Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR2182

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija”

OJ C 62, 2.3.2013, p. 51–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/51


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija”

2013/C 62/11

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinnota li l-iżvilupp mhux ikkoordinat u iktar imħaffef milli mistenni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’ħafna pajjiżi wassal għal għadd ta’ problemi politiċi, regolatorji u tekniċi fit-tħaddim tas-sistemi ta’ enerġija. Hemm bżonn dibattitu serju fil-livell tal-UE dwar il-mekkaniżmi u l-istrumenti adatti għall-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’mod kkoordinat;

josserva li għandha titfassal sistema ta’ appoġġ sempliċi u effettiva għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bbażata fuq strateġija komuni Ewropea; tinħtieġ strateġija komuni bil-għan li jiġu żviluppati mekkaniżmi regolatorji bbażati fuq is-suq biex tiġi żgurata transizzjoni effettiva u soċjalment vijabbli lejn produzzjoni ogħla tal-enerġija rinnovabbli;

iqis li l-mekkaniżmi futuri għas-sussidji jistgħu jkunu bbażati fuq il-proċeduri verifikati tal-politika ta’ koeżjoni, ħaġa li twassal għall-appoġġ tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll għal implimentazzjoni iktar mifruxa tat-teknoloġiji l-ġodda tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

huwa konvint li, sabiex is-sitwazzjoni attwali ssir stabbli u jinħolqu inċentivi fit-tul għall-investituri, jeħtieġ li jkun hemm iżjed konsistenza bejn id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri individwali. Wieħed mill-istrumenti biex dan jiġi promoss jista’ jkun sistema pan-Ewropea ta’ appoġġ għas-sorsi rinnovabbli;

iqis li huwa possibbli li jiġu kkombinati teknoloġiji differenti għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fir-reġjuni b’metodi ġodda ta’ ġestjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku u tat-trażmissjoni permezz tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji ta’ grilji intelliġenti (smart networks), biex il-ħtiġiet lokali tal-elettriku jiġu bbilanċjati mal-produzzjoni, u b’hekk is-sigurtà tal-enerġija tiżdied b’mod sinifikanti fir-reġjuni u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija b’distanza twila.

Relatur

Is-Sur STĘPIEŃ (PL/PPE), Marixxall tar-Reġjun ta’ Łódz

Dokument ta’ Referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija

COM (2012) 271 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jaqbel mal-fehma li ressqet il-Kummissjoni Ewropea li l-enerġija rinnovabbli hija aspett ewlieni fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, iż-żieda fil-kompetittività Ewropea u l-ħolqien tal-impjiegi, u r-rispettar tal-impenji tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-tibdil fil-klima; jemmen ukoll li l-istadji importanti fl-enerġija rinnovabbli wara l-2020 huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-enerġija rinnovabbli tkun parti mis-suq Ewropew tal-enerġija;

2.

iqis li waħda mir-raġunijiet prinċipali għall-problema tal-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli hija nuqqas fil-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea ta’ viżjoni fit-tul u koordinazzjoni bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-partijiet involuti, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ewlieni tal-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija biex jinkisbu l-objettivi. Barra minn hekk jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-Istati Membri għandhom jużaw l-istrumenti eżistenti biex irawmu l-kooperazzjoni bejniethom u jagħmlu kummerċ fl-enerġiji rinnovabbli, u jenfasizza r-rwol partikolari li r-reġjuni tal-fruntiera jistgħu jaqdu bħala laboratorji għall-kooperazzjoni f’dan ir-rigward;

3.

josserva li għandha titfassal sistema ta’ appoġġ sempliċi u effettiva għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bbażata fuq strateġija komuni Ewropea. B’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, fil-livell Ewropew għandu jiġi speċifikat qafas ġenerali biss, b’enfasi partikolari fuq l-effetti transkonfinali. Il-mekkaniżmi futuri għas-sussidji jistgħu jkunu bbażati fuq il-proċeduri verifikati għall-koeżjoni, ħaġa li twassal għall-appoġġ tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll għal implimentazzjoni iktar mifruxa tat-teknoloġiji l-ġodda tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Jenfasizza r-rwol ewlieni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jaqdu fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli, li jeħtieġ li jkunu msejsa fuq l-esperjenzi u l-ħtiġijiet tar-reġjuni differenti; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jinvolvu r-rappreżentanti tal-livelli lokali u reġjonali fit-tfassil tal-istrumenti ta’ politika fil-livell tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom;

II.   IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

4.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li sabiex tinkiseb żieda qawwija fil-proporzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ser ikollhom jittejbu l-iskemi ta’ appoġġ. Skont l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea l-ispejjeż għoljin tal-amministrazzjoni u l-kapital ta’ sikwit jgħollu l-prezz għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u jheddu l-kompetittività tagħhom, speċjalment fl-istadji bikrija tagħhom. Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali, ħaġa li tista’ telimina d-distorsjonijiet fis-suq tal-enerġija. Il-bidla lejn skemi li jesponu progressivament lill-produtturi għar-riskju tal-prezz tas-suq għandha żżid il-kompetittività fit-teknoloġija tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. B’mod partikolari, suq tal-emissjonijiet li jiffunzjona sew huwa kruċjali għat-tnaqqis tal-bżonn għal sussidji għal teknoloġiji maturi fuq perjodu fit-tul. Madankollu, ikun hemm bżonn l-appoġġ għat-teknoloġiji l-ġodda, inqas maturi. Il-KtR għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjani tal-KE biex tħejji gwida tal-aħjar prattiki u esperjenzi miksuba f’dawn il-kwistjonijiet;

5.

jenfasizza li l-iżvilupp tal-infrastruttura huwa kruċjali għas-suċċess ta’ suq intern u biex l-enerġija rinnovabbli tkun tista’ tiġi integrata fis-sistemi tal-elettriku. It-titjib tal-infrastruttura tal-enerġija jista’ jsir permezz ta’:

investiment fin-netwerks ta’ distribuzzjoni,

modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trażmissjoni,

investiment fl-interkonnessjonijiet, b’mod partikolari bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom,

żvilupp ta’ grilji intelliġenti,

appoġġ għall-ġenerazzjoni tal-enerġija deċentralizzata/fuq skala żgħira;

6.

jinnota li l-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp huwa kruċjali għall-appoġġ tal-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija. Jaqbel mal-Kummissjoni li b’mod partikolari t-teknoloġiji tal-oċeani, il-ħżin tal-enerġija u l-materjali avvanzati kif ukoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji biex jiġu sfruttati r-riżorsi tal-bijomassa mhux sfruttati għall-enerġija rinnovabbli jaqdu rwol importanti f’dan il-proċess. Il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (Pjan SET) u l-programm futur ta’ riċerka Orizzont 2020 jirrappreżentaw il-kontribut ewlieni tal-UE biex jiġu xprunati l-iżviluppi fit-teknoloġiji ewlenin tal-enerġija. Jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jaqdu fil-kooperazzjoni mal-infrastruttura tar-riċerka, u l-appoġġ tagħha, kif ukoll bħala investituri pubbliċi; ifakkar ukoll f’dan il-kuntest li l-importanza kruċjali tal-fondi għar-riċerka tal-UE f’dan il-qasam għandha tiġi riflessa b’mod adatt fid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar il-qafas finanzjarju pluriennali;

7.

jinnota l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-livelli diversi ta’ ftuħ u integrazzjoni tas-swieq differenti tal-enerġija (tisħin u tkessiħ, trasport, elettriku, eċċ.); jaqbel li l-integrazzjoni tas-swieq tista’ tgħin biex jidħlu atturi ġodda, bħas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iżda jenfasizza wkoll li l-ftuħ tas-suq fih innifsu mhuwiex garanzija għal żieda fl-effiċjenza u tnaqqis fil-prezzijiet, u li ftuħ b’suċċess jirrikjedi regolazzjoni u superviżjoni adatti fil-livell Ewropew, trasparenza u informazzjoni għall-konsumaturi; għaldaqstant jinsab ħerqan dwar id-dibattitu futur dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar is-suq intern tal-enerġija;

III.   L-IŻVILUPP TAS-SORSI TAL-ENERĠIJA RINNOVABBLI

Il-proporzjon tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija

8.

jiġbed l-attenzjoni li l-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija fl-UE f’nofs l-2012 kien 12,4 %, li jirrappreżenta żieda ta’ 1,9 % meta mqabbel mal-livell tal-2008; dan ifisser li l-UE bħalissa hija fi triqtha biex tilħaq l-għan tagħha ta’ sehem ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli sal-2020, iżda jfisser ukoll li l-UE għandha tkun iktar ambizzjuża u tistabbilixxi mira ogħla jew talinqas mira ta’ 20 % għal kull Stat Membru; barra minn hekk, hemm meħtieġa aktar sforzi lil hinn mill-2020 u l-UE għandha tistipola miri intermedji ambizzjużi bil-għan tal-possibbiltà li tilħaq 100 % ta’ enerġija rinnovabbli sal-2050, kemm jista’ jkun malajr;

Is-sussidji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

9.

jappella għal struttura adatta u għanijiet realistiċi għall-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet li kienet prevista li sservi bħala forma ta’ appoġġ indirett għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

Skemi ta’ appoġġ u s-suq tal-enerġija

10.

jaqbel mal-fehma tal-KE li hemm bżonn li tittejjeb il-kompetittività tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li joperaw fis-swieq tal-enerġija. L-iskemi tas-sussidji għandhom jinħolqu b’tali mod li l-investituri jitħeġġu jiżviluppaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jiġi assigurat il-funzjonament effettiv fis-suq kompetittiv tal-enerġija. L-iskemi ta’ appoġġ għandhom iwasslu wkoll għas-sostituzzjoni gradwali ta’ forom oħra ta’ enerġija, b’mod partikolari dawk li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent;

11.

jinsab imħasseb li ċerti skemi ta’ appoġġ għar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli jista’ jkollhom konsegwenzi mhux pjanati jew jistgħu jiġu abbużati minn xi produtturi tal-enerġija rinnovabbli li jwassal għal spejjeż għoljin tal-enerġija rinnovabbli għall-konsumaturi. Hemm bżonn strateġija kkoordinata fil-livell tal-UE għall-enerġija rinnovabbli li tuża wkoll l-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni nazzjonali u Ewropea biex tipprevjeni tali abbuż;

12.

jenfasizza li, l-istess bħas-sistema tat-tariffi garantiti, is-sistema taċ-ċertifikati ekoloġiċi telimina wkoll ir-riskji tas-suq. Barra minn hekk, is-sistema taċ-ċertifikati ekoloġiċi tista’ anke ma tiffunzjonax sew f’kull rispett f’ċerti pajjiżi. Iż-żieda rapida fl-enerġija mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qed tirriżulta f’sitwazzjoni fejn l-ammont ta’ ċertifikati qed jibda jisboq l-ammont obbligatorju li jrid jinxtara, u b’hekk wasslet għal kollass fil-prezzijiet taċ-ċertifikati. Għalhekk hemm bżonn li l-għanijiet tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġu evalwati u ċ-ċertifikati jiġu aġġustati kif dovut;

13.

fil-prinċipju jilqa’ s-sistema ġdida proposta tal-garanzija ta’ oriġini (Guarantee of Origin), tip ta’ ċertifikat ekoloġiku Ewropew li ser jagħmilha possibbli li jsir kummerċ fiċ-ċertifikati ekoloġiċi fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li jimplimentaw din is-sistema; madankollu, hemm bżonn monitoraġġ biex jiġi verifikat jekk dan il-pass huwiex suffiċjenti biex jiġu korreġuti n-nuqqasijiet tas-sistemi eżistenti;

Reazzjonijiet għan-nuqqas ta’ koordinazzjoni fl-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

14.

jinnota li l-iżvilupp mhux ikkoordinat u iktar imħaffef milli mistenni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’ħafna pajjiżi wassal għal għadd ta’ problemi politiċi, regolatorji u tekniċi fit-tħaddim tas-sistemi ta’ enerġija. Hemm bżonn dibattitu serju fil-livell tal-UE dwar il-mekkaniżmi u l-istrumenti adatti għall-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’mod kkoordinat. Tinħtieġ strateġija komuni bil-għan li jiġu żviluppati mekkaniżmi regolatorji bbażati fuq is-suq biex tiġi żgurata transizzjoni effettiva u soċjalment vijabbli lejn produzzjoni ogħla tal-enerġija rinnovabbli;

15.

jindika li l-koordinazzjoni tal-flussi ta’ enerġija elettrika bejn pajjiżi u reġjuni differenti għandha tittejjeb aktar. It-tkabbir sinifikanti f’sehem is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-ammont globali ta’ enerġija prodotta jeħtieġ iktar koordinazzjoni fl-iżvilupp u t-tħaddim tan-netwerks kif ukoll regolazzjoni legali effettiva ta’ sistemi tal-elettriku interkonnessi, kemm bejn il-pajjiżi u r-reġjuni differenti kif ukoll bejn il-kontinent u l-ġżejjer, u bejn il-gżejjer infushom;

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli tista’ tiġi promossa b’rabta ma’ kunċetti tal-enerġija lokali. Il-kunċetti tal-enerġija jridu jinkludu miżuri għall-iffrankar tal-enerġija, żieda fl-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-iffrankar ta’ riżorsi bir-rispett sħiħ tas-sostenibbiltà;

Kundizzjonijiet tekniċi għat-tħaddim tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

17.

jenfasizza l-fatt li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma konnessi mal-grilji tal-enerġija li mhumiex mibnija għal dan it-tip ta’ sors ta’ enerġija. L-użu mifrux tal-enerġija rinnovabbli ser jeħtieġ żmien u investiment għat-titjib tal-grilji tal-enerġija, li l-istat attwali tagħhom qed jillimita t-tkabbir tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Din il-problema tista’ tingħeleb bl-implimentazzjoni ta’ grilji intelliġenti, kif ukoll b’interkonnessjoni akbar tal-grilji bejn l-Istati Membri tal-UE, bejn ir-reġjuni kontinentali u dawk insulari, kif ukoll bejn il-gżejjer. Barra minn hekk, ħafna sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħall-parks eoliċi jew il-faċilitajiet fotovoltajċi huma instabbli b’mod sinifikanti. B’riżultat ta’ dan hemm bżonn li tinżamm ċertu kapaċità żejda fl-impjanti konvenzjonali, li jiġi żviluppat ħżin adatt tal-enerġija u li tiġi mħeġġa l-flessibbiltà permezz tal-ġestjoni flessibbli tad-domanda;

18.

jinnota li filwaqt li l-użu ta’ faċilitajiet għall-ħżin tal-elettriku fuq skala kbira jtejjeb b’mod konsiderevoli l-kundizzjonijiet tat-tħaddim tas-sistemi tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, mhuwiex possibbli teknikament li l-elettriku jinħażen direttament. Is-sistemi tal-ħżin indirett, li jikkonvertu l-enerġija elettrika f’enerġija kimika bħall-batteriji elettriċi, jew l-enerġija kinetika bħall-impjanti tal-elettriku għall-ħżin mill-pompa, bħalissa jqumu ħafna flus u l-possibbiltajiet li jiġu implimentati b’mod iktar mifrux huma limitati. L-użu iktar mifrux tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistemi tal-elettriku jiddependi mill-isfruttar ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari l-ħżin ta’ enerġija ġdida, pereżempju għall-produzzjoni ta’ akkumulaturi b’darbtejn jew tliet darbiet id-densità attwali tal-enerġija bi spiża konsiderevolment iktar baxxa. It-teknoloġiji li jikkonvertu l-elettriku żejjed f’gass (“power to gas”) għandhom jiġu żviluppati aktar għax joffru ħafna vantaġġi. Il-gass li jiġi prodott artifiċjalment jista’ juża n-netwerk u l-infrastruttura tal-ħżin eżistenti. Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tiġi intensifikata r-riċerka dwar teknoloġiji ġodda għall-ħżin tal-enerġija, sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni wiesgħa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika;

19.

jenfasizza li n-nuqqas ta’ infrastruttura sabiex jintużaw b’mod effettiv ir-riżorsi limitati ta’ enerġija rinnovabbli fil-kontinent Ewropew bħal parks eoliċi fuq skala kbira fil-Baħar tat-Tramuntana u l-impjanti solari madwar il-Mediterran u fl-Afrika ta’ Fuq ifisser li huwa meħtieġ investiment sostanzjali fl-Awtostradi tal-Elettriku Ewropej (1). Għall-iżvilupp tal-Awtostradi tal-Elettriku Ewropej iridu jiġu rrispettati regoli ambjentali stretti ħafna u huwa obbligatorju li jridu jiġu involuti r-reġjuni kkonċernati. Barra minn hekk, iridu jitneħħew metodi baġitarji mhux invażiv u trid titqies ukoll il-possibbiltà ta’ passaġġi taħt l-art. Barra minn hekk, għandu jitqies li s-sistema attwali Ewropea tal-elettriku, ġestita min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), li testendi mill-Portugall sal-fruntiera tal-Lvant tal-Polonja u mid-Danimarka sal-pajjiżi Balkani għandha tiġi aġġornata biex tilqa’ d-domanda ġdida li qed tinħoloq minn aktar integrazzjoni tal-enerġija fl-Ewropa; għalhekk jappoġġja l-kostruzzjoni ta’ linji ġodda tal-elettriku DC li tista’ żżid l-affidabbiltà tat-tħaddim tan-netwerk Ewropew u tnaqqas it-telf tal-elettriku matul it-trażmissjoni;

Niżguraw li l-enerġija rinnovabbli hija sostenibbli

20.

jiġbed l-attenzjoni li l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli jeħtieġ titwettaq f’manjiera kompletament sostenibbli. Meta jiġu żviluppati sistemi eżistenti jew jinħolqu oħrajn ġodda, għandha tingħata attenzjoni biex dawn ma joħolqux ostakli ġodda għall-iżvilupp tas-swieq tal-enerġija u tal-karburanti. L-approċċi u s-sistemi eżistenti għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ. L-isforzi biex jiġi żgurat li l-bijoenerġija tkun newtrali fir-rigward tal-karbonju huma ta’ importanza ewlenija fl-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli;

IV.   SISTEMA TA’ APPOĠĠ ĠDIDA GĦAS-SORSI TA’ ENERĠIJA RINNOVABBLI

21.

jinnota li tkun ħaġa tajba li l-Kummissjoni Ewropea twettaq l-analiżi li twassal għat-tfassil ta’ skemi ta’ appoġġ ġodda għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li jkunu kkoordinati fl-Unjoni Ewropea kollha filwaqt li jitqiesu l-esperjenza u l-prattiki tajbin tal-Istati Membri u r-reġjuni. Tali approċċ jista’ jidentifika l-għanijiet u l-miżuri pan-Ewropej biex jinkisbu. Skema ġdida tista’ tkopri l-aspetti legali, ekonomiċi, tekniċi u soċjali;

22.

jipproponi li s-sistema Ewropea ta’ appoġġ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha:

tistabbilixxi fond pan-Ewropew sabiex jiġu appoġġjati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

tikkoordina l-iskemi ta’ appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell Ewropew u tagħmilhom kompatibbli ma’ xulxin;

issaħħaħ ir-rwol reġjonali fl-allokazzjoni tal-appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

tottimizza l-użu tat-teknoloġiji tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli abbażi tad-disponibblità tar-riżorsi rinnovabbli fir-reġjuni u tqajjem sensibilizzazzjoni soċjali;

topera f’diversi livelli: fil-livell Ewropew għall-impjanti l-kbar u fil-livell nazzjonali u reġjonali għall-impjanti ż-żgħar u mikro;

tagħti s-sussidji u forom oħra ta’ appoġġ ieħor għall-investiment f’livelli li jippermetti l-integrazzjoni sħiħa tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-swieq kompetittivi tal-enerġija;

tappoġġja l-isforzi biex tinkiseb l-indipendenza fl-enerġija;

tappoġġja l-iżvilupp ta’ grilji tal-elettriku u n-netwerks intelliġenti li jippermettu implimentazzjoni usa’ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

ittejjeb it-tħaddim tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fin-netwerks tal-elettriku intelliġenti permezz ta’ appoġġ għall-pakketti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ħżin tal-enerġija;

taqsam l-ispejjeż għall-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-aħjar livell possibbli, b’mod ġust bejn iċ-ċittadini Ewropej;

Fond pan-Ewropew għall-appoġġ tal-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

23.

jinnota li xi Stati Membri qed jipprovaw inaqqsu l-prezzijiet tal-elettriku li qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla billi jdaħħlu restrizzjonijiet għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li qed jassumu f’ċerti każijiet u sa ċertu punt,huma marbuta mat-tħaddim ħażin tal-iskemi ta’ appoġġ attwali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Reazzjonijiet ta’ politika fuq medda qasira ta’ żmien bħal dawn juru kif in-nuqqas ta’ regolazzjoni stabbli u politika tal-UE kkoordinata dwar is-sorsi rinnovabbli u r-riskji regolatorji sinifikanti li jirriżultaw minn dan jista’ jkollhom effett negattiv ħafna, kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-suq tal-enerġija;

24.

huwa konvint li, sabiex is-sitwazzjoni attwali ssir stabbli u jinħolqu inċentivi fit-tul għall-investituri, jeħtieġ li jkun hemm iżjed konsistenza bejn id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri individwali. Wieħed mill-istrumenti biex dan jiġi promoss jista’ jkun sistema pan-Ewropea ta’ appoġġ għas-sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk, huma ta’ importanza ewlenija t-tnaqqis fis-sussidji nazzjonali għall-karburanti fossili u t-tmiem ta’ politiki oħrajn li jxekklu l-investiment fl-enerġija rinnovabbli;

25.

jirrimarka li, meta wieħed iqis il-ħtieġa għal investiment sabiex issir ir-rivoluzzjoni enerġetika (stmat li huma meħtieġa EUR 1 triljun madwar l-UE sal-2030), u l-averżjoni għar-riskju mifruxa tal-investituri, b’mod partikolari fil-klima finanzjarja attwali, huwa neċessarju li jsir użu tar-riżorsi finanzjarji kollha (bħall-fondi ta’ koeżjoni tal-UE, dħul mill-ETS riveduta, strumenti finanzjarji innovattivi fuq livelli differenti, dħul minn kapaċità installata); jaf ikun meħtieġ ukoll li jiġu previsti bonds tal-proġetti għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli sabiex jingħataw riżorsi finanzjarji għar-riċerka u l-iżvilupp u l-investiment kapitali għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

26.

għalhekk iqis li s-sussidji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom jiġu kkoordinati fil-livell tal-Unjoni Ewropea u bejn l-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin tal-Istati Membri u r-reġjuni, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju tal-investiment u jinħolqu inċentivi ġodda għall-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

It-tisħiħ tar-rwol reġjonali fl-allokazzjoni tal-appoġġ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

27.

jenfasizza li xi skemi ta’ appoġġ attwali implimentati fil-livell tal-Istati Membri jistgħu xi kultant ma jirriflettux sew il-karatteristiċi speċifiċi ta’ reġjuni differenti. Ħafna drabi s-sorsi ta’ enerġija ma jkunux jinsabu qrib l-utenti aħħarin, ħaġa li teħtieġ ħidma ta’ żvilupp maġġuri fuq il-linji ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. In-nuqqas ta’ infrastruttura ta’ trażmissjoni żviluppata biżżejjed huwa wieħed mill-ostakli prinċipali fil-iżvilupp b’rata mgħaġġla tas-sorsi rinnovabbli;

28.

jinsab konvint b’mod partikolari li jekk jiżdied ir-rwol tar-reġjuni, tingħata spinta lill-effetti ta’ sinerġija u fl-istess ħin jiġu ottimizzati l-ispejjeż għall-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-netwerks. Għalhekk huwa daqsekk importanti li tiżdied il-parteċipazzjoni tar-reġjuni fil-promozzjoni tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u li jiġu allokati l-fondi għall-promozzjoni ta’ dawn is-sorsi lir-reġjuni kif ukoll lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli. L-iskemi ta’ appoġġ għas-sorsi rinnovabbli għandhom jaqsmu wkoll l-għarfien tar-reġjuni u jħeġġu lir-reġjuni biex jaħdmu flimkien;

L-aħjar użu possibbli tat-teknoloġiji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bbażat fuq id-disponibblità tar-riżorsi rinnovabbli fir-reġjuni

29.

jinsab konvint li r-reġjuni jistgħu jidentifikaw l-aħjar taħlita ta’ teknoloġiji rinnovabbli, pereżempju billi jabbinaw l-iżvilupp tal-parks eoliċi u l-parks tal-enerġija mix-xemx mal-impjanti li jużaw il-bijogass u l-bijomassa kif ukoll riżorsi ġeotermali, b’mod partikolari t-teknoloġiji li jużaw is-sħana ġeotermali għall-produzzjoni tal-elettriku; għal dawn ir-raġunijiet għandu jsir sforz biex – kull fejn huwa possibbli mil-lat tekniku – tiġi appoġġjata l-produzzjoni tal-bijogass, f’netwerks ta’ gass naturali li diġà jeżistu, u b’hekk tingħata spinta lil din il-prattika;

30.

iqis li huwa possibbli li jiġu kkombinati teknoloġiji differenti għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fir-reġjuni b’metodi ġodda ta’ ġestjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku u tat-trażmissjoni permezz tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji ta’ grilji intelliġenti (smart networks), biex il-ħtiġiet lokali tal-elettriku jiġu bbilanċjati mal-produzzjoni, u b’hekk is-sigurtà tal-enerġija tiżdied b’mod sinifikanti fir-reġjuni u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija b’distanza twila;

31.

jenfasizza li r-reġjuni għandhom rwol partikolarment importanti x’jaqdu fl-istabbiliment u l-iżvilupp tal-mikroimpjanti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u biex iħeġġu l-ħolqien ta’ “prosumaturi” (produtturi-konsumaturi), konsumaturi tal-enerġija li mhux biss jużaw l-enerġija iżda jipproduċu wkoll l-enerġija għall-użu proprju u tal-ġirien. L-iżvilupp ta’ prosumaturi fil-qasam tal-enerġija jista’ jikkontribwixxi mhux biss biex jiġu limitati l-ispejjeż globali tal-produzzjoni u l-provvista tal-enerġija iżda anke l-iżvilupp ta’ xejriet ġodda ta’ konsum u produzzjoni tal-enerġija sostenibbli. Il-KtR jappoġġja b’mod qawwi l-produzzjoni tal-enerġija fil-livell reġjonali għas-settur pubbliku u dak privat, inklużi d-djar privati;

32.

jinnota li r-reġjuni għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-iżvilupp tal-koġenerazzjoni. Tali teknoloġija, li tħallat il-produzzjoni tal-enerġija mis-sħana u l-elettriku tippermetti li jinħareġ kważi 90 % tal-kontenut tal-enerġija primarja mill-karburant. Ir-rwol tar-reġjuni jista’ jkun l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni, filwaqt li jitqiesu n-netwerks distrettwali eżistenti tat-tisħin u fejn ikunu qed isiru l-investimenti l-ġodda fir-reġjun. L-Unjoni Ewropea għandha toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-appoġġ għal dawn il-faċilitajiet effiċjenti ħafna biex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż tal-operat tagħhom;

Azzjoni kkoordinata fuq livelli differenti: skema ta’ appoġġ fil-livell tal-UE li tippermetti li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jsiru kompetittivi u jiġu żviluppati soluzzjonijiet reġjonali ta’ enerġija rinnovabbli

33.

jinnota li l-iskemi attwali ta’ sussidji għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli jippermettu biss pjanar limitat tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u f’ħafna każijiet ma jeżistux rekwiżiti għall-operaturi;

34.

għalhekk iqis li sistema ġdida tas-sussidji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tkun previdibbli, bl-ammont ta’ riżorsi identifikati għas-sussidjar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli stabbilit u magħruf minn snin qabel, f’korrelazzjoni mal-miri tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Is-sistema għandha tadatta għal kull teknoloġija, billi tqis il-vijabbiltà tagħha u l-livell ta’ maturità, u jkollha wkoll il-flessibbiltà meħtieġa biex tkun tista’ tirreaġixxi għas-sinjali li jibagħtu s-swieq f’kull pajjiż;

35.

jindika li r-rwol tar-reġjuni u l-partijiet interessati lokali għandu jiżdied billi jintuża l-għarfien lokali biex jiġu kkwantifikati l-ispejjeż tal-investiment u l-appoġġ meħtieġ, sabiex iktar tard il-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jkunu jistgħu joperaw fis-swieq tal-enerġija Ewropej;

36.

josserva li l-iżvilupp ta’ ċentri għall-appoġġ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fir-reġjuni joħloq l-impjiegi u jippromovi l-iżvilupp ta’ diversi forom ta’ taħriġ li huma kruċjali għall-investituri u l-kumpaniji involuti fil-kostruzzjoni u fil-konnessjoni mal-grilja. L-iżvilupp tal-għarfien lokali jirriżulta wkoll f’żieda fir-riċerka dwar l-iżvilupp reġjonali tal-enerġija rinnovabbli. Din ir-riċerka tista’ tkun parti wkoll mir-riċerka li titwettaq fil-livell Ewropew u nazzjonali;

37.

jenfasizza li l-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’ħafna każijiet ikun limitat minn żvilupp inadegwat tal-grilja tad-distribuzzjoni tat-trasport u tal-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE, bejn ir-reġjuni kontinentali u dawk insulari, kif ukoll bejn il-gżejjer. It-tneħħija ta’ dawn ir-restrizzjonijiet teħtieġ approċċ f’żewġ livelli, l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-grilja eżistenti, u l-ġestjoni moderna tal-grilja u tal-konsumaturi u l-produtturi tal-elettriku mqabbdin magħha. Barra minn hekk, id-diversi teknoloġiji ta’ ħżin għandhom jiġu integrati fl-iżvilupp tan-netwerk peress li jnaqqsu l-bżonn ta’ aktar kapaċità tan-netwerk u jistgħu jagħmlu disponibbli enerġija riżervata. L-użu tan-netwerk tal-gass bl-iżvilupp tal-faċilitaijiet “power to gas” għandu jiġi kkunsidrat bħala alternattiva waħda;

38.

jemmen ukoll li parti mill-fondi għandhom jiġu allokati għall-iżvilupp tal-grilja ta’ distribuzzjoni tat-trasport u tal-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE, bejn ir-reġjuni kontinentali u dawk insulari, kif ukoll bejn il-gżejjer. Is-sistema ta’ appoġġ għandha tippermetti appoġġ simultanju u kkoordinat għall-iżvilupp tal-grilji u l-impjanti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Minn naħa dan jippermetti użu iktar effettiv tal-fondi ta’ appoġġ u min-naħa l-oħra li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-operaturi tan-netwerk lokali u l-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-prosumaturi. Kooperazzjoni bħal din bejn l-operaturi tal-grilji u l-produtturi tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, imnieda mill-allokazzjoni kkoordinata tal-fondi ta’ appoġġ, telimina wieħed min-nuqqasijiet tas-sistema eżistenti – il-kooperazzjoni inadegwata bejn l-operaturi tal-grilji u l-produtturi;

Nillimitaw il-varjazzjonijiet fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ appoġġ għall-pakketti: is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ħżin tal-enerġija

39.

jinnota li l-produzzjoni tal-enerġija minn teknoloġiji tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tiddependi fuq fatturi esterni bħal-livelli tar-riħ jew ir-radjazzjoni mix-xemx. Dan jillimita ż-żidiet tal-kapaċità tal-impjanti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. It-titjib tat-tħaddim tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jista’ jinkiseb billi jiġu stabbiliti clusters tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bl-użu ta’ teknoloġiji differenti bħat-turbini tar-riħ, l-enerġija mix-xemx fotovoltajka, il-bijomassa u l-bijogass, kif ukoll l-enerġija ġeotermali u l-ħżin tal-enerġija bl-użu ta’ grilji intelliġenti;

Appoġġ għall-ispejjeż tal-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mis-soċjetà Ewropea

40.

iqis li s-sistemi ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli ma jistgħux jiġu żviluppati mill-Istati Membri individwali f’iżolament. Dan l-iżvilupp huwa abbinat mal-ksib tal-għanijiet tal-politika tal-klima, il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u t-titjib fis-sigurtà tal-enerġija Ewropea u billi l-Ewropa ssir indipendenti mill-provvista ta’ enerġija esterna. Dan l-għan konġunt pan-Ewropew għandu jiġi implimentat mil-livelli kollha ta’ governanza flimkien u f’koordinazzjoni ma’ xulxin. Fl-istess waqt, huwa importanti li tinżamm ċara t-tranżizzjoni lejn il-possibbiltà ta’ 100 % sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jiġi żgurat li tipi ta’ enerġija “mhux konvenzjonali” jew oħrajn li jistgħu jagħtu l-impressjoni li huma alternattivi, iżda li mhumiex rinnovabbli u għalhekk mhux sostenibbli u ma jiħdux post il-karburanti fossili konvenzjonali, ma jneħħux l-attenzjoni u r-riżorsi mill-bidla neċessarja fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

41.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li azzjonijiet mhux ikkoordinati jistgħu jwasslu għal konsegwenzi mhux pjanati bħal tnaqqis fis-sigurtà tal-provvista u żieda fil-prezzijiet mhux ġustifikata, ħaġa li twassal għal attitudnijiet negattivi mill-pubbliku u tnaqqis fl-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli. Din is-sitwazzjoni tista’ tittejjeb b’dibattiti pubbliċi u bi proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi trasparenti, kif ukoll permezz ta’ kampanji ta’ tagħrif għall-pubbliku dwar il-ħtieġa għal użu effiċjenti tal-enerġija u dwar l-eżistenza ta’ mudelli ġodda ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli tal-enerġija.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  DĠ Enerġija, L-infrastruttura tal-enerġija. Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara, COM (2010) 677 final.


Top