EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0543

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana

/* KUMM/2011/0543 finali - 2011/0235 (NLE) */

52011PC0543

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana /* KUMM/2011/0543 finali - 2011/0235 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fid-9 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja[1].

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/[…]/PESK ta' […][2] tipprovdi għall-adozzjoni ta' miżuri ulterjuri inkluża projbizzjoni tax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport mis-Sirja ta’ żejt mhux raffinat u prodotti petroliferi, u l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi għal persuni u entitajiet oħra li jibbenefikaw minn Bashar Al-Assad u r-reġim tiegħu, jew jappoġġjawhom. Il-persuni, entitajiet u korpi addizzjonali li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni.

Dawn il-miżuri ġew adottati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru [...]/2011.

Xi prodotti soġġetti għal dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, li għandu jiġi sospiż f'dak li jirrigwarda dawn il-prodotti.

Minn Marzu 2011, l-awtoritajiet Sirjani wettqu ksur serju ħafna tad-drittijiet tal-bniedem li jista' jammonta għal krimini kontra l-umanità kif stmat mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fid-dikjarazzjoni tagħha tat-18 ta’Awwissu 2011.

Minbarra dan, il-Preambolu tal-Ftehim ta' Koperazzjoni jindika li l-Partijiet Kontraenti, bil-konklużjoni ta' dan il-Ftehim, xtaqu "juru x-xewqa komuni tagħhom li jżommu u jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”. Fiċ-ċirkustanzi attwali, ma għadux jista' jitqies li jista' jkun hemm “relazzjonijiet ta’ ħbiberija skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” mas-Sirja.

Min-naħa l-oħra, il-poplu Sirjan, li diġà qed isofri mir-ripressjoni, ma għandux jiġi milqut minn sospensjoni tal-koperazzjoni globali mas-Sirja. Għalhekk is-sospensjoni għandha tiġi mmirata biss lejn l-awtoritajiet Sirjani. Meta jitqies li fil-preżent iż-żejt mhux raffinat u prodotti petroliferi huma prodotti li l-kummerċ tagħhom jibbenefika l-aktar lir-reġim Sirjan u li għalhekk jappoġġja l-politiki ripressivi tiegħu, is-sospensjoni tal-ftehim ta' koperazzjoni għandha tkun limitata għaż-żejt mhux raffinat u l-prodotti petroliferi.

2011/0235 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. Fit-18 ta' Jannar 1977, il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana kkonkludew Ftehim ta’ Koperazzjoni ("il-Ftehim ta' Koperazzjoni")[3] biex jippromwovu l-koperazzjoni ġenerali bil-ħsieb li jsaħħu r-relazzjonijiet ta' bejniethom.

2. Il-Ftehim ta’ Koperazzjoni huwa bbażat fuq x-xewqa komuni tal-Partijiet li jżommu u jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

3. Minn Marzu 2011, kibru l-protesti kontra l-abbużi speċifiċi tal-poter minn uffiċjali Sirjani f'kuntest ġenerali ta' skuntentizza ekonomika u politika dejjem tikber. Protesti kawti li bdew f'reġjuni marġinalizzati żviluppaw f'ribelljoni madwar il-pajjiż kollu. L-awtoritajiet Sirjani wieġbu, u qed ikomplu jwieġbu, b' mod vjolenti ħafna inkluż billi jisparaw fuq dimostranti paċifiċi.

4. Fit-18 ta’Awwissu 2011, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ħarġet stqarrija lis-17-il Sessjoni Speċjali tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana” li fiha hija fakkret li fir-rapport tagħha tat-18 ta' Awwissu, il-missjoni esploratorja fis-Sirja mitluba mill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem kienet sabet sitwazzjoni konsistenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem mifrux jew sistematiku mill-forzi tas-sigurtà u militari Sirjani, inkluż qtil, għajbien sfurzat, tortura, ċaħda tal-libertà, u persekuzzjoni. Il-Kummissarju Għoli qieset li l-iskala u n-natura ta' dawn l-atti jistgħu jitqiesu bħala krimini kontra l-umanità u ħeġġet lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jikkunsidraw li jirreferu s-sitwazzjoni attwali fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali.

5. Fl-istess jum, l-UE kkundannat il-kampanja brutali li saret minn Bashar Al-Assad u r-reġim tiegħu kontra l-poplu tagħhom stess li kienet wasslet għall-qtil jew korriment ta’ ħafna ċittadini Sirjani. L-UE ripetutament enfasizzat li r-ripressjoni brutali trid tieqaf, il-manifestanti detenuti jridu jinħelsu, l-organizzazzjonijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u l-midja jridu jingħataw aċċess ħieles, u jrid jitnieda djalogu nazzjonali ġenwin u inklużiv. Il-mexxejja Sirjani, madankollu, komplew jisfidaw is-sejħiet tal-UE u l-komunità internazzjonali aktar wiesgħa.

6. Fit-23 ta’ Awwissu 2011, il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem adotta riżoluzzjoni dwar il-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija tas-Sirja li fiha kkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet gravi u persistenti tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-awtoritajiet Sirjani, tenna s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet Sirjani biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali, enfasizza l-ħtieġa għal investigazzjoni internazzjonali, trasparenti, indipendenti u immedjata dwar l-allegat ksur tal-liġi internazzjonali, inklużi azzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu krimini kontra l-umanità u biex dawk li kienu responsabbli jirrispondu għal għemilhom, u ddeċieda li jibgħat kummissjoni internazzjonali indipendenti ta’ inkjesta biex tinvestiga vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja.

7. Fid-dawl tal-ksur serju min-naħa tas-Sirja tal-obbligi li jirriżultaw partikolarment minn normi perentorji tad-dritt internazzjonali ġenerali, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tadotta miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-reġim Sirjan u tqis li hu neċessarju li tissospendi parzjalment l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni.

8. Minbarra dan, skont il-Preambolu tal-Ftehim ta' Koperazzjoni, permezz tal-konklużjoni ta' dan il-Ftehim, iż-żewġ Partijiet xtaqu juru x-xewqa komuni tagħhom li jżommu u jsaħħu relazzjonijiet ta’ ħbiberija skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Fiċ-ċirkostanzi kurrenti, l-Unjoni Ewropea tikkunsidra li s-sitwazzjoni attwali fis-Sirja tmur b'mod ċar kontra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkostitwixxu l-bażi tal-koperazzjoni bejn is-Sirja u l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, hija tqis li seħħet bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi meta mqabbla ma' dawk eżistenti fiż-żmien tal-konklużjoni ta' dan il-Ftehim, liema bidla tiġġustifika sospensjoni parzjali tal-Ftehim ta' Koperazzjoni.

9. Is-sospensjoni parzjali għandha ddum sa meta l-awtoritajiet Sirjani jtemmu l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u jkunu jistgħu mill-ġdid jitqiesu bħala konformi mal-prinċipji li jiffurmaw il-bażi tal-Ftehim ta' Koperazzjoni.

10. Meta jitqies li s-sospensjoni għandu jkollha l-għan li tolqot lill-awtoritajiet Sirjani biss u mhux lill-poplu tas-Sirja, is-sospensjoni għandha tkun limitata. Billi fil-preżent iż-żejt mhux raffinat u l-prodotti petroliferi huma l-prodotti li l-kummerċ tagħhom l-aktar jibbenefika lir-reġim Sirjan u li għalhekk jappoġġjaw il-politiki ripressivi tiegħu, is-sospensjoni tal-Ftehim għandha tkun limitata għaż-żejt mhux raffinat u l-prodotti petroliferi.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 12 u l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana huma sospiżi f'dak li jirrigwarda l-miżuri elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tkun innotifikata lis-Sirja.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-[ ] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Lista tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1

11. L-importazzjoni ta' żejt mhux raffinat u ta' prodotti petroliferi fl-Unjoni jekk dawn

12. joriġinaw fis-Sirja; jew

13. ġew esportati mis-Sirja;

14. Ix-xiri ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ prodotti petroliferi li jinsabu fis-Sirja jew li joriġinaw fiha;

15. It-trasport taż-żejt mhux raffinat jew tal-prodotti petroliferi jekk dawn joriġinaw fis-Sirja, jew ikunu qed jiġu esportati mis-Sirja lejn kwalunkwe pajjiż ieħor;

16. Il-forniment, direttament jew indirettament, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi derivattivi finanzjarji u prodotti ta' futures, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mad-dispożizzjonijiet fil-paragrafi (1), (2) u (3); u

17. Il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonali, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li, direttament jew indirettament, jevitaw il-projbizzjonijiet fil-punti (1), (2), (3) jew (4).

[1] ĠU L 121, 10.5.2011, p. 11.

[2] ĠU L […]

[3] ĠU L 269, 27.9.1978, p. 2.

Top