EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XE0508

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran”

OJ C 132, 3.5.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran”

2011/C 132/01

Matul is-sessjoni plenarja tal-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din ir-riżoluzzjoni b'149 vot favur, 11-il vot kontra u 10 astensjonijiet.

1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popli tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran li qed jissieltu b'mod paċifiku għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tagħhom, u jappoġġja l-għan leġittimu tagħhom li jwaqqfu demokraziji stabbli fil-pajjiżi tagħhom.

2.

Il-KESE jitlob li tintemm kull vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili u jirrispettaw ix-xewqa tan-nies għal transizzjoni demokratika u għad-dritt tagħhom għal-libertà tal-kelma u li jipprotestaw b'mod paċifiku.

3.

Il-KESE jappella għal transizzjoni paċifika u demokratika, mingħajr skużi, li twassal għall-istat tad-dritt, għal demokrazija stabbli bbażata fuq elezzjonijiet ħielsa u ġusti, għad-dritt sħiħ ta’ assoċjazzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

4.

F'dan il-mument storiku, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema u ta’ rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari fl-oqsma soċjoekonomiċi, ċivili, professjonali u kulturali b'vokazzjoni demokratika ċara – antiki jew li twaqqfu reċentement – fil-pajjiżi tal-Mediterran qegħdin jassumu rwol fundamentali biex jinbidlu r-reġimi politiċi u qegħdin jintalbu jaqdu rwol fundamentali fil-ġejjieni ta’ pajjiżhom. Sabiex it-transizzjoni twassal għal sistemi totalment demokratiċi, ser ikun essenzjali li jitwaqqaf djalogu kostruttiv u li jħalli l-frott bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet politiċi li jmexxu l-proċessi ta’ transizzjoni. Ser ikun tal-istess importanza wkoll il-kontribut mis-soċjetà ċivili għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta’ viċinat, inklużi l-kuntatti diretti bejn il-popli.

5.

Il-KESE jilqa' d-dikjarazzjonijiet reċenti tar-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera favur dawn il-proċessi demokratiċi u s-sejħa għal pjan ta’ għajnuna umanitarja għar-reġjun. Barra minn hekk, il-KESE jitlob impenn Ewropew ċar, kif jinsab inkluż f'dawn id-dikjarazzjonijiet, mas-soċjetà ċivili fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Is-servizz estern tal-UE wera li diġà qed jieħu passi biex dan l-impenn politiku jkun effettiv. Min-naħa tiegħu, il-KESE huwa lest li jsostni dan l-impenn politiku permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità, l-appoġġ għat-trawwim tal-kunsens u għall-iżvilupp mis-soċjetà ċivili tad-diversi pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u ta’ djalogu strutturat u rappreżentattiv. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li jiġi żviluppat dan l-approċċ il-ġdid: l-irvelli ċivili fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran joħorġu fid-dieher b'mod ċar id-dgħufijiet tal-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-UE li twettqet sal-lum il-ġurnata fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi.

6.

Għal dan il-għan, il-KESE qiegħed ikun disponibbli għall-kuntatti li diġà huma eżistenti u għal dawk ġodda, inklużi l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili li għandhom rabtiet mal-kontropartijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea, u l-Pjattaforma Mhux Governattiva Ewro-Mediterranja. Il-KESE qed jimmira għal azzjonijiet konġunti fir-reġjun favur transizzjoni paċifika lejn id-demokrazija.

7.

Il-KESE jappella għall-involviment tal-forzi demokratiċi kollha fil-proċess ta’ transizzjoni. L-involviment tal-organizzazzjonijiet demokratiċi u indipendenti ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, ser ikun essenzjali matul il-fażi ta’ transizzjoni.

8.

Il-KESE jappella biex l-UE tieħu miżuri ambizzjużi, li jirrevedu l-missjoni tal-Unjoni għall-Mediterran, biex tipprovdi assistenza politika u istituzzjonali, ekonomika, soċjali, teknika u umanitarja lill-pajjiżi tal-Mediterran li diġà qegħdin fit-triq lejn it-transizzjoni demokratika. Il-KESE jiddispjaċih li hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet. Għalhekk iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fir-reġjun u sabiex iġeddu profondament l-istrateġija tagħhom lejn il-Mediterran. F'dan l-approċċ il-ġdid, l-appoġġ tas-soċjetà ċivili għandu jkun komponent strateġiku sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi tar-reġjun iwassal għall-ogħla benefiċċji possibbli. Kemm il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), huma lesti li jiġu involuti f'dawn l-azzjonijiet.

9.

Il-KESE u l-KtR qablu li jgħaqqdu l-azzjonijiet futuri tagħhom, fir-rigward tal-proċessi ta’ transizzjoni demokratika fil-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Il-KESE u l-KtR jappellaw għal pjan ta’ azzjoni konġunt mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, li jistabbilixxi kif kull wieħed u waħda minnhom għandhom jikkontribwixxu għal politika ġenerali tal-UE fir-reġjun.

10.

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjoni l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tal-11 ta’ Marzu li jappoġġjaw l-iżvilupp demokratiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-Mediterran.

11.

Il-KESE jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu b'ħeffa u b'mod effettiv favur intervent koordinat immirat tal-komunità internazzjonali fil-Libja bil-għan li jiġu provduti s-sigurtà lill-popolazzjoni, għajnuna umanitarja u l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi appoġġjata t-transizzjoni lejn id-demokrazija.

Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top