EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0280

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri

/* KUMM/2011/0280 finali */

52011PC0280




MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-leġiżlazzjoni Awstraljana tagħti s-setgħa lis-Servizz Doganali Awstraljan li jitlob lil kull trasportatur bl-ajru li jopera fuq titjiriet għall-passiġġieri li jtiru lejn jew mill-Awstralja, biex jipprovdilu aċċess elettroniku għad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) qabel il-wasla tal-passiġġieri fl-Awstralja jew it-tluq tagħhom minnha. Ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet Awstraljani huma bbażati fuq it-Taqsima 64AF tal-Att Doganali tal-Commonwealth (Cth) tal-1901, tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Doganali tal-1985 (Cth), tal-Att dwar il-Migrazzjoni tal-1958 (Cth), tal-Att dwar ir-Reati tal-1914 (Cth), tal-Att dwar il-Privatezza tal-1988 (Cth) u tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tal-1982 (Cth).

Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tikseb id-dejta tal-PNR b'mod elettroniku qabel il-wasla tat-titjira u għalhekk tenfasizza b'mod sinifikanti l-abbiltà tas-Servizz Doganali Awstraljan li jwettaq bil-quddiem valutazzjonijiet effiċjenti u effettivi tar-riskju ppreżentat mill-passiġġieri u li jiffaċilita l-ivvjaġġar b'bona fide, u b'hekk issaħħaħ is-sigurtà tal-Awstralja. B'kooperazzjoni mal-Awstralja fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu u reati kriminali transnazzjonali serji oħra, l-Unjoni Ewropea tqis it-trasferiment tad-dejta lill-Awstralja bħala mezz biex tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja, li għandha tinkiseb permezz tat-trasferiment ta' informazzjoni analitika mid-dejta tal-PNR li tgħaddi mill-Awstralja għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll għall-Europol u l-Eurojust, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Il-PNR huwa reġistru tar-rekwiżiti għall-ivvjaġġar ta' kull passiġġier, li jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ir-riżervazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pproċessati u kkontrollati mit-trasportaturi bl-ajru.

It-trasportaturi bl-ajru għandhom l-obbligu li jagħtu l-aċċess lis-Servizz Doganali Awstraljan għal ċerta dejta tal-PNR, kemm-il darba din tkun tinġabar u tkun tinsab fis-sistemi awtomatizzati ta' riżervazzjoni u ta' kontroll tat-tluq tat-trasportaturi bl-ajru.

Il-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta ma jippermettux li t-trasportaturi Ewropej jew li trasportaturi oħra li joperaw fuq titjiriet mill-UE, jittrażmettu d-dejta tal-PNR tal-passiġġieri tagħhom lil pajjiżi terzi li ma jassigurawx livell adegwat ta' protezzjoni tad-dejta personali mingħajr ma jippreżentaw salvagwardji xierqa. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni li tipprovdi l-bażi legali għat-trasferiment mill-UE tad-dejta tal-PNR għall-Awstralja bħala rikonoxximent tal-ħtieġa u tal-importanza tal-użu tad-dejta tal-PNR fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati kriminali transnazzjonali serji oħra, filwaqt li tiġi evitata l-inċertezza legali għat-trasportaturi bl-ajru. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata b'mod omoġenju mal-Unjoni Ewropea kollha sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali għat-trasportaturi bl-ajru u r-rispett lejn id-drittijiet tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll għas-sigurtà fiżika tagħhom.

Fl-2008, l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehim mal-Awstralja dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta tal-PNR, ibbażat fuq sett ta' impenji tas-Servizz Doganali Awstraljan fir-rigward tal-applikazzjoni tal-programm tiegħu tal-PNR[1].

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u sakemm jiġi konkluż il-ftehim, il-Kunsill bagħat il-Ftehim tal-2008 li sar mal-Awstralja lill-Parlament Ewropew biex jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim. Il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni[2] li biha ddeċieda li jipposponi l-votazzjoni tiegħu dwar it-talba għall-approvazzjoni u talab li jkun hemm negozjar mill-ġdid tal-Ftehim abbażi ta' ċerti kriterji. Sakemm sar dan in-negozjar mill-ġdid, il-Ftehim tal-2008 kellu jibqa' applikabbli fuq bażi proviżorja.

Fil-21 ta' Settembru 2010, il-Kunsill irċieva rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissjoni biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar it-trasferiment u l-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u ta' reati kriminali transnazzjonali serji oħra u għall-ġlieda kontrihom.

Fil-11 ta' Novembru 2010, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.

Fit-2 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni, flimkien ma' direttiva ta' negozjati, li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea. B'riżultat ta' dawn in-negozjati bejn il-Partijiet, ġie inizjalat il-Ftehim fis-6 ta' Mejju 2011.

Dan il-Ftehim jikkunsidra u jżomm konsistenza mal-kriterji ġenerali stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Approċċ Globali għat-trasferiment tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi[3] u d-direttivi ta' negozjati mogħtija mill-Kunsill.

Nstab li l-PNR jikkostitwixxi għodda importanti ħafna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati kriminali serji. Il-Ftehim assigura diversi salvagwardji importanti għal dawk l-individwi li d-dejta tagħhom għandha tiġi trasferita jew ipproċessata. B'mod partikolari, l-iskop tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR huwa strettament limitat għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali transnazzjonali serji. L-individwi huma mogħtija d-drittijiet għall-aċċess, il-korrezzjoni, ir-rimedjar u l-informazzjoni. . Id-dejta għandha tiġi trasferita billi jintuża esklużivament il-metodu "push", waqt li l-użu ta' dejta sensittiva huwa pprojbit. Il-perjodu taż-żamma tad-dejta tal-PNR huwa limitat u d-dejta għandha tiġi depersonalizzata wara ċertu żmien. Il-konformità ma' dawn ir-regoli għandha tkun soġġetta għal sorveljanza indipendenti mill-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni.

L-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill għandu jawtorizza l-iffirmar ta' ftehimiet internazzjonali.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni għall-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri.

2011/0125 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Fit-2 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni, flimkien ma' direttivi ta' negozjati, li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar it-trasferiment u l-użu ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u ta' reati kriminali transnazzjonali serji oħra u għall-ġlieda kontrihom.

(2) Il-Ftehim ġie innegozjat. In-negozjati ġew konklużi b'suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim.

(3) Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data ulterjuri.

(4) Dan il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment id-dritt għal ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, kif rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, kif rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali kif rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(5) [F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.]

(6) B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta bil-Ftehim jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, huwa b’dan approvat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data ulterjuri.

It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Il-Kummissjoni hija awtorizzata li taħtar il-persuni li jkollhom is-setgħa li jipproċedu bl-iffirmar tad-Deċiżjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

FTEHIM

Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri

L-UNJONI EWROPEA,

min-naħa l-waħda, u

L-AWSTRALJA,

min-naħa l-oħra,

Minn hawn ‘il quddiem imsemmija flimkien bħala "il-Partijiet",

WAQT LI JIXTIEQU li jipprevjenu u li jiġġieldu kontra t-terroriżmu u r-reati kriminali transnazzjonali serji b'mod effettiv, bħala mezz biex jipproteġu s-soċjetajiet demokratiċi u l-valuri komuni rispettivi tagħhom;

WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-ispirtu tas-sħubija UE-Awstralja;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija element fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati kriminali transnazzjonali serji, u li f’dan il-kuntest, l-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) jikkostitwixxi għodda essenzjali;

WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati kriminali transnazzjonali serji, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari, il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta;

FILWAQT LI JŻOMMU F'MOĦĦHOM l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tal-proporzjonalità u n-neċessità dwar id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, ir-rispett tal-privatezza, u l-protezzjoni tad-dejta personali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Dejta Personali u l-Protokoll 181 miżjud magħha, l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi rigward id-dritt għall-privatezza;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li, fl-2008, l-Awstralja u l-UE ffirmaw il-Ftehim Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-Ipproċessar u t-Trasferiment ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan, li huwa applikat b'mod proviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu iżda li baqa' ma daħalx fis-seħħ;

WAQT LI JINNUTAW li, fil-5 ta' Mejju 2010, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jipposponi l-votazzjoni dwar it-talba għall-approvazzjoni ta' dak il-Ftehim u li permezz tar-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 huwa laqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jinnegozja ftehim ġdid;

WAQT LI JIRRIKONOXXU d-dispożizzjonijiet rilevanti tal- Att Doganali Awstraljan tal-1901 (Cth), u b’mod partikolari it-Taqsima 64AF tiegħu li permezz tagħha, fejn mitlub, l-operaturi kollha tas-servizz bl-ajru għall-passiġġieri internazzjonali, li jtiru lejn jew mill-Awstralja jew li jgħaddu minnha, huma mistennija li jipprovdu d-dejta tal-PNR lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, sal-punt li tinġabar u tinżamm, b’mod u forma partikolari, fis-sistemi ta' riżervazzjoni u ta' kontroll tat-tluq tat-trasportaturi bl-ajru;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l- Att dwar l-Amministrazzjoni Doganali tal-1985 (Cth), l- Att dwar il-Migrazzjoni tal-1958 (Cth), l- Att dwar ir-Reati tal-1914 (Cth), l- Att dwar il-Privatezza tal-1988 (Cth), l- Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tal-1982 (Cth), l- Att dwar l-Awditur Ġenerali tal-1997 (Cth), l- Att dwar l-Ombudsman tal-1976 (Cth) u l- Att dwar is-Servizz Pubbliku tal-1999 (Cth) jipprovdu għal protezzjoni tad-dejta, id-drittijiet għall-aċċess u d-drittijiet ta' rimedjar, rettifika u annotazzjoni u ta' rimedji u sanzjonijiet għall-użu ħażin tad-dejta personali;

WAQT LI JINNUTAW l-impenn tal-Awstralja li tiżgura li s-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jipproċessa d-dejta tal-PNR strettament bl-iskop li jiġu previsti, identifikati, investigati u mħarrka reati terroristiċi u reati kriminali transnazzjonali serji f'konformità stretta mas-salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta' dejta personali, kif stabbilit f'dan il-Ftehim;

WAQT LI JAGĦMLU ENFAŻI fuq l-importanza tal-kondiviżjoni tad-dejta analitika miksuba mill-PNR bejn l-Awstralja u l-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, u l-Europol jew il-Eurojust, bħala mezz biex tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

WAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwixxix preċedent għal arranġamenti futuri bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea, jew bejn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u kwalunkwe Stat, fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tal-PNR jew ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ dejta u waqt li jinnotaw li jistgħu jiġu eżaminati l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta' arranġamenti simili għall-passiġġieri bil-baħar;

FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Fini tal-Ftehim

Sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku, dan il-Ftehim se jipprovdi għat-trasferiment tad-dejta tal-PNR derivata mill-UE għas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Dan il-Ftehim għandu jistipula l-kondizzjonijiet li bihom din id-dejta tista' tiġi trasferita u użata, u l-mod kif id-dejta għandha tiġi protetta.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

1. “Ftehim” għandu jfisser dan il-Ftehim, l-Annessi tiegħu, u kwalunkwe emenda li ssirilhom;

2. "dejta personali" għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni li tirrigwarda persuna fiżika identifikata jew identifikabbli: persuna identifikabbli hija dik li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal numru ta’ identità jew għal xi fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha;

3. "ipproċessar" għandha tfisser kwalunkwe operat jew sett ta’ operati mwettqa fuq id-dejta tal-PNR, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, iż-żamma, l-adattament jew l-aġġustament, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar permezz ta' trażmissjoni, disseminazzjoni jew tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mod ieħor, l-allinjament jew il-kombinazzjoni, l-imblukkar, it-tħassir jew il-qerda;

4. "trasportaturi bl-ajru" għandha tfisser it-trasportaturi bl-ajru li għandhom sistemi ta’ riżervazzjoni u/jew dejta tal-PNR ipproċessata fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u li joperaw fuq titjiriet tal-passiġġieri, fit-trasport tal-ajru internazzjonali, li jtiru lejn jew mill-Awstralja jew li jgħaddu minnha;

5. "sistemi ta' riżervazzjoni" għandha tfisser is-sistema ta' riżervazzjoni, is-sistema ta' kontroll tat-tluq jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu l-istess funzjonijiet li juża t-trasportatur bl-ajru;

6. "dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri" jew "dejta tal-PNR" għandhom ifissru l-informazzjoni pproċessata fl-UE mit-trasportaturi bl-ajru dwar ir-rekwiżiti għall-ivvjaġġar ta' kull passiġġier, skont kif elenkati fl-Anness 1, li tkun tinkludi l-informazzjoni meħtieġa għall-ipproċessar u l-kontroll tar-riżervazzjonijiet min-naħa tat-trasportaturi bl-ajru li jkunu qed jagħmlu r-riżervazzjonijiet u dawk parteċipanti;

7. "passiġġier" għandu jfisser kwalunkwe passiġġier jew membru tal-ekwipaġġ inkluż il-kaptan,

8. "dejta sensittiva" għandu jfisser kwalunkwe dejta personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija f'xi trejdjunjin, jew tagħrif dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

9. L-Awstralja għandha tiżgura li s-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jipproċessa d-dejta tal-PNR li jkun irċieva strettament bl-iskop li jiġu previsti, identifikati, investigati u mħarrka reati terroristiċi jew reati kriminali transnazzjonali serji, f'konformità ma' dan il-Ftehim:

10. Ir-reati terroristiċi għandhom jinkludu:

11. l-atti ta’ persuna li jinvolvu vjolenza, jew li huma b’xi mod perikolużi għall-ħajja tal-bniedem jew li joħolqu riskju ta’ ħsara għall-proprjetà jew l-infrastruttura, u li minħabba n-natura u l-kuntest tagħhom, hu raġonevolment maħsub li twettqu bil-għan li:

(i) jintimidaw jew jikkostrinġu popolazzjoni;

(ii) jintimidaw, jisfurzaw, jew jikkostrinġu gvern jew organizzazzjoni internazzjonali biex jaġixxi/taġixxi jew jastjeni/tastjeni milli jaġixxi/taġixxi;

(iii) jiddestabilizzaw jew ikissru serjament l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta' pajjiż jew ta' organizzazzjoni internazzjonali;

12. jassistu, jisponsorjaw jew jipprovdu sostenn finanzjarju, materjali jew teknoloġiku għal, jew servizzi finanzjarji jew servizzi oħrajn għal, jew b’appoġġ għal, l-atti deskritti fil-punt a);

13. jipprovdu jew jiġbru fondi, b'mezz kwalunkwe, direttament jew indirettament, bil-ħsieb li jkunu jistgħu jintużaw jew bl-għarfien li dawn għandhom jintużaw, totalment jew parzjalment, sabiex jitwettaq kwalunkwe wieħed mill-atti deskritti fil-punti a) jew b); jew

14. jgħinu, jassistu jew jippruvaw iwettqu l-atti deskritti fil-punti a), b) jew c).

15. Ir-reati kriminali transnazzjonali serji għandhom ifissru kwalunkwe reat punibbli fl-Awstralja permezz ta' sentenza ta' kustodja jew ta' ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mill-anqas erba' snin jew b'piena aktar serja u hekk kif definit mil-liġi Awstraljana, jekk ir-reat kriminali jkun ta' natura transnazzjonali. Reat kriminali jitqies bħala ta' natura transnazzjonali b'mod partikolari jekk:

16. jitwettaq f'aktar minn pajjiż wieħed;

17. jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda parti sostanzjali mit-tħejjija, l-ippjanar, id-direzzjoni jew il-kontroll tiegħu sseħħ f'pajjiż ieħor;

18. jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda jkun jikkonċerna grupp ta' kriminalità organizzata li jkun involut f'attivitajiet kriminali f'aktar minn pajjiż wieħed; jew

19. jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda jkollu effetti sostanzjali fuq pajjiż ieħor.

20. F'każijiet eċċezzjonali, id-dejta tal-PNR tista' tiġi pproċessata mill-Awstralja fejn ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi vitali ta' kull individwu, bħal pereżempju r-riskju ta' mewt, ta' korriment serju jew theddida għas-saħħa.

21. Barra minn hekk, għall-finijiet ta' superviżjoni u ta' responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika u għall-faċilitazzjoni ta' rimedjar u ta' sanzjonijiet għall-użu ħażin tad-dejta, id-dejta tal-PNR tista' tiġi pproċessata fuq bażi ta' każ b'każ jekk dan l-ipproċessar ikun speċifikament mitlub mil-liġi Awstraljana.

Artikolu 4

L-iżgurar tal-provvista tad-dejta tal-PNR

22. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jipprovdu d-dejta tal-PNR li tinsab fis-sistemi ta' riżervazzjoni tagħhom lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. M'għandhomx jiġu ostakolati minn kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi ta' waħda mill-Partijiet milli jikkonformaw mal-liġi Awstraljana rilevanti li tobbligahom jipprovdu din id-dejta.

23. L-Awstralja m'għandhiex tobbliga lit-trasportaturi bl-ajru biex jipprovdu elementi tad-dejta tal-PNR li ma ġewx diġà miġbura jew miżmuma fis-sistemi ta' riżervazzjoni tagħhom.

24. Jekk id-dejta tal-PNR trasferita permezz tat-trasportaturi bl-ajru tkun tinkludi dejta oħra apparti dik elenkata fl-Anness 1, din għandha titħassar mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri.

Artikolu 5

Adegwatezza

Il-konformità tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ma’ dan il-Ftehim għandha, skont it-tifsira tal-liġi rilevanti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, tikkostitwixxi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta tal-PNR trasferita lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 6

Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja

25. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jiżgura d-disponibilità, malli jkun possibbli, ta' informazzjoni analitika rilevanti u adegwata miksuba mid-dejta tal-PNR, għall-pulizija jew l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru kkonċernat, jew għall-Europol u l-Eurojust, fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom, u f'konformità mal-ftehimiet jew l-arranġamenti bejn l-Awstralja u kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, tal-Europol jew tal-Eurojust, dwar l-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni ta' informazzjoni oħra, skont kif ikun applikabbli.

26. Il-pulizija jew l-awtorità ġudizzjarja ta' xi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew tal-Europol jew tal-Eurojust, fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom, jistgħu jitolbu l-aċċess għad-dejta tal-PNR jew għall-informazzjoni analitika rilevanti u adegwata miksuba mid-dejta tal-PNR li tkun neċessarja f'każijiet partikolari sabiex jiġu previsti, identifikati, investigati, jew imħarrka reati terroristiċi jew reati kriminali transnazzjonali serji. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jpoġġi tali informazzjoni għad-dispożizzjoni, f'konformità mal-ftehimiet jew l-arranġamenti msemmija fil-punt 1.

KAPITOLU II

IS-SALVAGWARDJI APPLIKABBLI GĦALL-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA TAL-PNR

Artikolu 7

Il-protezzjoni tad-dejta u n-non-diskriminazzjoni

27. Id-dejta tal-PNR għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal- Att dwar il-Privatezza tal-1988 (Cth) li jirregola l-ġbir, l-użu, il-ħażna u l-iżvelar, is-sigurtà u l-aċċess u l-aġġustament ta’ informazzjoni personali miżmuma mill-biċċa l-kbira tad-dipartimenti u l-aġenziji tal-Gvern Awstraljan.

28. L-Awstralja għandha tiżgura li s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim u l-liġijiet nazzjonali rilevanti, ikunu japplikaw għall-passiġġieri kollha mingħajr l-ebda diskriminazzjoni, b'mod partikolari fuq il-bażi ta' nazzjonalità jew ta' pajjiż ta' residenza jew ta' preżenza fiżika fl-Awstralja.

Artikolu 8

Dejta sensittiva

Kull tip ta' ipproċessar tad-dejta sensittiva tal-PNR min-naħa tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, għandu jiġi pprojbit. Sal-punt li jekk id-dejta tal-PNR dwar passiġġier li tiġi trasferita lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tkun tinkludi dejta sensittiva, din għandha titħassar mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri.

Artikolu 9

Is-sigurtà u l-integrità tad-dejta

29. Sabiex jiġu previsti l-qerda aċċidentali jew illegali jew it-telfien aċċidentali, l-aġġustament, l-iżvelar jew l-aċċess mhux awtorizzat jew kwalunkwe forma ta' ipproċessar illegali:

30. It-tagħmir għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR għandu jinżamm f'ambjent fiżiku sikur, u miżmum permezz ta' sistemi ta' livell għoli u ta' kontrolli ta’ intrużjoni fiżika;

31. Id-dejta tal-PNR għandha tkun maħżuna separatament minn kwalunkwe dejta oħra. Għall-finijiet ta' tqabbil, id-dejta tista' timxi għal ġos-sistema tal-PNR, iżda ma tistax timxi mis-sistema tal-PNR għal dejtabejżis oħra. L-aċċess għas-sistema tal-PNR għandu jkun limitat għal numru ristrett ta' uffiċjali fis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri li jkunu awtorizzati speċifikament mill-Kap Eżekuttiv biex jipproċessaw id-dejta tal-PNR għall-finijiet ta' dan il-Ftehim. Dawn l-uffiċjali għandu jkollhom aċċess għas-sistema tal-PNR f'postijiet tax-xogħol sikuri li ma jkunux aċċessibbli għal individwi mhux awtorizzati;

32. L-aċċess għas-sistema tal-PNR, mill-uffiċjali deskritti fil-punt b) għandu jkun ikkontrollat permezz ta' sistemi ta' aċċess ta' sigurtà bħal pereżempju logins stratifikati li jagħmlu użu minn ID tal-utent u password;

33. L-aċċess għan-netwerk tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri u kwalunkwe dejta li tkun tinsab fis-sistema tal-PNR għandhom jiġu vverifikati. Ir-rekord ta' verifika ġġenerat għandu jinkludi l-isem tal-utent, il-post tax-xogħol tal-utent, id-data u l-ħin tal-aċċess, il-kontenut tat-talba u n-numru tar-rekords li ġew irritornati;

34. Id-dejta kollha tal-PNR għandha tiġi trasferita mingħand is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għal awtoritajiet oħra b'mod sikur;

35. Is-sistema tal-PNR għandha tiżgura l-identifikazzjoni ta' difetti u r-rappurtar;

36. Id-dejta tal-PNR għandha tiġi protetta kontra kwalunkwe tip ta' manipulazzjoni, aġġustament jew addizzjoni jew korruzzjoni minħabba l-funzjonament ħażin tas-sistema;

37. M’għandha ssir l-ebda kopja tad-dejtabejż tal-PNR, ħlief għall-finijiet ta’ back-up għall-irkupru minn diżastru.

38. Kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-dejta, b'mod partikolari dak li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali jew it-telfien aċċidentali, l-aġġustament, l-iżvelar jew l-aċċess mhux awtorizzat jew kwalunkwe forma ta' ipproċessar illegali, għandu jkun soġġett għal sanzjonijiet effettivi u dissważivi.

39. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jirrapporta kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-dejta lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni, u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea li dan il-ksur ikun ġie rrapportat.

Artikolu 10

Is-sorveljanza u r-responsabbiltà

40. Il-konformità tal-awtoritajiet governattivi li jipproċessaw id-dejta tal-PNR mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta għandha tkun soġġetta għas-sorveljanza mill-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Privatezza, għandu setgħat effettivi biex jinvestiga l-konformità tal-aġenziji mal-Att dwar il-Privatezza, u biex jikkontrolla u jinvestiga sa fejn ikun qed jikkonforma is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri mal-Att dwar il-Privatezza.

41. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu arranġamenti li ġew stabbiliti mill-Att dwar il-Privatezza biex il-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni jwettaq b'mod regolari verifiki formali tal-aspetti kollha tal-politiki u l-proċeduri li jirrigwardaw l-użu, il-ġestjoni u l-aċċess mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tad-dejta tal-PNR derivata mill-UE.

42. Il-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni, b'mod partikolari, se jisma' talbiet ippreżentati minn individwi irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-pajjiż ta' residenza tagħhom, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali. L-individwi kkonċernati se jkunu informati bir-riżultat tat-talba. Il-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni se jgħin aktar lill-individwi kkonċernati biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dan il-Ftehim, b'mod partikolari d-drittijiet għall-aċċess, ir-rettifika u r-rimedju.

43. L-individwi għandhom ukoll id-dritt li jressqu lment quddiem l-Ombudsman tal-Commonwealth fir-rigward tal-mod kif ikunu ġew trattati mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri.

Artikolu 11

It-trasparenza

44. L-Awstralja għandha titlob lit-trasportaturi bl-ajru biex jipprovdu informazzjoni ċara u sinifikanti lill-passiġġieri b'rabta mal-ġbir, l-ipproċessar u l-iskop tal-użu tad-dejta tal-PNR. Preferibbilment din l-informazzjoni għandha tingħata waqt li tkun qed issir ir-riżervazzjoni.

45. L-Awstralja għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b'mod partikolari fuq websajts governattivi rilevanti, l-informazzjoni dwar l-iskop tal-ġbir u tal-użu tal-PNR mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Din għandha tinkludi informazzjoni dwar kif għandhom jintalbu l-aċċess, il-korrezzjoni u r-rimedju.

Artikolu 12

Dritt ta' aċċess

46. Kwalunkwe individwu għandu jkollu d-dritt ta' aċċess għad-dejta tal-PNR tiegħu, wara li tkun saret it-talba lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Din għandha tingħata mingħajr restrizzjonijiet jew dewmien bla bżonn. Dan id-dritt jingħata permezz tal- Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tal-1982 (Cth) u l-Att dwar il-Privatezza. Id-dritt ta' aċċess għandu jestendi wkoll fuq l-abbiltà li wieħed jitlob u jikseb dokumenti miżmuma mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri li jirrigwardaw jekk id-dejta relatata mal-individwu tkunx ġiet trasferita jew tkunx tqiegħdet għad-dispożizzjoni jew le u li jinkludu l-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri li magħhom tkun ġiet żvelata d-dejta.

47. L-iżvelar ta' informazzjoni, f'konformità mal-paragrafu 1, jista' jkun soġġett għal limitazzjonijiet legali raġonevoli applikabbli skont il-liġi Awstraljana għas-salvagwardjar tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, u għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika jew ta' dik nazzjonali, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-interess leġittimu tal-individwu kkonċernat.

48. Kwalunkwe rifjuti jew restrizzjonijiet għall-aċċess għandhom isiru bil-miktub u jingħataw lill-individwu fi żmien tletin (30) jum jew fi żmien kwalunkwe estensjoni statutorja stabbilita. Fl-istess ħin, għandhom jiġu kkomunikati wkoll lill-individwu, ir-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ġiet ibbażata d-deċiżjoni. Din il-komunikazzjoni tal-aħħar tista' titħalla barra f'każ li jkun hemm raġuni, skont il-paragrafu 2. F'dawn il-każijiet kollha, l-individwi għandhom jiġu informati bid-dritt tagħhom li jressqu lment kontra d-deċiżjoni tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Dan l-ilment għandu jitressaq quddiem il-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni. Għandhom jiġu informati wkoll dwar il-mezzi disponibbli biex wieħed ifittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju, kif previst mil-liġi Awstraljana.

49. F'każ li individwu jissottometti lment lill-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni, hekk kif imsemmi fil-paragrafu 3, dan l-individwu għandu jiġi formalment avżat bir-riżultat tal-investigazzjoni tal-ilment. Għandu mill-anqas jirċievi konferma dwar jekk ikunux ġew irrispettati d-drittijiet tiegħu ta' protezzjoni tad-dejta, f'konformità ma' dan il-Ftehim.

50. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri m'għandux jiżvela d-dejta tal-PNR lill-pubbliku, ħlief lil dawk l-individwi li d-dejta tal-PNR tagħhom tkun ġiet ipproċessata jew lir-rappreżentanti tagħhom.

Artikolu 13

Id-dritt ta' rettifika u ta' tħassir

51. Kwalunkwe individwu għandu jkollu d-dritt li jitlob li ssir rettifika tad-dejta tal-PNR tiegħu pproċessata mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri f'każ li d-dejta ma tkunx eżatta. Ir-rettifika tista' tirrikjedi li jsir xi tħassir.

52. It-talbiet biex issir ir-rettifika tad-dejta tal-PNR miżmuma mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jistgħu jsiru direttament mas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni jew l-Att dwar il-Privatezza.

53. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jagħmel il-verifiki neċessarji kollha skont it-talba li tkun saritlu u għandu jinforma lill-individwu mingħajr dewmien bla bżonn, dwar jekk id-dejta tal-PNR tiegħu tkunx ġiet rettifikata jew imħassra. Din in-notifika għandha ssir bil-miktub fi żmien tletin (30) jum jew fi żmien kwalunkwe estensjoni statutorja stabbilita u għandha tinforma lill-individwu dwar il-possibbiltà li jilmenta mal-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni fuq id-deċiżjoni tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri u dwar il-mezzi disponibbli skont il-liġi Awstraljana biex ifittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju.

54. F'każ li individwu jressaq ilment lill-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni, hekk kif imsemmi fil-paragrafu 3, dan l-individwu għandu jiġi formalment avżat bir-riżultat tal-investigazzjoni.

Artikolu 14

Id-dritt ta’ rimedjar

55. Kull individwu għandu jkollu d-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv f'każ li kwalunkwe wieħed mid-drittijiet tiegħu msemmija f'dan il-Ftehim ikun ġie miksur.

56. Kwalunkwe individwu li jkun ġarrab ħsara b'riżultat ta' xi operat ta' ipproċessar illegali jew ta' kwalunkwe att li ma jkunx kompatibbli mad-drittijiet imsemmija f'dan il-Ftehim, għandu jkollu d-dritt li japplika għal rimedji effettivi, li jistgħu jinkludu kumpens mill-Awstralja.

57. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2, għandhom jingħataw lill-individwi irrispettivament min-nazzjonalità jew il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, il-post ta' residenza jew il-preżenza fiżika tagħhom fl-Awstralja.

Artikolu 15

L-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta tal-PNR

58. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jew awtoritajiet governattivi oħra li huma elenkati fl-Anness 2, m'għandhom jieħdu l-ebda deċiżjoni li taffettwa b'mod sinifikanti lil xi passiġġier jew li tipproduċi effett legali negattiv fuqu, li tkun ibbażata biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta tal-PNR.

59. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri m'għandux iwettaq l-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta fuq il-bażi ta' dejta sensittiva.

Artikolu 16

Iż-żamma tad-dejta

60. Id-dejta tal-PNR m'għandhiex tinżamm għal aktar minn ħames snin u nofs mid-data tar-riċeviment inizjali tad-dejta tal-PNR mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Matul dan il-perjodu, id-dejta tal-PNR għandha tinżamm biss fis-sistema tal-PNR bl-iskop li jiġu previsti, identifikati, investigati u mħarrka reati terroristiċi u reati kriminali transnazzjonali serji, u b'dan il-mod:

61. Mir-riċeviment inizjali sa perjodu ta' tliet snin, id-dejta kollha tal-PNR għandha tkun aċċessibbli għal numru limitat ta' uffiċjali tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, awtorizzati speċifikament mill-Kap Eżekuttiv tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri sabiex jidentifikaw dawk il-passiġġieri li jistgħu jkunu persuni ta' interess potenzjali;

62. Wara li jgħaddu tliet snin mir-riċeviment inizjali sal-aħħar tal-perjodu ta' ħames snin u nofs, id-dejta tal-PNR għandha tinżamm fis-sistema tal-PNR iżda l-elementi kollha tad-dejta li jistgħu jservu għall-identifikazzjoni ta' xi passiġġier li miegħu tkun relatata d-dejta tal-PNR għandhom jiġu moħbija. Din id-dejta depersonalizzata tal-PNR għandha tkun aċċessibbli biss għal numru limitat ta' uffiċjali tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, awtorizzati speċifikament mill-Kap Eżekuttiv tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri sabiex iwettqu analiżi relatati ma' reati terroristiċi jew reati kriminali transnazzjonali. L-aċċess sħiħ għad-dejta tal-PNR għandu jingħata biss minn xi membru tas-Servizz Eżekuttiv Għoli tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, jekk dan ikun neċessarju għat-twettiq ta' investigazzjonijiet bl-iskop li jiġu previsti, identifikati, investigati u mħarrka reati terroristiċi u reati kriminali transnazzjonali serji.

63. Sabiex tintlaħaq id-depersonalizzazzjoni, l-elementi tal-PNR li ġejjin għandhom jiġu moħbija:

64. l-isem/l-ismijiet;

65. ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fil-PNR;

66. kwalunkwe informazzjoni ta’ kuntatt disponibbli (inkluża l-informazzjoni tal-oriġinatur);

67. rimarki ġenerali li jinkludu Informazzjoni Supplementari Oħra (OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (SSI) u informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (SSR), sal-punt li jkun fihom xi informazzjoni li twassal għall-identifikazzjoni ta' persuna fiżika; kif ukoll

68. kwalunkwe dejta dwar l-Ipproċessar Avvanzat tal-Passiġġieri (APP) jew dwar l-Informazzjoni Avvanzata dwar il-Passiġġieri (API), sal-punt li jkun fiha xi informazzjoni li twassal għall-identifikazzjoni ta' persuna fiżika.

69. Minkejja l-paragrafu 1, id-dejta tal-PNR meħtieġa għal investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew eżekuzzjonijiet speċifiċi ta' pieni għal reati terroristiċi jew għal reati kriminali transnazzjonali serji, tista' tiġi pproċessata bl-iskop li jiġu investigati, imħarrka jew eżegwiti l-penali. Id-dejta tal-PNR tista' tinżamm sakemm l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet rilevanti jiġu konklużi jew sakemm il-piena tiġi eżegwita.

70. Hekk kif jiskadi l-perjodu taż-żamma tad-dejta, speċifikat fil-paragrafi 1 u 3, id-dejta tal-PNR għandha titħassar b'mod permanenti.

Artikolu 17

Ir-reġistrazzjoni u d-dokumentazzjoni tad-dejta tal-PNR

71. L-ipproċessar kollu, inkluż l-aċċess għad-dejta tal-PNR u l-konsultazzjoni jew it-trasferiment tagħha, kif ukoll it-talbiet għad-dejta tal-PNR mill-awtoritajiet tal-Awstralja jew minn pajjiżi terzi, anke jekk dawn jiġu miċħuda, għandhom jiġu rreġistrati jew iddokumentati mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri bl-iskop li tiġi vverifikata l-legalità tal-ipproċessar tad-dejta, li jsir awtomonitoraġġ u li jiġu żgurati l-integrità xierqa tad-dejta u s-sigurtà tal-ipproċessar tad-dejta.

72. Ir-reġistrazzjonijiet jew id-dokumentazzjoni mħejjija skont il-paragrafu 1 għandhom jintużaw biss għal skopijiet ta' sorveljanza u ta' verifika, inkluż l-investigazzjoni u s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' aċċess mhux awtorizzat.

73. Ir-reġistrazzjonijiet jew id-dokumentazzjoni mħejjija skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkomunikati, jekk jintalbu, lill-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni. Il-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni għandu juża biss din l-informazzjoni għas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-dejta u biex jiġi żgurat ipproċessar adegwat tad-dejta kif ukoll l-integrità u s-sigurtà tagħha.

Artikolu 18

Il-kondiviżjoni tad-dejta tal-PNR ma' awtoritajiet governattivi oħra tal-Awstralja

74. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jista' jikkondividi biss id-dejta tal-PNR ma' dawk l-awtoritajiet governattivi tal-Awstralja li huma elenkati fl-Anness 2 u f'konformità ma' dawn is-salvagwardji biss:

75. L-awtoritajiet governattivi riċeventi għandhom japplikaw għad-dejta tal-PNR, is-salvagwardji previsti f'dan il-Ftehim.

76. Id-dejta għandha tiġi kondiviża strettament għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 3;

77. Id-dejta għandha tiġi kondiviża biss fuq bażi ta' każ b'każ sakemm id-dejta tkun ġiet depersonalizzata;

78. Qabel ma ssir il-kondiviżjoni, is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jevalwa b'attenzjoni r-rilevanza tad-dejta li tkun se tiġi kondiviża. Għandhom jiġu kondiviżi biss, dawk l-elementi partikolari tad-dejta tal-PNR li jkunu jidhru b'mod ċar li huma neċessarji f'ċirkostanzi partikolari. Ikun x'ikun il-każ, għandu jiġi kondiviż l-inqas ammont possibbli ta' dejta.

79. L-awtoritajiet governattivi riċeventi għandhom jiżguraw li d-dejta ma tkunx qed tiġi addizzjonalment żvelata mingħajr il-permess tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, li m'għandux jingħata mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ħlief għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Ftehim.

80. Il-lista tal-awtoritajiet stabbilita fl-Anness 2, tista' tiġi emendata permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet, sabiex tkun tinkludi:

81. kwalunkwe dipartimenti jew aġenziji suċċessuri ta’ dawk elenkati fl-Anness 2; kif ukoll

82. kwalunkwe dipartimenti u aġenziji ġodda stabbiliti wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim li l-funzjonijiet tagħhom ikunu direttament relatati mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali transnazzjonali serji; kif ukoll

83. kwalunkwe dipartimenti u aġenziji eżistenti li l-funzjonijiet tagħhom isiru direttament relatati mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali transnazzjonali serji.

84. Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f'dan l-Artikolu.

85. M'hemm xejn f'dan l-Artikolu li jipprevjeni l-iżvelar ta' dejta tal-PNR, fejn ikun meħtieġ, għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(4) u (5) u tal-Artikolu 10.

Artikolu 19

Trasferimenti lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi

86. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jista' jittrasferixxi d-dejta tal-PNR lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi speċifiċi biss, f'konformità mas-salvagwardji li ġejjin:

87. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jinsab sodisfatt li l-awtorità riċeventi tal-pajjiż terz qablet li tapplika għad-dejta trasferita l-istess salvagwardji previsti f'dan il-Ftehim;

88. Tista' tirċievi d-dejta tal-PNR biss, l-awtorità ta' pajjiż terz li l-funzjonijiet tagħha huma direttament relatati mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali transnazzjonali serji;

89. Id-dejta għandha tiġi trasferita għall-iskopijiet esklużivi ta' prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali transnazzjonali serji, kif definit fl-Artikolu 3;

90. Id-dejta għandha tiġi trasferita fuq bażi ta' każ b'każ;

91. Qabel ma jsir it-trasferiment, is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jevalwa b'attenzjoni r-rilevanza tad-dejta li tkun se tiġi trasferita. Għandhom jiġu trasferiti biss, dawk l-elementi partikolari tad-dejta tal-PNR li jkunu jidhru b'mod ċar li huma neċessarji f'ċirkostanzi partikolari. Ikun x'ikun il-każ, għandu jiġi trasferit l-inqas ammont possibbli ta' dejta;

92. F'każ li s-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jsir jaf li d-dejta ta' ċittadin jew ta' resident ta' xi Stat Membru tkun qed tiġi trasferita, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu informati bil-kwistjoni mill-aktar fis possibbli;

93. is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jinsab sodisfatt li l-awtorità riċeventi tal-pajjiż terz qablet li żżomm id-dejta tal-PNR biss sakemm tintemm l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni rilevanti jew sakemm il-piena tkun ġiet eżegwita jew sakemm id-dejta ma tkunx meħtieġa aktar għall-iskopijiet previsti fl-Artikolu 3(4), u jkun xi jkun il-każ għal mhux iktar mill-perjodu meħtieġ;

94. is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jinsab sodisfatt li l-awtorità riċeventi tal-pajjiż terz qablet li ma tittrasferixxix aktar dejta tal-PNR;

95. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jiżgura li l-passiġġier ikun informat, fejn xieraq, dwar it-trasferiment tad-dejta tiegħu tal-PNR.

96. Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f'dan l-Artikolu.

97. M'hemm xejn f'dan l-Artikolu li jipprevjeni l-iżvelar ta' dejta tal-PNR, fejn ikun meħtieġ, għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(4).

KAPITOLU III

MODALITAJIET TAT-TRASFERIMENTI

Artikolu 20

Il-metodu tat-trasferiment

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-dejta tal-PNR lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, esklużivament fuq il-bażi tal-metodu "push" u f'konformità mal-proċeduri li ġejjin:

98. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b'mezzi elettroniċi f'konformità mar-rekwiżiti tekniċi tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jew, f'każ ta' ħsara teknika, b'mezz ieħor kwalunkwe li jiżgura livell adegwat ta' sigurtà tad-dejta.

99. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-dejta tal-PNR billi jużaw format ta' messaġġi miftiehem.

100. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b'mod sigur billi jużaw protokolli komuni meħtieġa mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri.

Artikolu 21

Il-frekwenza tat-trasferiment

101. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-dejta kollha tal-passiġġieri meħtieġa mill-PNR, lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, skont kif deskritt fl-Artikolu 20, f'mhux aktar minn ħames waqtiet previsti għal kull titjira, fejn l-ewwel waħda tkun sa 72 siegħa qabel it-tluq skedat. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jikkomunika l-ħinijiet speċifikati għat-trasferimenti lit-trasportaturi bl-ajru.

102. F'każijiet speċifiċi fejn ikun hemm indikazzjonijiet li jinħtieġ aċċess bikri biex ikun hemm rispons għal xi theddida speċifika relatata ma' reati terroristiċi jew ma' reati kriminali transnazzjonali serji, is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jista' jkun jeħtieġ trasportatur bl-ajru biex jipprovdi d-dejta tal-PNR qabel ma jsir l-ewwel trasferiment previst. Fl-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni, is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jaġixxi b'ġudizzju u b'mod proporzjonali u juża esklużivament il-metodu "push".

103. F'każijiet speċifiċi fejn ikun hemm indikazzjonijiet li jinħtieġ aċċess biex ikun hemm rispons għal xi theddida speċifika relatata ma' reati terroristiċi jew ma' reati kriminali transnazzjonali serji, is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jista' jitlob lil trasportatur bl-ajru biex jittrasferixxi d-dejta tal-PNR bejn jew wara t-trasferimenti regolari msemmija fil-paragrafu 1. Fl-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni, is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jaġixxi b'ġudizzju u b'mod proporzjonali u juża esklużivament il-metodu "push".

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET IMPLIMENTATTIVI U FINALI

Artikolu 22

In-nuqqas ta' deroga/Ir-relazzjoni ma' strumenti oħra

104. Dan il-Ftehim m'għandux joħloq jew jagħti xi dritt jew benefiċċju lil kwalunkwe persuna jew entità, privata jew pubblika. Kull Parti għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ikunu qed jiġu implimentati kif xieraq.

105. M'hemm xejn f'dan il-Ftehim li għandu jillimita d-drittijiet jew is-salvagwardji inklużi fil-liġijiet tal-Awstralja.

106. M'hemm xejn f'dan il-Ftehim li għandu jidderoga mill-obbligi eżistenti skont kwalunkwe strumenti ta' assistenza legali bilaterali reċiproka bejn l-Awstralja u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, biex tiġi pprovduta assistenza fit-talbiet għal kisba ta' dejta biex tintuża bħala prova matul proċedimenti kriminali li jikkonċernaw terroriżmu jew reati kriminali transnazzjonali serji.

Artikolu 23

Is-soluzzjoni tat-tilwim u s-sospensjoni tal-Ftehim

107. Kwalunkwe tilwima li tirriżulta mill-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe kwistjoni relatata magħha, għandhom iwasslu għal konsultazzjoni bejn il-Partijiet bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni miftiehma b'mod reċiproku, li tipprevedi l-għoti ta' opportunità lil waħda mill-Partijiet biex tikkonforma fi żmien raġonevoli.

108. F'każ li l-konsultazzjonijiet ma jirriżultawx f'soluzzjoni tat-tilwima, kull waħda mill-Partijiet tista' tissospendixxi l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim permezz ta' notifika bil-miktub b'mezzi diplomatiċi, fejn tali sospensjoni jkollha tidħol fis-seħħ 120 jum mid-data tan-notifika, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor.

109. Kwalunkwe sospensjoni għandha tieqaf hekk kif it-tilwima tiġi solvuta b'sodisfazzjoni għall-Awstralja u l-UE.

110. Minkejja kwalunkwe sospensjoni ta' dan il-Ftehim, id-dejta kollha miksuba mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri skont it-termini ta' dan il-Ftehim għandha tibqa' tiġi pproċessata f'konformità mas-salvagwardji ta' dan il-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma u t-tħassir tad-dejta.

Artikolu 24

Il-konsultazzjoni u r-reviżjoni

111. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin, fejn applikabbli anke qabel l-adozzjoni, dwar kwalunkwe tibdiliet leġiżlattivi jew regolatorji li jistgħu jaffettwaw b'mod konkret l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni Awstraljana li jinsabu f'dan il-Ftehim għandhom jitqiesu li jinkludu kwalunkwe leġiżlazzjoni suċċessiva.

112. Sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim u b'mod regolari minn dakinhar 'il quddiem għat-tul ta' żmien ta' dan il-Ftehim u wkoll għal kull talba li ssir mingħand kull waħda mill-Partijiet, il-Partijiet għandhom jirrevedu b'mod konġunt l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u ta' kwalunkwe kwistjonijiet relatati miegħu. Il-Partijiet jaqblu li r-reviżjoni għandha tanalizza b'mod partikolari l-mekkaniżmu tal-ħabi tad-dejta skont l-Artikolu 16(1)(b), kwalunkwe diffikultajiet relatati mal-effiċjenza operattiva jew mal-effettività f'sens ta' nfiq tal-mekkaniżmu, u mal-esperjenza li tkun inkisbet minn mekkaniżmi simili fi skemi oħra ta' PNR aktar żviluppati, inkluża l-iskema tal-UE. F'każ li ma jkunx disponibbli mekkaniżmu li jopera b'mod effiċjenti u li jkun effettiv f'sens ta' nfiq, l-aċċess għad-dejta għandu jkun ristrett permezz tal-arkivjar, u d-dejta tkun tista' tiġi aċċessata biss bl-istess mod li tiġi aċċessata d-dejta depersonalizzata, skont l-Artikolu 16.

113. Il-Partijiet għandhom jiftehmu minn qabel dwar il-modalitajiet tar-reviżjoni konġunta u għandhom jgħarrfu lil xulxin dwar il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. Għall-finijiet tar-reviżjoni konġunta, l-Unjoni Ewropea għandha tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea u l-Awstralja għandha tiġi rrapreżentata mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. It-timijiet jistgħu jinkludu esperti fl-oqsma tal-protezzjoni tad-dejta u tal-eżekuzzjoni tal-liġi. Skont il-liġijiet applikabbli, il-parteċipanti kollha tar-reviżjoni konġunta għandhom jiġu mitluba jirrispettaw il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u jkollhom awtorizzazzjonijiet xierqa ta’ sigurtà. Għall-finijiet tar-reviżjoni konġunta, is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jiżgura l-aċċess għad-dokumentazzjoni u s-sistemi rilevanti u għall-persunal kompetenti.

114. Il-Partijiet għandhom jevalwaw il-Ftehim, b'mod partikolari l-effettività operattiva tiegħu, sa mhux aktar tard minn erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

115. Wara li ssir ir-reviżjoni konġunta, il-Kummissjoni Ewropea għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Għandha tingħata l-opportunità lill-Awstralja biex tipprovdi l-kummenti tagħha bil-miktub li għandhom jiġu mehmuża mar-rapport.

116. Peress li t-twaqqif ta' sistema ta' PNR tal-UE jista' jbiddel il-kuntest ta' dan il-Ftehim, jekk tiġi adottata sistema ta' PNR tal-UE u meta dan iseħħ, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex jistabbilixxu jekk dan il-Ftehim ikunx jista' jiġi aġġustat skont kif ikun meħtieġ.

Artikolu 25

Terminazzjoni

117. Kull waħda mill-Partijiet tista' ttemm dan il-Ftehim f'mument kwalunkwe permezz ta' notifika bil-miktub b'mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ 120 jum mid-data tar-riċeviment ta’ din in-notifika jew skont kif ikun ġie miftiehem.

118. Minkejja kwalunkwe terminazzjoni ta' dan il-Ftehim, id-dejta kollha miksuba mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri skont it-termini ta' dan il-Ftehim għandha tibqa' tiġi pproċessata f'konformità mas-salvagwardji ta' dan il-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma u t-tħassir tad-dejta.

Artikolu 26

It-tul ta' żmien

119. Skont l-Artikolu 25, dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodu ta' seba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

120. Hekk kif jiskadi l-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1, kif ukoll kwalunkwe perjodu sussegwenti ta' tiġdid skont dan il-paragrafu, il-Ftehim għandu jiġġedded għal perjodu sussegwenti ta' seba' snin sakemm waħda mill-Partijiet tgħarraf lill-oħra bil-miktub permezz ta' mezzi diplomatiċi u mill-anqas tnax-il xahar bil-quddiem, li m'għandhiex l-intenzjoni li ġġedded il-Ftehim.

121. Minkejja kwalunkwe skadenza ta' dan il-Ftehim, id-dejta kollha miksuba mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri skont it-termini ta' dan il-Ftehim għandha tibqa' tiġi pproċessata f'konformità mas-salvagwardji ta' dan il-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma u t-tħassir tad-dejta.

Artikolu 27

Id-dejta tal-PNR irċevuta qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim

L-Awstralja għandha tittratta kwalunkwe dejta tal-PNR miżmuma mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. Madanakollu, l-ebda dejta m'għandha tkun meħtieġa tiġi moħbija qabel l-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 28

L-applikazzjoni territorjali

122. Skont il-paragrafu 2 sal-paragrafu 4, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih huma applikabbli t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għat-territorju tal-Awstralja.

123. Dan il-Ftehim għandu japplika biss għad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, jekk il-Kummissjoni Ewropea tgħarraf bil-miktub lill-Awstralja li d-Danimarka, ir-Renju Unit, jew l-Irlanda jkunu għażlu li jintrabtu b'dan il-Ftehim.

124. Jekk qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea tgħarraf lill-Awstralja li dan se jkun japplika għad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju ta' tali Stat fl-istess jum stabbilit għall-Istati Membri l-oħra tal-UE marbuta b'dan il-Ftehim.

125. Jekk wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea tgħarraf lill-Awstralja li dan japplika għad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju ta' tali Stat fl-ewwel jum wara li l-Awstralja tkun rċeviet in-notifika.

Artikolu 29

Id-Dispożizzjonijiet Finali

126. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu skambjaw notifiki li jindikaw li huma kkonkludew il-proċeduri interni tagħhom għal din il-fini.

127. Dan il-Ftehim se jissostitwixxi l-Ftehim li sar bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-Ipproċessar u t-Trasferiment ta' Dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan, magħmul fi Brussell fit-30 ta' Ġunju 2008, li mhux se jibqa' applikabbli mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

Magħmul fi…, …; f'żewġ dokumenti oriġinali, bil-lingwa Ingliża. Dan il-Ftehim għandu jitfassal ukoll bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż, it-Taljan u l-Ungeriż, fejn kull verżjoni hija awtentika bl-istess mod. F'każ li jkun hemm diverġenza bejn il-verżjonijiet tal-lingwi differenti, għandha tgħodd il-verżjoni bl-Ingliż.

GĦALL-UNJONI EWROPEA

++++++++++

GĦALL-AWSTRALJA

++++++++++

Anness 1

L-elementi tad-dejta tal-PNR imsemmija fl-Artikolu 2(f) li t-trasportaturi bl-ajru huma mitluba li jittrażmettu lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, kemm-il darba dawn ikunu diġà qed jiġbruhom:

128. Kodiċi lokalizzatur tar-reġistru tal-PNR

129. Data tar-riżervazzjoni/ħruġ tal-biljett

130. Data/Dati tal-ivvjaġġar ippjanat

131. Isem/Ismijiet

132. Informazzjoni disponibbli dwar il-vjaġġaturi frekwenti u l-benefiċċji (jiġifieri biljetti b’xejn, titjib fil-klassi tal-ivvjaġġar, eċċ.)

133. Ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fil-PNR

134. Kull informazzjoni ta' kuntatt disponibbli (inkluża l-informazzjoni dwar l-oriġinatur)

135. Kull informazzjoni disponibbli dwar il-pagament/il-ħlas (li ma tinkludix dettalji oħra ta' tranżazzjonijiet marbuta ma’ xi kard tal-kreditu jew ma' xi kont u li ma tkunx konnessa mat-tranżazzjoni tal-ivvjaġġar)

136. Itinerarju tal-vjaġġ għal PNR speċifiku

137. Aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar

138. Informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi

139. Informazzjoni maqsuma/diviża

140. Status tal-ivvjaġġar tal-passiġġier (li jinkludi il-konfermi u l-istatus taċ-check-in)

141. Informazzjoni dwar il-qtugħ tal-biljetti, li tinkludi n-numru tal-biljett, biljetti mingħajr ritorn u Stima Awtomatizzata tal-Prezz tal-Biljett;

142. L-informazzjoni kollha dwar il-bagalji

143. Informazzjoni dwar is-siġġu, li tinkludi n-numru tas-siġġu

144. Kummenti ġenerali li jinkludu Informazzjoni Supplementari Oħra (OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (SSI) u informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (SSR)

145. Kull informazzjoni dwar l-APIS li tkun inġabret

146. Il-bidliet storiċi kollha li saru fil-PNR, elenkati taħt in-numru 1 san-numru 18

Anness 2

Lista tal-awtoritajiet governattivi l-oħra tal-Awstralja li magħhom is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri huwa awtorizzat li jikkondividi d-dejta tal-PNR:

147. Il-Kummissjoni Awstraljana għall-Kriminalità;

148. Il-Pulizija Federali Awstraljana;

149. L-Organizzazzjoni Awstraljana tat-Tagħrif Sigriet dwar is-Sigurtà;

150. Id-Direttur tal-Commonwealth għall-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi;

151. Id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u ċ-Ċittadinanza;

152. L-Uffiċċju għas-Sigurtà fit-Trasport, id-Dipartiment tal-Infrastruttura u t-Trasport.

[1] ĠU L 213, 8.8.2008, p. 47.

[2] P7_TA-(2010)0144, 5.5.2010

[3] COM(2010) 492.

Top