EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE0826
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Young persons with disabilities: employment, inclusion and participation in society’ (exploratory opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Iż-żgħażagħ b’diżabbiltà: xogħol, inklużjoni u parteċipazzjoni fis-soċjetà” (opinjoni esploratorja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Iż-żgħażagħ b’diżabbiltà: xogħol, inklużjoni u parteċipazzjoni fis-soċjetà” (opinjoni esploratorja)
OJ C 181, 21.6.2012, p. 2–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 181/2 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Iż-żgħażagħ b’diżabbiltà: xogħol, inklużjoni u parteċipazzjoni fis-soċjetà” (opinjoni esploratorja)
2012/C 181/02
Relatur: is-Sur VARDAKASTANIS
F'ittra tad-9 ta’ Diċembru 2011, is-Sinjura Karen Hækkerup, Ministru Daniż għall-Integrazzjoni u l-Affarijiet Soċjali, tablet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex, f'isem il-Presidenza Daniża u b'konformità mal-Artikolu 304 tat-TFUE, iħejji opinjoni esploratorja dwar
Iż-żgħażagħ b'diżabbiltà: xogħol, inklużjoni u parteċipazzjoni fis-soċjetà.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Frar 2012.
Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'148 voti favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE:
1.1.1 |
jirrakkomanda li tiġi implimentata l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet (UNCRPD) sabiex il-persuni b'diżabbiltà, fosthom iż-żgħażagħ irġiel u nisa jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tagħhom. |
1.1.2 |
jitlob li l-Istati Membri jħabirku biex iħeġġu lill-persuni b'diżabbiltà sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u l-ekonomija bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jiġu introdotti miżuri effettivi kontra d-diskriminazzjoni. |
1.1.3 |
jitlob għal edukazzjoni aċċessibbli u inklużiva għall-persuni b'diżabbiltà, b'konformità mal-Artikolu 24 tal-UNCRPD. Il-Kumitat huwa tal-fehma li ż-żgħażagħ b'diżabbiltà għandu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja daqs l-oħrajn u jenfasizza l-importanza tal-edukazzoni mhux formali u l-bżonn li din tiġi rikonoxxuta. |
1.1.4 |
iħeġġeġ tixrid adegwat ta’ informazzjoni dwar l-universitajiet jew opportunitajiet edukattivi f'forom alternattivi bħall-Braille, materjal għas-smigħ u materjal f'filmati jew verżjonijiet faċli li jinqraw u palantype. Il-libreriji għandu jkollhom kotba stampati fil-forma tal-Braille u bl-awdjo fil-kollezzjoni tagħhom. |
1.1.5 |
iqis li s-suġġetti mhux xjentifiċi (arts), l-isport u d-divertiment jaqdu rwol priċipali fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'diżabbiltà u għalhekk għandhom ikunu aċċessibbli b'mod sħiħ. |
1.1.6 |
jitlob lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jippromovu l-aħjar prattiki u azzjonijiet pożittivi għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà fl-edukazzjoni u l-impjieg. Dawn għandhom jinkludu investiment fl-intraprenditorija soċjali u l-SMEs u inċentivi finanzjarji għal min iħaddem sabiex jimpjega ż-żgħażagħ b'diżabbiltà. |
1.1.7 |
jirrakkomanda li l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni taż-żgħażagħ b'diżabbiltà. |
1.1.8 |
jitlob għall-aċċessibbiltà u akkomodazzjoni raġonevoli biex il-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jaħdmu. |
1.1.9 |
jemmen fir-rwol prinċipali tal-imsieħba soċjali fil-promozzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ b'diżabbiltà billi jinkludu l-aċċessibbiltà u l-akkomodazzjoni raġonevoli fin-negozjati tagħhom. |
1.1.10 |
jirrakkomanda li jintużaw il-Fondi Strutturali sabiex tiġi promossa l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'diżabbiltà. Il-Kumitat jitlob li jiġi implimentat tajjeb ir-regolament attwali u li r-regolament li jmiss jikkonforma mal-UNCRPD u jinkludi l-aċċessibbiltà fl-Artikolu 7 bħala prinċipju orizzontali flimkien mal-antidiskriminazzjoni u l-inklużjoni. |
1.1.11 |
jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tad-Direttiva li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (1) u jħeġġeġ li d-Direttiva tiġi interpretata fid-dawl tal-UNCRPD. |
1.1.12 |
jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappoġġjaw l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ b'diżabbiltà u jikkonsultawhom fil-proċessi politiċi rilevanti. |
1.1.13 |
ifakkar li l-kriżi ekonomika u l-miżuri ta’ awsterità m'għandhomx ifixklu d-drittijiet taż-żgħażagħ b'diżabbiltà u jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri pożittivi sabiex jipproteġu lil dawn l-individwi. |
1.1.14 |
jirrakkomanda li għandu jiġi promoss id-dritt taż-żgħażagħ b'diżabbiltà li jgħixu b'mod indipendenti u jitlob lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea sabiex jużaw il-fondi strutturali sabiex iħeġġu li ż-żgħażagħ b'diżabbiltà ma jixgħux f'istituti u jippromovu l-għajxien tagħhom fil-komunità. |
1.1.15 |
jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżviluppa Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà u jirrakkomanda li din il-leġislazzjoni tkun b'saħħitha u tiżgura aċċess sħiħ għall-prodotti, is-servizzi u l-ambjent mibni fl-UE. |
1.1.16 |
jitlob sistema Ewropea inklużiva tal-istandardizzazzjoni u jilqa' l-adozzjoni tal-Mandat 473 bħala miżura pożittiva li tippromovi l-aċċessibbiltà. |
1.1.17 |
jilqa' d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (2) u jitlob li d-Direttiva tiġi implimentata sew (3). |
1.1.18 |
jitlob li jiġi applikat b'mod effettiv ir-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fl-Unjoni Ewropea (4) u jitlob lill-Istati Membri jinfurzaw ir-Regolament u jadottaw miżuri addizzjonali biex jiżguraw il-moviment liberu taż-żgħażagħ b'diżabbiltà. (5) |
1.1.19 |
jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Aġenda Diġitali biex tiżgura li s-siti elettroniċi tas-settur pubbliku u s-siti li jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadin ikunu aċċessibbli bis-sħiħ sal-2015. |
1.1.20 |
iqis li huwa kruċjali li l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ b'diżabbiltà jiġu integrati fil-politiki u l-programmi kollha tal-UE dwar iż-żgħażagħ u jsejjaħ għal azzjonijiet pożittivi li jxerrdu l-għarfien dwar il-bżonnijiet tagħhom. |
2. Daħla
2.1 Il-KESE:
2.1.1 |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żgħażagħ b'diżabbiltà huma soġġetti għal diversi tipi ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, tar-razza, tal-kulur, tal-oriġini etnika jew soċjali, tal-fattizzi ġenetiċi, tal-lingwa, tar-reliġjon jew twemmin, tal-opinjoni politika jew opinjoni oħra, tal-appartenenza għal minoranza nazzjonali, tal-proprjetà, tat-twelid, tal-età, tal-orjentazzjoni sesswali jew ta’ kwalunkwe status ieħor. |
2.1.2 |
jitlob lill-Istati Membri sabiex ikomplu għaddejjin bin-negozjati dwar id-direttiva dwar l-antidiskriminazzjoni (6) sabiex jiżguraw il-protezzjoni legali kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni fl-UE. |
2.1.3 |
jirrikonoxxi li ż-żgħażagħ b'diżabbiltà huma darbtejn sa ħames darbiet iżjed fil-periklu li jesperjenzaw vjolenza meta mqabbla ma’ żgħażagħ mingħajr diżabbiltà. |
2.1.4 |
jiddispjaċih li ż-żgħażagħ b'diżabbiltà jiffaċċjaw preġudizzju u attitudni negattiva fis-soċjetà li jxekklu l-parteċipazzjoni, l-awtodeterminazzjoni u l-inklużjoni tagħhom. |
2.1.5 |
jafferma li ż-żgħażagħ nisa b'diżabbiltà, żgħażagħ li jeħtieġu livell għoli ta’ appoġġ u persuni b'diżabbiltà psikoloġika huma fil-periklu ta’ bosta tipi ta’ diskriminazzjoni. |
2.1.6 |
jitlob li jiġu rikonoxxuti d-drittijiet politiċi taż-żgħażagħ b'diżabbiltà u li huma jkollhom l-opportunità li jgawduhom daqs l-oħrajn u jqis li l-proċeduri, il-faċilitajiet u l-materjal tal-votazzjoni għandhom kollha jkunu aċċessibbli. |
2.1.7 |
jipproponi li l-politiki dwar iż-żgħażagħ b'diżabbiltà jiġu integrati fil-linji baġitarji rilevanti kollha fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali sabiex jiġu garantiti riżorsi adegwati għall-promozzjoni tal-aċċessibbiltà u l-inklużjoni. |
2.1.8 |
jipproponi li tinġabar evidenza dwar l-impatt tal-istrumenti ta’ politika rilevanti fuq iż-żgħażagħ b'diżabbiltà u jissuġġerixxi li jiġu finanzjati proġetti tal-UE, studji u riċerka fil-qasam. |
2.1.9 |
ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tal-opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar, fost temi oħra, l-impjieg u l-aċċessibbiltà, l-istrateġija dwar id-diżabbiltà u l-konsegwenzi tat-tibdil demografiku. |
3. Impjieg u edukazzjoni
L-edukazzjoni
3.1 Il-KESE:
3.1.1 |
jagħraf l-importanza ta’ sistema tal-edukazzjoni tradizzjonali inklużiva u jitlob li l-lingwa tas-sinjali tiġi mgħallma fl-iskejjel primarji, jiġu introdotti teknoloġiji fil-qasam tal-palantype (sistema li tittrasferixxi d-diskors f'kitba) u fil-qasam taċ-cirkwiti ta’ induzzjoni (induction loops), għandhom jiġu reklutati għalliema kkwalifikati fl-użu tas-sistema Braille u metodi adatti oħra li jipprovdu appoġġ lit-tfal tal-iskola b'diżabbiltà, bħall-AAC (augmentative and alternative communication). |
3.1.2 |
jilqa' l-programmi Żgħażagħ Attivi u Żgħażagħ fl-Azzjoni adottati mill-Kummissjoni bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni b'diżabbiltà jibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn il-programmi. |
3.1.3 |
jilqa' l-użu tal-Erasmus għall-programmi kollha tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u jirrakkomanda li l-Erasmus jintuża sabiex jagħti spinta lill-iżvilupp personali u l-prospetti ta’ impjieg taż-żgħażagħ b'diżabbiltà. |
3.1.4 |
jitlob għal miżuri effettivi li jiġġieldu t-tluq kmieni mill-skola, fid-dawl tal-fatt li huwa darbtejn inqas possibbli li l-persuni b'diżabbiltà jkomplu l-edukazzjoni terzjarja meta mqabbla ma’ persuni mingħajr diżabbiltà. Il-Kumitat jixtieq jara li l-unversitajiet isiru iktar inklużivi u li dawn jimplimentaw azzjonijiet pożittivi bħal boroż ta’ studju għal studenti b'diżabbiltà u sistemi ta’ kwota. |
3.1.5 |
jixtieq jara miżuri effettivi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għall-impjieg għaż-żgħażagħ b'diżabbiltà. |
3.1.6 |
jilqa' r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-mobilità tal-persuni b'diżabbiltà (7) u l-enfasi tagħha fuq l-edukazzjoni inklużiva. |
3.1.7 |
jirrikonoxxi l-importanza tal-edukazzjoni mhux formali (8) għaż-żgħażagħ b'diżabbiltà u jitlob li Qafas Ewropew tal-Kwalità għall-apprendistat jiġi żviluppat u jinkludi kriterji ta’ aċċessibbiltà. |
3.1.8 |
jagħraf li l-persuni b'diżabbiltà għandhom id-dritt jibbenefikaw mill-programmi ta’ skambju tal-UE u minn opportunitajiet biex jistudjaw u jitgħallmu barra minn pajjiżhom u jibbenefikaw mill-għodod tal-UE tal-validazzjoni tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki. |
3.1.9 |
jitlob għall-aċċessibbiltà tal-kontenut tal-programmi edukattivi, tal-ICTs u tal-istabbilimenti edukattivi bħala kundizzjoni meħtieġa għad-dritt għall-edukazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-iskejjel, l-universitajiet u s-servizzi li jipprovdu konsulenza liż-żgħażagħ jinkorporaw l-aċċessibbiltà fil-miżuri li jieħdu. |
3.1.10 |
iħeġġeġ tixrid adegwat ta’ informazzjoni dwar l-universitajiet jew opportunitajiet edukattivi f'forom alternattivi bħall-Braille, materjal għas-smigħ u materjal f'filmati jew verżjonijiet faċli li jinqraw u palantype. Il-libreriji għandu jkollhom kotba stampati fil-forma tal-Braille u bl-awdjo fil-kollezzjoni tagħhom. |
3.1.11 |
jirrakkomanda l-użu ta’ fondi Ewropej, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u t-Tagħlim tul il-Ħajja biex jappoġjaw l-użu ta’ konsulenti għal tfal tal-iskola b'diżabbiltà u l-għalliema. |
L-impjiegi
3.2 Il-KESE:
3.2.1 |
jirrikonoxxi li l-persuni b'diżabbiltà huma darbtejn sa tliet darbiet iżjed fil-periklu li jesperjenzaw il-qgħad meta mqabbla ma’ persuni mingħajr diżabbiltà. |
3.2.2 |
jappoġġja l-użu tal-Fondi Strutturali biex jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat lill-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà. B'mod partikolari, għandu jsir użu iżjed effettiv tal-FSE sabiex jagħti spinta lill-impjieg taż-żgħażagħ b'diżabbiltà u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex ikun hemm livell għoli ta’ aċċessibbiltà fl-Ewropa. |
3.2.3 |
jitlob lill-Istati Membri sabiex jippromovu l-impjieg taż-żgħażagħ b'diżabbiltà billi jagħtu appoġġ finanzjarju lil min jimpjega u billi jinvestu fl-SMEs, l-intraprenditorija soċjali u l-impjieg indipendenti. |
3.2.4 |
jissuġġerixxi li jkun hemm aċċess għal akkomodazzjoni raġonevoli, sigħat tax-xogħol flessibbli, telexogħol u l-ICT sabiex jiġi appoġġjat l-impjieg taż-żgħażagħ b'diżabbiltà u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċ-ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli hija att ta’ diskriminazzjoni (9). |
3.2.5 |
jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi aċċessibbiltà għall-ħaddiema u l-apprendisti żgħażagħ b'diżabbiltà, filwaqt li tippromovi u tiżviluppa opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transkonfinali għaż-żgħażagħ, kif ukoll tnaqqas l-ostakli għall-moviment liberu tax-xogħol fi ħdan l-UE. |
3.2.6 |
huwa tal-fehma li l-imsieħba soċjali għandhom jaqdu rwol prinċipali fil-promozzjoni u l-ħarsien tal-impjieg taż-żgħażagħ b'diżabbiltà billi jinkludu din il-kwistjoni fin-negozjar kollettiv tagħhom. |
3.2.7 |
jitlob lill-Istati Membri jinvestu fil-ħaddiema żgħażagħ b'diżabbiltà biex jgħinuhom jiffaċċjaw l-effetti tal-kriżi ekonomika, peress li qed isibu diffikultajiet ikbar biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol. |
4. Parteċipazzjoni u inklużjoni
4.1 Il-KESE:
4.1.1 |
jafferma mill-ġdid li ż-żgħażagħ b'diżabbiltà, fosthom dik intellettwali, għandhom id-dritt li jiġu rikonoxxuti kullimkien bħala persuni quddiem il-liġi. |
4.1.2 |
jitlob li tiġi rikonoxxuta s-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà billi tinġabar data konsistenti b'konformità mal-Artikolu 31 tal-UNCRPD u jenfasizza d-dmir tal-mezzi tax-xandir li jiġġieldu l-istereotipi. |
4.1.3 |
jirrakkomanda li l-Istati Membri jirrikonoxxu l-fatt li l-kapaċità legali taż-żgħażagħ irġiel u nisa b'diżabbiltà hija daqs dik ta’ kull persuna oħra, fl-aspetti kollha tal-ħajja. |
4.1.4 |
jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ b'diżabbiltà jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt tagħhom għall-moviment liberu u jittama li jitressqu proposti speċifiċi biex jitneħħew l-ostakli għat-trasferibbiltà tal-benefiċċji tad-diżabbiltà. |
4.1.5 |
jitlob li l-Istati Membri jħabirku biex iħeġġu lill-persuni b'diżabbiltà sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u l-ekonomija bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 20202 billi jiġu introdotti miżuri effettivi kontra d-diskriminazzjoni. |
4.1.6 |
jitlob li Kumitat Ewropew għad-Diżabilità (10) jikkontribwixxi fil-politiki u l-leġislazzjoni tal-UE billi jindirizza l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà tal-persuni b'diżabbiltà. |
4.1.7 |
jenfasizza r-rwol prinċipali tal-isport fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b'diżabbiltà u jitlob appoġġ finanzjarju u politiku għal inizjattivi pożittivi bħall-Paralympics. |
4.1.8 |
jissuġġerixxi li jsiru reviżjonijiet minn pari mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Kumitat tal-Impjieg u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, bil-għan li jsir skambju tal-aħjar prattiki fl-ugwaljanza għaż-żgħażagħ b'diżabbiltà fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, l-Istrateġija dwar l-Impjiegi u l-politiki ekonomiċi mħaddna fil-PNR. |
4.1.9 |
jitlob għall-appoġġ finanzjarju u politiku tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ b'diżabbiltà għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni u l-ġlieda kontra l-preġudizzji permezz tas-sensibilizzazzjoni. |
4.1.10 |
jitlob li l-uffiċjali, l-għalliema, min iħaddem u l-fornituri tas-servizzi jitħarrġu sabiex jikkonformaw mal-leġislazzjoni fil-qasam tal-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali. |
4.1.11 |
jirrakkomanda li jiġi promoss id-dritt taż-żgħażagħ b'diżabbiltà li jgħixu b'mod indipendenti u li l-fondi strutturali jintużaw sabiex iħeġġu li ż-żgħażagħ b'diżabbiltà ma jixgħux f'istituti u jippromovu l-għajxien tagħhom fil-komunità. |
5. Aċċessibbiltà
5.1 Il-KESE:
5.1.1 |
jitlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jinkludu l-aċċessibbiltà bħala prinċipju orizzontali fl-Artikolu 7 tal-abbozz tar-regolament ġenerali tal-Fondi Strutturali 2014-2020. |
5.1.2 |
jilqa' l-passi li ħadet tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà u jerġa' jisħaq il-bżonn ta’ leġislazzjoni vinkolanti u b'saħħitha li tiżgura aċċess sħiħ għall-prodotti, is-servizzi u l-ambjent mibni fl-UE min-naħa tal-persuni b'diżabbiltà. Il-Kumitat jitlob li jiġu identifikati mekkaniżmi ta’ infurzar u monitoraġġ b'saħħithom kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali. |
5.1.3 |
iħeġġeġ applikazzjoni effettiva tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fl-Unjoni Ewropea (11) u jitlob lill-Istati Membru jinfurzaw ir-Regolament u jadottaw miżuri b'saħħithom biex jiżguraw il-moviment liberu taż-żgħażagħ b'diżabbiltà. |
5.1.4 |
jirrakkomanda pjan speċifiku biex l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jkunu aċċessibbli f'termini ta’ infrastrutturi, il-proċeduri ta’ reklutaġġ, il-laqgħat, is-siti elettroniċi u l-informazzjoni. |
5.1.5 |
jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Aġenda Diġitali biex tiżgura li s-siti elettroniċi tas-settur pubbliku u s-siti li jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadin ikunu aċċessibbli bis-sħiħ sal-2015. |
5.1.6 |
jieħu nota b'sodisfazzjon tal-Qafas Regolatorju Komuni tal-Unjoni Ewropea għas-Servizzi u n-Netwerks tal-Komunikazzjoni Elettronika u huwa tal-fehma li l-prodotti u s-servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika huma kruċjali biex il-ġenerazzjonijiet mobbli l-ġodda jibqgħu infurmati u jikkomunikaw. |
5.1.7 |
jagħraf l-importanza ta’ aċċess għall-ICTs, li jinkludi aċċess għall-kontenut bħala dritt fundamentali tal-persuni b'diżabbiltà. |
5.1.8 |
jirrikonoxxi l-valur miżjud tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (12) u jitlob li d-Direttiva tiġi infurzata u applikata b'mod adegwat, b'mod partikolari l-miżuri li jolqtu l-persuni b'diżabbiltà. |
5.1.9 |
jilqa' l-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (13) kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar Viżjoni strateġika għal standards Ewropej (14). |
5.1.10 |
jappella li jkun hemm sistema Ewropea inklużiva tal-istandardizzazzjoni u jinnota b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Mandat 473 bħala miżura pożittiva li tippromovi l-aċċessibbiltà. |
Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16-22.
(2) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1–24. ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16–22.
(3) L-aċċessibbiltà tal-mezzi awdjoviżivi onlajn għandhom jiġu provduti fid-dawl tad-Direttiva.
(4) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1–12.
(5) Pereżempju l-aċċessibbiltà tal-karozzi tal-linja fiż-żoni rurali għandha tkun obbligatorja.
(6) COM/2008/0426 final.
(7) 2010/2272(INI).
(8) L-edukazzjoni mhux formali mhix provduta minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni jew taħriġ u normalment ma twassalx għal ċertifikat.
(9) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 81–86.
(10) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 81–86.
(11) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1–12.
(12) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1–24.
(13) COM(2011) 315 final.
(14) COM(2011) 311 final.