EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0720

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fit-taqsimiet relevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

/* KUMM/2011/0720 finali - 2011/0320 (NLE) */

52011PC0720

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fit-taqsimiet relevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ /* KUMM/2011/0720 finali - 2011/0320 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ħarsa Ġenerali lejn it-Termini tas-Sħubija fid-WTO tal-Federazzjoni Russa

I. DAĦLA

Il-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Federazzjoni Russa waslu fl-istadju konklużiv tan-negozjati ta' ftehim dwar it-termini li skonthom il-Federazzjoni Russa tista' tissieħeb mal-organizzazzjoni. Dan wara 18-il sena ta' negozjati, li bdew meta l-Federazzjoni Russa ppreżentat l-applikazzjoni tagħha biex tingħaqad mad-WTO fl-1993. Issa, qabel ma l-UE tkun tista' tappoġġja b'mod formali s-sħubija tal-Federazzjoni Russa, irid ikun hemm Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova t-termini tas-sħubija tal-Federazzjoni Russa fid-WTO.

Hawn taħt qed tingħata taqsira tat-termini tas-sħubija.

II. TAQSIRA TAT-TERMINI TAS-SĦUBIJA TAL-FEDERAZZJONI RUSSA FID-WTO SKONT IS-SETTUR

Tariffi tal-Importazzjonijiet

Il-medja ġenerali tar-rata konsolidata finali (FBR) tal-Federazzjoni Russa hija ta' 7,6%.

Il-medja tal-FBR fir-rigward tal-merkanzija industrijali hija ta' 7,9%, iżda f'setturi differenti din tvarja minn żero dazju għall-prodotti tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informatika (ITA) għal medji baxxi fit-tagħmir mediku u l-farmaċewtiċi (4,3%), fit-tagħmir agrikolu (4,6%), fiż-żraben (5%), fit-tagħmir tal-kostruzzjoni u l-kimiċi (5,2%), għall-ogħla medji għall-ħġieġ (11.1%) u ċ-ċeramika (12.2.%).

L-istatistiċi tal-kummerċ għall-2010 juru li l-kimiċi, il-makkinarju u l-vetturi motorizzati huma tliet setturi industrijali ewlenin li jikkostitwixxu iktar minn 60% tat-total tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn ir-Russja. F'dawn is-setturi, il-medja ta' FBR tvarja minn 5,3% għall-kimiċi għal 6.5% għall-makkinarju u l-apparati tad-dar, għal 9.2% għall-vetturi u partijiet tagħhom.

Il-medja stimata tal-FBR fir-rigward tal-merkanzija agrikola hija ta' 11,5% bl-ogħla medji għar-ross (20%), il-prodotti tal-ħalib (14,6%) u ż-żjut veġetali (11,4%).

Mill-11 327 linja tariffarja fl-iskeda tal-merkanzija tal-Federazzjoni Russa, 6 992 mhux se jilħqu l-FBR fil-mument tas-sħubija, u minħabba f'hekk se jkollhom perjodu ta' implimentazzjoni. Mid-data tas-sħubija tal-Federazzjoni Russa mad-WTO, l-itwal perjodi ta' implimentazzjoni huma previsti għall-vetturi motorizzati (seba' snin) u għal ċerti kimiċi u prodotti tal-għamara (sitt snin).

Dawn il-livelli medji konsolidati għat-tariffi huma ferm raġonevoli, b'mod partikolari meta mqabbla mar-rati attwali medji konsolidati jew saħansitra applikati ta' pajjiżi tal-BRIC oħrajn. Pereżempju, l-FBR taċ-Ċina għall-merkanzija industrijali hija ta' 10% (rata medja applikata – 8,7%, dik tal-Brażil – 31,4% (rata applikata medja – 14,1%) u tal-Indja – 48,5% (rata applikata medja– 10,1%). Fl-agrikultura, iċ-Ċina hija suġġetta għal rata medja stmata ta' 15,6% u l-Indja – 31,8%.

It-Tariffi tal-Esportazzjonijiet

L-iskeda tal-merkanziji tal-Federazzjoni Russa tinkludi konċessjonijiet u impenji tariffarji mandatorji fuq l-esportazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' prodotti, prinċipalment materja prima, inkluż ħut u frott tal-baħar, żerriegħa, prodotti kimiċi u minerali, żejt u prodotti tal-gass, metalli mhux maħduma u fdalijiet, plastik, ġlud, injam, polpa, karta, ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż.

Servizzi

L-iskeda tal-impenji speċifiċi fis-servizzi tal-Federazzjoni Russa hija ferm sodisfaċenti u tagħti opportunitajiet tas-suq sinifikanti lill-fornituri tas-servizz Ewropew. Ir-Russja se tidħol għall-impenji tal-aċċess għas-suq u dawk tat-trattament nazzjonali f'firxa wiesgħa ta' setturi tas-servizz, inklużi s-servizzi professjonali, tal-kompjuter u servizzi kummerċjali oħrajn, is-servizzi tal-kostruzzjoni, dawk postali u servizzi oħrajn ta' twassil, it-telekomunikazzjoni, is-servizzi tal-aġenziji tal-aħbarijiet, it-trasport, id-distribuzzjoni, is-servizzi ambjentali, dawk finanzjarji (assigurazzjoni, banek u servizzi tas-sigurtà), dawk turistiċi u dawk marbuta mal-ivvjaġġar. Ir-Russja intrabtet ukoll bit-trasferimenti intrakorporattivi ta' persuni fiżiċi li jipprovdu servizzi u li jikkonċernaw viżitaturi b'interess kummerċjali, inklużi viżitaturi li jwaqqfu preżenza kummerċjali.

Impenji tal-protokoll

Fl-istadju aħħari multilaterali tal-proċess tas-sħubija, il-Membri tad-WTO flimkien raw li jiżguraw il-konformità bażika tal-liġijiet tal-kummerċ, ir-regolamenti, il-proċeduri amministrattivi u l-istituzzjonijiet tal-Federazzjoni Russa u tal-Unjoni Doganali (CU) bejn il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika tal-Każakistan u r-Repubblika tal-Belarus fejn ir-Russja kienet trasferiet il-kompetenzi regolatorji nazzjonali tagħha lill-CU, b'regoli u ftehimiet tad-WTO, li jistabbilixxu l-impenji korrispondenti fil-Protokoll tas-sħubija u fir-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma. Il-kwistjonijiet li ġejjin huma ta' interess partikolari għall-UE:

Id-drittijiet tal-kummerċ

Ir-Russja kkomettiet ruħha li tapplika l-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri l-oħrajn kollha li jaffettwaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' merkanzija b'konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Ftehim WTO, inkluż il-Ftehim dwar il-Proċeduri ta' Liċenzjar tal-Importazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet tal-GATT relevanti. Ir-Russja qablet, speċifikament fir-rigward tar-regolament dwar l-importazzjoni tax-xarbiet alkoħoliċi, il-farmaċewtiċi u prodotti bit-teknoloġija tal-kriptaġġ, li ma teħtieġx li liċenzji tal-importazzjoni jew l-attività jkollhom jgħaddu minn proċeduri ta' dikjarazzjoni doganali. Barra minn hekk, kwalunkwe permessi, awtorizzazzjoni bil-quddiem u rekwiżiti tal-liċenzjar li ma jistgħux ikunu ġġustifikati skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO għandhom jiġu eliminati u ma għandhomx jiġu applikati minn dakinhar li r-Russja tissieħeb mad-WTO.

Il-politiki tal-ipprezzar

Ir-Russja kkommettiet ruħha li tapplika kwalunkwe kontrolli tal-prezzijiet eżistenti jew futuri fuq prodotti u servizzi b'konsistenza mal-Ftehim tad-WTO u kkonfermat li l-miżuri tal-kontroll tal-prezz mhux se jiġu użati biex jipproteġu l-produzzjoni domestika ta' merkanziji, jew biex tiddgħajjef l-implimentazzjoni tal-impenji tas-servizzi tar-Russja. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ispejjeż kollha tat-trasport bil-ferrovija, ir-Russja kkommettiet ruħha li ma tagħtix trattament inqas favorevoli lill-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet minn dak li jingħata lil dawk il-prodotti li huma simili, sostitwibbli u li qegħdin f'kompetizzjoni diretta u li jiġu trasportati bejn postijiet domestiċi, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2013. Fir-rigward tal-gass naturali, ir-Russja qablet li tiżgura li l-produtturi u d-distributuri tal-gass naturali tal-Federazzjoni Russa joperaw fuq il-bażi ta' kunsiderazzjonijiet kummerċjali normali u fir-rigward tal-provvisti tagħhom għall-utenti industrijali, li jirkupraw l-ispejjeż tagħhom, inkluż l-investiment u t-trasport, b'tali mod li jkunu kapaċi jagħmlu qligħ.

Il-proċeduri u l-ħlasijiet doganali

F'dak li għandu x'jaqsam mal-valutazzjoni doganali, ir-Russja kkommettiet ruħha li tapplika il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki tagħha skont ir-regoli tad-WTO. B'mod partikolari, ir-Russja mhi se tagħmel użu minn l-ebda forma ta' valur minimu, bħall-prezzijiet ta' referenza jew skeda fissa ta' valutazzjoni għall-valutazzjoni doganali tal-merkanzija. Fir-rigward tad-deżinjazzjoni ta' punti tal-kontroll doganali speċifiċi għad-dikjarazzjoni, id-dħul jew il-ħruġ ta' ċerta merkanzija, ir-Russja pprovdiet lista eżawrjenti ta' tali miżuri u kkommettiet ruħha li teliminahom mill-jum tas-sħubija jekk dawn imorru kontra l-Ftehim WTO. Ir-Russja assumiet obbligu li tiżgura li l-livell tal-ħlasijiet doganali, inklużi l-ħlasijiet tal-approvazzjoni doganali, ma jaqbiżx il-prezz tas-servizzi pprovduti. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proċeduri ta' tranżitu, ir-Russja għandha tapplika l-liġijiet u r-regolamenti kollha tagħha kif ukoll miżuri dwar it-tranżitu tal-merkanzija (inkluża l-enerġija), bħal dawk il-ħlasijiet li jiggvernaw għat-trasport tal-merkanzija fit-tranżitu bit-triq, bil-ferrovija jew bl-ajru, u kwalunkwe ħlasijiet oħrajn u ħlasijiet doganali marbuta mat-tranżitu, b'konformità mal-Ftehim WTO.

L-ostakli tekniċi tal-kummerċ (TBT)

Ir-Russja kkommettiet ruħha biex tiżgura li r-regolamenti, l-istandards u l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità kollha applikati fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jirrispettaw il-prinċipji tal-Ftehim dwar it-TBT tad-WTO , inkluża t-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament nazzjonali. Kwalunkwe miżuri marbuta mat-TBT applikati fir-Russja, inklużi dawk adottati mill-korpi kompetenti tal-Komunità Ekonomika Ewroasjatika u l-CU, għandhom ikunu konformi mal-Ftehim WTO.

Il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS)

Ir-Russja kkommettiet ruħha li tiżviluppa u tapplika l-miżuri kollha b'rabta mal-SPS skont il-Ftehim tad-WTO mid-data tas-sħubija tagħha fid-WTO. B'mod partikolari, il-miżuri SPS għandhom jiġu applikati biss safejn hu meħtieġ biex tiġi mħarsa l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti; għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji xjentifiċi kif ukoll fuq valutazzjoni tar-riskju u, fejn jeżistu, fuq standards, linji gwida u rakkomandazzjonijiet internazzjonali; ma għandhomx ikunu aktar restrittivi kummerċjalment minn kemm hu meħtieġ sabiex jinkiseb livell xieraq ta' protezzjoni applikata fil-Federazzjoni Russa; u għandhom jintegraw l-implimentazzjoni tal-prinċipju ekwivalenti.

Il-Ftehim dwar Aspetti relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS)

Ir-Russja kkommettiet ruħha li tapplika bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO dwar it-TRIPS mid-data tas-sħubija fid-WTO, inklużi d-dispożizzjonijiet għall-infurzar, mingħajr rikors għal xi perjodu tranżitorju.

III. RAKKOMANDAZZJONI

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, bil-preżentazzjoni tat-termini tas-Sħubija tal-Federazzjoni Russa fid-WTO għall-approvazzjoni tal-Kunsill, dawn it-termini jirrappreżentaw pakkett ibbilanċjat għalkemm ambizzjuż ta' ftuħ tas-suq kif ukoll impenji regolatorji, li se jġibu ammont sostanzjali ta' benefiċċji lill-UE, lill-Federazzjoni Russa u lill-imsieħba tad-WTO tagħha fil-kummerċ.

2011/0320 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fit-taqsimiet relevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 91, 100(2), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) F'Ġunju 1993 il-Gvern tal-Federazzjoni Russa applika għas-sħubija fil-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), skont l-Artikolu XII ta' dak il-Ftehim.

(2) Bejn is-16 u s-17 ta' Ġunju 1993, ġie stabbilit Grupp ta' Ħidma dwar is-sħubija tal-Federazzjoni Russa sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-termini tas-sħubija aċċettabbli għall-Federazzjoni Russa u l-Memrbi kollha tad-WTO.

(3) Il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, innegozjat serje komprensiva f'dak li hu ftuħ tas-swieq u impenji regolatorji oħra min-naħa tal-Federazzjoni Russa li jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-għanijiet tal-Unjoni u li jikkonformaw mal-livell ta' żvilupp tal-Federazzjoni Russa.

(4) Dawn l-impenji huma issa mnaqqxa fil-Protokoll tas-Sħubija tal-Federazzjoni Russa mal-WTO.

(5) Is-sħubija tad-WTO mistennija tkun ta' kontribut pożittiv fit-tul fil-proċess ta' riforma ekonomika u żvilupp sostenibbli fil-Federazzjoni Russa.

(6) Il-Protokoll tas-Sħubija għandu għalhekk jiġi approvat.

(7) L-Artikolu XII tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO jipprovdi li għandu jintlaħaq ftehim dwar it-termini tas-sħubija bejn il-Membru li qed jissieħeb u d-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO tapprova t-termini tas-sħubija min-naħa tad-WTO. L-Artikolu IV.2 tal-Ftehim jistabbilixxi li d-WTO, jipprovdi li matul l-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha għandhom jitmexxu mill-Kunsill Ġenerali.

(8) Bl-istess mod, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fit-taqsimiet relevanti tad-WTO, kemm jekk fil-Konferenza Ministerjali kif ukoll fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

1. Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fit-taqsimiet relevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

2. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata.

Magħmul fi […],

Għall-Kunsill

Il-President

Top