EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0058

Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Frar 2011 dwar “Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri” (2010/2239(INI))

OJ C 188E, 28.6.2012, p. 9–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 188/9


L-Erbgħa 16 ta’ Frar 2011
Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri

P7_TA(2011)0058

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2011 dwar “Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri” (2010/2239(INI))

2012/C 188 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-klawsola soċjali orizzontali fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2010, “Green Paper, lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri” (COM(2010)0365),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-11 ta’ Novembru 2010 dwar l-Isfida Demografika u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2010, “Green Paper, lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri” (2),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020 (COM(2010)0193), u l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2010 dwarha (3),

wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2009 dwar “Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE (Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2009)” (COM(2009)0180) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-aġenda soċjali mġedda (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-futur tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet: il-finanzjament tagħhom u x-xejra lejn l-individwalizzazzjoni (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (8),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0507 u l-pożizzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2007 (9),

wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Kunsill Ewropew ta’ Stokkolma tal-2001 li tikkonsisti fir-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Ewropa,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Laeken tal-2001 dwar objettivi komuni għall-pensjonjiet, b'enfasi fuq il-ħtieġa li dawn isiru adegwati, sostenibbli u adattabbli,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0025/2011),

A.

billi n-nies daż-żmien qed jidħlu ta’ età akbar fil-forza tax-xogħol minħabba rati ta’ qgħad li jaffettwaw b'mod partikulari liż-żgħażagħ mingħajr kwalifiki għoljin, jew minħabba edukazzjoni aktar fit-tul u, għal uħud, ogħla, u, bħala medja, in-nies qed jitilqu mis-suq tax-xogħol aktar kmieni mill-età legali tal-pensjoni, il-ħajja tax-xogħol tagħhom interrotta minn perjodi li fihom ma jaħdmux, u qed jgħixu aktar,

B.

billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika żiedet bil-kbir l-isfida demografika sottostanti li qed tiffaċċja l-UE,

C.

billi d-data attwali turi li l-għadd ta’ nies li qed jidħol fis-suq tax-xogħol qed jonqos (il-popolazzjoni tal-UE li hi tal-età tax-xogħol se tibda tonqos mill-2012) u li l-għadd ta’ pensjonanti qed jogħla (fl-2008 kien hemm erba' ċittadini tal-UE li huma tal-età tax-xogħol għal kull persuna ta’ 65 sena jew aktar, sal-2020 din iċ-ċifra se tkun ħamsa għal kull wieħed, u sal-2060 se tkun tnejn għal kull wieħed); billi din it-tendenza tvarja skont id-differenzi demografici bejn l-Istati Membri,

D.

billi l-provvediment ta’ pensjonijiet adegwati, sostenibbli u siguri huwa marbut b'mod li ma jistax jinħall ma’ livelli oghla ta’ impjiegi, produttività akbar u tkabbir ekonomiku,

E.

billi l-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea għandha tqis l-approċċ olisitku kif ippreżentat fil-Green Paper,

F.

billi l-kriżi finanzjarja wasslet għal żieda fil-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, defiċits baġitarji li kulma jmur qed jiżdiedu f'ħafna Stati Membri u problemi fil-finanzjament tal-pensjonijiet (kemm jekk huma ffinanzjati mit-taxxi u kemm jekk b'mod ieħor), u wriet il-fraġilità ta’ ċerti sistemi ta’ fondi tal-pensjonijiet,

G.

billi l-għan tar-rata ta’ 75 % ta’ impjiegi stipulata fl-Istrateġija UE 2020 għandha tgħin biex tiġi assigurata s-sostenibilità tas-sistemi tal-pensjonijiet,

H.

billi l-prevalenza dejjem tikber ta’ impjiegi interim u prekarji qed tnaqqas il-kontribuzzjonijiet lis-sistemi tal-pensjonijiet u qed tagħmel ħsara lill-istabilità ta’ dawk is-sistemi u l-adegwatezza tal-pensjonijiet futuri,

I.

billi hemm bżonn li jitqiesu l-mitigazzjoni tar-riskji u l-assorbiment tax-xokkijiet fit-tfassil tal-fondi tal-pensjonijiet,

J.

billi l-persuni li jiddedikaw ħinhom u l-ħiliet tagħhom biex irabbu t-tfal jew biex jieħdu ħsieb l-anzjani għandhom jirċievu rikonoxximent soċċjali, u billi dan jista' jsir billi dawn il-persuni jingħataw drittijiet individwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-pensjonijiet,

K.

billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irgel hija valur, objettiv u dritt fundamentali fl-Unjoni, u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom id-dmir li jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha tagħhom,

L.

billi n-nisa jħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni diretta u indiretta f'aspetti differenti marbutin mal-pensjonijiet fl-Unjoni Ewropea,

M.

billi l-impatt maħsub tar-riformi tal-pensjonijiet normalment ikun ibbażat fuq profil ta’ raġel li jaħdem full time, b'karriera sħiħa u bi qligħ medju u billi t-tabelli attwarjali tal-ħajja abbażu tas-sessi għandhom impatt negattiv fuq il-kalkoli tal-pensjonijiet tan-nisa u jagħtu rata ta’ sostituzzjoni aktar baxxa għan-nisa,

N.

billi n-nisa ta’ età akbar jinsabu f'pożizzjoni partikolarment prekarja meta d-dritt tagħhom għal pensjoni jkun ġej mill-istatus konjugali tagħhom (benefiċċji tal-konjugi jew ta’ superstiti) u meta ma jkollhomx drittijiet adegwati proprji għall-pensjoni tagħhom minħabba interruzzjonijiet fil-karriera,

Ġenerali

Il-livell tal-UE u l-Istati Membri

1.

Jilqa' l-approċċ olistiku adottat mill-Green Paper, li hu intenzjonat biex jagħti impetu ġdida fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE, bl-objettiv li jiġu stabbiliti sistemi pensjonistiċi robusti, adegwati fuq żmien twil, sostenibbli u siguri, waqt li jiġi ssalvagwardjat il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jindika li t-tradizzjonijiet, is-sitwazzjonijiet ekonomiċi u demografiċi u karatteristiki speċifiċi tas-suq tax-xogħol huma differenti minn Stat Membru għal ieħor u li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u s-solidarjetà, skont liema l-Istati Membri jżommu r-responsabilità sħiħa għall-istabbiliment organizzattiv tas-sistemi pensjonistiċi tagħhom, għandu jiġi rrispettat;

2.

Jisħaq fuq il-fatt li kull Stat Membru qed jiffaċċja sfidi enormi fl-iżgurar li l-aspettattivi taċ-ċittadini għal pensjonijiet adegwati u sostenibbli jintlaħqu, fi żmien meta ċ-ċirkustanzi soċjali u ekonomiċi huma ġeneralment diffiċli u saħansitra jvarjaw skont l-Istat Membru u s-sistema legali;

3.

Jenfasizza li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, li huma waħda mill-għejun prinċipali ta’ impjiegi u tkabbir fl-UE u jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għas-sostenibilità u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri; jixtieq jara għaldaqstant l-iżvilupp ta’ fondi settorjali, intersettorjali u/jew territorjali biex tiżdied l-affiljazzjoni tal-ħaddiema fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ma’ sistemi pensjonistiċi, li jista' jservi bħala eżempju tal-aħjar prattika;

4.

Josserva li, għat-tlestija tas-suq intern, politiki ekonomiċi u soċjali sodi, li jqisu l-isfidi tas-solidarjetà interġenerazzjonali, jagħtu kontribut importanti għall-politiki ta’ impjieg sostenibbli, it-tkabbir u l-istabilità, speċifikament billi jippreżervaw il-koeżjoni soċjali; jindika li f'dan ir-rigward għandhom irwol deċiżiv x'jiżvolġu s-sħab soċjali;

5.

Jikkunsidra li l-investiment u t-tfaddil fit-tul għas-sostenibilità tas-sistemi pensjonistiċi għall-ġejjieni huma ta’ importanza ewlenija u għandhom jitqiesu fil-qafas tas-sorveljanza makroekonomika;

6.

Jinnota li kemm il-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika u kemm il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jirreferu għal infiq pubbliku relatat mal-età; jemmen li l-inklużjoni preċiża jemmen li l-inklużjoni preċiża tal-obbligazzjonijiet pubbliċi diretti tal-pensjonijiet fil-kalkolu tad-dejn pubbliku u tad-defiċit pubbliku hija waħda mill-ħafna kundizzjonijiet għas-sostenibilità; jitlob li r-riforma tal-governanza ekonomika tqis din id-dimensjoni billi tiżgura t-trattament xieraq tad-diversi pilastri tas-sistema tal-pensjonijiet u tiffoka fuq is-sostenibilità tagħhom;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw – minħabba l-fatt li sistema tal-pensjonijiet sostenibbli u li taħdem kif suppost hi estremament importanti għaċ-ċittadini u għall-istabilità tal-finanzi pubbliċi – li l-ispejjeż tar-riforma pensjonistika jkomplu jitqiesu meta jkun qed jiġi vvalutat jekk Stat Membru għandux ikun soġġett għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u jirrakkomanda li l-attenzjoni tingħata lis-sostenibilità tas-sistema ta’ finanzjament aktar milli xi tip speċifiku ta’ riforma pensjonistika; jinnota li r-riformi pensjonistiċi sistemiċi jinvolvu spejjeż kbar ta’ transformazzjoni, li jridu jitqiesu għall-iskop tal-kalkolu tad-dejn tal-gvern u tad-defiċit baġitarju;

8.

Jenfasizza li s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi tirrikjedi li t-total tad-dejn pubbliku u privat jiġi inkluż fil-valutazzjoni; jindika li t-tfaddil pensjonistiku jikkostitwixxi xi ħaġa aktar minn sempliċiment tfaddil allokat bħala pensjoni; jitlob li l-iskala sħiħa tar-responsabilitajiet għall-pensjonijijiet tas-settur pubbliku diretti li ma jkunux iffinanzjati jriru trasparenti u żvelati b'mod espliċitu, bil-ħsieb li l-finanzi pubbliċi jkunu sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien twil;

9.

Jenfasizza li l-pensjonijiet u s-sistemi tal-pensjonijiet huma r-responsabilità tal-Istati Membri; jirrikonoxxi li l-ekonomiji tal-Istati Membri huma interdipendenti, u għaldaqstant jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw kif suppost il-politiki differenti tagħhom dwar il-pensjonijiet u billi jużaw il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni jiggarantixxu l-adegwatezza, is-sikurezza u s-sostenibilità tas-sistemi tal-pensjonijiet;

10.

Josserva li l-iskemi pensjonistiċi abbażi tal-ewwel, it-tieni u t-tielet pilastru fl-Istati Membri jvarjaw b'mod sinifikanti minn wieħed għall-ieħor, li l-UE jonqosha sett ta’ kriterji u definizzjonijiet komuni u analiżi fil-fond li tispjega bir-reqqa d-diversi sistemi tal-pensjonijiet u l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadin u li għalhekk hemm nuqqas ta’ superviżjoni trasparenti applikabbli għas-sistemi kollha; jenfasizza li l-UE għandha prinċipalment issaħħaħ il-komparabilità tal-iskemi tal-pensjonijiet u tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajbin; hu tal-fehma li hemm bżonn li l-Kummissjoni tagħmel l-isforzi meħtieġa biex toħloq tipoloġija tas-sistemi pensjonistiċi fl-Istati Membri, kif ukoll sett komuni ta’ definizzjonijiet sabiex is-sistemi jsiru komparabbli;

Sess

11.

Jiddispjaċih li l-Green Paper ma tiddedikax biżżejjed attenzjoni lill-kwistjoni tas-sessi, jikkunsidra li d-distakki attwali fl-adegwatezza tal-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa huma r-riżultat ta’ inugwaljanzi persistenti fis-suq tax-xogħol, bħal perjodi ta’ qgħad, mard, dmirijiet ta’ kura, id-distakk fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, ir-rappreżentanza żejda tan-nisa f'xogħlijiet prekarji u part-time u x-xkiel għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jeqirdu dawn l-inugwaljanzi u jiżguraw trattament ugwali fit-tul għan-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-pensjonijiet, pereżempju permezz tal-inklużjoni tal-liv tal-maternità u l-kura ta’ qraba anzjani bħala xogħol ta’ vera li jirriżulta fi dritt għall-benefiċċji tal-irtirar għall-irġiel u n-nisa;

12.

Jisħaq fuq l-importanza tal-individwalizzazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni u jitlob li, għall-kalkolu tal-pensjonijiet tan-nisa, jintużaw kriterji b'tali mod li tiġi ggarantita l-indipendenza ekonomika kemm tal-irġiel, kif ukoll tan-nisa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw ukoll approċċ għall-kors tal-ħajja lejn il-pensjonijiet, sabiex jinstabu tweġibiet għall-isfidi taċ-ċiklu tal-ħajja tax-xogħol moderna;

13.

Jinnota li l-ġustizzja interġenerazzjonali u l-interessi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jridu jkunu l-aspetti ċentrali ta’ metodu ta’ koordinament imsaħħaħ għall-iżvilupp ulterjuri tal-politiki pensjonistiċi nazzjonali abbażi tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jobbligaw lill-fornituri tal-pensjonijiet tax-xogħol u pensjonijiet supplimentari oħrajn jużaw tabelli ta’ mortalità li ma jiddistingwux bejn is-sessi meta jikkalkulaw il-benefiċċji tal-pensjonijiet biex jiġi evitat li n-nisa jiġu kkastigati għal għomor itwal;

Adegwatezza

15.

Ma jidhirlux li huwa possibbli għall-UE tistabbilixxi livelli ta’ pensjoni adegwati, għax l-ammont meħtieġ jiddependi ħafna miċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-Istati Membri; jistieden madankollu lill-Kummissjoni tipproduċi gwida li tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kriterji għal livell minimu ta’ pensjoni; jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-adegwatezza bħala l-kundizzjoni rikjesti biex l-anzjani jgħixu ħajja deċenti;

16.

Iqis li l-Istati Membri huma responsabbli huma stess li jaghmlu provvedimenti għal pensjoni adegwata ghac-cittadini taghhom bhala parti mill-politiki socjali u ekonomici taghhom; iħeġġiġhom jimplimentaw sistema li tkun l-aktar waħda xierqa biex jiġi ggarantit standard deċenti ta’ għajxien għal kulħadd, b'attenzjoni partikulari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà;

17.

Jenfasizza li, fi ħdan il-firxa tas-sistemi tal-pensjonijiet, id-diversifikazzjoni tad-dħul mill-pensjoni minn taħlita ta’ skemi pubbliċi (l-ewwel pilastru) u relatati max-xogħol (fil-biċċa l-kbira t-tieni pilastru), jistgħu jipprovdu garanzija għall-provvediment ta’ pensjoni adegwata;

18.

Jinnota li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-ewwel pilastru hu dak l-aktar importanti u hu bbażat fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà u li l-finanzjament tal-ewwel pilastru se jkun taħt anqas pressjoni jekk aktar nies ikunu qed jaħdmu u jekk jiġi indirizzat ix-xogħol illegali u mhux iddikjarat, waqt li anke forom alternattivi oħra ta’ finanzjament għall-ewwel pilastru jistgħu jiġu diskussi bejn l-Istati Membri fil-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni; Jenfasizza li l-iskemi statutorji “pay-as-you-go” taw prova tal-istabilità u l-affidabilità tagħhom fit-test ippreżentat mill-kriżi finanzjarja u ekonomika; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-livell tal-pensjonijiet tal-ewwel pilastru jkun ogħla mil-linja tal-faqar;

19.

Jisħaq fuq il-fatt li, fir-rigward tas-sostenibilità u l-adegwatezza tas-sistemi pensjonistiċi, f'xi Stati Membri jiżvolġu rwol il-provvedimenti għal tfaddil fuq it-tielet pilastru; jenfasizza, madankollu, li din l-għażla hija disponibbli biss għall-persuni li għandhom dħul adegwat li jippermettilhom jikkontribwixxu għal sistemi ta’ dan it-tip u għaldaqstant jista' jkollha biss rwol limitat fil-provvediment ta’ dħul deċenti;

20.

Jemmen li qsim aħjar ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-ispejjeż u l-effikaċja ta’ forom ta’ ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet privati tkun utli ħafna;

21.

Jikkunsidra li, minħabba l-pressjoni baġitarja, l-effiċjenza fl-infiq soċjali hi ta’ imporanza kbira; jikkunsidra li, minħabba l-pressjoni baġitarja attwali, l-infiq soċjali żvolġa rwol ekonomiku u soċjali sinifikattiv fit-taffiment tal-effetti tal-kriżi; jikkunsidra li l-iskemi “pay-as-you-go” wrew ir-rwol fundamentali tagħhom fil-ħolqien tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; jikkunsidra wkoll li t-tieni u t-tielet pilastri għandhom rwol supplimentari x'jiżvolġu fit-tnaqqis tal-pressjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aħjar taħlita possibbli ta’ forom ta’ provvediment tal-pensjonijiet biex jissalvagwardjaw il-pensjonijiet fil-ġejjieni; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-aċċess taċ-ċittadini għal skemi ta’ tfaddil privati; jirrimarka li, minħabba l-kriżi finanzjarja, diversi Stati Membri qegħdin jippjanaw li jintroduċu bidliet fis-sistemi pensjonistiċi tagħhom; iħeġġiġhom, madankollu, jiżguraw li s-sistemi pensjonistiċi jibqgħu stabbli, affidabbli u sostenibbli, u li l-bidliet kollha jsiru wara djalogu soċjali adegwat u abbażi tal-forniment ta’ informazzjoni suffiċjenti; jirrakkomanda li, jekk l-impjegati jkunu jistgħu jagħżlu, għandu jingħatalhom żmien biżżejjed biex jagħmlu deċiżjonijiet infurmati u maħsuba sewwa;

22.

Jenfasizza li t-tkabbir ekonomiku u rata għolja ta’ impjiegi jżidu s-sostenibilità u l-adegwatezza tas-sistemi pensjonistiċi, waqt li l-inflazzjoni għolja tagħmilhom ħsara;

23.

Iqis li l-evażjoni tat-taxxa saret fenomenu inkwetanti u trid tiġi miġġielda bl-aktar mod effikaċi possibbli, għaliex iddgħajjef l-adegwatezza u l-istabilità futuri tas-sistemi pensjonistiċi;

Età tal-irtirar

24.

Jikkunsidra li, minħabba t-tendenzi demografiċi u l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun jista' jsir il-ħlas għall-pensjonijiet, hemm bżonn li aktar nies jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u li jagħmlu hekk għal żmien itwal, imma josserva li l-għomor qed jitwal u li saħħa okkupazzjonali aħjar hi prekundizzjoni għall-ħajjiet tax-xogħol itwal; jistieden lill-Istati Membri biex jippermettu li dawk li jridu jkomplu jaħdmu jkunu jistgħu; jistieden lill-Istati Membri li żiedu l-età statutorja tal-irtirar jew li se jagħmlu hekk jinkoraġġixxu x-xogħol minn ħaddiema anzjani permezz ta’ eżenzjonijiet fiskali u tas-sigurtà soċjali; jistieden ukoll lill-Istati Membri joħolqu kuntratti ta’ impjiegi adattati u flessibbli u skemi ta’ rtirar għall-anzjani u sabiex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-possibilità li x-xogħol jiġi kkumbinat mal-irtirar u jistabbilixxu miżuri dissważivi sabiex il-kumpaniji jsibuha aktar diffiċli biex jagħtu s-sensja lill-anzjani; jistieden lill-Kummissjoni tħejji studju li janalizza l-mod kif id-distribuzzjoni tal-ġid qed tinfluwenza l-għomor fl-Istati Membri;

25.

Jinnota li hemm disparitajiet maġġuri fl-età tal-irtirar statutorja u fl-età meta l-persuni ta’ età akbar fil-fatt jieqfu jkunu impjegati u jirrakkomanda li għandha tingħata prijorità biex jiġi assigurat li l-impjegati jistgħu jaħdmu sal-età tal-irtirar statutorja; josserva li dawn id-disparitajiet huma specjalment saljenti għall-impjegati fil-kategoriji ta’ xogħol l-aktar iebes; jistieden għalhekk, lill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jiskambjaw informazzjoni dwar prattiki tajba; jistidinhom ukoll jikkonkludu ftehimiet li jħallu impatt pożittiv fuq pensjonijiet sostenibbli u jwasslu, b'mod flessibbli, għat-titwil tal-ħajja tax-xogħol sal-età tal-irtirar statutorja, pereżempju billi jiġu żviluppati strateġiji komprensivi ta’ ġestjoni tal-età f'livell nazzjonali u ta’ kumpanija, jiġu żviluppati forom ġodda ta’ provvedimenti fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali adattati għall-esiġenzi speċifiċi tal-ħaddiema anzjani u billi jiġu rikumpensati l-persuni li jdumu jaħdmu iktar;

26.

Jenfasizza li forza tax-xogħol anzjana u ħajja tax-xogħol itwal jistgħu jagħtu kontribut pożittiv għall-irkupru u t-tkabbir futur; iqis li, għall-impjegati (anzjani) li jwettqu xogħol esiġenti mil-lat fiżiku u/jew mentali, suq tax-xogħol dinamiku jeħtieġ joffri soluzzjonijiet kreattivi bħal flessibbiltà akbar fl-età tal-irtirar statutorja, pensjonijiet part-time, kundizzjonijiet tax-xogħol adattati, tħeġġiġ ta’ tagħlim tul il-ħajja, titjib tas-servizzi ta’ tiftix ta’ xogħol jew mobilità bejn impjieg u ieħor, ħalli jinstab bilanċ dewwiemi bejn ir-rekwiżiti tal-impjiegi u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema; iqis li teżisti ħtieġa ta’ politika attiva biex issir prevenzjoni tad-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ età billi tiġi sorveljata l-implimentazzjoni korretta tad-Direttivi 2000/78/KE u 2006/54/KE u permezz tal-promozzjoni ta’ kultura Ewropea ta’ proċess ta’ tixjiħ attiv li tiggarantixxi li l-anzjani jkollhom ħajja ta’ vitalità u dinjità; jistieden lill-Istati Membri jikkumbinaw il-penali għad-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol mal-inċentivi għal min iħaddem biex jinħoloq suq tax-xogħol integrat; jistieden lill-Istati Membri, fil-kuntest tar-riformi u tal-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol u bl-assistenza tal-Kummissjoni, jimplimentaw b'mod aktar effikaċi d-direttivi dwar is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol;

Strateġija UE 2020

27.

Jilqa' r-riferiment fl-Istrateġija 2020 għall-inklużjoni ta’ ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol; jiddispjaċih li l-Istrateġija 2020 ma tiddedika l-ebda attenzjoni espliċita għal sistemi sostenibbli u adegwati tal-pensjonijiet, għalkemm il-kisba ta’ wħud mill-objettivi ppreżentati fl-Istrateġija 2020 tiddependi fuqhom; jissuġġerixxi għalhekk li l-objettivi tal-Green Paper dwar l-Istrateġija 2020 jiġu inkorporati;

28.

Iqis li, f'każ li tirnexxi l-Istrateġija 2020, dan se jissarraf fil-ħolqien ta’ impjiegi aktar siguri u ta’ kwalità u f'aktar nies jaħdmu b'pagi u b'kundizzjonijiet ta’ impjieg xierqa, li jinvolvi żieda fil-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali u li t-tkabbir ekonomiku se jibbenefika minn dan b'hekk jiżdiedu kemm is-sostenibbiltà kif ukoll l-adegwatezza tas-sistemi pensjonistiċi;

29.

Jappoġġa, skont l-Istrateġija 2020, politika tas-suq tax-xogħol li jkollha mira partikolari u li tkun attiva li se twassal għal parteċipazzjoni akbar fl-impjiegi minn dawk li attwalment mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli; iqis li l-UE għandha tiżviluppa indikaturi ġodda biex tissorvelja l-impatt tar-riformi pensjonistiċi fuq gruppi vulnerabbli; jisħaq fuq il-fatt li fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ix-xogħol illegali għadu mifrux u li dan idgħajjef l-għażliet fil-qasam tal-politika soċjali; jistieden lill-korpi kompetenti fl-Istati Membri jippromwovu l-inkluzjoni socjali u jikkumbattu x-xogħol mhux iddikjarat biex jittejjeb il-bilanċ tas-sistemi pensjonistiċi;

Direttiva IORP

30.

Josserva li, ġeneralment, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORP) mill-Istati Membri ddewmet; jistieden lill-Kummissjoni, jekk meħtieġ, tieħu azzjoni kontra l-Istati Membri sabiex tassigura l-implimentazzjoni korretta u fil-ħin tad-Direttiva IORP;

31.

Jaqbel li l-mira għandha tkun il-livell għoli ta’ sigurtà għal pensjonanti futuri, bi spiża raġonevoli biex jiġu sponsorizzati impriżi u fil-kuntest ta’ sistemi pensjonistiċi sostenibbli,

32.

Jinnota li l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva IORP rigward il-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi jiddikjara li 'l-Kummissjoni għandha tipproponi kull miżura meħtieġa għall-prevenzjoni ta’ tgħawwiġ possibbli kkawżat minn livelli differenti ta’ rati ta’ imgħax u biex jiġu protetti l-interessi tal-benefiċjari u l-membri ta’ xi skema'; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt qabel ma tirrevedi d-Direttiva IORP u biex tikkunsidra x-xejra lejn skemi ta’ kontribuzzjonijiet aktar definiti u skemi ta’ benefiċċji anqas definiti;

33.

Ifakkar l-istqarrijiet tad-Direttiva IORP li 'suq intern ġenwin għal servizzi finanzjarji huwa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fil-Komunità' u 'din id-Direttiva għalhekk tirrappreżenta l-ewwel pass għat-triq lejn suq intern għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali organizzata fuq skala Ewropea';

34.

Jenfasizza li l-awtorità superviżorja Ewropea l-ġdida (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) għandha tisfrutta bis-sħiħ il-kompetenzi tagħha u tiżvolġi rwol importanti fil-proċess ta’ preparazzjoni għar-rieżami tad-Direttiva IORP kif ukoll fl-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi, bħal abbozzi ta’ standards tekniċi, linji gwida u rakkomandazzjoni għar-reġim ta’ solvenza; ifakkar li d-Direttiva IORP ma għandha tapplika għall-ebda obbligazzjoni tal-pensjoni pubblika jew għall-ebda sistema pensjonistika relatata max-xogħol fl-ewwel pilastru;

35.

Jikkunsidra li l-elementi kwalitattivi ta’ Solvenza II jikkostitwixxu punt ta’ tluq siewi għaż-żieda tas-superviżjoni tal-IORPs; jinnota li dan japplika, b'mod partikolari, għar-rekwiżit f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni tajba tar-riskji;

Mobilità u trasferimenti

36.

Jisħaq li l-mobilità fis-suq tax-xogħol se tkun kruċjali fis-snin li ġejjin għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku; iqis, għaldaqstant, li l-fiduċja taċ-ċittadini se titjieb meta jitneħħew l-ostakli għall-mobilità interna u transkonfinali; jinnota li kwistjonijiet bħan-nuqqas ta’ trasferibilità, il-perjodi twal ta’ maturazzjoni, il-konservazzjoni ta’ drittijiet inattivi, in-nuqqas ta’ regressjoni u d-differenzi fit-trattament fiskali u l-prinċipji attwarjali jridu jiġu indirizzati fid-dawl tal-konsegwenzi tagħhom fuq is-sistemi tal-pensjonijiet; jenfasizza l-impatt pożittiv li suq tax-xogħol iktar dinamiku jaf ikollu fuq is-sistema pensjonistika;

37.

Jinnota li, fl-ewwel pilastru, id-drittijiet għall-pensjoni huma regolati mir-Regolament ta’ koordinament rilevanti, imma li, għall-pensjonijiet ta’ pilastri oħrajn, jeħtieġ li jkun hemm arranġamenti semplifikati;

38.

Josserva li hemm tendenza lejn skemi ta’ kontribuzzjoni aktar definiti u skemi ta’ benefiċċji anqas definiti; jinnota li, bħala riżultat, fornituri tal-pensjoni jittrasferixxu r-riskju assoċjat mal-investiment lil dawk li jfaddlu l-pensjoni; iqis li, minħabba d-diversità u l-kumplessità tad-diversi sistemi ta’ pensjonijiet tax-xogħol ibbażati fuq il-kapital, jeħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet rigward il-portabilità tad-drittijiet għall-pensjoni li jkunu ġew akkwistati fis-sens li l-portabilità tibda meta jiġu konklużi kuntratti ġodda, filwaqt li applikazzjoni għal trasferiment tiġi approvata biss jekk is-somma attwarja ttrasferita għandha titqiegħed f'fond li l-għan tiegħu hu l-ħlas ta’ pensjonijiet tax-xjuħija; jitlob għal studju dettaljat dwar kwistjonijiet fiskali relatati ma’ sistemi ta’ pensjonijiet tax-xogħol ibbażati fuq il-kapital u sistemi kapitali tal-assigurazzjoni tal-ħajja iqis li, rigward il-kwistjonijiet transkonfinali, l-enfasi ċara tal-attività tal-UE għandha tkun fuq l-iżvilupp ta’ standards minimi għall-akkwist u l-konservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni u fuq il-faċilità li jiġu stabbiliti sistemi ta’ rintraċċament nazzjonali għal dawk id-drittijiet;

39.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-istabbiliment ta’ sistemi nazzjonali ta’ rintraċċament għal drittijiet għal pensjoni minn sorsi differenti fl-Istati Membri kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal sistema Ewropea ta’ rintraċċament;

Rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE

40.

Jinnota li f'ħafna Stati Membri ġiet rikonoxxuta l-importanza tas-sistemi pensjonistiċi tax-xogħol, u li l-UE tista' żżid il-valur billi tipprovdi koordinament bejn id-diversi skemi u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiggarantixxu - f'termini soċjali, ġuridiċi u ekonomiċi - li jkun stabbilit qafas ġustifikabbli li jipproteġi adegwatament lill-membri bi skema ta’ pensjoni u jiggarantixxi l-aċċess għall-informazzjoni li tinftiehem dwar il-pensjonijiet; jisħaq fuq il-fatt li f'każijiet fejn l-Istati Membri għandhom fondi pensjonistiċi obbligatorji ġestiti minn istituzzjonijiet privati, skemi bħal dawn għandhom ukoll jiġu valutati mil-lat tal-konformità mal-kundizzjonijiet u l-kriterji Ewropej rigward is-sigurtà, l-investiment u l-klassifikazzjoni tal-assi; jenfasizza bħala prinċipju li l-impatti tal-proposti kollha dwar is-sistemi pensjonistiċi tax-xogħol jeħtieġ li jkunu valutati partikolarment bil-għan li jiġu kwantifikati l-ispejjeż addizzjonali u l-piż amministrattiv;

41.

Iqis li f'dawk l-Istati Membri li fihom huma stabbiliti sistemi pensjonistiċi obbligatorji relatati max-xogħol u li mhumiex prinċipalment inklużi fl-ewwel pilastru, dawn id-dispożizzjonijiet tat-tieni pilastru għandhom ikunu disponibbli għall-ħaddiema kollha bi dritt, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni fuq raġunijiet ta’ età, sess, settur u/jew kuntratt tax-xogħol;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jeżaminaw kif id-dritt li l-impjegati jipparteċipaw fit-tieni pilastru jista' jiġi ffaċilitat permezz ta’ djalogu soċjali msaħħaħ u jagħmlu proposti għall-promozzjoni ta’ pilastru bħal dan fejn għadu ma jeżistix; jistidihom jiżviluppaw metodu ta’ governanza biex jiġi assigurat li dan il-fond jitmexxa b'mod konġunt, partikolarment rigward l-istrateġija għall-investiment tat-tfaddil tiegħu;

43.

Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-iżvilupp ta’ djalogu soċjali u ċiviku fil-qasam tal-pensjonijiet tax-xjuħija u jikkunsidraw ir-riżultati ta’ dan id-djalogu;

44.

Iqis li r-regoli tal-UE rigward it-tielet pilastru u l-funzjonament transkonfinali tiegħu mingħajr xkiel iridu jiġu eżaminati fid-dawl tal-funzjonament korrett tas-suq intern, partikolarment għall-prodotti finanzjarji, u li kundizzjonijiet ta’ parità għandhom jinħolqu; jenfasizza li dan ir-rieżami tar-regoli irid jikkunsidra l-interessi tal-imsieħba fit-tali skemi;

45.

Jemmen li, sabiex tinkiseb il-konsistenza ta’ skemi prudenzjali fost il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji differenti, il-prinċipju 'l-istess riskji – l-istess regoli – l-istess kapital' irid japplika, billi jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi ta’ kull prodott jew skema tal-pensjonijiet;

46.

Jirrikonoxxi l-fatt li għad fadal ostakli fir-rigward tal-assigurazzjonijiet pensjonistiċi individwali (tat-tielet pilastru) li jiġu offruti transkonfinalment; jitlob suġġerimenti min-naħa tal-Kummissjoni dwar il-mod kif jistgħu jingħelbu dawn l-ostakli, kif ukoll qafas ġenerali għar-regolamentazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.

47.

Josserva li, fejn l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza fil-qasam pensjonistiku, ir-regoli normattivi Ewropej huma frammentati ħafna; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk ikunx xieraq li jiġi razzjonalizzat dan il-qafas normattiv bħala parti mir-regolamentazzjoni aħjar;

Leġiżlazzjoni ewropea/prattika tajba

48.

Ifakkar l-istabbiliment diġà deċiż tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX); jisħaq fuq il-ħtieġa li din tiġi mgħammra bil-għan li tkun tista' twettaq b'mod effikaċi l-kompiti fdati lilha u b'mod partikolari tkun tista' tqis ukoll b'mod adegwat il-karatteristiċi u l-partikolaritajiet tal-pensjonijiet tax-xogħol;

49.

Josserva li l-fondi pensjonistiċi, inklużi l-IORPs, għadhom regolati u sorveljati bħala entitajiet finanzjarji indipendenti, għalkemm, fil-prattika, dawn l-attivitajiet jitwettqu minn konglomerati;

Rekwiżiti tal-kapital

50.

Iqis li l-proposti għal reġim ta’ solvenza għall-IORPs għandhom jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet tal-pensjonijiet filwaqt li jqis il-fatt li r-riskji fis-settur tal-assigurazzjoni huma differenti minn dawk li jħabbtu wiċċhom l-IORPs, partikolarment fir-rigward tal-kundizzjonalità tad-drittijiet għal pensjoni, it-tul ta’ żmien tal-portafolji tal-pensjonijiet u l-fatt li l-IORPs huma entitajiet ad hoc li jħaddmu portafoll omoġenju ta’ prodotti; jenfasizza li l-objettiv ewlieni ta’ skema ta’ dan it-tip tkun biex tipprovdi protezzjoni msaħħa lill-pensjonanti attwali u futuri; jemmen li l-impatt tat-tali proposti jeħtieġ jiġi valutat totalment, partikolarment bil-għan li jiġu kwantifikati l-ispejjeż addizzjonali u l-piż amministrattiv; jemmen li kwalunkwe reviżjoni tar-reġim ta’ solvenza għall-IORPs għandha titwettaq fi ħdan il-kuntest tad-Direttiva IORP fis-seħħ; jisħaq fuq il-fatt li l-mistoqsijiet relatati ma’ skema ta’ rekwiżiti tal-kapital għall-fondi pensjonistiċi huma marbutin mill-qrib ma’ riżoluzzjoni adegwata tal-kwistjonijiet relatati mal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-Insolvenza;

51.

Jenfasizza li, konformement mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-Green Paper, id-Direttiva IORP hija bbażata fuq approċċ ta’ armonizzazzjoni minima ta’ Solvenza I filwaqt li, fil-futur qrib, l-impriżi tal-assigurazzjoni se japplikaw l-iskema ta’ Solvenza II ibbażata fuq ir-riskju saħansitra għall-attività tal-pensjoni tax-xogħol tagħhom;

52.

Jenfasizza li s-swieq finanzjarji jistgħu jiffunzjonaw b'mod effiċjenti biss meta jkun hemm fiduċja u jqis li dik il-fiduċja teħtieġ regoli prudenzjali sodi għall-istituzzjonijiet finanzjarji, u li l-IORPs ma għandhomx ikunu eċċezzjoni għal dan;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġim ta’ solvenza tal-IORPs u partikolarment – konformement mal-intenzjoni ddikjarata tagħha fil-Green Paper – tniedi studju tal-impatt dwar l-applikazzjoni tar-reġim ta’ solvenza ta’ Solvenza II mill-aktar fis possibbli;

Leġiżlazzjoni tal-ue dwar l-insolvenza

54.

Jieħu nota sew tal-varjetà wiesgħa fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Insolvenza; josserva li, filwaqt li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti aktarx huma biżżejjed adegwati, ir-riżultati jafu ma jkunux adegwati u għaldaqstant ma jaqblux mal-għan tad-Direttiva; jirreferi għall-konklużjoni tal-Kummissjoni li, f'ċerti każijiet, dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi imposti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva, jistgħu jitqajmu kwistjonijiet fir-rigward tal-punt sa fejn uħud minn dawn il-miżuri huma suffiċjenti biex iħarsu l-interessi tal-impjegati u l-persuni rtirati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem u li hemm bżonn jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, tieħu azzjoni kontra l-Istati Membri fejn tkun ġustifikata u, fl-okkażjoni ta’ kwalunkwe rieżami ta’ din id-Direttiva, tqis is-sitwazzjoni speċifika dwar l-obbligi ta’ finanzjament ta’ min iħaddem fil-konfront tal-impjegati jew il-fond pensjonistiku tiegħu;

56.

Iqis li hemm il-ħtieġa biex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-insolvenza ta’ min iħaddem sabiex tiġi offruta protezzjoni ugwali tat-tfaddil għall-ħaddiema kollha, indipendentement min-natura tas-sistema pensjonistika ta’ min iħaddimhom;

57.

Jappella għal eżami dwar jekk assoċjazzjonijiet ta’ assigurazzjoni pensjonistika, bħal dawk li jeżistu fil-Lussemburgu u fil-Ġermanja biex jipproteġu l-iskemi tat-tieni pilastru bbażati fuq ir-riservi tal-baġit, jistgħux jiġu rakkomandati lil Stati Membri oħra biex jipproteġu l-mekkaniżmu ta’ sigurtà;

Informazzjoni / parteċipazzjoni u investiment

58.

Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni pprovduta lill-pubbliku mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-korpi li jamministraw il-pensjonijiet rigward ir-rekwiżiti, l-għażliet, il-possibilitajiet, id-drittijiet akkumulati, ir-riżultati mistennija u l-qagħda tal-affarijiet fir-rigward tal-pensjonijiet tax-xjuħija; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom ikunu pprovduti bl-informazzjoni rigward l-ispejjeż u l-ħlasijiet effettivi meta jikkonkludu kuntratti ta’ skemi pensjonistiċi addizzjonali u b'informazzjoni ottimali dwar il-qagħda tal-pensjonijiet tagħhom; jenfasizza wkoll l-importanza ta’ edukazzjoni finanzjarja soda minn fażi bikrija;

59.

Jinnota li hemm il-ħtieġa għal trasparenza u żvelar akbar tal-ħlasijiet imposti fuq il-ġestjoni tal-assi u speċjalment mis-saffi kollha tal-investimenti minn dawk li jipprovdu l-pensjoni privata; iqis li l-informazzjoni pprovduta liċ-ċittadini mill-Istati Membri u mill-fondi dwar id-drittijiet akkumulati għandha tkun integrata f'sistema operattiva, trasparenti u aċċessibbli f'livell Ewropew;

60.

Iqis li l-membri tal-pubbliku għandhom jiġu mgħarrfa fil-pront u għalkollox dwar il-konsegwenzi fit-tul ta’ kwalunkwe riforma fid-dispożizzjoni fil-qasam pensjonistiku, b'mod partikolari rigward l-ammont tal-pensjoni tagħhom stess u l-għadd totali tas-snin ta’ kontribuzzjonijiet pensjonistiċi dovuti; jinnota li r-riformi għandhom jipprevedu reġim effikaċi u bla intoppi ta’ tranżizzjoni; jistieden lill-Istati Membri jniedu kampanji li jippermettu li jinkoraġġixxu liċ-ċittadini biex jinfurmaw ruħhom dwar ir-riperkussjonijiet fuq id-deċiżjonijiet tagħhom rigward il-pensjoni kif ukoll biex jiggarantixxu pensjoni adegwata għalihom stess;

Koordinament tal-politiki

61.

Iqis li, fid-dibattitu ulterjuri dwar sistema pensjonistika adegwata, sigura u sostenibbli, ikun ta’ għajnuna li tiġi stabbilita pjattaforma pensjonistika Ewropea li tinvolvi r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti li jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u jgħinu biex jitħejjew l-inizjattivi politiċi, dan kollu b'rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà; iqis li sabiex jiġi evitat l-irduppjar f'dan il-kuntest, għandu jingħata kont tal-kumitat konsultattiv eżistenti fuq il-pensjonijiet supplimentari (il-'Forum tal-Pensjonijiet');

62.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsdira tistabbilixxi task force speċjali dwar il-pensjonijiet, bl-involviment tad-DĠ rilevanti kollha b'kompetenzi relatati mal-kwistjonijiet pensjonistiċi;

*

* *

63.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0400.

(2)  KESE/SOC/386, 20 ta’ Jannar 2011.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0309.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0306.

(5)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.

(6)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 11.

(7)  ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 35.

(8)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.

(9)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 216.


Top