Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XX0721(01)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni

OJ C 215, 21.7.2011, p. 13–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 215/13


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni

2011/C 215/05

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (2) mibgħuta fil-5 ta’ Jannar 2011 mill-Kummissjoni,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fit-22 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni (“il-proposta”). Hija tgħaqqad flimkien u tissostitwixxi żewġ proposti preċedenti tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju (“l-RF”, Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3). Dawn iż-żewġ proposti kienu jirrigwardaw fuq naħa r-reviżjoni triennali tal-RF u fuq in-naħa l-oħra, ir-reviżjoni tal-RF sabiex dan jiġi allinjat mat-Trattat ta’ Lisbona (4).

2.

Fil-5 ta’ Jannar 2011, il-proposta ntbagħtet lill-KEPD skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-KEPD ġie kkonsultat b’mod informali qabel l-adozzjoni tal-proposta. Il-KEPD irrakkomanda lil-leġiżlatur sabiex jinkludi referenza għall-konsultazzjoni mal-KEPD fil-bidu tar-regolament propost.

3.

Il-proposta għandha ċerti implikazzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-dejta fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell nazzjonali li sejrin jiġu diskussi f’din l-Opinjoni.

4.

Referenzi għall-istrumenti relevanti għall-protezzjoni tad-dejta jistgħu jinstabu f’din il-proposta. Madanakollu, kif se jiġi spjegat f’din l-Opinjoni, huma meħtieġa xi elaborazzjonijiet u kjarifikazzjonijiet ulterjuri sabiex tkun żgurata konformità kompleta mal-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-data.

II.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

II.1.   Referenzi ġenerali għar-regoli relevanti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta

5.

Ir-regolament propost ikopri diversi materji li jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet tal-UE, aġenziji u korpi, kif ukoll minn entitajiet fuq livell ta’ Stat Membru. Dawn l-attivitajiet ta’ pproċessar sejrin jiġu analizzati f’aktar dettall hawn taħt. Meta l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji u l-korpi jipproċessaw dejta personali, huma jkunu marbutin mir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Entitajiet li jaġixxu fuq livell nazzjonali huma marbuta b’dispożizzjonijiet nazzjonali fl-Istat Membru relevanti li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

6.

Il-KEPD huwa kuntent jara li r-referenzi għal wieħed minn dawn iż-żewġ strumenti jew għat-tnejn jistgħu jinstabu fir-regolament propost (5). Madanakollu, f’din il-proposta m'hemmx referenza sistematika u konsistenti għal dawn l-istrumenti. Għaldaqstant, il-KEPD iħeġġeġ lil-leġiżlatur sabiex jieħu approċċ aktar komprensiv dwar dan fir-Regolament.

7.

Il-KEPD jirrakkomanda lil-leġiżlatur biex jinkludi r-referenza li ġejja mad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 fil-premessa tar-Regolament:

“Dan ir-Regolament hu bla ħsara għar-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment ħieles ta’ dik id-data u tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta’ dik id-data.”.

8.

Barra minn hekk, il-KEPD jirrakkomanda l-inklużjoni ta’ referenza għad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 fl-Artikolu 57(2)(f), kif sar fl-Artikolu 31(3) tal-proposta.

II.2.   Prevenzjoni, kxif u korrezzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet

9.

L-Artikolu 28 tal-proposta jittratta l-kontroll intern tal-implimentazzjoni tal-baġit. Fil-paragrafu 2(d) huwa previst li għall-iskop tal-implimentazzjoni tal-baġit, kontroll intern huwa mfassal biex jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ prevenzjoni, sejba u korrezzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet.

10.

F’każ ta’ implimentazzjoni indiretta tal-baġit mill-Kummissjoni b’ġestjoni kondiviża ma’ Stati Membri jew ma’ entitajiet u persuni li mhumiex l-Istati Membri, huwa ddikjarat fl-Artikoli 56(2) u 57(3) rispettivament li l-Istati Membri u l-entitajiet u persuni oħra għandhom jipprevjenu, jsibu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi meta jesegwixxu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit. M’għandniex xi ngħidu li dawn il-miżuri għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

11.

Għal dan il-għan ġie stabbilit fil-paragrafu 4(f) tal-Artikolu 56 (li għandu jiġi 4(e) skont l-ordni loġika tas-subparagrafi) li l-korpi akkreditati mill-Istati Membri li huma unikament responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll xieraq tal-fondi għandhom “jiżguraw protezzjoni tad-dejta personali li tkun tissodisfa l-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE”. Il-KEPD jirrakkomanda t-tisħiħ ta’ din ir-referenza billi tinbidel u ssir “jiżguraw li kwalunkwe proċessar ta’ dejta personali tikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE”.

12.

Dwar entitajiet u persuni li mhumiex Stati Membri, l-Artikolu 57(2)(f) jgħid li dawn l-entitajiet u persuni għandhom “jiżguraw protezzjoni raġonevoli ta’ dejta personali”. Il-KEPD jikkritika bil-qawwa din il-frażi għax tidher li tagħti lok għal applikazzjoni inqas stretta tar-regoli għall-protezzjoni tad-dejta. Għaldaqstant, il-KEPD jirrakkomanda l-bdil ta’ din il-frażi wkoll mal-frażi “jiżguraw li kwanlunkwe proċessar ta’ dejta personali jikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE”.

II.3.   Whistleblowers

13.

L-Artikolu 63(8) tal-proposta jittratta l-fenomenu tal-“whistle blowing”. Jitfa’ l-obbligu fuq il-membri tal-personal biex jinformaw lill-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni (jew lill-bord speċjalizzat fuq l-irregolaritajiet finanzjarji stabbilit skont l-Artikolu 70(6) tal-proposta) f’każ li jikkunsidraw li deċiżjoni li huma jkunu mitlubin japplikaw mis-superjur tagħhom tkun irregolari jew tmur kontra l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda jew ir-regoli professjonali li għandhom josservaw. Fil-każ ta’ kwalunkwe attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista’ tippreġudika l-interessi tal-Unjoni, il-membri tal-persunal iridu jinformaw lill-awtoritajiet u lill-korpi maħtura mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

14.

Il-KEPD jixtieq jinnota l-fatt li l-pożizzjoni tal-whistleblowers hija waħda sensittiva. Persuni li jirċievu din l-informazzjoni għandhom jiżguraw li l-identità tal-whistleblower tinżamm kunfidenzjali, b’mod partikolari quddiem il-persuna li allegatament wettqet l-irregolarità irrapportata (6). L-iżgurar tal-kunfidenzjalità tal-identità tal-whistleblower ma jipproteġix biss lill-persuna li tipprovdi l-informazzjoni, iżda tiżgura wkoll l-effiċjenza tal-iskema tal-whistleblowers. Mingħajr biżżejjed garanziji fir-rigward tal-kunfidenzjalità, il-membri tal-persunal ikunu inqas inklinati li jirrapportaw attivitajiet irregolari jew illegali.

15.

Madanakollu, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-identità tal-whistleblower mhijiex assoluta. Wara l-ewwel investigazzjoni interna, jistgħu jittieħdu passi proċedurali jew ġudizzjarji ulterjuri li jirrekjedu li l-identità tal-whistleblower tkun żvelata lil, pereżempju, awtoritajiet ġuridiċi. B’hekk, regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri ġudizzjarji għandhom jiġu rispettati (7).

16.

Jista’ jkun hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn il-persuna akkużata b’irregolarità tkun intitolata li tirċievi l-isem tal-whistleblower. Dan hu possibbli jekk din il-persuna għandha bżonn l-identità biex tinstiga proċeduri legali kontra l-whistleblower wara li jkun ġie stabbilit li dan ikun għamel dikjarazzjonijiet foloz dwarha b’ħażen (8).

17.

Il-KEPD jirrakkomanda li tiġi emendata l-proposta preżenti u li jiġi żgurat li l-identità tal-whistleblowers tinżamm kunfidenzjali matul l-investigazzjonijiet sakemm dan ma jmurx kontra r-regoli nazzjonali li jirregolaw l-proċeduri ġudizzjarji u diment li l-persuna akkużata b’irregolarità ma tkunx intitolata għaliha għax l-identità tal-whistleblower tkun meħtieġa għall-istigazzjoni ta’ proċeduri legali kontra l-whistleblower wara li jkun ġie stabbilit li l-whistleblower għamel dikjarazzjonijiet foloz dwarha b’ħażen.

II.4.   Il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar ir-riċevituri ta’ fondi li jkunu ġejjin mill-baġit

18.

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 31 (Pubblikazzjoni tar-riċevituri tal-fondi tal-UE u informazzjoni oħra) il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b’mod xieraq, l-informazzjoni dwar ir-riċevituri ta’ fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat mill-Kummissjoni jew direttament jew b’delegazzjoni.

19.

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 31 jgħid li din l-informazzjoni “għandha ssir disponibbli b’osservanza tal-ħtiġiet ta’ kunfidenzjalità, partikolarment il-protezzjoni tad-data personali kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tal-ħtiġiet tas-sigurtà, filwaqt li jitqiesu l-partikularitajiet ta’ kull mod ta’ ġestjoni […] u fejn applikabbli f’konformità mar-regoli rilevanti speċifiċi għas-settur”.

20.

Il-pubblikazzjoni tal-identità tar-riċevituri tal-fondi tal-UE ġiet ittrattata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (“l-ECJ”) fis-sentenza tagħha f’Novembru 2010 fil-kawża Schecke u Eifert  (9). Mingħajr ma nidħlu f’dettalji ta’ dak il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-ECJ analizzat bir-reqqa jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE, li kien fiha l-obbligu li tiżvela l-informazzjoni, kinitx konformi mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (“Il-Karta tal-UE”).

21.

L-ECJ eżaminat l-għan li għalih l-informazzjoni kienet żvelata u sussegwentament il-proporzjonalità tal-miżura. L-ECJ ikkunsidrat li l-istituzzjonijiet huma obbligati li jiżnu, qabel l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar persuna fiżika, l-interess tal-Unjoni Ewropea fl-iżvelar u fil-ksur tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta tal-UE (10). L-ECJ issottolinjat li d-derogi għall-protezzjoni tad-dejta ta’ natura personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom jiġu applikati biss sa fejn dan ikun assolutament meħtieġ (11).

22.

L-ECJ ikkunsidrat li l-istituzzjonijiet għandhom jippruvaw metodi differenti ta’ pubblikazzjoni sabiex isibu wieħed li jkun konsistenti mal-għan tal-pubblikazzjoni filwaqt li jikkawża l-inqas interferenza mad-dritt tal-benefiċjarji għal ħajja privata b’mod ġenerali u għall-protezzjoni tad-dejta personali b’mod partikolari (12). Fil-kuntest speċifiku tal-każ, l-ECJ irreferiet għal-limitazzjoni tal-pubblikazzjoni tad-dejta bl-isem fir-rigward tal-benefiċjarji skont il-perjodi li fihom irċevew l-għajnuna, jew il-frekwenza jew in-natura u l-ammont ta’ għajnuna rċevuta (13).

23.

Il-KEPD jenfasizza mill-ġdid li r-rwol tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-dejta mhuwiex dak li jkun ipprojbit l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni meta tkun involuta dejta personali jew biex mingħajr ġustifikazzjoni tkun limitata t-trasparenza tal-amministrazzjoni tal-UE. Il-KEPD isostni l-opinjoni li l-prinċipju tat-trasparenza “jgħin liċ-ċittadini jieħdu sehem b’mod aktar mill-qrib fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u tiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u responsabbli fir-rigward taċ-ċittadin f’sistema demokratika”; il-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ dejta bl-isem relatat mal-benefiċjarji tal-fondi, magħmula b’mod xieraq, “tikkontribwixxi għall-użu adattat tal-fondi pubbliċi mill-amministrazzjoni” u “ssaħħaħ il-kontroll pubbliku dwar l-użu tal-ammonti kkonċernati” (14).

24.

Abbażi ta’ dan, il-KEPD jixtieq jenfasizza li l-kunsiderazzjonijiet mill-ECJ kif imsemmi fil-paragrafi preċedenti huma direttament relevanti għal din il-proposta. Minkejja li qiegħda ssir referenza għad-Direttiva 95/46/KE u għar-Regolament (KE) Nru 45/2001, mhuwiex żgurat li l-pubblikazzjoni prevista tissodisfa r-rekwiżiti kif spjegat mill-ECJ fi Schecke. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-ECJ mhux biss annullat ir-Regolament tal-Kummissjoni li kien fih ir-regoli dettaljati dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi għall-agrikoltura (15), iżda wkoll id-dispożizzjoni fir-Regolament li tikkostitwixxi l-bażi legali għar-Regolament tal-Kummissjoni u li kien fiha r-rekwiżit ġenerali biex tkun żvelata l-informazzjoni, sa fejn din tikkonċerna benefiċjarji li huma persuni fiżiċi (16).

25.

Il-KEPD għandu dubji kbar dwar jekk il-proposta preżenti tissodisfax il-kriterji kif spjegat mill-ECJ fix-Schecke. La l-Artikolu 31, u lanqas l-Artikoli relevanti ma fihom għan ċar u spjegat sew li għalih il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni personali hija prevista. Barra minn hekk, mhuwiex ċar meta u b’liema format l-informazzjoni sejra tiġi żvelata. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li jkun stmat jekk instabx il-bilanċ xieraq bejn l-interessi varji involuti u biex ikun iċċekkjat, kif espliċitament enfasizzat mill-ECJ fix-Schecke, jekk il-pubblikazzjoni tkunx proporzjonata. Barra minn hekk, mhuwiex ċar kif id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta involuti se jkunu żgurati.

26.

Anki jekk hi prevista l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni – li mhijiex iddikjarata b’mod ċar - il-kjarifikazzjonijiet bażiċi msemmija għandhom jinżammu fil-bażi legali li suppost hi l-RF għall-iżvelar ta’ tali dejta.

27.

Għaldaqstant, il-KEPD jirrakkomanda lil-leġiżlatur biex jikkjarifika l-għan u jispjega n-neċessità tal-iżvelar previst, sabiex jindika kif u sa liema punt id-dejta personali tiġi żvelata, sabiex ikun żgurat li d-dejta tkun żvelata biss jekk din tkun proporzjonali u li jkun żgurat li s-suġġetti tad-dejta jkunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jinsabu fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta.

II.5.   Il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet jew taqsira ta’ deċiżjonijiet dwar penali amministrattivi jew finanzjarji

28.

L-Artikolu 103 tal-proposta jittratta l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li timponi penali amministrattivi jew finanzjarji fuq (a) kuntratturi, kandidati jew offerenti f’każ li huma jkunu ħatja ta’ misinterpretazzjoni fl-għoti tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti bħala kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ akkwist jew nuqqas fl-għoti ta’ din l-informazzjoni (ara l-Artikolu 101(b)) jew (b) kuntratturi li ġew iddikjarati li qed jiksru b’mod serju l-obbligi tagħhom fil-kuntratt kopert mill-baġit.

29.

Fl-Artikolu 103(1) hemm miktub li l-persuna kkonċernata trid tkun mogħtija l-opportunità biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Skont l-Artikolu 103(2) il-penali jistgħu jikkonsistu fl-esklużjoni tal-persuna involuta minn kuntratti u għotjiet iffinanzjati mill-baġit, għal perjodu massimu ta’ għaxar snin, u/jew penali finanzjarja sal-valur tal-kuntratt ikkonċernat.

30.

Bi tqabbil mas-sitwazzjoni preżenti, element ġdid fil-proposta huwa l-possibbiltà għall-istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 103(3) li tippubblika d-deċiżjonijiet jew taqsira ta’ deċiżjonijiet li jindikaw l-isem tal-operatur ekonomiku, deskrizzjoni qasira tal-fatti, it-tul tal-esklużjoni jew l-ammont tal-penali finanzjarji.

31.

Sakemm dan iwassal għall-iżvelar ta’ informazzjoni dwar persuni fiżiċi, din id-dispożizzjoni tqajjem ftit mistoqsijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-ewwel nett, huwa ċar mill-użu tal-kelma “jista”’ li l-pubblikazzjoni mhijiex obbligatorja. Iżda dan jikxef numru ta’ problemi fejn it-test tal-proposta ma jipprovdix ċarezza. Pereżempju, x’inhu l-għan ta’ żvelar ta’ dan it-tip? X’inhuma l-kriterji li fuqhom tiddeċiedi l-istituzzjoni kkonċernata fuq l-iżvelar? Din l-informazzjoni kemm se ddum aċċessibbli pubblikament u b’liema mezz? Min se jivverifika jekk l-informazzjoni għadhiex korretta u min sejjer iżommha aġġornata? Min sejjer jinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-iżvelar? Dawn huma kollha mistoqsijiet li għandhom x’jaqsmu mar-rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta kif jinsabu fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

32.

Għandu jkun enfasizzat li l-pubblikazzjoni ta’ tali informazzjoni għandha impatt negattiv miżjud fuq il-persuna kkonċernata. Il-pubblikazzjoni għandha titħalla biss jekk dan ikun strettament neċessarju għall-għan previst. Il-kummenti li saru hawn fuq fil-Parti II.4 fil-kuntest tas-sentenza tal-ECJ fi Schecke huma relevanti hawnhekk ukoll.

33.

Fil-forma preżenti tiegħu, it-test propost fl-Artikolu 103(3) ma jissodisfax għal kollox ir-rekwiżiti tal-liġi għall-protezzjoni tad-dejta. Għaldaqstant, il-KEPD jirrakkomanda lil-leġiżlatur biex jiċċara l-għan u jispjega l-bżonn tal-iżvelar previst, sabiex jindika kif u sa liema punt id-dejta personali sejra tiġi żvelata, sabiex ikun żgurat li d-dejta tkun żvelata biss jekk dan ikun proporzjonali u li jkun żgurat li s-suġġetti tad-dejta jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jinsabu fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta.

II.6.   Il-Bażi ta’ Dejta Ċentrali tal-Esklużjoni

34.

Il-proposta twassal ukoll għall-istabbiliment tal-Bażi Ċentrali ta’ Dejta tal-Esklużjoni (“is-CED”) li se jkun fiha d-dettalji tal-kandidati u l-offerenti esklużi mill-parteċipazzjoni fl-offerti (ara l-Artikolu 102). Din il-bażi ta’ dejta diġà hija fis-seħħ fuq il-bażi tal-RF preżenti, u l-mod kif taħdem huwa elaborat ulterjorment fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1302/2008. L-operazzjonijiet ta’ proċessar tad-dejta personali li jsiru fil-qafas tas-CED ġew analizzati mill-KEPD f’Opinjoni ta’ verifika minn qabel tas-26 ta’ Mejju 2010 (17).

35.

Ir-riċevituri tad-dejta pprovduta fis-CED huma diversi. Jiddependi fuq min qed jagħmel aċċess għall-bażi ta’ dejta, japplika l-Artikolu 7, 8 jew 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

36.

Il-KEPD ikkonkluda fl-Opinjoni msemmija hawn fuq dwar verifika minn qabel li l-prattika attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 7 (konsultazzjoni tal-bażi ta’ dejta minn istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-UE) u 8 (konsultazzjoni tas-CED minn awtoritajiet u korpi oħra tal-Istati Membri) kienet konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

37.

Madanakollu, din il-konklużjoni ma setgħetx tittieħed fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, li huwa regolat mill-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, li jittratta t-trasferiment ta’ dejta lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Fl-Artikolu 102(2) hemm miktub li anke pajjiżi terzi għandu jkollhom aċċess għas-CED.

38.

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jistipula li “data personali għandha tiġi trasferita biss lir-riċevituri, barra minn istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, li ma jkunux suġġetti għal-liġi nazzjonali adottata skond id-Direttiva 95/46/KE, jekk livell adegwat ta’ protezzjoni jiġi żgurat fil-pajjiż tar-reċipjent jew fi ħdan l-organizzazzjoni internazzjonali tar-reċipjent u d-data tiġi trasferita unikament biex jippermetti li l-kompiti koperti bil-kompetenza tal-kontrollur jitwettqu.” B’deroga mill-Artikolu 9(1), l-Artikolu 9(6) jippermetti t-trasferiment ta’ data lil pajjiżi li ma jipprovdux għal protezzjoni adegwata jekk “it-trasferiment huwa neċessarju jew legalment meħtieġ fuq bażi importanti ta’ interess pubbliku (…)”.

39.

Fl-imsemmija Opinjoni dwar verifika minn qabel, il-KEPD enfasizza li kienu neċessarji passi ulterjuri sabiex jiġi żgurat li f’każ ta’ trasferiment lil pajjiż terz jew organizzazzjoni, ir-riċevitur joffri livell adegwat ta’ protezzjoni. Il-KEPD jixtieq jenfasizza li tali sejba ta’ livell xieraq għandha tkun ibbażata fuq analiżi skont il-każ, u għandha tinkludi analiżi dettaljata taċ-ċirkustanzi tal-operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dejta jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta. L-RF ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni minn dan l-obbligu. B’mod simili, trasferiment li jkun ibbażat fuq waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 9 għandu jkun ibbażat ukoll fuq valutazzjoni skont il-każ.

40.

Fir-rigward ta’ dan, il-KEPD jirrakkomanda lil-leġiżlatur sabiex iżid paragrafu mal-Artikolu 102 li jittratta speċifikament il-protezzjoni tad-dejta personali. Il-paragrafu jista’ jibda bl-ewwel sentenza li diġà tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 102, prinċipalment li “bażi tad-dejta ċentrali għandha tiġi stabbilita u tkun operata mill-Kummissjoni bażi tad-dejta ċentrali f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali”. Barra minn hekk għandu jiżdied ukoll li l-aċċess għal awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi jista’ jingħata meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 ikunu ġew issodisfati.

III.   KONKLUŻJONI

41.

Il-proposta attwali għandha ċerti implikazzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-dejta fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell nazzjonali li ġew diskussi f’din l-Opinjoni. Referenzi għall-istrumenti relevanti ta’ protezzjoni tad-dejta jistgħu jinstabu fil-proposta. Madankollu, kif ġie spjegat f’din l-Opinjoni, elaborazzjoni u kjarifika ulterjuri huma neċessarji sabiex tkun żgurata konformità sħiħa mal-qafas legali tal-protezzjoni tad-dejta. Il-KEPD jirrakkomanda li:

tkun inkluża referenza fil-preambolu tar-Regolament għad-Direttiva 95/46/KE u għar-Regolament (KE) Nru 45/2001;

tkun inkluża referenza għad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 fl-Artikolu 57(2)(f), kif sar fl-Artikolu 31(3) tal-proposta;

tissaħħaħ ir-referenza għad-Direttiva 95/46/KE fl-Artikolu 56(4)(f) (li għandu jsir 4(e) skont l-ordni loġika tas-subparagrafi) billi ssir “jiżguraw li kwalunkwe proċessar ta’ dejta personali jikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE”;

tkun mibdula l-frażi fl-Artikolu 57(2)(f) “jiżguraw protezzjoni raġonevoli ta' dejta personali” u ssir “jiżguraw li kwalunkwe proċessar ta' dejta personali jikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE”;

jkun żgurat fl-Artikolu 63(8) li l-identità tal-whistleblowers tibqa’ kunfidenzjali matul l-investigazzjonijiet sakemm dan ma jmurx kontra r-regoli nazzjonali li jirregolaw proċeduri ġudizzjarji u sakemm il-persuna akkużata b’irregolarità ma tkunx intitolata għaliha għaliex l-identità tal-whistleblower hi meħtieġa għall-istigazzjoni ta’ proċeduri legali kontra l-whistleblower wara li jkun ġie stabbilit li l-whistleblower għamel dikjarazzjonijiet foloz b’ħażen dwar il-persuna akkużata;

jkun iċċarat fl-Artikolu 31 l-għan u tiġi spjegata n-neċessità tal-iżvelar previst tal-informazzjoni dwar ir-riċevituri tal-fondi li jittieħdu mill-baġit, sabiex jiġi indikat kif u sa liema punt id-dejta personali sejra tiġi żvelata, sabiex jiġi żgurat li d-dejta tkun żvelata biss jekk dan ikun proporzjonat u li jkun żgurat li s-suġġetti tad-dejta jkunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jinsabu fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ dejta;

jiġi mtejjeb l-Artikolu 103(3), li jittratta l-pubblikazzjonijiet ta’ deċiżjonijiet jew taqsira ta’ deċiżjonijiet dwar penali amministrattivi u finanzjarji, billi jkun iċċarat l-għan u tiġi spjegata n-neċessità tal-iżvelar previst, sabiex jiġi indikat kif u sa liema punt id-dejta personali għandha tiġi żvelata, sabiex jiġi żgurat li d-dejta tkun żvelata biss jekk dan ikun proporzjonat u li jiġi żgurat li s-suġġetti tad-dejta jkunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jinsabu fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta;

jiżdied paragrafu ieħor mal-Artikolu 102 li jittratta l-protezzjoni tad-dejta personali billi jkun ipprovdut li l-aċċess għal awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi ikun permess biss meta r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jiġu segwiti bis-sħiħ u wara evalwazzjoni fuq il-bażi ta’ każ b’każ.

Magħmula fi Brussell, il-15 ta’ April 2011.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  Ara rispettivament COM(2010) 260 finali u COM(2010) 71 finali.

(5)  Ara l-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 56(4) tal-proposta. Hemm referenza ġenerali ulterjuri għar-“rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data” fil-premessa 36, għall-“protezjoni ta' data personali” fl-Artikolu 57(2)(f) u għar-“regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali” fl-Artikolu 102(1).

(6)  L-importanza li tinżamm b’mod kunfidenzjali l-identità tal-whistleblower diġà ġiet enfasizzata mill-KEPD f’ittra lill-Ombudsman Ewropew tat-30 ta’ Lulju 2010 fil-każ 2010-0458, li tinstab fuq is-sit elettroniku tal-KEPD (http://www.edps.europa.eu). Anke l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 enfasizza dan fl-Opinjoni 1/2006 tal-1 ta’ Frar 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data għal skemi ta’ whistle blowing intern fl-oqsma tal-kontabbiltà, kontrolli tal-kontabbiltà interna, materji tal-awditjar, ġlieda kontra t-tixħim, reati bankarji u finanzjarji, li jinstabu fuq is-sit elettroniku tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29: http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/index_en.htm).

(7)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Verifika minn Qabel tat-23 ta’ Ġunju 2006, dwar l-investigazzjonijiet interni tal-OLAF (Każ 2005-0418), u tal-4 ta’ Ottubru 2007 dwar l-investigazzjonijiet esterni tal-OLAF (Kawżi 2007-47, 2007-48, 2007-49, 2007-50, 2007-72) li jinstabu fuq is-sit elettroniku tal-KEPD (http;//www.edps.europa.eu).

(8)  F’dan ir-rigward ara wkoll l-Opinjoni 1/2006 imsemmija hawn fuq tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29.

(9)  ECJ 9 ta’ Novembru 2010, Schecke u Eifert, Kawżi konġunti C-92/09 u C-93/09.

(10)  ECJ, Schecke, para. 85.

(11)  ECJ, Schecke, para. 86.

(12)  ECJ, Schecke, para. 81.

(13)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 12.

(14)  ECJ, Schecke, para. 68, 69, 75 u 76.

(15)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008, ĠU L 76, 19.3.2008, p. 28.

(16)  Artikolu 44a tar-Regolament (KE) Nru 1290/205, ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1, kif emendat.

(17)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-verifika minn qabel tas-26 ta’ Mejju 2010 dwar l-operazzjoni ta’ proċessar fuq id-dejta personali li tikkonċerna “Ir-Reġistrazzjoni ta' Suġġett tad-Data fil-Bażi Ċentrali tad-Data tal-Esklużjoni” (Kawża 2009-0681), li jinsab fis-sit elettroniku tal-KEPD (http://www.edps.europa.eu).


Top