EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1751

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-adattament għat-tibdil fil-klima u r-reazzjoni fir-reġjuni: il-każ tar-reġjuni kostali”

OJ C 391, 18.12.2012, p. 21–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 391/21


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-adattament għat-tibdil fil-klima u r-reazzjoni fir-reġjuni: il-każ tar-reġjuni kostali”

2012/C 391/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

huwa konvint dwar l-urġenza ekonomika u soċjali li jiġi promoss l-adattament fir-reġjuni kostali, mhux l-inqas fid-dawl tal-piż ikbar li jiġi min-nuqqas ta’ azzjoni u minkejja l-kriżi tad-dejn sovran li għada għaddejja f’xi pajjiżi taż-żona tal-euro; madankollu jaħseb li l-istrateġija Ewropea ta’ adattament futura jrid ikollha livell ta’ dettall suffiċjenti li tinkludi d-diversità reġjonali;

jirrikonoxxi kif l-istrument tal-istrateġija integrata għall-immaniġġjar tal-ilmijiet kostali (ICZM) fundamentalment qiegħed hemm biex jiffaċilita l-integrazzjoni tal-politiki fiż-żoni kostali, fuq kollox minħabba kwistjonijiet li s’issa għadhom ma ġewx indirizzati għal kollox, bħat-tgħawwir, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-infrastruttura ekoloġika; u biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali bejn atturi lokali, pereżempju permezz ta’ inizjattivi bħas-Sardinia Charter fil-baċir tal-Mediterran;

jinnota li t-twaqqqif ta’ strumenti kapaċi jivvalutaw kemm l-ispejjeż kif ukoll il-benefiċċji tal-adattament jista’ jimbotta b’mod effettiv dawk il-proċessi politiċi lokali u reġjonali li huma l-bażi tal-ippjanar u tal-intervent fit-territorju u joħloq il-kundizzjonijiet għad-definizzjoni tal-istrateġiji li huma l-iżjed effiċjenti mil-lat ekonomiku;

itenni li jkun opportun li jiġi kkonsultat b’mod regolari dwar in-negozjati Ewropej u internazzjonali fil-qasam tal-klima, u għaldaqstant jittama li: (i) jipparteċipa fi grupp ta’ ħidma Ewropew dwar l-adattament li jimmira l-attenzjoni tiegħu fuq żoni bi żvantaġġi permanenti, fosthom dak ikkawżat mill-effetti tat-tibdil fil-klima, u għaldaqstant ikopri ż-żoni kostali, il-ġżejjer u r-reġjuni muntanjużi u r-reġjuni ultraperiferiċi; u (ii) jiġi akkredikat bħala osservatur fi ħdan il-Kumitat ta’ Adattament.

Relatur

Ugo CAPPELLACCI (IT/PPE), President tar-Reġjun Awtonomu tas-Sardenja

Dokument ta’ referenza

Konsultazzjoni mill-Presidenza Ċiprijotta

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   L-adattament għat-tibdil fil-klima u d-dimensjonijiet lokali tiegħu

1.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jkunu involuti b’mod proattiv fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-proċess tal-identifikar tal-għażliet disponibbli għall-adattament (valutazzjoni tal-adattament) (1)  (2) kemm fl-ippjanar kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjani. Għaldaqstant, il-Kumitat itenni (3) r-rwol essenzjali tal-awtoritajiet reġjonali fl-indirizzar tal-effetti tat-tibdil fil-klima, japprezza l-fatt li dan ir-rwol huwa rikonoxxut fil-livell Ewropew (4) u globali (5), u jsejjaħ biex dan l-għarfien jiġi inkorporat b’mod espliċitu fl-istrateġija futura Ewropea ta’ adattament;

2.

ifakkar li t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu huma fost l-isfidi ewlenin li ser ikollhom quddiemhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin. F’dan il-kuntest, l-ewwel prijorità trid tkun li jittieħdu l-passi meħtieġa biex isir sforz ħalli ż-żjieda tat-temperatura medja globali tiġi limitata kemm jista’ jkun (mitigazzjoni), iżda wkoll biex ikun hemm tħejjija fil-livelli differenti għat-tibdil li huwa inevitabbli (adattament);

3.

jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Konferenza Rio+20, li jistqarru li l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa prijorità globali immedjata u urġenti u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskji li joriġinaw minn diżastri naturali u għall-adattament għat-tibdil fil-klima jridu jiġu integrati u kkoordinati aħjar (6). Madankollu, il-Kumitat jinnota li l-piż ta’ din il-prijorità globali taqa’ fuq il-livell lokali f’termini tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-ġestjoni u l-prevenzjoni tar-riskju, kif ukoll il-ħsara lill-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà u l-identità kulturali tal-komunitajiet milquta;

4.

jaħseb li l-adattament fil-livell lokali għandu jitqies mhux bħala reazzjoni temporanja għal sejħa waħdanija iżda bħala aġġustament gradwali u sostenibbli għal għad ta’ fatturi marbutin flimkien. Għaldaqstant il-Kumitat jaqbel mal-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni għall-perjodu 2014-2020 li l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jkun parti ewlenija tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi relatati mal-ħames fondi tal-qafas strateġiku komuni, f’konformità mal-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u fuq livell ugwali mal-protezzjoni ambjentali, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, ir-reżistenza għad-diżastri u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju (7);

5.

jirrimarka li l-impatt tat-tibdil fil-klima mhuwiex l-istess f’kull post u f’kull ħin, u li soluzzjonijiet komuni rari jirnexxu. Għaldaqstant jemmen li strateġiji komuni u miżuri “mingħajr dispjaċir” maqsuma bejn diversi Stati Membri għandhom jiżdiedu magħhom strateġiji msejsa fuq valutazzjonijiet imwettqa fil-livell lokali u reġjonali, speċifiċi għal kull tip ta’ azzjoni, l-iskala (proporzjon) u l-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji;

6.

jieħu nota tal-prezz għoli ħafna tal-effetti tat-tibdil fil-klima, u jinnota wkoll li bejn l-1998 u l-2015 l-awtoritajiet reġjonali refgħu l-piż ta’ madwar terz tal-ispejjeż għall-ħarsien taż-żoni kostali Ewropej (8). Il-Kumitat jaħseb (9) li l-adattament tal-finanzjamenti jibqa’ punt kritiku u kruċjali tal-implimentazzjoni fil-livell lokali.

B.   Rilevanza u l-fatturi speċifiċi tal-adattament fir-reġjuni kostali

7.

Jenfasizza l-vulnerabilità tar-reġjuni kostali għat-tibdil fil-klima  (10); dawn ir-reġjuni diġà huma soġġetti għal pressjoni qawwija minħabba l-konċentrazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi, infrastruttura u ċentri urbani. 12 % tar-reġjuni kostali Ewropej, li jinsabu mill-inqas 10 km mil-linja tal-kosta, huma inqas minn 5 metri ’l fuq mil-livell tal-baħar u għaldaqstant vulnerabbli ħafna għal għargħar, filwaqt li 20 % tar-reġjuni kostali huma soġġetti għal problemi serji ta’ tgħawwir b’telfien stmat ta’ madwar 15 km2 tal-art fis-sena (11); it-tgħawwir huwa meqjus il-kawża ewlenija tat-telfien ta’ ekosistemi kostali bejn l-2000 u l-2006 (65 % tat-telfien totali) (12), filwaqt li xi stimi qed jgħidu li sa l-2100 jista’ jintilef 35 % tal-artijiet mistagħdra tal-UE meta mqabbel mal-livell tal-1995 (13);

8.

jinnota li t-tip ta’ impatt huwa differenti skont ir-reġjun. Fil-Baħar Baltiku hija l-fawna marina li aktarx tista’ tiġi affettwata miż-żieda prevista fit-temperatura tal-baħar; reġjuni tal-Baħar tat-Tramuntana u r-reġjuni kostali tal-Atlantiku huma iktar esposti għar-riskju ta’ għargħar minħabba li jogħla l-livell tal-baħar; fil-Mediterran l-ikbar riskju huwa t-tgħawwir u l-iskarsezza tal-ilma ħelu minħabba l-intrużjoni tal-ilma mielaħ u l-perjodi twal ta’ nixfa; it-tgħawwir huwa problema wkoll fil-Baħar Iswed, filwaqt li żoni periferiċi ġeneralment huma vulnerabbli għat-tipi kollha ta’ impatt, mill-għargħar san-nixfiet kif ukoll avvenimenti estremi bħaċ-ċikluni (14). L-impatt se jvarja wkoll skont il-livell ta’ vulnerabilità u l-kapaċità naturali ta’ reazzjoni tas-sistemi, u l-istruttura ta’ sistemi tal-bniedem bħall-organizzazzjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa jew mekkaniżmi għall-waqfien (jew it-twissija) tar-riskji ta’ diżastri naturali, inklużi tsunamis;

9.

jenfasizza d-dimensjonijiet tal-problema fil-livell Ewropew, b’447 reġjun kostali fi 22 Stat Membru u 6 baċiri marittimi ewlenin. 41 % tal-popolazzjoni Ewropea tgħix f’dawn ir-reġjuni, proporzjon li jikkorrispondi għal 41 % tal-popolazzjoni attiva tal-UE (15). 3,5 % tal-PDG tat-22 pajjiż b’reġjuni kostali, ekwivalenti għal EUR 3,5 triljun, jinħoloq sa 50 km mill-kosta, u l-valur tal-assi ekonomiċi li jinsabu sa 500 metru mil-linja tal-kosta huwa stmat bejn EUR 500-1 000 biljun (16). Dan kollu jenfasizza l-importanza tar-reġjuni kostali f’termini produttivi u l-valur ekonomiku u soċjali tagħhom għall-iżvilupp tal-koeżjoni territorjali, valuri li huwa neċessarju li jitħarsu u jissaħħu fil-proċess ta’ adattament għat-tibdil fil-klima;

10.

għaldaqstant huwa konvint dwar l-urġenza ekonomika u soċjali li jiġi promoss l-adattament fir-reġjuni kostali, mhux l-inqas fid-dawl tal-piż ikbar li jiġi min-nuqqas ta’ azzjoni u minkejja l-kriżi tad-dejn sovran li għada għaddejja f’xi pajjiżi taż-żona tal-euro. Studji reċenti (17) jindikaw li n-nuqqas li jingħata ħarsien addizzjonali meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-1995 se jiswa lill-UE medja ta’ EUR 11,7 biljun fis-sena mill-2041 sal-2070 u EUR 17,4 biljun fis-sena mill-2071 sal-2100; l-għadd ta’ nies esposti għar-riskju tal-għargħar kull sena jista’ jiżdied minn madwar 40 000 u 80 000 tul l-istess perjodi ta’ referenza. Min-naħa l-oħra, il-prezz annwali ta’ adattament huwa stmat li jilħaq madwar EUR 1 biljun fil-perjodu 2041-2070 u EUR 0,7 biljun fil-perjodu 2071-2100, u b’hekk jidher li l-benefiċċji ta’ adattament jeċċedu bil-kbir l-piż li jinħoloq jekk “ma titeħħidx azzjoni”. Barra minn hekk, il-Kumitat josserva li l-istess riċerka tissuġġerixxi l-bżonn ta’ adattament indipendenti mit-tibdil fil-klima, bħala konsegwenza tal-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni kostali u b’hekk taż-żieda fil-valur tal-prodotti u investimenti li għandhom jitħarsu;

11.

jenfasizza wkoll li l-ispejjeż, kemm tal-ħsara li ssir u ta’ adattament, ivarjaw b’mod ċar bejn l-Istati Membri f’proporzjon mal-PDG u li l-gżejjer b’mod partikolari jridu jiffaċċjaw spejjeż ogħla meta jimplimentaw miżuri reġjonali minħabba s-sitwazzjoni ġeografika partikolari tagħhom;

12.

jirrimarka li r-reġjuni kostali jospitaw ħabitats naturali importanti u jikkontribwixxu għall-preżervazzjoni tal-bijodiversità  (18) , il-pajsaġġ, ekosistemi delikati bħal, pereżempju, iż-żoni ta’ artijiet mistagħdra, u l-użu ta’ servizzi tal-ekosistemi, li s-salvagwardja tagħhom hija l-bażi tal-attrazzjoni u s-sostenibilità ekonomika ta’ dawn ir-reġjuni kif ukoll l-identità kulturali tagħhom; jinnota barra minn hekk kif in-netwerk NATURA 2000 jipproteġi proporzjon sinifikanti taż-żoni kostali (19) u marittimi;

13.

jenfasizza l-kumplessità u l-multidixxiplinarjetà tal-adattament fir-reġjuni kostali. Dawn ir-reġjuni, fil-fatt, huma fl-interfaċċja bejn sistemi terrestri (ċentri urbani, industriji, agrikoltura, foresti, xmajjar) u marittimi (sajd, akwakultura, attivitajiet portwarji, trasport marittimu, turiżmu); barra minn hekk, għandhom kompetenzi ta’ ġestjoni (pereżempju r-riskji ta’ għargħar, il-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb jew għall-użu tal-art) li ta’ sikwit huma distribwiti fuq diversi livelli ta’ governanza (20).

C.   Approċċ Ewropew, sussidjarjetà u proporzjonalità

14.

jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xewqa tal-Kummissjoni li tiddefinixxi strateġija integrata fil-livell Ewropew u strumenti komuni ta’ adattament u huwa konvint li approċċ Ewropew ta’ adattament għat-tibdil fil-klima li diġà qed iseħħ u dak fil-ġejjieni jista’ jżid valur lill-intervent tal-Istati Membri jew tal-awtoritajiet territorjali mingħajr ma jmur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà, anke meta wieħed iqis il-fatt li l-effetti tat-tibdil fil-klima huma ta’ natura transkonfinali;

15.

madankollu jaħseb li l-istrateġija Ewropea ta’ adattament futura jrid ikollha livell ta’ dettall suffiċjenti li tinkludi d-diversità reġjonali f’termini ta’: (i) it-tip ta’ impatt; (ii) il-livell ta’ riskju u ta’ effetti fit-tul; (iii) il-kundizzjonijiet ekonomiċi (pereżempju l-assi u r-riżorsi fir-riskju); (iv) l-istruttura soċjali (pereżempju d-densità tal-popolazzjoni u l-kapaċitajiet tas-sistemi tal-bniedem); u (v) il-karatteristiċi strutturali (pereżempju, sitwazzjoni periferika jew żvantaġġi bħal vulnerabilità kbira għat-tibdil fil-klima taż-żoni kostali u l-gżejjer, barra mir-reġjuni muntanjużi (21) u r-reġjuni ultraperiferiċi);

16.

barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni li jkun opportun li l-istrateġija futura tidentifika miżuri ta’ adattament, fuq livell ugwali mal-istrumenti ta’ finanzjament, li jkunu flessibbli biżżejjed biex jadattaw għad-diversità reġjonali minn naħa, u min-naħa l-oħra għall-iżvilupp kontinwu tal-proċess ta’ adattament; barra minn hekk, dawn il-miżuri għandhom ikunu allinjati mal-interventi ta’ mitigazzjoni sabiex ma jwasslux għal adattament żbaljat li jista’ jżid il-produzzjoni ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jew iwassal għal iktar vulnerabilità;

17.

jaħseb li r-rwol Ewropew f’dak li jirrigwarda l-adattament tar-reġjuni kostali jrid jimmira fuq inizjattivi ta’: (i) koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ governanza fejn l-impatt jew il-miżuri għandhom dimensjoni transkonfinali; (ii) taħriġ; (iii) tqajjim ta’ koxjenza sabiex jimtlew il-lakuni, li fil-każ taż-żoni kostali ta’ spiss jimplika dinamiki kumplessi u l-bżonn ta’ approċċi multidixxiplinarji; (iv) tixrid tal-għarfien, ta’ prattiki tajba u ta’ xempji ta’ suċċess; (v) appoġġ tekniku u finanzjarju għat-tfassil ta’ strateġiji integrati ta’ adattament lokali u reġjonali, u għall-implimentazzjoni tagħhom; (vi) riċerka u żvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ adattament; (vii) definizzjoni u appoġġ tekniku-finanzjarju ta’ programm ta’ kooperazzjoni transnazzjonali għall-adattament fil-livell makroreġjonali;

18.

jaħseb ukoll li l-Kummissjoni jrid ikollha rwol determinanti fil-koordinazzjoni u l-valutazzjoni tal-għadd imdaqqas ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ investiment kofinanzjati mill-fondi Ewropej, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, u jintuża l-potenzjal ta’ sinerġiji, u jiġu favoriti t-tixrid u l-applikazzjoni fuq skala kbira tal-aqwa soluzzjonijiet u strumenti; f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura l-koordinazzjoni ta’ miżuri konġunti tal-pajjiżi ġirien jew tar-reġjuni kostali kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti ta’ riċerka u ta’ investiment;

19.

itenni (22) l-bżonn li tiġi segwita koerenza ikbar bejn il-politiki Ewropej, b’mod partikolari ma’ dik ambjentali; jinnota, pereżempju, li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (92/43/KEE) u l-Għasafar (79/409/KEE) tista’ tkun fil-periklu mill-interventi ta’ adattament, fuq kollox jekk ikunu ta’ natura infrastrutturali, u kemm huwa importanti, f’dan il-kuntest, li jitwaqqfu mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni lokali effikaċi u trasparenti sabiex jiġu determinati l-interventi ta’ rkupru u/jew kumpens għal dawk is-siti ta’ interess Komunitarju li se jintlaqtu minn impatti negattivi jew isirilhom ħsara minħabba interventi ta’ adattament;

20.

jirrikonoxxi kif l-istrument tal-istrateġija integrata għall-immaniġġjar tal-ilmijiet kostali (ICZM) fundamentalment qiegħed hemm biex jiffaċilita l-integrazzjoni tal-politiki fiż-żoni kostali, fuq kollox minħabba kwistjonijiet li s’issa għadhom ma ġewx indirizzati għal kollox, bħat-tgħawwir, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-infrastruttura ekoloġika; u biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali bejn atturi lokali, pereżempju permezz ta’ inizjattivi bħas-Sardinia Charter fil-baċir tal-Mediterran (23). Għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon il-proċess ta’ reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2002 li jqis il-qafas politiku Ewropew l-iżjed strutturat definit f’dawn l-aħħar snin għall-ġestjoni taż-żoni marittimi u kostali (24). F’dan ir-rigward, jittama li din ir-reviżjoni tkun l-okkażjoni biex ssir enfasi akbar fuq l-istrument ICZM dwar il-proċessi ta’ adattament;

21.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-prospettiva li l-appoġġ finanzjarju Ewropew jiżdied b’mod sinifikanti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għall-perjodu 2014-2020, b’mill-inqas 20 % tal-ispiża totali ddedikata għall-azzjoni fuq il-klima, iżda jenfasizza l-bżonn li: tiġi żgurata proporzjonalità ugwali u realistika fit-tqassim tal-kompetenzi ta’ finanzjament bejn il-livelli differenti ta’ governanza, anke filwaqt li jitqiesu d-diffikultajiet ekonomiċi attwali tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, kif ukoll b’rispett għall-prinċipji tal-komplementarjetà u tal-addizzjonalità; u li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ riżorsi alternattivi;

22.

f’dan ir-rigward jipproponi mill-ġdid (25) li parti mid-dħul ġej mill-Iskema ta’ Skambji ta’ Emissjonijiet tal-UE jrid ikun disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ adattament (u mitigazzjoni); jittama wkoll li l-Kummissjoni tfassal rakkomandazzjonijiet għall-involviment tas-settur privat, inklużi l-kumpaniji tal-assikurazzjoni, fil-valutazzjoni u t-tqassim tar-riskji u t-tqajjim ta’ koxjenza.

D.   Kundizzjonijiet għall-indirizzar tal-isfidi u proposti għal soluzzjonijiet ta’ adattament

23.

Jenfasizza kemm huwa importanti li l-proċess ta’ adattament ma jitqiesx biss mil-lat tal-ispejjeż iżda fuq kollox mill-aspett tal-opportunitajiet u l-benefiċċji li jġib miegħu meta mqabbel man-nuqqas ta’ azzjoni, u jinsisti (26) li għandu jitqies bħala wieħed mill-istrumenti ta’ żvilupp potenzjali tal-ekonomiji reġjonali kompetittivi u ekoloġiċi; madankollu jenfasizza li l-premessa hija li jkun hemm governanza lokali li taf bir-riskji u l-effetti tat-tibdil fil-klima, u li hija kompetenti fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, kif ukoll kapaċi li timplimenta fil-livell lokali l-integrazzjoni ta’ politiki u interventi sabiex ikollha aċċess għall-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli;

24.

filwaqt li jinnota r-rwol attiv ta’ diversi reġjuni fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, jirrimarka li hemm periklu ġenerali ta’ nuqqas ta’ għarfien dwar kemm hi gravi l-problema. Għaldaqstant isostni li huwa importanti li jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni li juru r-rabta bejn il-kawża u l-effetti fir-rigward tat-tibdil fil-klima u l-problemi li qed jiġu affaċċjati fit-territorju, pereżempju nuqqas ta’ ilma, tnaqqis fit-tul tax-xatt, mewġiet ta’ sħana, għargħar u valangi; u li fl-istess waqt tista’ tingħata informazzjoni kif ukoll eżempji prattiċi ta’ suċċess fl-applikazzjoni tal-istrumenti disponibbli għal proċess ta’ adattament, u mitigazzjoni (27);

25.

iqis fundamentali l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew għall-ħolqien fil-livell territorjali tal-kapaċità u l-flessibilità neċessarja sabiex jiġi ġestit l-adattament, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat. Pereżempju, ikun f’waqtu li tissaħħaħ il-governanza lokali sabiex jiġu integrati l-istrateġiji ta’ adattament fil-politiki settorjali ta’ kompetenza jew sabiex jiġi vantaġġjat l-iżvilupp ta’ leġislazzjoni territorjali adegwata. Min-naħa l-oħra, il-kompetenzi fil-qasam tal-proġetti u tal-bini tas-settur privat iridu jinbidlu skont il-bżonnijiet ġodda li jinħolqu mill-politiki integrati u multidixxiplinarji (28);

26.

jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi aħjar u tiżviluppa iżjed, anke abbażi ta’ esperjenzi ta’ proġetti waħdanin: (i) strumenti ta’ mmappjar sabiex ikunu disponibbli data u informazzjoni fuq bażi ġeografika u fuq skala li hija utli għall-appoġġ tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali; (ii) qafas ċar u komuni ta’ referenza għall-valutazzjoni tal-vulnerabilità, tal-impatti u tar-riskji; u (iii) linji gwida għat-tfassil ta’ strateġiji lokali ta’ adattament fir-reġjuni kostali li jqisu l-ħtieġa għal interventi multidixxiplinarji u l-aspetti marbuta ma’ governanza fuq diversi livelli f’dawn l-oqsma;

27.

iqis adatt b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ vulnerabilità għar-reġjuni kostali u ta’ strumenti, ibbażati fuqhom, għall-analiżi tal-vulnerabilità. Dawn l-indikaturi, flimkien mal-previżjoni taż-żmien mistenni tal-avvenimenti u l-indikazzjoni tal-kapaċità ta’ adattament, jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-identifikar u d-definizzjoni tal-prijoritajiet ta’ intervent fit-territorju, b’mod li r-riżorsi jkunu jistgħu jiġu kkonċentrati fejn hemm l-ikbar bżonn;

28.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-iżvilupp ta’ pjattaformi informattivi bħal CLIMATE-ADAPT, iżda jenfasizza li jkun opportun li titjieb l-aċċessibilità tal-kontenut għall-utenti aħħarin fir-rispett tal-prinċipji ta’ Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali (29), pereżempju billi l-informazzjoni tiġi tradotta f’għadd biżżejjed ta’ lingwi; barra minn hekk, iqis adatt li jiġi kkunsidrat fil-pjattaforma l-iżvilupp ta’ sezzjoni ddedikata għall-finanzjament tal-adattament fil-livell lokali u reġjonali u ta’ bażi tad-data tal-investimenti;

29.

jirrimarka l-importanza li r-riċerka tiġi kapitalizzata iżjed: sabiex tkun tista’ tirreaġixxi aħjar skont il-bżonnijiet tal-politika territorjali, pereżempju permezz tat-twaqqif ta’ strateġiji ta’ adattament u ta’ miżuri effiċjenti mil-lat ekonomiku għaliex mibnija fuq realtajiet lokali u reġjonali speċifiċi; u tgħin fil-ħolqien jew it-tisħiħ, fejn diġà jeżistu, ta’ mekkaniżmi ta’ djalogu u/jew sħubija bejn ix-xjenza, il-politika u, safejn huwa possibbli, is-soċjetà ċivili, pereżempju permezz tal-parteċipazzjoni konġunta fi proġetti Ewropej;

30.

itenni (30) li għar-reġjuni kostali hija fundamentali l-koordinazzjoni tal-politiki adottati, bħalma hi l-eżistenza tar-riċerka mmirata u l-valutazzjoni tal-effetti f’żoni konfinali jew transkonfinali, sabiex il-problema ma tiġix trasferita sempliċiment minn unità territorjali għal oħra. Approċċ parteċipattiv fl-identifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri u l-parteċipazzjoni tal-atturi sinifikanti kollha jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ interventi koerenti mil-lat territorjali;

31.

jaħseb li l-prezz tal-adattament u n-nuqqas ta’ kapaċità li wieħed jifhem l-opportunitajiet u l-benefiċċji potenzjali jirrappreżentaw ostaklu ewlieni għall-preparazzjoni ta’ strateġiji lokali u iktar minn hekk, l-implimentazzjoni tagħhom. Għaldaqstant jinnota li t-twaqqqif ta’ strumenti kapaċi jivvalutaw kemm l-ispejjeż kif ukoll il-benefiċċji tal-adattament jista’ jimbotta b’mod effettiv dawk il-proċessi politiċi lokali u reġjonali li huma l-bażi tal-ippjanar u tal-intervent fit-territorju u joħloq il-kundizzjonijiet għad-definizzjoni tal-istrateġiji li huma l-iżjed effiċjenti mil-lat ekonomiku;

32.

huwa konvint li anke b’kapaċitajiet, għarfien u appoġġ xjentifiku adegwati, in-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji fil-livell lokali u reġjonali qed jostakola azzjonijiet effettivi; b’hekk jaħseb li huwa neċessarju li jiġu stabbiliti metodi ta’ finanzjament dirett tal-interventi fit-territorju permezz ta’ strumenti ta’ sħubija, pereżempju LIFE+ u l-programm Orizzont 2020; strumenti tas-suq bħall-ħlas għas-servizzi tal-ekosistemi jew il-profitt li jista’ jinkiseb mill-Iskema ta’ Skambji ta’ Emissjonijiet; u strumenti fiskali bħall-inċentivi;

33.

josserva li huwa neċessarju li jsir rimedju għan-nuqqas ta’ flessibilità tal-interventi ta’ adattament, pereżempju billi jiġu preferuti strateġiji riversibbli, b’miżuri “rotba” minflok “ebsin” (pereżempju sistema ta’ twissija iżjed effiċjenti minflok xogħlijiet infrastrutturali kbar), jew billi jiġi promoss l-iżvilupp ta’ “infrastrutturi ekoloġiċi” li l-għan tagħhom li l-ħabitats naturali jerġgħu lura għal li kienu huwa l-bażi ta’ approċċ ta’ ekosistema ta’ adattament;

34.

b’rabta ma’ dan, jinnota li l-ICZM saret obbligatorja għall-Istati Membri tal-baċir tal-Mediterran bid-dħul fis-seħħ, f’Marzu 2011, tal-Protokoll dwar ICZM tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, u li l-protokoll jagħmel referenza speċifika għall-użu ta’ approċċ ta’ ekosistema sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-ixtut (31); jinnota li l-istrateġija tal-UE tal-bijodiversità (32) tqis l-approċċi ta’ ekosistema bħala alternattivi effikaċi mil-lat ekonomiku għal soluzzjonijiet teknoloġiċi ta’ adattament u mitigazzjoni u jistenna bil-ħerqa l-kontribuzzjonijiet li jistgħu jiġu inklużi fi strateġija Ewropea futura għall-infrastrutturi ekoloġiċi fi proċess ta’ adattament fil-livell tar-reġjuni kostali.

E.   Kontribuzzjoni istituzzjonali tal-korpi lokali u reġjonali u l-kooperazzjoni internazzjonali

35.

Jitlob li min-naħa tal-Kummissjoni ssir konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ikun hemm iċ-ċertezza li l-proposta ta’ strateġija Ewropea ta’ adattament tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li jkun fiha enfasi qawwija biżżejjed u biżżejjed dettalji dwar il-livell lokali, b’mod speċjali fir-rigward taż-żoni l-iżjed vulnerabbli, jiġifieri dawk kostali, il-gżejjer u r-reġjuni muntanjużi;

36.

huwa konvint li jista’ jkollu rwol attiv fl-iżvilupp ta’ pjattaformi informattivi pereżempju CLIMATE-ADAPT u OURCOAST, b’mod partikolari sabiex jikkontribwixxi u jiffokalizza l-kontenut ta’ dawn il-pjattaformi lejn il-ħtiġijeit u l-ispeċifiċitajiet lokali, u b’hekk jiżdiedu l-benefiċċji pubbliċitarji għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

37.

itenni (33) li jkun opportun li jiġi kkonsultat b’mod regolari dwar in-negozjati Ewropej u internazzjonali fil-qasam tal-klima, u għaldaqstant jittama li: (i) jipparteċipa fi grupp ta’ ħidma Ewropew dwar l-adattament li jimmira l-attenzjoni tiegħu fuq żoni bi żvantaġġi permanenti, fosthom dak ikkawżat mill-effetti tat-tibdil fil-klima, u għaldaqstant ikopri ż-żoni kostali, il-ġżejjer u r-reġjuni muntanjużi u r-reġjuni ultraperiferiċi; u (ii) jiġi akkredikat bħala osservatur fi ħdan il-Kumitat ta’ Adattament (34);

38.

huwa konvint li huma meħtieġa aktar solidarjetà u interazzjoni bejn ir-reġjuni, sabiex jintużaw l-għarfien u l-esperjenzi miksuba mill-awtoritajiet lokali u reġjonali rigward il-proċess ta’ adattament, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak internazzjonali. Għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon dawk l-inizjattivi li jistabbilixxu impenji komuni għall-gvernijiet lokali, bħad-Durban Adaptation Charter, li jippromovu sħubijiet innovattivi, bħall-Approċċ Territorjali għat-Tibdil fil-Klima (35); jew li jimmiraw lejn il-ħolqien ta’ network ta’ skambju, kooperazzjoni u qsim ta’ teknoloġiji li huma ekokompatibbli, bħall-Climate Technology Centre and Network (36).

Brussell, 10 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  IPCC, 2012: Managing the Risks of Extreme Events and Disasters to Advance Climate Change Adaptation. A Special Report of Working Groups I and II of the Intergovernmental Panel on Climate Change.

(2)  :‘The practice of identifying options to adapt to climate change and evaluating them in terms of criteria such as availability, benefits, costs, effectiveness, efficiency, and feasibility’; : ‘In human systems, the process of adjustment to actual or expected climate and its effects, in order to moderate harm or exploit beneficial opportunities. In natural systems, the process of adjustment to actual climate and its effects; human intervention may facilitate adjustment to expected climate’ (definizzjonijiet mill-glossarju inkluż fid-dokument imsemmi fin-nota nru 1 ta’ qiegħ il-paġna).

(3)  CdR 118/2007 fin, CdR 72/2009 fin.

(4)  COM(2007) 354 final; COM(2009) 147 fin; Memorandum of Understanding bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-UNEP, 21 ta’ Ġunju 2012.

(5)  Ftehim ta’ Cancún, 2010: http://cancun.unfccc.int/.

(6)  : dokument adottat waqt Rio+20 fid-19 ta’ Ġunju 2012.

(7)  COM(2011) 615 final/2 tal-14.03.2012.

(8)  Policy Research Corporation (2009), The economics of climate change adaptation in EU coastal areas.

(9)  CdR 72/2009 fin.

(10)  Ir-reġjuni kostali huma definiti bħala unitajiet territorjali tat-tielet livell (NUTS3) b’linja kostali u b’minimu ta’ nofs il-popolazzjoni li tgħix mill-inqas ħamsin kilometru mill-baħar. Anke l-belt ta’ Hamburg hija reġjun kostali, minkejja li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, għaliex titqies li hija influwenzata b’mod qawwi mill-preżenza tal-baħar.

(11)  Data tal-EEA u l-proġett Eurrosion in Policy Research Corporation (2009), The economics of climate change adaptation in EU coastal areas.

(12)  EEA (2010), 10 Messages for 2010 – Coastal ecosystems.

(13)  Brown S., Nicholls R.J., Vafeidis A., Hinkel J., u Watkiss P. (2011). Il-European Science Foundation jestima t-telfien ta’ artijiet mistagħdra minħabba t-tibdil fil-klima fuq livell ta’ madwar 17 % mal-kosta tal-Atlantiku, 31-100 % mal-kosta tal-Mediterran u 84-98 % mal-kosta tal-Baltiku (sors: Kummissjoni Ewropea, DĠ ENV (2012), LIFE u ġestjoni tal-kosta).

(14)  Policy Research Corporation (2009), The economics of climate change adaptation in EU coastal areas.

(15)  , Chapter 13 – coastal regions.

(16)  Policy Research Corporation (2009), The economics of climate change adaptation in EU coastal areas.

(17)  ClimateCost (the Full Costs of Climate Change): http://www.climatecost.cc/home.html. In Brown S., Nicholls R.J., Vafeidis A., Hinkel J., and Watkiss P. (2011). Id-data tirriferi għax-xenarju ta’ “stabilizzazzjoni” ENSEMBLES E1 (van der Linden and Mitchell, 2009: Lowe et al., 2009a), li jassumi żieda fil-livell tal-baħar ta’ 18 cm fl-2050 u 26 cm fl-2080 u jassumi li t-temperaturi jogħlew b’inqas minn 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, jiġifieri li jkunu effikaċi l-politiki globali attwali implimentati biex jitnaqqsu l-effetti tat-tibdil fil-klima. Dan ix-xenarju jippermetti li jintlaħaq bilanċ iktar favorevoli bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji.

(18)  Id-Direttiva dwar il-Ħabitat telenka fl-annessi tagħha 50 tip ta’ ħabitat kostali u 150 speċi (barra mill-għasafar) li jippreferixxu ekosistemi kostali (sors: EEA (2010), 10 Messages for 2010 – Coastal ecosystems).

(19)  Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2010), 10 Messages for 2010 – Coastal ecosystems.

(20)  Policy Research Corporation (2009), The economics of climate change adaptation in EU coastal areas.

(21)  CdR 89/2012 fin.

(22)  CdR 118/2007 fin.

(23)  Miftiehma f’Alghero, Sardenja, f’Lulju 2008, il-Karta tiddefinixxi l-prinċipji u l-objettivi ta’ netwerk ta’ djalogu u l-kondiviżjoni fil-Mediterran tal-inizjattivi tal-ICZM Mediterranean Dialogue.

(24)  B’mod partikolari, il-Politika Marittima Integrata (COM(2007) 575) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE).

(25)  CdR 269/2011 fin; CdR 5/2011 fin; CdR 245/2010 fin; CdR 72/2009 fin.

(26)  CdR 118/2007 fin.

(27)  Eżempju ta’ prodott dedikat għall-kampanja globali “Making Cities Resilient – My City is Getting Ready” www.unisdr.org/campaign huwa l-fuljett “How To Make Cities More Resilient”, li huwa indirizzat speċifikament lill-kapijiet tal-gvern lokali u li joffri introduzzjoni strutturata għat-tnaqqis tar-riskju u għall-kapaċitajiet ta’ reazzjoni, iżda li jinkludi wkoll eżempji ta’ prattika tajba u indikazzjonijiet tal-strumenti li huma disponibbli fil-preżent.

(28)  CdR 72/2009 fin.

(29)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitar Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS), COM(2008) 46 final.

(30)  CdR 118/2007 fin.

(31)  Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2010), 10 Messages for 2010 – Coastal ecosystems.

(32)  COM(2011) 244 final.

(33)  CdR 269/2011 fin.

(34)  Il-Kumitat ta’ Adattament inħoloq fil-qafas tal-Ftehimiet ta’ Cancún sabiex joffri lill-partijiet tal-konvenzjoni UNFCCC appoġġ tekniku, servizzi ta’ gwida, skambju ta’ għarfien u prattiki tajba, u sinerġiji.

(35)  Territorial Approach to Climate Change – TACC.

(36)  Climate Technology Centre and Network: http://unfccc.int/ttclear/jsp/CTCN.jsp.


Top