EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0636

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa

/* COM/2012/0636 final */

52012DC0636

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa /* COM/2012/0636 final */


WERREJ

1........... SETTUR EWLIENI F’SALIB IT-TOROQ............................................................... 3

2........... CARS 21: VIŻJONI STRATEĠIKA KONĠUNTA GĦALL-INDUSTRIJA FL-2020  4

3........... SITWAZZJONI EKONOMIKA DIFFIĊLI.............................................................. 6

4........... PJAN TA’ AZZJONI BIEX JIXPRUNA L-KOMPETITTIVITÀ............................ 7

4.1........ Ninvestu f'teknoloġiji avvanzati u niffinanzjaw l-innovazzjoni............................................. 7

............. Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni................................................................................ 7

............. L-aċċess għall-finanzi...................................................................................................... 9

............. Emissjonijiet aktar baxxi tas-CO2................................................................................. 10

............. L-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu u tal-istorbju........................................................... 11

............. Is-sikurezza fit-toroq..................................................................................................... 13

............. Il-fjuwils alternattivi u l-infrastruttura.............................................................................. 13

4.2........ It-titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq.............................................................................. 15

............. Suq intern aktar b'saħħtu............................................................................................... 15

............. Ir-regolamentazzjoni intelliġenti...................................................................................... 16

4.3........ It-tisħiħ tal-kompetittività fis-swieq globali.............................................................. 18

............. Il-politika kummerċjali.................................................................................................. 18

............. L-armonizzazzjoni internazzjonali................................................................................... 19

4.4........ L-antiċipazzjoni tal-adattament u l-ġestjoni tal-istrutturar...................................... 20

............. Il-kapital uman u l-ħiliet................................................................................................. 20

............. L-indirizzar tal-aġġustament industrijali........................................................................... 21

5........... MONITORAĠĠ U GOVERNANZA....................................................................... 22

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa

F'dawn l-aħħar xhur, l-industrija tal-karozzi Ewropea kienet qed tħabbat wiċċha ma perjodu dejjem aktar diffiċli, bis-suq tal-UE għall-karozzi ġodda jonqos għall-ħames sena konsekuttiva. Din is-sitwazzjoni toħloq pressjoni qawwija fuq xi kumpaniji biex jirristrutturaw l-operazzjonijiet tagħhom, u għadd ta' fabbrikanti dan l-aħħar ħabbru l-għeluq tal-impjanti ta' assemblaġġ b'telf konsegwenti ta' impjiegi. Fl-istess waqt, madankollu, l-industrija Ewropea qed tkompli tħabbat wiċċha mal-isfida fuq medda medja u twila ta' żmien biex tibqa' fuq quddiem nett fl-għoti ta' soluzzjonijiet ta' mobilità għall-ġejjieni f'ambjent globali kompetittiv ferm. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li hemm ħtieġa urġenti biex jitressaq Pjan ta' Azzjoni li jappoġġa l-industrija tal-karozzi biex tiffaċċja dawn l-isfidi.

1.           Settur ewlieni f’salib it-toroq

L-industrija tal-karozzi[1] hija ta’importanza strateġika għall-ekonomija Ewropea u l-prodotti u s-servizzi tagħha għandhom impatt fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Is-settur jirrappreżenta madwar 12-il miljun impjieg dirett u indirett u jagħti kontribuzzjoni pożittiva u mdaqqsa għall-bilanċ kummerċjali tal-UE (li kiber matul dawn l-aħħar snin u laħaq EUR 90 biljun fl-2011). L-industrija tirreġistra l-akbar infiq privat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni (EUR 28 biljun fl-2009) u hija xprun essenzjali għall-innovazzjoni teknoloġika. Din hija multiplikatur importanti ta’ tkabbir, minħabba r-rabtiet ekonomiċi qawwija ma' bosta oqsma industrijali. Dawn ir-rabtiet huma preżenti kemm upstream, bħal mal-industriji kimiċi, tal-azzar u tat-tessuti, kif ukoll downstream, mas-servizzi tal-ICT, tat-tiswija u tal-mobilità. Din tipproduċi l-biċċa l-kbira tal-vetturi użati miċ-ċittadini għall-mobilità personali tagħhom u għat-trasport tal-prodotti. Għalhekk, l-industrija tal-karozzi se jkollha rwol ewlieni fir-rivoluzzjoni industrijali ġdida li timmira inter alia lejn is-sostituzzjoni gradwali ta' idrokarburi bħala s-sors ewlieni ta’ enerġija u lejn użu aktar effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi tagħna.

Illum, is-settur tal-karozzi jinsab f'mument ta' bidla storika: l-għaxar snin li ġejjin huma mistennija li jwasslu għal tibdil importanti f'bosta oqsma li x'aktarx jimmodifikaw profondament l-industrija u s-swieq tagħha madwar id-dinja. L-ewwel nett, ix-xejriet tal-produzzjoni u tal-kummerċ qegħdin jinbidlu. Filwaqt li s-suq Ewropew huwa kkunsidrat bħala matur, diversi swieq terzi qed jikbru b'pass mgħaġġel, u qed ibiddlu l-flussi tal-kummerċ u l-katina tal-valur tal-karozzi. Il-pressjoni kompettitiva intensa qed tikber aktar u l-kumpaniji tal-UE qegħdin dejjem aktar iħabbtu wiċċhom ma' sfidi fis-suq domestiku tagħhom, filwaqt li jiżviluppaw opportunitajiet fis-swieq terzi. It-tieni, l-aġenda dwar il-klima qed issir aktar urġenti u wieħed jistenna dejjem aktar mill-progress teknoloġiku. Sabiex jintlaħqu l-miri fit-tul tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif ukoll il-miri għall-kwalità tal-arja, il-magna tal-kombustjoni interna se tittejjeb aktar, filwaqt li tkun akkumpanjata mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni progressiva ta' teknoloġiji innovattivi, bħall-propulsjoni elettrifikata. Jeħtieġ li jsiru wkoll sforzi mdaqqsa bl-iżvilupp u d-distribuzzjoni ulterjuri tal-fjuwils sostenibbli li jistgħu jkunu alternattivi għad-diżil u l-petrol tradizzjonali. Fl-istess waqt, is-sikurezza fit-toroq tibqa’ kwistjoni importanti.

Is-settur tal-karozzi huwa waħda mil-linji ta' azzjoni prijoritarji fejn l-investiment f'teknoloġiji ġodda u fl-innovazzjoni għandu jkun iffaċilitat, kif huwa stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li aġġornat riċentement il-Politika Industrijali tal-UE[2]. Filwaqt li tagħti aktar impetu lill-miri tal-UE 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-Komunikazzjoni titlob biex ikun hemm industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku. Ir-rwol importanti ta’ dan is-settur industrijali fil-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, anki f'servizzi relatati, ġie rikonoxxut b’mod ċar. Għaldaqstant, irridu nieħdu approċċ proattiv.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni għall-industrija tal-karozzi, u tenfasizza l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġa l-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur. Dan huwa l-ewwel eżempju konkret tal-applikazzjoni tal-viżjoni aġġornata tagħna għall-politika industrijali f’ambjent settorjali, jiġifieri l-industrija tal-karozzi. Din tiddefinixxi azzjonijiet ta' politika konkreti, ibbażati fuq analiżi tas-settur imwettqa mill-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21, li tnieda mill-ġdid fl-2010. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa artikolat madwar l-erba’ pilastri li ġejjin:

– L-investiment f'teknoloġiji avvanzati u l-finanzjament tal-innovazzjoni permezz ta' firxa ta' inizjattivi regolatorji u l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni

– It-titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq permezz ta' suq intern aktar b'saħħtu u l-implimentazzjoni konsistenti ta' regolamentazzjoni intelliġenti

– It-titjib tal-kompetittività fis-swieq globali permezz ta' politika kummerċjali effettiva u armonizzazzjoni internazzjonali tar-regolamenti tal-vetturi

– L-adattament tal-antiċipazzjoni billi jsir investiment fil-kapital uman u fil-ħiliet u jittaffew l-impatti soċjali tar-ristrutturar

Permezz ta' din l-istrateġija, il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa r-rwol attiv li se jkollu s-settur tal-karozzi biex ireġġa' lura t-tendenza ta' tnaqqis tas-sehem tal-industrija fl-Ewropa mil-livell attwali tagħha ta' madwar 16 % tal-PDG għal 20 % sal-2020. It-tisħiħ tal-kompetittività ta' din l-industrija fl-UE, l-appoġġ biex jinħatfu l-opportunitajiet ta’ tkabbir fis-swieq globali, kif ukoll il-promozzjoni ta’ vetturi nodfa, sikuri u effiċjenti, inkorporati f'approċċ ta' politika integrata se jkunu strumentali għal dak il-għan.

2.           CARS 21: Viżjoni strateġika konġunta għall-industrija fl-2020

Fi tmiem l-2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi mill-ġdid il-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21, li kien oriġinarjament stabbilit fl-2005, bħala segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Strateġija Ewropea dwar vetturi ta' enerġija nadifa u effiċjenti"[3], adottata fit-28 ta' April 2010. Il-mira tal-Grupp kienet li jsiru rakkomandazzjonijiet ta' politika biex jappoġġaw il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli tal-industrija tal-karozzi Ewropea.

Il-grupp inkluda seba' Kummissarji, disa' rappreżentanti tal-Istati Membri, u grupp wiesa' u bbilanċjat ta' partijiet interessati (fosthom rappreżentanti industrijali u NGOs), u adotta r-Rapport Finali tiegħu[4] fis-6 ta' Ġunju 2012. Dan ir-Rapport jippreżenta l-fehma kunsenswali tal-Grupp dwar il-viżjoni strateġika għas-settur tal-karozzi fl-2020 u jistipula rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar għadd ta' oqsma ta' politika rilevanti.

L-analiżi mogħtija fir-Rapport turi biċ-ċar li l-istatus quo għall-industrija tal-karozzi Ewropea ma jistax jinżamm: se jkollhom jiġu adattati l-kapaċitajiet tal-produzzjoni attwali, jitfasslu metodi ta’ produzzjoni ġodda, jiġu żgurati u jintużaw b'mod aktar effiċjenti sorsi ulterjuri ta' materja prima, u jiġu żviluppati clusters u mudelli ġodda tan-negozju. Bl-istess importanza, jinħtieġu profili ta' ħiliet ġodda u jridu jiġu indirizzati l-bidliet possibbli fil-ħtiġijiet tal-impjiegi. F'dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata tranżizzjoni ekonomika u soċjali bbilanċjata u mingħajr intoppi billi jiġu antiċipati l-ħtiġijiet fir-rigward tal-ħiliet u tat-taħriġ, kif ukoll billi jkun ġestit ir-ristrutturar bl-aktar mod opportun, filwaqt li jitrawmu l-adattament tan-negozju u t-tranżizzjoni tal-impjiegi.

F’dan l-isfond, il-Grupp iddefinixxa fehma komuni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta' industrija tal-karozzi b'saħħitha u kompetittiva u l-progress lejn il-mobilità sostenibbli għas-soċjetà tal-UE fl-2020 kif ġej:

– Settur tal-karozzi li jibqa' ta' importanza strateġika u jibqa' pedament għall-industrija u l-ekonomija tal-UE, filwaqt li jipprovdi impjiegi ta’ kwalità lil miljuni ta' ħaddiema fl-UE; – Settur li huwa ċentrali għal bosta attivitajiet ekonomiċi oħra filwaqt li jipprovdi prodotti affordabbli u mixtieqa, jissodisfa d-domandi tal-konsumaturi, abbażi ta' suq kompetittiv għall-prodotti u s-servizzi tal-karozzi, inkluż wara l-bejgħ; – Bażi ta' manifattura soda fl-UE għall-vetturi tat-triq u l-komponenti, li timmanifattura parti mdaqqsa tal-vetturi u l-partijiet mibjugħa fis-suq tal-UE; – Netwerk industrijali b'saħħtu b’katina ta’ forniment u ta' distribuzzjoni integrata u flessibbli; – Settur li jesporta portafoll akbar ta' vetturi ta' kwalità għolja u ta' teknoloġija avvanzata lejn swieq terzi; – Swieq globali li joffru kundizzjonijiet ekwi ġenwini lill-atturi kollha fis-settur, b'opportunitajiet ġusti għat-teknoloġiji kollha, – Industrija tal-karozzi li tkun fuq quddiem nett fit-teknoloġija, b'azzjoni kkoordinata mal-industrija fornitriċi tal-fjuwil, filwaqt li tipproduċi vetturi li huma attraenti għall-konsumaturi tal-UE, nodfa f’termini ta’ sustanzi li jniġġsu rregolati, aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, sikuri, silenzjużi u konnessi; – Portafoll ta’ teknoloġiji ta’ propulsjoni, iddominat minn teknoloġija avvanzata tal-magni tal-kombustjoni, għalkemm ikunu dejjem aktar elettrifikati. Barra minn hekk, l-użu ta' vetturi b'kunċetti alternattivi ta' mogħdija tas-saħħa tal-magna (bħall-vetturi elettriċi[5] u biċ-ċelluli tal-fjuwil) qed isir sinifikanti; – Infrastruttura xierqa għall-mili mill-ġdid u għall-iċċarġjar mill-ġdid għal vetturi bi fjuwil alternattiv li qed jinbnew, b'konformità mal-potenzjal tas-suq tagħhom; – Forza tax-xogħol kemm fil-manifattura, fir-riċerka u fl-iżvilupp kif ukoll fil-manutenzjoni li tkun imħarrġa u preparata li taħdem b’għadd kbir ta’ teknoloġiji.

Jeħtieġ li jiġi implimentat b'mod sistematiku approċċ politiku integrat. Għaldaqstant, dan l-approċċ għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

– azzjonijiet ta’ politika tas-settur privat u dak pubbliku fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u reġjonali li jikkomplementaw lil xulxin;

– miżuri li jindirizzaw il-vetturi jridu jiġu effettivament ikkombinati fejn xieraq ma' oħrajn li jiffokaw fuq l-infrastruttura u l-utent;

– miżuri ta' politika regolatorji u alternattivi kosteffettivi li jiġu implimentati b'mod effettiv u infurzati, sabiex jilħqu l-miri fit-tul tas-soċjetà u jistimolaw l-innovazzjoni;

– l-oqsma kollha ta' politika li għandhom impatt fuq is-settur tal-karozzi jridu jkunu kkoordinati mill-qrib fost l-awtoritajiet rilevanti inkarigati, inkluż il-kummerċ, it-teknoloġiji industrijali, ambjentali, tal-enerġija, tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, is-sikurezza fit-toroq u s-saħħa pubblika, it-trasport u l-politika tal-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u s-suq intern, sabiex tiġi żgurata l-kisba kosteffettiva tal-miri tal-politika.

Il-Kummissjoni tagħraf bis-sħiħ dawn l-isfidi u l-ħtieġa ta' strateġija politika industrijali ambizzjuża għas-settur tal-karozzi. Il-Kummissjoni se torjenta l-politiki tagħha lejn din il-mira u tistieden lill-Istituzzjonijiet l-oħra, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-partijiet interessati biex isegwu l-istess approċċ, fil-qasam ta’ responsabbiltà rispettiv tagħhom.

3.           Sitwazzjoni ekonomika diffiċli

Ir-Rapport Finali ta’ CARS 21 jipprovdi analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni ekonomika attwali tal-industrija tal-karozzi fl-UE. Fl-ewwel nofs tal-2012, is-sitwazzjoni ddeterjorat u din ix-xejra hija mistennija li tkompli sa tmiem is-sena. Il-bejgħ fis-swieq tal-UE naqas (tnaqqis ta' 6,8 % għall-ewwel nofs tal-2012 għall-karozzi tal-passiġġieri u tnaqqis ta' 10,8 % għal vetturi kummerċjali) - meta mqabbel mal-livelli diġà baxxi tal-2011. Il-previżjonijiet attwali jindikaw tnaqqis ta' 7,9 % sena wara l-oħra fis-suq tal-UE għall-karozzi tal-passiġġieri b’bejgħ li jammonta għal 12,1 miljun unità. Is-suq tal-UE għall-vetturi kummerċjali huwa mistenni li jonqos bi 8 % din is-sena, wara perjodu preċedenti ta' rkupru fl-2010 u fl-2011, iżda għadu f'livelli storikament baxxi. Għall-vetturi motorizzati b'żewġ roti, ir-reġistrazzjonijiet ġodda qed ibatu mill-kriżi tad-dejn u kienu jammontaw fl-2011 għal 1,6 miljun unità, li huwa 40 % taħt il-livell tal-2007.

Il-produzzjoni tal-vetturi kienet f’qagħda kemxejn aħjar (armar ta' 16-il miljun unità ta' vetturi ħfief, jiġifieri miljun unità aktar mil-livelli tal-2009) stimolata mill-esportazzjonijiet kif juri l-bilanċ kummerċjali pożittiv ta’ EUR 45 biljun fl-ewwel ħames xhur tal-2012 (l-aktar minħabba l-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti u s-swieq emerġenti). Madankollu, hemm riskji negattivi importanti għal-livelli ta' produzzjoni marbuta ma' tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomiji emerġenti. Bosta fabbrikanti rrappurtaw telf finanzjarju fis-suq tal-UE l-aktar minħabba tnaqqis fil-bejgħ flimkien mal-kwistjoni strutturali tal-kapaċità żejda li ilha għaddejja żmien twil[6]. Xi fabbrikanti ħabbru azzjonijiet ta' ristrutturar sinifikanti li se jkollhom riperkussjonijiet fuq il-katina tal-provvista tagħhom kif ukoll fuq il-prospetti għall-impjieg u l-irkupru f’bosta reġjuni Ewropej.

Ir-responsabbiltà biex tiġi ttrattata l-kwistjoni tar-ristrutturar hija l-aktar tal-industrija, iżda, fl-istess waqt, l-industrija qed issostni li huma mixtieqa aktar koordinazzjoni u sostenn fil-livell Ewropew.

Dan il-Pjan ta' Azzjoni, ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-CARS 21, jistipula miri fit-tul biex tinżamm il-bażi tal-manifattura fl-Ewropa, jiġu żgurati l-kompetittività u s-sostenibbiltà u jiġi kkostitwit pjan direzzjonali komplut għall-politika industrijali għall-industrija tal-karozzi fl-2020.

4.           Pjan ta’ Azzjoni biex jixpruna l-kompetittività

Il-Kummissjoni qed tippjana l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin fl-oqsma differenti ta' politika tal-UE:

4.1.        Ninvestu f'teknoloġiji avvanzati u niffinanzjaw l-innovazzjoni

Fl-industrija tal-karozzi, bħal f’setturi oħra, qed tiġi żviluppata firxa ta’ teknoloġiji ġodda, nodfa u sikuri, li mistennija jkunu diffużi ferm fis-snin li ġejjin. Huwa essenzjali li l-Ewropa, li tinsab f'pożizzjoni ta' tmexxija fit-teknoloġija tal-lum, tibqa' fuq quddiem nett billi tiżviluppa s-soluzzjonijiet għall-ġejjieni u toffri mobilità sostenibbli. Sabiex dan iseħħ, jinħtieġ appoġġ pubbliku mmirat sew u kkoordinat għar-riċerka u l-innovazzjoni, li huwa adattat għall-ħtiġijiet tal-industrija u s-soċjetà, u li jimmira lejn l-iżvilupp ta' teknoloġiji aktar fit-tul. Sabiex jiġu stimolati l-investimenti fis-snin li ġejjin, jeħtieġ li jiġi adottat approċċ politiku ħolistiku, li jikkumplementa l-inizjattivi regolatorji fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali, u li jkun akkumpanjat minn miżuri marbuta mal-infrastruttura u mad-domanda.

Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

L-investiment fir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI) jiżgura l-kompetittività. Barra minn hekk, il-finanzjament Ewropew għar-RŻI taħt is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) u s-self u l-garanziji ta' self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) immirati biex jistimolaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tat-trasport nodfa ġew identifikati fir-Rapport ta' CARS 21 bħala strumenti ewlenin għall-irkupru mill-kriżi bejn l-2008 u l-2009, u biex tiġi indirizzata l-pressjoni kompetittiva attwali f'termini ta' tmexxija fit-teknoloġija. Aspett importanti huwa li l-fondi Ewropej jipprovdu ingranaġġ sostanzjali għall-industrija tal-karozzi fl-UE, li jeħtieġ li tiffinanzja r-RŻI simultanjament fuq diversi teknoloġiji tal-mogħdija tas-saħħa tal-magna (titjib kontinwu tal-magni ta' kombustjoni kif ukoll l-iżvilupp ta' sistemi ta' mogħdija tas-saħħa tal-magna tal-elettriku, biċ-ċelloli tal-fjuwil u ibridi) - b'konformità mal-perspettiva tal-2020 ta' portafoll diversifikat ta' fjuwils meħtieġ biex jilħaq il-miri tat-tibdil fil-klima. L-iżvilupp tas-sikurezza fit-toroq hija qasam ieħor fejn għad hemm lok wiesa' għal titjib tas-sikurezza tal-vetturi abbażi tal-evidenza. Ir-Rapport Finali ta’ CARS 21 evalwa b'mod pożittiv ferm is-Sħubija Pubblika-Privata (2009-2013) tal-Inizjattiva Ewropea għall-Karozzi Ekoloġiċi (EGCI) kif ukoll l-attività ta' self tal-BEI, speċjalment fi ħdan il-Faċilità Ewropea għal Trasport Nadif. Hemm kunsens qawwi li ż-żewġ strumenti għandhom jibqgħu jintużaw.

Il-Kummissjoni:

– proponiet Orizzont 2020[7] bħala qafas għall-fondi tar-riċerka u l-innovazzjoni bejn l-2014 u l-2020 b'baġit totali ta' EUR 80 biljun – żieda sinifikanti meta mqabbla mal-FP7 – inkluż l-impenn biex tinkiseb sistema ta' trasport Ewropea effiċjenti f'termini ta' riżorsi u li tħares l-ambjent. Sakemm jittieħdu d-deċiżjonijiet finali fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriannwali li jmiss, jitqies li l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-karozzi għandu jikkunsidra l-importanza ekonomika u soċjali tiegħu.

– proponiet il-Programm COSME (il-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs)[8], b'baġit ta' EUR 2,5 biljun għall-perjodu mill-2014 sal-2020.

– proponiet li ż-żewġ programmi għandhom jappoġġaw l-istrumenti finanzjarji tal-UE li se jippermettu potenzjalment lill-SMEs u lill-kumpaniji akbar fis-settur tal-karozzi li jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għad-dejn u għall-finanzjament tal-ekwità. Permezz ta' COSME, l-SMEs fis-settur tal-karozzi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn azzjonijiet biex itejbu l-aċċess għas-swieq u permezz tal-Orizzont 2020, minn miżuri biex itejbu l-attrattività għall-investituri.

– adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-mobilità Ewropea tal-ġejjieni[9], li tipproponi l-iżvilupp ta' Strateġija Ewropea dwar it-Teknoloġija tat-Trasport. L-istrateġija tipprevedi bejn l-2013 u l-2014 id-definizzjoni mal-partijiet interessati ta' pjanijiet direzzjonali tat-teknoloġija li jiffokaw fuq it-tħaddim ta' teknoloġiji u innovazzjoni f’għaxar oqsma kritiċi tat-trasport, inklużi l-vetturi tat-triq nodfa, effiċjenti, sikuri, silenzjużi u intelliġenti. Dan se jgħin biex tiġi ottimizzata l-kontribuzzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-miri ambizzjużi tal-White Paper dwar it-Trasport[10] u jappoġġa l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020.

– bdiet l-implimentazzjoni tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (il-Pjan SET)[11] li jindirizza l-aġenda tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' diversi oqsma ta' importanza strateġika għas-settur tat-trasport b'mod partikolari l-grilji tal-elettriku intelliġenti, il-fjuwils alternattivi bħall-bijoenerġija u l-idroġenu u ċ-ċelloli tal-fjuwil kif ukoll il-ħżin tal-enerġija. F’dan ir-rigward, se jiġu żgurati konnessjonijiet xierqa mal-istrateġija dwar it-teknoloġija tat-trasport.

Filwaqt li Orizzont 2020 se jipprovdi l-qafas ġenerali għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tat-trasport, huwa ta’ importanza kruċjali li jiġu spjegati f’aktar dettall il-prijoritajiet u t-tħaddim tal-finanzjament għall-iżvilupp tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-industrija tal-karozzi. Abbażi wkoll tar-rapport tal-Grupp CARS 21, il-Kummissjoni hija konvinta li l-finanzjament għandu jkopri attivitajiet li jkunu eqreb tas-suq bħall-akkwist pubbliku, l-istandardizzazzjoni u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni. Il-forma tal-PPPs għandhom ikunu ppreferuti bħala l-aktar għodda effiċjenti u veloċi u għandhom jintlaħqu sinerġiji mal-iffinanzjar nazzjonali.

Barra minn hekk, is-sinerġiji potenzjali bejn is-settur u l-EIT[12] għandhom jiġu esplorati aktar, b'mod partikolari fil-kuntest tal-KICs[13] futuri ppjanati fl-oqsma tal-manifattura b'valur miżjud u tal-mobilità urbana.

Il-Kummissjoni se:

– taħdem flimkien mal-industrija biex tiżviluppa proposta dwar l-Inizjattiva Ewropea għall-Vetturi Ekoloġiċi (bħala segwitu għall-EGCI PPP) taħt Orizzont 2020, li tinkludi pjattaforma għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Politika Industrijali tal-2010[14]. L-inizjattiva se tingrana l-finanzjament privat sabiex tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin proposti għal Orizzont 2020.

L-aċċess għall-finanzi

Flimkien mal-programm Ewropew għar-riċerka, il-finanzjament tal-BEI (is-self u l-garanziji għas-self) kellu rwol ewlieni fost il-miżuri ta' rkupru għas-settur tal-karozzi matul il-kriżi mill-2008 sal-2009. Billi jappoġġa investimenti kbar marbuta ma' teknoloġiji nodfa, il-BEI jgħin biex jiżgura l-kompetittività tal-industrija fis-snin li ġejjin. Fi żmien il-kriżi preċedenti, il-BEI żied il-volum ta' self tiegħu għall-industrija tal-karozzi minn medja ta' EUR 2 biljun fis-sena għal kważi EUR 14-il biljun għall-perjodu bejn l-2009 u l-2010. Il-volumi ta' self attwali naqsu fl-2011 u dan jirrifletti, fost affarijiet oħra, l-aċċess aħjar għall-finanzi minn banek kummerċjali f’dak iż-żmien. Waqt li l-kumpaniji qed ilestu l-proġetti tagħhom tar-riċerka u l-innovazzjoni li bħalissa huma ffinanzjati mill-BEI u proġetti ġodda jidhru li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri għall-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil għall-2020, il-BEI huwa preparat sew biex jissodisfa din id-domanda ġdida. Iż-żieda kapitali riċenti ta' EUR 10 biljun tal-BEI li ntlaħaq qbil dwarha fil-Kunsill Ewropew tista’ tkun ukoll mistennija li ssarraf f'aktar opportunitajiet għas-settur tal-karozzi (b'mod partikolari għall-innovazzjoni u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi).

Il-Kummissjoni se:

– tkompli taħdem mal-BEI biex tiżgura li l-finanzjament għall-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni fis-settur tal-karozzi jkun disponibbli speċjalment sabiex jintlaħqu l-miri tal-2020 għall-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil filwaqt li jinżammu l-proċeduri ta' evalwazzjoni meħtieġa biex tkun żgurata l-vijabilità tal-investimenti fit-tul.

– tappoġġa lill-BEI fl-isforzi tiegħu biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-SMEs u l-impriżi ta' daqs medju. Għalkemm il-piż amministrattiv jitqies bħala baxx, il-Kummissjoni se tkompli tinvestiga liema għodod jistgħu jtejbu l-aċċessibbiltà għall-finanzjament għall-SMEs, speċjalment jekk l-SMEs jesperjenzaw diffikultà biex jiksbu aċċess għal kreditu minn banek kummerċjali, għal darb’oħra. Wieħed jista' jesplora l-għoti ta' finanzjament kummerċjali jew ta' linja ta' kreditu globali għall-fornituri f’pajjiż wieħed, kif ukoll il-possibbiltà ta' għażliet oħra.

– tesplora flimkien mal-BEI il-possibbiltà ta’ finanzjament għal proġetti marbuta mal-elettromobilità, inkluż l-appoġġ permezz ta’ assistenza teknika apposta bħal fil-każ tal-faċilità ELENA eżistenti[15].

Emissjonijiet aktar baxxi tas-CO2

Il-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, li jużaw l-enerġija b'inqas intensità abbord il-vetturi li jipproduċu inqas emissjonijiet tas-CO2, użati b'mod kosteffettiv, se tappoġġa l-ħolqien ta’ valur miżjud u impjiegi fl-industrija tal-karozzi kif ukoll tnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-UE billi trażżan l-importazzjonijiet taż-żejt.

L-istrateġija tal-UE tal-2007 ħaddnet approċċ komprensiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief[16]. Dan inkluda miżuri dwar id-domanda u l-provvista bl-azzjonijiet fuq it-teknoloġija tal-magni jkunu kkumplimentati b'miżuri oħra, li jimmiraw lejn fjuwils alternattivi, l-imġiba tas-sewwieqa u titjib teknoloġiku ieħor. Barra minn hekk, għall-politika tal-ġejjieni, kif propost mill-Kummissjoni fil-White Paper riċenti tagħha dwar il-Politika tat-Trasport, huwa kruċjali li jiġu definiti l-aktar miżuri xierqa biex jitnaqqsu b’mod ħolistiku l-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport bit-triq, abbażi ta' analiżi bir-reqqa tal-kosti u l-benefiċċji, filwaqt li jiġu indirizzati kif xieraq l-effiċjenza tal-vetturi, l-użu tal-vetturi u l-infrastruttura.

Il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet jistgħu wkoll jitnaqqsu sostanzjalment permezz ta' użu fuq skala kbira ta' vetturi aktar aerodinamiċi. Il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji biex tirrevedi d-Direttiva 96/53/KE dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi tal-vetturi tat-triq li, inter alia, se jippermettu li jiġi ffrankat sa 10 % ta' fjuwil billi jiġu mgħammra mill-ġdid it-trakkijiet eżistenti u jiġu ridiżinjati dawk futuri għall-iskop tat-titjib tal-ajrudinamika.

Għal vetturi ħfief, ir-Regolamenti rispettivi dwar is-CO2 iddefinixxew il-miri għall-2020 għal 95 g CO2/km għall-karozzi u 147 g CO2/km għall-vannijiet. Il-Kummissjoni, b'riżultat tar-reviżjoni ta' dawn ir-Regolamenti, proponiet il-modalitajiet biex jintlaħqu, sal-2020, dawn il-miri b'mod kosteffettiv.

Sabiex l-industrija tal-karozzi tkun tista' twettaq investimenti u innovazzjoni fit-tul, huwa wkoll mixtieq li jiġu pprovduti fil-ħin, indikazzjonijiet dwar il-forma u l-livell ta' ambizzjoni previsti tal-miri ta’ tnaqqis tas-CO2 lil hinn mill-2020, filwaqt li jitqiesu l-miri fit-tul tal-Unjoni rigward it-tibdil fil-klima.

Il-Kummissjoni:

– riċentement adottat proposti biex timplimenta l-miri għall-2020 tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet[17]. F’termini ta’ modalitajiet, il-proposti jipprevedu l-issoktar tad-dispożizzjonijiet dwar l-ekoinnovazzjoni, superkrediti għal vetturi b'livelli baxxi ta' CO2 u eżenzjoni għall-iżgħar fabbrikanti.

– se tagħti bidu għal konsultazzjoni wiesgħa dwar il-politika regolatorja fir-rigward tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet lil hinn mill-2020, li tistabbilixxi għadd ta' aspetti li dwarhom se jinġabru osservazzjonijiet, u mbagħad ir-reazzjonijiet tagħhom se jikkontribwixxu biex jiġu determinati l-forma u l-livell ta' ambizzjoni tal-politika futura fil-kuntest tar-reviżjoni prevista[18]. Il-Kummissjoni se tqis kwistjonijiet bħall-kosteffettività, l-iżvilupp mistenni ta' teknoloġiji ta' tnaqqis tas-CO2 u fatturi oħra rilevanti.

– se tinkludi l-miżuri ta' politika ta' hawn fuq f'politika usa' u integrata dwar it-tnaqqis tas-CO2 mit-trasport bit-triq, permezz tal-implimentazzjoni tal-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport, li tkopri t-teknoloġija tal-vetturi, l-infrastruttura, l-imġiba tas-sewwieqa u miżuri oħra.

– se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 96/53/KE fil-bidu tal-2013 biex tippermetti disinn aktar ajrudinamiku tat-trakkijiet.

L-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu u tal-istorbju

F'dawn l-aħħar snin, ħareġ ċar li l-proċeduri attwali użati għall-kejl tas-sustanzi li jniġġsu, tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil ta' vetturi ħfief (karozzi u vannijiet) mhumiex rappreżentattivi biżżejjed tas-sewqan fid-dinja reali. Għaldaqstant, hi prevista reviżjoni taċ-ċikli tas-sewqan u tal-proċedura tat-test li bħalissa qed titħejja f'livell globali, abbażi tad-dejta miġbura dwar l-imġiba tas-sewqan fid-dinja reali. It-titjib taċ-ċiklu tat-test u d-definizzjoni ta' kundizzjonijiet tal-ittestjar ċari li jirriżultaw f'valuri rappreżentattivi u komparabbli, huma importanti biex jinkiseb it-tnaqqis mistenni mill-miżuri regolatorji, inċentivi finanzjarji u sabiex tingħata informazzjoni affidabbli lill-konsumaturi.

Barra minn hekk, bosta Stati Membri ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja u qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi sinifikanti fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 fl-ambjent. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti regolatorji dwar il-kwalità tal-arja definiti mid-Direttiva 2008/50 KE mhumiex milħuqa fiż-żoni urbani ("hotspots"), l-aktar għall-materja partikulata, l-ossidi tan-nitroġenu u l-ożonu. Din is-sitwazzjoni hi dovuta parzjalment għall-emissjonijiet tal-NOx (NO + NO2) tal-emissjonijiet iġġenerati mit-traffiku fit-toroq lokali, li aktarx li jkunu ferm ogħla f'kundizzjonijiet reali ta’ sewqan mil-limiti ta’ emissjoni regolatorji mkejla fuq iċ-ċiklu tat-test, partikolarment għall-vetturi diżil.

Minħabba l-problemi urġenti fil-kwalità tal-arja, jeħtieġ li wieħed jipproċedi bl-implimentazzjoni tal-Euro 6 kif previst u li jiġu identifikati kemm jista' jkun malajr, il-miżuri biex jissaħħaħ it-tnaqqis tal-emissjonijiet minn vetturi fit-toroq.

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza li jiġi żgurat tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet tal-NOx f'kundizzjonijiet ta' sewqan reali sabiex jintlaħqu l-miri attwali u futuri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja. Bħala riżultat u sabiex jiġu implimentati r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) 715/2007, il-Kummissjoni nediet f'Jannar 2011 l-iżvilupp ta' proċedura tat-test futura, li trid tiġi integrata fil-qafas tal-approvazzjoni tat-tip, sabiex jiġu evalwati direttament l-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi ħfief f'kundizzjonijiet ta' sewqan reali.

L-emissjonijiet tas-sewqan reali (RDE) tal-NOx imkejla b'din il-"proċedura RDE" għandhom jiġu rreġistrati u kkomunikati sa mid-dati obbligatorji tal-Euro 6 (fl-2014). L-aktar tard tliet snin wara dawn id-dati, il-proċedura RDE għandha tiġi applikata flimkien mal-limiti ta’ emissjonijiet li ma għandhomx jinqabżu (NTE), u dan se jiżgura tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet tal-NOx f'kundizzjonijiet ta' sewqan reali fir-rigward tal-livell ta' emissjonijiet mistenni jekk din il-proċedura RDE ma tkunx applikata. Dawn it-tliet snin addizzjonali, mogħtija sabiex jiġu introdotti limiti tal-NTE vinkolanti, jitqiesu meħtieġa billi l-Kummissjoni hija konxja li f'bosta każijiet, ir-ridiżinjar sinifikanti ta' vetturi diżil se jkollu jikseb il-limiti ta' emissjonijiet NOx f'kundizzjonijiet normali tas-sewqan imposti mill-Euro 6.

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-istorbju mill-vetturi qed tiġi riveduta, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt. L-impatti fuq is-saħħa relatati mal-istorbju se jitnaqqsu permezz ta' valuri ta' limitu aktar stretti. F'dawn l-aħħar snin ġiet żviluppata u ttestjata proċedura ta’ test ġdid. Din il-proċedura hija iktar rappreżentattiva u tas-sewqan fid-dinja reali u issa tista' tiġi implimentata. Flimkien, dawn id-dispożizzjonijiet se jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-livelli tal-istorbju ġġenerat mit-traffiku tat-triq.

Il-Kummissjoni:

– se tappoġġa b'mod attiv l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ ċiklu tat-test ġdid tas-sewqan u proċedura tat-test ġdida sabiex jitkejlu l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet minn karozzi u vannijiet, li huma aktar rappreżentattivi tas-sewqan fid-dinja reali, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tas-suq tal-UE. Il-modalitajiet għall-inklużjoni fil-qafas legali tal-UE taċ-ċiklu u tal-proċeduri tat-test ġodda għandhom jiġu definiti qabel l-2014, inkluża l-metodoloġija għall-korrelazzjoni tal-miri tas-CO2 stabbiliti fuq il-bażi taċ-ċiklu u tal-proċedura preċedenti. Għall-ittestjar tal-emissjonijiet, l-implimentazzjoni taċ-ċiklu ġdid u tal-proċedura ġdida għandha tiżgura l-konformità mal-valuri ta’ limitu tal-Euro 6 f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali, b'arranġamenti tranżitorji xierqa mill-2014 sal-2017. Għall-ittestjar tas-CO2, l-implimentazzjoni taċ-ċiklu ġdid u tal-proċedura ġdida għandhom iqisu u jkunu konsistenti mal-miri ambjentali diġà definiti u jevitaw li jimponu piżijiet mhux meħtieġa fuq il-partijiet interessati. Id-definizzjoni tad-distanza ta' sewqan għall-vetturi tal-elettriku se titqies ukoll.

– se tipproponi qabel l-2014 miżuri kumplimentari għall-kontroll tal-emissjonijiet inkwinanti tal-vetturi li fl-użu, ibbażati fuq analiżi approfondita, bl-għan li jinkiseb tnaqqis f'waqtu tal-emissjonijiet inkwinanti reali, u b'hekk, jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalità tal-arja.

– ipproponiet f'Diċembru 2011 Regolament ġdid dwar l-emissjonijiet tal-istorbju tal-vetturi[19], bħala parti minn approċċ politiku integrat għat-tnaqqis tal-istorbju ambjentali, inkluża proċedura ġdida tat-test għall-kejl tal-istorbju u tnaqqis ulterjuri tal-livelli tal-istorbju tal-vetturi. Għandu jingħata "perjodu ta' tħejjija" xieraq lill-industrija, konsistenti mal-limitu tal-adattamenti tekniċi meħtieġa.

Is-sikurezza fit-toroq

Is-sikurezza fit-toroq kienet u se tibqa’ prijorità fil-politika tal-UE u tal-Istati Membri għal ħafna snin. Din toffri eżempju interessanti tal-implimentazzjoni effettiva tal-approċċ politiku integrat. L-UE tinsab quddiem nett fil-livell dinji fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, u l-flotta tal-vetturi tagħna hija relattivament ġdida u sikura. Id-disinn tal-karozzi għandu rwol importanti kemm fil-prevenzjoni tal-ħabtiet kif ukoll fil-protezzjoni f'każ ta' inċident, partikolarment bl-għajnuna tal-mezzi ta' sikurezza permezz tal-qafas ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE.

Sar progress importanti fit-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq permezz ta' għadd ta' miżuri, li jindirizzaw il-vettura, is-sewwieq u l-infrastruttura, applikati fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE. Madankollu, dawn ir-riżultati inkoraġġanti ma għandhomx jagħtu lok għal kompjaċenza u ġiet proposta mira ġdida għall-2020 ta' tnaqqis ulterjuri ta’ mwiet fit-toroq fl-UE b'50 % meta mqabbla mal-2010[20].

Il-Kummissjoni:

– se tkompli bl-implimentazzjoni tal-ħidma dwar is-sikurezza fit-toroq b'konformità mal-oqsma prijoritarji u mal-miri tal-Orjentazzjonijiet ta' Politika tagħha bejn l-2011 u l-2020[21], li jkopru l-azzjonijiet fuq il-vetturi, l-infrastruttura u l-imġiba tas-sewwieqa. Jeħtieġ li tinstab it-taħlita t-tajba ta' politiki, li tikkombina miżuri regolatorji u miżuri oħra u se tkun definitia abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt approfondita. Il-prijoritajiet jinkludu l-muturi, it-teknoloġiji tas-sikurezza ta' vetturi ġodda (EVs) u t-teknoloġiji li jappoġġaw l-imġiba tas-sewwieqa u l-infurzar tar-regoli tat-triq (apparat intelliġenti tal-ġestjoni tal-veloċità, sistemi li jfakkru fiċ-ċinturin tas-sikurezza, STI, sewqan ekoloġiku).

– se tippromwovi ulterjorment it-tħaddim ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI), inklużi sistemi kooperattivi, b'mod partikolari s-sistema ta' sejħiet għall-emerġenza fil-vettura "eCall" mal-Ewropa kollha. Qed jiġu implimentati mekkaniżmi leġiżlattivi xierqa li jiżguraw koordinazzjoni soda u t-tħaddim f'waqtu u komplut tal-elementi kollha marbuta mal-eCall sabiex din is-sistema li ssalva l-ħajja tiffunzjona b'mod effettiv mill-2015.

– tistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u lill-partijiet interessati biex jikkooperaw b'mod kostruttiv u kkoordinat sabiex jiżviluppaw l-aktar miżuri promettenti biex itejbu s-sikurezza fit-toroq u biex iħaddmu s-STI. Il-Kummissjoni qed twettaq ukoll valutazzjoni approfondita tal-aktar sistemi xierqa ta' sikurezza tal-vetturi sabiex ittejjeb aktar is-sikurezza fit-toroq u s-sikurezza tal-vetturi fl-UE, u qed tħejji pjan direzzjonali għat-tħaddim ippjanat għat-tmiem l-2013.

Il-fjuwils alternattivi u l-infrastruttura

Diversifikazzjoni xierqa tas-sorsi tal-enerġija użati għat-trasport se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-klima u titjieb is-sigurtà tagħha fir-rigward tal-enerġija. Filwaqt li għad fadal riżervi sostanzjali tal-idrokarbonju, huwa probabbli li l-prezzijiet jistgħu jsiru dejjem aktar volatili filwaqt li l-kapaċità żejda tonqos. B’mod parallel mat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, dan jeħtieġ ukoll il-kummerċjalizzazzjoni ta' fjuwils alternattivi, bħalma huma l-elettriku, l-idroġenu, il-bijofjuwils sostenibbli, il-metan (il-gass naturali u l-bijometan), l-LPG. Għall-qafas tal-politika ġenerali, il-merti ta’ kull taħlita ta' fjuwil u mogħdija tas-saħħa tal-magna għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta' kalkolu mill-produzzjoni sal-utilizzazzjoni[22], inklużi wkoll aspetti taċ-ċiklu tal-ħajja. Minħabba l-innovazzjoni ta' ħafna fjuwils, il-prestazzjoni tagħhom għandha tiġi riveduta kontinwament.

Il-penetrazzjoni fis-suq ta’ fjuwils alternattivi teħtieġ il-kostruzzjoni ta' infrastruttura xierqa. Din, kif ukoll l-iżvilupp sussegwenti ta’ suq għall-vetturi rilevanti jservu wkoll biex jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. It-tħaddim ta' infrastrutturi għal fjuwils alternattivi għandu jżomm il-pass mal-iżvilupp teknoloġiku u mar-rati ta' penetrazzjoni fis-suq ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, filwaqt li titqies il-kosteffettività tagħhom. Huma possibbli forom differenti ta' appoġġ pubbliku għall-infrastruttura: il-proġetti pilota, l-istandardizzazzjoni, l-appoġġ għall-investiment u l-leġiżlazzjoni. Il-politika pubblika tista’ tappoġġa l-introduzzjoni fis-suq iżda wara s-swieq iridu jiddeċiedu huma stess dwar l-aħjar soluzzjonijiet, fi ħdan il-qafas ta' politika eżistenti, filwaqt li jitqies kwalunkwe impatt ekonomiku u soċjali.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji l-pakkett dwar l-Użu tal-Enerġija Nadifa għat-Trasport li għandu jipprovdi qafas għall-gwida tal-investimenti u tal-iżvilupp teknoloġiku f’dan il-qasam. Hija għandha l-għan li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern għal vetturi u bastimenti bi fjuwils alternattivi inkluża l-infrastruttura meħtieġa, billi jitneħħew l-ostakli tekniċi u regolatorji madwar l-UE.

Fir-rigward ta' vetturi elettriċi, fl-2010, il-Kummissjoni tat mandat lill-Organizzazzjonijiet Ewropej ta' Standardizzazzjoni (ESO) biex jadottaw standards ġodda bl-għan li jiġu żgurati l-interoperabilità u l-konnettività bejn il-punt tal-provvista tal-elettriku u ċ-ċarġer tal-vetturi elettriċi. Il-proċess ta' standardizzazzjoni għadu ma pprovdiex riżultat sodisfaċenti mil-lat tal-infrastruttura. Ir-Rapport ta' CARS 21 talab l-adozzjoni ta' standard uniku madwar l-UE kollha. Il-Kummissjoni se tinvestiga l-konnessjoni bejn il-vettura u l-grilja u se timmonitorja wkoll il-mudelli ta' negozju ġodda li jistgħu jitfaċċaw u li jippromwovu s-sinerġiji bejn il-ħażna tal-elettriku pprovduta mill-vetturi elettriċi u l-flessibbiltà meħtieġa mis-sistema tal-elettriku, inklużi l-istandards komuni u l-protokolli għall-konnessjoni bejn il-vetturi elettriċi u l-grilji, kif ukoll l-interoperabbiltà għall-komunikazzjoni u l-ħlas.

L-għoti ta' informazzjoni ċara għall-konsumaturi dwar il-fjuwils u l-kompatibbiltà tagħhom mal-vetturi, bħall-ittikkettar, teħtieġ aktar attenzjoni. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-kwistjoni permezz ta' studju tas-suq tal-konsumatur li qed jitwettaq dwar il-funzjonament tas-suq għal fjuwils tal-vetturi mill-perspettiva tal-konsumatur[23].

Il-Kummissjoni se:

– tipproponi matul ix-xhur li ġejjin Strateġija dwar il-Fjuwils Alternattivi, bħala parti mill-pakkett dwar l-Użu tal-Enerġija Nadifa għat-Trasport, li tappoġġa l-bżonn ta' firxa ta' fjuwils alternattivi fil-kuntest tal-ilħiq tal-miri tal-UE fir-rigward tal-klima u tal-ambjent u b'rabta mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE.

– tadotta, bħala parti mill-pakkett dwar l-Użu tal-Enerġija Nadifa għat-Trasport, proposta leġiżlattiva dwar infrastruttura għall-fjuwils alternattivi, li tirrigwarda t-tħaddim ta’ infrastruttura minima ta' alimentazzjoni/iċċarġjar u standards komuni għal ċerti fjuwils, inklużi l-vetturi elettriċi.

– tipproponi miżura leġiżlattiva, mhux aktar tard mill-2013, biex tiżgura li jiġu implimentati soluzzjonijiet prattiċi u sodisfaċenti mil-lat tal-infrastruttura tal-interfaċċja tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi madwar l-UE, fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar approċċ volontarju fost il-partijiet interessati involuti permezz tal-proċess tal-istandardizzazzjoni. Din se tqis is-sinerġiji bejn tas-sistema tal-elettriku u l-vetturi elettriċi.

– ssegwi d-djalogu mal-partijiet interessati rilevanti dwar skema għall-ittikkettar tal-fjuwil konsistenti mal-istandards Ewropej rilevanti bl-għan li tiżgura li l-konsumatur ikollu informazzjoni li faċli jifimha dwar il-kompatibilità tal-vettura tiegħu/tagħha mal-fjuwils differenti offruti fl-istazzjonijiet ta' riforniment tal-fjuwil.

– tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli, b’mod partikolari r-rati effettivi ta' taħlit tal-bijofjuwil użati fl-Istati Membri differenti u l-kompatibbiltà tal-fjuwils mat-teknoloġiji tal-vetturi.

4.2.        It-titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq

Iż-żamma ta' bażi tal-manifattura tal-karozzi fl-UE tista' tkun żgurata biss jekk jiġu pprovduti kundizzjonijiet favorevoli għan-negozju. Għal ħafna minn dawn il-kundizzjonijiet, bħal-liġi tax-xogħol, dan jiddependi ferm fuq il-politiki nazzjonali. Madankollu, il-politika tal-UE għandha wkoll influwenza ċara fuq il-kundizzjonijiet ta' qafas, partikolarment permezz tal-politika regolatorja. Il-Kummissjoni żżomm bħala prijorità tagħha it-titjib tal-kundizzjonijiet tan-negozju għall-industrija fl-Ewropa billi tipprovdi qafas affidabbli, prevedibbli u favorevoli u timplimenta l-prinċipji ta' regolamentazzjoni intelliġenti, bħall-kosteffettività, il-perjodu ta' tħejjija, il-miri fit-tul u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

Suq intern aktar b'saħħtu

Suq intern li jiffunzjona sewwa b'kundizzjonijiet indaqs huwa kontributur ewlieni għal industrija tal-karozzi Ewropea b'saħħitha u prosperuża fuq medda twila ta' żmien. Dan huwa partikolarment veru fil-kuntest eknomiku diffiċli li hawn bħalissa, fejn il-fabbrikanti jinsabu taħt pressjoni biex jadattaw il-kapaċità.

L-industrija tal-karozzi Ewropea tirrappreżenta għadd kbir ta’ kumpaniji żgħar u kbar, attivi f'partijiet differenti tal-katina tad-distribuzzjoni, tal-provvista u tas-servizz. Din id-diversità enormi titqies bħala qawwa u kisba għall-ġejjieni, billi dawk li llum huma kumpaniji żgħar għada jistgħu joffru innovazzjoni strateġika u jsiru atturi ewlenin. Għalhekk, huwa importanti li jitrawmu relazzjonijiet kostruttivi, trasparenti u rispettużi fost l-atturi differenti fis-settur tal-karozzi, inklużi s-setturi tat-tiswija, tal-manutenzjoni u tas-servizz għall-konsumatur.

Il-bidliet fil-qafas tal-liġi tal-kompetizzjoni għad-distribuzzjoni tal-vetturi bil-mutur fl-Ewropa (wara l-iskadenza tar-Regolament Nru 1400/2002 dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur) jista' jkollhom impatt fuq l-organizzazzjoni tar-relazzjonijiet vertikali bejn il-fabbrikanti u d-distributuri tal-vetturi. Sabiex tamministra din it-tranżizzjoni b'mod bilanċjat, il-Kummissjoni tħeġġeġ l-adozzjoni ta' inizjattiva awtoregolatora. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura r-rispett tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fis-swieq għad-distribuzzjoni tal-vetturi bil-mutur u għall-provvista tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni kif ukoll għad-distribuzzjoni tal-ispare parts.

Mira importanti oħra tar-regolamentazzjoni dwar il-vetturi hija t-tisħiħ tas-suq intern tal-UE għall-vetturi bil-mutur. Wieħed irid jirrikonoxxi li llum, filwaqt li r-rekwiżiti regolatorji huma identiċi fl-UE kollha, il-kundizzjonijiet tas-suq huma diversi ħafna fl-Istati Membri differenti. Il-miżuri li jinfluwenzaw id-domanda, bħalma huma l-inċentivi finanzjarji, implimentati biex jippromwovu l-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, mhux kollha jsegwu l-istess approċċ. Din il-frammentazzjoni tista' tkun mistennija li tnaqqas il-potenzjal għall-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta' tali vetturi. Għaldaqstant, hi meħtieġa koordinazzjoni aktar b’saħħitha ta’ dawn il-miżuri.

Għall-konsumaturi, is-suq tal-karozzi użati huwa importanti wkoll. Se jitwettaq studju dwar is-suq tal-konsumaturi rigward il-funzjonament tas-suq tal-karozzi użati.

Il-Kummissjoni se:

– tistabbilixxi sal-2013 djalogu bejn il-partijiet interessati, filwaqt li tħeġġiġhom jaħdmu favur prinċipji komuni dwar ftehimiet vertikali rigward id-distribuzzjoni ta’ vetturi ġodda. Il-partijiet interessati huma mistiedna jipparteċipaw b’mod kostruttiv f'dan id-djalogu, filwaqt li jimmiraw lejn eżitu bbilanċjat.

– tippreżenta fl-2012 linji gwida għal inċentivi finanzjarji għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija stabbiliti mill-Istati Membri sabiex jippromwovu koordinazzjoni aktar b’saħħitha, biex jimmassimizzaw l-effettività ambjentali tagħhom u jillimitaw il-frammentazzjoni tas-suq[24]. Jeħtieġ li tali inċentivi ma jkunux teknoloġikament speċifiċi, u minflok ikunu jiddependu fuq dejta tal-prestazzjoni oġġettiva u komunement disponibbli, bħall-emissjonijiet tas-CO2 mill-vettura. L-Istati Membri se jkunu mistiedna jqisu kif xieraq dawn il-linji gwida meta jfasslu l-iskemi ta' inċentiv tagħhom.

Ir-regolamentazzjoni intelliġenti

Suq intern b’saħħtu u dinamiku jeħtieġ ukoll regolamentazzjoni xierqa, li tevita piżijiet bla bżonn għall-partijiet interessati u toffri klima favorevoli għall-investiment. Il-prodotti tal-karozzi huma essenzjalment irregolati permezz ta' qafas leġiżlattiv tal-UE għall-approvazzjoni tat-tip. Għalkemm jidher li din is-sistema ġeneralment tiffunzjona b’mod sodisfaċenti, l-evalwazzjoni kontinwa tibqa’ meħtieġa sabiex tidentifika modi ta' titjib. B'mod partikolari, tinħtieġ reviżjoni tal-proċeduri għas-sorveljanza tal-prodotti tal-karozzi mqiegħda fis-suq tal-UE, sabiex ikun żgurat li l-vetturi huma sikuri u li ċ-ċittadini jistgħu jafdaw bis-sħiħ il-qafas regolatorju stabbilit. Din se tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ opportunitajiet indaqs fost l-atturi kollha, u għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-konsumaturi f'regolamentazzjoni effettiva dwar il-prodotti, filwaqt li tillimita l-piżijiet amministrattivi.

Il-prinċipji ta' regolamentazzjoni intelliġenti kienu r-riżultat ewlieni fl-ewwel eżerċizzju ta' CARS 21 u dawn reġgħu ġew affermati fil-proċess imniedi mill-ġdid. Barra minn hekk, ir-Rapport Finali ta' CARS 21 saħaq fuq l-importanza li jiġu kkunsidrati l-pressjoni kompetittiva attwali fuq l-ispejjeż, l-effett kumulattiv tal-leġiżlazzjoni u l-qagħda tal-SMEs. Se tiġi żgurata l-applikazzjoni komprensiva u konsistenti tal-prinċipji tar-regolamentazzjoni intelliġenti, li tintegra l-valutazzjoni fil-fond tal-impatti fuq l-industrija, is-soċjetà u partijiet interessati oħra, partikolarment il-kosti u l-benefiċċji assoċjati magħhom, meta jitqies ukoll li l-possibbiltà għall-konsumaturi li jixtru u jippossiedu karozza hija prerekwiżit fundamentali sabiex jinżamm suq b'saħħtu. Fuq dik il-bażi, il-valutazzjonijiet tal-impatt għall-proposti ta’ politika rilevanti għall-industrija tal-karozzi, bħal dawk imsemmija f'partijiet oħra ta' din il-Komunikazzjoni, għandhom jinkludu b'mod sistematiku wkoll eżerċizzju dwar l-impatt fuq il-kompetittività sabiex jiġi determinat l-impatt tal-miżuri l-ġodda fuq l-industrija tal-karozzi. L-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji se jiżguraw li l-proposti tal-Kummissjoni se jkunu kosteffettivi u mmirati sew.

Il-Kummissjoni se:

– twettaq evalwazzjoni approfondita u estensiva (il-verifika tal-adegwatezza) tal-qafas tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi. Fl-2013, din se tadotta proposta biex issaħħaħ il-qafas tal-approvazzjoni tat-tip biex jinkludi dispożizzjonijiet għas-sorveljanza tas-suq f'oqsma fejn ikun ġie identifikat bżonn, sabiex tiżgura li l-vetturi u l-komponenti tagħhom huma sikuri u konformi mar-rekwiżiti legali rilevanti, u li dan il-qafas effettivament jikseb il-miri ta' politika rilevanti.

– fi ħdan is-sistema tagħha ta' valutazzjoni tal-impatt, twettaq eżerċizzju rigoruż dwar l-impatt fuq il-kompetittività għall-inizjattivi ewlenin u rilevanti tal-ġejjieni, inklużi dawk b'impatt sinifikanti fuq l-industrija tal-karozzi. L-eżerċizzju dwar l-impatt fuq il-kompetittività se jqis il-qagħda ekonomika u x'inhu l-impatt li inizjattiva ġdida x'aktarx ikollha fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija, speċjalment fuq is-swieq globali. Il-Ftehimiet futuri ta' Kummerċ Ħieles, l-inizjattivi dwar is-sikurezza u l-emissjonijiet u inizjattivi oħra li għandhom impatt sinifikanti fuq il-vetturi se jkunu suġġetti għal eżerċizzju dwar l-impatt fuq il-kompetittività, b'konformità mal-gwida operazzjonali għall-valutazzjoni tal-impatti fuq il-kompetittività settorjali fis-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni[25], li tqis ukoll l-impatti usa' u globali fuq is-soċjetà u l-ekonomija. Dawn il-prinċipji ġew imtennija riċentement ħafna fil-Komunikazzjoni aġġornata dwar il-Politika Industrijali.

– tesplora l-possibbiltà u l-valur miżjud tat-twettiq ta' analiżi ekonomika proporzjonata għal xi atti ta' implimentazzjoni, imsejsa fuq leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-vetturi, bħall-proposti fuq ir-reviżjoni tar-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet evaporattivi għall-Euro 6 u għall-miżuri kontra t-tbagħbis għall-vetturi tal-kategorija L (il-vetturi motorizzati b'żewġ u bi tliet roti u l-kwadriċikli). Madankollu, jekk dawn l-atti huma mistennija li jkollhom impatti sinifikanti, dawn se jkunu akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt skont il-linji gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni.

4.3.        It-tisħiħ tal-kompetittività fis-swieq globali

L-industrija tal-karozzi hija bla dubju industrija globali. Il-kummerċ fil-prodotti tal-karozzi qiegħed jiżdied b’mod stabbli u s-swieq terzi qed isiru dejjem aktar importanti għall-UE. L-industrija tal-karozzi Ewropea għandha pożizzjoni qawwija ħafna fil-kummerċ internazzjonali u tibbenefika b'mod ċar mill-opportunitajiet tas-suq kemm fis-swieq maturi kif ukoll f'dawk emerġenti, li parzjalment jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni diffiċli tas-suq Ewropew. Madankollu, is-sitwazzjoni attwali ma tistax titqies bħala ħaġa ċerta. Il-kompetizzjoni internazzjonali tintensifika malajr bl-introduzzjoni ta' membri ġodda u bl-evoluzzjoni kostanti tat-teknoloġija. Fl-istess waqt, għadu diffiċli li wieħed jiżgura suq globali miftuħ, speċjalment minħabba l-ostakli mhux tariffarji ġodda u eżistenti (NTBs). Filwaqt li l-industrija tistinka biex iżżomm il-kompetittività tagħha, ir-rwol tal-politika pubblika huwa li tiżgura kundizzjonijiet indaqs f'termini ta' aċċess għas-suq. B'din il-mira, ir-Rapport ta' CARS 21 jippromwovi l-azzjoni permezz tal-politika kummerċjali fl-aktar sens wiesa', inkluż l-aċċess għas-suq u l-armonizzazzjoni regolatorja.

Il-politika kummerċjali

Jeħtieġ li l-politiki kummerċjali u industrijali jiġu kkoordinati mill-qrib.

Rigward id-diversi strumenti kummerċjali, il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTA) jitqiesu bħala mezz importanti biex jitjieb l-aċċess għas-suq f'pajjiżi terzi. L-aċċettazzjoni tar-regolamenti internazzjonali skont il-Ftehim tan-NU/KEE tal-1958[26] hija l-aħjar mod biex jitneħħew l-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ. Hemm ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni regolatorja bilaterali ma’ pajjiżi terzi, bħal dawk li mhumiex Partijiet Kontraenti għal dan il-ftehim, bl-għan li jiġu eliminati l-ostakli mhux tariffarji fis-settur tal-karozzi.

Il-Kummissjoni se:

– tqis bis-sħiħ l-importanza li żżomm bażi b'saħħitha u kompetittiva tal-manifattura tal-karozzi fl-Ewropa meta twettaq il-politika kummerċjali tagħha, bl-użu kemm tal-għodod multilaterali kif ukoll dawk bilaterali. It-tnejn għandhom jintużaw biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin tat-tneħħija tal-ostakli tariffarji u dawk mhux tariffarji. L-FTAs għandhom jimmiraw li jiżmontaw kompletament it-tariffi u li jneħħu l-Ostakli Mhux-Tariffarji. L-impatti globali ta' kull negozjat kummerċjali se jiġu vvalutati b'mod approfondit u komprensiv.

– tivvaluta l-impatti tal-ftehimiet kummerċjali kif ukoll l-impatt kumulattiv tagħhom fuq il-kompetittività ta' din l-industrija billi tniedi studju dwar l-FTAs li diġà ġew konklużi u dawk li x'aktarx jiġu konklużi fil-futur qrib. L-istudju se jitnieda fi żmien qasir mill-Kummissjoni u se jkun konkluż sa tmiem l-2013. Ir-riżultati se jiġu diskussi mal-partijiet interessati rilevanti.

– tikkumplimenta l-kooperazzjoni regolatorja multilaterali fil-qafas tan-NU/KEE bil-kooperazzjoni regolatorja bilaterali b'mod partikolari ma' atturi ewlenin ġodda, iżda wkoll, pereżempju, mal-Istati Uniti, fi ħdan il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku, u mal-Ġappun.

L-armonizzazzjoni internazzjonali

L-armonizzazzjoni internazzjonali tar-regolamenti dwar il-vetturi ilha prijorità għall-Kummissjoni għal bosta snin. L-adozzjoni ta’ regolamenti komuni ma’ swieq ewlenin oħra madwar id-dinja toffri l-benefiċċju ta' tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità, tiġġenera ekonomiji tal-kobor u tnaqqas l-ostakli tekniċi għall-kummerċ. Il-mira ġenerali għandha tkun li jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ "ittestjat darba, aċċettat kullimkien", filwaqt li jiġu żgurati l-promozzjoni u ż-żamma tal-ogħla standards ambjentali u ta' sikurezza. Ir-rapport finali ta' CARS 21 jikkonkludi li l-aktar strument effikaċi għal armonizzazzjoni regolatorja internazzjonali huwa l-Ftehim tal-1958 tan-NU/KEE, b'kundizzjoni li dan jiġi mmodernizzat biex iqis il-ħtiġijiet tal-ekonomiji emerġenti u sal-punt li jippermetti r-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet internazzjonali tat-tip tal-vetturi kompluti (IWVTA) billi jibda mill-kategorija tal-karozzi tal-passiġġieri. Il-Kummissjoni hija impenjata li twettaq diversi azzjonijiet fis-snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni se:

– tippromwovi u tappoġġa b'mod attiv armonizzazzjoni internazzjonali akbar tar-regolamenti dwar il-vetturi skont il-linji stabbiliti hawn taħt. Ir-riforma tal-Ftehim tal-1958 tan-NU/KEE hija element prinċipali ta' din l-istrateġija u se timmira li tagħmel l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-regolamenti internazzjonali aktar attraenti għas-swieq terzi. L-Istati Membri u l-partijiet interessati huma mistiedna jappoġġaw dan l-isforz. Il-Kummissjoni se tmexxi l-iżvilupp tal-ewwel proposta għall-Ftehim tal-1958 rivedut f’Marzu 2013.

– tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ewwel proposta għal Regolament ġdid[27] dwar l-IWVTA sa Novembru 2013. Ir-Regolament dwar l-IWVTA se jnaqqas sostanzjalment il-piż amministrattiv relatat mal-introduzzjoni tal-istess mudell ta' vettura f'pajjiżi li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-1958.

B’mod parallel mal-ħidma dwar il-Ftehim tal-1958, il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tikseb riżultati konkreti skont il-Ftehim tal-1998[28]. Bil-momentum politiku riċenti maħluq mill-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir kif ukoll mid-dikjarazzjoni ta' Los Cabos[29] li jirrikonoxxu l-benefiċċji potenzjali ta’ ftehim komprensiv dwar il-kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Istati Uniti, hemm aktar potenzjal għal involviment aktar ħerqan tal-Istati Uniti u ħidma ta' aktar suċċess skont il-Ftehim tal-1998 tan-NU/KEE. L-aktar oqsma promettenti ta’ xogħol huma t-teknoloġiji innovattivi, partikolarment l-idroġenu u s-sistemi elettriċi ta' mogħdija tas-saħħa tal-magna. Il-Kummissjoni flimkien mal-aġenziji tal-Istati Uniti ħadet f'idejha t-tmexxija fl-2011 fil-qafas tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex tniedi l-ħidma fuq il-vetturi elettriċi. Għaldaqstant, twaqqfu żewġ gruppi ta' ħidma informali, l-ewwel wieħed dwar ir-rekwiżiti regolatorji għas-sikurezza u t-tieni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi elettriċi. Il-gruppi malajr qajmu interess minn bosta partijiet kontraenti oħra u żviluppaw f'fora multilaterali skont il-Ftehim tal-1998. Riżultati konkreti għandhom ikunu disponibbli fis-snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni se:

– tmexxi l-ħidma taż-żewġ gruppi ta' ħidma informali dwar (1) is-sikurezza u (2) l-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi elettriċi bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar Regolament Tekniku Globali (GTR) dwar is-sikurezza tal-vetturi elettriċi fl-2014 u approċċ komuni f’termini ta’ politika dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi elettriċi. Iż-żewġ gruppi ta' ħidma informali ġew imnedija fuq l-inizjattiva kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti iżda diġà attiraw parteċipazzjoni wiesgħa, inkluż mill-Ġappun, miċ-Ċina u mill-Kanada. Il-Ftehim dwar GTR rigward is-sikurezza tal-vetturi elettriċi se jkun ta' importanza ewlenija sabiex jiġu żgurati ekonomiji ta' kobor għall-manifatturi u biex il-konsumaturi jkollhom moħħhom mistrieħ dwar il-livell adegwat ta’ sikurezza tal-vetturi elettriċi.

– tippromwovi, abbażi tal-kontribuzzjoni mill-partijiet interessati, kooperazzjoni internazzjonali aktar b'saħħitha bejn dawk li jistabbilixxu l-istandards biex jintlaħqu standards komuni jew kompatibbli dwar is-sikurezza tal-vetturi elettriċi, l-infrastruttura u l-interoperabbiltà.

4.4.        L-antiċipazzjoni tal-adattament u l-ġestjoni tal-istrutturar

Il-parametri ekonomiċi u soċjali jevolvu maż-żmien, u jbiddlu l-pożizzjoni kompetittiva tas-siti tal-produzzjoni. Il-kumpaniji, il-ħaddiema u l-ekonomiji li jadattaw l-aktar malajr għas-sitwazzjoni l-ġdida huma dawk li jiksbu vantaġġ fis-suq globali. Is-saħħa tal-ekonomija Ewropea hija msejsa fuq l-għarfien u l-eċċellenza. Dan ifisser li l-Ewropa għandha bżonn tinvesti fil-kapital uman tagħha u tadatta l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħha għar-realtajiet ġodda, inklużi t-teknoloġiji ġodda u s-swieq li jevolvu. L-intervent pubbliku għandu jkun immirat sabiex jgħin lill-ħaddiema u lill-kumpaniji biex iwettqu dan l-adattament, jissalvagwardjaw is-suq intern u l-kundizzjonijiet indaqs u jiżguraw li l-konsegwenzi soċjali negattivi ta' kull ristrutturar jinżammu f'livell minimu.

Il-kapital uman u l-ħiliet

L-investiment fil-kapital uman permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet u tat-taħriġ huwa assolutament essenzjali sabiex tinżamm bażi tal-manifattura fl-Ewropa. Id-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata huwa fattur ewlieni għat-tkabbir u l-kompetittività tal-industrija tal-karozzi u se tkun indispensabbli biex l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fit-teknoloġiji innovattivi. Min-naħa l-oħra, l-industrija diġà qed tħabbat wiċċha ma' nuqqas eżistenti ta’ ħaddiema kwalifikati kif ukoll mal-ħtieġa li jiġu identifikati b'mod korrett il-ħiliet meħtieġa fil-ġejjieni. Għandhom jiġu żgurati kwalifiki xierqa għall-ħaddiema kif ukoll taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja.

In-nuqqas ta' ħiliet hija kwistjoni kruċjali. Jinħtieġu azzjonijiet rapidi b'miri fit-tul fil-livell nazzjonali sabiex jiġu mmodernizzati fundamentalment is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ biex titjieb il-provvista tal-ħiliet, permezz, inter alia, ta' kurrikuli ġodda, l-użu tal-ICTs fl-edukazzjoni u fit-taħriġ u forom ġodda ta' sħubijiet ma' min iħaddem. Fil-livell Ewropew, din il-problema mhijiex relatata biss mas-settur tal-karozzi, iżda ma' setturi oħrajn ukoll. Fi żmien qasir, il-Kummissjoni se tiddefinixxi sett ta' prijoritajiet strateġiċi biex tinidirzza dawn il-kwistjonijiet fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "Ir-Riforma tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar". Bħala kwistjoni orizzontali din hija indirizzata wkoll fil-politika tal-Ewropa dwar l-impjiegi, partikolarment permezz tal-aktar Pakkett riċenti dwar l-Impjiegi[30]. Barra minn hekk, dawn l-inizjattivi settorjali se jkunu ta' importanza ewlenija. Minħabba t-tibdil fil-ħiliet li ġie nnotat fis-suq tax-xogħol tal-UE, soluzzjoni komplementari għan-nuqqasijiet tista' tkun ukoll li jiġu attirati l-ħiliet meħtieġa minn barra l-Unjoni.

Il-Kummissjoni se:

– tappoġġa, wara l-valutazzjonijiet tal-fattibbiltà u tal-valur miżjud li twettqu riċentement, il-ħolqien fl-2013 ta' Kunsill Ewropew tal-Ħiliet fl-Industrija[31] tal-Karozzi li se tgħaqqad flimkien l-organizzazzjonijiet nazzjonali eżistenti li jwettqu r-riċerka dwar l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi fis-settur tal-karozzi. Il-Kunsill tal-Ħiliet se jinvolvi wkoll lir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet ta' dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Kunsill tal-Ħiliet se jħeġġeġ it-tagħlim bejn il-pari bbażat fuq l-iskambju tal-informazzjoni u l-prattika tajba kif ukoll jipprovdi pjattaforma għad-djalogu. Dan se jibda billi janalizza x-xejriet fil-qasam tal-impjiegi u tal-ħiliet fl-industrija tal-karozzi, li se jifformaw il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet immirati lejn dawk li jfasslu l-politika, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u partijiet interessati oħra.

– tħeġġeġ l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-ksib ta' ħiliet ġodda u għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li se jittieħdu fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali dwar il-FSE, l-Istati Membri se jkunu mħeġġa biex jużaw aktar il-proġetti sistematiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet, it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-antiċipazzjoni tal-bidla u jipproponu opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja.

L-indirizzar tal-aġġustament industrijali

Filwaqt li minn naħa waħda, l-industrija tal-karozzi qed tħabbat wiċċha mal-problema ta’ disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata, min-naħa l-oħra hemm il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tar-ristrutturar, meta t-telf tal-impjiegi jkun inevitabbli. Diġà ttieħdu deċiżjonijiet ta' ristrutturar li jirriflettu t-tnaqqis fil-bejgħ fis-suq Ewropew u jistgħu jkunu meħtieġa aktar aġġustamenti. Huwa ferm importanti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-għeluq jew it-tnaqqis fid-daqs tal-impjanti jikkawża reazzjoni katina fl-ekonomija reġjonali kollha minħabba s-sensji. Il-kumpaniji jridu josservaw id-Direttivi tal-UE dwar is-sensji kollettivi u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll il-prattika tajba tal-antiċipazzjoni tal-bidla[32]. F’dan ir-rigward, djalogu soċjali tajjeb fil-livelli kollha (fil-livell tal-kumpaniji, lokali, nazzjonali u tal-UE) huwa element ewlieni fl-antiċipazzjoni u fil-ġestjoni tajba tal-proċessi ta' ristrutturar. Il-proċess ta’ ristrutturar huwa prinċipalment ir-responsabbiltà tal-industrija, madankollu hemm rwol komplementari għall-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali.

Fil-bidu tal-2012, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar ir-ristrutturar bl-għan li tidentifika l-prattiki u l-politiki li rnexxew fil-qasam tar-ristrutturar u l-adattament għall-bidla[33].

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tissokta l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) matul il-perjodu bejn l-2014 u l-2020, ittejjeb il-funzjonament tiegħu u twessa' l-ambitu tiegħu, partikolarment għal kategoriji ġodda ta’ ħaddiema (eż. il-ħaddiema temporanji). Sa issa, il-FEG pprovda appoġġ f'16-il każ fis-setturi tal-karozzi u kważi 21 000 ħaddiem fl-industrija tal-karozzi ġew identifikati għal għajnuna tal-FEG b'valur ta' EUR 113-il miljun.

Il-Kummissjoni se:

– tkompli timmonitorja/tirrevedi l-attivitajiet ta' ristrutturar fir-rigward tal-konformità stretta tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-għajnuna mill-Istat u r-regoli dwar is-suq intern.

– tidentifika l-prattika tajba u tippromwovi approċċ antiċipattiv fir-ristrutturar b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tar-reġjuni b'manifattura intensiva tal-karozzi, mal-awtoritajiet tal-impjieg u mal-partijiet interessati tas-settur, inklużi l-imsieħba soċjali.

– tniedi mill-ġdid it-task force bejn is-servizzi biex tistudja u ssegwi l-każijiet ewlenin tal-għeluq jew it-tnaqqis sinifikanti fid-daqs tal-impjanti tal-karozzi. It-task force kienet attiva u effiċjenti ħafna f’każijiet tal-imgħoddi fl-industrija tal-karozzi[34]. It-task force tissemplifika l-użu tal-fondi rilevanti tal-UE (billi tipprovdi l-assistenza teknika, tnaqqas iż-żmien tal-istennija, l-għoti ta’ pariri dwar l-użu l-aktar effettiv tar-riżorsi, il-monitoraġġ u r-rappurtar).

– għall-każijiet tal-għeluq u t-tnaqqis sinifikanti fid-daqs tal-impjanti, tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-użu tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG).

– tħeġġeġ l-Istati Membri biex jużaw l-iskemi tal-flessibbiltà tax-xogħol u l-kofinanzjament tagħhom mill-FSE b'appoġġ għall-fornituri li jistgħu jeħtieġu aktar żmien biex isibu klijenti ġodda wara l-għeluq/it-tnaqqis fid-daqs tal-impjant tal-karozzi.

5.           Monitoraġġ u governanza

Id-diskussjonijiet kostruttivi fil-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 enfasizzaw l-utilità u l-ħtieġa li jissokta d-djalogu mal-partijiet interessati ewlenin (mis-settur privat u mis-settur pubbliku, kif ukoll mis-soċjetà ċivili) f’dan is-settur industrijali strateġiku. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni aġġornata tal-Politika Industrijali talbet biex tinħoloq Task Force għall-vetturi nodfa.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tniedi l-proċess ta' CARS 2020 biex tiġi mmonitorjata u analizzata fuq bażi regolari l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' CARS 21 u tal-Pjan ta’ Azzjoni. Dan il-proċess se jinvolvi laqgħa informali annwali ta’ livell għoli, ippreparata minn grupp Sherpa. Sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-kontinwità, il-kompożizzjoni ta' dan il-grupp se tibqa' simili għal dik ta' CARS 21, mingħajr preġudizzju għal adattamenti possibbli.

Barra minn hekk, jistgħu jiġu stabbiliti laqgħat speċjalizzati fil-livell tal-esperti fuq bażi ad hoc bl-għan li tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien tal-Kummissjoni u titwessa' l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni se:

– twaqqaf fl-2013 proċess ta' livell għoli msejjaħ CARS 2020, sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' CARS 21, kif ukoll il-miżuri stipulati f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni.

– torganizza laqgħat ad hoc tal-esperti dwar kwistjonijiet marbuta mal-ekonomija u mal-kompetittività għas-settur tal-karozzi.

Huwa f'idejn il-Kulleġġ il-ġdid biex iqis jekk dan il-proċess għandux jinżamm fil-format propost tiegħu, jew jekk humiex meħtieġa aġġustamenti jew adattamenti.

[1]               It-terminu industrija tal-karozzi huwa maħsub li jkopri l-katina tal-provvista kollha, li tinkludi l-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri, id-distribuzzjoni u s-servizzi ta' wara l-bejgħ. Il-prodotti jinkludu l-karozzi tal-passiġġieri, vetturi kummerċjali ħfief u tqal u vetturi motorizzati b'żewġ roti, bi tliet roti u kwadriċikli.

[2]               COM(2012) 582 finali, adottata fl-10 ta' Ottubru 2012

[3]               COM(2010) 186 finali, 28.04.2010

[4]               Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/automotive/files/cars-21-final-report-2012_en.pdf

[5]               inkluż vetturi elettriċi bil-batterija, ibridi plugin u dawk elettriċi b'medda estiża

[6]               Id-dejta preċiża dwar il-kapaċità żejda hija suġġetta għal diskussjoni, billi tiddependi, fost l-oħrajn, fuq l-għadd ta' xifts użati f'fabbrika partikolari. L-analisti jaqblu li xi kapaċità żejda hija fil-fatt meħtieġa għall-flessibbiltà tan-negozji, iżda li l-kapaċità żejda hija problematika.

[7]               COM (2011) 808 finali, 30.11.2011, COM (2011) 809 finali, 30.11.2011.

[8]               COM (2011) 834 finali, 30.11.2011

[9]               COM(2012) 501

[10]             COM(2011) 144 finali

[11]             http://setis.ec.europa.eu/

[12]             L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

[13]             Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni

[14]             COM(2010) 614

[15]             ELENA (Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali) hija faċilità ta' assistenza teknika għal proġetti dwar l-enerġija sostenibbli fl-ibliet u fir-reġjuni.

[16]             COM(2007) 19 finali

[17]             COM/2012/393 u COM/2012/394

[18]             COM(2012) 393 finali

[19]             COM/2011/856 finali

[20]             COM(2010) 389 finali

[21]             Idem.

[22]             L-integrazzjoni tal-emissjonijiet iġġenerati tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwil, inkluża l-estrazzjoni, il-produzzjoni u l-użu effettiv

[23]             L-istudju se jiddetermina jekk il-konsumaturi jistgħux jagħmlu deċiżjonijiet infurmati meta jixtru, inklużi kwistjonijiet relatati mal-fehim u t-trasparenza tal-informazzjoni, pereżempju l-fehim tal-informazzjoni fuq it-tikketti, il-fehim tad-differenzi bejn il-fjuwils u l-fehim tal-adegwatezza tal-fjuwils għall-karozzi. Ir-riżultati se jiġu ppubblikati sa tmiem l-2013.

[24]             Il-miżuri li jikkostitwixxu l-għajnuna mill-Istat se jkomplu jiġu vvalutati skont ir-regoli rilevanti tal-għajnuna mill-Istat.

[25]             Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SEC(2012) 91 finali, 27.01.2012

[26]             Il-Ftehim tal-1958 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) dwar l-armonizzazzjoni teknika internazzjonali fis-settur tal-vetturi bil-mutur

[27]             Skont il-prinċipji stabbiliti tal-Ftehim 58, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw l-aktar verżjoni stretta tar-Regolament dwar l-IWVTA mhux se jkollhom jaċċettaw l-approvazzjonijiet tat-tip maħruġa skont verżjoni anqas stretta.

[28]             Fil-qafas tal-Ftehim tal-1998, huma żviluppati Regolamenti Tekniċi Globali.

[29]             MEMO/12/462, 19.06.2012

[30]             COM(2012) 173 finali, 18.04.2012

[31]             Proġett immexxi mill-imsieħba soċjali u appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea/DĠ għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs

[32]             Dawn il-prattiki tajbin jinkludu t-test tal-2003 intitolat "Orientations for reference in managing change and its social consequences" (Linji Gwida ta’ referenza għall-ġestjoni tal-bidla u tal-konsegwenzi soċjali tagħha) li, madankollu, ma ġiex adottat formalment mill-KETU.

[33]             COM(2012) 7 finali

[34]             Pereżempju, il-każijiet li jikkonċernaw VW Forest u MG Rover f'West Midlands;

Top