Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1294

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej” COM(2011) 862 final — 2011/0418 (COD)

OJ C 229, 31.7.2012, p. 55–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej”

COM(2011) 862 final — 2011/0418 (COD)

2012/C 229/10

Relatur: is-Sinjura RODERT

Nhar l-20 ta’ Jannar u s-17 ta’ Jannar, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew iddeċidew rispettivament, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej

COM(2011) 862 final — 2011/0418 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'194 voti favur, vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej (minn issa l'quddiem ir-“Regolament”) li jirregola l-iżvilupp ta’ dawn il-fondi billi joħloq iktar ċarezza u sigurtà għall-partijiet ikkonċernati kollha filwaqt li jiffaċilita l-ħolqien transkonfinali tal-kapital.

1.2   Is-settur tal-impriżi soċjali huwa settur li qed jikber u li jagħti kontribut sinifikanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jilqa' l-interess tal-Kummissjoni f'dan is-settur u r-rieda tagħha li tappoġġja l-iżvilupp u t-tkabbir tiegħu.

1.3   It-titjib tal-aċċess tal-impriżi soċjali għal kapital adegwat huwa prijorità ċentrali. Madanakollu l-KESE jixtieq jenfasizza li din l-inizjattiva għandha titqies bħala waħda minn bosta strumenti finanzjarji li hemm bżonn u li għadhom iridu jiġu żviluppati.

1.4   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli tuża d-definizzjoni ta’ intraprenditorija soċjali li ġiet stabbilita fl-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali iktar milli toħloq oħra ġdida. Jeħtieġ b'mod partikolari li jiġi preċiżat u kjarifikat l-approċċ differenti tar-Regolament lejn l-awtorizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-profitti lis-sidien. Jeħtieġ li jiġu enfasizzati l-karatteristiċi speċifiċi tal-impriżi soċjali meta mqabbla mal-kumpaniji li jiffukaw strettament fuq il-massimizzazzjoni tal-profitt u li jiġi enfasizzat l-approċċ tal-fond meta mqabbel ma’ fondi iktar tradizzjonali ta’ kapital ta’ riskju.

1.5   Fil-fehma tal-KESE jeżisti r-riskju li wħud mill-istrumenti ta’ ekwità proposti jkollhom impatt limitat fuq l-investiment fl-impriżi soċjali billi l-istruttura tal-istrumenti ta’ investiment proposti tassumi tip ta’ sjieda li f'ħafna każijiet mhijiex kompatibbli mal-forom legali li fihom joperaw ħafna impriżi soċjali. Is-self għal terminu twil propost u l-iskop ta’ “kwalunkwe tip ieħor ta’ parteċipazzjoni” huma l-iktar strumenti interessanti għal dawn il-forom legali u għandhom ikomplu jiġu żviluppati.

1.6   Għandhom jitqiesu wkoll il-karatteristiċi l-oħra tal-impriżi soċjali. Pereżempju jeħtieġ li tingħata attenzjoni liċ-ċessjoni tas-sjiedi f'impriżi relatati mal-attivitajiet ta’ gruppi vulnerabbli, l-impatt fuq l-istima tal-impriżi soċjali tal-indipendenza tagħhom, is-sistemi ta’ ġestjoni partikolari tagħhom, il-bżonn ta’ investiment fuq perjodu twil iktar milli qasir u dħul finanzjarju baxx.

1.7   Sabiex jitjieb l-impatt ta’ dawn it-tipi ta’ fondi fuq l-impriżi soċjali, jistgħu jitqiesu bħala parti minn soluzzjoni kapitali ibrida, li hija l-iktar forma adegwata ta’ finanzjament għall-impriża soċjali. Il-kapital ibridu jiġbor flimkien sussidji b'self “paċenzjuż” jiġifieri self fuq perjodu twil u strumenti oħra li jippermettu dewmien u tul ta’ żmien u li jagħmlu tajjeb għalihom il-proprjetà pubblika u l-garanziji statali. L-użu ta’ forom oħra ta’ kapital privat bħal kontributi u donazzjonijiet jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll flimkien ma’ forom iktar adegwati ta’ sjieda ta’ “impriża ta’ portafoll” (it-terminu użat fir-Regolament għall-entitajiet li jsir investiment fihom, pereżempju l-impriżi soċjali) bħal ishma mingħajr id-dritt tal-vot.

1.8   Ir-Regolament jipproponi li l-fondi l-ġodda jmorru l-ewwel għand investituri professjonali u individwi ta’ valur għoli b'investiment minimu ta’ EUR 100 000. Il-KESE jenfasizza madanakollu li forom sikuri u iktar affidabbli ta’ fondi bħal dawn għandhom eventwalment jinfetħu għall-pubbliku ġenerali u għal investimenti iżgħar.

1.9   L-ikbar sfida ta’ din il-proposta hija l-bżonn li jitkejlu u jiġu rappurtati l-effetti soċjali u l-impatt soċjali tal-impriżi ta’ portafoll.

1.10   Il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel isiru studju konġunt u ħidma fil-livell tal-UE u li mbagħad jiġu żviluppati kriterji u indikaturi fil-livell nazzjonali skont il-forma, l-approċċ u l-għanijiet tal-attivitajiet, b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha.

1.11   Is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex tiddefinixxi t-termini prinċipali għandha tiġi eżerċitata malajr kemm jista' jkun abbażi ta’ konsultazzjoni mifruxa u miftuħa mar-rappreżentanti tal-partijiet interessati, jiġifieri kollettivi, investituri u impriżi soċjali.

1.12   Għandhom jinħolqu programmi li jħejju għall-investiment u forom oħra ta’ bini ta’ kapaċità għall-partijiet kollha sabiex tinbena l-fiduċja u strutturi konġunti magħmula għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali bħal dawn.

2.   Introduzzjoni

2.1   Taħt l-Att dwar is-Suq Uniku (1), il-Kummissjoni ħadet l-impenn li ssegwi numru ta’ miżuri li jappoġġjaw l-iżvilupp u t-tkabbir tal-impriżi soċjali fl-Ewropa. Il-proposta għal qafas legali Ewropew għall-fondi ta’ intraprenditorija soċjali hija waħda minn dawn il-miżuri li ġew enfasizzati wkoll bħala azzjoni prinċipali fl-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali (2).

2.2   L-impriżi soċjali huma settur emerġenti fl-UE u l-istimi jissuġġerixxu li l-investimenti soċjali x'aktarx se jikbru b'mod rapidu u jsiru suq ta’ iktar minn EUR 100 biljun (3). Dan hu fattur li jenfasizza l-potenzjal ta’ dan is-suq li qed jikber. Għaldaqstant, jekk jiġi żgurat li s-settur ikompli jikber u jibqa' joħloq prosperità jkun qed isir kontribut importanti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Madanakollu, hekk kif stqarr il-KESE fl-opinjoni esploratorja tiegħu dwar “L-intraprenditorja soċjali u l-intrapriża soċjali” INT/589 (4), ir-rekwiżiti regolatorji fil-livelli tal-UE u nazzjonali mhumiex imfassla sabiex jiffaċilitaw il-ġbir ta’ kapital permezz ta’ dan it-tip ta’ fondi.

2.3   L-għan ta’ din il-proposta għal Regolament huwa li jistabbilixxi regoli uniformi u rekwiżiti għall-investiment kollettivi li jixtiequ jużaw l-isem “Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew”. Ir-Regolament jistabbilixxi regoli għal dawn il-fondi bil-għan li jibni l-fiduċja, iċ-ċertezza u l-kunfidenza tal-investituri u jappoġġja t-tkabbir tal-impriżi soċjali billi jtejjeb l-effikaċja tal-ġbir tal-fondi mill-investituri privati. Fl-2011 saru konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta u valutazzjoni tal-impatt tagħha.

2.4   Din l-opinjoni tidentifika l-prijoritajiet u tirrakkomanda l-kjarifiki li għandhom jitqiesu sabiex din il-proposta għal Regolament tikseb ir-riżultat mixtieq.

3.   Kummenti tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament

3.1   Kapitolu 1 – suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

3.1.1   Il-KESE jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tappoġġja u tkabbar il-profil tal-impriżi soċjali tal-Ewropa u l-enfasi tagħha fuq l-aċċess għall-kapital sabiex ikun hemm tkabbir u żvilupp. Fil-fehma tal-KESE, il-proposta għal Regolament tista' tiffaċilita l-kapaċità ta’ ċerti impriżi soċjali li jżidu l-kapital privat. Din hija inizjattiva bżonjuża flimkien ma’ proposti oħra tal-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali li jirreferu wkoll għall-bżonn li jinsabu soluzzjonijiet oħra ta’ finanzjament.

3.1.2   Il-kapital huwa fundamentali sabiex impriża soċjali tkun tista' tikber iżda ftit mill-kapital deskritt fir-Regolament diffiċli jkun aċċessibbli għall-impriżi soċjali b'mod partikolari fl-ekonomija soċjali. Ir-Regolament għalhekk għandu jitqies bħala wieħed minn numru ta’ miżuri li jridu jittieħdu sabiex jitjieb l-aċċess għall-ġbir tal-kapital għall-impriża soċjali.

3.1.3   Mill-istrumenti ta’ investiment imsemmija fir-Regolament (Artikolu 3(1)(c)) l-enfasi għandha tkun fuq l-istrumenti tas-self bħall-istrument tas-self b'rati preferenzjali, l-hekk imsejjaħ self paċenzjuż (patient capital). Dan billi l-aċċess għall-istrumenti azzjonarji jista' jkun iktar diffiċli għal ċerti partijiet interessati. Is-sidien ta’ bosta impriżi soċjali fl-Ewropa huma l-membri, l-imsieħba, il-fundazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li f'ħafna każijiet jagħmlu s-sjieda esterna ferm iktar diffiċli. Forom oħra ta’ sjieda li huma iktar adegwati u li diġà jeżistu f'xi Stati Membri, bħalma huma ishma speċjali mingħajr vot u trasferibbli b'mod ħieles u bosta tipi ta’ strumenti ta’ dejn, għandhom jiġu kkunsidrati bħala titoli u assi finanzjarji oħrajn fl-impriżi soċjali. L-inċentivi fiskali wkoll għandhom jiġu kkunsidrati mill-qrib bħala element tal-mudell tad-dħul.

3.1.4   L-istrumenti ta’ investiment imsemmija fir-Regolament (Artikolu 3.1(c)(v)) għandhom jenfasizzaw aktar l-istrumenti li jintużaw b'mod komuni mill-impriżi soċjali, li huma iktar adatti għall-karatteristiċi tagħhom, bħalma huma t-titoli ta’ ekwità, inizjattivi speċjali fi ħdan is-settur finanzjarju (banek kooperattivi (5), banek etiċi u soċjali (6) u banek kummerċjali bi programmi soċjali (7)), strumenti innovattivi bħall-bonds b'impatti soċjali (social impact bonds) (8) u soluzzjonijiet favorevoli finanzjati mit-taxxi. Dawn l-istrumenti u assi finanzjarji oħrajn jistgħu jagħmlu parti mill-“kapital ibridu”, li tipikament jintuża iżjed mill-impriżi soċjali.

3.1.5   Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f'dawn il-fondi pereżempju bl-użu ta’ fond ta’ fondi jew ta’ fond tal-pensjonijiet għandu jiġi promoss bħala garanzija ta’ investimenti fit-tul. Madanakollu l-KESE jinnota li huwa importanti li l-impenji pubbliċi ma jintrabtux mar-riżorsi tal-Fondi Strutturali li għandhom għanijiet politiċi differenti.

3.1.6   Skont id-definizzjoni tar-Regolament ta’ impriża ta’ portafoll kwalifikanti din ikollha fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun (Artikolu (3(d)). Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tneħħi dan il-limitu billi dan jista' jiskoraġġixxi l-espansjoni. Limiti bħal dawn jeskludu wkoll ċertu fergħat ta’ impriżi soċjali bħas-saħħa, il-kura u d-djar soċjali.

3.1.7   Il-KESE jqis li huwa importanti li d-definizzjoni tal-intraprenditorija soċjali u tal-impriżi soċjali jkunu konsistenti mad-definizzjoni stabbilita fl-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali. Ir-Regolament jipproponi definizzjoni ftit modifikata ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti (Artikolu 3(1)(d)). Waħda mid-differenzi hija li r-Regolament jirrikjedi desrkizzjoni tal-attivitajiet (Artikolu 3(1)(d)(i)). Hawnhekk fil-fehma tal-KESE għandu jiġi deskritt l-għan speċifiku tal-impriża billi impriża soċjali hija settur kumpless b'bosta attivitajiet.

3.1.8   Fir-rigward tal-profitti (Artikolu 3(1)(d)(ii)) il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu INT/589 li tistqarr b'mod ċar li l-impriżi soċjali huma primarjament impriżi “mingħajr skop ta’ qligħ li ż-żieda tagħhom prinċiplament tiġi investita mill-ġdid u mhux imqassma lill-azzjonisti privati jew lis-sidien”. L-istqarrija fir-Regolament li tgħid li l-profitti huma permessi u li jistgħu jitqassmu bejn il-partijiet interessati u s-sidien jeħtieġ li tiġi kjarifikata billi jiġi speċifikat li l-profitt għandu jintuża sabiex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-impriża u li fil-każijiet rari fejn jiġu permessi eċċezzjonijiet għal dan jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li ma jiġix mhedded l-għan soċjali. Dan l-approċċ u r-regoli assoċjati miegħu jeħtieġ li jiġi kjarifikat fir-Regolament b'mod partikolari sabiex jiġi differenzjat mill-proċess parallel relatat mar-Regolament dwar il-fondi ta’ kapital ta’ riskju li huwa mmirat lejn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (9).

3.1.9   Id-definizzjoni tat- tipi ta’ oġġetti jew servizzi, il-metodi ta’ produzzjoni tal-oġġetti jew tal-prestazzjoni tas-servizzi u l-gruppi fil-mira tal-attivitajiet b'għan soċjali (Artikolu 3(1)(d)(i) u Artikolu 3(2)) jeħtieġ li jiġu definiti f'konsultazzjoni mal-grupp ta’ ħidma li jirrappreżenta l-impriża soċjali, Il-kompożizzjoni tal-grupp ta’ ħidma għandha tirrifletti d-diversità tal-impriża soċjali fl-Ewropa.

3.1.10   Ir-raba' rekwiżit għandu jkun applikabbli għal “impriżi ta’ portafoll kwalifikanti”. Fil-każ tax-xoljiment tal-impriża soċjali, il-maġġoranza tal-assi bażiċi (pereżempju minimu ta’ 60-70 %) ma jistgħux jiġu distribwiti fost l-imsieħba, l-azzjonisti, is-sidien jew il-ħaddiema iżda jridu jintużaw għal finijiet soċjali.

3.1.11   Ir-Regolament fil-bidu ser ikun indirizzat lejn l-investituri professjonali u individwi ta’ valur għoli. Dan għandu jinkludi wkoll investituri speċjalizzati mill-pubbliku u setturi mingħajr skop ta’ qligħ bħal banek kooperattivi u banek soċjali. Madanakollu l-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tistabbilixxi kemm jista' jkun malajr skeda għall-ftuħ tal-fond għall-pubbliku billi din it-tip ta’ parteċipazzjoni hija interesanti għall-pubbliku wkoll.

3.2   Kapitolu II – kundizzjonijiet għall-użu tal-isem “Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew”

3.2.1   Fil-fehma tal-KESE l-proporzjon ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li għandu jammonta għal mill-inqas 70 % tal-assi tal-fond huwa pass tajjeb fil-bidu. Madanakollu ikun tajjeb li jiġu regolati l-assi li mhumiex permessi fil-bqija tat-30 % tal-fond sabiex jiġi enfasizzat l-għan tal-fond bħala impriża soċjali. Dejjem tajjeb li tiġi appoġġjata wkoll valutazzjoni ta’ kemm l-akkwist tal-assi li ġejjin minn investimenti mhux kwalifikanti huwa adegat (Artikolu 5(1)). Għandhom jiġu mħeġġa investimenti solidi u dejjiema bħall-bonds tal-gvern sabiex jiġi stabbilit il-fond. Għal din ir-raġuni għandha tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ flus jew inkella l-ekwivalenti ta’ flus.

3.2.2   Jeżistu bosta similaritajiet bejn dan ir-Regolament u d-Direttiva dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (10). Dawn is-similaritajiet u d-differenzi jeħtieġ li jiġu kjarifikati. Dan jgħodd b'mod partikolari għad-definizzjoni tal-klijienti professjonali (Artikolu 6), l-attivitajiet tal-maniġers (Artikolu 7) u l-applikazzjoni tal-fondi (Artikolu 8). L-impriżi soċjali ħafna drabi jkunu żgħar u lokali u huwa importanti li l-fondi li huma iżgħar ikunu jistgħu joperaw f'dan is-suq. Il-limitu ta’ investiment minimu ta’ EUR 100 000 għandu għalhekk jiġi kkunsidrat mill-ġdid (Artikolu 6(a)).

3.2.3   Importanti l-identifikazzjoni rapida, il-prevenzjoni, ir-riżoluzzjoni u l-monitoraġġ tal-kunflitti ta’ interess. Jeħtieġ li qabel ma jidħol fis-seħħ ir-Regolament jiġu stabbiliti miżuri kontra l-kunflitti ta’ interess. Importanti li f'din il-fażi bikrija, il-Kummissjoni tikkjarifika l-miżuri li għandha f'moħħha (Artikolu 8(5)). Hija għandha tiċċara wkoll liema regoli japplikaw jekk jinqalgħu kunflitti ta’ interess bejn impriżi ta’ portafoll u investituri jew il-maniġers ta’ fondi (Artikolu 8(2)).

3.2.4   Ir-Regolament jiddependi ħafna mill-abbiltà li jiġu kwantifikati l-effetti soċjali u l-impatt fuq is-soċjetà, kompitu diffiċli ħafna. Attwalment ma jeżisti l-ebda metodu mhux ambigwu li jista' jiġi applikat fuq l-ambjent li fih joperaw il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej. Importanti li jitkejlu l-impatti soċjali (kemm b'mod kwalitattiv kif ukoll kwantitattiv) tal-attivitajiet iktar milli tal-impriżi ta’ portafoll. Minflok jinstab metodu uniformi wieħed għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt soċjali jkun iktar utli li jiġi żviluppat qafas bażiku tal-UE bi kriterji u indikaturi li jistgħu jitkejlu u jitfasslu fil-livell nazzjonali. F'dan l-istadju l-Kummissjoni għandha tiċċara x'inhuma l-intenzjonijiet tagħha fir-rigward tal-kejl tal-effetti u l-impatti soċjali billi tniedi studju tal-metodi differenti ta’ kejl u l-esperjenzi f'konsultazzjoni mal-impriżi soċjali, ir-riċerkaturi u l-provvedituri tal-kapital.

3.2.5   L-indipendenza hija wieħed mill-pedamenti prinċipali tal-impriża soċjali. Il-proċeduri li, skont ir-Regolament, għandhom jużaw il-maniġers tal-fondi “sabiex ikejlu u jimmonitorjaw…l-impatt[i] soċjali pożittiv[i] li huma impenjati għalihom” għandhom għalhekk jiġu definiti b'mod iktar ċar sabiex jiġi enfasizzat il-fatt li huma obbligati jirrappurtaw lill-investituri tagħhom dwar l-impatt soċjali u jiżguraw li s-sjiedi jsiru verament f'attivitajiet soċjali (Artikolu 9 (1) u (2). In-nuqqas ta’ ċarezza dwar dan twassal għal nuqqas ta’ fehim ta’ x'inhu r-rwol tal-maniġers tal-fondi u għalhekk il-proposta għal Regolament għandha tittejjeb f'dan ir-rigward. Mhuwiex adegwat u l-anqas realistiku li l-maniġers tal-fondi jkunu obbligati jkejlu u jimmonitorjaw l-impatt soċjali kemm għax dan inaqqas l-indipendenza tal-impriżi soċjali kif ukoll għax ma hemmx metodi adegwati u effettivi ta’ kejl u monitoraġġ.

3.2.6   Il-kwistjoni tal-kejl hija riflessa wkoll fir-regoli dwar ir-rapport annwali u l-metodi użati għall-kejl tar-riżultati soċjali (Artikolu 12(2a)). Jeħtieġ li jiġi ċċarat kif dan ir-rappurtar jirrelata mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kejl li beħsiebha tfassal il-Kummissjoni.

3.2.7   Ir-rapport annwali huwa opportunità għall-maniġers tal-fondi li jwettqu ċessjonijiet b'relazzjoni mal-impriżi tal-portafoll tagħhom (Artikolu 12(2)(b)). Ir-Regolament jeħtieġ li jiċċara liema regoli japplikaw għaċ-ċessjonijiet tal-assi tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti. L-assi tal-impriżi soċjali li jaħdmu mal-gruppi vulnerabbli fil-mira ma tistax issir ċessjoni tagħhom bl-istess mod li tista' ssir fil-każ tas-sjieda fl-impriżi kummerċjali minħabba n-natura delikata tax-xogħol. L-investituri u l-maniġers tal-fondi jridu jkunu konxji tan-natura speċjali u b'hekk sensittiva tal-attivitajiet tagħhom u jadattaw l-imġiba tagħhom għal dan. Il-Kummissjoni għandha tindika kif ser jitqies is-suq sekondarju li joħolqu dawn iċ-ċessjonijiet. Bosta impriżi soċjali jiddependu minn investimenti fit-tul u affidabbli sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom.

3.2.8   Importanti li jiġi kjarifikat kif il-metodi ta’ kejl li beħsiebha tiżviluppa l-Kummissjoni ser jirrelataw mal-metodi li l-maniġers tal-fondi suppost jużaw għar-rappurtar u l-bażi tal-informazzjoni li jibagħtu lill-investituri (Artikolu 13 (1)(c) u (d)). Importanti wkoll deskrizzjoni tal-assi li ma jkunux impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-proċess u l-kriterji li jintużaw għas-selezzjoni ta’ dawn l-assi. Ir-Regolament għandu jinkludi regoli li jiddefinixxu l-assi u l-investimenti mhux kwalifikanti għal din il-parti tal-fond ukoll (Artikolu 13(1)(e)). Fir-rigward ta’ proċedura tal-valutazzjoni tal-fond u l-metodoloġija tal-prezzijiet (Artikolu 13(1)(g)), il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġi żviluppat mudell magħmul speċifikament għall-forom u l-attivitajiet tal-impriżi soċjali.

3.3   Kapitolu III – superviżjoni u kooperazzjoni amministrattiva

3.3.1   Ir-regoli dwar il-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom ikunu uniformi fl-UE kollha. Għalhekk dawn ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE, kompitu li m'għandux jitħalla f'idejn l-Istati Membri (Artikolu 20(2)). Ir-regoli għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm miżuri oħra apparti sempliċiment projbizzjoni tal-użu tal-isem “Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew” billi l-inizjattiva għandha l-għan li toħloq il-fiduċja u tnaqqas l-abbuż. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-impriżi ta’ portafoll fil-fondi sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom f'każ li jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-maniġer tal-fondi.

3.4   Kapitolu IV – dispożizzjonijiet transizzjonali u finali

3.4.1   Ir-Regolament jistqarr f'bosta partijiet li l-Kummissjoni għandha aċċess għas-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fl-2013. Ħafna minn dawn is-setgħat huma ċentrali għat-tfassil tal-fondi bħall-qasam tal-attività (oġġetti, servizzi u l-metodi ta’ produzzjoni tagħhom), distribuzzjoni tal-profitti u kunflitti ta’ interess. Il-partijiet interessati kollha jiġifieri kollettivi, investituri u impriżi soċjali għandhom ikunu involuti fil-proċess tad-definizzjoni ta’ dawn l-atti delegati. Il-grupp tal-partijiet interessati msemmi fl-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali jista' jaqdi rwol prinċipali f'dan ir-rigward.

4.   Kummenti oħra

4.1   Importanti li r-riżultati ta’ dan ir-Regolament jiġu evalwati kontinwament sabiex jiġi żgurat li l-gruppi prinċipali fil-mira tal-impriża soċjali (li ħafna drabi hija l-ekonomija soċjali) fil-fatt għandhom aċċess ikbar għall-kapital adegwat. Il-KESE ser jiġbed l-attenzjoni lejn dan kull sena bħala parti mill-ħidma kontinwa tiegħu dwar l-impriżi u l-ekonomija soċjali.

4.2   Billi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-fondi soċjali fis-sens wiesa' tagħhom (privat jew pubbliku) huma kunċett xejn familjari u relattivament limitat, jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija li tkabbar il-profil tagħhom. F'bosta Stati Ewropej ma jeżistux fondi bħal dawn u fl-istati fejn jeżistu mhumiex magħrufa biżżejjed. Hawnhekk jidħol ir-rwol tal-Kummissjoni li tiġbor u tiddissemina strumenti innovattivi u tajbin ta’ appoġġ, tkabbir u espansjoni tal-impriżi soċjali fl-Ewropa.

4.3   Hemm bżonn li jkun hemm appoġġ u investiment fil-programmi li jħejju għall-investiment u l-bini tal-kapaċità (f'termini ta’ struttura u għarfien) għall-partijiet involuti kollha - investituri, maniġers tal-fondi u l-impriżi ta’ portafoll kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri. Il-medjaturi, li diġà jeżisti f'bosta Stati Membri, jaqdu rwol ċentrali u għandhom jiġu mħeġġa. Il-grad ta’ riskju jeħtieġ li jissemma' wkoll. Investimenti fl-impriżi soċjali ġew identifikati bħala investimenti b'riskju baxx (11) f'bosta kuntesti u dan jeħtieġ li jiġi enfasizzat.

4.4   Ir-Regolament ta’ sikwit jitkellem b'mod mhux adatt dwar “l-azzjonisti” tal-impriżi soċjali, u b'hekk jimplika li l-kumpanija inkorporata pubblikament bl-ishma hija l-impriża soċjali l-iżjed komuni. Dan mhuwiex minnu u jista' jqarraq. Il-mod adatt huwa li jintuża t-terminu “membru” jew “imsieħba” ta’ impriża soċjali, li jikkonsistu l-iżjed f'kooperattivi, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata (li m'għandhomx ishma iżda parteċipazzjonijiet soċjali u membri).”

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 206 final.

(2)  COM(2011) 682 final.

(3)  Ara J.P.Morgan, “Impact Investments: An Emerging Asset Class”, 2011.

(4)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1.

(5)  www.eurocoopbanks.coop

(6)  www.triodos.be

(7)  pereżempju www.bancaprossima.com, https://www.unicredit.it/it/chisiamo/per-le-imprese/per-il-non-profit/universo-non-profit.html u www.ubibanca.com/page/ubi-comunita

(8)  www.socialfinance.org.uk/sib

(9)  COM(2011) 860/2 final.

(10)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009.

(11)  Il-Bank tal-Italja, 2011, jinnota rata ta’ inadempjenza ta’ 4,3 % għall-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt, rata ħafna iktar baxxa mir-rata medja ta’ inadempjenza għas-setturi l-oħra kollha (5,4 %), kumpaniji mhux finanzjarji (7,9 %) u mikroimpriżi (10,3 %). Barra minn hekk il-banek kooperattivi wrew rata ta’ inadempjenza għall-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt ta’ 0,6 % biss (sors: Federcasse, Assoċjazzjoni Nazzjonali Taljana tal-Banek Kooperattivi).


Top