EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE1167
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Decision of the European Parliament and of the Council on accounting rules and action plans on greenhouse gas emissions and removals resulting from activities related to land use, land use change and forestry’ COM(2012) 93 final — 2012/0042 (COD) and on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions: Accounting for land use, land use change and forestry (LULUCF) in the Union’s climate change commitments’ COM(2012) 94 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija” COM(2012) 93 final — 2012/0042 (COD) u dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-kontabilizzazzjoni tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (l-LULUCF) fl-impenji tal-Unjoni b’rabta mat-tibdil fil-klima” COM(2012) 94 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija” COM(2012) 93 final — 2012/0042 (COD) u dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-kontabilizzazzjoni tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (l-LULUCF) fl-impenji tal-Unjoni b’rabta mat-tibdil fil-klima” COM(2012) 94 final
OJ C 351, 15.11.2012, p. 85–88
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 351/85 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija”
COM(2012) 93 final — 2012/0042 (COD)
u dwar
“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-kontabilizzazzjoni tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (l-LULUCF) fl-impenji tal-Unjoni b’rabta mat-tibdil fil-klima”
COM(2012) 94 final
2012/C 351/19
Relatur: is-Sur JÍROVEC
Nhar it-12, il-15 u s-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
|
il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija COM(2012) 93 final – 2012/0042 (COD) u dwar |
|
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-kontabilizzazzjoni tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (l-LULUCF) fl-impenji tal-Unjoni b’rabta mat-tibdil fil-klima COM(2012) 94 final. |
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Awwissu 2012.
Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’185 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni. Fil-fehma tal-Kumitat, din hija proposta ambizzjuża li tirreaġixxi għall-bżonn ta’ sistema tal-kontabilità aktar rigoruża bil-għan li tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali fil-leġislazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni, waqt li tħejji u tfassal il-leġislazzjoni, għandha tiżgura li d-dokumenti rilevanti jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lis-soċjetà ċivili b’mod simultanju, adegwat u fil-ħin. Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet adegwati, li jinkludu lill-esperti, b’rabta mal-aġġornament tad-definizzjonijiet fid-dawl tal-bidliet adottati mill-korpi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) jew fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto u d-definizzjonijiet adottati abbażi ta’ ftehimiet multilaterali oħra. Huwa importanti ħafna li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-proposta mad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-UNFCCC. |
1.2 |
Meta jitqies li sal-2015 għandu jiġi negozjat ftehim legali universali dwar it-tibdil fil-klima li skont l-ippjanar attwali għandu jidħol fis-seħħ sal-2020, l-UE issa għandha tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ mudelli ġusti u effikaċi fir-rigward tal-klima li jinkoraġġixxu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima sabiex tappoġġja n-negozjati dwar ftehim globali. Is-settur tal-LULUCF jaqdi rwol importanti f’dan il-kuntest, u għalhekk huwa importanti li jkollna regoli komuni dwar il-kalkolu sew tal-emissjonijiet u sew tal-emissjonijiet maħżuna. |
1.3 |
Il-Kumitat jaħseb li hemm bżonn valutazzjoni olistika mmirata lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-agrikoltura, filwaqt li jitqiesu l-flussi kollha tal-gassijiet b’effett ta’ serra (emissjonijiet kif ukoll assorbimenti) mir-raba’ u l-mergħat kif ukoll mill-attivitajiet tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-bhejjem. Mill-banda l-oħra, ir-rapportar u l-kontabilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-attivitajiet tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-bhejjem diġà huma obbligatorji skont il-Protokoll ta’ Kjoto, u huma koperti wkoll mil-limiti ta’ emissjonijiet tad-“Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz” (1). |
1.4 |
Il-Kumitat ikkonkluda li din il-kwistjoni kumplessa għandha tiġi analizzata aktar fid-dettall filwaqt li jitqies il-kuntest usa’ tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u tal-ħtiġijiet tal-UE f’dik li hi enerġija. Il-Kumitat jipproponi li tiżdied il-viżibbiltà tal-isforzi ta’ mitigazzjoni fl-agrikoltura, il-forestrija u l-industriji relatati filwaqt li tiġi pprovduta bażi għat-tfassil ta’ inċentivi ta’ politika adegwati, pereżempju fil-Politika Agrikola Komuni, u li jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għall-Istati Membri. |
1.5 |
Il-Kummissjoni għandha tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-politiki possibbli kollha, mhux biss fuq dawk relatati mal-ambjent u n-natura, u għandha tipprova toħloq sinerġiji billi torbot dawn il-politiki ma’ xulxin. |
1.6 |
Is-settur tal-forestrija mhux meqjus b’mod olistiku, u lanqas ma jitqies ir-rwol multifunzjonali tiegħu, jiġifieri bħala produttur tal-bijomassa għall-enerġija rinnovabbli. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-UE li l-prodotti tal-injam maħsud jiġu inklużi fir-regoli tal-kontabilità. Il-kunsiderazzjoni tal-karbonju maħżun f’dawn il-prodotti ssaħħaħ ir-rwol tal-injam u tal-prodotti tal-injam fl-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tal-klima. |
1.7 |
Il-KESE jilqa’ t-tfassil ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali għaliex fihom tista’ tiġi espressa tajjeb ħafna l-viżibbiltà tal-miżuri possibbli kif jintalab f’punt 1.4. Madankollu, hawnhekk għandhom jitqiesu tliet prinċipji bażiċi:
|
1.8 |
Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti li jiġi stimolat il-potenzjal tas-settur tal-LULUCF li jtaffi t-tibdil fil-klima, u li tiżdied il-viżibbiltà tal-isforzi ta’ mitigazzjoni min-naħa tal-bdiewa. Dan is-settur m’għandux jiġi vvalutat b’mod iżolat, iżda b’mod integrat u bl-użu ta’ sinerġiji mal-politiki eżistenti fil-livell nazzjonali u tal-UE. Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiġi evitat il-ħolqien ta’ piż amministrattiv żejjed jew ta’ xogħol doppju, u li jitqiesu b’mod adatt iċ-ċirkustanzi nazzjonali u l-kompetenzi ta’ kull livell. Il-ġestjoni u l-użu attivi tal-foresti tal-UE, kif ukoll l-użu dejjem ikbar ta’ materja prima tal-injam rinnovabbli u sostenibbli bħala għodod kosteffiċjenti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, għandhom ikunu l-punt ta’ tluq għall-politika tal-UE dwar il-klima. |
1.9 |
Il-Kumitat jilqa’ t-tentattiv tal-UE li tmur lil hinn mill-ftehimiet ta’ Kopenħagen, Cancun u Durban u l-proposta tagħha li tadotta mira ta’ tnaqqis ta’ 30 % jekk jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet. Fl-istess ħin, madankollu, jappella biex titqies b’mod aktar sensittiv is-sitwazzjoni ekonomika attwali fl-UE. L-UE għandha wkoll tagħmel pressjoni fuq partijiet oħra tal-UNFCCC sabiex jieħdu passi simili bil-għan li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-karbonju lejn żoni li huma saħansitra aktar bijoloġikament sensittivi mill-UE. |
1.10 |
Fl-aħħar nett, fid-dawl tat-tħejjijiet attwali biex jinħoloq qafas tajjeb tal-PAK għall-perjodu finanzjarju li jmiss, għandu jiġi rikonoxxut li din il-proposta trid tintrabat b’attenzjoni mal-politika agrikola u ma’ politiki oħra tal-UE. Il-karbonju fil-ħamrija ġie bil-mod il-mod inkorporat aħjar fl-evalwazzjonijiet tal-politiki, sabiex il-ħarsien tal-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġu kkunsidrati dejjem aktar ukoll fl-agrikoltura u l-forestrija. Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ il-fatt li l-proposta ma tinkludix obbligi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-agrikoltura u l-forestrija, liema obbligi jitpoġġew fuq spallejn il-bdiewa u l-forestiera biss. Għall-immappjar aħjar tas-sitwazzjonijiet nazzjonali hemm bżonn biss ta’ investiment moderat fl-Istati Membri. |
2. Kuntest politiku
2.1 |
Il-proposta tal-Kummissjoni tippreżenta elementi ġodda fir-rigward tal-Protokoll ta’ Kjoto u r-riżultati ta’ Durban (2). |
2.1.1 |
Is-sitwazzjoni tal-lum hi li l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-settur tal-LULUCF ma jiġux ikkalkolati fil-kuntest tal-objettiv li l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE jonqsu b’20 % sal-2020, madankollu huma jitqiesu parzjalment fl-objettiv ikkwantifikat li l-Unjoni tnaqqas u tillimita l-emissjonijiet b’konformità mal-Artikolu 3(3) tal-Protokoll ta’ Kjoto. Għaldaqstant, jinħtieġu metodi komuni tal-kalkolu sabiex l-emissjonijiet u l-assorbimenti tagħhom jiġu kkalkolati b’mod preċiż u jiġu inklużi fir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-UE. |
2.1.2 |
Kwalunkwe proposta legali li tinkludi rapportar obbligatorju għall-ħamrija tal-“mergħat” u r-“raba’” trid tkun konformi mad-deċiżjonijiet meħuda mill-COP 17 tal-UNFCCC f’Durban. |
2.1.3 |
Fir-rigward tal-“ġestjoni tal-foresti”, qabel il-COP 17, il-kontabilizzazzjoni mill-Istati Membri ma kinitx meħtieġa peress li kienet tintuża l-ossidazzjoni instantanja tal-bijomassa maħsuda. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-UE li tinkludi l-prodotti tal-injam maħsud fir-regoli tal-kontabilità, li jfisser li l-karbonju maħżun fir-raggruppamenti tal-prodotti tal-injam maħsud qiegħed jintuża. Dan jista’ jsaħħaħ ir-rwol tal-injam u tal-prodotti tal-injam fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. |
2.1.4 |
Sabiex ikompli jiġi żviluppat il-potenzjal tal-forestrija li ssaħħaħ il-mitigazzjoni (kif rikonoxxut fil-proposta), miżuri bħal perjodi itwal ta’ tinwib tas-siġar u l-fatt li jiġi evitat it-tqaċċit totali tas-siġar (kif imsemmi fil-memorandum ta’ spjegazzjoni) u l-konverżjoni ta’ foresti mhux mimsusa ma jistgħux jitqiesu b’mod ġenerali minħabba li jiddependu mill-ispeċi u t-tixjiħ tas-siġar fil-kuntest tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li bħalissa dan mhux inkluż fil-proposta leġislattiva. |
2.1.5 |
Is-sufra hija prodott importanti ħafna fil-grupp tal-“prodotti tal-injam maħsud” minħabba li tippreżenta diversi vantaġġi: hija prodott naturali magħmul minn riżorsi rinnovabbli fi proċess li jirrispetta l-ambjent u li ma jeħtieġx ħsad tas-siġar; l-importanza diġà magħrufa tal-industrija tas-sufra biex tinżamm l-istabbiltà ekoloġika tal-ekosistema Mediterranja fraġli u mhedda; u fl-aħħar nett l-importanza tal-industrija tas-sufra fir-rigward tal-impjieg u d-dħul. |
2.2 |
Il-proposta tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom ifasslu u jżommu kontijiet li jirriflettu b’mod preċiż l-emissjonijiet u l-assorbimenti kollha li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ “ġestjoni tar-raba’”. |
2.2.1 |
Il-lista ta’ “raggruppamenti tal-karbonju” tinkludi l-“bijomassa tal-wiċċ”, skont il-linji gwida tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) għas-settur tal-LULUCF. Il-problema tal-kontabilizzazzjoni tal-“bijomassa tal-wiċċ” fir-raba’ ġejja mid-distinzjoni bejn “erbaċej” (kontabilizzazzjoni tal-karbonju fil-ħamrija biss) u “għudin” (kontabilizzazzjoni tal-bijomassa). Filwaqt li jiġi rikonoxxut il-valur għoli tal-għelejjel perenni bħas-siġar taż-żebbuġ, is-siġar tal-frott jew il-vinji, ma jitqisux l-assorbimenti tas-CO2 mill-għelejjel annwali minħabba li r-referenza hi l-bidliet fil-ħażna tal-karbonju meta mqabbel mal-1990. Ir-rwol tal-prodotti agrikoli bħall-kolza (ikel, għalf u karburant), il-ġwież (għalf u karburant) jew il-ħxejjex (ikel) ma jitqiesx minħabba li jista’ jiġi pperikolat minn bidla fil-ħażna tal-karbonju. Dan għaliex l-IPCC u l-Protokoll ta’ Kjoto jqisu l-għelejjel annwali bħala karbonju newtrali. |
2.2.2 |
Fis-setturi agrikoli, fejn iż-żieda potenzjali fl-assorbimenti mhix sinifikanti – pereżempju fl-użu tal-prodotti tal-injam maħsud – f’xi każijiet il-kontabilizzazzjoni tal-ħamrija għall-agrikoltura tista’ tkun problema u jkollha impatt negattiv. L-inklużjoni tal-emissjonijiet kif ukoll tal-ħżin tal-karbonju għandha tiġi definita b’mod ċar. |
2.2.3 |
F’ċerti żoni bi żvantaġġi relatati mal-klima fejn l-agrikoltura li tiddependi mix-xita tiżgura l-għajxien tal-bdiewa u tappoġġja l-popolazzjoni rurali, jew fejn xi għelejjel perenni huma f’riskju minħabba l-profittabilità baxxa (eż. siġar taż-żebbuġ fin-nofsinhar tal-Ewropa), ir-riskju tal-ebda żieda potenzjali jista’ jwassal ukoll għall-abbandun tal-art u n-nuqqas ta’ interess sabiex din tibqa’ tinħadem. L-Anness IV tal-proposta tal-Kummissjoni jistabbilixxi miżuri li jistgħu jiġu inklużi fil-pjani ta’ azzjoni proposti mill-Kummissjoni. Għandu jiġi evitat li dawn il-miżuri jagħmlu l-istess xogħol bħall-miżuri implimentati fil-kuntest tat-tieni pilastru tal-PAK, bħala “miżuri agroambjentali”, bis-saħħa tal-kwantifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri. |
2.2.4 |
Il-KESE jilqa’ t-tfassil ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali għaliex fihom tista’ tiġi espressa tajjeb ħafna l-viżibbiltà tal-miżuri possibbli kif jintalab f’punt 1.4. Madankollu, hawnhekk għandhom jitqiesu tliet prinċipji bażiċi:
|
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tintroduċi sistema tal-kontabilità aktar rigoruża li tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali fil-liġi tal-UE. Il-proposta tirrifletti l-elementi ewlenin tar-regoli tal-kontabilità riveduti għas-settur tal-LULUCF, li ntlaħaq qbil fuqhom f’Durban f’Diċembru 2011 u li ser japplikaw mill-bidu tat-tieni perjodu ta’ impenn fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto. Madankollu, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha huma differenti mid-deċiżjonijiet meħudin f’Durban, bħall-kontabilizzazzjoni obbligatorja proposta għall-ġestjoni tar-raba’ u l-ġestjoni tal-mergħat u r-regoli tal-kontabilità għad-disturbi naturali. |
3.2 |
Il-proposta li jkun hemm kontabilizzazzjoni obbligatorja ġdida għall-emissjonijiet u l-assorbimenti kollha li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-“ġestjoni tar-raba’” u tal-“ġestjoni tal-mergħat” ser toħloq piż amministrattiv akbar fil-livell nazzjonali u ser tirrikjedi sforzi kbar min-naħa tal-Kummissjoni biex tissorvelja lill-Istati Membri. Ir-regoli tal-kontabilità adottati f’din il-proposta u l-livelli ta’ referenza ser ikunu ta’ importanza kruċjali għall-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Il-Kumitat jibża’ li jista’ jkun li jiġu rduppjati l-obbligi tal-Istati Membri stabbiliti fil-qafas tal-UNFCCC min-naħa, u fil-leġislazzjoni tal-UE min-naħa l-oħra. |
3.3 |
Il-foresti tal-UE jipprovdu benefiċċji soċjoekonomiċi kif ukoll servizzi essenzjali għall-ekosistema u jtejbu l-kapaċità li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u li jkun hemm adattament għalih, filwaqt li jneħħu 10 % mill-emissjonijiet kollha tas-CO2 tal-UE fis-sena. Il-foresti joffru firxa wiesgħa ta’ prodotti b’bażi bijoloġika li huma sostenibbli u intelliġenti, u l-injam jirrappreżenta nofs l-enerġija rinnovabbli tal-UE. Il-Kumitat jenfasizza r-rwol multifunzjonali tal-foresti fis-soċjetà u jappella biex il-Kummissjoni tadotta approċċ olistiku għalihom li jħaddan kemm l-aspett tal-klima kif ukoll dak tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li ssir fl-UE. Il-foresti huma iktar minn riżervi tal-karbonju, u dan għandu jiġi rikonoxxut fil-politiki relatati mal-klima. |
4. Kummenti
4.1 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li l-agrikoltura u l-forestrija għandhom il-potenzjal li jtaffu t-tibdil fil-klima. Madankollu, dan il-potenzjal hu limitat minħabba l-kundizzjonijiet u d-disturbi naturali, ir-riskju ta’ saturazzjoni, il-flussi kumplessi, il-kapaċità insuffiċjenti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet u l-inċertezzi konsiderevoli relatati mal-metodi tal-kontabilità. |
4.2 |
Il-Kumitat jieħu nota tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt imwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u jirrispetta l-opinjoni tiegħu dwar il-fattibbiltà. Madankollu, jeħtieġ li l-għarfien ibbażat fuq ix-xjenza u l-metodi ta’ monitoraġġ jittejbu sabiex tiżdied il-fiduċja fl-inventarji tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra marbuta mal-ħamrija tal-forestrija u tal-agrikoltura. Iridu jittejbu sew il-preċiżjoni u sew il-konsistenza tagħhom u huwa importanti li l-possibbiltajiet ta’ mitigazzjoni jiġu eżaminati minn lenti olistika u bl-użu ta’ approċċ integrat. B’rabta ma’ dan, il-Kumitat jenfasizza l-esperjenza ta’ xi pajjiżi, bħad-Danimarka u l-Portugall, li r-rapportar tagħhom dwar l-argikoltura huwa konformi għalkollox mal-UNFCCC. Fil-fehma tal-Kumitat, huwa essenzjali li jiġi nnotat kemm hu kumpless li jitkejlu l-emissjonijiet fis-settur tal-LULUCF, u ma jaqbilx mal-konvinzjoni ċara li dan il-qasam għandu jiġi inkluż fil-miri ta’ tnaqqis tal-Unjoni Ewropea. |
4.3 |
S’issa l-proposta tal-Kummissjoni ma tipprevedix l-inklużjoni tas-settur tal-LULUCF fl-impenji tal-UE relatati mal-klima, iżda hi tagħmel l-ewwel pass lejn dan billi toħloq il-kuntest ta’ politika adegwat. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-proposta ma ġietx estiża biex tinkludi referenza għall-effetti kombinati li jirriżultaw mill-forestrija u l-agrikoltura bis-sostituzzjoni tal-karburanti fossili u tal-materjali mhux rinnovabbli mal-bijokarburanti u l-bijomassa. Dan għandu jsir fl-istadji segwenti, li għandhom ikopru wkoll il-proċessi tal-enerġija u l-bijoekonomija b’rabta mal-LULUCF. Dan is-settur m’għandux jiġi vvalutat b’mod iżolat, iżda b’mod integrat u bl-użu ta’ sinerġiji mal-politiki eżistenti fil-livell nazzjonali u tal-UE. L-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-miżuri adegwati. |
Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Deċiżjoni Nru 406/2009/KE.
(2) Konferenza tal-Partijiet Parteċipanti fil-Protokoll ta’ Kjoto, COP 17, Diċembru 2012, Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.