EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0459

Il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea (2010/2309(INI))

OJ C 131E, 8.5.2013, p. 66–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 131/66


It-Tlieta 25 ta’ Ottubru 2011
Il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea

P7_TA(2011)0459

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea (2010/2309(INI))

2013/C 131 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 67, il-Kapitolu 4 (Artikoli 82-86) u l-Kapitolu 5 (Artikoli 87-89) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja (1), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem ‧Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma‧ (COM(2010)0171) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem ‧L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura‧ (COM(2010)0673),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tat-8 u tad-9 ta' Novembru 2010 dwar il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' ċiklu ta' politiki tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (2),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-15 ta' Novembru 2000 (ir-Riżoluzzjoni 55/25), u l-Protokolli tagħha, partikolarment il-Protokoll dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Trasport Illegali tal-Persuni, Speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, il-Protokoll Kontra t-Traffikar Illegali tal-Immigranti bl-Art, bil-Baħar jew bl-Ajru u l-Protokoll dwar il-Produzzjoni Illegali u t-Traffikar ta' Armi tan-Nar, tal-Partijiet u tal-Komponenti u tal-Munizzjon tagħhom,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza, id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta' Frar 2005 (3) dwar il-konfiska ta' rikavati, mezzi strumentali u proprjetà konnessi mal-kriminalità u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2007 (4) dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta' rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha, u wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni COM(2011)0176 ibbażat fuq l-Artikolu 8 ta' dik id-Deċiżjoni,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Konfiska u l-Irkupru tal-Assi (7769/3/10),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu (CETS Nru 198),

wara li kkunsidra l-istudju ‧Il-valutazzjoni tal-effikaċja tal-prassi tal-Istati Membri tal-UE fl-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar u l-konfiska tal-beni‧ (2009), ikkummissjonat mill-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew bl-isem ‧Ir-rwol tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali‧ (5),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Valutazzjoni ta' Theddid mill-Kriminalità Organizzata imħejjija mill-Europol (6), b'mod partikolari dak tal-2011,

wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-Europol, l-Eurojust u l-Frontex dwar l-istat tas-sigurtà interna fl-UE (2010),

wara li kkunsidra r-rapporti annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga dwar l-istat tal-problema tad-droga fl-Ewropa,

wara li kkunsidra r-rapporti annwali tad-Direttorat Nazzjonali Taljan Kontra l-Mafja; wara li kkunsidra r-rapporti tal-Bundeskriminalamt (BKA, id-dipartiment federali Ġermaniż tal-investigazzjoni kriminali) dwar il-preżenza tal-'Ndrangheta fil-Ġermanja, b'mod partikolari l-aktar rapport riċenti bl-isem ‧Analiżi tal-attivitajiet tal-klann San Luca fil-Ġermanja‧,

wara li kkunsidra r-rapport ROCTA (Valutazzjoni tat-Theddida tal-Kriminalità Organizzata Russa), imfassal mill-Europol fl-2008,

wara li kkunsidra r-Rapport Ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Europol (2009),

wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mill-PE bl-isem ‧It-titjib tal-koordinament bejn il-korpi tal-UE kompetenti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja: lejn l-istabbiliment ta' Prosekutur Ewropew‧,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (7),

wara li kkunsidra r-rapporti ta' attività annwali tal-Eurojust (2002-2010) (8),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (9),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-Eurojust u tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea (COM(2007)0644),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta'April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (10),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali proċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali (11),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 dwar tal-Assistenza Reċiproka f'Materja Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (12) u l-Atti tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2001 li jistabbilixxu l-protokoll tagħha u tat-18 ta' Diċembru 1997 dwar il-Konvenzjoni dwar l-assistenza u l-kooperazzjoni reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet tad-dwana (Napli II) (13),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri, u l-atti ta' emenda sussegwenti (14),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (COM(2005)0063 u COM(2006)0008),

wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat ta' arrest ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea tal-11 ta' Lulju 2007 u n-nota ta' informazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-11 ta' Ġunju 2008 dwar ‧It-tweġibiet għall-kwestjonarji dwar l-informazzjoni kwantitattiva dwar l-użu tal-mandat ta' arrest Ewropew – Sena 2007‧ (15),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew (16),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunti (17), u r-rapport tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni legali tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar timijiet konġunti ta' investigazzjoni (COM(2004)0858),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew tal-2009 bl-isem ‧Użu tal-mandat ta' arrest Ewropew u tal-iskwadri ta' investigazzjoni konġunti f'livell nazzjonali u Ewropew‧ (18),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 (19) dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/ĠAI,

wara li kkunsidra l-40 rakkomandazzjoni tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) biex jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (20),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar kontrolli ta' flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità (21),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (22),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (23) u r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2003/568/ĠAI (COM(2007)0328),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (l-hekk imsejħa ‧Konvenzjoni ta' Mérida‧),

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet kriminali u ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-korruzzjoni, wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li fiha huma involuti uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta' uffiċjali pubbliċi barranin fl-operazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 (24) fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, kif sussegwentement emendata,

wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew bl-isem ‧L-istituzzjonijiet finanzjarji u l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali fin-Nofsinhar tal-Italja‧ (2009),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi (2005-2012) u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra d-Droga (2009-2012),

wara li kkunsidra r-Rapport Dinji dwar id-Droga 2010 tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC),

wara li kkunsidra r-rapport annwali 2010 taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga dwar l-istat tal-problema tad-droga fl-Ewropa,

wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru għall-Istudju dwar id-Demokrazija kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem ‧Eżami tar-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni‧ (2010),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 2007 (25) li tidentifika sensiela ta' azzjonijiet għall-infurzar tar-Regolament,

wara li kkunsidra l-‧Istudju dwar ir-rikattar estorsiv: il-ħtieġa ta' strument biex jiġu miġġielda l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata‧, imwettaq minn Transcrime fl-2008 u ffinanzjat mill-Kummissjoni,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Settembru 2008 dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2009 dwar strateġija msaħħa għall-kooperazzjoni doganali,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (26),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 2/2010 tal-Parlament Ewropew dwar l-isforzi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 – Ir-rikavat mill-kriminalità organizzata: jiġi żgurat li ‧l-kriminalità ma tirrendix‧ (COM(2008)0766),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0333/2011),

A.

billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni Ewropea huwa li toħloq żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-kriminalità tiġi evitata u miġġielda (Artikolu 3 tat-TFUE), u li jkun żgurat livell għoli ta' sigurtà permezz ta' miżuri biex tiġi evitata u miġġielda l-kriminalità u miżuri għal koordinament u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi f'materji kriminali u, jekk ikun meħtieġ, permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali (Artikolu 67 tat-TFUE),

B.

billi l-kriminalità organizzata għandha prezz soċjali sostanzjali, billi tikser id-drittijiet tal-bniedem, iddgħajjef il-prinċipji demokratiċi, tiddevja u taħli r-riżorsi finanzjarji u umani u riżorsi oħrajn, filwaqt li tgħawweġ is-suq intern ħieles, tikkontamina n-negozji u l-attivitajiet ekonomiċi leġittimi, tinkuraġġixxi l-korruzzjoni u tniġġes u teqred l-ambjent,

C.

billi evidenza allarmanti li ħarġet mill-qrati u mill-investigazzjonijiet tal-pulizija u tal-ġurnalisti tindika li, f'xi Stati Membri, il-kriminalità organizzata infiltrat, u integrat ruħha bis-sod fiċ-ċrieki politiċi, fis-settur pubbliku u fl-attivitajiet ekonomiċi leġittimi; billi jista' jkun li infiltrazzjonijiet simili seħħew ukoll fil-bqija tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk issaħħet il-pożizzjoni tal-kriminalità organizzata;

D.

billi l-iskop u l-bażi tal-kriminalità organizzata huma li tagħmel qligħ ekonomiku u għalhekk biex l-azzjoni biex tiġi evitata u miġġielda l-problema tkun effikaċi, trid tiffoka fuq l-identifikazzjoni, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska tar-rikavati tal-kriminalità; billi l-qafas legali li jeżisti attwalment fil-livell tal-UE ma jidhirx li huwa bażi xierqa għal azzjoni serja biex tiġi affrontata l-problema u billi hemm bżonn ta' leġiżlazzjoni li, pereżempju, tippermetti l-hekk imsejħa ‧konfiska estiża‧ u azzjoni kontra beni rreġistrati f'isem persuni u organizzazzjonijiet ewlenin; billi, barra minn hekk, l-użu mill-ġdid ta' beni kkonfiskati għal skopijiet soċjali jħeġġeġ attitudni pożittiva rigward strateġiji bl-għan li tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, billi l-konfiska ta' beni m'għadhiex meqjusa biss bħala mezz li jċaħħad lil organizzazzjoni kriminali mir-riżorsi iżda hija doppjament kostruttiva fis-sens li tgħin fil-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u għandha l-effett li tagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

E.

billi l-organizzazzjonijiet kriminali qed jikkonċentraw l-attivitajiet tagħhom fuq għadd kbir ta' oqsma dejjem jikbru fosthom, pereżempju, it-traffikar internazzjonali tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament tagħhom, il-kriminalità finanzjarja, it-traffikar internazzjonali tal-armi, il-falsifikazzjoni, iċ-ċiberkriminalità, il-kriminalità ambjentali, id-devjazzjoni ta' fondi pubbliċi, il-frodi u l-estorsjoni, attivitajiet li l-biċċa l-kbira tagħhom huma transnazzjonali u pan-Ewropej min-natura tagħhom; billi proporzjon kbir tar-rikavat ta' dawn l-attivitajiet kriminali jiġi riċiklat;

F.

billi n-nisa u l-bniet li huma immigranti illegali huma aktar vulnerabbli għall-kriminalità organizzata, pereżempju permezz tal-prostituzzjoni u t-traffikar, milli huma n-nisa u l-bniet li jkunu ċittadini tal-UE,

G.

billi, għalkemm ma jeżisti l-ebda studju komprensiv, l-organizzazzjonijiet kriminali tat-tip mafjuż li joperaw fl-Ewropa għandhom qligħ impressjonanti, partikolarment fil-każ tal-gruppi Taljani tal-kriminalità organizzata li, skont ir-riżultati ta' diversi studji (inkluż l-istudju Eurispes) u kif ikkonfermat mir-rapport konġunt tal-Eurojust, l-Europol u l-Frontex fl-2010, huwa stmat b'mod konservattiv li għandhom dħul ta' mill-anqas EUR 135 biljun, ċifra li hija ogħla mill-PDG kombinat ta' 6 Stati Membri tal-UE, filwaqt li l-akbar eżempju huwa l-'Ndrangheta, il-grupp mafjuż l-aktar integrat fil-pajjiżi tal-UE u fid-dinja, li huwa stmat li għandu qligħ annwali ta' mill-anqas EUR 44 biljun;

H.

billi t-theddida għall-Unjoni Ewropea mill-kriminalità organizzata tmur lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni u, għalhekk, trid tiġi indirizzata b'kunsiderazzjoni xierqa tal-ħtieġa għal approċċ globali u internazzjonali li jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħal, pereżempju, l-Interpol u l-Uffiċċju tan-Nazzjonaijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC),

I.

billi l-korruzzjoni hija l-mezz standard li bih il-kriminalità organizzata tuża r-rikatt jew tippremja lin-nies sabiex tiddevja r-riżorsi pubbliċi u biex tidħol fil-politika lokali, fil-gvern u fis-settur privat;

J.

billi l-ħasil tal-flus huwa wieħed mill-mezzi l-aktar insidjużi li jippermettu li l-attivitajiet legali jiġu kkontaminati b'attivitajiet illegali u proċess ta' tranżizzjoni indispensabbli, li mingħajru l-kapaċità tal-akkwist miksuba bir-reati tibqa' biss potenzjal, li tista' tintuża fiċ-ċrieki illegali iżda li ma tkunx tista' tissarraf f'saħħa ekonomika reali; billi l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni internazzjonali huma essenzjali biex il-ħasil tal-flus jiġi miġġieled b'mod effikaċi;

K.

billi t-traffikar internazzjonali tad-droga huwa s-sors ewlieni ta' qligħ għall-kriminalità organizzata u għall-mafji, u jipprovdi l-bażi biex ikunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom ekonomikament u soċjalment; billi l-UE hija kemm wieħed mill-akbar swieq għat-traffikar tad-droga (eroina, kokaina, u kannabis) kif ukoll produttur (fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' drogi sintetiċi); billi t-traffikar jestendi wkoll għal bosta pajjiżi non-Ewropej identifikabbli b'mod ċar ta' produzzjoni u tranżitu, speċjalment fl-Amerika Latina, fl-Afrika tal-Punent, u fl-Asja;

L.

billi l-estorsjoni, ir-rikattar u l-użura huma żewġ modi li bihom il-kriminalità organizzata tinfiltra fl-ekonomija legali, filwaqt li tgħawweġ ferm kull forma ta' suq ħieles u tillimita d-drittijiet taċ-ċittadini, l-imprendituri, il-ħaddiema, u l-professjonisti; billi, kif intwera mill-istudju ta' Transcrime iffinanzjat mill-Kummissjoni fl-2008 bl-isem ‧Studju dwar ir-rikattar estorsiv: il-Ħtieġa ta' Strument biex Jiġu Miġġielda l-Attivitajiet tal-Kriminalità Organizzata‧, dan il-fenomenu qed jassumi proporzjonijiet allarmanti f'tal-anqas nofs l-Istati Membri tal-UE u jeżisti f'kobor sinifikanti fin-nofs l-ieħor; billi l-firxa tar-rikattar estorsiv hija marbuta direttament mal-livell ta' kontroll ta' pajjiż u mal-attivitajiet ekonomiċi/kummerċjali tiegħu eżerċitati mill-kriminalità organizzata; billi l-ewwel passi essenzjali li għandhom jittieħdu biex jiġi miġġieled ir-rikattar estorsiv huma t-tħeġġiġ tal-vittmi li jirrappurtaw ir-reati u l-iżgurar li l-awtoritajiet uffiċjali jkollhom preżenza b'saħħitha;

Daħla

1.

Jilqa' l-miżuri biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata proposti fil-Programm ta' Stokkolma, fil-pjan ta' azzjoni rilevanti u fl-istrateġija ta' sigurtà interna u jittama li taħt il-presidenza l-ġdida l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tiġi inkluża fil-prijoritajiet politiċi u jinkisbu riżultati tanġibbli;

2.

Hu konvint li l-kriminalità organizzata, tkunx tat-tip mafjuż jew le, hija fost it-theddidiet prinċipali għas-sigurtà interna tal-UE u għal-libertà taċ-ċittadini tagħha; iqis li, għalkemm jeżisti riskju li l-organizzazzjonijiet kriminali jistgħu jikkooperaw dejjem aktar frekwentement ma' organizzazzjonijiet terroristiċi, il-kriminalità organizzata għandha tkun ittrattata separatament mit-terroriżmu, u jinvoka strateġija tal-UE speċifika u orizzontali dwar din il-kwistjoni, li tinkludi miżuri leġiżlattivi u operattivi, l-allokazzjoni ta' fondi u kalendarju rigoruż ta' implimentazzjoni; japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8-9 ta' Novembru 2010 dwar iċ-ċiklu politiku tal-UE għall-kriminalità organizzata u jistieden lill-Kunsill jirrevedi d-deċiżjoni u jipprevedi l-involviment tal-Parlament fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet, fid-diskussjoni dwar l-objettivi strateġiċi u fil-valutazzjoni taċ-ċiklu politiku;

3.

Jappoġġa lill-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jħeġġiġhom isaħħu l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-forzi tal-pulizija tagħhom fuq il-bażi tal-aħjar esperjenzi kurrenti, inkluż billi jqabblu l-leġiżlazzjoni u r-riżorsi maħsuba biex jappoġġaw l-attivitajiet tagħhom, u billi jassenjaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati għal dan il-għan; jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ proattiv għall-investigazzjoni, ifasslu pjanijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, u jipprevedu għal koordinament ċentrali tal-attivitajiet bi strutturi speċifiċi xierqa, filwaqt li jisiltu mill-esperjenzi tal-akbar suċċess ta' xi Stati Membri; jistieden lill-COSI (il-Kumitat għas-Sigurtà Interna) biex jorganizza laqgħa annwali li għaliha jattendu mill-inqas l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, l-Europol u l-Eurojust fejn ir-riżultati miksuba u l-pjanijiet futuri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jkunu jistgħu jiġu preżentati;

4.

Jenfasizza li l-miżuri kollha għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u għandhom ikunu proporzjonati għall-objettivi mfittxa u li dawn l-objettivi għandhom ikunu neċessarji f'soċjetà demokratika, bi qbil mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mingħajr ma tiġi ristretta b'mod mhux xieraq il-libertà tal-individwi, kif imħaddan fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-prinċipji kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri;

5.

Filwaqt li jinnota li l-Artikolu 222 tat-TFUE jistabbilixxi l-obbligu legali tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha li jimplimentaw il-klawsola ta' solidarjetà, jesprimi tħassib profond dwar it-tentattivi tal-kriminalità organizzata li tinfiltra fis-setturi tal-politiki, fil-gvern fil-livelli kollha, fl-ekonomija u fil-finanzi; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jikkonċentraw l-azzjoni dissważiva tagħhom fuq l-attakki tal-assi kriminali, inklużi dawk li spiss ikunu moħbija permezz ta' xibka ta' prestanome u sostenituri, istituzzjonijiet politiċi u gruppi ta' interess; jenfasizza li l-isforzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandhom iqisu l-kriminalità "white collar";

It-titjib tal-qafas leġiżlattiv tal-UE

6.

Peress li n-netwerks kriminali internazzjonali huma attivi ħafna u li l-kriminalità organizzata qed tikber kemm fid-daqs kif ukoll fis-sofistikazzjoni, jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni u biex japprossimaw il-leġiżlazzjoni tagħhom, speċjalment b'referenza għall-iżvilupp ta' proċeduri komuni standard u tipi ta' reati kriminali, filwaqt li jisiltu mill-prassi tajbin tas-sistemi legali li huma l-iktar żviluppati fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ir-ratifika u/jew it-traspożizzjoni f'waqthom u effettivi tal-istrumenti legali Ewropej u internazzjonali kollha relatati direttament jew indiretttament mal-ażzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

7.

Filwaqt li jqis l-impatt estremament limitat fuq is-sistemi leġiżlattivi tal-Istati Membri tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI dwar il-kriminalità organizzata, li ma ġabet ebda titjib sinifikanti għal-liġijiet nazzjonali jew għall-kooperazzjoni operattiva għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta, sat-tmiem l-2013, proposta għal direttva li jkun fiha definizzjoni iktar konkreta ta' kriminalità organizzata u li tidentifika aħjar il-karatteristiċi kruċjali tal-fenomenu, filwaqt li tiffoka b'mod partikolari fuq il-kunċett prinċipali tal-organizzazzjoni u tqis ukoll tipi ġodda ta' kriminalità organizzata; jitlob, fir-rigward tar-reat ta' appartenenza f'organizzazzjoni kriminali u b'rispett dovut għall-karatteristiċi differenti u speċifiċi tad-diversi sistemi legali nazzjonali, li jsir studju dwar it-tneħħija tal-approċċ doppju attwali (li jikkriminalizza kemm l-appartenenza kif ukoll il-kospirazzjoni) u l-identifikazzjoni ta' sensiela ta' reati kommessi li, indipendentement mill-piena massima prevista fis-sistema legali tal-Istati Membri, jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu tali reat kriminali; jitlob ukoll li jkun hemm skrutinju iktar rigoruż tal-kwistjoni tal-kriminalizzazzjoni tal-forom kollha ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet kriminali;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, proposta għal direttiva qafas dwar il-proċedura għas-sekwestru u l-konfiska tar-rikavati minn reati, kif previst fil-Programm ta' Ħidma 2011 tagħha, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni, b'kunsiderazzjoni tar-rekwiżit li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali kif imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem:

tħejji regoli dwar l-użu effikaċi ta' strumenti bħall-konfiska estiża u mhux ibbażata fuq il-kundanna;

tħejji regoli dwar il-mitigazzjoni tal-oneru tal-provi wara l-kundanna ta' awtur ta' ksur għal reat serju (inklużi reati marbuta mal-kriminalità organizzata) rigward l-oriġini ta' beni fil-pussess tal-awtur ta' ksur;

tinkoraġġixxi l-introduzzjoni ta' strumenti fis-sistemi legali nazzjonali li, skont il-liġi kriminali, ċivili jew fiskali, kif ikun xieraq, jimmitigaw l-oneru tal-provi rigward l-oriġini tal-beni fil-pussess ta' persuna kkundannata għal reat marbut mal-kriminalità organizzata;

tinkludi fil-proposta tagħha regoli li jippermettu s-sekwestru u l-konfiska sussegwenti ta' beni assenjati lil partijiet terzi; jitlob ukoll li l-azzjonijiet tal-portanome f'tali każijiet jiġu ttrattati bħala reat kriminali, billi l-għan tagħhom huwa li jevitaw l-infurzar ta' miżuri ta' protezzjoni tal-beni jew li jiffaċilitaw it-twettiq tar-reati tar-riċeviment, il-ħasil u l-użu ta' flus miksuba illegalment; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tistipula fil-proposti leġiżlattivi tagħha li l-kunċett tar-rikavati mill-kriminalità stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Palermo u inkluż fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI jmur lil hinn min-nozzjoni tal-qligħ; jistieden lill-Istati Membri biex b'effett immedjat jinkorporaw dan il-kunċett fil-liġijiet tagħhom biex jiżguraw li kull dħul marbut direttament jew indirettament mat-twettiq ta' reati marbuta mal-kriminalità organizzata jista' jkun soġġett għas-sekwestru u l-konfiska;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni taċċetta u tappoġġa l-ħtieġa urġenti ta' leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-użu mill-ġdid tar-rikavati minn attivitajiet kriminali għal skopijiet soċjali, inkluża l-protezzjoni tax-xhieda fil-qorti, sabiex il-kapital tal-organizzazzjonijiet kriminali jew tal-kompliċi tagħhom ikun jista' jiġi investit mill-ġdid fiċ-ċirkolazzjoni ekonomika legali, nadifa, trasparenti u virtuża;

10.

Hu favur kooperazzjoni eqred bejn l-Istati Membri dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni xierqa ta' ordnijiet ta' sekwestru u ta' konfiska; jemmen li l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi huma għodda vitali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u li dawn għandhom ikunu provduti bir-riżorsi, l-għarfien espert u l-poteri neċessarji malajr kemm jista' jkun; japprova l-analiżi tal-Kummissjoni tad-diffikultajiet prinċipali li jiltaqgħu magħhom l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol u l-kompetenzi tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi u tagħtihom aktar flessibbiltà u aċċess uniformi għall-informazzjoni, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-istandards tal-protezzjoni tad-data;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal, sa tmiem l-2013, studju dwar l-prassi investigattivi użati fl-Istati Membri biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, b'referenza partikolari għall-użu ta' għodda bħall-interċettazzjoni telefonika, l-interċettazzjoni ambjentali, il-proċeduri ta' tiftix, l-arrest pospost, is-sekwestru pospost, l-operazzjonijiet sigrieti u l-operazzjonijiet ta' konsenja kontrollata u sorveljata; jistieden lill-Kummissjoni tressaq, sa tmiem l-2014, proposta għal direttiva dwar tekniki investigattivi komuni biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, skont l-Artikolu 87(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

12.

Jenfasizza l-importanza li tiġi assigurata protezzjoni adegwata tal-vittmi primarji u sekondarji mill-kriminalità organizzata, tax-xhieda, tal-informaturi tal-ġustizzja, tad-dinunċjaturi u tal-familji tagħhom; f'dan ir-rigward jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li tistabbilixxi standards minimi għad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità imma jitlob li jkune hemm leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri wkoll ix-xhieda, l-informaturi tal-ġustizzja, id-dinunċjaturi u l-familji tagħhom; jitlob li t-tipi kollha ta' vittmi jiġu trattati b'mod ugwali (partikolarment dawk tal-kriminalità organizzata u tat-terroriżmu u dawk imweġġa' fil-qadi ta' dmirijiethom) u biex il-protezzjoni tax-xhieda, l-informaturi tal-ġustizzja, id-dinunċjaturi u l-familji tagħhom tiġi estiża lil hinn mil-tul ta' żmien tal-proċedimenti limiti tal-proċedimenti fil-qorti; jenfasizza li l-minorenni għandhom bżonn attenzjoni, trattament, protezzjoni, għajnuna u gwida speċjali meta jkunu vittmi tal-kriminalità organizzata; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida ċari biex ikunu megħjuna x-xhieda tal-qrati, l-informaturi, id-dinunċjaturi u l-familji tagħhom, jingħatalhom status legali Ewropew transnazzjonali u tiġi estiża kwalunkwe protezzjoni mogħtija lilhom fl-Istati Membri, jekk dan jintalab mill-Istat Membru ta’ oriġini tal-informatur, ix-xhud jew id-dinunċjatur; jipproponi li jinħoloq fond Ewropew li jħares u jgħin lill-vittmi tal-kriminalità organizzata u lix-xhieda tal-qorti, anke permezz tal-appoġġ lill-assoċjazzjonijiet mhux governattivi kontra l-Mafja u kontra r-rikattar rikonoxxuti mill-Istati Membri; jilqa' l-adozzjoni minn xi Stati Membri tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi mfassla biex itejbu l-protezzjoni tax-xhieda u tal-informaturi f'każi relatati mal-kriminalità organizzata (eż. billi jiġi permess l-użu ta' udjenzi remoti);

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-familji tal-vittmi, id-djalogu bejn tali assoċjazzjonijiet u l-istituzzjonijiet u l-istabbiliment ta' forum tal-UE tal-assoċjazzjonijiet tal-familji tal-vittmi;

Il-qerda tal-kriminalità organizzata tat-tip mafjuż bl-għeruq fondi fl-UE

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tfassal proposta għal direttiva biex assoċjazzjoni mal-Mafja jew gruppi kriminali oħra ssir reat kastigabbli fl-Istati Membri kollha, sabiex ikun żgurat li jiġu kkastigati l-organizzazzjonijiet kriminali li japprofittaw mill-eżistenza tagħha, permezz tal-ħila tagħhom li jintimidaw – anke mingħajr atti vjolenti jew theddid partikolari – bil-għan li jagħmlu reati, jinfluwenzaw it-tħaddim tal-ekonomija, il-gvern ġenerali, is-servizzi pubbliċi u s-sistema elettorali;

15.

Biħsiebu, fi żmien tliet xhur mill-approvazzjoni tar-riżoluzzjoni preżenti, joħloq kumitat speċjali dwar it-tixrid ta' organizzazzjonijiet kriminali tat-tip mafjuż li joperaw fil-livell transkonfinali, inklużi l-mafji, li waħda mill-għanijiet tiegħu jkun li jinvestiga l-grad tal-fenomenu u l-impatt negattiv soċjali u ekonomiku li għandu fl-UE, inkluża l-kwistjoni tal-approprjazzjoni indebita ta' fondi pubbliċi minn organizzazzjonijiet kriminali u mafji u l-infiltrazzjoni tagħhom fis-settur pubbliku, kif ukoll il-kontaminazzjoni tal-ekonomija legali u s-sistema finanzjarja, filwaqt li għand ieħor ikun li jidentifika sensiela ta' miżuri leġiżlattivi sabiex jindirizza din it-theddida tanġibbli u rikonoxxuta lill-UE u ċ-ċittadini tagħha; jitlob, għalhekk, lill-Konferenza tal-Presidenti tressaq proposta skont l-Artikolu 184 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Europol u l-Eurojust, twettaq studju sa Ġunju 2013 biex tevalwa l-impatt negattiv tal-kriminalità organizzata transnazzjonali fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Europol biex tislet minn OCTA tematika dwar it-theddid li jiġi mill-preżenza ta' organizzazzjonijiet kriminali tat-tip mafjuż fl-UE sal-2012;

17.

Jenfasizza li skont ir-rapport tal-OCTA (valutazzjoni li saret mill-Unjoni Ewropea dwar it-theddida tal-kriminalità organizzata) ippubblikat mill-Europol fl-2011, l-organizzazzjonijiet kriminali qed juru li huma kapaċi ħafna biex jadattaw u qed jidentifikaw u jisfruttaw b'mod rapidu swieq illegali ġodda; iqis li hu neċessarju, għaldaqstant, mhux biss li jiġu miġġielda l-attivitajiet tradizzjonali ta’ kriminalità organizzata iżda wkoll li tingħata attenzjoni partikolari lill-forom ġodda ta’ kriminalità organizzata;

It-titjib tal-funzjonament tal-istrutturi Ewropej involuti, f'livelli differenti, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet internazzjonali l-oħrajn

18.

Jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu u jimplimentaw immedjatament id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u biex jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tagħha kollha; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-membri nazzjonali tagħhom tal-Eurojust se jkunu infurmati mingħajr dewmien fil-każ ta’ reati li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri u li jkollhom indikazzjonijiet ċari li hi involuta organizzazzjoni kriminali; itenni l-importanza tat-tisħiħ tal-Eurojust għat-titjib tal-effikaċja tal-ġlieda tiegħu kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali, b'referenza għas-setgħat ta' inizjattiva tiegħu, partikolarment is-setgħa li jibda investigazzjonijiet, u għal dawk li ngħatawlu skont l-Artikolu 85 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jużaw l-influwenza politika tagħhom fil-livell inernazzjonali, biex jinbeda rieżami tal-possibilitajiet ta’ skambju ta' xi esperjenza akkwistata mill-UE, inkluża dik mill-Eurojust, fil-livell internazzjonali u, possibilment, jitqiegħed għad-dispożizzjoni l-għarfien tekniku akkwistat sa llum il-ġurnata fil-livell tal-UE;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni tabbozza, malajr kemm jista' jkun, valutazzjoni tal-impatt dwar il-valur miżjud tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li jikkunsidra l-possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiġi estiż biex jinkludi l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali serja, kif stipulat mill-Artikolu 86(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u li jqis l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tad-difiża b’mod partikolari u l-bżonn ta’ armonizzazzjoni minn qabel tal-istandards tal-liġi kriminali proċedurali u sostantiva flimkien ma' regoli dwar il-ġurisdizzjoni kriminali; jitlob lill-Kummissjoni tidħol f’konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati rilevanti kollha, li jinkludu l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili, biex tiddiskuti l-implikazzjonijiet tal-istabbiliment possibbli tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

20.

Jappoġġa l-istrateġija ta' ħames snin għall-iżvilupp tal-Europol imsemmija fl-2009; jitlob lill-Europol iżid il-laqgħat u r-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew sabiex flimkien isir rieżami tal-progress ta’ din l-istrateġija u kwalunkwe problema f’intervalli perjodiċi; jistieden lill-Europol jimpenja ruħu b'mod iktar effettiv mal-kriminalità organizzata u mal-kriminalità tat-tip mafjuż billi jistabbilixxi u jsaħħaħ taqsima speċifika fl-organizzazzjoni teigħu u biex jalloka iktar fondi f'dan il-qasam; jitlob lill-Europol jikkollabora iktar mill-qrib mal-Interpol bil-għan li jiġġieldu l-organizzazzjonijiet kriminali fil-livell internazzjonali, b’referenza partikolari għall-kwistjoni tal-qsim tal-informazzjoni; jitlob lill-Europol jistabbilixxi rabtiet iktar mill-qrib u jikkonkludi ftehimiet strateġiċi u operazzjonali mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi;

21.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex itejbu l-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-pulizija nazzjonali fil-prattika billi jitneħħew l-ostakli formali kemm jista’ jkun;

22.

Itenni l-importanza ta’ kooperazzjoni prattika imtejba bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri sabiex isir skambju ta’ data dwar l-organizzazzjonijiet kriminali u jikkoordinaw l-investigazzjonijiet; jitlob il-Kummissjoni u l-Eurojust jistabbilixxu netwerk iktar effikaċi ta’ punti ċentrali nazzjonali għal dan il-għan; jitlob wkoll lill-Kummissjoni tressaq rapporti annwali dwar il-progress li sar bil-kooperazzjoni intensifikata bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-qasam tal-kriminalità organizzata;

23.

Jirrikonoxxi li minkejja l-protokolli u ftehimiet bilaterali milħuqa bejn l-Europol, l-Eurojust u l-OLAF, għad hemm lok għal titjib sostanzjali fil-kooperazzjoni bejn dawn l-istituzzjonijiet ikkonċernati; jistieden, għalhekk, l-Europol, l-Eurojust, l-OLAF u l-Koordinatur Ewropew Kontra t-Traffikar jimpenjaw ruħhom b'mod konkret u konġunt kemm biex jivvalutaw u wkoll biex jaġġornaw b'mod kontinwu l-ftehimiet ta' kooperazzjoni u jimplimentawhom, b'mod partikolari b'referenza għall-iskambju ta' sinteżi ta' każijiet u ta' informazzjoni relatati magħhom u ta' informazzjoni u ta' data ta' natura strateġika; iqis li, biex il-kooperazzjoni bejn il-Europal, il-Eurojust u l-OLAF tkun effikaċi b’mod sħiħ, irid jiġi stabbilit tqassim ċar tar-responsabbilitajiet bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe rduppjar tal-isforzi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju ta’ valutazzjoni tal-effikaċja tal-aġenziji tal-UE u tal-Istati Membri li jiġġieldu l-kriminalità;

Żvilupp tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet kriminali u t-titjib tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fl-UE u ma' pajjiżi terzi

24.

Jirrikonoxxi li biex jingħelbu l-ostakoli prattiċi għall-kooperazzjoni ġudizzjarja jeħtieġ li tingħata attenzjoni qawwija għall-informazzjoni u għas-sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u ta' pulizija u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw it-taħriġ ġudizzjarju u tal-forzi tal-pulizija bħala prijorità fil-livell politiku; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timmobbilizza l-miżuri adegwati, anke dawk finanzjarji, bħala appoġġ tal-attivitajiet tal-Istati Membri;

25.

Jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni ġudizzjarja, anke dik bejn l-Istati Membri, tirrappreżenta wieħed mill-pilastri tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali u għall-ħolqien ta' żona ta' sikurezza u ġustizzja komuni, u jitlob lill-Istati Membri jirrispettaw l-impenji tagħhom u biex jittrasponu minnufih l-istrumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja diġà eżistenti kollha fil-livell tal-UE, b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali tal-2000 u l-Protokolli tagħha tal-2001 u d-Deċiżjoni Qafas dwar skwadri ta’ investigazzjoni konġunti; Jirrikonoxxi li biex jingħelbu l-ostakoli prattiċi għall-kooperazzjoni ġudizzjarja jeħtieġ li tingħata attenzjoni qawwija għall-informazzjoni u għas-sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u ta' pulizija u avukati ta’ difiża u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw it-taħriġ ġudizzjarju u tal-forzi tal-pulizija flimkien mad-drittijiet ta’ difiża bħala prijorità fil-livell politiku; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni Ewropea talloka l-miżuri adegwati, anke dawk finanzjarji, bħala appoġġ tal-attivitajiet tal-Istati Membri;

26.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu bl-isforzi tagħhom bil-għan li jimplimentaw b'mod effettiv il-mandat ta' arrest Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni tqis jekk ir-raġunijiet għal noneżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew imsemmija fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas jistgħux jiġu abbozzati mill-ġdid biex jiġu ssodisfati d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u fid-dawl tal-esperjenza miksuba bi strumenti sussegwenti ta' rikonoxximent mutwu fir-rigward ta' reati ġeneralment assoċjati mal-kriminalità organizzata, inkluż ir-reat ta' assoċjazzjoni mafjuża; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-mandati ta' arrest Ewropew li joħorġu dejjem jitbagħtu lill-Interpol;

27.

Jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali u juri t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, minħabba t-traspożizzjoni inadegwata tad-deċiżjoni qafas rilevanti u n-nuqqas ta’ ħeġġa min-naħa ta’ wħud mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, dan l-istrument għall-investigazzjoni mhux qed jintuża bl-aħjar mod possibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu spinta ġdida lix-xogħol tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti, kemm billi jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni Qafas 2002/465/ĠAI fl-Istati Membri kollha, kif ukoll billi jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat; jenfasizza li r-riżultati miksuba mill-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti jistgħu jiġu valutati fil-livell Ewropew (eż abbażi tal-valur tal-oġġetti kkonfiskati) u fil-livell nazzjonali (pereżempju abbażi tal-effikaċja tal-membri individwali tal-iskwadra), u jitlob lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni b’kooperazzjoni mal-Eurojust u l-Europol;

28.

Jindika li l-fruntieri mhumiex ostaklu għall-kriminalità organizzata; iqis li hu neċessarju, għaldaqstant, li d-dimensjoni esterna tal-kriminalità organizzata tiġi integrata fil-qafas tal-isforz tal-Ewropa fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu; jinnota li hu importanti, għal dan il-għan, li jiġi involut b’mod aktar profond is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u ċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni Konġunta (SitCen); jistieden lill-Kummissjoni tkompli taġġorna regolarment u ssaħħaħ l-effikaċja tal-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u investigattiva mal-pajjiżi mhux tal-UE bil-għan li tiġġieled il-kriminalità organizzata transkonfinali; jitlob, ukoll, biex waqt l-abbozzar ta’ tali ftehimiet tingħata attenzjoni kif suppost lit-theddidiet speċifiċi tal-kriminalità organizzata għas-sigurtà interna u esterna tal-UE fil-pajjiżi individwali; jitlob lill-Europol jipproduċi analiżi iktar frekwenti u iktar dettaljata dwar l-organizzazzjonijiet kriminali mhux Ewropej li l-attivitajiet tagħhom għandhom impatt dirett u indirett fuq l-Unjoni Ewropea; iqis neċessarju li jitkomplew u jissaħħu l-isforzi li qed isiru mill-UE u l-istituzzjonijiet internazzjonali fil-Balkani, partikolarment b’rabta mal-azzjonijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Europol, tiżviluppa proġett konġunt mal-Interpol biex tappoġġa t-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' sistema reġjonali għall-iskambju ta' informazzjoni polizjeska u ġuridika mal-Afrika tal-Punent, filwaqt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent l-għarfien tekniku u r-riżorsi neċessarji, mhux l-inqas fil-qasam tat-taħriġ u s-segwitu;

Rakkomandazzjonijiet oħra b'rabta mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

29.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' kultura ta' legalità u tat-tkabbir tar-rikonoxximent u l-għarfien ta' dan il-fenomenu fost iċ-ċittadini u, b'mod ġenerali, fl-opinjoni pubblika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol fundamentali tal-istampa, ħielsa minn kull tip ta' influwenza esterna, sabiex din tkun tista' tinvestiga u tagħmel pubbliċi r-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata u mas-setgħat b'saħħithom; iqis li t-twettiq ta' dawn l-attivitajiet għandu jkun garantit bir-rispett dovut għad-dritt fundamentali tad-dinjità personali, tal-unur u tal-privatezza; jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjanijiet ta’ azzjoni speċifiċi bil-għan li tiġi żviluppata kultura ta’ legalità li tinvolvi, fost l-oħrajn, il-ħolqien ta’ linji baġitarji speċifiċi b'dan il-għan;

30.

Jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jeħtieġ li jadottaw approċċ olistiku fir-rigward tat-traffikar tat-tfal, li jintegra fih innifsu interventi multisettorjali biex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal ittraffikati u t-tfal li jinsabu f'riskju li jiġu ttraffikati; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jipparteċipaw b’mod attiv fil-ġlieda kontra l-adozzjoni illegali u jiżviluppaw qafas biex jiżguraw it-trasparenza u l-monitoraġġ effikaċi tal-iżvilipp tat-tfal abbandunati u tat-tfal adottati;

31.

Jenfasizza l-importanza ewlenija tat-trasparenza tas-settur pubbliku fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea taġixxi sabiex jiġu stabbiliti r-regoli meħtieġa u biex tiżgura t-traċċabilità sħiħa u l-kontroll totali tal-allokazzjoni u l-użu tal-fondi Ewropej kemm min-naħa tal-istituzzjonijiet kompetenti kif ukoll miċ-ċittadini u mill-istampa; jitlob li din l-informazzjoni tkun disponibbli minnufih fuq sit tal-internet xieraq f’format ta’ data li tista’ tinqara mill-magni, li tista’ titqabbel u li hi miftuħa, u tal-inqas f’minn tal-inqas waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-UE, biex jiġi żgurat li tali informazzjonihi hi faċilment aċċessibbli u tista’ tiġi użata mill-ġdid u pproċessata mis-soċjetà ċivili; jitlob lill-Istati Membri jadottaw miżuri simili għat-trasparenza tat-tranżazzjonijiet pubbliċi kollha li jagħmlu użu minn fondi pubbliċi, b'referenza partikolari għall-amministrazzjonijiet lokali, li jinsabu f'perikolu akbar ta' infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata, meta titqies in-natura sigrietà inerenti tal-miżuri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

32.

Jitlob, b'rispett għad-drittijiet fundamenti, li tiddaħħal sistema adattata ta’ pieni u dispożizzjonijiet ta’ detenzjoni xierqa għal reati b'rabta mal-kriminalità organizzata, kemm biex jiskoraġġixxu it-twettiq ta' reati u biex il-priġunieri ma jitħallewx ikomplu jmexxu l-organizzazzjonijiet t-twettiq jew milli jikkontribwixxu għall-ksib tal-għanijiet tagħhom bit-twettiq ta' reati oħrajn, tul il-perjodu ta' detenzjoni tagħhom;

Kontramiżuri fir-rigward ta' ambiti ta' azzjoni speċifiċi tal-kriminalità organizzata

33.

Jinsab konvint dwar ir-rabta qawwija li teżisti bejn il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u jtenni bil-qawwa t-talba li stqarr waqt l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni bil-Miktub 02/2010, kemm b'referenza għall-ħolqien ta' mekkaniżmu, ta’ natura objettiva u li tista’ tiġi kwantifikata, ta' valutazzjoni u kontroll tal-politiki tas-27 Stat Membru fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u wkoll fir-rigward tat-tfassil ta' politika globali kontra l-korruzzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ proattiv fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-miżuri fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat; iqis, barra minn hekk, bħala prijorità, it-tfassil ta' miżuri effikaċi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-politika tal-viċinat, fil-qasam ta’ qabel l-adeżjoni u fl-użu ta' fondi mmirati għall-għajnuna tal-iżvilupp, b’mod partikolari mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-korpi ġodda li qed jitwaqqfu bl-awspiċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament u ddaħħal immoniterjar effettiv tal-miżuri meħuda u r-riżultati miksuba;

34.

Jitlob lill-Istati Membri jirratifikaw b'mod immedjat l-istrumenti internazzjonali kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni u l-Konvenzjonijiet dwar il-Liġi Kriminali u Ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa (1999);

35.

Jimpenja ruħu li jistabbilixxi regoli li jiżguraw li persuni li jkunu kkundannati, b’sentenza li tkun għaddiet f'ġudikat bħala ‧res judicata‧, ta' appartenenza f'organizzazzjonijiet kriminali jew b’reati li spiss jitwettqu b’rabta ma' dawn l-organizzazzjonijiet (bħat-traffikar tal-bnedmin, t-traffikar internazzjonali tad-drogi, il-ħasil tal-flus, il-frodi, il-korruzzjoni u l-estorsjoni) ma jitħallewx joħorġu bħala kandidati għall-Parlament Ewropew; jitlob lill-gruppi politiċi Ewropej jadottaw kodiċi ta' etika intern bil-għan li jevitaw li persuni li ġew ikkundannati, anke b'mod mhux definittiv għal dawn ir-reati, ma jitħallewx joħorġu bħala kandidati; jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli simili għall-elezzjonijiet nazzjonali u lokali;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida ċari u proposti leġiżlattivi adegwati li jipprevjenu li kumpaniji marbuta mal-kriminalità organizzata u l-mafji jieħdu sehem fil-ġestjoni ta' sejħiet għal offerti pubbliċi u fl-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw t-traċċabilità tal-flussi finanzjarji b'konnessjoni ma' kuntratti pubbliċi tax-xogħlijiet, tas-servizzi u tal-provvista u jevalwaw l-introduzzjoni ta' regoli biex jikkastigaw l-ostruzzjoni tal-proċeduri amministrattivi ta' għażla għall-għoti ta' kuntratti minn awtoritajiet pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE jiġi applikat b’mod sħiħ u korrett, billi teskludi b'mod ġenerali l-mekkaniżmi ta’ ‘awtotindif’, biex turi biċ-ċar li kundanni kontra kemm l-entitajiet legali kif ukoll kontra l-persuni fiżiċi iwasslu għall-esklużjoni u tiżgura li dawn ir-raġunijiet għall-esklużjoni huma permanenti jew għal perjodu raġonevoli aktar milli jkunu ristretti għall-perjodu tal-kundanna; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti li jistabbilixxu r-raġunijiet għall-esklużjoni minn proċeduri ta’ akkwist pubbliku u l-prekawzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ nies li huma taħt investigazzjoni jew għaddejin minn prosekuzzjoni; jitlob li tkun estiża l-firxa ta' reati li jwasslu għall-esklużjoni ta’ dawk ir-reati kollha mwettqa f'rabta mal-kriminalità organizzata u li tittieħed azzjoni biex jiġi evitat li l-leġiżlazzjoni rilevanti tiġi evaża permezz ta’ prestanome u sostenituri; jitlob lill-Istati Membri jadottaw miżuri simili fir-rigward tat-tipi kollha ta’ għajnuna kuntrattwali, ta’ konċessjoni, tal-liċenzji u tal-istat, anke jekk dawn mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti leġiżlattivi u operattivi xierqa għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u għat-tfassil listi suwed biex tiġi evitata l-approprjazzjoni indebita tal-fondi pubbliċi fl-UE;

37.

Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, fenomenu spiss marbut mal-attivitajiet tal-kriminalità organizzata fil-forma tal-isfruttament tal-prostituzzjoni u x-xogħol, it-tneħħija tal-organi u t-tjassir; jenfasizza l-importanza estrema tal-implimentazzjoni rapida u effettiva ta' din id-Direttiva;

38.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħtu kunsiderazzjoni dovuta lill-fatt li l-kriminalità organizzata għadha għaddejja bl-attivitajiet u bl-interessi tagħha, li jinkludu mezzi ta’ traffikar tad-droga, u qed jagħmlu ħilithom kollha biex jestendu s-suq globali tad-drogi illegali f’swieq ġodda u sustanzi ġodda;

39.

Jitlob lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżvilupp Ewropew kollha tal-Istati Membri biex itejbu l-politiki tagħhom dwar iċ-ċentri finanzjarji “offshore” u l-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, partikolarment bl-adozzjoni ta’ lista ta’ ġurisdizzjonijiet li għandha tiġi kkontrollata b’iktar rigorożità b’referenza għal-lista sewda u l-lista griża tal-OKŻE u billi titwettaq ‘diliġenza dovuta’ speċifika ta’ kull pajjiż kif meħtieġ, filwaqt li tipprojbixxi kwalunkwe forma ta’ appoġġ għall-intermedjarji finanzjarji fil-ġurisdizzjonijiet li huma meqjusa ta’ riskju għoli u titlob li r-rilokazzjoni ta' kumpanniji reġistrati residenti f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u ċentri finanzjarji “offshore” bħala prerekwiżit essenzjali għall-appoġġ finanzjarju ta’ attivitajiet speċifiċi; jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b’mod attiv biex jiżguraw l-implimentazzjoni tajba tal-40 rakkomandazzjoni tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja bl-adozzjoni ta’ politiki speċifiċi għal kull istituzzjoni li jinkludu diliġenza dovuta msaħħa, partikolarment f’każijiet politikament sensittivi;

40.

Jenfasizza li l-kriminalità organizzata tuża teknoloġiji ta’ komunikazzjoni u informazzjoni għal skopijiet illegali, għat-twettiq ta’ reati li jinvolvu s-serq ta’ identità, iċ-ċiberkriminalità, il-frodi, il-logħob tal-azzard illegali u l-manipulazzjoni ta’ riżultati sportivi; jitlob, f’dan ir-rigward, għall-iżvilupp ta’ qafas leġiżlattiv Ewropew koerenti; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jitolbu kemm jista’ jkun mis-sħab internazzjonali biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċiberkriminalità; jenfasizza t-tendenza li l-organizzazzjonijiet kriminali jagħmlu aktar enfasi fuq opportunitajiet ta’ ħasil tal-flus jew kriminalità finanzjarja li jistgħu jirriżultaw fi żvilupp mifrux dejjem ikbar tal-attivitajiet kriminali bbażati fuq l-internet;

41.

Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu sinjal ċar fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali fil-ġlieda kontra t-tipi kollha ta' ħasil ta' flus bl-użu tas-swieq finanzjarji, b'mod partikolari bil-previżjoni ta’ miżuri possibbli dwar il-kontroll tal-kapital, kif suġġerit riċentement mill-Fond Monetarju Internazzjonali innifsu; iħeġġeġ it-tnaqqis tal-pervażività tas-swieq finanzjarji fil-kuntest ta’ operazzjonijiet fuq żmien qasir; jimponi żieda fit-trasparenza fil-qasam tal-użu ta' fondi pubbliċi, ibda minn dawk ta' appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat, u attakk u effikaċi kontra rifuġji fiskali bl-impożizzjoni ta' rappurtar finanzjarju pajjiż b'pajjiż fuq l-operaturi ekonomiċi multinazzjonali kollha; jippromwovi ftehim multilaterali dwar l-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali u r-reviżjoni kontestwali tad-definizzjoni ta' rifuġju fiskali u l-elenku ta' dawn il-ġurisdizzjonijiet sigrieti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida dwar ir-rintraċċabilità tal-flus sabiex ikun iktar faċli li jiġu identifikati każijiet li jinvolvu l-ħasil tal-flus li joriġinaw minn attivitajiet illegali; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-proposta leġiżlattiva tagħha li taġġorna d-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus, biex tiġġeneralizza kemm jista’ jkun il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tar-rikavati tal-kriminalità u tistabbilixxi bażi legali għall-ikbar firxa possibbli ta’ poteri għall-investigazzjoni f’dan il-qasam; jitlob, f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri kollha meħtieġa biex jikkriminalizza l-‘awtoħasil’, jew il-ħasil ta’ fondi illegali mill-persuna stess jew entità li kisbet dawk il-fondi b’mezzi illegali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni, fil-proposta tagħha, tqis il-possibbiltà li testendi l-kriminalizzazzjoni tal-ħasil għal każijiet fejn min wettaq l-azzjoni kien jaf li l-assi inkwistjoni kienu r-rikavat tal-kriminalità;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea ssegwi b'attenzjoni t-traspożizzjoni min-naħa tal-Istati Membri tad-direttiva tal-UE rigward il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, sabiex din tkun effikaċi u f'waqtha; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti innovattivi għall-prosekuzzjoni ta’ dawk li jwettqu reati ambjentali li fihom il-kriminalità organizzata għandha rwol, pereżempju billi tressaq proposta għall-estensjoni fil-livell tal-UE tal-esperjenza pożittiva tal-Italja għar-reat ta' ‧attività organizzata għat-traffikar illegali tal-iskart‧, klassifikat bħala reat li għandu impatt soċjali kbir (u għaldaqstant jiġi trattat mill-Bureau Distrettwali Kontra l-Mafja); jitlob għal azzjoni iktar b’saħħitha mill-uffiċċji tas-CITES u koordinazzjoni iktar mill-qrib fil-livell Ewropew bejn dawk l-uffiċċji fil-ġlieda kontra l-ittraffikar illegali ta’ speċi ta’ annimali u ta’ pjanti li huma protetti u fil-periklu;

43.

Jitlob lill-Istati Membri tadotta approċċ proattiv għall-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ estorsjoni, pereżempju permezz ta’ inizjattivi u forom ta’ appoġġ finanzjarju li jippermettu l-kwerelanti jkomplu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, flimkien mat-tnedija ta’ investigazzjonijiet abbażi tax-xogħol ta’ intelligence; jemmen li hu essenzjali li jissaħħu kemm ir-rwol tas-soċjetà ċivili kif ukoll tas-sħubija bejn is-soċjetà ċivili u s-sistema ġudizzjarja u tal-pulizija, u li dan għandu jitħeġġeġ; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iffirmar tal-memorandums ta' ftehim bejn il-pubbliku u l-kummerċjanti u l-intraprendisti li jilmentaw minn rikattar, sabiex dawn ikunu jistgħu jaħdmu minkejja d-diffikultajiet mistennija; jitlob lill-Kummissjoni, fil-proposta tagħha għal direttiva dwar il-konfiska tar-rikavati tal-kriminalità organizzata biex testendi l-miżuri kif irregolati fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI għall-offiża ta’ estorsjoni;

44.

Jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rwol tal-kriminalità organizzata fil-qafas leġiżlattiv applikabbli għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni; japprova d-deċiżjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar strateġija msaħħa għall-kooperazzjoni doganali, b’referenza partikolari għall-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni u tekniki ta’ inveżtigazzjoni ġodda, l-adozzjoni ta’ approċċ istituzzjonali bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn is-servizzi doganali, il-pulizija u l-awtoritajiet kompetenti oħra, u t-titjib fil-proċess ta’ kooperazzjoni eżistenti sabiex jiġi żviluppat approċċ effikaċi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali u jippermetti l-konfiska ta’ prodotti illegali fl-UE; isostni li l-ikbar enfasi possibbli għandha ssir fuq dawn l-aspetti fil-kuntest tal-adozzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Ħames Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni għall-Infurzar tal-Liġi Doganali;

*

* *

45.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali, lill-Europol, lill-Eurojust, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Interpol u lill-UNODC.


(1)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

(3)  ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49.

(4)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103.

(5)  PE 410.678.

(6)  http://www.europol.europa.eu/index.asp?page=publications&language=

(7)  ĠU L 138, 4.6.2009, p. 14.

(8)  http://www.eurojust.europa.eu/press_annual.htm

(9)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130.

(10)  ĠU L 121, 15.05.2009, p. 37.

(11)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(12)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3.

(13)  ĠU C 24, 23.1.1998, p. 1.

(14)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(15)  10330/2008.

(16)  ĠU C 291E, 30.11.2006, p. 244.

(17)  ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1.

(18)  PE 410.671.

(19)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(20)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(21)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9.

(22)  ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.

(23)  ĠU L 192, 31.07.2003, p. 54.

(24)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(25)  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

(26)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.


Top