Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0831

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-programmm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operati tiegħu (mill-2014 'il quddiem)

/* KUMM/2011/0831 finali */

52011DC0831

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-programmm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operati tiegħu (mill-2014 'il quddiem) /* KUMM/2011/0831 finali */


1. Introduzzjoni

Il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja msejjaħ GMES ġie stabbilit permezz tar-Regolament GMES (UE) Nru 911/2010[1] tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-GMES huwa programm ewlieni tal-politika spazjali tal-Unjoni Ewropea[2] b'konformità mal-Artikolu 189 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jippermetti lill-UE tmexxi attivitajiet konnessi mal-ispazju. Il-GMES huwa wkoll wieħed mill-programmi li għandhom jitwettqu skont l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[3] u huwa inkluż fl-inizjattiva tal-politika industrijali tal-Ewropa 2020, minħabba l-benefiċċji tiegħu għal firxa wiesgħa tal-politiki tal-Unjoni.

Sabiex tirrispondi għall-isfidi dejjem jikbru f'livell globali, l-Ewropa għandha bżonn sistema tagħha stess ta' osservazzjoni koordinata b'mod tajjeb u ta' min jafdaha. Il-GMES huwa dik is-sistema.

Il-GMES huwa programm fuq medda twila ta' żmien msawwar fuq l-isħubijiet bejn l-Unjoni, l-Istati Membri, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u partijiet interessati rilevanti oħrajn Ewropej. Dan huwa wkoll programm li bih l-UE jista' jkollha rwol aktar effettiv mill-Istati Membri individwali f'kooperazzjoni internazzjonali permezz ta' kollaborazzjonijiet bilaterali ma' nazzjonjiet oħra involuti fis-settur spazjali jew b’parteċipazzjoni fi sforzi globali fil-qasam tal-Osservazzjoni tad-Dinja (eż. il-Grupp dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja).

Il-GMES se jwassal għal komprensjoni aħjar ta' kif u b'liema mod jaf qiegħda tinbidel il-pjaneta artna, u kif dan jista' jolqotna f'ħajjitna ta' kuljum. Il-GMES se jiżgura il-provvediment bla interruzzjoni lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE u fl-Istati Membri tagħha ta' dejta preċiża u affidabbli u informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali, il-bidla fil-klima u kwistjonijiet ta' sigurtà. Din l-informazzjoni hija meħtieġa mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u r-reġjuni li huma inkarigati mit-tnissil u l-implimentazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni teħtieġ din l-informazzjoni wkoll għat-tfassil u l-monitoraġġ tal-politika abbażi tal-evidenza. Il-GMES se jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku billi jqawwi l-applikazzjonijiet kummerċjali f'bosta setturi permezz ta' aċċess sħiħ u miftuħ tad-dejta tal-osservazzjoni tad-dinja u servizzi ta' informazzjoni.

Mill-1998 'l hawn u sal-2013, ġew allokati fondi lill-GMES mill-UE u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) l-aktar għal attivitajiet ta’ żvilupp. Barra minn hekk, l-ewwel finanzjament operattiv ġie allokat għal tranżizzjoni lejn operazzjonijiet inizjali fil-perjodu 2011-2013. Mill-2014, il-GMES se jidħol fil-fażi operattiva sħiħa tiegħu.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2008 dwar "Il-Politika Spazjali Ewropea: kif se nqarrbu l-ispazju lejn id-dinja" enfasizzat l-importanza tal-implimentazzjoni f'waqtha tal-GMES. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta' April 2011 “Lejn strateġija spazjali għall-Unjoni Ewropea li tibbenefika liċ-ċittadini tagħha”2, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li jkun hemm programm tal-GMES operattiv b’mod sħiħ sal-2014. Fil-laqgħa tiegħu tal-31 ta' Mejju 2011, il-Kunsill dwar il-Kompetittività stieden lill-Kummissjoni sabiex sal-aħħar tal-2011 tippreżenta proposta għal-operati u tiċċara t-tmexxija tal-GMES mill-2014 'l hemm.

Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Baġit għall-Ewropa 2020”[4], il-Kummissjoni indikat li minħabba l-limiti tal-baġit tal-UE, ġie propost li jiġi ffinanzjat il-GMES tul il-perjodu 2014-2020 'lil hinn mill-qafas finanzjarju multiannwali. Madankollu, il-Kummissjoni għadha impenjata li tiżgura li l-GMES jirnexxi, u f’dan il-kuntest, elaborat din il-Komunikazzjoni bil-ħsieb li tiddefinixxi tmexxija xierqa u finanzjament fuq medda ta’ żmien twil tal-programm GMES mill-2014 ’l quddiem. Din il-Komunikazzjoni se tniedi d-dibattitu mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u mal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-futur tal-programm GMES.

2. GMES: programm imħeġġeġ mill-utenti għall-monitoraġġ tad-dinja

Il-GMES huwa programm ta’ monitoraġġ tad-dinja li jippermetti li tinġabar informazzjoni dwar is-sistemi fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi tad-dinja. Is-servizzi tal-GMES jipprovdu benefiċċji lil firxa wiesgħa ta' utenti, mil-livell lokali sa dak internazzjonali. Dawn tfasslu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti: il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom ġie rfinat mal-milja taż-żmien permezz ta' interazzjonijiet regolari u konsistenti mal-komunitajiet tal-utenti. Skont ir-Regolament GMES, twaqqaf Forum tal-Utenti biex jifformalizza dan il-mekkaniżmu.

Il-GMES jipprovdi informazzjoni kruċjali għall-immaniġġjar tal-ambjent tagħna b’mod aktar sostenibbli, biex b'hekk tittejjeb il-protezzjoni tal-bijodiversità, jiġu mmonitorjati u mbassra l-istat tal-oċeani u l-kompożizzjoni tal-atmosfera, jinftiehmu l-elementi li jqanqlu u jolqtu l-bidla fil-klima, ikun hemm rispons għad-diżastri naturali u dawk imqanqla mill-bniedem, jiġu sostnuti l-politiki ta’ żvilupp u tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej. Dan jgħin biex jittejbu t-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' politiki tal-Unjoni (it-trasport, l-agrikoltura, l-ambjent, l-enerġija, il-politika reġjonali, l-għajnuna umanitarja, il-protezzjoni ċivili, l-assistenza għall-iżvilupp ta’ pajjiżi terzi ...). Biex tiġi indirizza din il-firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet, l-arkitettura tal-GMES hija msejsa fuq tliet komponenti: komponent ta’ servizz li jwassal l-informazzjoni b’appoġġ għall-politiki ambjentali u tas-sigurtà, u żewġ komponenti ta’ osservazzjoni (imsejsa fl-ispazju u infrastrutturi in situ) li jipprovdu d-dejta meħtieġa għall-operat tas-servizzi.

3. Valur miżjud tal-UE

F’dawn l-aħħar tletin sena, fl-Ewropa saru sforzi sostanzjali ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tal-osservazzjoni tad-dinja, permezz ta' programmi nazzjonali jew internazzjonali, bil-ħsieb li jiġu żviluppati l-infrastruttura u l-applikazzjoni tagħha. Madankollu, il-kapaċitajiet eżistenti huma insuffiċjenti minħabba lakuni infrastrutturali u nuqqas ta’ garanziji fuq id-disponibbiltà tagħhom fuq medda ta' żmien twil. Permezz tal-istabbiliment ta’ qafas politiku konsistenti fil-livell Ewropew għall-istrutturar ta' komunitajiet ta' utenti, il-konsolidazzjoni ta' ħtiġijiethom, u l-organizzazzjoni tar-rispons Ewropew, il-GMES tfassal biex jiżgura l-provvediment tad-dejta u s-servizzi meħtieġa fuq medda ta' żmien twil u bażi sostenibbli, b’mod imsawwar fuq l-assi eżistenti.

L-investiment tal-UE għandu l-mira li jimla l-lakuni ta’ osservazzjoni, billi jipprovdi aċċess għall-assi eżistenti u jiżviluppa servizzi operattivi. Id-dimensjoni Ewropea tal-GMES twassal għal ekonomiji ta’ skala, tiffaċilita l-investiment komuni f’infrastrutturi kbar, trawwem il-koordinazzjoni tal-isforzi u tan-netwerks ta’ osservazzjoni, tippermetti l-armonizzazzjoni u l-interkalibrazzjoni tad-dejta, u tipprovdi l-impetu neċessarju biex ifeġġu ċentri ta’ eċċellenza ta' klassi dinjija fl-Ewropa.

L-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni ġeospazjali fil-livell Ewropew hija sfida ewlenija għall-implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ politiki tal-Unjoni. Bosta oqsma ta' tħassib ambjentali – bħall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-politiki ta’ addattament – jirrikjedu li wieħed jaħseb fil-livell globali u jaġixxi fil-livell lokali. Bil-GMES, l-UE qed tiżgura l-aċċess awtonomu għal informazzjoni affidabbli, rintraċċabbli u sostenibbli dwar l-ambjent u s-sigurtà, il-kontribut għall-inizjattiva internazzjonali GEOSS (Global Earth Observation System of Systems) biex jissawru dejtasets u informazzjoni osservazzjonali tad-dinja u tiżdied l-influwenza tagħha fin-negozjati internazzjonali u trattati bħat-tliet Konvenzjonijiet ta' Rio, it-Trattat post-Kjoto, u ftehimiet oħrajn bilaterali jew multilaterali. Il-GMES huwa rikonoxxut bħala l-kontribut Ewropew għat-tiswir tal-Global Earth Observation System of Systems, li ġiet żviluppata fi ħdan il-qafas tal-Grupp dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja (GEO).

4. Spejjeż u benefiċċji

Mindu twaqqaf fl-1998 il-finanzjament kumplessiv allokat lill-GMES sal-2013 mill-UE u l-ESA laħaq aktar minn EUR 3,2 biljun għall-iżvilupp u operazzjonijiet inizjali tas-servizzi, u għall-infrastrutturi spazjali u in situ. Għall-komponent tas-servizzi, l-UE pprovdiet riżorsi finanzjarji sa' € 520 miljun u l-ESA sa EUR 240 miljun. Għall-komponent spazjali, l-ESA poġġiet għad-dispożizzjoni tal-programm madwar EUR 1,650 miljun u l-UE EUR 780 miljun (PQ7 u l-Operazzjoni Inizjali tal-GMES) inkluż aċċess għal dejta spazjali minn satelliti nazzjonali.

Wara l-2013, il-kontinwità sħiħa tal-komponenti kollha tal-GMES se jinkludu l-iskjerament sħiħ tagħhom, il-manteniment, l-evoluzzjoni u l-aġġornamenti u se jirrikjedu baġit stimat ta’ EUR 5 841 miljun[5] għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, li EUR 1091 miljun[6] minnhom huma għas-servizzi, EUR 350 miljun[7] għall-komponent in situ u EUR 4 400 miljun (estimi tal-ESA) għall-komponent spazjali, inkluż l-aċċess għal missjonijiet kontribwenti. Il-GMES ma esperjenzax infiq iżjed milli ppjanat fil-passat u aktarx li mhux se jesperjenza dan fil-ġejjieni peress li huwa msejjes fuq struttura li tippermetti, jekk ikun meħtieġ, il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-kontenut u l-objettivi tal-komponenti differenti tiegħu biex jinżamm fil-limiti tal-ispejjeż previsti.

Skont analiżi ta’ spejjeż viżavì l-benefiċċji[8], il-GMES mistenni li jwassal benefiċċji li jiswew talanqas id-doppju tal-investimenti għall-perjodu sal-2020 u erba' darbiet akbar mill-ispejjeż sal-2030. Dan jirrappreżenta potenzjal enormi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi bl-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u applikazzjonijiet kummerċjali fis-setturi li jfeġġu minnu.

L-osservazzjoni tad-dinja hija qasam li fih l-UE għandha rwol importanti li huwa rikonoxxut madwar id-dinja kollha. Jekk l-investiment tal-UE ma jkunx garantit, iċ-ċirkustanzi bbilanċjati għall-Istati Membri u l-kumpaniji Ewropej iġarrbu r-riskju li jintilfu u jmorru għand nazzjonijiet emerġenti (eż. il-Brażil, l-Indja, ir-Russja u ċ-Ċina) li lkoll qed jinvestu qatigħ fl-osservazzjoni tad-dinja.

5. Fondi

Abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Baġit għall-Ewropa 2020”, il-Kummissjoni pproponiet li l-GMES għandu jiġi ffinanzjat 'lil hinn mill-qafas finanzjarju mill-2014 'il quddiem.

Fost is-soluzzjonijiet possibbli ta’ finanzjament tal-GMES, il-Kummissjoni qieset tliet għażliet: fond speċifiku għall-GMES (simili għall-mudell magħżul għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp), għażla ta’ kooperazzjoni mtejba (li tkun tinvolvi lill-Istati Membri b’interess qawwi fil-programm) u fl-aħħar nett, l-għażla ta' parteċipazzjoni mill-industrija li permezz tagħha r-responsabbiltajiet u l-fondi jinqasmu mal-protagonisti ekonomiċi. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni mhix favur l-aħħar żewġ għażliet billi minn naħa l-kooperazzjoni mtejba sservi ta’ riskju għad-dimensjoni tal-UE-27 tal-programm u, min-naħa l-oħra, l-esperjenza miksuba bil-proġett Galileo diġà wriet li huwa diffiċli fuq medda qasira ta’ żmien li wieħed jiġbed u jżomm lis-settur privat u dan ma jkunx konformi mad-dimensjoni tal-programm li jkun għall-ġid pubbliku.

Għaldaqstant, qed jiġi propost li jiġi stabbilit fond speċifiku għall-GMES b’kontribuzzjonijiet finanzjarji mis-27 Stat Membru kollha abbażi tad-dħul nazzjonali gross (DNG) rispettiv tagħhom. L-immaniġġjar tal-fond se jiġi ddelegat lill-Kummissjoni. Dan se jirrikjedi ftehim intergovernattiv bejn l-Istati Membri tal-UE li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill. Qafas ġenerali ta' dan il-ftehim qed jiġi ppreżentat fl-Anness I ma' din il-Komunikazzjoni. L-immaniġġjar tal-fond se jsir skont ġabra ta' regoli finanzjarji li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-programm, ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim intern għandhom jiġu applikati fuq bażi provviżorja mill-1 ta’ Jannar 2014 sakemm isseħħ ir-ratifikazzjoni mis-27 Stat Membru.

B'kunsiderazzjoni tal-istima tal-ispejjeż li ngħataw id-dettalji tagħha fil-kapitolu 4, il-borża ta' flus massima meħtieġa għall-attivitajiet tal-GMES (2014-2020) hija ta EUR 5,841 miljun5.

6. Tmexxija

It-tmexxija tal-programm GMES tirrikjedi koordinazzjoni u superviżjoni politika, immaniġġjar tal-kompiti u tal-baġits, u koordinament tekniku tal-implimentazzjoni. Mill-2014 'il quddiem, għandha tidħol fis-seħħ skema ta' tmexxija adatta biex takkomoda l-ħtiġijiet tal-fażi operattiva.

6.1. Superviżjoni politika u mmaniġġjar

Huwa meqjus li l-Kummissjoni għandha tibqa' responsabbli, f’isem l-Unjoni, għall-koordinazzjoni politika kumplessiva, inkluż in-negozjar ta' ftehimiet internazzjonali, il-konsultazzjoni ta' komunitajiet ta' utenti abbażi tal-esperjenza miksuba mill-forum tal-utenti eżistenti, l-adottar tal-programmi ta' ħidma, l-iżgurar tal-konnessjonijiet mal-politiki settorjali, id-definizzjoni tas-sigurtà u l-aspetti tal-politika dwar id-dejta, u l-aspetti ta' kooperazzjoni internazzjonali. Madankollu, hemm il-ħtieġa ta' arranġamenti xierqa biex tiġi akkomodata ż-żieda fl-attivitajiet maniġerjali tal-programm fil-fażi operattiva, bil-ħtieġa tal-involviment ta' persunal speċjalizzat li diffiċli jiġi ingaġġat fi ħdan is-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni. It-twaqqif ta’ aġenzija ġdida fil-qafas ta’ żmien permess mhux meqjus bħala realistiku, u għalhekk dawn il-kompiti jistgħu jiġu ddelegati lil xi entità Ewropea eżistenti. Ġiet diskussa l-possibbiltà li l-immaniġġjar tal-programm kollu jiġi ddelegat lill-Aġenzija Spazjali Ewropea, iżda dan jidher li mhux xieraq għal għadd ta' raġunijiet: l-ewwel, l-ESA hija aġenzija tar-riċerka u l-iżvilupp; it-tieni, l-ESA hija aġenzija spazjali filwaqt li parti kbira tal-GMES tmur 'lil hinn mill-attivitajiet fl-ispazju; u t-tielet, b'qies tal-fatt li l-GMES għandhom jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini kollha fl-UE, il-Kummissjoni hija favur metodoloġija Komunitarja li tkun tinvolvi lis-27 Stat Membru kollha. B’hekk, anki biex jitħallew jiffurmaw sinerġiji futuri mal-maniġment tal-programm Galileo, ċerti kompiti konnessi mal-immaniġġjar tal-programm, bħall-valutazzjoni, in-negozjar u s-segwiment tal-kuntratti, jistgħu jiġu ddelegati lill-Aġenzija tas-Sistema Ewropea għan-Navigazzjoni Satellitari Globali (GNSS) il-GSA.

Huwa propost li, taħt is-superviżjoni politika tal-Kummissjoni, l-attivitajiet maniġerjali tal-programm mgħoddija lill-Aġenzija Ewropea tal-GNSS ma jkunux jinkludu operazzjonijiet u jkunu konnessi, fost oħrajn, mal-immaniġġjar tal-fondi allokati għall-programm u s-superviżjoni tal-kompiti ta' implimentazzjoni. L-ispejjeż amministrattivi tal-Aġenzija Ewropea tal-GNSS marbuta mal-immaniġġjar tal-programm GMES għandhom jiġu koperti mill-fond tal-GMES imsemmi fil-kapitolu 5.

6.2. Koordinazzjoni teknika u implimentazzjoni tal-operazzjonijiet

B’appoġġ għall-Kummissjoni, il-koordinazzjoni teknika tas-servizzi għandha tingħadda lil entitajiet Ewropej li jkollhom l-għarfien u l-ħiliet xierqa fl-oqsma relatati. Il-kontroll tal-kwalità u l-validazzjoni tal-prodotti relatati mal-implimentazzjoni tal-politiki settorjali se jibqgħu r-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

(1) L-operazzjonijiet tal-komponent tas-servizzi tal-GMES ikunu jinkudu:

(a) Attivitajiet operattivi:

i)        Attivitajiet sistematiċi/ta' rutina globali għall-monitoraġġ u t-tbassir tal-istat tas-sottosistemi dinjin fil-livelli reġjonali u globali li jkopru b'mod partikolari l-ambjent marin, l-atmosfera u l-kwalità tal-arja, l-art globali u s-servizzi ta' monitoraġġ tal-bidla fil-klima;

ii)       Attivitajiet reġjonali/lokali fuq talba li jkopru b’mod partikolari, l-immaniġġjar ta’ emerġenzi, is-sigurtà u s-servizzi panEwropej ta' monitoraġġ tal-art.

(b) L-attivitajiet tal-iżvilupp jikkonsistu fit-titjib tal-kwalità u l-prestazzjoni tas-servizzi eżistenti, l-iżvilupp ta’ elementi ta’ servizzi ġodda u t-trawwim tal-utilizzazzjoni min-naħa tas-setturi li jistgħu jiggwadanjaw mill-programm.

Il-koordinazzjoni teknika tas-servizz tal-monitoraġġ tal-art tista’ tingħadda lill-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent (EEA).

Il-koordinazzjoni teknika tas-servizzi tal-immaniġġjar tal-emerġenzi tista’ tingħadda liċ-Ċentru Ewropew għal Rispons f’Emerġenzi (ERC).

Il-kordinazzjoni teknika tas-servizz tal-atmosfera tista’ tingħadda liċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp fuq Firxa Medja (ECMWF).

Il-koordinazzjoni teknika tas-servizzi l-oħrajn (il-bidla fil-klima, il-monitoraġġ tal-ambjent marin, u s-sigurtà) qed titħejja biex jiġu żgurati servizzi ta' kwalità għolja b'mod konformi mal-ħtiġijiet speċifiċi li dawn mistennija jkopru. Għall-implimentazzjoni tagħhom, is-servizzi tal-Kummissjoni u entitajiet oħrajn Ewropej (pereżempju l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC), l-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Kooperazzjoni Operattiva fuq il-Fruntieri Esterni (FRONTEX) jew l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) jistgħu jiġu involuti.

(2) L-operazzjonijiet tal-komponent spazjali tal-GMES ikunu jinkudu:

(a) Attivitajiet operattivi: operazzjonijiet tal-infrastruttura spazjali dedikata (jiġifieri missjonijiet Sentinelli); aċċess għal missjonijiet ta' partijiet terzi; distribuzzjoni ta' dejta; assistenza teknika lill-Kummissjoni għall-federazzjoni tal-ħtiġijiet tad-dejta tas-servizzi, l-identifikazzjoni ta' lakuni fl-osservazzjoni, il-kontributi għall-ispeċifikazzjoni ta' missjonijiet spazjali ġodda.

L-attivitajiet operattivi tal-komponent spazjali tal-GMES jistgħu jingħaddu lil:

(1) L-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), ad interim, għall-osservazzjonijiet b’immaġini b’reżoluzzjoni għolja fuq l-art u żoni ta’ mira speċifika;

(2) L-Organizzazzjoni Ewropea għall-Isfruttar tas-Satelliti Meteoroliġiċi (EUMETSAT) għall-osservazzjonijiet sistematiċi u globali tal-atmosfera u l-oċeani.

(b) Attivitajiet ta’ żvilupp: id-disinn u l-akkwist ta’ elementi ġodda tal-infrastruttura spazjali; il-provvediment ta’ appoġġ tekniku lill-Kummissjoni għat-traduzzjoni ta' rekwiżiti ta' servizz fi speċifikazzjonijiet ta' missjonijiet spazjali ġodda bl-appoġġ ta' operaturi tal-infrastruttura spazjali; il-koordinazzjoni tal-iżvilupp ta' attivitajiet spazjali, inklużi l-iżviluppi mmirati lejn il-modernizzazzjoni u l-ikkumplimentar tal-Komponent Spazjali tal-GMES.

L-attivitajiet tal-iżvilupp jistgħu jingħaddu lill-Aġenzija Spazjali Ewropea, b’involviment tekniku tas-servizzi rilevanti tal-Kumissjoni Ewropea.

(3) L-attivitajiet operattivi tal-komponent in situ tal-GMES ikunu jinkludu:

(a) Koordinazzjoni tal-provvediment ta' dejta in situ għas-servizzi tal-GMES b'arranġamenti amministrattivi ad hoc mal-operaturi in situ;

(b) Koordinazzjoni tal-provvediment ta' parti terza fid-dejta in situ fil-livell internazzjonali;

(c) Provvediment ta' assistenza teknika għat-traduzzjoni tar-rekwiżiti ta' dejta ta' servizz tal-GMES fi speċifikazzjonijiet ta' netwerks u infrastruttura ta' osservazzjoni in situ;

(d) Interazzjoni ma' operaturi in situ biex jippromwovu konsistenza fl-attivitajiet ta' żvilupp relatati mal-komponent in situ tal-GMES.

Il-koordinazzjoni teknika tal-komponent in situ tal-GMES tista' tiġa fdata lill-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent (EEA) bħala parti mit-termini tal-mandat tagħha.

Fil-każ tat-tliet komponenti kollha, l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-GMES għandha tiġi fdata lil entitajiet operattivi permezz ta' skemi ta' akkwist pubbliku, ftehimiet fil-livell ta' servizz jew għotjiet skont kif ikun jixraq.

6.3. Il-politika dwar id-dejta u l-informazzjoni

Il-politika dwar id-dejta u l-informazzjoni tal-GMES se tkompli tissawwar fuq il-prinċipju ta' aċċess sħiħ u miftuħ (suġġett għal restrizzjonijiet legali u ta' sigurtà) u b'qies tal-leġiżlazzjoni eżistenti (eż. direttiva dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku u INSPIRE) biex jinkisbu l-objettivi ddefiniti fir-Regolament 911/2010, jiġifieri:

(1) jitħeġġeġ l-użu u l-qsim ta’ informazzjoni u dejta tal-GMES;

(2) it-tisħiħ tas-swieq ta’ osservazzjoni tad-dinja fl-Ewropa, b’mod partikolari s-settur fil-livell suċċessiv, bl-għan li jippermetti t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

(3) il-kontribuzzjoni lejn is-sostenibbiltà u l-kontinwità tal-għoti ta’ dejta u informazzjoni tal-GMES;

(4) l-appoġġ għall-komunitajiet tar-riċerka, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni tal-Ewropa.

7. Konklużjonijiet

Din il-Komunikazzjoni twieġeb ir-rikjesta tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-31 ta' Mejju 2011 biex sal-aħħar tal-2011 jiġu ppreżentati proposta għall-operazzjonijiet u kjarifika tat-tmexxija tal-GMES fil-perjodu mill-2014 sal-2020 u tniedi d-dibattitu mal-istituzzjonijiet l-oħrajn. Barra minn hekk twitti t-triq għal tmexxija sostenibbli fuq medda ta' żmien twila u għall-finanzjament tal-programm GMES.

Anness

Qafas ġeneralii għal FTEHIM INTERN[9]

bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) skont il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014 – 2020

RIŻORSI FINANZJARJI tal-fond tal-GMES

– L-Istati Membri jaqblu li jwaqqfu fond għall-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja, li minn hawn 'il quddiem se jissejjaħ il-"Fond tal-GMES".

– Il-Fond tal-GMES għandu jikkonsisti fi:

(a) Ammont li jlaħħaq sa EUR 5 841 miljun5 ikkontribwit mill-Istati Membri b'konformità mar-rati kontributorji msejsa fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) tal-Istati Membri.

(b) Kwalunkwe kontribuzzjonijiet volontarji oħrajn minn entitajiet oħrajn (eż. Stat ġdid li jissieħeb fl-UE, pajjiż terz li jixtieq jieħu sehem fil-programm, organizzazzjonijiet internazzjonali, u/jew kwalunkwe kontribuzzjonijiet volontarji oħrajn) jistgħu jingħaddu mal-ammont indikat fil-punt a.

– Il-Fond tal-GMES għandu jkun disponibbli mad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju multiannwali.

– L-ammont ta' riżorsi totali tal-fond tal-GMES għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

UŻU TAR-RIŻORSI FINANZJARJI

– Il-fond tal-GMES għandu jkun jikkonsisti f'azzjonijiet f'dawn l-oqsma li ġejjin:

(a) L-operati tal-GMES:

i.        komponent tas-servizzi (monitoraġġ tal-atmosfera, monitoraġġ tal-bidla fil-klima b'appoġġ għall-politiki ta' adattament u mitigazzjoni, immaniġġjar tal-emerġenzi, monitoraġġ tal-art, monitoraġġ tal-ambjent marin, is-sigurtà)

ii.       komponent spazjali li jiżgura osservazzjonijiet sostenibbli mill-ispazju għall-oqsma tas-servizzi msemmija fil-punt (i)

iii.      appoġġ għall-ġbir ta’ dejta in situ

iv.      aċċess għal dejta

v.       appoġġ għall-utilizzazzjoni tas-servizzi mill-utenti

vi.      miżuri li jiżguraw il-protezzjoni tal-infrastruttura.

(b) Miżuri ta' appoġġ immirati li jkopru l-ispejjeż marbuta mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-fond tal-GMES. Ir-riżorsi għal miżuri ta' appoġġ jistgħu jkopru l-infiq marbut ma':

i.        it-tħejjija, is-segwiment, il-monitoraġġ, il-kontabbiltà, l-attivitajiet ta' awditjar u valutazzjoni li jkunu meħtieġa direttament għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-fond tal-GMES immaniġġjat mill-Kummissjoni;

ii.       il-kisba ta' dawn l-objettivi, permezz ta' attivitajiet ta' politika tal-iżvilupp, studji, laqgħat, informazzjoni, żieda fl-għarfien, taħriġ u attivitajiet ta' pubblikazzjoni; kif ukoll

iii.      kwalunkwe nefqa oħra amministrattiva jew ta' assistenza teknika li l-Kummissjoni taf iġġarrab għall-immaniġġjar tal-fond GMES.

L-IMPLIMENTAZZJONI

– Il-ftehim se jistipula l-implimentazzjoni f'dak li jikkonċerna l-ipprogrammar, l-immaniġġjar u l-implimentazzjoni tal-fond tal-GMES, filwaqt li kemm jista' jkun jarmonnizza l-proċeduri tal-finanzjament tal-Unjoni u tal-GMES. F'dan ir-rigward, il-Kunsill se jadotta regolament dwar proposta mill-Kummissjoni.

– Il-ftehim se jipprevedi regolament finanzjarju li jistipula regoli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-fond tal-GMES, u għall-preżentazzjoni u l-awditjar tal-kontijiet. Dan ir-regolament se jiġi adottat mill-Kunsill wara proposta mill-Kummissjoni.

– Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (il-“Kumitat GMES”).

(a) Il-Kumitat ikun magħmul minn Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri; dan għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, u s-segretarjat tiegħu għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni.

(b) Il-Kumitat tal-GMES għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, inklużi l-kompiti u r-regoli dwar il-votazzjoni, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

(c) Il-Kumitat tal-GMES jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet speċifiċi biex jindirizza kwistjonijiet konkreti, notevolment dawk relatati mas-sigurtà (il-"Bord tas-Sigurtà").'

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

– Kull Stat Membru għandu japprova dan il-Ftehim skont il-ħtiġiet kostituzzjonali tiegħu innifsu. Il-Gvern ta' kull Stat Membru għandu jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea meta l-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim ikunu twettqu.

– Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xhar li jiġi wara n-notifika tal-approvazzjoni ta' dan il-Ftehim mill-aħħar Stat Membru li jkun approvah.

– Dan il-Ftehim huwa konkluż għall-istess tul ta' żmien bħall-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020.

[1]               ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.

[2]               COM(2011) 152 finali, 04.04.2011

[3]               COM (2010) 2020 tat-03.03.2010

[4]               COM (2011) 500 finali tad-29.06.2011

[5]               Prezzijiet tal-2011

[6]               Ċifri msejsa fuq servizzi prekursuri (proġetti ffinanzjati mill-PQ7)

[7]               Ċifri msejsa fuq estimi taż-ŻEE fil-qafas tal-proġett GISC iffinanzjat mill-PQ7 http://gisc.ew.eea.europa.eu/gisc-project

[8]               Ċifri msejsa fuq Booz & Company, Cost Benefit Analysis for GMES, verżjoni finali, 19 ta’ Settembru 2011.

[9]               L-Anness propost hawnhekk għandu l-għan li jipprovdi biss l-elementi ewlenin u jissuġerixxi t-titoli ewlenin għal Ftehim Intern, imsejjes fuq il-ftehim attwali tat-tip tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 247, p.32 tad-9.9.2006). Dan hu bla ħsara għall-eżitu ta’ kwalunkwe diskussjoni mal-Istati Membri dwar test finali.

Top