EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1176

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-bini tal-bastimenti (opinjoni addizzjonali)

OJ C 318, 29.10.2011, p. 62–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-bini tal-bastimenti” (opinjoni addizzjonali)

2011/C 318/10

Relatur: is-Sur KRZAKLEWSKI

Korelatur: is-Sur CALVET CHAMBON

Nhar id-9 ta’ Diċembru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(A) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni dwar

L-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-bini tal-bastimenti

(opinjoni addizzjonali).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'124 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa konvint li l-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti huwa strument li għandu jinżamm, iżda hemm bżonn li wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu aġġornati u estiżi. Fil-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa kkontribwixxa sabiex jintlaħqu l-objettivi politiċi u ekonomiċi previsti. Huwa ġġustifikat li jinżamm, l-ewwel u qabel kollox minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur, li huma deskritti fid-dettall fl-introduzzjoni tal-Qafas attwali.

1.2   Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-Qafas mhuwiex miżura għal perjodu qasir għall-ġlieda kontra l-kriżi iżda jqis il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur, u li l-għajnuna mogħtija skont il-Qafas m'għandhiex tikkumpensa l-bini ta’ bastimenti mhux kompetittivi jew b'livell teknoloġiku baxx.

1.3   Il-KESE jemmen li l-aħbar reċenti li, wara għoxrin sena ta’ diskussjoni, twaqqfu n-negozjati li kienu għaddejjin taħt l-awspiċju tal-OECD dwar ftehim multilaterali li jistabbilixxi kundizzjonijiet kompetittivi normali fl-industrija kummerċjali tal-bini tal-bastimenti huwa argument ieħor li jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni unika tal-industrija li tirrikjedi ż-żamma u r-reviżjoni tal-Qafas.

1.4   ’Il quddiem f’din l-opinjoni, il-Kumitat jirreferi għal kwistjonijiet u problemi fundamentali, li l-Kummissjoni ressqet quddiem il-partijiet interessati waqt proċess ta’ konsultazzjoni. Il-KESE jipproponi u jiġġustifika wkoll numru ta’ modifikazzjonijiet li għandhom jiġu introdotti fil-verżjoni riveduta tal-Qafas.

1.5   Il-Kumitat iqis li l-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RDI), kif prevista mill-Qafas, hija essenzjali għax tgħin lill-bennejja tal-vapuri jaċċettaw it-tipi speċifiċi ta’ riskju relatati mal-innovazzjoni.

1.5.1   Il-Kumitat iqis li d-disponibbiltà tal-għajnuna għall-innovazzjoni għandha impatt pożittiv fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ kull element innovattiv fl-iżvilupp ta’ prodotti jew proċessi ġodda. Din l-għajnuna toffri lill-intrapriżi tal-bini tal-bastimenti l-possibbiltà li jwittu t-triq għal soluzzjonijiet ġodda, li jżidu l-prospetti ta’ suċċess kummerċjali għall-prodotti innovattivi u għaldaqstant li jkomplu jħeġġu l-attivitajiet tal-RDI.

1.6   Fir-rigward tal-mistoqsija tal-Kummissjoni rigward kemm huwa adegwat li ma tibqax tiġi awtorizzata l-għajnuna għall-innovazzjonijiet għajr għal dawk marbuta mal-bastimenti iktar “ekoloġiċi”, u li minn issa ’l quddiem jiġu esklużi t-tipi l-oħra kollha, il-Kumitat jingħaqad mal-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali u jqis li din l-għażla ddgħajjef b'mod konsiderevoli l-effikaċja ta’ dan l-istrument. B'mod partikolari, b'dan il-mod tintilef għalkollox l-influwenza pożittiva kbira tagħha fuq il-proċess u fuq innovazzjonijiet oħra bbażati fuq il-prodott f'oqsma bħas-sigurtà u l-produttività.

1.7   Il-Kumitat jinnota li l-istrumenti ta’ għajnuna maħsuba biex jgħinu lit-teknoloġiji ekoloġiċi jistabbilixxu ruħhom fis-suq huma għodda importanti u għandhom jiġu integrati fil-Qafas. Il-Qafas rivedut għandu jiġbor fih dispożizzjonijiet adegwati u konkreti f'dan ir-rigward, li jiżdiedu mar-regoli orizzontali dwar il-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fehma tal-KESE, dawn id-dispożizzjonijiet mhux ser jagħtu kontribut biex jinħoloq strument supplementari tal-għajnuna mill-Istat, iżda ser jissemplifikaw l-implimentazzjoni tal-Qafas u jippermettu li jintlaħqu objettivi importanti tal-UE.

1.8   Rigward il-kwistjoni fundamentali li tqajjem il-Kummissjoni hija u tistaqsi jekk fil-Qafas għandhiex tinżamm l-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni meta hemm regoli orizzontali għall-RDI, il-Kumitat jafferma bis-sħiħ li fid-dawl tal-ispeċifiċità tas-settur tal-bini tal-bastimenti, huwa assolutament neċessarju li din l-għajnuna tinżamm kif ġie previst fil-Qafas, għax ir-regoli orizzontali msemmija ma jipprovdux soluzzjonijiet adegwati għall-appoġġ tal-innovazzjoni fl-industrija tal-bini tal-bastimenti.

1.9   B'kunsiderazzjoni li ma kien hemm l-ebda inċentiv li jħeġġeġ l-użu tal-għajnuna mogħtija għall-għeluq tat-tarzni matul il-perjodu bejn l-introduzzjoni tal-Qafas fl-2004 u l-kriżi bejn l-2009 u l-2010 u fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni ddeterjorat drastikament matul dawn l-aħħar snin u li l-ordnijiet fit-tarzni naqsu għall-iktar livell baxx tagħhom f'iktar minn għaxar snin, il-Kumitat jemmen li din il-forma ta’ għajnuna għandha tinżamm. Ir-regoli dwar dan it-tip ta’ għajnuna għandhom jippermettu lit-tarzni li jwettqu ristrutturar parzjali mingħajr ma jkollhom jgħaddu mill-proċess kollu ta’ ristrutturar previst fil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar.

1.10   Il-Kumitat huwa konvint li s-settur tal-bini tal-bastimenti jista’ jibbenifika wkoll mill-għajnuna reġjonali. L-għajnuna reġjonali li taqa’ taħt il-Qafas għandha tiżgura l-istess intensità ta’ għajnuna applikabbli taħt il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. Il-KESE jemmen li ma huwa la adegwat u lanqas ġustifikat li l-iskop ta’ din l-għajnuna fil-Qafas jiġi limitat għat-tarzni eżistenti.

1.11   L-applikazzjoni ta’ regoli restrittivi tal-UE dwar l-espansjoni tal-kapaċità tal-bini tal-bastimenti kellha l-effett oppost għal dak mixtieq. Minflok ma llimitat il-kontribut għall-produzzjoni globali eċċessiva hija poġġiet lit-tarzni Ewropej fi żvantaġġ akbar meta mqabbla mal-kompetitturi globali tagħhom. Għaldaqstant, bl-ebda mod ma huwa ġġustifikat l-appoġġ għal dawn il-miżuri restrittivi li għandhom bħala objettiv li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-għajnuna għall-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni.

1.12   Fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna għall-impjieg taħt il-Qafas, il-KESE jitlob lill-Istati Membri jużaw dawn il-miżuri iktar spiss mill-passat, b'mod partikolari sabiex jappoġġjaw l-azzjoni tal-bennejja tal-bastimenti f'pajjiżhom fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

1.13   Il-Kumitat iqis li fil-Qafas għandha tinżamm il-klawżola dwar il-krediti għall-esportazzjoni. Il-krediti għall-esportazzjoni mogħtija b'konformità mal-ftehim settorjali tal-OECD mhumiex għajnuna mill-Istat u jappoġġjaw lill-intrapriżi, u għaldaqstant jappoġġjaw ir-reġjuni fejn ikunu stabbiliti. Dan huwa marbut direttament maż-żamma u mal-ħolqien tal-impjiegi f'dan is-settur u fl-intrapriżi marbuta miegħu, kif ukoll mal-vantaġġi li minnhom jibbenefikaw is-sidien tal-bastimenti tal-UE (huma jistgħu jiksbu self għal perjodu twil biex jixtru l-bastimenti).

1.14   Il-Kumitat huwa favur l-espansjoni tal-firxa ta’ prodotti inklużi fil-Qafas, b'riżultat tal-iżviluppi fl-industrija tal-bini tal-bastimenti u tat-teknoloġija mill-2004 ’l hawn. Għaldaqstant il-KESE jqis li għandha tintuża l-proposta għal aġġornament tal-Komunità tal-Assoċjazzjonijiet tat-Tarzni Ewropej (CESA) stabbilita fl-opinjoni tagħha dwar Artikolu 2 tal-Qafas (1).

1.15   Il-Kumitat jitlob lill-Istati Membri tal-UE u lill-amministrazzjoni tal-UE biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-politika li jipprovdu informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-kundizzjonijiet għall-użu tal-għajnuna mill-Istat hekk kif provdut fil-Qafas.

2.   Introduzzjoni

Kuntest tal-opinjoni

2.1   Fid-29 ta’ April 2010, il-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja intitolata “L-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti fil-konfront tal-kriżi attwali”.

2.2   Fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2011, il-Kummissjoni Ewropea pprevediet analiżi tal-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti, li tista’ tippermetti li jiġi rivedut jew estiż għall-perjodu wara l-2011. Il-konsultazzjonijiet uffiċjali mal-partijiet interessati, li involvew ukoll fost oħrajn lill-imsieħba soċjali u l-Istati Membri, intemmu fis-6 ta’ Diċembru 2010.

2.2.1   It-tfassil ta’ opinjoni addizzjonali tal-KESE dwar din il-kwistjoni jidher utli u f'waqtu, b'kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ dawn ir-regoli u l-impatt sinifikanti tagħhom fuq reġjuni speċifiċi.

2.3   Il-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti jistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti. Il-Qafas daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004 għal perjodu inizjali ta’ tliet snin. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendih darbtejn: fl-2006, għal perjodu ta’ sentejn, u fl-2008, għal perjodu ta’ tliet snin oħra. Għaldaqstant, il-Qafas attwalment għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011.

2.4   Il-prinċipju ġenerali tal-Qafas huwa li s-settur tal-bini tal-bastimenti huwa eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat, permezz tal-istrumenti orizzontali ta’ għajnuna mill-Istat, minbarra f'dawk il-każijiet fejn japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Qafas. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi jikkonċernaw dawn l-oqsma: l-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-għajnuna għall-għeluq tat-tarzni, il-ħolqien tal-impjiegi, il-krediti għall-esportazzjoni, l-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna reġjonali.

2.5   Il-bini tal-bastimenti jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jibbenefika wkoll minn għajnuna mill-istrumenti orizzontali ta’ għajnuna mill-Istat (kif ukoll mill-UE). Għaldaqstant jeħtieġ li l-konsultazzjonijiet u l-opinjoni tal-KESE mfassla f'isem is-soċjetà ċivili tal-UE jagħtu kontribut biex jistabbilixxu jekk id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Qafas għandhomx jibqgħu japplikaw u f'każ li dawn jiġu estiżi, jekk għandhomx jiġu emendati u kif.

3.   Informazzjoni aġġornata u konċiża dwar is-settur Ewropew tal-bini tal-bastimenti fil-kuntest dinji qabel id-deċiżjoni dwar il-Qafas

3.1   L-opinjoni tal-KESE ta’ April 2010 tiġbor fiha preżentazzjoni ġenerali u dettaljata tas-settur Ewropew tal-bini tal-bastimenti. L-informazzjoni ta’ hawn taħt tikkonsisti f'data u fatti tas-sena li għaddiet.

3.2   Wara l-ewwel perjodu ta’ kriżi, ir-reċessjoni laqtet il-bini tal-bastimenti fid-dinja kollha. Seħħew distorsjonijiet kummerċjali kbar bla preċedent u l-Istati kollha b'industrija tal-bini tal-bastimenti kellhom jaffrontaw diffikultajiet serji minħabba tnaqqis kbir fid-domanda. Minbarra l-kwistjoni li għadha ma ġietx solvuta dwar il-bżonn ta’ regoli tal-kompetizzjoni ugwali għall-bini u l-kummerċ tal-bastimenti, illum il-ġurnata il-prospetti fuq perjodu twil tal-Ewropa f’dan is-settur jinsabu f'periklu serju.

3.3   Il-pajjiżi Asjatiċi jkopru iktar minn 80 % tal-produzzjoni globali attwali tal-bastimenti, u l-ordnijiet tagħhom jirrappreżentaw sa 90 % tal-ordnijiet globali. It-tkabbir tal-pożizzjoni ta’ dawn il-pajjiżi qed iseħħ għad-detriment tal-Istati tal-UE, li s-sehem tagħhom fil-produzzjoni globali llum il-ġurnata naqas għal 7-8 %.

3.3.1   Sehem l-Ewropa f'ordnijiet globali ġodda naqas ħafna fl-2009 u niżel għal 2.7 %. Matul l-ewwel tliet kwarti tal-2010 din iċ-ċifra rkuprat għal 4.8 %. Madankollu, fir-rigward tal-kwantità ta’ bastimenti fil-lista tal-ordnijiet, l-indikatur globali rkupra ftit fl-2010, filwaqt li fl-UE baqa’ fl-istess livell tal-2009, l-iktar livell baxx ta’ dan id-deċennju.

3.3.2   L-ammont totali ta’ ordnijiet għal bastimenti ġodda matul dawn l-aħħar snin kien hekk: 85 miljun tunnellaġġ gross ikkumpensat (CGT) fl-2007, 43 miljun CGT fl-2008 u 16.5 miljun CGT fl-2009. Matul l-ewwel tliet kwarti tal-2010, madankollu, dan l-ammont kiber għal 26.3 miljun CGT (huwa mbassar li fl-aħħar tal-2010 jkun madwar 35 miljun CGT). Fl-2009, diversi bastimenti li diġà kien sarilhom kuntratt ta’ provvista ma nbnewx, fost l-oħrajn minħabba r-rati baxxi ħafna ta’ merkanzija u minħabba li ma setax jinkiseb self mill-bank għall-finanzjament tal-bini.

3.3.3   L-indiċi tal-prezzijiet tal-ewwel kwart tal-2010, ikkalkulat f'euro (meta din il-munita laħqet l-iktar livell baxx tal-aħħar għaxar snin) reġa’ tela’ b'madwar 17 %, iżda r-rati tal-kambju kellhom impatt negattiv fuq il-prezzijiet espressi fil-muniti nazzjonali. Minkejja li dan l-indiċi żdied b'iktar minn 20 % mis-sena 2000 ’l hawn, il-prezzijiet f'euro baqgħu fl-istess livell.

3.4   Minbarra l-kriżi, ir-raġunijiet prinċipali tan-nuqqas ta’ stabbiltà fis-settur tal-bini tal-bastimenti huma l-intervent u l-protezzjoniżmu fl-Istati fejn din l-industrija hija jew qed taspira li tkun settur essenzjali tal-ekonomija. Ċerti tarzni, b'mod partikolari dawk tal-Lvant Imbiegħed, li jirċievu għajnuna mill-Istat, jinsabu f'qagħda li joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom bi prezz li ma jqisx ir-riskji kollha, u għalhekk bi prezzijiet iktar baxxi minn ta’ kompetituri oħra tagħhom, essenzjalment fl-Ewropa, li bilfors iridu jinkludu r-riskju fil-kalkolu tal-prezzijiet. Forma oħra ta’ protezzjoniżmu hija preżenti fir-rati tal-kambju (wieħed mill-fatturi li jinfluwenzaw il-kompetittività) li jistgħu sa ċertu punt jitmexxew fil-livell ċentrali (pereżempju fiċ-Ċina kif ukoll fil-Korea t'Isfel).

3.5   F'Diċembru 2010, l-OECD iddeċidiet li ma terġax tiftaħ in-negozjati relatati mal-ftehim dwar ir-rispett lejn kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fl-industrija kummerċjali tal-bini tal-bastimenti. Minħabba li wara għoxrin sena ta’ diskussjonijiet in-negozjati ma rnexxewx, is-suq globali tal-bini tal-bastimenti ser ikompli jkun soġġett għal kompetizzjoni bla ħniena. Dan huwa żvilupp partikolarment negattiv li ħeġġeġ lil ċerti pajjiżi japplikaw diversi mezzi ta’ intervent fis-suq fuq livell iktar mifrux. Ir-riżultat ta’ dan huwa l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni mhux ugwali fl-industrija globali tal-bini tal-bastimenti. Is-sitwazzjoni ġejja mill-intransiġenza ta’ ċerti Stati mhux membri tal-UE li għandhom it-tarzni: iċ-Ċina u l-Korea t'Isfel.

3.5.1   Dan l-iżvilupp huwa meqjus bħala reazzjoni għall-kriżi globali u jiffavorixxi l-introduzzjoni ta’ miżuri protezzjonisti. Dan iġib miegħu riskju ikbar li fis-suq globali jinbnew bastimenti mingħajr ebda skop ekonomiku. Dawn il-bastimenti l-ġodda se jaggravaw il-kriżi tas-suq tal-merkanzija, fejn ikun hemm numru kbir wisq ta’ bastimenti li jikkompetu għall-istess merkanzija. L-imsieħba soċjali Ewropej tas-settur tal-bini tal-bastimenti diġà lmentaw dwar id-diversi fatturi (kapaċitajiet tal-produzzjoni żejda, sottokwotazzjoni tal-prezzijiet tat-tarzni, tunnellaġġ eċċessiv, sottokwotazjoni tat-taxxi tal-kunsinna) li għandhom effetti negattivi fuq l-atturi kollha tas-suq.

3.6   Mill-2008 ’l hawn, fl-UE, dan is-settur esperjenza tnaqqis kbir fl-impjiegi. Intilfu 40 000 impjieg u l-partijiet interessati kollha huma favur it-tnedija ta’ programm ta’ kontinġenza għaż-żamma ta’ massa kritika fl-industrija tal-bini tal-bastimenti (2). Din it-tendenza tkompli tiġi aggravata mill-applikazzjoni reċenti tal-Qafas dwar il-Kapital għas-Superviżjoni Bankarja ta’ Basel III li jillimita l-kundizzjonijiet tal-finanzjament.

3.7   Minn mindu bdiet il-kriżi finanzjarja, fl-UE sar ħafna iktar diffiċli li jinkisbu l-finanzjamenti meħtieġa għall-bini tal-bastimenti, billi xi istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin naqqsu l-involviment finanzjarju tagħhom jew saħansitra rtirawh kemm qabel il-bini tal-bastiment (prefinanzjament) kif ukoll wara l-konsenja tal-bastiment. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-istrumenti tal-garanziji pubbliċi, li jirrigwardaw ukoll il-krediti għall-esportazzjoni, saru ħafna iktar importanti. Il-kriżi tal-kreditu għadha għaddejja fis-settur tal-bini tal-bastimenti minkejja l-ewwel sinjali pożittivi ta’ bidla fis-suq.

3.8   Is-sottosettur tat-tiswija tal-bastimenti li jagħmel parti mis-settur tal-industrija tal-bini tal-bastimenti, għalkemm għaddej ukoll minn diffikultajiet temporanji, qiegħed f'sitwazzjoni ħafna iktar tajba mit-tarzni tal-bini. It-tarzni tat-tiswija jeżerċitaw l-attività tagħhom f'suq differenti minn dak tal-industrija tal-bini tal-bastimenti (iktar minn nofs il-bastimenti msewwija ġejjin minn barra l-UE). Il-kriżi globali tas-snin 2009–2010 laqtet ukoll lil dan is-sottosettur għaliex is-sidien tal-bastimenti naqqsu sew l-ispejjeż tat-tiswija tal-bastimenti tagħhom u ħafna drabi llimitawhom biss għat-tiswijiet indispensabbli jew perjodiċi li jitolbu r-regoli marittimi.

3.8.1   Fid-dawl tal-kompetizzjoni qawwija fis-suq globali, it-tarzni tat-tiswija ta’ ċerti Stati tal-UE ħadu azzjoni sabiex jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom billi jiffukaw fuq il-modernizzazzjoni tal-bastimenti u t-twettiq ta’ operazzjonijiet iktar kumplessi bħall-estensjoni tal-buq tal-bastimenti, il-bini ta’ installazzjonijiet għall-estrazzjoni taż-żejt u l-gass minn taħt il-baħar u l-produzzjoni ta’ bastimenti iżgħar.

3.8.2   Attwalment, it-tiswijiet tal-bastimenti jitwettqu fil-biċċa l-kbira f'tarzni fil-pajjiżi ġirien tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-amministrazzjoni tal-UE jfasslu strateġija li tista’ tagħti impetu lill-iżvilupp u lill-bini tat-tarzni ta’ dan it-tip fiż-żoni tal-kosta tal-UE. Huwa fl-interess tal-Istati Membri tal-UE li tinżamm kwantità “minima strateġika” ta’ faċilitajiet tat-tiswija fl-UE biex iservu s-settur tat-trasport marittimu tagħha. Dawn it-tarzni jkunu jistgħu jsewwu l-bastimenti bi prezz kompetittiv, jiżguraw li l-ordnijiet jiġu pproċessati fil-ħin u jużaw metodi ta’ tħaddim ekoloġiċi filwaqt li jikkontribwixxu fir-reġenerazzjoni industrijali ta’ ċerti reġjuni tal-kosta.

4.   Osservazzjonijiet ġenerali

4.1   L-għan ġenerali tar-reviżjoni tal-Qafas dwar il-bini tal-bastimenti għandu jkun it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni tat-tarzni Ewropej. Dan il-kunċett għandu jimmanifesta ruħu fir-regolamenti kollha tal-Qafas.

4.2   Il-kompetittività globali tas-settur Ewropew tal-bini tal-bastimenti hija sottomessa għal pressjoni kbira ħafna li ġejja mill-kundizzjonijiet diffiċli ħafna tas-suq, b'mod partikolari minħabba l-ammont kbir ta’ għajnuna disponibbli fil-pajjiżi kompetituri. Ladarba mhix f'pożizzjoni li tkun kompetittiva fir-rigward tal-ispejjeż tax-xogħol, l-industrija Ewropea għandha tipprova tieħu vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha billi tiżgura l-ogħla kwalità ta’ sigurtà tal-bastimenti, l-effiċjenza u l-protezzjoni tal-ambjent marittimu u tuża metodi innovattivi bil-għan li jkomplu jtejbu l-effiċjenza. Huwa evidenti li l-Qafas, fil-verżjoni riveduta u ġdida tiegħu, ser jippermetti li jiġu garantiti inċentivi adegwati għal dan il-għan u li huma indispensabbli biex jinkisbu dawn ir-riżultati.

4.3   Il-Qafas rivedut għandu assolutament jinkludi sistema prattika ta’ inċentivi li tiffaċilita l-investimenti f'bastimenti ġodda jew immodernizzati u li jkollhom iktar kapaċitajiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent. In-nuqqas ta’ implimentazzjoni, fil-futur qarib, ta’ din is-sistema jista' jagħmilha impossibbli li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi immedjati mit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu, tal-ossidi tal-kubrit kif ukoll tal-gassijiet b'effett ta’ serra. Il-Qafas għandu jistipola li dan it-tip ta’ għajnuna u l-mezzi finanzjarji allokati għaliha għandhom ikunu riservati għall-bennejja Ewropej tal-bastimenti.

4.4   L-għajnuna li tingħata taħt il-Qafas hija importanti kemm għall-intrapriżi individwali kif ukoll għar-reġjuni. Għalhekk jeħtieġ li jiġu introdotti proġetti innovattivi ġodda li permezz tagħhom it-tarzni jkunu jistgħu jirrispondu b'mod kemm jista' jkun rapidu u effettiv għall-bżonnijiet tas-suq li dejjem jinbidlu. Il-proġetti innovattivi li tkopri l-għajnuna għandhom jinkludu elementi rilevanti ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni ta’ prodotti ġodda kif ukoll ta’ taħriġ u titjib tal-kwalifiki tal-ħaddiema li jaħdmu fl-intrapriżi kkonċernati. Il-Qafas il-ġdid għandu jikkunsidra dan l-aspett.

4.5   Il-Kumitat jikkunsidra li qabel ma tiġi indirizzata fid-dettall il-kwistjoni tal-krediti għall-esportazzjoni (ara l-osservazzjonijiet speċifiċi), għandu jiġi enfasizzat li l-aċċess għal finanzjament kompetittiv huwa ta’ spiss fattur deċiżiv li jiddetermina t-tnedija ta’ proġetti ta’ ġodda tal-bini tal-bastimenti. L-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi, tal-banek tal-Istat u ta’ istituzzjonijiet pubbliċi oħra fil-finanzjament qabel u wara l-konsenja tal-bastimenti żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari fl-Asja. Wieħed jista' probabbilment jassumi li, fil-perjodu qasir u medju, il-finanzjament tal-bini tal-bastimenti se jiġi ffinanzjar, anke fl-Ue, bl-appoġġ f'forma ta’ self jew ta’ garanziji pubbliċi li jipprevedi l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u tal-UE, pereżempju tal-Bank Ewropew tal-Investiment (fejn is-settur esperjenza xi diffikultajiet) (3).

4.6   Minn meta ġie stabbilit l-ewwel Qafas għas-settur tal-bini tal-bastimenti tal-UE, seħħew bosta tibdiliet strutturali, li għandhom jiġu kkunsidrati huma u jitfasslu d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Qafas. Dawn huma:

it-tarzni Ewropej għamlu progress sinifikanti lejn l-ispeċjalizzazzjoni, proċess li għandu jitkompla u jiġi appoġġjat;

l-ammont ta’ mudelli standard ta’ bastimenti fil-portafoll tal-produzzjoni tal-industrija tal-bastimenti Ewropea naqas b'mod konsiderevoli;

il-kompetizzjoni globali qed issir evidenti wkoll fil-qasam tal-bastimenti żgħar, inklużi l-bastimenti li jintużaw fil-passaġġi fuq l-ilma intern;

filwaqt li d-daqs medju tat-tarzni Ewropej baqa’ l-istess jew naqas matul dawn l-aħħar għaxar snin (minħabba li għalqu xi tarzni fil-Polonja, il-Kroazja, id-Danimarka u Spanja), l-Ewropa issa qed ikollha tiffaċċja l-espansjoni enormi ta’ tarzni fil-pajjiżi kompetituri, b'mod partikolari fl-Asja;

l-importanza tal-prodotti u tal-proċeduri ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent kibret b'mod sinifikanti; din it-tendenza għandha tiġi appoġġjata b'mod partikolari billi jittieħdu l-miżuri neċessarji dwar il-kwistjoni tal-emissjonijiet, partikolarment tal-ossidi tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tal-gassijiet b'effett ta’ serra;

l-iżvilupp tal-attività kostali jfisser li l-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti jeħtieġ li ssib mod ta’ kif tissodisfa d-domanda lokali.

4.7   L-approċċ adottat mill-Istati Membri tal-UE huma u japplikaw il-miżuri ta’ għajnuna provduta taħt il-Qafas għandu importanza partikolari; huma għandhom jipprovdu, b'mod komprensiv u sistematiku, informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-għajnuna (mhux sussidji) mill-Istat hekk kif provdut fil-Qafas.

5.   Osservazzjonijiet speċifiċi

L-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

5.1   Is-settur tal-bini tal-bastimenti għandu jwettaq attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni biex itejjeb il-prodotti li joffri u biex b'hekk jikseb suċċess fis-suq. Madankollu, l-azzjoni f'dan ir-rigward tista' tittieħed biss jekk l-istess suq ikun lest li jaċċetta t-tipi speċifiċi ta’ riskju relatati mal-innovazzjoni.

5.2   Hekk kif jenfasizzaw il-bennejja Ewropej tal-bastimenti, l-espożizzjoni għar-riskju marbut mal-produzzjoni tal-bastimenti prototipi hija kbira. Għall-kuntrarju tal-maġġoranza tas-setturi l-oħra, kuntratt ta’ bejgħ li jsir fis-settur tal-bini tal-bastimenti jinvolvi definizzjoni tal-prestazzjoni tal-prodott, li ma jkunx jista' jiġi sottomess għal verifika minn qabel meta jiġi ffirmat il-kuntratt. L-inċidenti marbuta ma’ element ta’ innovazzjoni, anki jekk ikunu żgħar, jistgħu jwasslu għal bidliet sinifikanti, li jkunu jeħtieġu iktar riżorsi u skadenzi itwal, u b'hekk iwasslu għal tfixkil fil-proċess tal-produzzjoni.

5.2.1   Il-Kumitat iqis li d-disponibbiltà tal-għajnuna għall-innovazzjoni għandha impatt pożittiv fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ kull element innovattiv fl-iżvilupp ta’ prodotti jew proċessi ġodda. Din l-għajnuna toffri lill-intrapriżi tal-bini tal-bastimenti l-possibbiltà li jwittu t-triq għal soluzzjonijiet ġodda, li jżidu l-prospetti ta’ suċċess kummerċjali għall-prodotti innovattivi u għaldaqstant li jkomplu jħeġġu l-attivitajiet tal-RDI.

5.3   L-għajnuna għall-innovazzjoni toħloq effett ta’ aċċelerazzjoni, li huwa fattur essenzjali li jwassal għal żieda fl-effiċjenza u l-kompetittività li huma kruċjali biex tinżamm pożizzjoni teknoloġika dominanti fil-qasam tal-bastimenti kumplessi u innovattivi. Il-veloċità tal-innovazzjoni huwa aspett fundamentali tal-kompetittività, b'mod partikolari b'kunsiderazzjoni tal-possibiltajiet limitati tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tat-teknoloġiji marittimi.

5.4   L-imsieħba soċjali Ewropej mis-settur tal-bini tal-bastimenti kollha jaqblu, abbażi ta’ eżempji speċifiċi, li l-għajnuna għall-innovazzjoni kkontribwixxiet b'mod ċar għat-titjib tal-effiċjenza u l-kompetittività tat-tarzni tal-UE. Din l-għajnuna ffaċilitat l-introduzzjoni u d-diffużjoni ta’ metodi ta’ produzzjoni, ta’ teknoloġiji u ta’ prodotti ġodda u stimulat l-RDI. Għalhekk ta’ min jirrikonoxxi li din l-għajnuna hija strument adegwat tal-politika tal-UE.

5.5   Fir-rigward tal-problemi marbuta mal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna għall-innovazzjoni, l-intraprendituri jemmnu li dawn jistgħu jiġu solvuti mingħajr ma jiġi emendat it-test tal-Qafas. Dan jista' jsir permezz ta’ reviżjoni tal-programm nazzjonali notifikat li temenda l-limitu tal-eżenzjoni sħiħa tal-għajnuna għall-innovazzjonijiet tal-prodotti relatati mal-bastimenti ż-żgħar u l-innovazzjonijiet fil-proċessi.

5.6   Fir-rigward tal-mistoqsija tal-Kummissjoni rigward kemm huwa adegwat li tiġi awtorizzata l-għajnuna għall-innovazzjonijiet marbuta ma’ bastimenti ekoloġiċi biss u li minn issa ’l quddiem jiġu esklużi t-tipi l-oħra kollha, il-Kumitat jingħaqad mal-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali u jqis li din l-għażla ddgħajjef b'mod konsiderevoli l-effikaċja ta’ dan l-istrument. B'mod partikolari, b'dan il-mod tintilef l-influwenza pożittiva kbira fuq l-innovazzjonijiet fil-proċessi li għandhom l-għan li jżidu l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Barra minn hekk, jista' jagħti l-każ li din l-għażla teskludi l-possibbiltà li tiġi allokata għajnuna għal ċerti innovazzjonijiet li jirrigwardaw il-prodotti marbuta, pereżempju, mat-titjib tas-sigurtà, jew mal-protezzjoni u l-kumdità tal-ekwipaġġ u tal-passiġġieri.

5.6.1   L-istrumenti ta’ appoġġ bil-għan li jgħinu l-introduzzjoni tat-teknoloġiji ekoloġiċi fis-suq huma strument importanti li għandu jiġi integrat fil-Qafas bħala għajnuna ambjentali li tikkompleta l-għajnuna għall-innovazzjoni iżda li tieħu l-forma ta’ strument separat.

5.7   Abbażi tal-mudell tal-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent, għandu jkun hemm inċentivi li jħeġġu li wieħed imur lil hinn mir-rekwiżiti regolatorji. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-Qafas orizzontali fis-settur tal-bini tal-bastimenti ftit li xejn avvanzat. Minbarra r-rekwiżiti tar-regoli orizzontali, il-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti għandu għaldaqstant jinkludi dispożizzjonijiet adegwati u konkreti. Mod effettiv ta’ kif dan jista' jsir huwa permezz ta’ referenza għar-regoli dwar l-għajnuna ambjentali taħt ir-regoli dwar l-eżenzjonijiet ġenerali flimkien mar-rekwiżiti speċifiċi għall-bastimenti. Dan għandu jikkontribwixxi b'mod effettiv għas-semplifikazzjoni tar-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur.

5.8   Il-Qafas orizzontali dwar l-RDI fih ukoll dispożizzjonijiet dwar l-attività tal-innovazzjoni, fosthom “l-iżvilupp ta’ prototipi kummerċjali li jintużaw u proġetti pilota […] fejn il-prototip hu neċessarjament il-prodott kummerċjali finali u fejn tkun ferm għalja biex tipproduċih ħalli jintuża biss għal skopijiet ta’ dimostrazzjonijiet u validazzjoni” (4).

5.8.1   Id-dispożizzjonijiet rispettivi fil-fatt jagħtu lok għal iktar għajnuna mill-Qafas u, sa ċertu punt, firxa iktar wiesgħa ta’ spejjeż eliġibbli. Madankollu jistipolaw ukoll li “f'każ ta’ użu kummerċjali sussegwenti ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni jew dawk pilota, kwalunkwe dħul finanzjarju ġġenerat minn dan l-użu jista' jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli” (5)

5.8.2   Filwaqt li din id-dispożizzjoni tista' tintuża fil-maġġoranza tas-setturi minħabba l-produzzjoni tal-massa fejn l-ispejjeż tal-iżvilupp jinqasmu fuq numru ikbar ta’ prodotti, hija ma tistax titħaddem fil-każ tal-prototipi tal-bastimenti.

5.9   Fil-qosor, il-Kumitat jinnota li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tal-bini tal-bastimenti, il-Qafas orizzontali dwar l-RDI ma joffrix soluzzjoni adegwata fir-rigward tal-għajnuna għall-innovazzjoni għall-bini tal-bastimenti, u li għaldaqstant l-aħjar soluzzjoni tkun li jiġu inklużi dispożizzjonijiet adegwati fil-Qafas aġġornat.

Għajnuna għall-għeluq tat-tarzni

5.10   Fil-perjodu ta’ żmien bejn l-introduzzjoni tal-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti, fl-2004, u l-bidu tal-kriżi, l-industrija tal-bastimenti għaddiet minn perjodu fejn id-domanda kienet kbira u, għaldaqstant, ma kinitx f'pożizzjoni li tipprevedi l-għeluq tal-installazzjonijiet. It-tnaqqis drammatiku li esperjenzat dawn l-aħħar sentejn bidel is-sitwazzjoni, u l-ordnijiet tas-settur Ewropew tal-bastimenti niżlu fl-aktar livell baxx li qatt kienu fih f'dawn l-aħħar għaxar snin.

5.10.1   Għalhekk, il-Kumitat iqis li fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-suq, iż-żamma ta’ din il-forma ta’ għajnuna hija ġustifikata (6).

5.11   Id-dispożizzjonijiet dwar dan it-tip ta’ għajnuna għandhom jippermettu lit-tarzni li jwettqu ristrutturar parzjali (7) mingħajr ma jkollhom jgħaddu mill-proċess kollu ta’ ristrutturar previst fil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar; dan huwa l-mudell li għandu jiġi applikat meta jiġu riveduti dawn il-linji gwida. Jekk dan isir, ma jkunx hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet separati dwar l-għajnuna għar-ristrutturar fil-Qafas tal-bini tal-bastimenti.

Għajnuna reġjonali

5.12   Jekk ir-regoli dwar l-għajnuna reġjonali jinżammu, għandu jkollha skop u intensità li jikkonformaw mar-regoli li japplikaw skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. La huwa adegwat u lanqas ġustifikat li l-ambitu tal-għajnuna jkun limitat għat-tarzni eżistenti biss. Biex issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, l-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti jeħtieġ li tinvesti f'metodi ta’ produzzjoni u f'tagħmir iktar effiċjenti. Dan jista' jitlob il-ħolqien ta’ unitajiet tal-produzzjoni ikbar sabiex jintużaw is-sinerġiji, is-settur isir iktar effiċjenti u jintużaw l-ekonomiji tal-kobor. Permezz tar-regolamenti attwali, huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tingħata għajnuna reġjonali lil proġetti bħal dawn.

5.13   L-investimenti l-kbar fil-pajjiżi Asjatiċi kienu l-mutur ewlieni tas-suċċess tal-iżvilupp industrijali tagħhom. Ħafna drabi dawn ġew appoġġjati, direttament jew indirettament, mill-Istat. Ir-regoli ristrettivi Ewropej fir-rigward tal-espansjoni tal-kapaċità tas-settur tal-bini tal-bastimenti ħadu d-direzzjoni opposta u dan poġġa lill-industrija Ewropea fi żvantaġġ akbar meta mqabbla mal-kompetituri globali. Għaldaqstant, iż-żamma ta’ dawn il-miżuri restrittivi bil-għan li jnaqqsu l-għajnuna għall-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni, m'għadhiex ġustifikata.

5.14   Il-problemi ewlenin ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tar-regoli eżistenti fir-rigward tal-għajnuna reġjonali huma marbuta mal-approċċ restrittiv li l-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-bini tal-bastimenti jadotta fir-rigward tad-dispożizzjonijiet orizzontali. B'mod partikolari, l-interpretazzjoni stretta tal-għajnuna għalinvestimenti f'installazzjonijiet eżistenti llimitat, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, l-ambitu ta’ dan l-istrument u wasslet għal problemi serji fl-applikazzjoni tiegħu stess.

Għajnuna għall-impjieg

5.15   Il-KESE jinsab konvint li l-għajnuna għall-impjieg għandha tinżamm fil-Qafas.

5.15.1   Il-Kumitat jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jużaw il-miżuri tal-għajnuna għall-impjieg stabbiliti fil-Qafas b'mod iktar frekwenti sabiex jappoġġjaw l-azzjoni tal-bennejja tal-bastimenti f'pajjiżhom fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ f'sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minn ċikli tas-suq, produzzjoni globali eċċessiva jew kompetizzjoni inġusta min-naħa ta’ tarzni li ma jinsabux fl-UE.

Għajnuna għall-krediti għall-esportazzjoni u l-iżvilupp

5.16   Il-krediti għall-esportazzjoni provduti minn aġenziji statali tal-kreditu għall-esportazzjoni huma prattika komuni f'bosta setturi industrijali madwar id-dinja. Ftehimiet settorjali fil-livell tal-OECD jipprovdu l-istandards nazzjonali aċċettati. L-Istati Membri tal-UE kollha huma impenjati bis-sħiħ lejn dawn ir-regoli li, fil-kuntest tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, huma kkunsidrati wkoll kompatibbli b'mod sħiħ mas-suq intern.

5.17   Il-faċilitajiet tal-kreditu għall-esportazzjoni huma element importanti fil-finanzjament tal-proġetti ta’ bini tal-bastimenti. Fl-Ewropa huma maħsuba biex ikopru l-ispejjeż u għalhekk ma jikkostitwixxux sussidji. Li dawn ikunu disponibbli f'kundizzjonijiet kompetittivi jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kompetittività tal-industrija Ewropea. B'mod partikolari fid-dawl tal-pakketti estensivi ta’ finanzjament li joffru pajjiżi ewlenin oħra fil-qasam tal-bini tal-bastimenti, b'mod partikolari ċ-Ċina u l-Korea t'Isfel, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa li jipprovdu strumenti ekwivalenti għall-intrapriżi tagħhom.

5.18   Il-Kumitat jikkunsidra li huwa importanti li jiġi stabbilit, permezz tal-opportunitajiet provduti mid-djalogu settorjali, kemm referenza għad-dispożizzjonijiet tal-OECD fil-Qafas hija neċessarja jew utli. L-imsieħba soċjali fis-settur tal-bini tal-bastimenti jqisu li din hija kwistjoni li għandha tiġi indirizzata mill-amministrazzjonijiet jekk id-disponibbiltà kontinwa tas-sistemi attwali tal-kreditu għall-esportazzjoni titpoġġa f'riskju.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Reviżjoni tal-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti – Risposta tas-CESA għad-dokument ta’ konsultazzjoni – suppliment, 2010.

(2)  Opinjoni tal-KESE – ĠU C 18, 19.1.2011, p. 35.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE – ĠU C 18, 19.1.2011, p. 35.

(4)  Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 800/2008 tas-6/08/2008 (ĠU L 214, 9.8.2008).

(5)  Ibid.

(6)  Spanja, fost pajjiżi oħra, qed tippjana li tuża l-għajnuna għall-għeluq tat-tarzni fil-futur qarib għal bosta tarzni (ristrutturar parzjali).

(7)  L-għajnuna għar-ristrutturar hija definita fir-regoli orizzontali adegwati li għandhom jiġu riformati fl-2012. L-għajnuna għar-ristrutturar parzjali mistennija li tiġi inkluża f'din ir-riforma.


Top