Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1598

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-opportunitajiet u l-isfidi għal settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara iktar kompetittiv” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 24, 28.1.2012, p. 18–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-opportunitajiet u l-isfidi għal settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara iktar kompetittiv” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 24/04

Relatur: is-Sur ZBOŘIL

Korelatur: is-Sur PESCI

Nhar it-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-opportunitajiet u l-isfidi għal settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara iktar kompetittiv

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Settembru 2011. Ir-relatur kien is-Sur ZBOŘIL u l-korelatur kien is-Sur PESCI.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’120 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Is-settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara (inkluża l-industrija tal-polpa u tal-karta) juża prinċipalment materja prima rinnovabbli naturali, jiġifieri l-injam, u għandu rwol essenzjali fl-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika. Il-KESE osserva li, b’xorti ħażina, bħalissa hemm xi inkonsistenzi ta’ importanza kbiraf’ċerti partijiet ta’ wħud mill-politiki u l-inizjattivi tal-UE li qed ikollhom impatt qawwi fuq il-kompetittività u l-profittabbiltà tal-industriji relatati mal-forestrija.

1.2   Is-settur qed jiffaċċja kompetizzjoni dejjem tikber għall-injam mis-settur tal-enerġija rinnovabbli, minħabba sussidji u miżuri oħra li jippromovu l-użu tal-bijomassa (l-injam huwa wieħed mill-karburanti prinċipali li jintużaw għall-produzzjoni tal-enerġija tal-bijomassa). Hemm ukoll diffikultajiet li jikkonċernaw l-investimenti, ir-riċerka, it-taħriġ, il-modi ta’ kif il-ħaddiema żgħażagħ jinġibdu lejn is-settur u r-restrizzjonijiet amministrattivi relatati mal-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, is-settur tal-għamara qed jiffaċċja żieda drammatika fil-prezz tal-materja prima, bħall-ġilda, il-plastik, il-fibri naturali u d-derivati taż-żejt.

1.3   Il-KESE jitlob li l-UE u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b’mod serju biex jaġġustaw u jiżviluppaw qafas leġislattiv li jkun jista’ jagħti spinta lill-kompetittività u jtejjeb l-aċċess għall-provvista ta’ materja prima għas-settur tax-xogħol fl-injam u tal-għamara u l-industrija tal-polpa u l-karta. Il-KESE jtenni l-ħtieġa għal studju dettaljat dwar il-problemi relatati mal-provvista ta’ materja prima magħmula mill-injam għal industriji bbażati fuq il-forestrija u għas-settur tal-enerġija rinnovabbli (il-bijomassa).

1.3.1   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-industrija tal-foresti/injam bil-għan li jitressqu miżuri adatti u speċifiċi li jindirizzaw dawn il-problemi. Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni, il-Kumitat jissuġġerixxi li jitwaqqaf grupp ta’ esperti informali u newtrali fil-livell interistituzzjonali – li jkollu rabtiet ukoll mal-partijiet interessati rilevanti – dwar “l-injam bħala materja prima sostenibbli”. Naturalment, is-CCMI hija interessata tagħmel parti minn dan il-korp.

1.4   L-istudju Ewropew “EUwood” (1) juri li l-konsum tal-injam għall-ġenerazzjoni tal-enerġija huwa mistenni jiżdied minn 346 miljun metru kubu solidu fl-2010 (3,1 EJ) għal 573 miljun metru kubu (5 EJ) fl-2020 u jista’ jilħaq is-752 miljun metru kubu fl-2030 (6,6 EJ). Dawn ir-riżultati huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li s-sehem tal-injam fl-enerġija minn sorsi rinnovabbli ser jonqos – minn 50 % fl-2008 għal 40 % fl-2020. Huwa mistenni defiċit ta’ 200 miljun m3 ta’ injam sal-2025 u 300 miljun m3 sal-2030.

1.5   Il-KESE jitlob li l-injam jiġi inkluż, bħala materja prima prinċipali, fis-Sħubija għall-Innovazzjoni Ewropea dwar il-materja prima, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-KE dwar il-materja prima. F’dan il-kuntest, jistgħu jiġu studjati b’mod partikolari l-opportunitajiet għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

1.6   Il-politiki tal-UE relatati mal-forestrija għandhom jappoġġjaw il-ġestjoni attiva tal-foresti; b’mod partikolari, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tippromovi l-kultivazzjoni ta’ “injam ta’ newba qasira għall-produzzjoni tal-enerġija”. Għandhom jiġu studjati wkoll miżuri biex jiġi żgurat li l-injam li huwa adatt għal użijiet industrijali ma jintużax għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

1.7   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni attiva tal-bini ekoloġiku li juża strutturi u proċessi li jirrispettaw l-ambjent u li jkunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Għal dan il-għan, ikun utli li l-KESE jappoġġja avveniment annwali – bħal workshop – li jixħet dawl fuq bini u disinn sostenibbli, u għandu jkun hemm rabtiet mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni.

1.8   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Antonio Tajani, li jiġi introdott “test tal-kompetittività” qabel ma jiġi ffirmat ftehim ta’ sħubija kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi terzi oħra. Barra minn hekk, jaqbel li hemm bżonn li jiġu vvalutati l-effetti tal-inizjattivi ta’ politika l-oħra kollha (bħall-politiki tal-enerġija, il-kummerċ, l-ambjent u dawk soċjali u relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur) fuq il-kompetittività industrijali qabel ma jiġu implimentati.

1.9   Sabiex iżid il-produttività tiegħu u jkun minn ta’ quddiem meta mqabbel mal-kompetituri, is-settur jeħtieġ ħaddiema mħarrġa fl-aktar ħiliet u teknoloġiji reċenti. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kemm l-approċċ proattiv tal-industrija lejn il-protezzjoni tal-ħaddiema milli jkunu esposti għal aġenti ta’ ħsara fuq il-post tax-xogħol kif ukoll l-impenn serju tas-settur fl-iżgurar tas-sigurtà tal-karriera u l-impjieg, fiż-żamma tas-saħħa u l-benesseri tal-ħaddiema, fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi u fil-ksib ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

1.10   Huwa evidenti li s-suċċess miksub fl-aċċettazzjoni fil-livell tal-UE ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fis-settur tax-xogħol fl-injam u tal-għamara ma tantx kien kbir s’issa. Sabiex jiġi pprovdut appoġġ aqwa għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) fl-industriji Ewropej tax-xogħol fl-injam u tal-għamara, il-programmi futuri se jkollhom jikkunsidraw b’mod speċjali d-diffikultajiet u l-bżonnijiet speċifiċi tal-SMEs.

1.11   Il-KESE jfakkar l-importanza ta’ kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-industrija u l-istituzzjonijiet tal-UE/tal-gvern fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ privattiva Ewropea fil-qasam tal-istandards u jitlob li tinħoloq “skeda tal-prodott” (“product sheet)” għall-prodotti tal-għamara. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji biex tiġi ffaċilitata l-awtentikazzjoni għandu wkoll jgħin b’mod sostanzjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tħabrek biex issaħħaħ il-kapaċità tad-dwana nazzjonali, u li jiġi organizzat “Jum Ewropew/Nazzjonali Kontra l-Falsifikazzjoni”.

2.   L-industriji tax-xogħol fl-injam u tal-għamara fl-Unjoni Ewropea  (2)

2.1   L-industriji tax-xogħol fl-injam u tal-għamara huma settur vitali, sostenibbli, innovattiv u favur l-ambjent, b’fatturat (turnover) ta’ madwar EUR 221 biljun fl-2008 u rata ta’ impjieg ta’ 2,4 miljun persuna f’iktar minn 365 000 kumpanija, li l-maġġoranza vasta tagħhom huma SMEs. L-industrija tal-għamara tiġġenera kważi nofs dan il-fatturat, segwita mill-produzzjoni tal-elementi tal-kostruzzjoni (19,3 %), l-isserrar tal-injam (13,9 %) u l-produzzjoni tal-pannelli (9,2 %). Il-kriżi finanzjarja u ekonomika ġenerali kellha impatt kbir fuq is-settur kollu kemm hu, bi tnaqqis fil-fatturat b’iktar minn 20 % mill-2008 sal-2009. L-industrija tal-polpa u l-karta fl-Ewropa hija l-parti l-oħra tal-industriji relatati mal-forestrija: għandha fatturat annwali ta’ EUR 71 biljun u tipproduċi 36 miljun tunnellata ta’ polpa u 89 miljun tunnellata ta’ karta.

2.2   F’termini ta’ impjieg, l-industrija tal-għamara tiġġenera 51 % tal-impjieg fis-settur. L-Italja timpjega l-ogħla numru ta’ nies, bi 363 000 impjieg fis-settur, segwita mill-Polonja, il-Ġermanja, Spanja u r-Renju Unit. Fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE, għadd partikolarment kbir ta’ nies huma impjegati fis-settur: minn fost in-nies kollha b’impjieg, 34 % jaħdmu fl-industrija tax-xogħol fl-injam. L-impjiegi fs-settur tax-xogħol fl-injam u tal-għamara sikwit ikunu f’żoni mbiegħda jew inqas industrijalizzati jew żviluppati u, għaldaqstant, jagħtu kontribut importanti lill-ekonomija rurali. L-industrija tal-polpa u l-karta tipprovdi 235 000 impjieg dirett u miljun impjieg indirett. 60 % tal-impjiegi kollha jinsabu fiż-żoni rurali.

2.3   Billi s-settur prinċipalment juża materja prima rinnovabbli naturali, jiġifieri l-injam, u ġie ppruvat li ta riżultati tajbin fil-qasam tas-sostenibbiltà, is-settur qiegħed fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika, wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-UE għall-futur. L-industrija tal-polpa u l-karta wkoll għandha kredenzjali ambjentali eċċellenti. Rigward il-materja prima, nofs il-fibri użati biex issir il-karta huma riċiklati. In-nofs l-ieħor jagħti xhieda ta’ użu għaqli tar-riżorsi: 20 – 30 % ta’ dawn il-fibri jibdew bħala residwi minn industriji oħrajn, 40 – 60 % mill-qtugħ mill-forestrija u 20 – 30 % biss mill-qtugħ finali tas-siġar.

2.4   B’xorti ħażina, bħalissa hemm xi inkonsistenzi f’ċerti partijiet ta’ wħud mill-politiki u l-inizjattivi tal-UE li qed ikollhom impatt qawwi fuq il-kompetittività u l-profittabbiltà tas-settur. Is-settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara qed jiffaċċja kompetizzjoni dejjem tikber għall-injam mis-settur tal-enerġija rinnovabbli, minħabba sussidji u miżuri oħra li jippromovu l-użu tal-bijomassa (l-injam huwa wieħed mill-karburanti prinċipali għall-produzzjoni tal-enerġija tal-bijomassa). Hemm ukoll diffikultajiet li jikkonċernaw l-investimenti, ir-riċerka, it-taħriġ, il-modi ta’ kif il-ħaddiema żgħażagħ jinġibdu lejn is-settur u r-restrizzjonijiet amministrattivi relatati mal-akkwist pubbliku. Restrizzjonijiet amministrattivi relatati mal-akkwist pubbliku jagħmlu iżjed pressjoni fuq is-settur.

2.5   Is-settur qed jiffaċċja kompetizzjoni dejjem tikber minn ekonomiji emerġenti u bi prezzijiet baxxi u minn numru dejjem jikber ta’ ostakli tekniċi għall-kummerċ. Barra minn hekk, is-settur tal-għamara mhux biss qed jiffaċċja diffikultajiet biex jaċċessa l-injam bħala materja prima, iżda wkoll żieda drammatika fil-prezz tal-materjali bħall-ġilda, il-plastik, il-fibri naturali u d-derivati taż-żejt.

2.6   Mingħajr impenn serju mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiġi żviluppat qafas leġislattiv li jkun jista’ jagħti spinta lill-kompetittività u jiżgura provvista ta’ materja prima għas-settur tax-xogħol fl-injam u tal-għamara, il-futur tas-settur kollu se jibqa’ dubbjuż.

3.   L-effetti tal-leġislazzjoni Ewropea dwar l-enerġija rinnovabbli fuq id-domanda għall-injam

3.1   Il-KESE jesprimi tħassib serju rigward l-impatt li l-Pakkett dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija tal-Kummissjoni ser ikollu fuq l-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u fuq id-disponibbiltà ġenerali tal-injam, li huwa l-materja prima tal-industrija. Il-KESE huwa diżappuntat li l-użu ta’ jiġu ssodisfati l-impenji fir-rigward tal-klima, wassal għal sitwazzjoni fejn sar iktar vantaġġjuż li l-injam jinħaraq direttament minflok ma jintuża għall-prodotti. Dan kellu impatt serju fuq il-provvista tal-injam lill-kumpaniji tax-xogħol fl-injam u fuq il-kompetittività u l-kapaċità għall-profitt globali tagħhom.

3.2   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea twettaq studju dettaljat dwar il-problemi relatati mal-provvista ta’ materja prima magħmula mill-injam għall-industriji bbażati fuq il-forestrija u għas-settur tal-enerġija rinnovabbli (il-bijomassa). Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-industrija tal-forestrija/injam biex jiġu proposti miżuri adegwati u speċifiċi bil-għan li jiġu indirizzati dawn il-problemi. Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni, il-Kumitat jissuġġerixxi li jitwaqqaf grupp ta’ esperti informali u newtrali fil-livell interistituzzjonali – li jkollu rabtiet ukoll mal-partijiet interessati rilevanti – dwar “l-injam bħala materja prima sostenibbli”. Naturalment, is-CCMI hija interessata tagħmel parti minn dan il-korp.

3.3   Il-KESE jappoġġja t-talba tal-industriji tal-injam u tal-karta għal approċċ bilanċjat lejn l-użu tal-enerġija tal-bijomassa mill-injam sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq fir-rigward tad-disponibbiltà u l-prezz ta’ materja prima relatata mal-forestrija għall-industriji tal-manifattura. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li bosta kumpaniji tal-pannelli kienu mġiegħla jnaqqsu l-kapaċità tagħhom bejn Ġunju 2009 u Ġunju 2011 – mhux għal raġunijiet finanzjarji jew teknoloġiċi iżda pjuttost minħabba n-nuqqas ta’ materja prima disponibbli.

3.4   Għalkemm il-bijomassa mill-injam għandha, bil-bosta, l-ogħla densità ta’ enerġija (bijomassa) (fluss ta’ enerġija f’watts għal kull metru kwadru), ta’ min josserva li din għadha baxxa ħafna (0,6 W/m2) u, pereżempju, impjant tal-enerġija li jaħdem bl-injam b’kapaċità installata ta’ 1 GW, b’fattur tal-kapaċità ta’ 70 % u b’effiċjenza tal-konverżjoni ta’ 35 % ikun jeħtieġ ħsad annwali ta’ madwar 330 000 ettaru ta’ pjantaġġuni kultivati, l-ewkivalenti ta’ medda art ta’ kważi 58 km bi 58 km (3). Biex jintlaħqu l-miri rinnovabbli Ewropej bis-sehem mistenni tal-bijomassa, ikunu meħtieġa bejn 340 u 420 miljun metru kubu solidu ta’ bijomassa mill-injam.

3.5   Fir-rigward tal-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (SER) u l-bijomassa, il-KESE jqis li l-prinċipji li ġejjin huma essenzjali:

L-Istati Membri għandhom jivvalutaw, fil-pjani ta’ azzjoni tagħhom dwar is-SER, l-ammont ta’ bijomassa mill-injam fil-pajjiż jew ir-reġjun li huwa evidentement disponibbli għall-użu enerġetiku u l-volumi li l-industrija tax-xogħol fl-injam diġà tuża bħala materja prima qabel ma jiġu implimentati miżuri għall-promozzjoni tal-użu tas-SER;

Sabiex jerġa’ jinstab bilanċ naturali bejn l-użu materjali tal-injam u l-użu enerġetiku tal-bijomassa, għandhom jiġu evitati s-sussidji għall-ħruq dirett tal-injam;

Għandhom jiġu implimentati metodi adegwati biex jiġi żgurat l-aqwa livell ta’ rkupru u riċiklaġġ tal-iskart mill-injam u r-residwi tal-produzzjoni;

Il-promozzjoni tal-użu tal-prinċipju ta’ użu kaskat (cascaded use) (manifattura tal-prodotti, użu mill-ġdid, tiswija u riċiklaġġ, valorizzazzjoni tal-kontenut tal-enerġija);

L-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali għandhom jippromovu miżuri biex tiżdied il-mobilizzazzjoni tal-injam mill-foresti u minn sorsi oħra (4) u għandu jingħata appoġġ lill-forestrija ta’ newba qasira għall-produzzjoni tal-bijomassa tal-enerġija.

3.6   Mill-perspettiva ekonomika, il-valur miżjud fl-industrija tal-prodotti tal-injam jiġi kkalkulat li huwa EUR 1 044 għal kull tunnellata ta’ injam niexef u EUR 118 għal kull tunnellata ta’ injam użat bħala bijoenerġija. F’termini ta’ impjieg, l-industrija tal-prodotti tal-injam tiġġenera 54 siegħa xogħol għal kull tunnellata ta’ injam niexef, meta mqabbla ma’ sagħtejn xogħol biss fis-settur tal-bijoenerġija (5). Fir-rigward taċ-ċiklu tal-karbonju, l-industrija tal-prodotti bbażati fuq l-injam għaldaqstant toffri ħafna iktar benefiċċji f’termini ta’ impjieg u valur miżjud minn dawk li joffri l-ħruq dirett tal-injam.

3.7   Is-settur tax-xogħol fl-injam ilu jikkontribwixxi għall-użu tal-enerġija sostenibbli u għar-riżorsi naturali għal diversi għexieren ta’ snin, billi kien pijunier fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Dan huwa kontribut vitali ieħor għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

3.8   Barra minn hekk, ġiet iffrankata ħafna enerġija permezz tal-investiment f’tagħmir u proċessi moderni u bil-ġenerazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-enerġija meħtieġa għall-proċessi tax-xogħol fl-injam industrijali mill-bijomassa mill-injam li ma tkunx adegwata għar-riċiklaġġ. Sa 75 % tal-enerġija użata għall-manifattura tal-prodotti tal-injam tiġi prodotta mir-residwi tal-injam u mill-injam irkuprat. Is-settur itejjeb ukoll b’mod kontinwu r-rati ta’ riċiklaġġ tal-injam permezz ta’ investimenti konsiderevoli fit-teknoloġiji innovattivi.

3.9   L-injam huwa riżorsa limitata u l-industrija tax-xogħol fl-injam timpenja ruħha li tużah bl-iżjed mod effiċjenti possibbli. F’dawn l-aħħar għoxrin sena, is-settur żviluppa netwerks loġistiċi għall-ġbir u l-irkuprar ta’ injam riċiklat. Iżda, il-KESE jirrikonoxxi li f’għadd ta’ Stati Membri jintremew riżorsi siewja ħafna ta’ injam, u dan imur kontra l-għanijiet tad-Direttiva Ewropea dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (1999/31/KE). Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li din id-direttiva tiġi implimentata kif suppost bil-għan li jiġi żgurat li s-sorsi tal-injam adatti għal użijiet ta’ enerġija industrijali jew rinnovabbli ma jinħlewx.

4.   L-injam bħala soluzzjoni multifunzjonali eċċellenti għall-iffrankar tal-enerġija fil-bini

4.1   L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija waħda mill-elementi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Hija tikkostitwixxi wieħed “mill-mezzi l-aktar kosteffettivi għat-titjib fis-sigurtà tal-forniment tal-enerġija, u għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi oħrajn li jniġġsu (6)”.

4.2   Il-bini huwa responsabbli għal 40 % tal-konsum tal-enerġija u għal 36 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE. Il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini hija fundamentali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-klima u tal-enerġija fuq perjodu ta’ żmien qasir u anke twil.

4.3   L-injam bħala materjal ta’ kostruzzjoni jista’ jipprovdi soluzzjoni biex titjieb il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini b’mod kosteffettiv; bosta studji xjentifiċi internazzjonali sabu li l-bini bi struttura tal-injam jinvolvi inqas emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra minn dak bi struttura tal-azzar u tal-konkrit (26 % u 31 % rispettivament). Barra minn hekk, fis-settur residenzjali, id-djar bi struttura tal-azzar u tal-konkrit jikkunsmaw 17 % u 16 % iktar enerġija inkorporata (enerġija totali tul iċ-ċiklu tal-ħajja) u jirrilaxxaw 14 % u 23 % iktar kontaminanti tal-ajra minn djar bi struttura tal-injam. Għaldaqstant, is-settur jista’ jaqdi rwol ewlieni biex jappoġġja l-miri tal-Pjan Direzzjonali għall-2050 tal-KE li sal-2050 l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu bi 80 %.

4.4   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni tal-bini ekoloġiku li juża strutturi u proċessi li jirrispettaw l-ambjent u li huma effiċjenti fir-riżorsi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom: tul l-istadji ta’ disinn, kostruzzjoni, operat, manutenzjoni, ristrutturar u twaqqigħ. Għandu jiġi promoss l-użu ta’ approċċ ta’ Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA – Life Cycle Assessment) biex jiġi identifikat il-materjal bl-inqas impatt fuq it-tisħin globali.

4.5   Il-KESE huwa diżappuntat dwar il-fatt li għad hemm barrieri leġislattivi jew ostakli fir-rigward tal-perċezzjoni li qed ixekklu żieda fl-użu tal-injam u fil-prodotti bbażati fuq l-injam fil-bini residenzjali fl-UE. Għandhom jittieħdu inizjattivi ad hoc fil-livell nazzjonali bil-għan li jsaħħu l-għarfien tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-injam bħala materjal għall-bini. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ edukazzjoni, taħriġ u ħiliet adegwati, mhux biss fl-industriji bbażati fuq l-injam, iżda wkoll fix-xogħlijiet relatati ewlenin (l-inġiniera tal-kostruzzjoni, il-periti, eċċ.) huwa wieħed mill-ostakli istituzzjonali sinifikanti għaż-żieda fl-użu tal-injam għall-bini.

4.6   B’xorti ħażina, ir-rwol pożittiv tal-injam fid-djar mhux dejjem jiġi rikonoxxut għalkollox fl-iskemi ta’ klassifikazzjoni tal-bini ekoloġiku li qed jiġu applikati attwalment. Fil-fatt, xi wħud minn dawn l-iskemi ħadmu kontra l-użu tal-injam. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li jintużaw il-metodoloġiji tal-LCA – li huma ġeneralment aċċettati – li jirrikonoxxu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha tal-materjal tal-bini, inkluż il-ħżin tal-karbonju.

4.7   It-tħeġġiġ tal-użu tal-prodotti tal-injam jirrappreżenta l-iktar għażla ekoloġika: bl-użu tal-potenzjal sħiħ tal-injam (effetti ta’ depożitu u sostituzzjoni tal-karbonju) fil-bini, l-Ewropa tista’ tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 bi 300 miljun tunnellata (bejn 15 u 20 %) (7). Il-KESE jirrikonoxxi li, bl-użu tal-materjal tal-bini ekoloġiku, ikun possibbli li l-enerġija fil-bini tiġi ffrankata b’mod effettiv.

4.8   B’mod iżjed ġenerali, fir-rigward tad-dibattitu kontinwu dwar it-tibdil fil-klima u, b’mod partikolari, id-diskussjoni dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (land use, land use change and forestry (LULUCF), il-KESE jistieden lill-awtoritajiet biex:

jirrikonoxxu l-prodotti tal-injam bħala mħażen tal-karbonju (8).

jippromovu l-użu ta’ materjali li jservu ta’ mħażen tal-karbonju u li għandhom “marki” iżjed baxxi tal-karbonju u ta’ riżorsi oħra.

5.   L-ekonomija globali: sfidi u opportunitajiet għall-industriji tax-xogħol fl-injam u tal-għamara

5.1   Illum il-ġurnata, id-distanza ġeografika m’għadhiex tipprovdi protezzjoni mill-kompetizzjoni.

5.2   Il-globalizzazzjoni affettwat l-industriji Ewropej tax-xogħol fl-injam u tal-għamara f’ħafna oqsma:

Il-pressjoni tal-importazzjoni minn pajjiżi bi prezzijiet baxxi, b’mod partikolari fl-Asja, mhux biss għall-prodotti għall-konsumaturi bħall-għamara jew il-paviment tal-injam (parquet u laminati), iżda anke għall-plywood, fejn diġà ġie introdott dazju relatat mal-antidumping. Il-prezzijiet tal-plywood u tal-għamara jinsabu taħt pressjoni kbira ħafna minħabba l-kompetizzjoni, b’mod partikolari miċ-Ċina.

L-esportazzjoni taz-zkuk maqtugħin (il-fagu, il-ballut, il-luq) lejn iċ-Ċina u mbagħad lura lejn l-Ewropa bħala prodotti (nofshom) lesti. Skont id-dwana taċ-Ċina, it-total tal-importazzjonijiet ta’ zkuk maqtugħin kien ta’ 11-il miljun m3 fl-ewwel erba’ xhur tal-2010, 24 % iktar mill-istess perjodu fl-2009. Fl-2009, il-valur tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tax-xogħol fl-injam fis-sens strett tal-kelma kien ta’ EUR 7 biljun. Iċ-Ċina ilha għal bosta snin l-ikbar provveditur barrani ta’ għamara tal/lill-UE. Mill-2008’l hawn, ’il fuq minn 50 % tal-importazzjonijiet kollha fl-Ewropa huma miċ-Ċina. Attwalment, l-importazzjonijiet ta’ għamara lejn l-Ewropa miċ-Ċina huma 46,9 % ogħla milli kienu fl-2005, iżda l-importazzjonijiet totali tal-għamara hum biss 12,6 % ogħla minn perspettiva ta’ valur, liema fatt jenfasizza d-dominanza taċ-Ċina.

5.3   L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jiżguraw l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, kundizzjonijiet li taħthom kemm il-produtturi Ewropej kif ukoll il-kompetituri tagħhom ikunu suġġetti għall-istess regoli tas-suq. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Antonio Tajani, li jiġi introdott “test tal-kompetittività” qabel ma jiġu ffirmati ftehimiet ta’ sħubija kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi terzi. Fil-futur, il-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u l-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE għandhom isiru fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt li tkun twettqet qabel ma jitnedew in-negozjati. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel li hemm bżonn li jiġu vvalutati l-effetti tal-inizjattivi ta’ politika l-oħra kollha (bħall-politiki tal-enerġija, il-kummerċ, l-ambjent u dawk soċjali u relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur) fuq il-kompetittività industrijali qabel ma jiġu implimentati.

5.4   Billi ħafna mill-effetti tal-globalizzazzjoni ma jistgħux jittaffew jew jiġu evitati, l-industriji Ewropej tax-xogħol fl-injam u tal-għamara se jkunu obbligati jagħmlu progress ikbar f’oqsma ġodda u innovattivi. Is-settur diġà ffoka fuq l-iżvilupp ta’ vantaġġi kompetittivi, pereżempju:

produzzjoni flessibbli li tippermetti li jinħolqu prodotti skont il-gosti tal-klijent;

speċifikazzjonijiet ta’ kwalità għolja u teknoloġija avvanzata;

disinn superjuri;

żvilupp ta’ valuri differenti mill-valur ibbażat fuq il-prezz (eż. il-branding, l-esperjenza tax-xiri);

integrazzjoni tas-servizzi ta’ qabel u wara l-bejgħ;

distribuzzjoni rapida bi stokk minimu.

5.5   Għalhekk, l-industrija Ewropea hija ffukata fuq proċess ta’ innovazzjoni “bla tmiem” f’termini ta’ teknoloġija, funzjonalità u estetika. Prodotti speċjalizzati li jkunu oriġinali u innovattivi ħafna huma essenzjali biex nikkompetu mal-industrija Ċiniża, li issa tista’ tipproduċi kull tip ta’ prodott bi prezzijiet ħafna orħos mill-Ewropa.

6.   L-aspetti soċjali

6.1   Is-settur tax-xogħol fl-injam u tal-għamara jinsab taħt pressjoni tremenda b’riżultat tad-diversi fatturi ta’ stress esterni, inklużi l-globalizzazzjoni tas-swieq, rata iktar mgħaġġla tat-tibdil teknoloġiku u l-kriżi finanzjarja globali reċenti. Huwa fundamentali li l-istrateġiji tas-suq jerġgħu jiġu ffukati biex wieħed jibqa’ kompetittiv u jibqa’ jkun parti importanti tal-ekonomija Ewropea. B’mod partikolari, l-isfidi jinkludu l-pjani ta’ rtirar, il-fatt li l-forza tax-xogħol għandha livell ta’ edukazzjoni taħt il-medja u l-kapaċità li l-ħaddiema żgħażagħ jinġibdu lejn dan is-settur u jinżammu fi ħdanu u li jinbidlu r-rekwiżiti tal-ħiliet. L-iżvilupp demografiku tal-forza tax-xogħol fis-settur għandu jiġi ssorveljat mill-qrib u għandhom jittieħdu miżuri ta’ rimedju minn qabel sabiex is-settur ma jsibhiex diffiċli li jiżviluppa fil-ġejjieni.

6.2   Id-disponibbiltà ta’ ħaddiema mħarrġa u speċjalizzati hija aspett kruċjali. Il-ħiliet speċifiċi meħtieġa fiċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-għamara jew tal-prodotti tal-injam jistgħu jiddeterminaw is-suċċess tal-prodott innifsu. It-taħriġ tal-ħaddiema għandu jkun ibbażat mhux biss fuq mudelli tradizzjonali iżda wkoll fuq il-ħtiġijiet il-ġodda tas-suq u l-iżvilupp teknoloġiku.

6.3   Attwalment, waħda mill-preokkupazzjonijiet speċifiċi għas-settur huwa t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol fil-biċċa l-kbira tas-sottosetturi industrijali, u l-fatt li dan mhuwiex popolari mal-ħaddiema żgħażagħ. Is-settur jeħtieġ ħaddiema mħarrġa fl-aħħar ħiliet u teknoloġiji.

6.4   L-industrija qed taħdem mal-organizzazzjonijiet settorjali u mat-trejdjunjins tagħha (9) biex tgħin sabiex tinstab soluzzjoni għal dawn il-problemi, billi tiffoka fuq in-nuqqas ta’ ħiliet vokazzjonali u fuq il-ħtieġa li jinġibdu ħaddiema żgħażagħ lejn dan is-settur. Wieħed mill-fatturi ewlenin fl-asserzjoni mill-ġdid tal-kompetittività tas-settur huwa li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed ħaddiema speċjalizzati li jissodisfaw id-domanda f’dan is-settur. Il-programmi mgħallma fil-kulleġġi tat-taħriġ għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol.

6.5   L-industrija qed taħdem ukoll biex tipproteġi lill-ħaddiema milli jiġu esposti għal aġenti ta’ ħsara fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ proġetti tal-aqwa prattiki dwar is-saħħa u s-sikurezza, liema proġetti huma appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea. Il-proġetti “REF-Wood” u “Less Dust” huma l-aqwa eżempji tal-impenn tal-industrija tax-xogħol fl-injam biex jinħoloq ambjent tax-xogħol tajjeb għall-impjegati tagħha. Dawn l-inizjattivi tal-imsieħba soċjali Ewropej kienu maħsubin biex itejbu l-impjieg permezz ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u għandhom iwasslu għal valutazzjoni tal-impatt u biex jiddefinixxu miżuri oħra bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-imsieħba soċjali. Is-setturi tax-xogħol fl-injam u tal-għamara jqisu bħala essenzjali l-iżgurar tas-sigurtà tal-karriera u tal-impjieg, iż-żamma tas-saħħa u l-benesseri tal-ħaddiema, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi u l-ksib ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-fatt li jeżistu karti soċjali dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem fil-livell tal-kumpaniji.

6.6   Huwa importanti li jiġi enfasizzat li dawn l-industriji għandhom potenzjal kbir biex jiżviluppaw impjiegi ekoloġiċi fil-livell lokali, minħabba l-materja prima rinnovabbli u tal-konsum baxx tal-enerġija tal-industriji Ewropej tax-xogħol fl-injam u tal-għamara, biex ma nsemmux li spiss l-impjanti tagħhom ikunu jinsabu f’żoni rurali.

7.   Ir-riċerka u l-innovazzjoni

7.1   Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-programmi Ewropej ta’ R&Ż, is-settur tal-injam waqqaf il-Pjattaforma tat-Teknoloġija tas-Settur tal-Forestrija (Forest-Based Sector Technology Platform – FTP), flimkien mal-imsieħba tiegħu mill-industrija tal-polpa u l-karta kif ukoll is-sidien tal-foresti. Filwaqt li dan żgur fetaħ opportunitajiet għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-livell tal-UE, huwa evidenti li s-suċċess miksub fl-aċċettazzjoni fil-livell tal-UE ta’ proġetti ta’ xogħol fl-injam u tal-għamara ma tantx kien kbir s’issa, fid-dawl tal-fatt li ftit huma dawk l-SMEs li għandhom ir-riżorsi meħtieġa biex jipparteċipaw.

7.2   Il-programmi ta’ kooperazzjoni tal-UE bħall-ERA-NETs urew li kienu mfassla aħjar biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-SMEs, u fetħu wkoll opportunitajiet speċifiċi għall-kumpaniji mis-settur.

7.3   Għalhekk, sabiex l-industriji tax-xogħol fl-injam u tal-għamara fl-Ewropa jibbenefikaw minn appoġġ aqwa għar-riċerka u l-iżvilupp, il-programmi futuri tal-UE f’dan il-qasam se jkollhom jikkunsidraw b’mod partikolari l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs, bil-għan li jffaċilitaw l-aċċess għall-programmi u jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-kumpaniji.

7.4   Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jikkunsidraw sewwa dawn l-osservazzjonijiet, anke fid-dawl tal-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa dwar il-Green Paper dwar Qafas Strateġiku Komuni għall-Finanzjament Futur tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ l-istituzzjonijiet Ewropej jeżaminaw l-inizjattivi biex l-iżvilupp tal-innovazzjoni mhux teknoloġika jingħata spinta.

7.5   L-innovazzjoni tiżviluppa b’mod organiku; mhijiex xi ħaġa li tista’ tinħoloq fuq talba. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej jistgħu jappoġġjaw il-proċess tal-innovazzjoni billi jipprovdu l-kundizzjonijiet qafas li permezz tagħhom ikun vallapena li l-kumpaniji jinvestu l-ħin u l-flus fil-futur tagħhom.

7.6   Il-politika Ewropea fil-qasam tal-materja prima ffukat fuq materja kritika, pjuttost milli fuq materja prima oħra bħall-injam jew il-karta riċiklata. Bil-għan li tinstab soluzzjoni għal dan in-nuqqas evidenti fil-politika tal-KE, il-KESE jitlob li l-injam jiġi inkluż, bħala materja prima prinċipali, fis-Sħubija għall-Innovazzjoni Ewropea dwar il-materja prima, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-KE dwar il-materja prima.

8.   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-falsifikazzjoni tal-prodotti

8.1   Il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu prijorità bil-għan li jiġi żgurat li l-UE tkompli tikkompeti fl-ekonomija globali minkejja ż-żieda fil-falsifikazzjoni u l-piraterija f’ħafna setturi fil-livell internazzjonali. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali, b’mod partikolari permezz tal-ħolqien tal-privattiva Ewropea fil-qasam tal-istandards.

8.2   Il-KESE jfakkar fil-bżonn ta’ kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-industrija u l-istituzzjonijiet tal-gvern (fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali) fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. Dan huwa vitali biex jiġi pprovdut appoġġ aħjar lit-taħriġ għall-uffiċjali tal-gvern u tad-dwana, kif ukoll bil-għan li jiġu sensibilizzati l-konsumaturi. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji biex tiġi ffaċilitata l-awtentikazzjoni tal-prodotti ġenwini minn dawk foloz għandu wkoll jgħin b’mod sostanzjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tieħu azzjoni biex issaħħaħ il-kapaċità tad-dwana nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kummerċ ta’ prodotti ffalsifikati.

8.3   L-inizjattiva Taljana tal-“Jum Nazzjonali Kontra l-Falsifikazzjoni”, li ġiet organizzata s-sena li għaddiet f’Ruma u f’diversi bliet Taljani oħra minn Confindustria, hija eżempju ta’ prattika tajba. Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jorganizzaw avveniment simili fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali.

8.4   Prodotti tal-għamara ffalsifikati jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa jew saħansitra jpoġġu l-ħajja tal-bniedem fil-periklu tal-mewt. Għalhekk, bil-għan li jissaħħu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jiġu miġġielda l-prodotti ffalsifikati, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea toħloq “skeda tal-prodott” għall-prodotti tal-għamara. Din għandha tingħata flimkien mal-prodott mixtri, bil-għan li tiġi żgurata t-trasparenza meħtieġa fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-produtturi, in-negozjanti u l-konsumaturi. Il-prodotti tal-għamara mqiegħda fis-suq Ewropew għandhom jipprovdu tal-inqas din l-informazzjoni: l-isem legali jew it-Tariffa Doganali Komuni tal-prodott; l-isem kummerċjali tal-produttur jew l-importatur; l-oriġini tal-prodott; il-preżenza ta’ kwalunkwe materjal jew sustanza li tista’ tagħmel ħsara lill-bniedem jew lill-ambjent; informazzjoni dwar il-materjali u l-metodi ta’ produzzjoni użati jekk dawn ikunu importanti għall-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott; u l-istruzzjonijiet għall-użu.

8.5   Il-Kumitat jirrikonoxxi li hemm ħtieġa ġenwina li jiġi appoġġjat is-settur tal-għamara u tax-xogħol fl-injam permezz ta’ riformi ekonomiċi maħsuba biex iħeġġu l-promozzjoni internazzjonali tal-prodotti internazzjonali u jiżguraw kompetizzjoni ġusta. L-UE għandha wkoll tħeġġeġ l-ekonomiji emerġenti biex jirriformaw is-sistemi nazzjonali tagħhom sabiex jeliminaw l-ineffiċjenza burokratika jew jikkumpensaw l-iżbilanċi regolatorji jew burokratiċi li jista’ jkun hemm permezz tat-tariffi. Il-qafas legali jista’ wkoll jitjieb biex jinħoloq qafas regolatorju ċar għall-kumpaniji Ewropej li jixtiequ jinvestu fi swieq terzi.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Sors: studju Ewropew “Real potential for changes in growth and use of EU forests. EUwood” (Potenzjal reali għat-tibdil fit-tkabbir u l-użu tal-foresti fl-UE. EUwood). Paġna 45, Kapitolu 3.5: Future demand for wood energy (It-talba futura għall-enerġija mill-injam): “… Wood consumption for energy generation is expected to grow from 346 million m3 in 2010 (3.1 EJ) to 573 million m3 (5 EJ) in 2020 and might reach 752 million m3 in 2030 (6.6 EJ). These results are based on the assumption that wood energy decreases its share in energy from renewable sources from 50 % in 2008 to 40 % in 2020.” (Il-konsum tal-injam għall-ġenerazzjoni tal-enerġija hu mistenni jiżdied minn 346 miljun m3 fl-2010 (3,1 EJ) għal 573 miljun m3 (5 EJ) fl-2020, u jista’ jilħaq is-752 miljun m3 fl-2030 (6,6 EJ). Dawn ir-riżultati huma bbażati fuq l-ipoteżi li l-enerġija mill-injam tnaqqas is-sehem tagħha fl-enerġija mis-sorsi rinnovabbli minn 50 % fl-2008 għal 40 % fl-2020.”

(2)  Sors tad-data: Rapport Annwali 2009-2010 tal-European Panel Federation (EPF).

(3)  Vaclav Smil: Power Density Primer – Understanding the Spatial Dimension of the Unfolding Transformation to Renewable Electricity Generation, Mejju, 2010.

(4)  “Mobilisation and efficient use of wood and wood residues for energy generation” (Il-mobilizzazzjoni u l-użu effiċjenti tal-injam u tar-residwi mill-injam għall-ġenerazzjoni tal-enerġija). Rapport lill-Kumitat Permanenti għall-Forestrija mill-Grupp ta’ Ħidma II ad hoc tal-Kumitat Permanenti għall-Forestrija dwar il-mobilizzazzjoni u l-użu effiċjenti tal-injam u tar-residwi mill-injam għall-ġenerazzjoni tal-enerġija.

(5)  Tackle Climate Change: Use Wood. (Nindirizzaw it-tibdil fil-klima: Nużaw l-injam). Pubblikazzjoni tas-CEI-Bois, Novembru 2006.

(6)  Il-Pjan għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija 2011, COM(2011) 109 finali.

(7)  CEI-Bois: www.cei-bois.org

(8)  Dušan Vácha, TSU Internship, Harvested Wood Products, approaches, methodology, application, IPCC/NGGIP/IGES, Kanagawa, il-Ġappun, Mejju 2011.

(9)  Ara pereżempju l-Pfleiderer AG Social Charta (PASOC), li kienet iffirmata fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja, fit-30 ta’ Novembru 2010. http://www.pasoc.innopas.eu/fileadmin/docs/documents/sozialcharta/EN__IFA-PAG.pdf


Top