EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0569

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù

/* KUMM/2011/0569 finali - 2011/0249 (NLE) */

52011PC0569

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù /* KUMM/2011/0569 finali - 2011/0249 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali biex jiġi konkluż il-ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù:

- Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-ftehim kummerċjali.

In-negozjati bejn l-UE u l-Komunità Andina tan-Nazzjonijiet (minn hawn ’il quddiem il-Komunità Andina) għal ftehim ta' assoċjazzjoni minn reġjun għal reġjun, inkluż id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-kummerċ ġew varati f'Ġunju 2007 wara deċiżjoni tal-Kunsill biex ikunu awtorizzati dawn in-negozjati f'April tal-istess sena. Sfortunatament, in-nuqqas ta' ftehim bejn il-pajjiżi Andini dwar l-approċċi għal għadd ta' kwistjonijiet ewlenin dwar il-kummerċ skont il-ftehim previst waslu għas-sospensjoni tat-taħditiet f'Ġunju 2008. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni ressqet rakkomandazzjoni lill-Kunsill fis-17 ta' Diċembru 2008 bil-għan li tiġi modifikata l-awtorizzazzjoni eżistenti hekk ikomplu għaddejjin in-negozjati ta' ftehim dwar il-kummerċ ma' dawk il-pajjiżi tal-Komunità Andina li huma lesti li jibqgħu għaddejjin.

Fid-19 ta' Jannar 2009, il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar il-kummerċ multipartitiku ma' dawk il-pajjiżi li għandhom l-istess objettiv ġenerali bħal tagħna, dak ta' ftehim ibbilanċjat, ambizzjuż. komprensiv u kompatibbli mad-WTO. Il-Presidenti tal-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù kkonfermaw l-impenn tagħhom biex jinnegozjaw permezz ta' ittri lill-President Barroso f'Jannar 2009. II-Bolivja kienet ikkritikat bil-qawwa l-format il-ġdid, u ma kinitx uriet interess li tipparteċipa. Għaldaqstant f'Jannar 2009 kienu ġew varati negozjati ġodda għal ftehim kummerċjali multipartitiku bejn l-UE u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù. Wara erba' sessjonijiet, l-Ekwador issospenda l-parteċipazzjoni tiegħu fit-taħditiet u n-negozjati għalhekk komplew għaddejjin mal-Kolombja u l-Perù biss. In-negozjati ntemmew b'suċċess f'Mejju 2010 u — wara fażi ta' reviżjoni legali — it-test tal-ftehim kummerċjali kien inizjalat mal-Kolombja u l-Perù fit-23 ta' Marzu 2011.

Kif stipulat fid-direttivi tan-negozjati, il-Kummissjoni laħqet l-objettivi biex jiġu eliminati tariffi għoljin, jiġu indirizzati l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, jiġu liberalizzati s-swieq tas-servizzi, jitħarsu l-indikazzjonijiet ġeografiċi Ewropej importanti (il-GIs), jinfetħu s-swieq tal-akkwisti pubbliċi, jiġu inklużi impenji dwar l-infurzar tal-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali u jiġu offruti proċeduri għas-soluzzjoni għat-tilwim li jkunu effettivi u li ma jiħdux ħafna żmien. B'hekk jintlaħaq ukoll l-għan li mmorru lil hinn sew mill-impenji tad-WTO u li niżguraw livell ekwu mal-kompetituri fir-reġjun, bħalma huma l-Istati Uniti.

Fuq kollox, il-ftehim huwa opportunità għall-UE biex tirfed ir-riformi tal-Kolombja u l-Perù għall-integrazzjoni tal-ekonomija globali, biex jitkattar il-ġid soċjali u jiġi kkonsolidat it-tkabbir tagħhom bil-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popli tagħhom. Membri oħra tal-Komunità Andina huma inkoraġġuti wkoll permezz ta' klawżola ta' adeżjoni biex jipparteċipaw fil-ftehim kummerċjali meta jidhrilhom li hu ż-żmien li jsir dan.

L-Istati Membri tal-UE kienu infurmati bil-fomm u bil-kitba dwar il-proċess tan-negozjati mal-Kolombja, il-Perù u — sakemm kien qed jipparteċipa, l-Ekwador — permezz tal-Kumitat dwar il-Politika Kummerċjali tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew kien qiegħed jiġi wkoll infurmat regolarment bl-iżviluppi permezz tal-Kumitat tal-Kummerċ Internazzjonali (l-INTA). Tul il-proċess, it-test sħiħ li ħareġ min-negozjati ġie ċċirkolat liż-żewġ istituzzjonijiet. F'Ottubru 2009 saret u ġiet ippubblikata Stima dettaljata tal-Impatt dwar is-Sostenibbiltà Kummerċjali (SIA) li tanalizza l-effetti potenzjali — ta' natura ekonomika, soċjali u ambjentali — tal-Ftehim.

2. Natura u Firxa tal-Ftehim

Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi tal-UE biex jisfruttaw kull vantaġġ mill-opportunitajiet u l-komplementaritajiet li qed jixirfu bejn l-ekonomiji rispettivi tagħna. Lill-esportaturi tal-UE ta' prodotti industrijali u tas-sajd, tul l-implimentazzjoni tiegħu il-Ftehim se jkun qed jiffrankalhom il-ħlas kollu taz-dazji doganali. Il-Ftehim jissodisfa l-kriterji fl-artikolu XXIV tal-GATT (biex jiġu eliminati d-dazji u regoalmenti restrittivi oħra tal-kummerċ fir-rigward ta' sostanzjalment il-kummerċ kollu bejn il-partijiet), jiġifieri: li huma koperti 99% tal-esportazzjonijiet mill-UE (100% tal-kummerċ tagħna fi prodotti industrijali f'10 snin; u c.85% tal-agrikoltura wara 17-il sena). Barra minn dan, dan jippermetti li jiġu eliminati wħud mill-ostakli mhux tariffarji diffiċli. Il-Perù u l-Kolombja, min-naħa tagħhom, se jibbenefikaw minn aċċess sostanzjali u ġdid lejn is-suq tal-UE b'mod partikolari għall-esportazzjonijiet agrikoli ewlenin tagħhom. il-banana, iz-zokkor u r-rum, filwaqt li l-UE se tagħti kopertura 100% mingħajr dazju għall-prodotti industrijali u tas-sajd ta' oriġini Kolombjana u Peruvjana appena l-Ftehim jidħol fis-seħħ.

Fejn tidħol il-kopertura tas-servizzi u l-istabbiliment, kif ukoll dik tal-akkwisti pubbliċi, il-ftehim huwa wieħed mill-aktar ambizzjużi li l-Kummissjoni qatt innegozjat. Dan jinkludi impenji sostanzjali fis-setturi ewlenin kollha (jiġifieri s-servizzi finanzjarji, it-telekomunikazzjoni, it-trasport) għall-provvisti u l-istabbiliment transkonfinali, b'mod partikolari, filwaqt li ġie indirizzat b'mod sodisfaċenti t-tħassib tal-UE fejn tidħol il-preżenza temporanja ta' persuni fiżiċi għall-finijiet ta' negozju (il-mode 4). Fejn jidħol l-akkwist, l-UE kisbet impenn mill-istituzzjonijiet kemm fil-livell ċentrali kif ukoll dak subċentrali b'limiti pjuttost baxxi.

Il-ftehim jistabbilixxi wkoll sett ta' dixxiplini li jmorru lil hinn minn dawn miftiehma fil-qafas multilaterali, notevolment dwar il-proprjetà intellettwali (eż. 205 indikazzjoni ġeografika protetta fl-UE, kundizzjonijiet iċċarati dwar il-protezzjoni tad-dejta); l-iżvilupp sostenibbli (il-ftehim, fejn jidħlu kwistjonijiet dwar ix-xogħol u dawk ambjentali, huwa ekwivalenti għall-GSP+, jew ogħla minn hekk, u jinkludi impenji speċifiċi dwar is-sajd sostenibbli); il-kompetizzjoni (dixxiplini fuq il-monopolji u l-intrapriżi tal-Istat – obbligi marbuta mat-trasparenza dwar is-sussidji); l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (elementi WTO+ dwar is-sorveljanza tas-swieq, it-trasparenza fil-proċeduri ta' regolazzjoni u d-dixxiplini dwar it-tikkettar u l-immarkar); il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (miżuri WTO+ dwar il-benesseri tal-annimali, ir-reġjonalizzazzjoni, l-approvazzjoni ta' stabbilimenti tal-esportazzjoni, l-ispezzjonijiet fuq il-post u l-kontrolli fuq l-importazzjonijiet) fost l-oħrajn. Barra minn dan, il-ftehim jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ kif ukoll sett ta' subkumitati b'mod li jkun possibbli li jsiru konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi dwar il-kummerċ skont it-titoli differenti tiegħu. Għaldaqstant, valur addizzjonali prinċipali tal-ftehim huwa li dan jiffissa u jippromwovi – lil hinn minn dawk ir-regoli mnissla mill-qafas tad-WTO, kif ukoll ogħla minnhom – politiki ta' ftuħ u rispett lejn l-aqwa prassi maqbula internazzjonalment fil-livell domestiku filwaqt li jiġi garantit ambjent trasparenti, mhux diskriminatorju u prevedibbli għall-operaturi u l-investituri tal-UE fir-reġjun, partikolarment permezz ta' mekkaniżmu bilaterali għas-soluzzjoni għat-tilwim previst fil-ftehim.

Il-ftehim jinkludi wkoll Titolu dwar l-assistenza teknika u dwar il-bini tal-kapaċità kummerċjali hekk li jiġu promossi l-kompetittività, l-innovazzjoni, kif ukoll jiġu ffaċilitati t-trasferimenti tal-kummerċ u tat-teknoloġija bejn il-paritjiet.

L-oqsma kollha koperti mill-ftehim kummerċjali jaqgħu fil-kompetenza tal-UE, speċifikament fl-ambitu tal-Artikoli 91, 100(2) u 207 TFUE. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea se tikkonkludi l-ftehim skont id-deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(6) TFUE, wara li jingħata l-kunsens mill-Palament Ewropew.

3. PROċEDURI

Il-Kummissjoni kienet sodisfatta bir-riżultati tan-negozjati u titlob lill-Kunsill:

- jikkonkludi, f'isem l-Unjoni Ewropea, il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù;

- Il-Parlament Ewropew se jintalab jagħti l-kunsens tiegħu biex jiġi konkluż il-Ftehim Kummerċjali.

2011/0249 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 91, 100(2), 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew[1],

Billi:

1. Fid-19 ta' Jannar 2009, il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar il-kummerċ multipartitiku f'isem l-Unjoni Ewropea mal-Pajjiżi Membri tal-Komunità Andina li kellhom l-istess objettiv ta' ftehim kummerċjali ambizzjuż, komprensiv u bilanċjat.

2. (2) Dawk in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù (minn issa ’l quddiem "il-Ftehim") kien inizjalat fit-23 ta' Marzu 2011.

3. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru …/2011/UE ta' ...[2], il-Ftehim ġie ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea fil-..., suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard.

4. Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

5. Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat, huwa f'loku li l-Kunsill jawtorizza l-Kummissjoni tapprova l-modifiki li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Kummerċjali, kif propost mis-Subkumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikolu 209, il-paragrafu 2, tal-Ftehim.

6. Huwa f'loku li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti biex jitħarsu l-indikazzjonijiet ġeografiċi li huma protetti skont il-Ftehim.

7. Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala wieħed li jagħti xi drittijiet jew li jimponi xi obbligi li jistgħu jitqajmu direttament fil-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna(i) mogħtija s-setgħa biex jipproċedu f'isem l-Unjoni Ewropea biex iwasslu n-notifika msemmija fl-Artikolu 330, il-paragrafu 1 tal-Ftehim, sabiex jesprimu l-kunsens tal-Unjoni Ewropea biex din tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Għall-finijiet tal-Artikolu 209, il-paragrafu 2, tal-Ftehim, il-modifiki tal-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet mill-Kumitat tal-Kummerċ kif proposti mis-Subkumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni Ewropea. Fejn xi partijiet interessati ma jirnexxilhomx jilħqu qbil wara oġġezzjonijiet marbuta ma' xi Indikazzjoni Ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta tali pożizzjoni abbażi tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel[3]. Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[4] għandu jkun xahar.

Artikolu 4

Kull operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, tal-ikel, inbejjed, inbejjed u spirti aromatiċi li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti jista' juża isem protett skont l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII (Lista tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi) tal-Ftehim.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jinfurzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 210 tal-Ftehim, inkluż fuq talba minn parti interessata.

Artikolu 5

Id-dispożizzjoni applikabbli għall-finijiet tal-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni neċessarji għall-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fl-Appendiċi 2A u l-Appendiċi 5 tal-Anness II li jikkonċerna d-Definizzjoni tal-Kunċett ta 'Prodotti li Joriġinaw' u l-Metodi ta' Kooperazzjoni Amminsitrattiva, u l-Appendiċi 1 tal-Anness I li jikkonċerna t-Tneħħija tad-Dazji Doganali tal-Ftehim huwa l-Artikolu 247a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità[5].

Artikolu 6

Il-ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala wieħed li jagħti xi drittijiet jew li jimponi xi obbligi li jistgħu jitqajmu direttament fil-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

DIKJARAZZJONI LEGIŻLATTIVA FINANZJARJA GĦAL PROPOSTI LI JKOLLHOM IMPATT LIMITAT ESKLUŻIVAMENT GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL

1. ISEM IL-PROPOSTA:

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù

2. LINJI BAĠITARJI:

Kapitolu u Artikolu: 12 0

Ammont ibbaġitjat għal tmiem il-perjodu ta' implimentazzjoni

3. IMPATT FINANZJARJU

( Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji

( Il-proposta ma għandhiex impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett hu dan li ġej:

(miljuni EUR imqarrba lejn post deċimali wieħed)

Linja baġitarja | Dħul[6] | perjodu fuq 12-il xahar li jibda mill-jj/xx/ssss | [Sena n] |

Artikolu … | Impatt fuq ir-riżorsi proprji | 137.5 |

Artikolu … | Impatt fuq ir-riżorsi proprji |

Is-sitwazzjoni wara l-azzjoni |

[n+1] | [n+2] | [n+3] | [n+4] | [n+5] |

Artikolu … |

Artikolu … |

4. MIŻURI KONTRA L-FRODI

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dwana hija mfassla biex tiżgura l-applikazzjoni tajba tal-miżuri kollha tal-UE dwar id-dwana, inklużi l-preferenzi tariffarji stabbiliti f'dan il-ftehim kummerċjali, li jinkludi wkoll id-dispożizzjonijiet neċessarji dwar l-applikazzjoni tar-regoli preferenzjali tal-oriġini u tal-kooperazzjoni amministrattiva (l-Anness II), l-assistenza fit-talbiet għall-għajnuna (l-Anness V), u l-possibbiltà, wara l-konsultazzjonijiet, tal-irtirar temporanju tal-preferenzi tat-tariffi fil-każ ta' frodi u irregolaritajiet li jinvolvu trattament preferenzjali (l-Anness III).

5. RIMARKI OĦRAJN

Din l-istima hija bbażata fuq il-medja ta' importazzjonijiet għall-perjodu 2007-2009 u tirrappreżenta t-telf annwali mid-dħul kawża (1) tal-implimentazzjoni sħiħa tal-preferenzi tariffarji negozjati tal-Ftehim Kummerċjali, jiġifieri: 10 snin wara li jidħol fis-seħħ u (2) il-livelli inizjali tal-kwoti tar-rati tariffarji konċessi. Tul is-snin preċedenti, it-telf fid-dħul se jkun inferjuri anki meta tiġi kkunsidrata l-probabbiltà ta' żieda fl-importazzjonijiet ta' prodotti li d-dazji fuqhom se jitnaqqsu fi stadji, u li dan se jkun qed jikkumpensa, parzjalment, għat-telf.

[1] ĠU C , , p. .

[2] Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU ... flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar tiegħu.

[3] ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

[4] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[5] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

[6] Dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji agrikoli, imposti fuq iz-zokkor, dazji doganali), l-ammonti indikati jridu jkunu netti, jiġifieri ammonti gross wara t-tnaqqis ta' 25% tal-ispejjeż tal-ġbir.

Top