EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0475

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (FISCUS) u r-revoka tad-Deċiżjonijiet Nru 1482/2007/KE u Nru 624/2007/KE” COM(2011) 706 finali — 2011/0341 (COD)

OJ C 143, 22.5.2012, p. 48–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (FISCUS) u r-revoka tad-Deċiżjonijiet Nru 1482/2007/KE u Nru 624/2007/KE”

COM(2011) 706 finali — 2011/0341 (COD)

2012/C 143/11

Relatur: is-Sur CASSIDY

Nhar l-20 u l-14 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 33 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (FISCUS) u r-revoka tad-Deċiżjonijiet Nru 1482/2007/KE u Nru 624/2007/KE

COM(2011) 706 final – 2011/0341 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar (seduta tat-22 ta’ Frar ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 231 vot favur, 3 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

B’mod ġenerali, il-KESE jappoġja l-proposta dwar il-Programm FISCUS. Madankollu, jixtieq jenfasizza dan li ġej:

Għandu jiġi żgurat li d-dwana nazzjonali u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa huma mgħammra biżżejjed biex jaffrontaw l-isfidi tad-deċennju li jmiss.

Għandha tiġi provduta sistema effiċjenti u aġġornata tal-IT għas-setturi tat-tassazzjoni u tad-dwana. Din għandha tinkludi elementi bħall-Kodiċi Doganali Modernizzat (KDM).

Il-Kumitat jixtieq jara valutazzjonijiet iktar dettaljati tal-impatt dwar il-baġits tal-UE u tal-gvernijiet tal-Istati Membri.

Is-sommarju tal-baġit għall-FISCUS meta mqabbel mal-attivitajiet preżenti juri żieda ta’ 9 % fil-baġit totali kemm fil-qasam tat-tassazzjoni kif ukoll f’dak tad-dwana. Il-baġit ippjanat għas-settur tad-dwana hu ta’ EUR 479 622 792 (dak għas-settur tat-tassazzjoni hu ta’ EUR 23 692 892). Dan jirrappreżenta żieda ta’ 13 % għas-settur tad-dwana u tnaqqis ta’ 1 % fis-settur tat-tassazzjoni.

1.2

Il-Kumitat hu konxju mill-fehmiet differenti li hemm fost l-Istati Membri fi ħdan il-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Jemmen li hu importanti li l-Kummissjoni turi li l-Istati Membri se jagħmlu ffrankar sostanzjali fil-baġit tal-FISCUS meta mqabbel mal-arranġamenti għall-attivitajiet preżenti. Il-Kumitat jemmen li jista’ jkun hemm xi diffikultajiet għall-Kummissjoni sabiex tikseb approvazzjoni mill-Parlament għal żidiet fl-infiq skont il-baġit tal-UE mingħajr informazzjoni dwar l-iffrankar ta’ kumpens fl-Istati Membri

1.3

Il-Kumitat ifakkar fil-kumment tiegħu fl-opinjoni tiegħu dwar “Programm ta’ azzjoni għad-dwana” (1) li fiha talab għal iktar integrazzjoni attiva tal-prattiki tad-dwana b’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona, filwaqt li enfasizza li għandha tintlaħaq iktar integrazzjoni attiva ta’ dan it-tip mingħajr ma tiġi integrata l-amministrazzjoni tad-dwana nnifisha.

1.4

Parti essenzjali mill-programm il-ġdid hi li jittejbu t-taħriġ u l-effikaċja tat-taħriġ għall-uffiċjali tal-Istati Membri (2).

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1

Il-politika tal-UE dwar id-dwana u t-tassazzjoni tagħti kontribut sostanzjali fl-għajnuna sabiex jgħollu l-introjtu għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri kull sena. Barra dan, dawn il-politiki għandhom benefiċċji konsiderevoli għaċ-ċittadini u n-negozju tal-UE, jew bl-imblukkar ta’ importazzjoni mhux sikura jew illegali, jew bl-iffaċilitar ta’ kummerċ mingħajr xkiel u Suq Inern b’saħħtu, jew inkella bit-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità u burokrazija għall-kumpaniji transkonfinali.

2.2

Il-Proposta għal Regolament (COM(2011) 706 final) hi pass importanti ’l quddiem fl-isforz, mibdi bosta snin ilu, sabiex tiġi razzjonalizzata u kkoordinata l-azzjoni tal-Istati Membri mmirata lejn il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom u dawk tal-Unjoni: fl-2010, id-dazji fuq id-dwana u tariffi relatati ammontaw għal 12,3 % tal-baġit tal-UE. Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, dak tal-2014-20, li ġie adottat mill-Kummissjoni f’Ġunju tal-2011, jipproponi, fost affarijiet oħra, ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi għall-Fiscalis u għad-Dwana. Matul is-snin, dawn iż-żewġ programmi żviluppaw tul żewġ mogħdijiet separati, għalkemm paralleli: l-aħħar tnejn kienu Dwana 2013 u Fiscalis 2013. Issa ġew abbinati fi programm uniku (FISCUS): din hi innovazzjoni reali fl-istrateġija tal-Kummissjoni.

2.3

Il-Programm FISCUS mhux biss ir-riżultat ta’ “politika ta’ simplifikazzjoni”, fi kliem il-Kummissjoni, iżda hu r-rikonoxximent tal-importanza vitali ta’ “kooperazzjoni bejn id-dwana u l-awtoritajiet tat-taxxa u partijiet oħra kkonċernati ”. L-aspett pożittiv ewlieni ta’ programm bħal dan hu l-importanza mogħtija lill-fattur uman: il-kooperazzjoni bejn id-dwana u t-taxxa hi “raggruppata madwar netwerking uman u l-bini ta’ kompetenzi (3); naturalment, il-bini ta’ kompetenzi tekniċi u tal-IT huwa neċessarju, iżda l-fattur uman għandu importanza fundamentali: dan hu fattur apprezzat ħafna mill-KESE.

2.4

Il-proġett FISCUS tal-Kummissjoni hu maħsub bħala programm għal seba’ snin mill-1 ta Jannar 2014. Il-pakkett finanzjarju li jkopri l-ispejjeż tal-programm għall-perjodu sħiħ (2014-2020) hu ta’ EUR 777 600 000 bil-prezzijiet attwali: dan hu ammont sostanzjali, u l-konsistenza tiegħu mal-objettivi diffiċilment tiġi apprezzata. Il-programm jipprovdi appoġġ finanzjarju għal disa’ tipi differenti ta’ azzjonijiet konġunti komuni li jappoġġjaw jew l-għotjiet, jew il-kuntratti ta’ akkwist pubbliku, jew ir-rimborż tal-ispejjeż magħmula mill-esperti esterni.

2.5

Il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż jirreferu għal taħriġ ta’ uffiċjali u inizjattivi komuni dwar l-IT, iżda l-allokazzjoni tista’ tkopri wkoll “l-ispejjeż tal-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni (4); il-KESE jifhem li dan ifisser attenzjoni speċjali fis-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal- azzjonijiet konġunti komuni , iżda jittama li tingħata l-istess attenzjoni lill-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet nazzjonali , sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta’ uniformità.

2.6

L-objettivi speċifiċi tal-programm ta’ azzjoni huma l-istess bħall-programmi tal-passat u dawk attwali; il-KESE ġa għadda kummenti dwar dan u ma jkunx utli li jirrepetihom, ħlief għal suġġett wieħed li milli jidher s’issa għad ma kienx hemm risposta għalih: skambju regolari ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u dawk tat-taxxa bħala mezz biex jinkixfu każijiet ta’ frodi u/jew evażjoni tat-taxxa (5).

2.7

L-ewwel raggruppament, in-netwerking uman, għandu jippermetti l-iskambju ta’ prattiki tajbin u tal-għarfien operattiv: dan mhux ġdid, peress li l-istess kwistjoni ssemmiet – anke bl-użu tal-istess kliem – fil-maġġoranza tal-programmi preċedenti jekk mhux saħansitra f’kull wieħed minn dawn il-programmi. Fil-passat, l-azzjonijiet mhux dejjem kellhom suċċess sħiħ, u dan għal bosta raġunijiet – l-iktar minħabba diffikultajiet lingwistiċi u differenzi fl-esperjenzi jew fl-isfond tal-parteċipanti. Id-direzzjoni l-ġdida lejn il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet differenti, kif provdut mill-FISCUS, għandha tħeġġeġ l-iskambju ta’ esperjenzi u l-ħolqien ta’ professjonisti ta’ livell għoli: xi ħaġa li l-UE għandha tappoġġja.

2.8

Fi kliem il-Kummissjoni, permezz tat-tieni raggruppament “il-programm jista’ jiffinanzja infrastruttura u sistemi avvanzati tal-IT li jippermettu li amministrazzjonijiet tad-dwana u tat-taxxa fl-Unjoni jevolvu f’amministrazzjonijiet kompletament elettroniċi (6). Għal darb’oħra, tali kwistjoni ssemmiet, bejn wieħed u ieħor bl-istess kliem, fil-programmi preċedenti. Din id-darba, ir-riżultati ma kienu sodisfaċenti xejn, minħabba l-livelli differenti ta’ teknoloġiji tal-IT fost l-Istati Membri, iżda wkoll – u sfortunatament pjuttost spiss – in-nuqqas ta’ volontà ta’ xi (jew bosta) Stati Membri li jibdlu l-metodi jew it-tagħmir tagħhom.

2.9

In-nuqqas ta’ volontà tal-Istati Membri li jikkooperaw huwa l-ostaklu prinċipali fil-proċess ta’ kostruzzjoni ta’ netwerk fiskali Ewropew: ċertament mhux limitat għat-teknoloġiji tal-IT, iżda bla dubju huwa iktar evidenti f’dan il-qasam. Il-KESE kkritika dan it-tip ta’ attitudni f’bosta mill-opinjonijiet tiegħu dwar l-inizjattivi fiskali tal-UE (7); jittama li l-kriżi attwali wriet li l-ebda pajjiż ma jista’ jinqata’ minn avvenimenti ta’ rilevanza dinjija u li l-kooperazzjoni hi l-unika tweġiba.

2.10

Matul l-2011, wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti kummerċjali kuntrattur wieħed analizza r-riżultati ta’ nofs il-term taż-żewġ programmi separati, Fiscalis 2013 u Dwana 2013. Kuntrattur ieħor wettaq studju dwar qafas possibbli tal-programm futur FISCUS. Ir-riżultati ta’ nofs il-perjodu ma wrew l-ebda ostaklu partikolari u lanqas ma ssuġġerew xi azzjoni speċjali biex jiġu korretti avvenimenti mhux mixtieqa.

2.11

Il-Programm FISCUS jgħaqqad iż-żewġ programmi separati attwali għat-tassazzjoni u għad-dwana f’wieħed u għaldaqstant jilħaq l-għanijiet tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-infiq mingħajr ma jiġu kompromessi l-attivitajiet f’dawn l-oqsma individiwali.

2.12

Ir-Regolament il-ġdid jieħu post id-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE li stabbilixxiet programm Komunitarju sabiex itejjeb il-ħidma tas-sistemi ta’ tassazzjoni fis-suq intern (Ficalis 2013). Id-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE stabbilixxiet programm ta’ azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013) Għaldaqstant, dawn iż-żewġ dokumenti se jiġu revokati.

2.13

Il-Kummissjoni wettqet eżerċizzji ta’ konsultazzjoni mifruxa fis-settur tad-Dwana u fis-settur Fiscalis. Iż-żewġ eżerċizzji pproduċew lista ta’ problemi li jinsabu fid-Dokument ta’ Ħidma mill-Persunal tal-Kummissjoni – Valutazzjoni tal-Impatt, Parti I (Dwana) u Parti II (Fiscalis) (8).

2.14

Qabel il-programm il-ġdid, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt li turi biċ-ċar li għad hemm livell għoli ta’ inċertezza fir-rigward tas-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej u l-iskambju ta’ informazzjoni marbut ma’ żviluppi futuri fil-politiki. Uħud minn dawn huma msemmija fl-opinjoni tal-KESE dwar “Programm ta’ azzjoni għad-dwana” (9). It-tibdil meħtieġ sabiex jittejjeb l-operat tal-Programm Fiscalis ġie deskritt fid-dettall fl-opinjoni tal-KESE dwar “Titjib fit-tħaddim tas-sistemi ta’ tassazzjoni fis-suq intern (Fiscalis 2013)” (10).

2.15

Il-KESE jaqbel fil-prinċipju mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni; madankollu, ijrid jindika li l-kwistjoni tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji differenti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew, hi tip ta’ leitmotiv f’bosta kwistjonijiet tal-UE. Progress f’dan il-qasam normalment isir bil-mod u huwa diffiċli; hemm bosta raġunijiet għal dan: dik ewlenija hija n-nuqqas ta’ entużjażmu tal-awtoritajiet nazzjonali.

2.16

Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni għal kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tad-dwana u dawk fiskali. Madankollu, dan għandu jkun biss il-bidu ta’ azzjoni li l-KESE ssuġġerixxa f’bosta okkażjonijiet preċedenti (11), kooperazzjoni organizzata bejn l-aġenziji kollha, nazzjonali jew Ewropej, involuti fil-ġlieda kontra l-frodi jew il-kriminalità finazjarja: il-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, il-kuntrabandu, eċċ.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 78, punt 1.3.

(2)  Dan il-punt sar fil-punt 1.2 tal-opinjoni tal-KESE dwar “Titjib fit-tħaddim tas-sistemi ta’ tassazzjoni fis-suq intern (Fiscalis 2013)”, ĠU C 93, 27.4.2007, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  COM (2011) 706 final, p.2 - punt 1- it-tielet paragrafu.

(4)  COM (2011) 706 final, p.21 - Artikolu 10(2).

(5)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “Il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud”; ĠU C 347, 18.12.2010, p. 73 u “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa”, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 61.

(6)  COM (2011) 706 final, p.2 - punt 1 - it-tielet paragrafu.

(7)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “Il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud”, ĠU C 347, 18.12.2010, p. 73; “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa”, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 61; “L-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni”, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 112; “L-irkupru ta’ talbiet tat-tassazzjoni” (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 120) u “Il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni”, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 120.

(8)  Dokument ta’ Ħidma mill-Persunal tal-Kummissjoni – Valutazzjoni tal-Impatt, SEC(2011) 1318 final.

(9)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 78 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  ĠU C 93, 27.4.2007, p.1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “Il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud”, ĠU C 347, 18.12.2010, p. 73; “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa”, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 61; “L-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni”, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 112; “L-irkupru ta’ talbiet tat-tassazzjoni”, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 120 u “Il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni”, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 120.


Top