rati tal-impjieg fost in-nisa u biex tintlaħaq il-mira prinċipali tal-impjieg miftiehma fil-qafas ta' Ewropa 2020[15]. Fil-każ ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, in-nefqa għandha titqies ukoll bħala investiment fil-ġejjieni. Il-kwalità tal-indukrar tat-tfal tista' tgħin fl-iżvilupp tal-ħiliet u tal-kapaċitajiet ta' tagħlim tat-tfal iż-żgħar (speċjalment dawk żvantaġġati). B'mod ġenerali, il-familji jkollhom għażla jew li jużaw is-servizzi ta’ ċentri għall-indukrar tat-tfal, jew li jħallsu lil xi ħadd biex jieħu ħsieb lil uliedhom individwalment fid-dar, jew li jinvolvu lill-membri tal-familja jew jieħdu ħsieb huma stess. L-għażla tiddependi fuq il-prezz tas-servizzi u fuq id-disponibbiltà tal-postijiet. Għaldaqstant, l-għażla tagħhom ikollha impatt fuq ir-rata tal-impjiegi. B'mod ġenerali, in-nuqqas ta' CC jew LTC formali jista' jiġi kkumpensat permezz ta' arranġamenti informali li jappoġġaw il-parteċipazzjoni fl-impjiegi formali tal-utenti, iżda mhux tal-fornituri.

2.2.        L-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi għall-indukrar tat-tfal u l-kura fit-tul

Fil-livell tal-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi jappoġġaw is-CC u l-LTC b'konformità mal-miri tal-politika soċjali, billi dawn is-servizzi għandhom rwol essenzjali ta' inklużjoni soċjali u huma prekundizzjoni biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-intervent pubbliku fl-organizzazzjoni u fil-finanzjament tas-CC u tal-LTC jimmira li jiżgura d-dritt li kulħadd ikollu aċċess għal servizzi ta' kwalità għolja, indipendentement mill-ġid jew mid-dħul, kif ukoll is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi ta' provvista.

L-awtoritajiet pubbliċi jew jipprovdu s-servizzi direttament jew jappoġġaw il-provvista tagħhom minn fornituri privati (dawk bi qligħ jew dawk li mhumiex), filwaqt li għandhom jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE. Ħafna drabi l-kura tal-anzjani fid-dar, li fosthom l-inċidenza ta' indebolimenti jew diżabbiltajiet hija ogħla, u ta' persuni b’diżabbiltajiet jeħtieġ li tkun ikkomplementata mis-servizzi tax-xogħol tad-dar.

L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jsostnu wkoll id-domanda għas-CC u l-LTC permezz ta' konċessjonijiet għad-dipendenti (eż. fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Franza), konċessjonijiet għall-familja jew tnaqqis mit-taxxa fuq l-ispejjeż imġarrba għas-servizzi ta’ kura[16].

Il-kura għall-anzjani

Is-servizzi tal-LTC huma meħtieġa għall-persuni li jiddependu fuq l-għajnuna biex iwettqu attivitajiet ta' kuljum, pereżempju biex iqumu, jieklu, jinħaslu, jilbsu, jidħlu fis-sodda jew jużaw it-tojlit. L-LTC tingħata jew b'mod informali (ara t-taqsima preċedenti) jew b'mod formali mill-assistenti tal-kura. Il-kura formali tingħata fid-dar jew f’istituzzjonijiet (bħaċ-ċentri tal-kura u d-djar tal-kura) u ġeneralment parti mill-ispiża hi sostnuta mill-awtoritajiet pubbliċi.

Xi wħud mill-Istati Membri kellhom servizzi ta' kura fid-dar raġonevolment komprensivi stabbiliti għal bosta snin u l-ħtiġijiet ta' LTC tal-popolazzjoni huma koperti kompletament fis-sistema formali. Fi Stati Membri oħra li għandhom tradizzjonijiet ta' għajnuna soċjali aktar orjentati lejn il-familja, l-approċċi komprensivi għall-kura fit-tul għadhom kif bdew jiġu żviluppati biss pjuttost reċentement. B’kuntrast, għadd kbir ta' persuni ma jirċivux servizzi tal-kura formali u jiddependu esklussivament fuq il-kura informali fi Stati Membri oħra[17].

Il-kura tat-tfal

Il-ħtiġijiet tal-familji u l-offerta tal-indukrar tat-tfal ivarjaw skont l-età tat-tfal (il-liv tal-maternità/tal-ġenituri, iż-żmien bejn il-liv tal-maternità/tal-ġenituri u d-dħul fl-iskola obbligatorja, u waqt il-perjodu ta' edukazzjoni obbligatorja). Il-kwalità affordabbli u aċċessibbli tal-provvista tas-CC hi estremament importanti għall-ġenituri li jaħdmu. Madankollu, id-disponibbiltà, il-kwalità u l-affordabbiltà tas-CC ivarjaw b' mod estensiv madwar l-Ewropa. Id-dejta tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (UE-SILC) tindika li xi Stati Membri għandhom arranġamenti formali estensivi (inkluża l-edukazzjoni preprimarja), filwaqt li oħrajn jiddependu aktar fuq arranġamenti oħra (bħall-persuni li jindukraw it-tfal u/jew il-familja, il-ħbieb jew il-ġirien). Fil-kategorija tal-età bejn 0 u sentejn, l-użu ta' arranġamenti ta' CC formali jvarja minn 73 % fid-Danimarka għal 2 % biss fir-Repubblika Ċeka u fil-Polonja[18]. Fil-qafas tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal.

Id-domanda għal CC hi influwenzata mir-rata tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol (l-ommijiet), l-għadd effettiv ta' sigħat part-time maħduma, il-livelli tal-qgħad, it-tul tal-liv tal-ġenituri, il-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskola u d-disponibbiltà ta' alternattivi bħan-nanniet u/jew arranġamenti informali oħra[19].     

2.3.        Il-provvista ta' PHS minn ħaddiema mhux iddikjarati

Mingħajr l-appoġġ pubbliku, l-impjieg formali fil-PHS hu pjuttost għali għall-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni u s-suq formali (ara l-punt 2.2) għall-PHS hu pjuttost limitat. Għalhekk, parti notevoli tal-PHS hi pprovduta b'mod informali minn ħaddiema mhux iddikjarati. Jidher ċar li dan hu dovut għad-differenza bejn il-paga netta tal-utent u l-ispiża tal-fornitur tas-servizz għal attivitajiet li l-utent jista’ jwettaq hu jew hi stess.

Minħabba n-natura tax-xogħol mhux iddikjarat, hu ferm diffiċli li wieħed jagħmel stima tiegħu. In-numru ta' studji mwettqa biex jitfgħu dawl fuq l-estent tax-xogħol mhux iddikjarat fl-UE, hu wieħed limitat. L-Ewrobarometru speċjali (Nru 284) dwar "Ix-xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea"[20] imsejjes fuq stħarriġ dirett b'intervisti ma' 26 755 ċittadin tal-UE li għandhom 15-il sena jew aktar u li jgħixu fis-27 Stat Membru tal-UE, ġie ppubblikat f’Ottubru 2007. Fl-istħarriġ id-definizzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat ma kinitx ristretta għal xogħol imwettaq għall-flus iżda kienet tinkludi wkoll ix-xogħol li jsir bi ħlas in natura. Skont l-istħarriġ, 11 % tal-popolazzjoni fl-UE27 ammettew li kienu xtraw oġġetti jew servizzi marbuta ma' xogħol mhux iddikjarat. Fosthom, 17 % tax-xerrejja qalu li xtraw servizzi domestiċi (eż. il-ġardinaġġ, it-tindif tad-dar, il-kura tat-tfal u tal-anzjani) u 8 % xtraw servizzi personali (eż. il-kura tax-xagħar jew it-tagħlim privat), li jirrappreżentaw 7,7 miljun u 3,5 miljun individwu rispettivament.

Jekk inqisu dawn iċ-ċifri u nikkalkolaw li għandna bejn wieħed u ieħor 410 miljun individwu li għandhom 15-il sena jew aktar fl-Ewropa, nistgħu nikkonkludu li 45,1 miljun[21] ruħ użaw ix-xogħol mhux iddikjarat. Billi l-ħaddiema mhux iddikjarati normalment ma jaħdmux full-time[22], in-numru potenzjali ta' ħaddiema mhux iddikjarati fis-servizzi domestiċi hu stmat għal miljun. Din hija stima konservattiva li tqis il-probabbiltà tan-nuqqas ta' rappurtar fl-istħarriġ dwar ix-xogħol mhux iddikjarat.

Madankollu, jista' jkun li din il-previżjoni msejsa fuq l-Ewrobarometru qed tissottovaluta s-sitwazzjoni reali. Fil-fatt, jidher li d-dejta riċenti mill-Ġermanja u mill-Italja[23] waħidha taqbeż din l-istima. Il-Ġermanja hija wieħed mill-Istati Membri bl-ogħla livell ta' impjieg informali fid-djar privati billi hu preżunt li bejn 90 u 95 % ta' dawn l-attivitajiet fid-djar privati jingħataw b'mod informali. Din iċ-ċifra tinkludi l-impjieg informali tal-migranti irregolari kif ukoll ix-xogħol informali imwettaq minn ġirien, ħbieb u konoxxenti. Ix-xogħol informali hu mifrux speċjalment fl-unitajiet domestiċi tal-anzjani fejn jaħdmu mill-inqas bejn 500 000 u 600 000 ħaddiem domestiku informali. L-Italja wkoll għandha sehem kbir ta’ impjieg informali fl-unitajiet domestiċi privati fejn il-biċċa l-kbira tax-xogħol domestiku jitwettaq minn migranti irregolari. L-għadd attwali ta’ ħaddiema migranti fil-qasam tal-kura (l-hekk imsejħa "badanti"[24]) mhuwiex magħruf, minħabba n-natura tal-fenomenu. Madankollu, l-għadd tagħhom hu stmat bejn 0,7 u miljun li huwa ferm ogħla mill-ħaddiema fis-settur tal-kura formali[25]. 

2.4.        L-appoġġ pubbliku għall-provvista ta' PHS sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat

Meta titqies l-importanza tax-xogħol mhux iddikjarat fis-setturi tal-PHS, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkunsidraw jintervjenu bl-għan li jħeġġu l-provvista ta' PHS fl-ekonomija formali. Dan l-intervent jista’ jkopri kemm l-attivitajiet ta’ kura kif ukoll l-attivitajiet marbuta max-xogħol tad-dar.

Dan jista' jieħu l-forma b'mod partikolari ta' intervent dirett fil-prezz imħallas mill-utent eż. permezz ta' vawċers għas-servizzi li jkunu mmirati lejn ħidmiet speċifiċi. Il-konsumatur iħallas parti biss mill-prezz reali (li hu qrib il-prezz fis-suq iswed) u l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu d-differenza.

Il-vawċer għas-servizz huwa strument wieħed, fost l-oħrajn, li jtejjeb is-solvenza tad-domanda. Dan hu wkoll għodda interessanti billi hu flessibbli u faċli biex jintuża. Din il-karatteristika tal-aħħar hi partikolarment importanti għall-anzjani (dipendenti jew le) li jridu jiksbu l-għajnuna. Dan l-istrument jissimplifika wkoll il-proċeduri amministrattivi, jippermetti li ssir verifika kontinwa lil min ikun tqassam, u jiffavorixxi l-iżvilupp tal-attivitajiet ta' negozju lokali. Dan jippermetti wkoll it-traċċar finanzjarju, filwaqt li jagħmilha aktar faċli li ssir valutazzjoni tal-ispejjeż u tad-dħul (ara l-punt 3.2).

Fi Franza s-sistema tal-vawċers CESU[26], li l-unitajiet domestiċi jistgħu jiksbu minn bank jew bħala benefiċċju minn min iħaddimhom[27], timmira li toħloq impjiegi formali fl-unitajiet domestiċi privati. Fl-2005 il-"Pjan Borloo" indirizza simultanjament għadd ta' kwistjonijiet ta' politika marbuta mas-servizzi personali: il-liġi tax-xogħol, il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni soċjali, il-kontroll tal-kwalità, u l-kwistjonijiet ta' organizzazzjoni[28]. Bħala konsegwenza, bejn l-2005 u l-2009, Franza rnexxielha toħloq 500 000 impjieg ġdid soġġetti għal kontribuzzjonijiet soċjali fl-unitajiet domestiċi privati, prinċipalment għall-gruppi li jinsabu fil-marġni tas-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, l-impjieg informali jista' jitnaqqas b’70 %[29]. Hemm ukoll il-possibbiltà għall-unitajiet domestiċi li jħaddmu direttament il-ħaddiema tax-xogħol tad-dar permezz ta' proċeduri amministrattivi simplifikati[30]. Il-volum tas-suq għas-servizzi domestiċi għas-sena 2009 kien EUR 16-il biljun. Mill-1987, ġiet stabbilita "Regola 70+" speċifika sabiex tissaħħaħ id-domanda tal-anzjani, bl-għan li unità domestika privata ta' anzjani li għandhom 70 sena jew aktar ma jkollha għalfejn tħallas l-ebda kontribuzzjoni soċjali għall-ħaddiema impjegati direttament.

Fil-Ġermanja, diversi strumenti jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjieg formali f’dan is-settur, pereżempju l-istituzzjoni ta' "Mini-jobs", li tippermetti lill-unitajiet domestiċi privati jużaw proċedura simplifikata għar-reġistrazzjoni tal-ħaddiem domestiku tagħhom ("Haushaltsscheckverfahren"). Dan tal-aħħar jista' jaqla' sa EUR 400 kull xahar u l-unitajiet domestiċi bħala impjegaturi jibbenefikaw minn rati ta' taxxa mnaqqsa għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (kontribuzzjonijiet b'rata fissa ta' 14,34 % inklużi l-ishma għall-assigurazzjonijiet tas-saħħa, tal-pensjoni u tal-inċidenti fost l-aktar punti importanti)[31].

Fl-Awstrija[32] x-xogħol informali fl-unitajiet domestiċi privati hu tradizzjonalment mifrux bl-eċċezzjoni tal-LTC. Fl-2007 tnediet strateġija ta' leġiżlazzjoni mmirata għall-għajnuna fit-tul fl-unitajiet domestiċi privati, u fi żmien sentejn irnexxielha tnaqqas bi 80 % l-impjieg informali (migranti) fl-unitajiet domestiċi tal-anzjani. F’oqsma oħra tas-servizzi domestiċi, il-biċċa l-kbira tax-xogħol għadu jsir b'mod informali. L-Awstrija nediet ukoll sistema ta' vawċers li tippromwovi l-impjieg formali; madankollu, kull sena jinbiegħu biss 1 000 vawċer. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-prezz ta' dan il-vawċer għall-unità domestika huwa ogħla mill-prezz attwali tas-suq informali għal dawn is-servizzi.

3.           L-ISFIDI TAL-POLITIKA U TAS-SUQ TAX-XOGĦOL

3.1.        Bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Sabiex ir-rata tal-impjieg tinġieb għal 75 % tal-popolazzjoni bejn l-20 u l-64 sena sal-2020, jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu prijorità partikolari biex iħeġġu n-nisa jaħdmu u biex itejbu l-bilanċ ġenerali bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Skont il-projezzjonijiet riċenti, in-numru ta’ Ewropej li għandhom aktar minn 65 sena kważi ser jirdoppja matul il-50 sena li ġejjin, u b'hekk jiżdied minn 87,5 miljuni fl-2010 għal 152,6 miljuni fl-2060[33]. Fl-istess waqt il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qed tibda tonqos, wara li kienet ilha tiżdied kontinwament għal bosta deċennji.

Fir-rigward tal-provvista tal-LTC, ir-riżerva ta' karrieri informali se tonqos matul is-snin u d-deċennji li ġejjin, b'riżultat tal-parteċipazzjoni ogħla tan-nisa u l-ħaddiema akbar fl-età fid-dinja tax-xogħol. L-analiżi fil-fond tax-xejriet demografiċi tul id-deċennji li ġejjin turi tnaqqis (ara l-Figura 2) tal-Oldest Old Support Ratio (OOSR: ir-relazzjoni bejn l-anzjani li għandhom bejn 50 u 74 sena u dawk li għandhom aktar minn 85 sena). Ir-reklutaġġ ta' carers minn barra l-familja se jkun dejjem aktar importanti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-LTC. Studju riċenti ffokat fuq ir-Renju Unit[34] ikkonkluda li l-provvista ta’ kura informali intensa lill-persuni anzjani b'diżabbiltà minn uliedhom adulti x’aktarx li ma tlaħħaqx mad-domanda fil-futur.

Figura 2: L-evoluzzjoni tal-Oldest Old Support Ratio - OOSR

Sors: 2008; Pickard et al., 2009

Sabiex jiġi identifikat in-numru ta’ nies li se jeħtieġu LTC fil-ġejjieni, trid issir analiżi preċiża tal-fatturi li huma abbażi tal-bżonnijiet għal LTC, bħal-limitazzjonijiet għall-attivitajiet, id-diżabbiltà, u l-mard jew il-kundizzjonijiet li jikkawżawhom. Mhuwiex dejjem faċli li tintwera rabta ċara u preċiża bejn dawn il-fatturi kollha. Ir-riċerka wriet li l-kaġun prinċipali għall-bżonnijiet ta' LTC huwa d-diżabbiltà, fejn din tal-aħħar hi marbuta mal-istruttura tal-età tal-popolazzjoni u l-prevalenza ta' mard u kundizzjonijiet speċifiċi. Abbażi ta' din is-sejba u tax-xejriet demografiċi msemmija hawn fuq (speċjalment l-evoluzzjoni tal-popolazzjoni li għandha aktar minn 80 sena), saret estrapolazzjoni fuq l-għadd potenzjali ta' benefiċjarji tal-LTC (ara l-figura 3).     Figura 3: L-għadd previst ta' benefiċjarji f'diversi ambjenti ta' kura fit-tul fl-UE-27 skont xenarji alternattivi

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea/Il-Kumitat tal-Politika Ekonomika (2009)

Minbarra l-ispiża tal-iskemi tal-pensjonijiet li jista’ jkun aktar diffiċli biex tiġi sostnuta billi d-daqs tal-popolazzjoni attiva qed jonqos, it-tixjiħ se jwassal inevitabbilment għal pressjonijiet akbar fuq il-gvernijiet biex jipprovdu s-servizzi soċjali[35]. Dawn il-bidliet se jwasslu għal tnaqqis fil-provvista tal-unità domestika u d-diskrepanza bejn il-bżonn għall-kura u l-provvista tal-kura formali se tiżdied. B'konsegwenza ta’ dan, hemm riskju li l-unitajiet domestiċi jqabbdu ħaddiema mhux iddikjarati biex jgħinuhom f'dawn l-attivitajiet sabiex isibu soluzzjoni għall-bżonnijiet tagħhom.   

3.2.        Il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi bi spiża baxxa għall-finanzi pubbliċi

Il-possibbiltà ta’ intervent pubbliku akbar trid tiġi analizzata bir-reqqa fir-rigward tal-impatt possibbli tiegħu li jżid id-defiċit tal-gvern. Għaldaqstant, jeħtieġ li ssir analiżi fil-fond biex tiġi stmata l-ispiża reali ta' aktar interventi pubbliċi possibbli. Kif diġà ssemma, diversi Stati Membri diġà qegħdin jappoġġaw il-provvista u d-domanda tal-PHS. Għalkemm dawn is-sistemi għall-ewwel jistgħu jidhru għaljin għall-finanzi pubbliċi, l-Istat jirċievi lura parti mill-intervent tiegħu permezz ta' dan li ġej:

· Aktar taxxi personali/kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tnaqqis fil-benefiċċji tal-qgħad marbuta mal-ħolqien tal-impjiegi (effetti ta' rkupru).

· Effetti esterni li huma aktar diffiċli biex jiġu kkwantifikati, bħall-bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li jikkontribwixxi wkoll għal kompetittività akbar permezz ta' inqas stress, inqas assenteiżmu u produttività ogħla; l-iffrankar miksub meta mqabbel mal-ispejjeż tas-soluzzjonijiet alternattivi (speċjalment għal-LTC u l-possibbiltà għall-persuni anzjani li jibqgħu id-dar); il-ħolqien tal-impjiegi għall-immaniġġar tal-fornitur; aktar konsum mill-ħaddiema tas-servizzi, iż-żieda fid-domanda aggregata, eċċ. (l-effetti ta' rkupru indiretti).       

Vawċers għas-Servizz Belġjani: sors prezzjuż ta' dejta kwantitattiva

Il-vawċers għas-servizz fil-Belġju jistgħu jintużaw għal attivitajiet li jsiru fid-dar (it-tindif, il-ħasil tal-ħwejjeġ u l-mogħdija, it-tisjir u l-ħjata) u barra mid-dar (ix-xiri, il-mogħdija f'ċentru apposta għall-mogħdija, u l-għoti ta' għajnuna bit-trasport ta' persuni f'kundizzjonijiet speċifiċi). Għalissa, dawn il-vawċers ma jistgħux jintużaw għat-tiswijiet fid-dar jew għall-ġardinaġġ. L-utent iħallas EUR 7,5 fis-siegħa għas-servizz, l-ispiża reali hija EUR 20,80 u d-differenza (EUR 13,30) tiġi ffinanzjata mill-RVA/ONEM[36]. Minbarra s-suppliment, il-gvernijiet jippermettu lill-unitajiet domestiċi li jnaqqsu l-infiq tagħhom fuq il-vawċers mill-qligħ taxxabbli tagħom (il-prezz wara t-tnaqqis fiskali = EUR 5,25).

Abbażi ta' studju[37] mwettaq mill-gvern Belġjan, l-ispiża netta tal-intervent tas-sistema hija:

L-ispiża gross EUR 1 430 432,704

Effetti ta' rkupru        EUR 629 734 509

Effett indirett ta' rkupru        bejn     EUR 418 275 083 u 534 575 083[38]

L-ispiża netta  bejn     EUR 382 423 112 u 266 123 112

Skont dan ir-rapport, l-utent jidher lest li jħallas EUR 8,59 fis-suq iswed. F'dan il-każ, it-tnaqqis fiskali jista' jitrażżan u l-prezz għal vawċer għas-servizz jiżdied sa EUR 8,59. L-ispiża netta għall-awtoritajiet pubbliċi ssir ugwali għal EUR 82 478 861 jew issir negattiva (għalhekk benefiċċju) EUR -33 821 139. Bħala medja, l-ispiża netta hija EUR 24 328 861 jew intervent ta' EUR 304 għal kull impjieg (80 000 impjieg full time maħluqa permezz tal-implimentazzjoni tas-sistema tal-vawċer għas-servizz). Li wieħed jassumi li l-ispiża għall-utenti hija ugwali għall-prezz fis-suq iswed tidher xi ħaġa realistika u loġika.

Ir-rapport juri wkoll impatt interessanti tal-vawċers: 10,4 % tal-utenti ddikjaraw li jistgħu jżidu il-ħin tax-xogħol/l-impjegabbiltà tagħhom billi jiddelegaw xi ħidmiet bl-użu tal-vawċers għas-servizz u 0,6 % tal-utenti ddikjaraw li jistgħu jirritornaw fis-suq tax-xogħol billi jaħdmu bi qligħ minflok iqattgħu l-ħin fix-xogħol tad-dar. 10,8 % tal-utenti ddikjaraw li mingħajr vawċers għas-servizz, huma jkollhom inaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom.

L-awtoritajiet pubbliċi għandu jkollhom viżjoni wiesgħa tal-ispiża billi ħafna drabi d-dipartiment li jinvesti u dak li jirċievi l-benefiċċji huma differenti. Dan se jgħin biex wieħed jifhem l-ispiża netta reali tal-appoġġ pubbliku mogħti lill-ħolqien tal-impjiegi f'dan is-settur. Tinħtieġ ukoll viżjoni globali dwar il-benefiċjarji. Pereżempju, il-mekkaniżmu tat-tnaqqis tat-taxxi jiffavorixxi lill-familji bi dħul għoli filwaqt li l-familji bi dħul baxx ħafna jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta' kopagamenti, filwaqt li l-familji bi dħul medju jitħallew jerfgħu sehem komparattivament akbar tal-piż finanzjarju tas-sistema eżistenti[39].

L-impatt fit-tul tal-iżvilupp stabbli tal-PHS għandu jitqies ukoll meta jiġi kkunsidrat l-għoti ta' appoġġ finanzjarju pubbliku għall-provvista u/jew id-domanda tagħhom.

L-estrapolazzjonijiet sempliċi għandhom dejjem jitqiesu bir-reqqa. Iżda fid-dawl tas-sejbiet preċedenti (il-ħtiġijiet marbuta mad-demografija, ix-xogħlijiet elementari, l-ispejjeż fiskali netti limitati), xi kalkoli bażiċi jistgħu jgħinu biex jintwerew l-opportunitajiet ta’ xogħol potenzjali li jistgħu jinħolqu madwar l-UE permezz ta' appoġġ akbar għall-PHS:

· L-estrapolazzjoni tas-sistema Belġjana għall-UE (filwaqt li jitqies id-daqs rispettiv taż-żewġ popolazzjonijiet, u ssir multiplikazzjoni sempliċi b’50) tagħti spiża netta ta' EUR 1,2 biljun għal 4 miljun impjieg ġdid fis-servizzi tax-xogħol tad-dar.

· Jekk kull persuna attwalment impjegata (215 000 000) testernalizza biss siegħa fil-ġimgħa (meta mqabbla ma' sagħtejn u nofs li l-adulti Ewropej iqattgħu bħala medja fix-xogħol tad-dar kuljum, kif indikat fit-taqsima 2.1), jeżisti potenzjal ta’ kważi 5,5 miljun impjieg ġdid[40].      

3.3.        Il-kwalità tas-servizzi u l-kwalità tax-xogħol

Il-ħaddiema fis-setturi tal-PHS huma fil-biċċa l-kbira nisa, li jaħdmu prinċipalment part-time, b’ħiliet relattivament baxxi u ħafna drabi ġejjin minn sfond migratorju. Dawn jiġu ta' spiss impjegati direttament mill-familji fuq bażi irregolari u dan jista' jaffettwa l-kwalità tas-servizz, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu s-servizzi tal-kura. Sabiex jiġu żgurati servizzi ta' kwalità, il-ħaddiema għandu jikollhom impjieg stabbli b'minimu ta' sigħat tax-xogħol, bil-ħiliet xierqa kif ukoll b'kundizzjonijiet tax-xogħol tajba. Għaldaqstant, l-intervent pubbliku jista' jkun iġġustifikat fir-rigward ta' ċerti aspetti dwar il-kwalità tas-servizzi.           

Il-kwalità

Il-Pjattaforma Soċjali[41] fir-rakkomandazzjonijiet tagħha "sabiex jinkisbu s-servizzi soċjali u tas-saħħa ta' kwalità" tissuġġerixxi li "l-kwalità għandha tiġi definita fil-livell lokali u fl-eqreb livell għall-utenti tas-servizzi". Huwa importanti li jiġu rispettati l-ħtiġijiet tal-utent (is-sess, l-età, ir-reliġjon, l-oriġini etnika, eċċ) u t-taħriġ għandu jiġi provdut f’dan is-sens.

Proġett imniedi min-Netwerk Soċjali Ewropew dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-finanzjatur, il-fornitur u l-utent tas-servizzi għall-anzjani fl-Ewropa[42], jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi tal-kontroll jistgħu jiġu implimentati biex jivvalutaw u jikkontrollaw il-kwalità tas-servizzi pprovduti u li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jimpjegaw migranti irregolari jiġu sanzjonati b'konformità mad-Direttiva 2009/52/KE. Dan għandu japplika għall-organizzazzjonijiet individwali, l-aġenziji jew is-servizzi. L-indikaturi tal-kwalità għad iridu jiġu żviluppati.

F'dan il-kuntest il-Qafas Ewropew tal-Kwalità volontarju għas-Servizzi Soċjali msemmi hawn fuq[43], huwa għodda utli biex jippromwovi l-kwalità tas-CC u tal-LTC: dan jidentifika l-prinċipji tal-kwalità li jirreferu għall-karatteristiċi li għandu jħaddan servizz soċjali sabiex jindirizza d-diversi ħtiġijiet u aspettattivi tal-utent tas-servizz kif ukoll għad-diversi dimensjonijiet tal-provvista tas-servizz (id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà, l-orjentazzjoni lejn il-persuna, il-kompletezza, il-kontinwità, l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati, ir-rispett għad-drittijiet tal-utenti, il-parteċipazzjoni u l-għoti tas-setgħa, is-sħubija, il-governanza tajba, il-kundizzjonijiet tajba tax-xogħol u l-ambjent tax-xogħol/l-investiment fil-kapital uman, l-infrastruttura fiżika xierqa). Dan jissuġġerixxi wkoll il-kriterji operattivi li jistgħu jgħinu fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-kwalità tas-servizzi soċjali. Barra minn hekk, dan jispeċifika l-elementi metodoloġiċi għall-iżvilupp ta' għodod ta’ kwalità (l-istandards jew l-indikaturi) fil-livell nazzjonali jew lokali.

Kif issuġġerixxa l-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE dwar id-Diżabbiltà fid-dokument ta' pożizzjoni dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, l-esternalizzazzjoni sostenibbli tas-servizzi tirrikjedi kwalità tajba tal-kura kif ukoll tal-attivitajiet domestiċi[44]. Jinħtieġu wkoll standards tal-kwalità vinkolanti u mekkaniżmi xierqa ta' kontroll pubbliku.

Il-ħiliet u t-taħriġ

L-inizjattiva ewlenija tal-UE tal-Ewropa 2020 "Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi" tappoġġa inizjattivi fl-Istati Membri biex jiġu rikonoxxuti l-ħiliet miksuba waqt li tingħata l-kura lill-qraba dipendenti.

Il-ħiliet tekniċi mitluba mis-CC u mill-LTC mhumiex ħiliet ta’ livell għoli daqs dawk mitluba, pereżempju, mis-servizzi tas-saħħa professjonali. Għaldaqstant, dawn jistgħu jkunu opportunità tajba għan-nies biex jistabbilixxu rwieħhom fis-suq tax-xogħol filwaqt li jipprovdu l-possibbiltajiet ta' titjib u aġġornament tal-ħiliet aktar tard. L-opportunitajiet ta’ taħriġ għandhom ikunu disponibbli biex jiżguraw tali titjib tal-ħiliet u għandu jkun possibbli għall-carers li jgħaddu minn proċess ta’ ċertifikazzjoni. F'din il-perspettiva jeħtieġ li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn id-dinja tax-xogħol u d-dinja tat-taħriġ[45], sabiex jitrawwem ir-rikonoxximent tat-"tagħlim informali u mhux formali".

Il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-indukrar tat-tfal[46], tagħmel enfasi qawwija, pereżempju, fuq il-ħtieġa ta' titjib tal-kwalifiki tal-persunal fis-settur tas-CC.

Fl-1996, l-imsieħba soċjali Ewropej fl-industrija tat-tindif iffirmaw memorandum konġunt dwar sorsi ġodda ta' impjieg[47] fejn saħqu fuq l-importanza tat-titjib tal-ħiliet u tal-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-iżvilupp tal-attivitajiet ta' tindif fid-dar.     

It-teknoloġija

L-esternalizzazzjoni tal-PHS tista' ttejjeb il-produttività ta' dawn l-attivitajiet permezz ta' użu aħjar tat-teknoloġiji u ta' investiment fit-taħriġ, billi l-esternalizzazzjoni normalment hi assoċjata mal-ispeċjalizzazzjoni.

Il-proġett CARICT[48], immexxi mill-Istitut tal-Istudju tal-Prospettivi Teknoloġiċi taċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni, evalwa sistematikament u fil-livell tal-UE, 52 prattika msejsa fuq l-ICT għall-kura domiċiljarja f'diversi Stati Membri f'termini tal-impatt u l-kosteffiċjenza. L-eżempji ta' ispirazzjoni jistgħu jinqasmu bejn l-Istati Membri (eż. SOPHIA (DE), CAMPUS (IT) u E-Care (IT)). It-teknoloġija tista’ tintuża biex it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni jiġu sostnuti b'mod effiċjenti fuq skala kbira, jiġu organizzati s-swieq tax-xogħol (eż. FEPEM (FR)), jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-volontarjat, ix-xogħol fil-qasam tal-kura jidher aktar attraenti, u l-carers ikunu megħjuna jibbilanċjaw il-kura u attivitajiet oħra.

Bis-saħħa tat-Tekonoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, jistgħu jiġu pprovduti tagħlim mill-bogħod u tagħlim awtonomu għal dawk li jipprovdu l-kura, billi dawn ikollhom limitazzjonijiet ta' ħin u mobilità biex jattendu korsijiet wiċċ imb'wiċċ minħabba d-dmirijiet tagħhom ta' kura (eż. City and Guilds – Learning for Living; Caring with Confidence fir-Renju Unit, Coidanet fi Spanja, Aspasia fl-Italja)[49]. L-ICT tista' tappoġġa wkoll iċ-ċertifikazzjoni tal-kompetenzi fuq skala kbira.

4.           IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

Minħabba l-impatt prevedibbli tal-evoluzzjoni demografika fuq is-soċjetajiet tagħna, jeħtieġ li s-swieq tax-xogħol Ewropej isiru aktar inklussivi u li r-rata tal-impjieg tiżdied. Il-PHS joffru opportunitajiet sinifikanti f'dan ir-rigward, u jippermettu li jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tiżdied il-produttività u jiddaħħal ix-xogħol mhux iddikjarat fis-suq tax-xogħol uffiċjali.

Permezz tad-dokument preżenti, is-servizzi tal-Kummissjoni jistiednu lill-partijiet interessati kollha biex jikkummentaw dwar azzjonijiet possibbli biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-promozzjoni ta' impjiegi ġodda fis-setturi tal-PHS. B'mod partikolari, qegħdin jintalbu opinjonijiet dwar:

· Il-modi kif jitjiebu l-kejl u l-monitoraġġ tal-livelli tal-impjieg fil-PHS, billi jitqiesu l-impatt tal-kriżi attwali, it-telf tal-kapaċità tal-akkwist, il-kwistjonijiet dwar l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u l-effett potenzjalment pożittiv fuq il-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs;

· L-utilità tal-iżvilupp tal-qsim ta' esperjenzi, speċjalment rigward l-għodod użati jew ippjanati biex jappoġġaw lill-PHS b'attenzjoni speċifika għall-kosteffiċjenza u għat-tnaqqis tax-xogħol mhux iddikjarat;

· Il-modi kif jiġu żgurati servizzi u impjiegi ta' kwalità (il-bżonnijiet ta' ħiliet, il-kundizzjonijiet tax-xogħol), inkluż, possibbilment, permezz tal-iżvilupp ta' standards ta' kwalità;

· Modi oħra biex tiġi żgurata professjonalizzazzjoni akbar tal-impjiegi fil-PHS.

Id-dokument preżenti jorbot biss lis-servizzi tal-Kummissjoni involuti fil-preparazzjoni tiegħu. It-test hu mħejji bħala bażi għall-kummenti u ma jippreġudika s-sura aħħarija tal-ebda deċiżjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni.

It-tweġibiet jistgħu jintbagħtu lil empl-household-services@ec.europa.eu

Alternattivament, għal dawk mingħajr aċċess għall-web, it-tweġibiet jistgħu jintbagħtu bil-posta lil:

European Commission Directorate-General for Employment, Social Affairs & Inclusion Discussion on Personal and household services Unit C2 Rue Joseph II 2 - 1040 Brussels - Belgium

Id-data tal-iskadenza biex jintbagħtu r-risposti hija: il-15 ta' Lulju 2012

[1]               http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

[2]               http://ec.europa.eu/europe2020/reaching-the-goals/monitoring-progress/annual-growth-surveys/index_mt.htm

[3]               http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=958

[4]               Dawn l-attivitajiet ikopru diversi setturi tan-NACE jew partijiet minnhom, speċjalment in-NACE Rev.2, 88 (attivitajiet ta’ ħidma soċjali mingħajr akkomodazzjoni), 97 (attivitajiet ta’ unitajiet domestiċi bħala impjegaturi tal-persunal domestiku), 96 (attivitajiet oħra ta’ servizz personali), 82.99 (servizzi oħrajn ta’ appoġġ għan-negozju) u 78 (attivitajiet marbuta mal-impjieg).

[5]               http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=755&langId=mt

[6]               Ara regoli speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali fuq: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/overview/public_services_en.html. Ara wkoll il-Komunikazzjoni dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali "L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ Lisbona: Is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea", COM(2006) 177, 26 ta' April 2006; Komunikazzjoni dwar "Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid", COM(2007) 725 finali tal-20 ta' Novembru 2007; L-Ewwel u t-Tieni Rapporti Biennali dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SEC(2008) 2179 tat-2 ta' Lulju 2008 u SEC(2010) 1284 tat-22 ta' Ottubru 2010); Gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikolari għas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, SEC(2010) 1545 finali tas-7 ta' Diċembru 2010; Il-Komunikazzjoni "Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa", COM(2011) 900 tal-20 ta' Diċembru 2011.

[7]               SPC/2010/10/8 finali.

[8]               Society at a Glance 2011-OECD social indicators, paġni 12 u 22. OECD

[9]               Tista' ssir distinzjoni bejn: il-kura fiżika, il-kura edukattiva u rikreazzjonali tat-tfal u l-ivvjaġġar marbut ma’ kwalunkwe waħda miż-żewġ kategoriji l-oħra, eż. meta wieħed iwassal lit-tfal l-iskola, għand it-tabib jew għal attivitajiet sportivi

[10]             http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1093.htm

[11]             Ir-Rapport dwar id-Demografija 2010 paġna 68: http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6824&langId=en

[12]             Il-proporzjon tan-numru ta’ divorzji matul is-sena għall-popolazzjoni medja f'dik is-sena (l-Eurostat).

[13]             It-tieni stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja: Il-ħajja tal-familja u tax-xogħol, Eurofound (Marzu 2010)

[14]             Il-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-2010: http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2010/74/en/3/EF1074EN.pdf

[15]             "Il-progress dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel", Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li għandu jiġi ppubblikat

[16]             Fi Franza ġew stabbiliti benefiċċji addizzjonali ta' tnaqqis mit-taxxi għall-kura għall-anzjani (allokazzjoni personali ta' awtonomija - APA) u għall-kura tat-tfal sa tliet snin skont id-dħul tal-ġenituri (allokazzjoni għat-tfal żgħar - APJE).

[17]             Estratt tar-rapport tal-proġett "Living independently at home: reforms in organisation and governance of European home care for older people and people with disabilities in 9 European countries" (Il-ħajja indipendenti fid-dar: ir-riformi fl-organizzazzjoni u fil-governanza tal-kura fid-dar fl-Ewropa għall-anzjani u l-persuni b'diżabbiltajiet f'disa' pajjiżi Ewropej) LIVINDHOME:        http://www.sfi.dk/livindhome-7284.aspx

[18]             Reviżjoni ta' 30 pajjiż Ewropew, 2009 http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=545&furtherNews=yes

[19]             Il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal: Nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada, (COM(2011) 66 finali

[20]             http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_284_en.pdf

[21]             Dan huwa l-għadd ta' utenti tax-xogħol mhux iddikjarat, eż. 11 % minn 410 miljun.

[22]             Abbażi tal-ammont medju ta' 200 siegħa fis-sena għal kull ħaddiem mhux iddikjarat (madwar wieħed minn kull tmienja tal-ħin tax-xogħol medju ta' ħaddiem full-time)

[23]             http://www.iwak-frankfurt.de/documents/brochure/april2011.pdf

[24]             Prinċipalment in-nisa migranti li ħafna drabi jgħixu flimkien ma' persuna aktar avvanzata fl-età dipendenti u ta' spiss jaħdmu fis-suq mhux uffiċjali, mingħajr il-permess ta' residenza.

[25]             http://www.iwak-frankfurt.de/documents/brochure/april2011.pdf

[26]             Il-vawċer CESU (Cheque Emploi Service Universel) http://www.cesu.urssaf.fr/cesweb/home.jsp

[27]             Fir-rigward tal-prinċipju tal-vawċer għas-servizz prefinanzjat, ara "Le cheque-service, un instrument pour le développement des services de proximité" (Il-vawċer għas-servizzi, strument għall-iżvilupp tas-servizzi lokali), Fondation Roi Baudouin, il-Belġju, Ottubru 1994.

[28]             http://www.travail-emploi-sante.gouv.fr/actualite-presse,42/dossiers-de-presse,46/presentation-du-plan-de,82.html

[29]             Ara n-nota 25 f'qiegħ il-paġna

[30]             http://www.fepem.fr/

[31]             Ara n-nota 25 f'qiegħ il-paġna

[32]             Ara n-nota 25 f'qiegħ il-paġna

[33]             Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2012 paġna 20: http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2011/pdf/ee-2011-4_en.pdf

[34]             Sors: 2000/01 and 2001/02 GHS, Government Actuaries Department population and marital status projections, 2001 Census, PSSRU modelling, estratt minn Pickard et al., 2009

[35]             Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009: http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication14992_en.pdf

[36]             RVA (Rijksdienst voor Arbeidsvoorziening)/ONEM (Office national de l'emploi)

[37]             IDEA CONSULT "Evaluation du régime des titres services pour les services et emplois de proximité 2010": http://www.ideaconsult.be/index.php?option=com_content&view=article&id=48&Itemid=54&projid=277

[38]             Paġna 114 tar-rapport tal-IDEA, ara n-nota 37 f'qiegħ il-paġna

[39]             Grupp ta' Esperti tal-UE dwar is-Sessi u l-Impjiegi: Il-Kura fit-Tul tal-Anzjani. Il-provvisti u l-fornituri fi 33 pajjiż Ewropew

[40]             215 000 000 siegħa / 40 h

[41]             http://cms.horus.be/files/99907/MediaArchive/Policies/SocialPlatform_Nine_Principles_EN.pdf

[42]             http://www.esn-eu.org/commissioning-for-quality/index.htm

[43]             Ara t-Taqsima 2 u n-nota 7 f'qiegħ il-paġna

[44]             http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=4483&langId=en

[45]             Il-Communiqué ta' Bruges: http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc/vocational/bruges_en.pdf

[46]             http://ec.europa.eu/education/school-education/doc/childhoodcom_mt.pdf

[47]             http://ec.europa.eu/employment_social/dsw/public/actRetrieveText.do?id=10713

[48]             http://is.jrc.ec.europa.eu/pages/EAP/eInclusion/carers.html#projects

[49]             Kluzer S., Redecker C. and Centeno C. (2010) Long-term care Challenges in an Ageing Society: The role of ICT and Migrants (L-Isfidi tal-kura fit-tul f'soċjetà li qed tixjiħ: Ir-rwol tal-ICT u tal-migranti), Serje ta' Rapporti Xjentifiċi u Tekniċi tal-JRC IPTS, EUR 24382 EN disponibbli fuq:             http://ipts.jrc.ec.europa.eu/publications/pub.cfm?id=3299

Top