EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0392

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir

/* COM/2012/0392 final */

52012DC0392

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir /* COM/2012/0392 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Iż-ŻER f’kuntest ekonomiku u politiku ġdid

Tittejjeb il-prestazzjoni tar-riċerka tal-Ewropa għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi

L-għarfien huwa l-munita tal-ekonomija l-ġdida. Għalhekk kapaċità ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fuq quddiem nett fil-livell dinji, li tkun mibnija fuq bażi xjentifika pubblika f’saħħitha, hija ta’ importanza kritika għall-ksib ta’ rkupru ekonomiku dejjiemi u sabiex tkun żgurata l-pożizzjoni tal-Ewropa fl-ordni globali emerġenti.

L-investiment dirett barrani esoġenu tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp qed jirnexxi, billi jirreżisti għax-xejra ta’ tnaqqis fl-investiment dirett barrani kumplessiv esoġenu.[1]. Iżda l-indikaturi tal-kwalità, l-eċċellenza u l-impatt fil-qasam xjentifiku juru dgħufija tal-pożizzjoni globali tal-UE u esodu kontinwu ta' talent xjentifiku.

Il-Kummissjoni pproponiet żieda fil-baġit tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp għal EUR 80 biljun għall-inizjattiva Orizzont 2020, u l-Istati Membri impenjaw ruħhom għall-mira tal-UE biex sal-2020 jinvestu fuq medja 3 % tal-PDG tal-UE fir-riċerka. Iżda biex ir-ritorn fuq dan l-investiment jiġi massimizzat, l-Ewropa għandha żżid l-effiċjenza, l-effettività u l-eċċellenza tas-sistema tar-riċerka pubblika tagħha.

Din hija r-raġuni għaliex iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) tinsab fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-inizjattiva ta’ politika ewlenija tagħha, l-Unjoni tal-Innovazzjoni[2] kif ukoll għaliex il-Kunsill Ewropew talab biex iż-ŻER titlesta sal-2014[3]. L-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha l-għan li tiżgura li prodotti u servizzi ġodda intensivi fl-għarfien jikkontribwixxu sostanzjalment għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi, imma bażi xjentifika ta’ livell tassew dinji hija kruċjali biex dan il-għan jinkiseb.

Għan ewlieni taż-ŻER huwa wkoll li jonqsu kemm l-esodu tal-imħuħ notevolment minn reġjuni aktar dgħajfa, kif ukoll il-varjazzjoni reġjonali fuq firxa wiesgħa fil-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, li jimmiraw għal eċċellenza madwar l-Unjoni permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.

Bħalma sar għall-proposta tal-Kummissjoni għal Orizzont 2020, dan kollu għandu jinkiseb bl-użu ta’ regoli u proċeduri li huma sempliċi kemm jista’ jkun mill-perspettiva tal-utent.

Id-definizzjoni taż-ŻER – il-ftuħ u l-konnessjoni tas-sistemi tar-riċerka tal-UE

Iż-ŻER hija bbażata fuq 27 sistema nazzjonali tar-riċerka tal-Istati Membri ffinanzjati mid-dħul mit-taxxi nazzjonali. Dawn se jibqgħu distinti safejn ikun ta’ benefiċċju għall-UE u għall-Istati Membri individwali, billu jippermetti lill-Ewropa tieħu vantaġġ sħiħ mid-diversità xjentifika, kulturali u ġeografika tagħha. Huwa essenzjali li l-Istati Membri u r-reġjuni jibnu sistemi tar-riċerka tagħhom stess, ibbażati fuq l-elementi pożittivi tagħhom stess, f’konformità mal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Madankollu, jeħtieġ li s-sistemi nazzjonali ikunu aktar miftuħa għal xulxin u għad-dinja, aktar interkonnessi u aktar interoperabbl sabiex iż-ŻER issir żona kompetittiva fil-livell globali li tippermetti lill-Ewropa tkun mexxejja dinjija fl-indirizzar tal-isfidi kbar u fejn l-Istati Membri kollha jipparteċipaw.

Dan se jiġġenera kemm aktar kompetizzjoni kif ukoll aktar kooperazzjoni. Il-kompetizzjoni tiżgura li l-finanzjament ikun allokat lill-aħjar riċerkaturi u timijiet tar-riċerka, filwaqt li l-kooperazzjoni tippermetti li l-aħjar imħuħ jaħdmu flimkien sabiex jitħaffu l-iskoperti u jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar (it-tixjiħ tal-popolazzjoni, is-sigurtà tal-enerġija, il-mobbiltà, id-degradazzjoni ambjentali, eċċ) kif ukoll tevita d-duplikazzjoni żejda tal-investiment fir-riċerka u fl-infrastruttura nazzjonali.

Fid-dawl tal-innovazzjoni miftuħa u tan-natura dejjem aktar kollaborattiva tax-xjenza, it-tlestija taż-ŻER tfisser ukoll ir-realizzazzjoni tal-‘ħames libertà’[4] - iċ-ċirkolazzjoni libera tar-riċerkaturi u l-għarfien xjentifiku, inkluż permezz ta’ mezzi diġitali[5]. Id-definizzjoni li ġejja taż-ŻER hija bbażata fuq it-Trattat ta' Liżbona[6] u fuq il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew: żona tar-riċerka unifikata miftuħa għad-dinja bbażata fuq is-Suq Intern, li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija jiċċirkolaw liberament u li permezz tagħha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jsaħħu s-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħhom, il-kompetittività tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw kollettivament l-isfidi l-kbar.

Il-prijoritajiet taż-ŻER

Fuq il-bażi tal-analiżi tal-elementi pożittivi u tan-nuqqasijiet fis-sistemi tar-riċerka tal-Ewropa[7] u fuq il-bażi tal-għan ġenerali li sal-2014 jiġu stimolati passi ta’ tibdil dejjiema fil-prestazzjoni u fl-effettività tar-riċerka tal-Ewropa, il-prijoritajiet taż-ŻER huma:

· Sistemi nazzjonali tar-riċerka aktar effettivi – inkluż żieda fil-kompetizzjoni fi ħdan il-limiti tal-fruntieri nazzjonali u investiment sostenut jew aktar investiment fir-riċerka

· Kooperazzjoni u kompetizzjoni transnazzjonali ottimi – id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ aġendi komuni tar-riċerka dwar sfidi kbar, it-titjib tal-kwalità permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa madwar l-Ewropa, u l-bini u t-tħaddim effettiv ta’ infrastrutturi tar-riċerka ewlenin fuq bażi pan-Ewropea

· Suq tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi - li jiżgura t-tneħħija tal-ostakli fir-rigward ta’ mobbiltà, taħriġ u karrieri attraenti għar-riċerkaturi

· L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka – biex jinġieb fi tmiemu t-telf ta’ talent prezzjuż u sabiex jiġu diversifikati l-opinjonijiet u l-approċċi fir-riċerka u titrawwem l-eċċellenza

· L-ottimizzazzjoni taċ-ċirkolazzjoni u l-aċċess għall-għarfien xjentifiku u t-trasferiment tiegħu inkluż permezz taż-ŻER diġitali - dan jiggarantixxi l-aċċess għall-għarfien u l-użu tiegħu għal kulħadd.

It-tlestija taż-ŻER se ġġib l-effiċjenza, il-kwalità u gwadannji tal-impatt kif ukoll opportunitajiet ġodda għall-Istati Membri kollha. Hija opportunità għall-Istati Membri bi prestazzjoni aktar baxxa biex jieħdu r-responsabbiltà tar-riformi fis-sistema tagħhom tar-riċerka, billi jmexxu proċess tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u billi jgħinu sabiex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni. Il-programm Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali se jkunu ta’ appoġġ għal dan.

Id-dimensjoni esterna hija parti vitali, trasversali u integrali taż-ŻER. Din se tkun indirizzata aktar tard fl-2012 bħala parti minn Komunikazzjoni separata dwar approċċ strateġiku għat-tisħiħ u l-iffokar tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-qagħda bħalissa

Iż-ŻER mhix se tibda mix-xejn. Mill-2000, l-UE, l-Istati Membri, il-pajjiżi oħrajn involuti u l-partijiet interessati għamlu progress sostanzjali.

Eżempji ta’ progress fil-bini ta’ ŻER

Il-Programmi Kwadri suċċessivi kkontribwixxew għaż-ŻER permezz ta’ azzjoni diretta[8] u indiretta inklużi inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni:

· il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka li jinvolvi kompetizzjoni Ewropea fuq firxa wiesgħa għall-eċċellenza fir-riċerka innovattiva

· L-ERA-NETs għall-koordinazzjoni tal-programmi tar-riċerka Ewropej, nazzjonali u reġjonali (eż. E-Rare li jikkoordina madwar nofs ir-riċerka tal-mard rari fl-Ewropa)

· L-inizjattivi tal-Artikolu 185 li jgħaqqdu l-isforzi tal-UE, nazzjonali u reġjonali f’programmi Ewropej uniċi (eż. l-inizjattiva EMRP dwar il-metroloġija li tiġbor flimkien 44 % tar-riżorsi fl-UE kollha għax-xjenza dwar is-sistema tal-kejl)

· L-azzjonijiet Marie Curie li għamlu l-mobbiltà possibbli għal aktar minn 60 000 riċerkatur

L-inizjattivi tal-Istati Membri:

· Passi lejn politika koordinata għall-infrastrutturi tar-riċerka eż. it-twaqqif tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) li pproduċa l-ewwel Pjan Direzzjonali Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka[9] u żewġ infrastrutturi Ewropej tar-riċerka[10] mogħtija status ta’ Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta' Riċerka (ERIC[11]) flimkien ma’ ħafna oħrajn imnedija jew li qed jitħejjew[12].

· Il-Programmazzjoni Konġunta[13] sabiex jiġu indirizzati sfidi kbar li qed żżid fil-momentum u fl-impenn politiku – eż. il-ftehim tal-Istati Membri tal-2010 dwar linji gwida dwar l-kundizzjonijiet ta’ qafas tal-programmazzjoni konġunta fir-riċerka[14] - każ separat hija l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka fl-Enerġija biex twettaq programmi tar-riċerka pan-Ewropej fil-kuntest tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET-Plan)[15]

· Is-Sħubija Ewropea għal Riċerkaturi[16] li twassal għall-ġestjoni mtejba tal-karrieri fir-riċerka f’għadd dejjem jikber ta’ istituzzjonijiet – din ippromwoviet l-utilizzazzjoni tal-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi[17] (il-Karta u l-Kodiċi), li kienet proposta mill-Kummissjoni, li ċerti Stati Membri ttrasponew fil-kuntesti nazzjonali tagħhom u li ħolqot oqfsa ta’ faċilitar[18] b’riżultati tajbin ħafna

· Ħidma konġunta fuq it-Trasferiment tal-Għarfien[19] li għenet biex tiżgura li l-Istati Membri jadottaw politiki dwar it-tixrid tal-għarfien

Il-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija qed jgħinu biex iwaqqfu sħubijiet pan-Ewropej fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni – li għandhom jifformaw parti minn Orizzont 2020

Madankollu, il-progress kien wieħed irregolari fid-dimensjonijiet differenti taż-ŻER u fl-Istati Membri. Filwaqt li l-infrastrutturi tar-riċerka, pereżempju, ibbenefikaw minn taħlita ta’ korp strateġiku, pjan direzzjonali u regolazzjoni, l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni konġunta għadha kajmana ħafna u ma nkisbux livelli ottimi ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-varjabbiltà bejn l-Istati Membri aktar avvanzati u dawk li għadhom lura hija kbira b’mod partikolari fil-prassi tat-tixrid tal-għarfien u fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-prospetti tal-karrieri fir-riċerka.

2.           Approċċ prammatiku għat-tlestija taż-ŻER sal-2014 – responsabbiltà u azzjoni

Minħabba n-nuqqas ta’ żmien, l-approċċ l-aktar effettiv u prammatiku għall-ilħuq tal-iskadenza tal-2014 huwa sħubija taż-ŻER rinfurzata – imsejsa aktar fil-fond, usa' u aktar effiċjenti minn dik tal-lum - bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati fir-riċerka[20]. Dan ifisser li s-Sħubija ŻER primarja bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni tkun ikkomplementata billi l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati jkunu involuti b’mod sistematiku, bħal fil-każ ta’ Science Europe (li tgħaqqad flimkien l-organizzazzjonjiet li jiffinanzjaw u jwettqu r-riċerka) fejn xieraq.

Ir-rwol espliċitu għall-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati fir-riċerka huwa wieħed ġdid u importanti. Huwa konsistenti max-xewqat tagħhom, mar-reazzjoni tal-konsultazzjoni pubblika dwar iż-ŻER u mas-sejħiet ripetuti tal-Kunsill[21]. Is-sħubija tibni fuq inizjattivi preċedenti mal-partijiet interessati bħall-pjan direzzjonali taż-ŻER li ħareġ mill-Fondazzjoni Ewropea tax-Xjenza (ESF)/European Association of the Heads of Research Funding and Research Performing Organisations (EUROHORCs)[22] u sensiela ta' simpożja trilaterali informali[23] li jinvolvu rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka u l-Kummissjoni organizzati permezz tal-EUROHORCs u segwiti minn Science Europe.

L-approċċ jiffoka fuq prijoritajiet ewlenin u huwa bbażat fuq ir-responsabbiltà u orjentat lejn l-azzjoni billi jqiegħed id-dmir fuq il-partijiet kollha biex iwasslu titjib konkret fis-sistema tar-riċerka tal-UE fi ħdan l-ambitu tal-kompetenzi tagħhom.

Ir-riformi u l-azzjonijiet għal kull prijorità li għandhom jiġu implimentati sal-2014 huma deskritti hawn taħt:

2.1.        Sistemi nazzjonali tar-riċerka aktar effettivi

Il-kompetizzjoni miftuħa fil-livell nazzjonali hija kruċjali sabiex jinkiseb l-akbar valur mill-fondi pubbliċi investiti fir-riċerka. F’dan ir-rigward il-prestazzjoni tal-aħjar prassi li l-Istati Membri kollha għandhom jiksbu tinvolvi:

· L-allokazzjoni tal-fondi permezz ta’ sejħiet mifuħa għal proposti, li jiġu evalwati minn panils ta' esperti ewlenin indipendenti kemm domestiċi kif ukoll mhux domestiċi (l-evalwazzjoni bejn il-pari[24]) – dan iwassal biex ir-riċerkaturi jilħqu livelli kompetittivi ta’ prestazzjoni internazzjonalment

· Il-valutazzjoni tal-kwalità tal-organizzazzjonijiet u timijiet li jwettqu r-riċerka u l-produzzjoni tagħhom bħala bażi għal deċiżjonijiet dwar il-finanzjament istituzzjonali – l-evalwazzjoni bejn il-pari tista’ tifforma parti minn tali valutazzjoni u, fuq perjodu ta’ żmien twil, twassal għal bidla fil-livell organizzattiv

Filwaqt li l-bilanċ bejn dawn iż-żewġ approċċi jista’ jvarja, sabiex jingħelbu d-diverġenzi fil-prestazzjoni madwar l-UE, l-approċċi għandhom ikunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament tar-riċerka fl-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri huma mistiedna biex:

· Jintroduċu jew isaħħu finanzjament kompetittiv permezz ta’ sejħiet għal proposti u valutazzjonijiet istituzzjonali bħala l-mezzi ewlenin għall-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi għar-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li jintroduċu riformi leġiżlattivi jekk meħtieġ

· Jiżguraw li l-korpi pubbliċi kollha responsabbli għall-allokazzjoni ta’ fondi għar-riċerka japplikaw il-prinċipji bażiċi ta’ evalwazzjoni bejn il-pari fil-livell internazzjonali

Il-Kummissjoni se:

· Tappoġġja t-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prassi tajba bejn l-Istati Membri dwar it-tneħħija tal-ostakli ġuridiċi nazzjonali u ostakli oħrajn għaż-ŻER favur il-prijoritajiet stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni

· Tappoġġja lill-Istati Membri u r-reġjuni permezz tal-Pjattaforma tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti biex jużaw il-Fondi Strutturali għall-iżvlupp ta’ kapaċità tar-riċerka u ta’ strateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, inkluż l-appoġġ għal programmi konġunti tar-riċerka, f’konformità mal-għanijiet tal-politika ta' Koeżjoni

· Tappoġġja l-Presidenti taż-ŻER bil-għan li titrawwem bidla strutturali fl-istituzzjonijiet sabiex il-kwalità tar-riċerka tagħhom tilħaq livelli internazzjonali ta’ eċċellenza

2.2.        Kooperazzjoni u kompetizzjoni transnazzjonali ottimi

Flimkien nindirizzaw l-isfidi l-kbar

L-UE teħtieġ li taġixxi b'mod urġenti u koerenti biex tinkiseb d-dimensjoni ta’ sforz u ta’ impatt meħtieġa sabiex bil-fondi pubbliċi li hemm disponibbli għar-riċerka u li huma limitati jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar. L-Aġendi Strateġiċi tar-Riċerka żviluppati fil-kuntest tal-Inizjattivi ta’ Programmazzjoni Konġunta juru impenn mill-Istati Membri biex jindirizzaw sfidi kbar kif mitlub fid-Dikjarazzjoni Lund tal-2009[25] u mill-Kunsill[26]. Il-Programmazzjoni Konġunta għandha wkoll il-potenzjal li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-imsieħba internazzjonali. Iżda sal-lum l-implimentazzjoni wriet nuqqasijiet. Il-qofol huwa l-iffaċilitar tar-riċerka u l-innovazzjoni transnazzjonali billi jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn il-programmi nazzjonali u dawk internazzjonali, bl-allinjament strateġiku tas-sorsi differenti ta' fondi nazzjonali u oħrajn fil-livell tal-UE minflok bl-użu ta’ fondi transfruntiera per se. Il-livell tal-allinjament attwalment huwa baxx wisq biex jagħmel impatt serju fuq l-isfidi kbar u kumplessi[27]. Dan huwa parzjalment dovut għad-differenzi bejn ir-regoli u l-proċessi nazzjonali rigward il-finanzjament u s-selezzjoni, iżda huwa wkoll kwistjoni ta’ rieda politika.

Jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-Istati Membri kollha jibbenefikaw minn kooperazzjoni transkonfinali u kompetizzjoni msaħħa permezz ta’:

– Definizzjoni ta’ prijoritajiet komuni u ta’ aġendi tar-riċerka konġunta, li tibni fuq l-Inizjattivi ta’ Programmazzjoni Konġunta u fuq il-kontribut minn attivitajiet strateġiċi li jħarsu 'l quddiem.

– L-implimentazzjoni tal-aġendi tar-riċerka konġunta, meta possibbli, permezz ta’ sejħiet konġunti jew tal-anqas sinkronizzati bejn l-Istati Membri bbażati fuq evalwazzjonijiet bejn il-pari konġunti fil-livell internazzjonali li jwasslu riżultati komparabbli għall-proposti kollha. Dan għandu jiżgura kompetizzjoni pan-Ewropea, li l-benefiċċji tagħha diġà huma rikonoxxuti fuq firxa wiesgħa mill-Istati Membri (kważi kollha jipparteċipaw b’mod regolari fis-sejħiet konġunti tal-ERA-NET u wħud jagħżlu li jagħtu finanzjament nazzjonali lir-riċerkaturi li qegħdin fil-lista tar-riżerva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka proprju għal din ir-raġuni). Għandu wkoll jidentifika l-elementi nazzjonali f’saħħithom u dawk dgħajfa f’kull qasam fl-UE kollha, u b'hekk jgħin lill-Istati Membri jiddeċiedu f’liema qasam iridu jispeċjalizzaw

– L-implimentazzjoni u/jew il-finanzjament konġunt ta’ sejħiet u ta’ proġetti, li jibnu fuq l-esperjenza sal-lum u d-dispożizzjonijiet għas-Sħubijiet Pubbliċi-Pubbliċi fl-Orizzont 2020. Dan jeħtieġ li r-regoli nazzjonali ta’ finanzjament isiru kompatibbli u javviċinaw u jingħaqdu fi standards komuni Ewropej.

L-aġendi tar-riċerka konġunta għandhom jiġu implimentati f'kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE skont kif ikun rilevanti u xieraq.

L-Istati Membri huma mistiedna biex:

· Jżidu l-isforzi sabiex jimplimentaw l-aġendi tar-riċerka konġunta li jindirizzaw sfidi kbar, il-qsim tal-informazzjoni dwar attivitajiet f’oqsma prijoritarji miftiehma, u b’hekk jiżguraw l-impenn ta’ fondi nazzjonali adegwati u strateġikament allinjati fil-livell Ewropew f’dawn l-oqsma u li titwettaq evalwazzjoni ex-post komuni

· Jiżguraw li r-rikonoxximent reċiproku tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari huwa konformi ma' standards internazzjonali bħala bażi għad-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ finanzjament

· Ineħħu l-ostakli legali u oħrajn għall-interoperabbiltà transfruntiera tal-programmi nazzjonali li tippermetti finanzjament konġunt ta’ azzjonijiet inkluża l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE fejn din hija rilevanti

L-organizzazzjonijiet tar-riċerka tal-partijiet interessati huma mistiedna biex:

· Jaqblu dwar prinċipji komuni ta’ finanzjament - spejjeż eliġibbli, rekwiżiti ta’ rappurtar, eċċ. biex programmi tar-riċerka nazzjonali jsiru kompatibbli, interoperabbli (transfruntiera) u aktar faċli għar-riċerkaturi

· Ikomplu jiżviluppaw u jniedu l-Lead-Agency, Money-Follows-Cooperation Line, Money-Follows-Researcher u mudelli oħra għall-kooperazzjoni transfruntiera

· Jittestjaw l-użu ta’ sejħiet sinkronizzati, fejn possibbli, flimkien ma’ evalwazzjoni bejn il-pari unika u konġunta fil-livell internazzjonali ta’ proposti bħala bażi għad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament

Il-Kummissjoni se:

· Issegwi, tistimola u tipparteċipa fis-Sħubijiet Pubbliċi-Pubbliċi sabiex jiġu indirizzati sfidi kbar kif stipulat fil-Komunikazzjoni dwar Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni[28] għall-ingranaġġ tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u biex tkun żgurata koordinazzjoni mill-qrib mal-attivitajiet rilevanti fil-kuntest tal-Orizzont 2020

· Fuq il-bażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri, tippjana attivitajiet f’oqsma prijoritarji miftiehma, bil-ħsieb li tidentifika l-punti pożittivi, id-dgħufiji, in-nuqqasijiet u d-duplikazzjonijiet

· Tappoġġja lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka fl-implimentazzjoni tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari konġunti fil-livell internazzjonali u biex jistabbilixxu standards komuni tal-finanzjament - pereżempju permezz tat-tikketta taż-ŻER, marka li tirrikonoxxi l-aħjar prassi f'operazzjonijiet transfruntiera fir-riċerka

Investiment effettiv fl-infrastrutturi tar-riċerka u l-użu tagħhom

Ir-riċerka eċċellenti tiddependi fuq faċilitajiet u infrastrutturi tar-riċerka (RIs) ta’ livell dinji inklużi l-infrastrutturi elettroniċi bbażati fuq l-ICT (eRIs), Tali infrastrutturi tar-riċerka jiġbdu it-talent lejhom u jistimolaw l-innovazzjoni u l-opportunitajiet tan-negozju. L-infrastrutturi elettroniċi bbażati fuq l-ICT b’mod partikolari jippermettu r-riċerka kollaborattiva intensiva fid-dejta li qed issir dejjem aktar prevalenti bis-saħħa ta’ timijiet imferrxa ġeografikament - eScience. L-isfidi huma li jkunu żgurati impenji nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-pjan direżżjonali tal-ESFRI, jinkiseb l-akbar valur għall-flus mill-investiment fil-livelli kollha, jingħelbu l-ostakli għall-kostruzzjoni u l-operazzjoni u li jkun żgurat l-aċċess miftuħ għar-riċerkaturi għall-infrastrutturi tar-riċerka fl-Ewropa kollha. L-Unjoni tal-Innovazzjoni tinkludi impenn għat-tlestija jew għat-tnedija tal-kostruzzjoni sas-sena 2015 ta' 60 % tal-infrastrutturi tar-riċerka prijoritarji tal-pjan direzzjonali tal-ESFRI li huma ta' interess pan-Ewropew. Dan jirrikjedi investiment li jmur lil hinn mill-mezzi ta’ pajjiżi individwali – għalhekk jeħtieġ li jinġabru flimkien il-fondi reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari għall-infrastrutturi tar-riċerka tal-ERIC, inklużi l-faċilitajiet distribwiti li jeħtieġu l-parteċipazzjoni tal-ikbar għadd possibbli ta' pajjiżi mal-kapaċità nazzjonali u reġjonali ta’ livell dinji.

Bosta infrastrutturi tar-riċerka Ewropej ġodda jibbenefikaw ukoll minn imsieħba internazzjonali jew huma l-fergħat Ewropej ta' netwerks madwar id-dinja kollha. Huwa kruċjali li jkunu żgurati l-kontroll tal-ispejjeż u l-ġestjoni ta’ proġetti globali. Il-grupp ta’ għoxrin ekonomija ewlenin (G20) qed jindirizza dawn il-kwistjonijiet bil-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni.

L-Istati Membri huma mistiedna biex: · Jikkonfermaw l-impenji finanzjarji għall-kostruzzjoni u l-operazzjoni tal-ESFRI, l-infrastrutturi tar-riċerka globali, nazzjonali u reġjonali ta’ interess pan-Ewropew, partikolarment meta jiżviluppaw pjanijiet direzzjonali nazzjonali u l-programmi tal-Fondi Strutturali li jmiss · Ineħħu l-ostakli legali u ostakli oħra għall-aċċess transfruntier għall-infrastrutturi tar-riċerka Il-Kummissjoni se: · Tappoġġja permezz ta’ Orizzont 2020 l-aċċess għall-infrastrutturi tar-riċerka kif ukoll l-integrazzjoni globali kontinwa tal-infrastrutturi tar-riċerka tal-UE partikolarment dawk mogħtija l-istatus ERIC · Tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jikkonnettjaw il-pjanijiet direzzjonali tal-infrastrutturi tar-riċerka mal-pjan direzzjonali tal-ESFRI u mal-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fil-programmi kkofinanzjati tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Fondi Strutturali, b’hekk tirrinforza l-kapaċità tar-reġjuni inqas vantaġġati li jospitaw u jieħdu sehem fl-infrastrutturi tar-riċerka ta’ interess pan-Ewropew u internazzjonali · Tappoġġja programmi ta’ taħriġ għall-ġestjoni ta’ tali infrastrutturi tar-riċerka · Tiżviluppa f'koperazzjoni mal-ESFRI, mal-e-IRG[29] u mal-partijiet interessati oħra Karta ta’ Aċċess li tistabbilixxi standards komuni u r-regoli armonizzati dwar l-aċċess u l-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka · Taħdem ma’ ESFRI sabiex jiġu stabbiliti prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u biex tipprovdi parir u gwida lill-Istati Membri dwar kif jingħelbu l-ostakli tekniċi, legali jew finanzjarji għall-implimentazzjoni · Flimkien mal-ESFRI, mal-e-IRG u mal-partijiet interessati oħra, tiddefinixxi l-prinċipji komuni għall-evalwazzjoni, il-kriterji għall-valutazzjoni tal-impatt u l-għodod ta’ monitoraġġ li jistgħu jiġu applikati fil-programmi reġjonali, nazzjonali u Ewropej sabiex ikun faċilitat il-ġbir flimkien ta’ fondi minn sorsi differenti · Taħdem ma’ e-IRG biex tippromwovi l-allinjament tal-approċċi tal-UE u nazzjonali għall-iżvilupp u l-użu tal-infrastruttura elettronika tar-riċerka

2.3.        Suq tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi

Filwaqt li l-mobbiltà tar-riċerkaturi[30] tikkontribwixxi lejn l-eċċellenza, bosta ostakli qed jostakolaw it-triq lejn suq tax-xogħol ġenwin għar-riċerka Ewropea[31]. Ostaklu mill-aktar importanti huwa n-nuqqas ta’ reklutaġġ miftuħ, trasparenti u msejjes fuq il-mertu[32], li jagħmel il-karrieri tar-riċerka inqas attraenti u li jfixkel il-mobbiltà, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-prestazzjoni tar-riċerka.

Il-mobbilità issir aktar faċli jekk il-barranin/dawk li mhumiex residenti jingħataw aċċess għal għotjiet nazzjonali u b’hekk isiru portabbli lil hinn mill-fruntieri[33]. F’xi każijiet, l-ostakli legali u amministrattivi jwaqfu milli dan iseħħ. Inizjattivi bħal 'Money Follows Researcher'[34] juru kif dawn l-ostakli jistgħu jitneħħew u kif l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jistgħu jorganizzaw l-aċċess għal u portabilità ta’ għotjiet nazzjonali, filwaqt li jħarsu l-interessi tal-partijiet kollha.

Ostakli oħra jinkludu strateġiji politiċi għar-riżorsi umani li jirriżultaw fi prospetti ħżiena ta’ karriera għar-riċerkaturi żgħażagħ, prassi inadegwati tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ostakli tas-sigurtà soċjali, u l-mobbiltà insuffiċjenti bejn l-akkademja u n-negozju li twassal biex hemm riċerkatur wieħed biss għal kull sitta fil-qasam akkademiku b’esperjenza fis-settur privat[35]. L-ostakli għar-rikonoxximent ġust ta’ diplomi akkademiċi jippersistu wkoll.

L-Istati Membri huma mistiedna biex: · Ineħħu l-ostakli legali u ostakli oħra għall-applikazzjoni tar-reklutaġġ tar-riċerkaturi li jkun miftuħ, trasparenti u bbażat fuq il-mertu · Ineħħu l-ostakli legali u ostakli oħra li jxekklu l-aċċess u l-portabbiltà transfruntiera ta’ għotjiet nazzjonali · Jappoġġjaw l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Impenn[36] biex jipprovdu informazzjoni u servizzi koordinati u personalizzati għar-riċerkaturi permezz tan-netwerk pan-Ewropew EURAXESS[37] · Jappoġġjaw it-twaqqif u t-tmexxija ta’ programmi ta' taħriġ strutturat innovattiv għad-dottorat li japplikaw il-Prinċipji dwar it-Taħriġ għad-Dottorat Innovattiv[38] · Joħolqu qafas[39] li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-istrateġija tar-Riżorsi Umani għal Riċerkaturi li tinkorpora l-Karta u l-Kodiċi[40] L-organizzazzjonijiet tar-riċerka tal-partijiet interessati huma mistiedna biex: · Jirreklamaw il-postijiet tax-xogħol vakanti kollha fuq il-portal tal-Impjiegi EURAXESS billi jużaw il-profili komuni stabbiliti fil-Qafas Ewropew għall-Karrieri fir-Riċerka[41] · Jimlew il-karigi fir-riċerka skont proċeduri ta’ reklutaġġ miftuħa, trasparenti u ibbażati fuq il-mertu li jkunu proporzjonati mal-livell tal-kariga konformi mal-prinċipji bażiċi tal-Karta u l-Kodiċi u li jinkludu ċittadini li mhumiex tal-UE; · Jiżviluppaw strateġiji sabiex jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi skont l-istrateġija tar-Riżorsi Umani għal Riċerkaturi · Jiddefinixxu u jimplimentaw prinċipji għall-aċċessibbiltà u l-portabbiltà ta’ għotjiet nazzjonali · Jipprovdu taħriġ strutturat fid-dottorat ibbażat fuq il-Prinċipji ta’ Taħriġ Dottorali Innovattiv · Jiżviluppaw u jimplimentaw programmi strutturati biex tiżdied il-mobbiltà bejn l-industrija u l-akkademja[42] · Il-Kummissjoni se: · Ssaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni tan-netwerk EURAXESS sabiex dan isir mezz ta’ aċċess għall-assistenza speċifika għar-riċerkaturi · Tappoġġja l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Ewropew għall-Akkreditazzjoni għall-amministrazzjoni tar-riżorsi umani bbażata fuq Karta u Kodiċi fl-universitajiet u fl-istituzzjonijiet tar-riċerka ffinanzjati minn fondi pubbliċi · Tappoġġja l-ħidma ta’ grupp ta’ pajjiżi ‘pathfinder’ għall-kisba ta’ rikonoxximent awtomatiku ta' diplomi paragunabbli[43] · Tieħu inizjattivi biex tindirizza l-ostakli tas-sigurtà soċjali għar-riċerkaturi fl-UE u tkompli tiffaċilita d-dħul u s-soġġorn ta’ riċerkaturi ċittadini ta' pajjiżi terzi billi: – Tiċċara f’Komunikazzjoni r-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għal gruppi ta’ ħaddiema b’livell għoli ta’ mobbiltà intra-UE, inklużi r-riċerkaturi – Tkompli mill-ġdid bil-ħidma għal Direttiva fuq l-portabbiltà tal-pensjoni li tistabbilixxi standards minimi fl-akkwiżizzjoni u fil-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni supplementari[44] – Tappoġġja l-partijiet interessati fit-twaqqif tal-Fond(i) pan-Ewropew tal-pensjoni supplementari għar-riċerkaturi – Tirrevedi d-Direttiva 2005/71/KE dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika.

2.4.        L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka

Minkejja strateġiji nazzjonali u fil-livell tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, ir-riċerka Ewropea għadha ssofri minn telf konsiderevoli u minn użu ineffiċjenti ta’ nisa bi kwalifiki għolja ħafna. Iż-żieda annwali fir-riċerkaturi nisa huwa inqas min-nofs in-numru annwali ta' nisa gradwati b’PhD u ftit wisq huma n-nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija jew li huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Fl-2005 il-Kunsill stabbilixxa mira li n-nisa jrrappreżentaw 25 % tal-pożizzjonijiet ewlenin fis-settur pubbliku fil-qasam tar-riċerka, iżda fl-2009 13 % biss tal-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, kienu nisa[45]. L-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi fit-tfassil, fl-evalwazzjoni u fl-implimentazzjoni tar-riċerka għadha wkoll wisq limitata.

L-isfida hi li dawn il-punti kollha jittejbu sabiex jiżdiedu l-kwalità u r-rilevanza tar-riċerka. Il-Kummissjoni hi diġà impenjata li tiżgura 40 % mis-sess l-anqas rappreżentat fil-gruppi ta’ esperti, fil-panils u fil-kumitati kollha tagħha u se tapplika dan b’mod partikolari fl-inizjattiva Orizzont 2020.

L-Istati Membri huma mistiedna biex: · Joħolqu l-ambjent ġuridiku u ta’ politika u jipprovdu inċentivi biex: – jitneħħew l-ostakli legali u ostakli oħra għar-reklutaġġ, u għaż-żamma u l-avvanz fil-karriera tar-riċerkaturi nisa filwaqt li jkun hemm konformità sħiħa mal-liġi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi[46] – jiġu indirizzati l-iżbilanċi fir-rigward ta’ dimensjoni tas-sessi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet – tissaħħaħ id-dimensjoni tas-sessi fil-programmi tar-riċerka · Jidħlu fi sħubijiet mal-aġenziji ta' finanzjament, mal-organizzazzjonijiet u l-universitajiet tar-riċerka biex titrawwem bidla kulturali u istituzzjonali rigward is-sessi - karti, ftehimiet ta’ prestazzjoni, premjijiet · Jiżguraw li mill-inqas 40 % mis-sess b’livell baxx ta’ rappreżentazzjoni jipparteċipaw fil-kumitati involuti fir-reklutaġġ/fl-avvanz tal-karriera u fit-twaqqif u l-evalwazzjoni tal-programmi tar-riċerka L-organizzazzjonijiet tar-riċerka tal-partijiet interessati huma mistiedna biex: · Jimplimentaw bidla istituzzjonali relatata mat-tmexxija tar-riżorsi umani, il-finanzjament, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-programmi tar-riċerka permezz tal-Pjanijiet għall-Ugwaljanza Bejn Is-Sessi li jimmiraw lejn: – It-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt/audits tal-proċeduri u l-prassi għall-identifikazzjoni tad-diskriminazzjoni bejn is-sessi – L-implimentazzjoni ta’ strateġiji innovattivi sabiex kwalunkwe diskriminazzjoni tkun ikkorreġuta – L-istabbiliment ta’ miri u l-monitoraġġ tal-progress permezz ta’ indikaturi Il-Kummissjoni se: · Trawwem l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi fil-programmi u l-proġetti ta’ Orizzont 2020 mill-bidu u l-implimentazzjoni tagħhom, sal-evalwazzjoni, inkluż permezz tal-użu ta’ inċentivi · Tipproponi fl-2013 Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li tinkorpora linji gwida komuni dwar bidla istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-universitajiet u fl-istituzzjonijiet tar-riċerka.

2.5.        L-ottimizzazzjoni taċ-ċirkolazzjoni u l-aċċess għall-għarfien xjentifiku u t-trasferiment tiegħu

Ir-riċerka u l-innovazzjoni jibbenefikaw mix-xjenzati, mill-istituzzjonijiet tar-riċerka, mill-aċċess tan-negozji u taċ-ċittadini, mill-kondiviżjoni u l-użu tal-għarfien xjentifiku eżistenti u mill-possibilità li t-tħassib jew l-istennijiet f’waqthom fir-rigward ta’ tali attivitajiet jiġu espressi. Sfida ewlenija hija l-implimentazzjoni ġenerali tal-Aċċess Miftuħ - jiġifieri aċċess għall-internet u l-użu b’xejn għall-pubblikazzjonijiet u d-dejta xjentifika ffinanzjata minn fondi pubbliċi - minħabba l-qagħda irregolari tal-progress tal-politiki tal-Istati Membri f'dan il-qasam. B’mod aktar ġenerali, sabiex jiżdied l-impatt ekonomiku tar-riċerka, jeħtieġ li titrawwem l-Innovazzjoni Miftuħa, ir-rabtiet bejn ir-riċerka, in-negozju u l-edukazzjoni (it-trijangolu tal-għarfien) permezz tal-EIT u b’mod partikoli bit-trasferiment tal-għarfien bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka pubbliċi u s-settur privat waqt li jkunu rispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Peress li fil-biċċa l-kbira tagħhom il-ħolqien u t-trasferiment tal-għarfien jużaw il-mezzi diġitali, għandhom jitneħħew ukoll l-ostakli għall-aċċess onlajn bla xkiel għas-servizzi tar-riċerka diġitali bil-għan tal-kollaborazzjoni, il-komputerizzazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika (ix-Xjenza elettronika) u l-infrastrutturi elettroniċi permezz tal-promozzjoni ta’ ŻER diġitali. It-tipi differenti ta’ trasferiment tal-għarfien, ta’ ċirkolazzjoni u ta’ aċċess għandhom ukoll jiġu integrati fil-kooperazzjoni fir-riċerka mal-pajjiżi li mhumiex tal-UE.

L-Istati Membri huma mistiedna biex: · Jiddefinixxu u jikkoordinaw il-politiki tagħhom dwar l-aċċess għal u l-preżervazzjoni tal-informazzjoni xjentifika[47] · Jiżguraw li r-riċerka pubblika tikkontribwixxi għal Innovazzjoni Miftuħa u jrawmu t-trasferiment tal-għarfien bejn is-setturi pubbliċi u privati permezz ta’ strateġiji nazzjonali tat-trasferiment tal-għarfien · Jarmonizzaw il-politiki tal-aċċess u tal-użu għall-infrastrutturi elettroniċi pubbliċi tar-riċerka u dawk relatati mal-edukazzjoni kif ukoll għas-servizzi assoċjati tar-riċerka diġitali u b’hekk jippermettu konsorzji ta’ tipi differenti ta' msieħba pubbliċi u privati · Jadottaw u jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tal-identità elettronika għar-riċerkaturi li jagħtihom aċċess tranżnazzjonali għas-servizzi tar-riċerka diġitali L-organizzazzjonijiet tar-riċerka tal-partijiet interessati huma mistiedna biex: · Jadottaw u jimplimentaw miżuri ta’ aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet u għad-dejta li tirriżulta minn riċerka ffinanzjata pubblikament · Jimplimentaw u jippromwovu l-adozzjoni tal-identità elettronika u tas-servizzi tar-riċerka diġitali · Jiżguraw interazzjoni ottima u konnessjonijiet u sħubijiet strateġiċi bejn l-akkademja u l-industrija u jiddefinixxu aġendi tar-riċerka kollaborattiva konġunta biex jimmassimizzaw l-użu tar-riżultati tar-riċerka · Itejbu r-rikonoxximent u l-professjonalizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ trasferiment tal-għarfien u jsaħħu ir-rwol tal-uffiċċji tat-trasferiment tal-għarfien Il-Kummissjoni se: · Tistabbilixxi aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi bħala prinċipju ġenerali għall-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE f’Orizzont 2020. Għad-dejta tar-riċerka, tiżviluppa approċċ flessibbli li jqis l-interessi relatati mal-oqsma xjentifiċi differenti u relatati man-negozju · Tkompli tiffinanzja proġetti relatati mal-aċċess miftuħ · Tadotta Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar aċċess għal u l-preservazzjoni ta’ informazzjoni xjentifika fl-era diġitali · Tipproponi pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-infrastruttura elettronika sabiex tkun appoġġjata x-xjenza elettronika permezz tal-aċċess miftuħ għall-għodod u r-riżorsi tar-riċerka · Tappoġġja attivitajiet li jrawmu s-sensibilizzazzjoni tal-partijiet interessati għall-aċċess miftuħ u għax-xjenza elettronika · Tiżviluppa bis-saħħa ta’ valutazzjoni tal-inizjattivi eżistenti, approċċ ta’ politika komprensiv għall-Innovazzjoni miftuħa u għat-trasferiment tal-għarfien, u tikkonsulta dwarhom mal-partijiet interessati. · Taħdem mal-partijiet interessati biex jiżviluppaw sett ta’ ftehimiet mudelli tal-konsorzju għat-titjib fit-trasferiment tal-għarfien · Tiffaċilita forum tal-Istat Membri għal skambji regolari u għar-rappurtar dwar l-iżviluppi nazzjonali dwar il-forniment, l-adozzjoni u l-użu tas-servizzi tar-riċerka diġitali

3.           Kundizzjonijiet għas-suċċess – ir-rieda politika, ir-responsabbiltà, il-metodi tat-twassil u t-trasparenza

L-Istati Membri – l-atturi primarji

Primarjament, l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riformi nazzjonali meħtieġa u joħolqu l-kundizzjonijiet biex jikkompletaw iż-ŻER. Huma għandhom ukoll jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi billi jiffaċilitaw l-azzjonijiet li huma responsabbli għalihom l-organizzazzjonjiet li jiffinanzjaw u jwettqu r-riċerka. L-implimentazzjoni ottima se tirrikjedi kemm strutturi u proċessi ta’ ħidma permanenti u ad hoc kif ukoll tmexxija ta’ livell għoli mill-Kunsill[48]. Dan jista’ jinkiseb parzjalment bl-adattatment tal-kumitati u tal-gruppi taż-ŻER eżistenti bħall-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, il-korp konsultattiv ewlieni taż-ŻER għall-Kunsill u għall-Kummissjoni, li l-mandat tiegħu għandu jiġi rivedut sal-aħħar tal-2012[49]. L-Istati Membri jeħtieġu wkoll jaqdu rwol fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress u fl-appoġġ tat-tmexxija politika fil-kuntest taċ-ċiklu annwali tas-Simestru Ewropew.

Il-partijiet interessati tar-riċerka – it-tħaffif tal-implimentazzjoni

L-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati tar-riċerka għandhom jieħdu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet taż-ŻER li jiġu indirizzati lilhom fil-limiti tal-awtonomiji u tal-ġuriżdizzjonijeit rispettivi tagħhom kif stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali. L-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati tar-riċerka rilevanti se jiġu mistiedna jiffirmaw Stqarrija Konġunta mal-Kummissarju f’termini ġenerali dwar ir-rieda tagħhom li jaħdmu għat-tlestija taż-ŻER. Huma għandhom jistabbilixxu wkoll l-azzjonijiet speċifiċi taż-ŻER li se jieħdu f'termini ta' skedar, forniment, rapportar pubbliku dwar il-progress, eċċ. f’Memorandum ta’ Fehim iffirmat flimkien mal-Kummissjoni jew dikjarazzjoni unilaterali, li tgħarraf lill-awtoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom u lill-Imsieħba l-oħra.

Il-Kummissjoni – appoġġ imsaħħaħ

Il-Kummissjoni se twettaq l-azzjonijiet msemmija hawn li huma taħt ir-responsabbiltà tagħha u fir-rigward tal-azzjonijiet l-oħra hija se tappoġġja lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati. Mill-2014, il-Kummissjoni se tiżgura li l-inizjattiva Orizzont 2020 tgħin biex tikkonsolida t-tlestija u l-funzjonament taż-ŻER, billi tappoġġja l-azzjonijiet konformi maż-ŻER fir-rigward tal-karrieri u l-mobbiltà tar-riċerkaturi, id-dimensjoni tas-sessi, il-kooperazzjoni transfruntiera, l-aċċess miftuħ, it-trasferiment tal-għarfien u l-infrastrutturi. Se tiżgura l-iżvilupp ta’ politika inklussiva taż-ŻER billi tappoġġja d-djalogu strutturat ma’ organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati tar-riċerka u ma’ korpi tas-soċjetà ċivili rilevanti - eż. fil-forma ta’ pjattaforma ddedikata tal-partijiet interessati.

Monitoraġġ trasparenti

L-approċċ ta’ sħubija rinfurzata deskritt f'din il-Komunikazzjoni ma tissostitwix leġiżlazzjoni, lanqas ma jipprekludi d-dritt tal-Kummissjoni li tressaq proposti leġiżlattivi bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ġodda relatati maż-ŻER fit-TFUE. Għalhekk il-Kumissjoni se tiżviluppa mekkaniżmu sod għall-monitoraġġ taż-ŻER ibbażat fuq indikaturi[50], għall-azzjonijiet kollha, biex jimmonitorja r-riformi fil-politika taż-ŻER u l-implimentazzjoni tagħhom, li jipprovdi trasparenza lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-komunità xjentifika, u li jservi bħala bażi għad-deċiżjonijiet tiegħu stess. Il-Kummissjoni se tiddetermina l-qagħda tax-xenarju ta’ referenza fl-2012 permezz tal-istatistika uffiċjali u tar-riżultati minn studji/minn stħarriġ. L-ewwel rapport annwali dwar il-progress taż-ŻER fl-2013, li se jkun trażmess lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, se jqabbel ix-xenarju ta’ referenza mal-azzjonijiet imħabbra mill-Istati Membri wara din il-Komunikazzjoni. Mill-2014, valutazzjoni sħiħa tal-progress se tkun trasmessa lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Jekk il-progress ma jkunx suffiċjenti, se jiġu kkunsidrati għażliet differenti, inklużi l-għażliet leġiżlattivi, ibbażati fuq d-dispożizzjonijiet ġodda tat-TFUE, li huma stipulati fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja dan id-dokument. Il-monitoraġġ se jsir f’konnessjoni mill-qrib mas-Simestru Ewropew, filwaqt li tinżamm konsistenza ma’ attivitajiet oħra rilevanti ta’ monitoraġġ - pereżempju, il-Valutazzjoni tal-Impatt u l Orizzont 2020

[1]               'Internationalisation of business investments in R&D and analysis of their economic impact', studju imminenti tad-DĠ tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

[2]               COM (2010)546

[3]               ’L-Ewropa teħtieġ żona unifikata tar-riċerka biex tattira t-talent u l-investiment. Għalhekk għandhom jiġu indirizzati rapidament il-lakuni li fadal u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka għandha titlesta sal-2014 biex jinħoloq suq uniku ġenwin għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni.’ Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Frar 2011; Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Marzu 2012

[4]               Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew 7652/1/08 Marzu 2008

[5]               jiġifieri spazju online bla xkiel għaċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien u t-teknoloġija – "iż-ŻER diġitali"

[6]               Ara l-Artikolu 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

[7]               Ara l-valutazzjoni tal-impatt ex-ante, ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar iż-ŻER http://ec.europa.eu/research/era/ u l-opinjoni 1215/11 ta’ Diċembru 2011 tal-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

[8]               Appoġġ xjentifiku taċ-ĊKR għall-politika tal-UE

[9]               http://ec.europa.eu/research/infrastructures/pdf/esfri-strategy_report_and_roadmap.pdf

[10]             L-istħarriġ ‘Survey of Health Ageing and Retirement in Europe’ http://www.share-project.org/ u l-‘Common Language Resources and Technology Infrastructure’ http://www.clarin.eu/external/ [il-‘European Social Science Survey’ applika għall-Istatus ERIC f’Marzu 2012]

[11]             http://ec.europa.eu/research/infrastructures/index_en.cfm?pg=eric

[12]             Għaxra mit-48 proġett ta’ Pjanijiet Direzzjonali tal-ESFRI tal-2010 qed jiġu implimentati, pereżempju t-tliet Infrastrutturi tar-Riċerka għax-xjenzi bioloġiċi tnedew is-sena l-oħra - Analysis and Experimentation on Ecosystems (ANAEE), Systems Biology-Europe (ISBE), u EU Microbial Resource Research Infrastructure (MIRRI) [http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/11/522] u 16 oħra jistgħu jinbdew sa tmiem l-2012 http://ec.europa.eu/research/infrastructures/index_en.cfm?pg=preparatory_phase_projects

[13]             COM (2008)468 Ara wkoll il-Portal tal-Inizjattivi tal-Programmazzjoni Konġunta: http://ec.europa.eu/research/era/areas/programming/joint_programming_en.htm

[14]             http://ec.europa.eu/research/era/docs/en/voluntary_guidelines.pdf li ntlaqgħu tajjeb mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill 17166/10 ta’ Novembru 2010

[15]             www.eera-set.eu ; COM (2007)723

[16]             COM(2008)317 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill 13671/08, Settembru 2008

[17]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri C(2005)576 - il-Karta tipprovdi qafas għall-ġestjoni tal-karrieri tar-riċerkaturi; il-Kodiċi tippromwovi l-proċeduri miftuħa u trasparenti għar-reklutaġġ u l-apprezzament

[18]             Eż. ir-reviżjoni wara tliet snin ta’ implimentazzjoni tal-“Concordat” tar-Renju Unit http://www.vitae.ac.uk/, Marzu 2012

[19]             fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet għat-trasferiment tal-għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi C(2008)1329

[20]             Il-korpi federali u rappreżentattivi tal-atturi pubbliċi u privati fir-riċerka (inklużi r-riċerkaturi, l-universitajiet, l-organizzazzjonjiet li jiffinanzjaw u jwettqu r-riċerka) u l-membri tagħhom

[21]             Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 10231/08, Mejju 2008; 16767/08, Diċembru 2008; 9956/09, Mejju 2009; Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill 17159/09, Diċembru 2009; 10255/10, Mejju 2010

[22]             2009 ESF/EUROHORCs: "Vision on a Globally Competitive ERA and their Road Map for Actions"

[23]             Liżbona 2009, Zurich 2010, Tartu 2011, Bled 2012

[24]             Il-prinċipji ewlenin stabbiliti fil-"voluntary guidelines on framework conditions for joint programming in research", ERAC – il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Programmazzjoni Konġunta, 2010

[25]             http://www.se2009.eu/polopoly_fs/1.8460!menu/standard/file/lund_declaration_final_version_9_july.pdf li ġiet sottoskritta minn 350 riċerkaturi, finanzjaturi, rappreżentanti tan-negozju u politikanti fil-konferenza Dinji Ġodda, Soluzzjonijiet Ġodda li saret taħt l-awspiċi tal-Presidenza Svediża f'Lulju 2009 u rikonoxxuta mill-Kunsill http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/09/st13/st13513.mt09.pdf

[26]             Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 16127/09, Diċembru 2009

[27]             Il-finanzjament transnazzjonali kien jammonta biss għal 0,8 % skont l-istatistika GBAORD fl-2010

[28]             COM (2011)572

[29]             e-Infrastructure Reflection Group www.e-irg.eu

[30]             Fl-aħħar tliet snin, madwar 30 % tar-riċerkaturi tal-UE ħadmu barra minn pajjiżhom għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur (KE, 2010)

[31]             Ara wkoll l-Aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa COM (2011)567

[32]             Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Professjoni tar-Riċerka 2012

[33]             Ir-rapport tal-Grupp ta’ Tmexxija taż-ŻER għar-Riżorsi Umani u l-Mobbiltà (SGHERM) dwar Aċċess għal u l-Portabbiltà tal-Għotjiet 2012

[34]             2009, ESF/EUROHORCs: "Vision on a Globally Competitive ERA and their Road Map for Actions"

[35]             Ir-rapport tal-Grupp ta’ Tmexxija taż-ŻER għar-Riżorsi Umani u l-Mobbiltà (SGHERM) dwar l-Iżvilupp Professjonali ta’ Riċerkaturi 2012

[36]             Permezz ta’ din id-Dikjarazzjoni l-membri tan-netwerk EURAXESS jirrikonoxxu l-għanijiet ta’ Euraxess

[37]             Dan jorbot flimkien erba’ attivitajiet (Impjiegi, Servizzi, Drittijiet u Konnessjonijiet) iddedikat għall-iżvilupp tal-karriera u l-mobbiltà tar-riċerkaturi http://ec.europa.eu/euraxess

[38]             COM (2011)567 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 126375, Novembru 2011

[39]             Ir-rapport tal-Grupp ta’ Tmexxija taż-ŻER għar-Riżorsi Umani u l-Mobbiltà (SGHERM) dwar il-kwistjonijiet tar-riżorsi umani 2012

[40]             http://ec.europa.eu/euraxess/index.cfm/rights/strategy4Researcher

[41]             http://ec.europa.eu/euraxess/pdf/research_policies/Towards_a_European_Framework_for_Research_Careers_final.pdf

[42]             Bħal: ‘Industry-Academic Pathways and Partnerships’ tal-programm Marie Curie u s-suċċessur futur tiegħu fil-kuntest ta’ Orizzont 2020.

[43]             http://www.ehea.info/Uploads/(1)/Bucharest%20Communique%202012.pdf

[44]             COM (2012)55

[45]             Ċifri tas-SHE għall-2009

[46]             Ara d-Direttiva 2006/54/KE

[47]             Il-Kummissjoni qed tippjana biex tadotta dalwaqt Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni dwar dan is-suġġett

[48]             Il-Kunsill jista’ wkoll jutilizza l-konferenzi ministerjali annwali taż-ŻER, li jinvolvu l-pajjiżi assoċjati mal-kontribut mill-KŻER u mill-Kummissjoni

[49]             Riżoluzzjoni tal-Kunsill 10255/10 Mejju 2010

[50]             Ara lista tentattiva fl-Anness li jakkumpanja Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-Valutazzjoni tal-Impatt - eż. is-sehem fil-baġit pubbliku nazzjonali tar-Riċerka u l-Iżvilupp allokat għall-finanzjament ibbażat fuq proġetti kompetittivi bħala indikatur tal-effikaċja tas-sistema nazzjonali tar-riċerka, jew is-sehem tar-riċerka madwar l-UE tal-postijiet vakanti rreklamati fuq Euraxess bħala indikatur ta' reklutaġġ miftuħ

Top