EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE1841
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on key information documents for investment products’ COM(2012) 352 final — 2012/0169 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment” COM(2012) 352 final — 2012/0169 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment” COM(2012) 352 final — 2012/0169 (COD)
OJ C 11, 15.1.2013, p. 59–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 11/59 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment”
COM(2012) 352 final — 2012/0169 (COD)
2013/C 11/13
Relatur: is-Sur IOZIA
Nhar l-10 ta’ Settembru 2012 u nhar il-11 ta’ Settembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment
COM(2012) 352 final – 2012/0169 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ottubru 2012.
Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 voti favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Proposta għal Regolament imressqa mill-Kummissjoni u jemmen li din hi konsistenti mal-impenji li ttieħdu biex jimtela l-vojt leġislattiv Ewropew f’dik li hi protezzjoni tal-investituri fil-livell ta’ konsumatur (retail investors). |
1.2 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ att leġislattiv li għall-ewwel darba jirregola kull tip ta’ prodott finanzjarju kumpless u jiżgura l-paragunabbiltà tagħhom irrispettivament min-natura tal-manifatturi tagħhom, kemm jekk dawn ikunu banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni jew kumpaniji ta’ investiment, u japprezza l-isforz tal-Kummissjoni biex issib soluzzjonijiet bilanċjati li jkunu jistgħu jiġu applikati fl-istess ħin minn kulħadd. |
1.3 |
F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE talab li jiġu adottati rekwiżiti uniformi ċari, sempliċi u paragunabbli. Għalhekk, jilqa’ b’mod pożittiv ir-Regolament u jittama li l-kummenti mressqa f’din l-Opinjoni jiġu aċċettati sabiex ir-Regolament isir iżjed ċar u jiġi infurzat u applikat minnufih. |
1.4 |
Minkejja l-ammont kbir ta’ regolamentazzjoni maħruġa fl-aħħar tliet snin, il-KESE jinnota li għadhom ma nkisbux żewġ għanijiet fundamentali, jiġifieri li tiġi rkuprata għalkollox l-integrità sħiħa fis-suq u li s-suq ikun verament integrat u miftuħ għall-atturi kollha. B’xorti ħażina, l-iskandli finanzjarji reċenti wrew li għad trid tittieħed azzjoni determinata u deċiżiva min-naħa tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali biex jagħmluha verament impossibbli li jitwettqu aktar attivitajiet li jikkawżaw telf enormi għal min ifaddal, bħal fil-każ tal-manipulazzjoni tal-Libor. Qed ikompli jkun hemm ostakli li jxekklu t-twettiq sħiħ tas-suq intern, sabiex titħares il-pożizzjoni vantaġġuża tal-kumpaniji nazzjonali. Ma sarux passi sinifikanti ’l quddiem fir-rigward tas-self ipotekarju, il-paragunabbiltà u t-trasparenza tal-prezzijiet tal-kontijiet kurrenti u tas-servizzi prinċipali, il-kontenut tal-prodotti bażiċi, l-aċċess ta’ ċerti kategoriji żvantaġġati għas-servizzi bankarji, l-azzjonijiet kollettivi, ir-rikonoxximent tal-kapaċità tal-assoċjazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi li jaġixxu, il-protezzjoni tal-kuntratti transkonfinali u l-proċeduri armonizzati ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, għalkemm għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni qed taħdem biex timla l-vojt leġisltattiv eżistenti. |
1.5 |
Il-KESE jinnota li ma ġie previst xejn rigward il-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet fuq manifatturi minn pajjiżi terzi, li diffiċli jittieħdu passi legali kontrihom meta ma jirrispettawx ir-regoli Ewropej. F’dan il-każ jissuġġerixxi li jkunu l-intermedjarji li jerfgħu l-piż u r-responsabbiltà f’każ li jinkiser ir-Regolament. Barra minn hekk, għandu jiġi propost li l-pajjiżi terzi fejn jinsabu l-kwartieri taċ-ċentri finanzjarji ewlenin jadottaw regoli simili u li dawn jiġu integrati fil-linji gwida mħejjija mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB – Financial Stability Board). |
1.6 |
Il-KESE, filwaqt li jifhem ir-raġunijiet tal-Kummissjoni rigward il-koeżistenza tad-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni (KID – Key Information Document) propost f’dan ir-Regolament u d-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għall-Investitur (KIID – Key Investor Information Document) previst fid-Direttiva 2009/65/KE u inserit fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 583/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010, jemmen li hemm bżonn jiġi evalwat jekk hux opportun li jinżammu żewġ dokumenti differenti għall-investimenti finanzjarji, u jissuġġerixxi li fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-prodotti ta’ investiment il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tipproponi l-fużjoni taż-żewġ mudelli differenti billi tadatta r-rekwiżiti tal-UCITS għal dawk tal-KID. |
1.7 |
Il-KESE ma jaqbilx mal-għażla tal-Kummissjoni li tuża atti delegati għal elementi essenzjali tar-regolamentazzjoni, liema elementi għandhom jiġu infurzati hekk kif jinħareġ ir-Regolament. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(2) jħalli prattikament 90 % tar-regolamentazzjoni għall-atti delegati: id-dettalji tal-preżentazzjoni u l-kontenut ta’ kull wieħed mill-elementi tal-informazzjoni ewlenija li trid tiddaħħal fid-dokumenti, tal-kontenut addizzjonali possibbli u tal-format komuni. Id-delega mitluba fl-Artikolu 10(2) tikkonċerna l-kontenut u l-modalitajiet tal-analiżi tal-informazzjoni u r-reviżjonijiet possibbli. Fl-aħħar nett, id-delega mitluba fl-Artikolu 12(4) tikkonċerna l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġi pprovdut id-dokument u l-metodu flimkien mal-limitu ta’ żmien biex jiġi pprovdut id-dokument. |
1.8 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu riveduti dawn il-proposti u l-frażijiet li jistgħu joħolqu konfużjoni u inċertezza, fosthom “f’biżżejjed żmien” u “ma tipperikolax b’mod serju”. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika aħjar il-proċeduri li jridu jiġu adottati f’każ ta’ ksur f’diversi Stati Membri u tiddefinixxi liema awtoritajiet delegati huwa awtorizzati jimponu s-sanzjonijiet, li f’każijiet oħrajn jiġu determinati mill-awtoritajiet superviżorji Ewropej. |
1.9 |
Il-KESE jemmen li l-proposta li ssir fl-Artikolu 15 dwar l-istrumenti alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandha tiġi armonizzata mas-soluzzjonijiet imressqa fil-qafas tar-reviżjoni tal-Proposta għal Direttiva dwar l-ADR (COM(2011) 793 final) u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ soluzzjoni onlajn għat-tilwim tal-konsumaturi permezz ta’ Regolament (COM(2011) 794 final), li dwarhom il-KESE diġà ħareġ opinjoni (1). Fl-Artikolu 11 il-Kummissjoni għandha ssemmi b’mod espliċitu l-possibbiltà li jkun hemm azzjonijiet kollettivi jew fi grupp f’każ ta’ mġiba ħażina. |
1.10 |
Il-KESE jissuġġerixxi li t-test tar-Regolament jinkludi referenza għad-dritt ta’ rtirar ta’ min jixtri l-prodotti finanzjarji mill-bogħod, liema dritt hu previst mid-Direttiva MiFID u mil-leġislazzjoni eżistenti. |
1.11 |
Il-KESE jemmen li għandha tiġi diskussa l-possibbiltà li l-KIDs tal-prodotti finanzjarji jitpoġġew f’portal wieħed. Dan jiffaċilita l-paragunabbiltà bejn il-prodotti differenti u jiżgura l-aħjar trasparenza fis-suq. |
1.12 |
Il-KESE ma jaqbilx mad-derogi proposti rigward l-għoti tal-KID. Għall-kuntrarju ta’ dan, huwa jemmen li d-deroga prevista għall-bejgħ mill-bogħod għandha mingħajr dubju titneħħa filwaqt li għandha ssir riflessjoni fil-fond dwar l-oħrajn. Qabel ma jsir akkwist minn fuq it-telefon, il-klijent tal-bank jew tal-kumpanija tal-assigurazzjoni għandu jirċievi l-KID fil-ħin opportun. |
1.13 |
Il-KESE jemmen li fil-lista tal-kontenut tal-KID jeħtieġ li tiżdied ukoll l-ispiża reali għall-utent finali. |
2. Sinteżi tal-Proposta
2.1 |
Il-Proposta għal Regolament analizzata hawnhekk hija dwar it-titjib tat-trasparenza fis-suq tal-investimenti għall-investituri fil-livell ta’ konsumatur. Bħalissa m’hemmx regoli ċari li jiddefinixxu r-rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni, u l-investituri m’għandhomx il-possibbiltà li jifhmu sewwa r-riskji li għalihom jiġu esposti l-investimenti tagħhom. |
2.2 |
Fin-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata, sempliċi u li tinfiehem, l-investituri fil-livell ta’ konsumatur jistgħu jħallsu prezzijiet mhux ġustifikati li ma jkunux adatti għall-profili tar-riskju tagħhom, jew inkella jitilfu opportuniajiet oħra ta’ investiment. |
2.3 |
Sistema omoġenea, semplifikata u standardizzata ta’ informazzjoni tiżgura li din l-informazzjoni tkun paragunabbli u tinfiehem filwaqt li żżid it-trasparenza u l-effiċjenza tas-suq. |
2.4 |
Sabiex timla dan il-vojt u abbażi tal-esperjenza miksuba permezz tad-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għall-Investitur għall-UCITS, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi adottat dokument li jkun fih informazzjoni qasira, paragunabbli u standardizzata li jinkiteb mill-manifattur tal-prodotti ta’ investiment. |
2.5 |
Ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti kumplessi kollha, irrispettivament mill-forma jew l-istruttura tagħhom, li jiġu mmanifatturati mill-industrija tas-servizzi finanzjarji biex jipprovdu opportunitajiet ta’ investiment lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur, fejn ir-rendiment offrut lill-investitur ikun espost għall-prestazzjoni ta’ assi, wieħed jew iżjed, jew ta’ valuri referenzjarji li mhumiex rata tal-imgħax. |
2.6 |
Il-KID għandu jinkiteb skont l-indikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament, u l-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tistabbilixxi aktar speċifikazzjonijiet u informazzjoni li għandhom jiġu inklużi permezz ta’ atti delegati. Jekk ma tiġix rispettata l-leġislazzjoni jew ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti, il-manifattur ikun obbligat li jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-investitur fil-livell ta’ konsumatur. |
2.7 |
Ir-Regolament jinkludi l-proċeduri għat-tressiq tal-ilmenti, għar-rimedji u għall-kooperazzjoni attiva u mingħajr dewmien bejn l-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi li jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. |
2.8 |
Id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali jipprevedu, fost affarijiet oħrajn, li l-leġislazzjoni dwar il-KIIDs għall-UCITS ma tinbidilx għal ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Ir-Regolament propost ser jerġa’ jiġi analizzat wara erba’ snin minn meta jidħol fis-seħħ, u hawnhekk jiġi deċiż jekk jinżammux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE (2) li tirrigwarda r-rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni għall-UCITS. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Sa f’Jannar 2008, fl-Opinjoni dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni (3), il-KESE kien talab li jittieħdu miżuri sabiex l-informazzjoni li trid tingħata lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur, b’mod partikolari fil-każ tal-prodotti aggregati u strutturati, tkun ċara, eżawrjenti, essenzjali u trasparenti. |
3.2 |
L-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-iżbilanċ fl-informazzjoni bejn il-manifatturi tal-prodotti finanzjarji u l-investituri fil-livell ta’ konsumatur hija waħda mill-kundizzjonijiet indispensabbli sabiex jinħoloq suq finanzjarju uniku fejn tiċċirkola informazzjoni ċara, preċiża, sempliċi u paragunabbli. Il-Proposta tal-Kummissjoni hija pass fid-direzzjoni t-tajba. |
3.3 |
Il-possibbiltà ta’ arbitraġġ regolatorju bejn regoli inqas stretti u għalja u oħrajn aktar preskrittivi twassal għal distorsjoni fis-suq, u b’hekk jinħolqu fatturi li jxekklu t-twettiq ta’ suq finanzjarju uniku li jkun ġenwin, trasparenti u effiċjenti. |
3.3.1 |
L-adozzjoni ta’ format ta’ informazzjoni standardizzat fl-UE hija indispensabbli sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq transkonfinali integrat. Id-differenzi leġislattivi li jeżistu bħalissa fid-diversi pajjiżi joħolqu vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat għal dawk l-intrapriżi li joperaw f’pajjiżi li ma jipprevedu l-ebda obbligu, fejn jistgħu jipproponu trankwillament prodotti li jista’ jkollhom riskji potenzjali moħbija kbar. |
3.4 |
Għal dawn ir-raġunijiet ġenerali, il-KESE jaqbel kemm mar-referenza għall-Artikolu 114 tat-TFUE kif ukoll mal-għażla li jiġi adottat regolament. Il-KESE kemm-il darba stqarr li hu favur dan l-istrument bħala l-aħjar għażla għar-regolazzjoni fis-settur finanzjarju sabiex jiġu evitati l-fenomenu tar-regolamentazzjoni żejda (gold-plating) u l-fenomenu li jingħażlu biss l-aħjar elementi (cherry-picking), li huma fenomeni tipiċi fit-traspożizzjoni tad-direttivi dwar l-attivitajiet finanzjarji. Jidher li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità hija ġustifikata u motivata. |
3.5 |
Jeħtieġ li tingħata informazzjoni dwar il-gwadanji possibbli, li jinkludu l-kummissjonijiet u t-taxxi li jistgħu jkunu marbutin mal-prodott. Jekk il-prodott finanzjarju jkun ibbażat fuq muniti differenti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ir-riskju tal-kambju u li jitqiesu l-istorja tal-prodott u tal-muniti uffiċjali li l-prodott ikun maħruġ fihom. L-informazzjoni dwar il-prodott għandha tinkludi l-prezz fil-munita oriġinali u l-prezz fil-munita tal-pajjiż fejn jiġi kummerċjalizzat il-prodott. Dan iżid b’mod konsiderevoli l-komprensibbiltà u l-paragunabbiltà għall-investituri fil-livell ta’ konsumatur. |
3.6 |
Il-KESE jemmen li hu indispensabbli li tissaħħaħ l-attività ta’ kontroll min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti sew fil-livell nazzjonali u sew f’dak Ewropew. Huwa mħasseb ferm dwar il-fehma tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet Ewropej m’għandhomx bżonn jissaħħu fid-dawl tar-rwol mogħti lilhom fir-Regolament preżenti. Ir-responsabbiltajiet li jingħataw u li dejjem qed jiżdiedu mhumiex jiġu akkumpanjati minn evalwazzjoni adegwata tar-riżorsi disponibbli. Pereżempju, fid-9 ta’ Ottubru 2012 l-EBA b’kollox kellha 80 persuna biex iwettqu għadd ta’ responsabbiltajiet konsiderevoli. Jekk jiżdiedu r-responsabbiltajiet mingħajr ma jitqies l-istat permanenti ta’ emerġenza li jinsabu fih l-awtoritajiet, jista’ jiġri li dan jiġi interpretat bħala sinjal kontrarju għal dak li tipproponi l-leġislazzjoni analizzata f’din l-Opinjoni. |
3.7 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li kellha r-regolamentazzjoni dwar il-prospetti ta’ informazzjoni għal dawk li investew fil-UCITS. Dan ta spinta konsiderevoli lis-suq fl-Ewropa, u t-trasparenza tal-għodod ta’ informazzjoni (KIID) tejbet l-operat tas-suq. Ir-rekwiżiti li jinsabu fil-KID huma aktar avvanzati u l-Kumitat jittama li jibda jintuża format uniku malajr. |
3.8 |
Il-KESE jiddispjaċih li ma ssir l-ebda referenza għall-implikazzjonijiet b’rabta mal-prodotti tal-pajjiżi terzi u jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq il-bżonn li tinkludi din id-dispożizzjoni b’mod espliċitu fir-Regolament. Fil-każ ta’ dawn il-prodotti, l-intermedjarji għandhom jerfgħu r-responsabbiltà minflok il-manifatturi. |
3.8.1 |
Il-kriżi finanzjarja tal-2007-2009 kienet ikkaratterizzata minn prodotti tossiċi maħluqa mill-istituzzjonijiet finanzjarji Amerikani l-kbar. Ħareġ fid-dieher li l-hekk imsejħa “sub-primes” kienu junk bonds b’riskju għoli immens, u t-tliet aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu l-kbar ilkoll żbaljaw meta ġġudikawhom bħala affidabbli. Sabiex il-prodotti manifatturati f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu jinbiegħu, jeħtieġ li l-bejjiegħa jassumu r-responsabbiltà tal-manifattur tal-prodott, li ma jistax jiġi obbligat direttament mir-Regolament Ewropew biex jinkludi l-KID. |
3.9 |
Il-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju hija problema oħra li dan ir-Regolament jgħin biex tingħeleb. S’issa r-regoli differenti waqqfu l-proċess ta’ integrazzjoni reali tas-swieq nazzjonali, u s-suq transkonfinali qed ibati minħabba dan il-patchwork regolatorju, li jżid l-ispejjeż u jiffavorixxi l-evitar ta’ regoli aktar stretti u aktar iffokati fuq il-ħarsien tal-konsumatur. |
3.9.1 |
Huwa fundamentali li jiġu appoġġjati l-programmi tal-edukazzjoni finanzjarja maħsuba għall-konsumaturi. Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu (4), il-KESE jgħid: “[i]ndubbjament, l-edukazzjoni finanzjarja hija element prinċipali biex ma tintilifx il-fiduċja fis-sistema finanzjarja u jiġi żgurat konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji”. |
3.10 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-valutazzjonijiet tal-impatt jikkunsidraw il-firxa sħiħa ta’ regoli li qed jitfasslu u l-ispejjeż tagħhom: regolamentazzjoni żejda mhux ġustifikata tikkawża danni inkalkolabbli mhux biss għall-industrija finanzjarja, iżda għall-ekonomija kollha. Jekk il-mutur tal-finanzi jieqaf, tista’ tinħoloq kriżi li qatt ma kien hawn bħalha, kif urew l-esperjenzi reċenti li swew mijiet ta’ biljuni ta’ euro u l-kriżi ekonomika gravi f’ċerti pajjiżi. |
3.11 |
Il-Proposta tal-Kummissjoni tirreferi għall-bejjiegħa biss meta ssemmi r-responsabbiltà tagħhom u s-sanzjonijiet. Ma jingħad xejn dwar it-taħriġ meħtieġ tal-impjegati tal-intrapriżi li jbigħu s-servizzi finanzjarji u dwar il-ħtieġa li tiġi limitata bil-kbir ir-rabta bejn il-bejgħ ta’ prodotti speċifiċi u l-bonuses mogħtija lill-impjegati li jbigħu l-aktar. Billi dan l-aspett jiġi indirizzat fid-Direttiva MiFID il-ġdida u għandu importanza fundamentali, il-KESE jissuġġerixxi li fir-Regolament issir referenza espliċita għad-direttiva msemmija. |
3.11.1 |
Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni li waħda mill-kawżi prinċipali tal-bejgħ xejn għaqli ta’ prodotti tossiċi, mhux adegwati jew riskjużi ħafna mingħajr ma tingħata l-informazzjoni korretta dwarhom, li kkawża telf kbir għal min ifaddal, kienet il-politika irrazzjonali tal-intrapriżi finanzjarji u bankarji li lill-maniġers jagħtuhom bonuses astronomiċi skont ir-riżultati li jiksbu f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna. |
3.11.2 |
Sabiex jinkisbu dawn ir-riżultati ntużaw prattiki ħżiena, li llum qed jiġu penalizzati mill-qrati permezz ta’ rimborżi enormi li ċerti banek u intrapriżi finanzjarji huma obbligati jagħtu lill-klijenti tagħhom. Fosthom hemm l-istituzzjonijiet li l-iskemi ta’ remunerazzjoni tagħhom huma bbażati fuq il-bejgħ akkost ta’ kollox ta’ prodotti b’rendiment għoli għall-bejjiegħ, filwaqt li jagħtu baġit li jrid jintlaħaq minn kull punt tal-bejgħ. Dawn huma sistemi ta’ kummerċjalizzazzjoni adatti għall-bejjiegħa tal-laħam, mhux għal bank li juża t-tfaddil ta’ ħajjet in-nies! |
3.11.3 |
Minkejja l-inizjattivi kollha li ttieħdu, b’xorti ħażina rridu ninnotaw li ċerti prattiki ħżiena għadhom jintużaw bla ma qatgħu xejn, u dawn jinkludu saħansitra l-manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza, bħall-każ reċenti tal-Libor, sabiex jiġu ġġenerati profitti straordinarji. Din l-imġiba, li tikkonċerna lil minoranza żgħira ħafna tal-industrija finanzjarja Ewropea, tħassar ir-reputazzjoni tas-sistema kollha u l-wirt ta’ fiduċja li nkiseb matul snin sħaħ ta’ xogħol. Il-komunità finanzjarja kollha għandha żżomm profil etiku għoli u rigoruż ħafna fin-negozju tagħha. L-assoċjazzjonijiet bankarji għandhom jippenelizzaw b’mod sever lill-intrapriżi u l-persuni li jiksru l-prinċipji ġenerali tal-kondotta, u saħansitra jeskluduhom mill-assembleji tagħhom u jipprojbixxu lil min jiċċappas bi ksur serju milli jwettaq attivitajiet bankarji. Ta’ sikwit huma baqgħu siekta meta raw imġiba ċarament illeġittima u ta’ spiss anke illegali. |
3.12 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tissorvelja l-effettività tas-sanzjonijiet li għandhom jistabbilixxu l-Istati Membri. Fil-leġislazzjonijiet nazzjonali jeżistu ħafna differenzi dwar kemm jitqiesu bħala serji r-reati jew il-każijiet ta’ ksur fis-settur finanzjarju. Dawn huma marbutin kulturi ekonomiċi u legali differenti tal-pajjiżi individwali. Għalkemm mhux possibbli li fil-qasam amministrattiv u kriminali jinħarġu liġijiet Ewropej bis-sanzjonijiet relatati, jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel sforz sabiex sew il-leġislazzjoni u sew is-sanzjonijiet isiru kemm jista’ jkun uniformi. Hemm riskju reali li mid-dumping regolatorju ngħaddu għad-dumping tas-sanzjonijiet, bl-istess liġijiet iżda sanzjonijiet differenti ħafna: dan iwassal biex l-operaturi joperaw minn fejn ikun hemm l-inqas riskju! Huwa indispensabbli li jkun hemm koordinazzjoni u sforzi komuni sabiex ir-regolazzjoni ssir aktar effettiva u effikaċi. Jirrakkomanda wkoll li jitqiesu d-diversi tipi ta’ sanzjonijiet, li f’xi pajjiżi huma amministrattivi u f’oħrajn legali. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Il-KESE jemmen li b’mod globali l-Proposta hi bilanċjata, iżda tista’ tittejjeb fir-rigward tal-partijiet neqsin indikati fil-kummenti ġenerali. |
4.2 |
Il-KESE jaqbel mal-għażla li l-attenzjoni titpoġġa fuq il-prodotti bi profil tar-riskju pjuttost għoli, sabiex l-industrija finanzjarja ma titgħabbiex b’piż kbir mingħajr bżonn li tipprovdi dokumenti ta’ informazzjoni li fil-fatt ma jkunux utli. |
4.3 |
Il-KESE jilqa’ li fir-Regolament toħroġ fid-dieher b’mod ċar il-katina tar-responsabbiltajiet u jingħad min għandu l-kompitu li jfassal il-KID. Fil-passat, l-inċertezza dwar l-identifikazzjoni ta’ dawn ir-responsabbiltajiet ħolqot diffikultà biex jintalab rimedju mingħand min ipprovda informazzjoni skorretta u qarrieqa li kkawżat telf enormi għall-investituri fuq livell ta’ konsumatur. |
4.4 |
Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni, li ilha tintalab żmien twil, ibbażata fuq is-soluzzjoni adottata għall-UCITS, jiġifieri dokument ta’ informazzjoni qasir, miktub b’mod konċiż u b’lingwaġġ mhux tekniku, li jevita l-jargon u li jinkiteb b’format komuni li jista’ jitqabbel ma’ prodotti oħra. L-Artikolu 8 jipprovdi lista ċara u eżawrjenti tal-informazzjoni li għandu jkun fih il-KID, filwaqt li fil-lista jiżdiedu l-ispejjeż reali li l-investituri fil-livell ta’ konsumatur iridu jħallsu. |
4.5 |
Madankollu, din l-għażla ma xxejjinx il-bżonn li tkompli tiġi żviluppata l-edukazzjoni finanzjarja (5) fl-iskejjel, fl-attivitajiet tal-kurrikulu, fl-edukazzjoni informali, fost l-anzjani u n-nisa tad-dar. Dawk partikolarment vulnerabbli fost min ifaddal mhux dejjem ikollhom l-għarfien bażiku neċessarju biex jifhmu fid-dettall il-KIDs, anke meta dawn ikunu semplifikati. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tenfasizza, possibbilment fil-premessi l-ġodda tar-Regolament propost, il-bżonn li jissoktaw l-isforzi biex tingħata edukazzjoni finanzjarja bażika lil kulħadd. |
4.6 |
Il-KESE japprezza dan l-ewwel tentattiv ta’ trasparenza rigward l-ispejjeż, il-profil tar-riskju u l-informazzjoni dwar ir-rendiment tal-passat tal-prodott inkwistjoni jew ta’ prodotti li jistgħu jitqiesu bħala simili. |
4.7 |
L-obbligu li l-KID jingħata f’ħin opportun biex l-investitur fuq livell ta’ konsumatur ikun informat u konxju għalkollox tar-riskji marbutin huwa indispensabbli sabiex ir-Regolament propost ikun effettiv. Il-KESE jinnota li ma jingħatax żmien speċifiku għal meta jiġi pprovdut id-dokument. Il-frażi “f’biżżejjed żmien qabel il-konklużjoni tat-tranżazzjoni relatata mal-prodott ta’ investiment” ma tidhirx li hi adegwata biex tiggarantixxi li l-investitur fuq livell ta’ konsumatur ikollu l-informazzjoni siewja kollha. Il-KESE huwa kontra li jiġu previsti derogi għall-għoti tal-KID, b’mod partikolari fir-rigward tax-xiri mill-bogħod. |
4.8 |
Il-KESE jemmen li t-test tar-Regolament għandu jagħmel referenza għall-possibbiltà ta’ rtirar f’każ ta’ tranżazzjoni mill-bogħod, hekk kif inhu previst għat-tranżazzjonijiet finanzjarji. |
4.9 |
Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li tiġi adottata data raġonevoli li tiddaħħal direttament fit-test tar-Regolament, minflok ma titħalla għad-diskrezzjoni tal-atti delegati segwenti li jħallu lill-industrija finanzjarja fl-inċertezza rigward l-applikazzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5, id-dokument għandu jitfassal u jiġi ppubblikat fuq l-internet qabel il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. M’hemm l-ebda raġuni għaliex ma jiġix definit terminu perentorju minn issa, li jekk ma jiġix rispettat ikun ifisser li ma ġewx rispettati b’mod effettiv l-għanijiet u l-obbligi tar-Regolament. Perjodu ta’ mill-inqas ġimgħa qabel tkun tista’ tiġi konkluża t-tranżazzjoni, pereżempju, jidher li hu wieħed raġonevoli. B’hekk tkun tista’ tinsab l-informazzjoni meħtieġa kollha u jintalbu pariri u spjegazzjonijiet. L-investitur ikun protett b’mod suffiċjenti u jkollu ż-żmien biex iqabbel il-proposti ta’ akkwist li jkunu f’kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE ma jaqbilx mal-użu ta’ atti delegati, li għandhom ikunu limitati ħafna u jirrispettaw il-forma u s-sustanza tal-Artikolu 290 tat-TFUE, jiġifieri jintużaw għal elementi mhux essenzjali meta strumenti oħra ma jkunux possibbli. |
4.10 |
Il-KESE jaqbel mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 9 dwar il-bżonn li l-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni jinżammu separati mid-dokument bit-tagħrif ewlieni, u li dawn il-komunikazzjonijiet ma jikkontradixxux il-kontenut tal-KIDs. Bosta drabi l-prodotti tossiċi ġew pubbliċizzati bħala siguri, u dan ġie appoġġjat mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tant kienu bravi li tawhom il-klassifikazzjoni AAA b’idejhom miftuħin beraħ. Min jaf għaliex dawn il-prodotti spiċċaw f’idejn il-faddala Ewropej? |
4.11 |
Il-Kummissjoni daħħlet dispożizzjonijiet dwar l-ilmenti, ir-rimedju u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-Kapitolu III, u dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi fil-Kapitolu IV. Il-KESE, minkejja l-kummenti ġenerali preċedenti, jemmen li huwa pożittiv ħafna li jiġu definiti fid-dettall proċeduri, metodi u kundizzjonijiet sabiex jinsabu soluzzjonijiet mhux legali għat-tilwim dwar investimenti fil-prodotti finanzjarji minn investituri fil-livell ta’ konsumatur. |
4.11.1 |
Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti hija assolutament indispensabbli fil-fehma tal-KESE, li f’diversi opinjonijiet preċedenti diġà talab mhux biss rakkomandazzjonijiet iżda wkoll regoli li jobbligaw lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu l-akbar kooperazzjoni possibbli li jippermettulhom il-leġislazzjonijiet u l-proċeduri nazzjonali. F’każ ta’ kontradizzjoni ċara, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà r-regoli nazzjonali konfliġġenti għandhom jiġu ddikjarati nulli u bla effett. |
4.12 |
Fil-fehma tal-KESE, anke l-Artikolu 22 fih frażi li tista’ toħloq tilwim fil-futur. Ħdejn il-kastig li jiġu ppubblikati t-tip ta’ ksur u l-identità ta’ dawk responsabbli, li l-KESE jaqbel magħhom, jingħad “sakemm din id-divulgazzjoni ma tipperikolax b’mod serju s-swieq finanzjarji”. Ma jiġix iċċarat min għandu jevalwa r-riskju serju: il-Kummissjoni? L-awtoritajiet nazzjonali? L-awtoritajiet superviżorji Ewropej? Barra minn hekk, ma jingħad xejn ukoll dwar meta l-obbligi previsti fir-Regolament jinkisru f’aktar minn Stat Membru wieħed fl-istess ħin. Min jiddeċiedi? X’jiġri jekk għal awtorità waħda d-divulgazzjoni ma tipperikolax is-swieq finanzjarji, u għal oħra iva? Xi proċedura għandha tiġi adottata? Dawn il-mistoqsijiet kollha għandhom jiġu solvuti qabel ma joħroġ ir-Regolament, li min-natura tiegħu stess irid ikun sempliċi, ċar, japplika minnufih u fil-formulazzjoni tiegħu għandu jevita r-riskju ta’ tilwim inutli li jkun ta’ ħsara għall-interessi Ewropej. |
4.13 |
Il-Kummissjoni qed tkompli toħroġ proposti li fihom bosta atti delegati. Il-KESE kemm-il darba qajjem il-kwistjoni dwar il-leġittimità ta’ dawn il-prattiki, dwar il-bżonn reali tagħhom, dwar il-konsistenza tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 290 tat-TFUE għall-atti delegati u tal-Artikolu tat-TFUE għall-atti ta’ implimentazzjoni. F’dan il-każ il-KESE wkoll jemmen li l-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet li jikkonċernaw elementi essenzjali tar-regolamentazzjoni. Pereżempju, l-Artikolu 8(2) huwa dwar id-dettalji tal-preżentazzjoni u l-kontenut ta’ kull wieħed mill-elementi tal-informazzjoni ewlenija li trid tiddaħħal fid-dokumenti, tal-kontenut addizzjonali possibbli u tal-format komuni – prattikament 90 % tar-regolamentazzjoni. Id-delega mitluba fl-Artikolu 10(2) tikkonċerna l-kontenut u l-modalitajiet tal-analiżi tal-informazzjoni u r-reviżjonijiet possibbli. Fl-aħħar nett, id-delega mitluba fl-Artikolu 12(4) tikkonċerna l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġi pprovdut id-dokument u l-metodu flimkien mal-limitu ta’ żmien biex jiġi pprovdut id-dokument, li diġà ġiet kkritikata f’din l-Opinjoni. |
4.14 |
Il-KESE jistaqsi jekk dawn fil-verità humiex meħtieġa u jekk jaqblux mal-loġika tar-Regolament li qed jiġi analizzat f’din l-Opinjoni. Filwaqt li l-KESE jifhem li l-atti delegati jistgħu jiġu ġestiti b’mod ħafna aktar faċli, huma għandhom iżommu strettament mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti (6) jingħad li: “[l]-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hekk kif irriżulta mit-Trattat iffirmat f’Liżbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 (minn hawn ’il quddiem, “it-Trattat il-Ġdid”), jippermetti lil-leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv”. |
4.15 |
Fil-fehma tal-KESE, għall-kuntrarju ta’ dan, il-proposti għal atti delegati mressqin mill-Kummissjoni jikkonċernaw elementi essenzjali tal-att leġislattiv! |
4.16 |
Fl-aħħar nett, il-KESE ma jaqbilx mal-għażla li l-leġislazzjoni rigward ir-rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni għall-UCITS ma tinbidilx għall-ħames snin li ġejjin, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipprevedi reviżjoni fi żmien sentejn minn meta jiġi adottat ir-Regolament preżenti sabiex jiġu armonizzati malajr kemm jista’ jkun id-dokumenti ewlenin għal dawk li jinvestu fi prodotti finanzjarji ta’ kull tip. |
Brusell, 14 ta’ Novembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 93 u ĠU C 181, 21.6.2012, p. 99.
(2) ĠU L 302, 17.11 2009, p. 32.
(3) ĠU C 151, 17.6 2008, p. 1.
(4) ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24.
(5) ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24.
(6) COM(2009) 673 final tad-9 ta’ Diċembru 2009.