EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0571
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Roadmap to a Resource Efficient Europe
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi
/* KUMM/2011/0571 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi /* KUMM/2011/0571 finali */
WERREJ 1........... L-isfidi u l-opportunitajiet
għall-Ewropa........................................................................... 1 2........... Nagħmlu l-Ewropa
effiċjenti fl-użu tar-riżorsi................................................................... 2 3........... Nibdlu l-ekonomija......................................................................................................... 3 3.1........ Konsum u produzzjoni sostenibbli................................................................................... 4 3.2........ Indawru l-iskart f’riżorsa................................................................................................. 7 3.3........ Nappoġġaw ir-riċerka
u l-innovazzjoni............................................................................ 8 3.4........ Is-sussidji li jagħmlu
ħsara lill-ambjent u l-wasla għall-prezz it-tajjeb................................. 9 4........... Il-kapital naturali u s-servizzi
tal-ekosistemi.................................................................... 11 4.1........ Is-servizzi tal-ekosistemi............................................................................................... 11 4.2........ Il-bijodiversità.............................................................................................................. 12 4.3........ Il-minerali u l-metalli...................................................................................................... 13 4.4........ L-ilma.......................................................................................................................... 13 4.5........ L-arja........................................................................................................................... 14 4.6........ L-art u l-ħamrija........................................................................................................... 15 4.7........ Ir-riżorsi tal-baħar......................................................................................................... 16 5........... Is-setturi ewlenin........................................................................................................... 18 5.1........ Nindirizzaw l-ikel.......................................................................................................... 18 5.2........ Intejbu l-bini................................................................................................................. 19 5.3........ Niżguraw mobbiltà li tkun
effiċjenti................................................................................ 20 6........... Il-governanza u
l-monitoraġġ......................................................................................... 20 6.1........ Toroq ġodda
għall-azzjonijiet marbutin mal-użu effiċjenti tar-riżorsi................................ 20 6.2........ Nappoġġaw l-użu
effiċjenti tar-riżorsi fil-livell internazzjonali........................................... 23 6.3........ Intejbu l-benefiċċji
mill-miżuri tal-UE favur l-ambjent..................................................... 24 7........... Konklużjoni.................................................................................................................. 24 Anness: L-użu effiċjenti
tar-riżorsi - il-konnessjonijiet reċiproki bejn is-setturi u
r-riżorsi u l-inizjattivi tal-politika tal-UE 26
1.
L-isfidi u l-opportunitajiet għall-Ewropa
Għal diversi
deċennji l-Ewropa gawdiet minn tkabbir fil-ġid u fil-benesseri, li
kien ibbażat fuq użu intensiv tar-riżorsi. Iżda llum qed taffaċċja l-isfida
doppja li tistimula t-tkabbir meħtieġ biex jiġu pprovduti
l-impjiegi u l-benessri taċ-ċittadini tagħha, kif ukoll li
tiżgura li l-kwalità ta’ dan it-tkabbir iwassal għal futur sostenibbli. Biex tilqa’ dawn l-isfidi u tbiddilhom f’opportunitajiet,
l-ekonomija tagħna se jkollha bżonn bidla fundamentali fi żmien
ġenerazzjoni – fis-sistemi tal-enerġija, tal-industrija,
tal-agrikultura, tas-sajd u tat-trasport, u fl-imġiba tal-produtturi u
tal-konsumaturi. Jekk inħejju għal
dik il-bidla fil-ħin dovut, b’mod li jista’ jitbassar u li jkun
ikkontrollat, inkunu nistgħu nkomplu niżviluppaw aktar il-ġid u
l-benessri tagħna, filwaqt li nnaqqsu l-livelli tal-użu tagħna
tar-riżorsi u l-impatt tagħhom. Tul
is-seklu 20, l-użu tal-fjuwils fossili fid-dinja żdied b’fattur
ta’ 12, waqt li l-estrazzjoni tar-riżorsi materjali żdiedet
b’34 darba. Fl-UE, illum il-ġurnata,
kull persuna tuża 16-il tunnellata ta’ materjal fis-sena. Minn dawn,
jinħlew 6 tunnellati, u nofshom jispiċċaw
fil-miżbliet. Madankollu, ix-xejriet juru
li l-era ta’ ħafna riżorsi li ma jiswewx wisq flus intemmet. In-negozji qed iħabbtu wiċċhom ma’
spejjeż li qegħdin dejjem jiżdiedu għall-materja prima u
għall-minerali essenzjali, u l-iskarsezza ta’ dawn ir-riżorsi u
l-volatilità tal-prezzijiet tagħhom qed jolqtu ħażin
lill-ekonomija. Is-sorsi tal-minerali, tal-metalli u tal-enerġija, kif
ukoll l-istokkijiet tal-ħut, tal-injam, tal-ilma, tal-ħamrija
għammiela, tal-arja nadifa, tal-bijomassa u tal-bijodiversità, ilkoll
jinsabu taħt pressjoni u l-istess jgħodd għall-istabbiltà
tas-sistema tal-klima. Filwaqt li d-domanda
għall-ikel, l-għalf u l-fibra tista’ tiżdied b’70 %
sal-2050, 60 % mill-ekosistemi ewlenin tad-dinja li jgħinu biex
jiġu prodotti dawn ir-riżorsi diġà ġew iddegradati jew qed
jintużaw b’mod li mhuwiex sostenibbli. Jekk
inkomplu nużaw ir-riżorsi bl-istess mod, b’kollox sal-2050 se jkollna
bżonn ammont li jkun ikbar minn żewġ pjaneti biex isostnina, u
mhux se nilħqu l-aspettattivi ta’ ħafna min-nies għal ħajja
ta’ kwalità aħjar. Is-sistema ekonomika
tagħna għadha tinkuraġġixxi l-użu tar-riżorsi
b’mod mhux effiċjenti, billi xi wħud minn dawn ir-riżorsi huma
pprezzati f’livell li huwa inqas minn kemm jiswew verament. Il-Kunsill Kummerċjali Dinji
għall-Iżvilupp Sostenibbli jistma li, sal-2050, se jkollna bżonn
żieda ta’ bejn 4 u 10 darbiet fl-użu effiċjenti
tar-riżorsi, u se jkun hemm bżonn ta’ titjib sinifikanti diġà
sal-2020. Minkejja li ċerti negozji
dinamiċi għarfu l-benefiċċji ta’ użu iktar produttiv
tar-riżorsi, ħafna intrapriżi u konsumaturi għadhom ma
rrealizzawx il-kobor u l-urġenza tal-bidliet meħtieġa. Il-promozzjoni tal-użu effiċjenti
tar-riżorsi tagħmel ħafna sens f’termini ta’ negozju u
għandha tgħin il-kompetittività u l-profitabbiltà tan-negozji.
Għalhekk, din hija parti integrali tal-aġenda tal-UE
għall-kompetittività globali. Tgħin ukoll sabiex tiżgura rkupru
sostenibbli mill-kriżi ekonomika u tista’ tagħti spinta
lill-impjiegi. Il-bidla se tkun
teħtieġ qafas politiku li joħloq kundizzjonijiet ekwi li permezz
tagħhom ikunu ppremjati l-innovazzjoni u l-użu effiċjenti
tar-riżorsi, joħolqu opportunitajiet ekonomiċi u jiżguraw
provvista aħjar permezz tal-iddisinnjar mill-ġdid tal-prodotti,
il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ambjentali, aktar użu
mill-ġdid, riċiklaġġ u użu ta’ ċerti materjali
flok oħrajn u ffrankar tar-riżorsi. Id-diżakkoppjament
tat-tkabbir mill-użu tar-riżorsi u l-ftuħ ta’ dawn is-sorsi
ġodda ta’ tkabbir, jeħtieġu koerenza u integrazzjoni
fil-politiki li jiffurmaw l-ekonomija u l-istili ta’ ħajja tagħna. L-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima diġà
wittiet it-triq fl-għajnuna lejn id-diżakkoppjar tat-tkabbir
mill-użu tal-karbonju. L-istrateġija “Ewropa 2020” u
l-inizjattiva ewlenija tagħha “Ewropa li tuża r-riżorsi b’mod
effiċjenti”[1]
poġġew lill-UE fit-triq lejn din il-bidla. Din
l-inizjattiva talbet li jkun hemm pjan direzzjonali “sabiex jiġu ddefiniti
l-għanijiet għall-perjodu medju taż-żmien u fit-tul u
l-mezzi meħtieġa biex dawn jintlaħqu”.
Dan il-Pjan direzzjonali jissejjes fuq l-inizjattivi l-oħra li
jiffurmaw parti mill-inizjattiva ewlenija, b’mod partikolari il-kisbiet ta’
politika lejn ekonomika b’livell baxx tal-karbonju u jikkumplimentahom, u jqis
il-progress li sar fl-Istrateġija Tematika tal-2005 għall-Użu
Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali[2]
u fl-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli. Il-Pjan direzzjonali għandu jitqies ukoll
fil-kuntest tal-isforzi dinjin sabiex issir il-bidla lejn ekonomija
ekoloġika[3].
Huwa jissejjes ħafna fuq għadd ta’ sorsi, li r-referenza
għalihom hija mogħtija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, fosthom fuq ir-rapport tal-Aġenzija
Ewropea għall-Ambjent dwar l-istat tal-ambjent Ewropew u l-prospetti
tiegħu.
2.
Nagħmlu l-Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi
Infasslu l-pjan direzzjonali Il-Viżjoni: Sal-2050 l-ekonomija
tal-UE se tkun kibret b’mod li jirrispetta l-limiti tar-riżorsi u l-limiti
tal-pjaneta, u b’hekk se tkun qed tikkontribwixxi għall-bidla ekonomika
dinjija. L-ekonomija tagħna se tkun
waħda kompetittiva u inklużiva u se tkun tipprovdi standard
għoli ta’ ħajja b’ħafna inqas impatti fuq l-ambjent. Ir-riżorsi kollha se jkunu
mmaniġġati b’mod sostenibbli, mill-materja prima sal-enerġija,
l-ilma, l-arja, l-art u l-ħamrija. Il-passi
ewlenin marbutin mat-tibdil fil-klima se jkunu ntlaħqu, filwaqt li
l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema li jissejsu fuqha se jkunu ġew
protetti, vvalutati u rrestawrati b’mod sostanzjali. Il-mod kif nilħqu din il-viżjoni
huwa permezz ta’ żvilupp li juża r-riżorsi b’mod
effiċjenti. Dan jippermetti lill-ekonomija
toħloq iktar affarijiet b’inqas materjali, tagħti valur akbar b’inqas
materja prima, tuża r-riżorsi b’mod sostenibbli u tnaqqas l-impatti
tagħhom fuq l-ambjent. Fil-prattika, dan
jeżiġi li l-istokkijiet tal-assi ambjentali kollha li minnhom
tibbenefika l-UE jew li minnhom iġġib il-provvisti dinjin
tagħha, ikunu sikuri u mmaniġġati fil-limiti tal-produzzjoni
massima sostenibbli tagħhom. Se
jeżiġi wkoll li ma jkun hemm kważi l-ebda skart residwu u li
l-ekosistemi jkunu ġew irrestawrati u r-riskji sistemiċi
għall-ekonomija mill-ambjent ikunu nftehmu u ġew evitati. Se tkun meħtieġa sensiela ġdida ta’
innovazzjonijiet. Dan il-Pjan
direzzjonali jistipula l-miri importanti, li juru x’hemm bżonn biex inkunu
fit-triq lejn użu effiċjenti tar-riżorsi u tkabbir sostenibbli. Imbagħad kull taqsima tiddeskrivi
l-azzjonijiet li huma meħtieġa fuq perjodu taż-żmien qasir
sabiex dan il-proċess jinbeda. Il-Pjan
direzzjonali jipprovdi qafas li jispjega kif il-politiki jintrabtu ma’ xulxin u
kif jissejsu fuq xulxin, u li fih jistgħu jitfasslu u jiġu
implimentati b’mod koerenti l-azzjonijiet fil-ġejjieni. Ir-rabtiet reċiproki bejn is-setturi u
r-riżorsi ewlenin u l-inizjattivi tal-politika tal-UE marbutin
magħhom, huma deskritti fil-qosor fit-Tabella mogħtija fl-Anness. Se jitħejjew valutazzjonijiet tal-impatt
għall-azzjonijiet sinifikanti kollha u kull mira potenzjali qabel ma
jitressqu proposti dettaljati[4]. It-twettiq tal-progress u l-kejl
tiegħu Se jkun hemm
bżonn ta’ indikaturi b’saħħithom u li jinftehmu faċilment
biex jipprovdu sinjali u jitkejjel il-progress li jkun qed isir biex intejbu
l-użu effiċjenti tar-riżorsi. Dan il-Pjan
direzzjonali jipproponi triq ġdida għall-azzjonijiet marbutin
mal-użu effiċjenti tar-riżorsi, bi proċess li jinvolvi
l-partijiet interessati kollha, sabiex dawn jiddiskutu u jaqblu dwar
l-indikaturi u l-miri sa tmiem l-2013. Dan
il-proċess huwa deskritt f’aktar dettall fil-kapitolu 6. Sabiex jitnieda dan
il-proċess, huma fformulati b’mod provviżorju[5]
żewġ livelli ta’ indikaturi: (1)
indikatur ewlieni provviżorju, imsejjaħ
“il-Produttività tar-Riżorsi”, li għandu jkejjel l-għan
prinċipali ta’ dan il-pjan direzzjonali, jiġifieri li tittejjeb
il-prestazzjoni ekonomika filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi
naturali; (2)
għadd ta’ indikaturi kumplimentari marbutin
ma’ riżorsi naturali ewlenin bħall-ilma, l-art, il-materjali u
l-karbonju, li se jqisu l-konsum globali ta’ dawn ir-riżorsi min-naħa
tal-UE. Negħlbu
l-ostakli L-UE u l-Istati
Membri tagħha għandhom ifittxu li jneħħu l-ostakli li qed
iżommu lura l-użu b’mod effiċjenti tar-riżorsi u b’hekk
joħolqu s-sett it-tajjeb ta’ inċentivi għal
deċiżjonijiet tajbin marbutin mal-produzzjoni u l-konsum. Dan se jkun jeħtieġ: –
li jiġu indirizzati s-swieq u l-prezzijiet,
it-taxxi u s-sussidji li ma jirriflettux il-kosti reali tal-użu
tar-riżorsi u li jżommu lill-ekonomija fi triq li mhijiex
sostenibbli; –
li jiġu nkuraġġiti ħsibijiet
iktar innovattivi u iktar fit-tul fl-oqsma tan-negozju, tal-finanzi u
tal-politika li jwasslu biex jiġu adottati prattiki ġodda sostenibbli
u li jistimulaw żviluppi fl-innovazzjoni u jiżviluppaw regolazzjoni
li hija kosteffiċjenti u li taħseb għall-futur; –
li titwettaq riċerka sabiex nimlew
in-nuqqasijiet fl-għarfien u fil-ħiliet tagħna u nipprovdu
l-għarfien u t-taħriġ it-tajjeb; –
li jiġi ttrattat it-tħassib dwar
il-kompetittività internazzjonali u li jitfittex li jintlaħaq kunsens
mal-imsieħba internazzjonali sabiex kulħadd jimxi f’direzzjoni
waħda.
3.
Nibdlu l-ekonomija
Jekk inpoġġu l-ekonomija fit-triq li
tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti, dan se jwassal għal iktar
kompetittività u għal sorsi ġodda ta’
tkabbir u tal-impjiegi permezz tal-iffrankar tal-kosti minħabba aktar
effiċjenza, il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet u
minħabba użu aħjar tar-riżorsi tul iċ-ċiklu kollu
ta’ ħajjithom. Dan
jeħtieġ politiki li jagħrfu d-dipendenza reċiproka bejn
l-ekonomija, il-benessri u l-kapital naturali u li jfittxu li jneħħu
l-ostakli għall-użu b’mod iktar effiċjenti tar-riżorsi,
filwaqt li jipprovdu bażi ġusta, koerenti, flessibbli u li tista’
titbassar sabiex in-negozji jkunu jistgħu jaħdmu. Sors: l-Aġenzija
Ewropea għall-Ambjent.
3.1.
Konsum u produzzjoni sostenibbli
3.1.1. Intejbu l-prodotti u nibdlu
x-xejriet tal-konsum Il-bidla
fix-xejriet tal-konsum tax-xerrejja privati u pubbliċi se tgħin biex
ir-riżorsi jibdew jintużaw b’mod effiċjenti u ħafna drabi
tista’ tiġġenera ffrankar dirett nett tal-ispejjeż. Imbagħad tista’ tgħin ukoll biex
tiżdied id-domanda għal servizzi u prodotti li jużaw
ir-riżorsi b’mod iktar effiċjenti. Hemm
bżonn ta’ tagħrif preċiż, ibbażat fuq l-impatti
tal-użu tar-riżorsi tul iċ-ċiklu ta’ ħajja
tagħhom u fuq il-kosti għall-użu tar-riżorsi, sabiex
tingħata gwida għad-deċiżjonijiet dwar il-konsum. Il-konsumaturi jistgħu jiffrankaw
l-ispejjeż billi huma stess jevitaw milli jarmu l-affarijiet, u billi
jixtru prodotti li jdumu tajbin ħafna jew li jistgħu jissewwew jew
jiġu rriċiklati faċilment. Mudelli
ġodda tan-negozju, li fihom il-prodotti jinkrew minflok ma jinxtraw,
jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi b’inqas użu
tar-riżorsi matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom. Is-suq intern u
l-istrumenti bbażati fuq is-suq għandhom rwol importanti
fl-istabbiliment tal-qafas għas-swieq biex dawn jippremjaw prodotti li
jkunu iktar ekoloġiċi. Approċċ
li juża miżuri kemm volontarji kif ukoll obbligatorji – bħal dak
mogħti fl-inizjattivi tal-UE marbutin mas-swieq ewlenin u fid-Direttiva
tal-UE dwar l-Ekodisinn – għandhom jitqiesu għal firxa usa’ ta’
prodotti u servizzi u għandhom jinkludu iktar kriterji li huma ta’
rilevanza għar-riżorsi. Madankollu, ntwera
li, f’ċerti każijiet, l-iffrankar tal-kosti li jsiru għat-titjib
tal-effiċjenza ta’ teknoloġija, jistgħu jwasslu lin-nies biex
jikkunsmaw iktar. Dan il-fenomenu, li huwa
magħruf bħala “l-effett ta’ konsegwenza”, għandu jkun
antiċipat u għandu jitqies meta tiġi żviluppata l-politika
u jiġu stabbiliti l-miri. Il-pass ewlieni:
Sal-2020, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi se
jkollhom l-inċentivi t-tajbin biex jagħżlu l-prodotti u
s-servizzi li jużaw ir-riżorsi bl-iktar mod effiċjenti, permezz
ta’ sinjali xierqa mill-prezzijiet u tagħrif ambjentali ċar. L-għażliet tax-xiri tagħhom se
jqanqlu lill-kumpaniji biex ikunu innovattivi u biex jipprovdu prodotti u
servizzi li jkunu jużaw ir-riżorsi b’mod iktar effiċjenti. Se jkunu stabbiliti standards minimi marbutin
mal-prestazzjoni ambjentali sabiex jitneħħew mis-suq il-prodotti li
jniġġsu l-aktar u li jużaw ir-riżorsi bl-inqas mod
effiċjenti. Se jkun hemm domanda għolja
tal-konsumaturi għal prodotti u servizzi li jkunu iktar sostenibbli. 3.1.2. Nixprunaw il-produzzjoni
effiċjenti L-Ewropa għandha l-ogħla rata ta’
importazzjonijiet netti ta’ riżorsi għal kull persuna u l-ekonomija
miftuħa tagħha tiddependi ħafna fuq il-materja prima impurtata u
fuq l-enerġija impurtata. L-aċċess
sikur għar-riżorsi sar kwistjoni ekonomika dejjem aktar
strateġika, filwaqt li l-impatti soċjali u ambjentali negattivi li
jista’ jkun hemm f’pajjiżi terzi saru kwistjoni oħra ta’
tħassib. Fl-2007, fl-ekonomija tal-UE
l-ammont totali tal-materjal li ntuża direttament kien jammonta għal
aktar minn 8 biljun tunnellata. Nistgħu
nnaqqsu dan l-ammont filwaqt li nżidu l-produzzjoni u l-kompetittività[6]. Barra minn hekk, jekk intejbu l-użu
mill-ġdid tal-materja prima permezz ta’ iktar simbjożi industrijali
(fejn l-iskart ta’ ċerti impriżi jintuża bħala riżorsa
għal impriżi oħrajn), fl-UE jistgħu jiġu ffrankati
EUR 1.4 biljun fis-sena u jista’ jinħoloq bejgħ li jammonta
għal EUR 1.6 biljun[7]. Għalkemm ħafna impriżi
diġà ħadu azzjoni sabiex jibdew jużaw ir-riżorsi b’mod
iktar effiċjenti, għad fadal lok għal ħafna titjib. Dan japplika l-iktar għal oqsma tan-negozju li
mhumiex dawk ewlenin, pereżempju f’każijiet fejn l-użu
effiċjenti tal-enerġija jew tal-ilma mhumiex daqshekk importanti
għall-attività tal-impriża. Ħafna
jonqsu milli jaħlu inqas fuq l-użu tar-riżorsi fit-tul
minħabba perspettiva fuq medda taż-żmien qasir li hija
inkuraġġita mill-prattiki attwali tar-rappurtar dwar il-kumpaniji. L-impriżi li diġà qed jinvestu
fl-użu effiċjenti tar-riżorsi għandhom bżonn
jibbenefikaw mill-iżviluppi fl-għarfien u fl-innovazzjoni. L-iskambju tal-informazzjoni dwar il-modi kif
wieħed jista’ jasal għal użu iktar effiċjenti
tar-riżorsi bejn l-imsieħba fil-ktajjen tal-valur u bejn settur u
ieħor, inklużi l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs
medju, jista’ jevita l-iskart, jixpruna l-innovazzjoni u joħloq swieq
ġodda. Li wieħed jevita, kull fejn ikun
possibbli, l-użu ta’ sustanzi kimiċi perikolużi u jippromwovi
kimika ekoloġika, jista’ jgħin biex jiġu protetti riżorsi
ewlenin bħall-ħamrija u l-ilma u jagħmel lil riżorsi
oħrajn, bħall-materjali, riżorsi li jistgħu jiġu
rriċiklati jew użati mill-ġdid b’mod iktar sikur u eħfef u
b’inqas spejjeż. L-approċċ għall-ġestjoni tas-sustanzi
kimiċi promoss permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva
dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u
r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), se jgħin biex jiġu
identifikati l-opportunitajiet li hemm fil-bidla ta’ sustanzi kimiċi
perikolużi b’sustanzi alternattivi li huma iktar sikuri u li huma vijabbli
teknoloġikament u ekonomikament. Il-pass ewlieni:
Sal-2020, se jkunu fis-seħħ inċentivi tas-suq u
tal-politika li jippremjaw l-investimenti tan-negozji favur l-effiċjenza. Dawn l-inċentivi stimulaw innovazzjonijiet
ġodda f’metodi tal-produzzjoni li jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti
li jkunu qed jintużaw b’mod wiesa'. Il-kumpaniji
kollha u dawk li jinvestu fihom se jkunu jistgħu jkejlu l-effiċjenza
tagħhom fl-użu tar-riżorsi tul iċ-ċiklu ta’ ħajja
tar-riżorsi u jqabbluhom mal-livelli ta’ referenza. It-tkabbir ekonomiku u l-benessri se jkunu diżakkoppjati
mir-riżorsi mdaħħlin fil-prodotti u primarjament
jirriżultaw miż-żidiet fil-valur tal-prodotti u tas-servizzi
marbutin magħhom. Sabiex tippromwovi iktar konsum u
produzzjoni sostenibbli, il-Kummissjoni: ·
se ssaħħaħ ir-rekwiżiti dwar
l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (l-APE) għall-prodotti li għandhom
impatt sinifikanti fuq l-ambjent; se tivvaluta
jekk l-APE jistax jintrabat ma’ proġetti ffinanzjati mill-UE; u se tippromwovi l-akkwist konġunt u
n-netwerks tal-uffiċjali tal-akkwist pubbliku sabiex jiġi
appoġġat l-APE (fl-2012); ·
se tistabbilixxi approċċ
metodoloġiku komuni sabiex l-Istati Membri u s-settur privat ikunu
jistgħu jivvalutaw, juru u jqabblu mal-livelli ta’ referenza
l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, tas-servizzi u tal-kumpaniji,
abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatti ambjentali tul
iċ-ċiklu ta’ ħajja (“l-impronta ambjentali”) (fl-2012); ·
se tindirizza l-impronta ambjentali tal-prodotti,
billi tibni fuq validazzjoni li għaddejja bħalissa u li għandha
titlesta fl-2012 u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, fosthom billi
tistabbilixxi rekwiżiti skont id-Direttiva dwar l-ekodisinn, sabiex ikun
xprunat l-użu effiċjenti tar-riżorsi materjali tal-prodotti
(pereżempju kemm ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid jew jiġu
rkuprati jew irriċiklati, il-kontenut irriċiklat u kemm ikunu
jifilħu jintużaw) u billi jitwessa’ l-kamp ta' applikazzjoni
tad-Direttiva dwar l-ekodisinn għal prodotti li ma jkollhomx x’jaqsmu
mal-enerġija (fl-2012); ·
se tiżgura li jkun hemm fehim aħjar tal-imġiba
tal-konsumaturi u se tagħti tagħrif aħjar dwar l-impronta
ambjentali tal-prodotti, fosthom billi tipprevjeni l-użu ta’ talbiet li
jqarrqu bil-konsumatur u billi tirfina l-iskemi tat-tikkettar ekoloġiku
(fl-2012); ·
se tappoġġa l-użu tan-netwerks u
l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-aġenziji li jkunu qed imexxu
skemi għall-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju dwar
l-użu effiċjenti tar-riżorsi (fuq bażi kontinwa). Mill-2012 ’il quddiem, il-Kummissjoni
flimkien mal-Istati Membri għandhom jivvalutaw: ·
l-għażliet biex jiżdiedu
l-inċentivi tas-suq għall-prodotti li jkunu ġenwinament favur
l-ambjent; ·
il-miżuri biex ir-responsabbiltà tal-produttur
titwessa’ għaċ-ċiklu kollu ta’ ħajja tal-prodotti li jkun
jagħmel (fosthom permezz ta’ mudelli ġodda tan-negozju, permezz ta’
gwida dwar l-iskemi ta' teħid lura u riċiklaġġ u
l-appoġġ għas-servizzi ta’ tiswija); ·
l-azzjonijiet li jtejbu kemm jista’ jkun l-użu
effiċjenti tar-riżorsi fil-fażi tal-ippakkjar. L-Istati Membri għandhom: ·
idaħħlu fis-seħħ inċentivi
li jistimolaw il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji biex ikejlu
l-effiċjenza tagħhom fl-użu tar-riżorsi, iqabbluha
mal-livelli ta’ referenza u jtejbuha b’mod sistematiku (fuq bażi
kontinwa); ·
jgħinu lill-kumpaniji jaħdmu flimkien
sabiex l-iskart u l-prodotti sekondarji li jipproduċu jibdew jintużaw
bl-aħjar mod (pereżempju billi jisfruttaw is-simbjożi
industrijali) (fuq bażi kontinwa); ·
jiżguraw li l-impriżi
ż-żgħar u ta’ daqs medju jingħataw pariri u
appoġġ sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jtejbu
l-effiċjenza tagħhom fl-użu tar-riżorsi u l-użu
sostenibbli tal-materja prima (fuq bażi kontinwa); ·
jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni biex
jiżguraw li, sal-2020, is-Sustanzi ta’ Tħassib Serju Ħafna
kollha rilevanti jitpoġġew fuq il-Lista tal-Kandidati tad-Direttiva
dwar ir-REACH (fuq bażi kontinwa).
3.2.
Indawru l-iskart f’riżorsa
Kull sena,
fl-Unjoni Ewropea narmu 2.7 biljun tunnellata ta’ skart. Minn dan,
98 miljun tunnellata huma skart perikoluż. Bħala medja, 40 % biss mill-iskart solidu
tagħna jintuża mill-ġdid jew jiġi rriċiklat, il-bqija
jintefa’ kollu fil-miżbliet jew jinħaraq. B’mod
ġenerali, fl-UE l-ġenerazzjoni tal-iskart qiegħda f’livell
stabbli, iżda f’ċerti flussi tal-iskart, bħal dak
mill-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ tal-bini, il-ħama
tad-dranaġġ u l-iskart tal-baħar, għadna qed noħolqu
dejjem iżjed skart. L-iskart
tat-tagħmir elettriku u elettroniku biss huwa mistenni jiżdied
b’madwar 11 % bejn l-2008 u l-2014. F’ċerti Stati
Membri iktar minn 80 % tal-iskart huwa rriċiklat. Dan juri
l-possibbiltà li l-iskart jintuża bħala wieħed mir-riżorsi
ewlenin tal-UE. Il-fatt li wieħed itejjeb
il-ġestjoni tal-iskart ifisser li jkun hemm użu aħjar
tar-riżorsi u jista’ jiftaħ swieq ġodda u joħloq impjiegi
ġodda, kif ukoll jinkuraġġixxi inqas dipendenza fuq l-importazzjonijiet
tal-materja prima u inqas impatti fuq l-ambjent. Jekk irridu nagħmlu l-iskart riżorsa
li tista’ terġa’ tintuża fl-ekonomija bħala materja prima,
allura rridu nagħtu ħafna iktar prijorità lill-użu
mill-ġdid u lir-riċiklaġġ. Diversi
politiki flimkien se jgħinu biex joħolqu ekonomija li tirriċikla
kollox, bħad-disinn tal-prodotti li jintegra approċċ
taċ-ċiklu tal-ħajja, kooperazzjoni aħjar mill-partijiet
interessati kollha tas-suq fil-katina tal-valur, proċessi aħjar tal-ġbir,
qafas regolatorju xieraq, inċentivi għall-prevenzjoni tal-iskart u
għar-riċiklaġġ tiegħu, kif ukoll investimenti
pubbliċi f’faċilitajiet moderni għat-trattament tal-iskart u
għar-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja. Il-pass
ewlieni: Sal-2020, l-iskart se jiġi
mmaniġġat bħala riżorsa. L-iskart
li kull individwu jiġġenera qed jonqos b’mod assolut. Ir-riċiklaġġ u l-użu huma
għażliet ekonomikament attraenti għall-partijiet interessati
mis-settur pubbliku u mis-settur privat minħabba l-ġbir separat li
jsir kullimkien u l-iżvilupp ta’ swieq funzjonali għall-materja prima
sekondarja. Iktar materjali, fosthom materjali
li għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent u l-materja prima
kruċjali, se jkunu qed jiġu rriċiklati.
Il-liġijiet dwar l-iskart se jkunu implimentati bis-sħiħ. It-trasport illegali tal-iskart se jkun inqered
għal kollox. L-irkupru tal-enerġija
se jkun limitat għall-materjali li ma jistgħux jiġu
rriċiklati, ir-rimi fil-miżbliet se jkun spiċċa kważi
għal kollox u se jkun żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni: ·
se tistimula s-suq tal-materjali sekondarji u
d-domanda għall-materjali rriċiklati permezz ta’ inċentivi
ekonomiċi u billi tiżviluppa kriterji ta’ tmiem l-iskart
(fl-2013/l-2014); ·
se tirrevedi l-miri li diġà jeżistu
għall-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ,
l-irkupru u t-tneħħija tar-rimi fil-miżbliet, sabiex nimxu lejn
ekonomija msejsa fuq l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, li
ma jkollha kważi l-ebda skart residwu (fl-2014); ·
se tivvaluta l-introduzzjoni ta’ rati minimi
għall-materjal irriċiklat u ta’ kriterji dwar kemm il-materjali jkunu
jifilħu jintużaw u kemm jistgħu jerġgħu jintużaw
u t-twessigħ tar-responsabbiltà tal-produttur għall-prodotti ewlenin
(fl-2012); ·
se tivvaluta l-oqsma li fihom il-liġijiet dwar
id-diversi flussi tal-iskart ikunu jistgħu jiġu allinjati sabiex
tiżdied il-koerenza (fl-2013/l-2014); ·
se tkompli taħdem, fl-UE u mal-imsieħba
internazzjonali, sabiex jinqered għal kollox it-trasport illegali
tal-iskart, b’attenzjoni speċjali tingħata lill-iskart
perikoluż; ·
se tiżgura li l-fondi pubbliċi
mill-baġit tal-UE jagħtu prijorità lil attivitajiet li qegħdin
iktar ’il fuq fil-ġerarkija tal-iskart kif iddefinita fid-Direttiva ta’
qafas dwar l-iskart (pereżempju billi tingħata prijorità
lill-impjanti tar-riċiklaġġ minflok lir-rimi tal-iskart)
(fl-2012/l-2013); ·
se tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar
prattiki għall-ġbir u t-trattament tal-iskart fost l-Istati Membri u
se tiżviluppa miżuri sabiex jiġi miġġieled b’mod iktar
effettiv il-ksur tar-regoli tal-UE dwar l-iskart (fl-2013/l-2014). L-Istati Membri għandhom: ·
jiżguraw li l-acquis tal-UE dwar
l-iskart, fosthom il-miri minimi, jkun implimentat għal kollox permezz
tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-prevenzjoni u
l-ġestjoni tal-iskart (fuq bażi kontinwa).
3.3.
Nappoġġaw ir-riċerka u
l-innovazzjoni
Il-bidla għal ekonomija ekoloġika
b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se tkun teħtieġ
innovazzjoni sinifikanti, minn bidliet żgħar imsejsa fuq xulxin
għal żviluppi teknoloġiċi ewlenin. Fl-istess ħin għandna bżonn ta’
bażi tal-għarfien iktar komprensiva u iktar kredibbli dwar kif
is-sistemi naturali jirreaġixxu għall-pressjonijiet differenti li
aħna nitfgħuhom taħthom. Ir-riċerka bażika u dik
applikata għandha tidentifika l-isfidi u tmexxi l-azzjonijiet, fosthom
ir-riċerka magħmula fil-kuntest tax-xjenzi soċjali sabiex
jiġi żviluppat il-fehim tagħna tal-imġiba. Sabiex tingħata din l-ispinta
lir-riċerka u lill-innovazzjoni, jeħtieġ li jkun implimentat
is-sett it-tajjeb ta’ inċentivi sabiex is-settur privat ikun jista’
jinvesti aktar f’riċerka u innovazzjoni li jkunu jużaw ir-riżorsi
b’mod effiċjenti. Il-miżuri marbutin mad-domanda se jgħinu biex
joħolqu l-inċentivi għall-innovazzjoni ekoloġika billi
jibnu s-swieq għaliha. Hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet ċari ta’
qafas sabiex tiżdied iċ-ċertezza tal-investituri u biex
il-kumpaniji li jkunu qed jinvestu f’affarijiet ekoloġiċi li huma
meqjusa bħala iktar riskjużi jew li l-qligħ minnhom ikun se jdum
iktar ma jittieħed ikollhom aċċess aħjar
għall-finanzi. Il-pass ewlieni:
Sal-2020, l-iżviluppi xjentifiċi u l-isforzi kontinwi
tal-innovazzjoni se jkunu tejbu drammatikament il-mod kif nifhmu,
nimmaniġġaw, innaqqsu l-użu, nużaw mill-ġdid,
nirriċiklaw, nibdlu u nħarsu u nivvalutaw ir-riżorsi. Dan se jkun sar possibbli permezz ta’ żidiet
sostanzjali fl-investimenti, permezz tal-koerenza hija u tiġi indirizzata
l-isfida tas-soċjetà marbuta mal-użu effiċjenti
tar-riżorsi, mat-tibdil fil-klima u mar-reżistenza, u permezz ta’
qligħ li jkun ġej mill-ispeċjalizzazzjoni u mill-kooperazzjoni
intelliġenti fi ħdan iż-żona Ewropea tar-riċerka. Flimkien mal-Kummissjoni,
l-Istati Membri: ·
se jistabbilixxu qafas xieraq u sett ta’
inċentivi biex tingħata spinta lill-investiment tas-settur privat
fir-riċerka u l-innovazzjoni favur użu effiċjenti
tar-riżorsi (fuq bażi kontinwa). Il-Kummissjoni: ·
se tiżviluppa “Sħubijiet
għall-Innovazzjoni” sabiex tilħaq il-miri għall-effiċjenza
fl-użu tar-riżorsi, pereżempju għall-ilma, il-materja prima
u l-agrikultura produttiva u sostenibbli (mill-2011 ’il quddiem); ·
se tiżviluppa inizjattivi
teknoloġiċi konġunti jew tipi oħra ta’ sħubijiet bejn
is-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll inizjattivi għall-ipprogrammar
konġunt li jiġbru flimkien l-isforzi nazzjonali tar-riċerka
fl-oqsma tal-użu effiċjenti tar-riżorsi (fuq bażi
kontinwa); ·
se tindirizza l-ostakli għall-innovazzjoni
ekoloġika (fl-2011); ·
se tiffoka l-fondi tar-riċerka tal-Unjoni
(l-Orizzonti tal-UE għall-2020) dwar l-għanijiet ewlenin
tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, billi tappoġġa
soluzzjonijiet innovattivi għal: enerġija, trasport u bini
sostenibbli; ġestjoni tar-riżorsi naturali; preservazzjoni
tas-servizzi tal-ekosistemi u tal-bijodiversità; agrikoltura aktar
effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u bijoekonomija usa’; estrazzjoni
tal-materjali b'mod ekoloġiku; riċiklaġġ, użu mill-ġdid,
sostituzzjoni tal-impatt ambjentali jew tal-materjali skarsi, prodotti
tal-plastik b’disinn aktar intelliġenti, kimika ekoloġika u b'inqas
impatt u li jkunu bijodegradabbli L-Istati
Membri għandhom: ·
jiffukaw il-fondi tar-riċerka pubblika fuq
l-għanijiet ewlenin tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi (fuq
bażi kontinwa).
3.4.
Is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent
u l-wasla għall-prezz it-tajjeb
Il-prezzijiet tas-suq huma l-ħaġa li
tiggwida, b’mod ewlieni, l-għażliet tax-xiri u
d-deċiżjonijiet dwar l-investiment, iżda dawn mhux bil-fors
ikunu jirriflettu l-ispejjeż reali tal-użu tar-riżorsi u
l-impatti ambjentali tagħhom. Barra minn
hekk, jista’ jkun li l-gvernijiet jgħawġu apposta l-prezzijiet
permezz tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, li jagħtu
vantaġġ lil ċerti konsumaturi, utenti jew produtturi, sabiex
jiġi ssupplimentat id-dħul tagħhom jew jonqsulhom
l-ispejjeż imma li, huma u jagħmlu dan, jiddiskriminaw kontra
prattiki ambjentali tajbin[8]. 3.4.1. It-tneħħija gradwali tas-sussidji li mhumiex effiċjenti Is-sussidji li jista’ jkollhom impatti negattivi
fuq l-ambjent, b’mod partikulari fl-oqsma tal-fjuwils fossili, tat-trasport u
tal-ilma, huma stmati li jiswew għadd globali totali ta’
USD 1 triljun fis-sena. Is-sussidji
li jagħmlu ħsara lill-ambjent iwasslu għal livelli ogħla
ta’ skart, ta’ emissjonijiet u ta’ estrazzjoni tar-riżorsi jew iwasslu
għal impatti negattivi fuq il-bijodiversità. Huma
jistgħu jżommu fis-seħħ prattiki li mhumiex effiċjenti
u ma jippermettux lin-negozji jinvestu f’teknoloġiji ekoloġiċi. It-tali sussidji jistgħu jkunu ta’ tipi
differenti. Eżempji tagħhom huma t-tnaqqis fit-taxxa u
l-eżenzjonijiet mit-taxxa. Li wieħed jimxi lil hinn mis-sussidji li
jagħmlu ħsara lill-ambjent jista’ jwassal għal
benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali u jippermetti li
jkun hemm aktar kompetittività. Fl-Istħarriġ
Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011[9],
l-Istati Membri diġà ġew mistiedna jeliminaw is-sussidji li
jagħmlu ħsara lill-ambjent sabiex jappoġġaw
il-konsolidament tal-baġit. Fil-proċess
tat-tneħħija tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent,
jista’ jkun hemm bżonn ta’ arranġamenti oħrajn li jtaffu
l-effetti tal-proċess għas-setturi ekonomiċi, ir-reġjuni u
l-ħaddiema l-iktar affettwati, jew biex tiġi ttrattata l-povertà
tal-enerġija, kif ukoll għandu jitqies l-impatt tal-ispustament
possibbli tal-produzzjoni lejn pajjiżi oħrajn. Il-pass ewlieni:
Sal-2020, is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent se jkunu
tneħħew gradwalment filwaqt li jitqies kif xieraq l-impatt fuq
in-nies fil-bżonn. 3.4.2. Il-wasla għall-prezz it-tajjeb u l-bidla fid-direzzjoni
tal-piż tat-taxxa Is-suq diġà qed jindika l-iskarsezza ta’
ċerti riżorsi permezz ta’ prezzijiet dejjem jogħlew tal-prodotti
bażiċi u n-negozji qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar
mal-bżonn urġenti li jadattaw ruħhom sabiex iżommu
ruħhom kompetittivi, l-iktar fil-kuntest internazzjonali. Madankollu, jista’ jkun li l-kost tal-aspetti
esterni jibqa’ ma jiġix indirizzat u li għal għadd ta’
riżorsi, it-tali sinjali jaslu tard wisq biex inkunu nistgħu nevitaw
l-isfruttament mhux sostenibbli tagħhom. L-inċidenza
ġenerali tat-tassazzjoni ħafna drabi jkollha impatt fuq il-prezzijiet
b’mod li tiffavorixxi l-użu tar-riżorsi minflok ma żżid
l-impjiegi fl-ekonomija. L-istrumenti bbażati fuq is-suq
għandhom rwol importanti fil-korrezzjoni tan-nuqqasijiet tas-suq,
pereżempju billi jintroduċu taxxi ambjentali, miżati, skemi ta’
permessi li jistgħu jiġu nnegozjati, inċentivi fiskali favur
konsum li jkun aktar favur l-ambjent u strumenti oħrajn. Il-politiki l-ġodda għandhom jgħinu
biex ikunu allinjati l-prezzijiet tar-riżorsi li ma jkunux ingħataw
il-valur ix-xieraq tagħhom fis-suq, bħall-ilma, l-arja nadifa,
l-ekosistemi, il-bijodiversità u r-riżorsi tal-baħar. Jista’ jkun hemm bżonn li dawn ikunu jiffurmaw
parti minn approċċ usa’ li jinvolvi r-regolazzjoni, pereżempju
f’każijiet fejn ir-riżorsi jkunu oġġetti ta’ wirt komuni. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir
tal-2011[10]
u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2011[11]
diġà qed jenfasizzaw il-fatt li t-tassazzjoni trid tinbidel biex flok
tibqa’ ffukata fuq ix-xogħol tibda tixpruna t-tkabbir ekonomiku u
lill-impjiegi. F’dan il-kuntest għandhom
rwol importanti “ir-riformi ekoloġiċi tat-taxxa”, li jikkonsistu
fil-fatt li wieħed iżid is-sehem tat-taxxi ambjentali, filwaqt li
jnaqqas dak ta’ oħrajn. It-tassazzjoni
ambjentali tista’ tallinja wkoll l-isforzi favur il-konsolidament fiskali
mal-iffaċilitar tar-ristrutturar sabiex naslu għal ekonomija li
tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Madankollu, mill-1999 lil hawn,
b’mod ġenerali, is-sehem medju tat-tassazzjoni ambjentali mid-dħul
totali mit-taxxa fl-UE kien qed jonqos, u fl-2009 dan laħaq livell ta’
6.3 %[12]. Xi Stati Membri kisbu, permezz ta’ passi varji
ta’ riformi fit-taxxa ambjentali, sehem ta’ aktar minn 10 % f’taxxi totali
mid-dħul mit-taxxa ambjentali, filwaqt li fl-istess ħin żammew
id-dħul fiskali u tejbu l-kompettività u l-effiċjenza
enerġetika. Dan juri li huwa possibbli li
t-tassazzjoni tkun aktar fuq attivitjiet li jagħmlu ħsara
lill-ambjent fi ħdan qafas ekonomiku sod. Madankollu,
biex tkun il-bidla fis-sinjali tal-prezzijiet meħtieġa
għall-inkoraġġiment ta' iktar investiment fl-użu
effiċjenti tar-riżorsi tkun imkejla b’mod aktar effiċjenti,
jista’ jkun hemm il-ħtieġa ta’ indikatur addizzjonali, bar-rata
effettiva tat-taxxa fuq it-tniġġis ambjentali jew l-użu
tar-riżorsi. Il-pass ewlieni:
Sal-2020 bidla kbira fit-tassazzjoni li għandha tintaxxa inqas
ix-xogħol u timxi lejn tip ta’ tassazzjoni ambjentali, inkluż permezz
ta’ aġġustamenti regolari f’rati reali, se twassal għal
żieda sostanzjali fis-sehem tat-taxxi ambjentali fid-dħul pubbliku
skont l-aqwa prassi tal-Istati Membri. Sabiex
tindirizza l-kwistjonijiet tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent
u ta’ sinjali aħjar mill-prezzijiet, il-Kummissjoni: ·
se timmonitorja, permezz tas-Semestru Ewropew,
l-azzjonijiet ta’ segwitu tal-Istati Membri għal rakkomandazzjonijiet
speċifiċi skont il-pajjiż dwar riforma fiskali li tiffavorixxi
l-bidla mit-taxxi fuq ix-xogħol għat-taxxi fuq l-impatti ambjentali u
t-tneħħija gradwali tas-sussidji li jagħmlu ħsara
lill-ambjent mill-2012 ’il quddiem; ·
se tippromwovi l-iskambju regolari tal-aħjar
prattiki u r-reviżjonijiet bejn il-pari dwar ir-riforma tas-sussidji li
jagħmlu ħsara lill-ambjent u dwar l-istrumenti bbażati fuq
is-suq bejn l-Istati Membri, b’mod partikulari fil-kuntest tal-Forum dwar
l-istrumenti bbażati fuq is-suq u tal-Grupp tal-Politika tat-Tassazzjoni
(fuq bażi kontinwa); ·
se tivvaluta kif ġiet implimentata
l-għajnuna mill-istat għal miżuri mmirati lejn
iż-żieda tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u sa fejn
l-għanijiet tal-użu effiċjenti tar-riżorsi għandhom
ikunu msaħħa fir-reviżjonijiet tal-linji gwida rilevanti dwar
l-għajnuna mill-istat mill-2013; ·
se tkompli taħdem biex ittejjeb l-indikaturi
dwar l-użu tat-taxxi fuq it-tniġġis u fuq ir-riżorsi. L-Istati
Membri għandhom: ·
jidentifikaw is-sussidji li jagħmlu ħsara
lill-ambjent li huma l-iktar importanti skont metodi stabbiliti (sal-2012); ·
iħejju pjanijiet u skedi taż-żmien
sabiex ineħħu gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara
lill-ambjent u jirrappurtaw dwarhom fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma
tagħhom (sal-2012/l-2013); ·
jibdlu t-tassazzjoni minn waħda ffukata fuq
ix-xogħol għal waħda ffukata fuq l-impatti ambjentali, (fuq
bażi kontinwa); ·
jirrevedu l-politiki u l-istrumenti fiskali
tagħhom bil-għan li jiġi appoġġat, b’mod iktar
effettiv, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u, f’dan il-kuntest,
jaħsbu dwar inċentivi li jappoġġaw l-għażliet
tal-konsumaturi u l-azzjonijiet tal-produtturi li jkunu favur l-użu
effiċjenti tar-riżorsi (sal-2013).
4.
Il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistemi
4.1.
Is-servizzi tal-ekosistemi
Il-prosperità ekonomika u l-benessri
tagħna jiddependu fuq il-kapital naturali tagħna, fosthom
l-ekosistemi li jagħtuna sensiela ta’ prodotti u servizzi essenzjali –
mill-ħamrija għammiela sal-artijiet u l-ibħra produttivi, mill-ilma
ħelu u l-arja nadifa sad-dakkir, il-kontroll tal-għargħar u
r-regolazzjoni tal-klima. Ħafna minn dawn is-servizzi tal-ekosistemi
jintużaw kważi bħallikieku l-provvista tagħhom mhijiex
limitata. Huma jiġu ttrattati bħala prodotti li huma “b’xejn”,
il-valur ekonomiku tagħhom mhuwiex meqjus sewwa fis-suq u għalhekk
qed ikomplu jiġu eżawriti jew jitniġġsu iktar. Dan qed
jhedded is-sostenibbiltà fit-tul u r-reżistenza tagħna
għax-xokkijiet ambjentali. F’dawn l-aħħar 50 sena,
60 % mis-servizzi tal-ekosistemi tad-dinja ġew iddegradati . Fl-UE,
88 % mill-istokkijiet tal-ħut ġew mistada ferm iktar mil-limiti
tal-produzzjoni massima sostenibbli tagħhom u 11 % biss
mill-ekosistemi protetti jinsabu fi stat favorevoli. L-iżgurar ta’ provvista fit-tul tal-prodotti u s-servizzi
essenzjali tal-ekosistemi jfisser li rridu nagħtu l-valur it-tajjeb
lill-kapital naturali tagħna. L-investiment fil-kapital naturali,
bħal dak fl-infrastruttura ekoloġika, ħafna drabi jwassal
għal qligħ akbar milli dak f’alternattivi mibnija jew
immanifatturati, bi spejjeż inqas għoljin fil-bidu. Il-pass ewlieni:
Sal-2020, il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistemi se jkunu
mogħtija l-valur it-tajjeb tagħhom u se jitqiesu kif xieraq
mill-awtoritajiet pubbliċi u min-negozji. Il-Kummissjoni: ·
se tippromwovi l-użu ta’ strumenti finanzjarji
u bbażati fuq is-suq innovattivi u tesplora l-potenzjal usa’ tagħhom,
inkluż l-istabbiliment possibbli ta’ faċilità tal-finanzjament
tal-bijodiversità u pagamenti għal servizzi dwar l-ekosistemi, biex tindirizza
l-isfidi għall-ekosistemi u l-bijodiversità fuq il-livell nazzjonali,
tal-UE u internazzjonali, b'mod partikolari f'kooperazzjoni mal-Bank Ewropew
tal-Investiment u permezz ta’ Sħubijiet Pubbliċi-Privati (fuq
bażi kontinwa); ·
se tressaq proposti sabiex jitrawwem l-investiment
fil-kapital naturali u jittieħed il-potenzjal kollu għat-tkabbir u
l-innovazzjoni tal-infrastruttura ekoloġika u tal-“ekonomija tar-restawr”
permezz ta’ Komunikazzjoni dwar l-infrastruttura ekoloġika (fl-2012) u
inizjattiva biex ma jkun hemm l-ebda telf nett (fl-2015). Flimkien
mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom: ·
jiddeskrivu l-qagħda tal-ekosistemi u
tas-servizzi tagħhom (sal-2014); ·
jivvalutaw il-valur ekonomiku tagħhom u
jippromwovu l-integrazzjoni ta’ dawn il-valuri fis-sistemi tal-kontabbiltà u
tar-rappurtar fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali (fuq bażi
kontinwa); ·
jaħdmu mal-partijiet interessati sabiex
in-negozji jiġu nkuraġġiti jivvalutaw kemm jiddependu fuq
is-servizzi tal-ekosistemi, filwaqt li jibnu fuq il-Pjattaforma tal-UE
għall-bijodiversità u n-negozji (fuq bażi kontinwa).
4.2.
Il-bijodiversità
Ħafna mill-ekosistemi tagħna
jissejsu fuq il-bijodiversità, li hija vitali għar-reżistenza
tagħhom. It-telf tal-bijodiversità jista’ jdgħajjef l-ekosistema,
jikkomprometti l-għoti tas-servizzi tal-ekosistemi u jagħmel
l-ekosistema ħafna iktar vulnerabbli għax-xokkijiet ambjentali.
Ir-restawr tal-ekosistemi li jkunu ġew iddegradati jiswa ħafna flus u
xi kultant il-bidliet li jkunu saru ma jkunux jistgħu
jitreġġgħu lura. Ġie stmat li, sal-2050, l-opportunitajiet
globali tan-negozju li jiddependu fuq il-bijodiversità u fuq l-ekosistemi li
jissejsu fuqha jista’ jkollhom valur ta’ bejn USD 800 biljun u
USD 2 300 biljun fis-sena. Madankollu,
fil-prattika, fil-livell operattiv, fit-teħid tad-deċiżjonijiet
il-valur tal-bijodiversità għadu qed jibda jitqies issa. Jekk irridu nżommu l-bijodiversità, din
għandha ssir ħaġa komuni. L-Istrateġija l-ġdida tal-UE
għall-bijodiversità għall-2020 tistabbilixxi l-għodod ewlenin
tal-politika sabiex niksbu dan l-għan u sabiex jitreġġgħu
lura x-xejriet fit-telf tal-bijodiversità li rajna f’dawn l-aħħar
ġenerazzjonijiet. Il-pass ewlieni:
Sal-2020, se jkunu twaqqfu t-telf tal-bijodiversità fl-UE u
d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi u, safejn ikun possibbli,
il-bijodiversità se tkun ġiet irrestawrata. Il-Kummissjoni: ·
se ssaħħaħ, b’mod sinifikanti,
l-isforzi tagħha biex tintegra l-ħarsien tal-bijodiversità u
l-azzjonijiet favur l-ekosistemi fil-politiki l-oħra tal-Komunità,
speċjalment f’dawk dwar l-agrikultura u s-sajd (fuq bażi kontinwa). Flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati
Membri: ·
se jaħdmu biex jilħqu l-għanijiet
tal-Israteġija għall-Bijodiversità billi jintegraw il-valur
tas-servizzi tal-ekosistemi fit-tfassil tal-politika (fuq bażi kontinwa).
4.3.
Il-minerali u l-metalli
Iktar effiċjenza fl-użu
tar-riżorsi naturali, bħall-metalli u l-minerali, hija aspett
essenzjali tal-użu effiċjenti tar-riżorsi. Ir-riskji
speċifiċi tagħhom, fosthom is-sigurtà tal-provvista, huma
ttrattati fl-Inizjattiva dwar il-Materja Prima, kif ukoll fil-politiki dwar
il-klima u l-enerġija mogħtija fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewlenija
għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, u għalhekk mhux se
jiġu diskussi f’ħafna dettall f’din it-taqsima, minkejja li
l-interazzjoni tal-użu tagħhom mar-riżorsi l-oħrajn hija
rikonoxxuta. Aħna u nimxu lejn ġestjoni
tal-materjali sostenibbli li hija bbażata verament fuq il-konsum,
jiġifieri lejn “ekonomija ċirkolari”, li fiha l-iskart isir
riżorsa, se naslu wkoll għal użu iktar effiċjenti tal-minerali
u tal-metalli. Il-passi deskritti fit-taqsima 3 ta’ dan il-pjan
direzzjonali se jkollhom impatt dirett fuq l-effiċjenza tar-riżorsi
tal-minerali u tal-metalli, permezz ta’ miżuri sabiex jitqiesu aktar
l-impatti tul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ prodott u sabiex jiġi
evitat l-iskart u jkun hemm iktar riċiklaġġ u użu
mill-ġdid, permezz ta’ riċerka u innovazzjoni mtejbin u permezz ta’
miżuri oħrajn sabiex jittejbu l-istrutturi tas-suq.
4.4.
L-ilma
L-ilma huwa riżors importanti ħafna
għas-saħħa tal-bniedem u huwa essenzjali għall-agrikultura,
it-turiżmu, l-industrija, it-trasport u l-enerġija. In-nuqqas ta'
disponibbiltà tal-ilma jkollu impatt kruċjali fuq l-enerġija
mill-impjanti idroelettriċi u fuq it-tkessiħ tal-impjanti nukleari u
tal-impjanti termali tal-elettriku. L-istatus ambjentali tajjeb u
s-saħħa taċ-ċittadini jiddependu fuq il-kwalità u
d-disponibbiltà ta’ ilma frisk. Madankollu, dawn qed jonqsu. It-tibdil
fil-klima mistenni jżid in-nuqqas tal-ilma kif ukoll l-intensità u
l-frekwenza tal-għargħar. Ħafna mill-baċiri tax-xmajjar u
mill-ilmijiet fl-Ewropa nbidlu minħabba l-estrazzjoni tal-ilma, it-tinxif
tal-artijiet mgħaddrin u l-bini tad-digi, li ħafna drabi wasslu
għal kwalità baxxa tal-ilma b'effetti ekoloġiċi negattivi kbar,
impatti possibbli fuq is-saħħa u spazju limitat
għall-ħabitats naturali. 20 % sa 40 % tal-ilma fl-Ewropa
jinħela u l-effiċjenza fl-użu tal-ilma tista’ tittejjeb
b’40 % permezz tat-titjib teknoloġiku biss[13].
Approċċ imtejjeb għall-ġestjoni sostenibbli
tar-riżorsi tal-ilma jeħtieġ koordinazzjoni mill-qrib
mal-politiki tal-agrikultura, tat-trasport, tal-iżvilupp reġjonali u
tal-enerġija, kif ukoll ipprezzar effettiv u ġust tal-ilma kif inhu
meħtieġ mid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma. Il-bidliet
fl-ekosistemi, fl-użu tal-artijiet, fix-xejriet tal-produzzjoni u
tal-konsum tal-ilma u tal-użu mill-ġdid jistgħu jnaqqsu
l-iskarsezza tal-ilma u jiżguraw li l-ilma jkun ta’ kwalità tajba b’mod
kosteffiċjenti. Il-pass
ewlieni: Sal-2020, il-Pjanijiet kollha għall-Ġestjoni tal-Baċiri
tax-Xmajjar tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma se jkunu ilhom li ġew
implimentati. Fl-2015 se jkun intlaħaq stat tajjeb tal-ilmijiet
fil-baċiri kollha tax-xmajjar tal-UE, f’dak li għandu x’jaqsam
mal-kwalità, mal-kwantità u mal-użu tal-ilma. L-impatti tan-nixfiet u
tal-għargħar se jkunu tnaqqsu kemm jista’ jkun u se jkun hemm
għelejjel adattati għalihom, ħamrija li żżomm iktar
ilma fiha u tisqija effiċjenti. Se nkunu niddependu fuq
l-għażliet alternattivi għall-provvista tal-ilma biss meta
l-opportunitajiet kollha l-oħra għall-iffrankar li jkunu irħas
ikunu ttieħdu. L-estrazzjoni tal-ilma għandha tibqa’ f’livell li jkun
inqas minn 20 % tar-riżorsi disponibbli tal-ilma li huma rinnovabbli. Il-Kummissjoni: · se tkompli tintegra l-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-politika dwar l-ilma, u pjan iddettaljat sabiex l-ilma tal-Ewropa jiġi ssalvagwardjat se jiddefinixxi strateġija kosteffiċjenti (xogħol li diġà għaddej); · se tivvaluta l-Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar tal-Istati Membri sabiex tidentifika l-oqsma fejn ikun għad hemm bżonn ta’ iktar azzjonijiet (fl-2011); · se tivvaluta u tipproponi (fl-2012): – miri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma u miżuri aħjar għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma (pereżempju l-kejl intelliġenti bil-miter, rekwiżiti obbligatorji għat-tagħmir li juża l-ilma, linji gwida għall-użu mill-ġdid tal-ilma, it-tnaqqis tat-tnixxijiet fl-infrastruttura tal-ilma, l-iffrankar tal-ilma fit-tisqija, eċċ.); – ġestjoni aħjar tad-domanda permezz ta’ strumenti ekonomiċi (l-ipprezzar, l-allokazzjoni tal-ilma) u l-użu ta’ skemi tat-tikkettar u taċ-ċertifikazzjoni li jkejlu l-impatt fuq iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ prodott u l-kontenut virtwali tal-ilma tal-prodotti; – kandidat għal Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-ilma. L-Istati Membri għandhom: · jistabbilixxu miri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma għall-2020 fil-livell tal-baċiri tax-xmajjar, b’miżuri xierqa li jikkumplimentawhom, ibbażati fuq metodu komuni tal-UE li jqis is-sitwazzjonijiet differenti fis-setturi ekonomiċi u fiż-żoni ġeografiċi kollha.
4.5.
L-arja
L-arja nadifa hija riżorsa
prezzjuża. Fiż-żoni bl-ikbar
densità tal-popolazzjoni tal-UE, diversi standards marbutin mal-kwalità
tal-arja qed jinqabżu bil-kbir, l-iktar minħabba s-sustanzi li
jniġġsu li joħolqu l-ikbar ammont ta’ problemi bħall-materja
tal-partikoli, l-ożonu fil-livell tal-art u d-dijossidu
tan-nitroġenu. Minkejja l-isforzi l-kbar
biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-sustanzi li jniġġsu,
il-konċentrazzjonijiet attwali ta’ partikoli fini jwasslu għal
500 000 mewta qabel il-waqt kull sena fl-UE u fil-pajjiżi ta’
madwarha[14]. Studji oħrajn urew li l-għadd ta’
ġranet tax-xogħol li ntilfu minħabba mard ikkawżat
mit-tniġġis tal-arja huwa ikbar mill-għadd ta’ ġranet
tax-xogħol meħtieġa sabiex jitħallsu l-miżuri
addizzjonali biex jitnaqqsu s-sustanzi li jniġġsu. L-ekosistemi u l-agrikultura jsofru wkoll,
b’mod sinifikanti, minn impatti ta’ affarijiet imxerrda bl-arja
bħall-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ħsara
lill-ħxejjex ikkawżata mill-ożonu. L-ispiża
ekonomika annwali għall-2020 ġiet stmata li se tkun ta’
EUR 537 biljun[15]. Implimentazzjoni aħjar
tal-leġiżlazzjoni eżistenti u standards ġodda bbażati
fuq ix-xjenza se jgħinu biex jiġu indirizzati dawn il-problemi u biex
jiggwidaw l-innovazzjoni. Bi żminijiet
xierqa ta’ tmexxija, u permezz ta’ azzjonijiet oħra f’dan il-pjan
direzzjonali, pereżempju permezz ta’ tnaqqis fl-iskart, permezz ta’ metodi
tal-produzzjoni iktar effiċjenti u permezz ta’ azzjoni fil-politika
agrikola u fis-settur tat-trasport, dawn jistgħu jiżguraw
benefiċċji għall-kwalità tal-arja mill-bidla għal ekonomija
b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-pass ewlieni:
Sal-2020 se jkunu ntlaħqu l-istandards temporanji tal-UE marbutin
mal-kwalità tal-arja, fosthom dawk fiż-żoni urbani l-iktar
imniġġsin, u dawk l-istandards se jkunu ġew aġġornati
u se jkunu ġew iddefiniti miżuri addizzjonali sabiex inkomplu nersqu
lejn l-għan aħħari li nilħqu livelli tal-kwalità tal-arja
li ma jkollhomx impatti sinifikanti fuq is-saħħa u fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni: · se twettaq reviżjoni komprensiva tal-politiki kollha tal-UE marbutin mat-tniġġis tal-arja (sal-2013); · se tipproponi strateġija aġġornata li tmur lil hinn mill-2020, li tivvaluta l-ambitu għall-użu ta’ standards marbutin mal-kwalità tal-arja u mal-emissjonijiet u ta’ miżuri oħrajn biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-sorsi ewlenin (fl-2013); · se tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ miżuri eżistenti li jgħinu biex jiġu solvuti problemi persistenti fil-kwalità tal-arja. L-Istati Membri għandhom: · iżidu r-rata ta’ implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja (fuq bażi kontinwa).
4.6.
L-art u l-ħamrija
Fl-UE, ta’ kull sena
jittieħdu iktar minn 1 000 kilometru kwadru ta’ art
għad-djar, għall-industrija, għat-toroq jew għal finijiet
ta’ rikreazzjoni. Madwar nofs dan l-ammont jiġi, fil-fatt,
“issiġġillat”[16].
Id-disponibbiltà tal-infrastruttura tvajra ħafna bejn ir-reġjuni,
iżda, b’kollox, kull għaxar snin ngħattu erja tal-wiċċ
li hija daqs Ċipru. Jekk irridu nilħqu stat fejn ma tittieħed
ebda art netta sal-2050, u nimxu ma’ linja dritta, se jkollna nnaqqsu
t-teħid tal-art għal medja ta’ 800 kilometru kwadru kull sena
fil-perjodu mill-2000 sal-2020. F’ħafna reġjuni, il-ħamrija
tgħawret b’mod li ma jistax jitreġġa’ lura jew inkella
għandha kontenut baxx ta’ materja organika. It-tniġġis
tal-ħamrija wkoll huwa problema serja. L-art kważi
dejjem tintuża b’kompromess bejn id-diversi ħtiġijiet
soċjali, ekonomiċi u ambjentali (pereżempju
l-ħtiġijiet għad-djar, għall-infrastruttura tat-trasport,
għall-produzzjoni tal-enerġija, għall-agrikultura u
għall-ħarsien tan-natura). Id-deċiżjonijiet
dwar l-użu tal-art huma impenji li jittieħdu fit-tul li diffiċli
jitreġġgħu lura jew li jiswew ħafna biex isir dan. Dal-ħin, dawn id-deċiżjonijet
ħafna drabi jittieħdu mingħajr analiżi sewwa, minn qabel,
tat-tali impatti, pereżempju permezz ta’ Valutazzjoni Ambjentali
Strateġika. Ir-riformi fil-politika tal-UE dwar l-agrikultura,
l-enerġija, it-trasport u l-koeżjoni se jipprovdu l-opportunità li
jiġu stabbiliti l-qafas u l-inċentivi t-tajba biex dan l-għan
jintlaħaq mill-awtoritajiet pubbliċi u mis-sidien tal-artijiet. Il-pass
ewlieni: Sal-2020, il-politiki tal-UE se jkunu jqisu l-impatt dirett u indirett
tagħhom fuq l-użu tal-art fl-UE u fid-dinja, u r-rata tat-teħid
tal-art se tkun miexja fit-triq it-tajba bl-għan li, sal-2050, ma tkun qed
tittieħed ebda art netta; l-erożjoni tal-ħamrija se tkun
tnaqqset, il-materja organika fil-ħamrija se tkun żdiedet u
x-xogħol ta’ rimedju fis-siti mniġġsin se jkun miexi sewwa. Il-Kummissjoni: ·
se tiżviluppa aktar il-bażi
tal-għarfien xjentifiku dwar il-materjal li għandu x’jaqsam
mal-ħajja, dwar l-effetti u x-xejriet fl-użu tal-art u dwar
l-ippjanar tal-ispazju, fosthom l-impatti fil-livell dinji u l-effetti fuq
l-imsieħba fin-negozju, u se tenfasizza l-aħjar prattiki fl-Istati
Membri, biex imbagħad toħroġ Komunikazzjoni dwar l-użu
tal-art (fl-2014); ·
se tindirizza l-bidla indiretta fl-użu tal-art
li tiġi, b’mod speċjali, mill-politika dwar l-enerġija minn
sorsi rinnovabbli (fuq bażi kontinwa); ·
se tippubblika linji gwida dwar l-aħjar
prattiki biex jiġi llimitat is-siġillar tal-ħamrija, biex dan
jittaffa jew biex ikun hemm kumpens għalih b’xi mod (sal-2012); ·
se tinkludi kunsiderazzjonijiet usa’ dwar
l-użu effiċjenti tar-riżorsi hija u tirrevedi d-Direttiva dwar
il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (fl-2012). ·
se tipproponi kandidat għal Sħubija
Ewropea għall-Innovazzjoni (fl-2011) dwar il-produttività u
s-sostenibbiltà fl-agrikultura li jkollha l-għan, fost l-oħrajn, li
tiżgura l-funzjonalità tal-ħamrija f'livell sodisfaċenti
(sal-2020). L-Istati Membri għandhom: ·
jintegraw aħjar l-użu dirett u indirett
tal-art u l-impatti ambjentali ta’ dan l-użu fil-proċess
tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom u jillimitaw
it-teħid tal-art u s-siġillar tal-ħamrija safejn ikun possibbli
(fuq bażi kontinwa); ·
jimplimentaw l-azzjonijiet meħtieġa
sabiex titnaqqas l-erożjoni tal-ħamrija u tiżdied il-materja
organika fiha (fuq bażi kontinwa); ·
jistabbilixxu inventarju tas-siti
mniġġsin u skeda għax-xogħol ta’ rimedju (sal-2015).
4.7.
Ir-riżorsi tal-baħar
L-ambjent tal-baħar fih opportunitajiet
ekonomiċi f’medda wiesgħa ta’ setturi bħall-estrazzjoni
tal-minerali, il-farmaċewtiċi, il-bijoteknoloġija u
l-enerġija. L-ambjent tal-baħar jipprovdi wkoll servizzi ewlenin
tal-ekosistemi bħall-funzjonijiet naturali regolatorji li jgħinu biex
jiġu miġġieldin it-tibdil fil-klima u l-erożjoni bil-mod
tal-kosta. Il-pressjonijiet fuq dawn is-sistemi, fosthom mill-fatt li
s-sustanzi li jniġġsu li jkunu jinsabu fl-ilma ħelu jiskulaw
għal ġol-baħar, għadhom severi , anke jekk f’xi
każijiet qegħdin jonqsu. Hemm nuqqas ta’ ġestjoni koerenti
tal-ispazju tal-baħar li diġà qed jaffettwa il-possibilitajiet
tagħna li nibbenefikaw mill-attivitajiet marittimi. L-użu ta'
strumenti tal-ippjanar spazjali f'żoni tal-baħar għandu jikkontribwixxi
għall-użu effiċjenti tar-riżorsi. L-eżawriment tal-istokkijiet tal-ħut
għandu konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji
għaż-żoni ta’ mal-kosta u jikkontribwixxi għal iktar telf
tal-bijodiversità billi jħarbat is-sistemi, filwaqt li t-tniġġis
tal-baħar u t-tibdil fil-klima jwasslu għal sfidi oħrajn
(bħal, pereżempju, l-aċidifikazzjoni).
Il-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE u l-Politika Marittima Integrata
tal-UE qegħdin ipoġġu s-sostenibbiltà fil-qalba
tal-għanijiet tagħhom, sabiex ikun żgurat użu effiċjenti
u sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar mill-operaturi kollha fil-katina
tal-valur. Iktar minn
miljun għasfur u 100,000 annimal mammiferu tal-baħar u fkieren
tal-baħar imutu kull sena minħabba l-iskart magħmul mill-plastik
u ħmieġ ieħor tal-baħar. Fatturi bħall-iskart
tal-baħar u t-trattament tad-dranaġġ urban jaggravaw ħafna
t-tniġġis f’ċerti ibħra madwar l-Ewropa. Sabiex jiġu
indirizzati t-tali pressjonijiet, id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija
Marittima tipprovdi dispożizzjonijiet biex jinkiseb stat ambjentali tajjeb
fl-ilmijiet tal-baħar. Il-pass ewlieni: Sal-2020 se jkun
inkiseb stat ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-baħar kollha tal-UE u
sal-2015 is-sajd se jkun qed isir fil-limiti tal-produzzjoni massima
sostenibbli. Il-Kummissjoni: · se timmira li tiżgura li jkun hemm ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-kuntest tal-aħħar proposti li għamlet biex issir riforma tal-politika komuni tas-sajd; · se tagħmel iktar proposti sabiex jitneħħew bil-mod il-mod is-sussidji kollha mogħtija fil-qasam tas-sajd li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent; · se tikkontribwixxi sabiex jitħares il-kapital naturali tal-baħar u ta’ mal-kosta billi tipproponi miżuri tal-politika dwar il-ġestjoni u l-ippjanar (fl-2012), kif ukoll billi tkompli tappoġġa b’mod kontinwu l-proġetti tal-għarfien u tal-wiri; · se tippromwovi strateġiji bbażati fuq l-ekosistemi u tintegra r-riskju marbut mal-klima fl-attivitajiet marittimi (Komunikazzjoni fl-2012 imsejħa “L-adattament mal-kosta u fil-baħar għat-tibdil fil-klima”); · se tappoġġa l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u tidentifika opportunitajiet innovattivi tan-negozju fl-ekonomija marittima u ta’ mal-kosta (Komunikazzjoni fl-2012 dwar “It-tkabbir marittimu”). · se tikkontribwixxi għall-istrateġiji dwar l-iskart tal-baħar fl-erba’ reġjuni marittimi kollha tal-UE, filwaqt li tikkollabora mill-qrib mal-Istati Membri ta’ mal-kosta jew fil-Konvenzjoni rispettiva dwar l-ibħra reġjonali (fl-2012); · se tappoġġa lill-Istati Membri billi tiżviluppa miżuri sabiex, sal-2020, jinkiseb stat ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-baħar u sabiex jiġi stabbilit netwerk estensiv ta’ żoni protetti (fl-2020). L-Istati Membri għandhom: · jimplimentaw id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima u jidentifikaw żoni tal-baħar protetti.
5.
Is-setturi ewlenin
Fil-pajjiżi industrijalizzati, in-nutrizzjoni, id-djar u
l-mobbiltà tipikament huma responsabbli għal 70 sa 80 % tal-impatti
ambjentali kollha. Dawn is-setturi huma fatturi ewlenin biex jiġu
indirizzati l-isfidi marbutin mal-enerġija u mat-tibdil fil-klima li
jittrattaw l-istrateġiji kumplimentari fit-tul, li jingħaqdu flimkien
mal-miżuri deskritti f’dan id-dokument sabiex jitkabbru kemm jista’ jkun
is-sinerġiji skont l-Inizjattiva Ewlenija għall-Użu
Effiċjenti tar-Riżorsi[17].
5.1.
Nindirizzaw l-ikel
Il-katina tal-valur tal-ikel u tax-xorb tal-UE toħloq 17 %
mill-emissjonijiet diretti tagħna tal-gassijiet b’effett ta’ serra u
28 % mill-użu tar-riżorsi materjali, u x-xejriet tal-konsum
tagħna għandhom impatt mad-dinja kollha, b’mod partikulari b’rabta
mal-konsum tal-proteini li ġejjin mill-annimali. Din hija utent ewlieni
tal-ilma ta’ kwalità għolja, li huwa essenzjali
għas-suċċess tagħha. Madankollu, fl-UE biss naħlu
90 miljun tunnellata ta’ ikel fis-sena, jiġifieri
180 kilogramma għal kull persuna. Ħafna minn dan l-ikel ikun
għadu tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Sforz ikkombinat
min-naħa tal-bdiewa, tal-industrija tal-ikel, tal-bejjiegħa bl-imnut
u tal-konsumaturi, permezz ta’ tekniki tal-produzzjoni li jkunu jużaw
ir-riżorsi b’mod effiċjenti, ta’ għażliet sostenibbli
tal-ikel (skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-WHO dwar l-għadd ta’ proteini
li ġejjin mill-annimali, fosthom il-prodotti tal-ħalib u
tal-laħam, li kull persuna għandha tikkonsma) u permezz ta’ inqas
ħela ta’ ikel, jista’ jikkontribwixxi biex jittejbu l-użu
effiċjenti tar-riżorsi u s-sigurtà tal-ikel fil-livell dinji. Fil-Komunikazzjoni
tagħha dwar il-baġit għall-Istrateġija “Ewropa 2020”,
il-Kummissjoni pproponiet il-miżuri li se jkollha twettaq Politika
Agrikola Komuni rriformata sabiex issir iktar effiċjenti fl-użu
tar-riżorsi[18].
Kwistjoni oħra għas-sigurtà globali tal-ikel fit-tul hija l-provvista
sostenibbli tal-fosfru, li huwa riżorsa ewlenija għall-proċess
tal-fertilizzazzjoni tal-ħamrija li ma tistax tinbidel. Hemm bżonn
ta’ iktar riċerka sabiex jiġi identifikat kif it-titjib
fil-kwistjonijiet marbutin mal-fertilizzanti, mal-produzzjoni tal-ikel u
mal-iskart jista’ jnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-fosfat li ġej
mill-minjieri. Il-pass ewlieni: Sal-2020, se jkun hemm
inċentivi ma’ kullimkien biex il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel ikunu
iktar b’saħħithom u iktar sostenibbli u dawn l-inċentivi se
jkunu naqqsu r-riżorsi li jidħlu fil-katina tal-ikel b’20 %.
Ir-rimi ta’ ikel li jkun għadu jista’ jittiekel se jkun tnaqqas bin-nofs
fl-UE. Il-Kummissjoni: ·
se tivvaluta aktar l-aqwa mod kif jista’ jiġi
llimitat l-ikel mormi matul il-katina tal-provvista tal-ikel, u se tqis il-modi
kif jista’ jitnaqqas l-impatt ambjentali tax-xejriet tal-produzzjoni u
tal-konsum tal-ikel (Komunikazzjoni dwar l-ikel sostenibbli sal-2013); ·
se tiżviluppa metodu għall-kriterji
tas-sostenibbiltà għal oġġetti bażiċi ewlenin tal-ikel
(sal-2014); ·
se tivvaluta aktar is-sigurtà tal-provvista
tal-fosfru u l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu sabiex dan ikun
użat b’mod sostenibbli (“Green Paper” dwar l-użu sostenibbli
tal-fosfru sal-2012). L-Istati
Membri huma mistiedna: ·
jindirizzaw il-ħela tal-ikel fil-Programmi
Nazzjonali tagħhom għall-Prevenzjoni tal-Iskart (fl-2013).
5.2.
Intejbu l-bini
Kostruzzjoni
u użu aħjar tal-bini fl-UE jinfluwenzaw 42 % tal-konsum
aħħari tal-enerġija tagħna, madwar 35 %
tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tagħha[19] u iktar
minn 50 % tal-materjali estratti kollha, u jistgħu jgħinuna
niffrankaw sa 30 % tal-ilma[20]. Għalhekk, il-politiki eżistenti biex
jiġu promossi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu
tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-bini, iridu
jissaħħu u jiġu kkumplimentati aktar minn politiki
għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, li jħarsu
lejn firxa usa’ ta’ impatti ambjentali tul iċ-ċiklu ta’ ħajja
tal-bini u tal-infrastruttura. Għandhom
jitqiesu dejjem aktar l-ispejjeż tal-bini tul il-ħajja, iktar milli
sempliċiment l-ispejjeż tal-bidu, fosthom l-iskart mill-kostruzzjoni
u mit-twaqqigħ tal-bini. Sabiex tinkiseb effiċjenza fl-użu
tar-riżorsi fil-bini u wkoll il-mobbiltà, hemm bżonn ta’ ppjanar
aħjar tal-infrastruttura minn qabel. Titjib sinifikanti
fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija tul iċ-ċiklu
tal-ħajja – b’materjali sostenibbli mtejbin, iktar
riċiklaġġ tal-iskart u disinn imtejjeb – se jikkontribwixxi biex
is-settur tal-bini jkun wieħed kompetittiv u biex jiġi żviluppat
stokk ta’ bini li jkun juża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Dan jeħtieġ l-impenn attiv tal-katina
kollha tal-valur fis-settur tal-bini. Hemm
bżonn ta’ politiki speċifiċi sabiex l-impriżi
ż-żgħar u ta’ daqs medju, li jiffurmaw il-biċċa
l-kbira tal-kumpaniji tal-kostruzzjoni, jitqanqlu jitħarrġu dwar
metodi u prattiki tal-bini li jkunu jużaw ir-riżorsi b’mod
effiċjenti u jinvestu fihom. Il-pass ewlieni: Sal-2020,
ir-rinnovazzjoni u l-kostruzzjoni tal-bini u tal-infrastruttura se jkunu qed
isiru b’livelli għolja ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. L-approċċ taċ-ċiklu
tal-ħajja se jkun qed jiġi applikat b’mod wiesa’; il-bini l-ġdid kollu mhu se jkun juża
kważi l-ebda enerġija[21]
u se jkun juża l-materjali b’mod effiċjenti ħafna, u se jkunu
fis-seħħ politiki biex jiġi rrinovat il-bini eżistenti[22]
sabiex dan ikun irrinovat b’mod kosteffiċjenti b’rata ta’ 2 %
fis-sena. 70 % tal-iskart
mill-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ tal-bini li ma jkunx perikoluż se jkun
qed jiġi rriċiklat[23]. iIl-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, : ·
se jivvalutaw kif se jappoġġaw
il-pjanijiet għall-investiment fil-ħiliet, l-iskemi
għall-apprentisti u l-komunikazzjoni dwar l-aħjar prattiki
tal-industrija marbutin mal-użu effiċjenti tar-riżorsi (fuq
bażi kontinwa); ·
se jieħdu miżuri biex jiġu stimulati
d-domanda u l-adozzjoni ta’ prattiki tal-bini li jkunu jużaw
ir-riżorsi b’mod effiċjenti permezz tal-kalkolu tal-ispejjeż tul
iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini u ta’ arranġamenti xierqa tal-finanzjament,
bl-użu ta’ “test tal-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju”
fejn ikun hemm bżonn; miżuri biex
jitwessa’ iktar l-ambitu tal-Kodiċijiet Ewropej sabiex jitfasslu kriterji
marbutin mas-sostenibbiltà; miżuri sabiex
jiġu żviluppati inċentivi biex jiġi ppremjat il-bini li
jkun juża r-riżorsi b’mod effiċjenti u sabiex jiġi promoss
l-użu sostenibbli tal-bini fil-kostruzzjoni (Komunikazzjoni fl-2011 dwar
il-kompetittività sostenibbli tas-settur tal-bini u Komunikazzjoni fl-2013 dwar
il-bini sostenibbli); ·
se jivvalutaw kif tista’ tinkuraġġixxi
bl-aħjar mod l-innovazzjoni fil-kostruzzjoni min-naħa tas-settur
privat (fuq bażi kontinwa).
5.3.
Niżguraw mobbiltà li tkun effiċjenti
Sistema moderna tal-mobbiltà li tkun tuża
r-riżorsi b’mod effiċjenti, li tkun taqdi kemm lill-passiġġieri
kif ukoll lill-merkanzija, tista’ tikkontribwixxi ħafna
għall-kompetittività u s-sostenibbiltà. Il-White Paper dwar it-trasport[24]
tagħti firxa wiesgħa ta’ għażliet biex infittxu li
tintlaħaq il-politika olistika meħtieġa dwar it-trasport. Il-pass
ewlieni: Sal-2020, l-effiċjenza
ġenerali fis-settur tat-trasport se twassal għal valur akbar
b’użu ottimu tar-riżorsi bħall-materja prima, l-enerġija u
l-art, u b’inqas impatti fuq it-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja,
l-istorbju, is-saħħa, l-inċidenti, il-bijodiversità u
d-degradazzjoni tal-ekosistemi. It-trasport se
jkun juża inqas enerġija u se juża enerġija iktar nadifa,
se jisfrutta aħjar l-infrastruttura moderna u se jnaqqas l-impatt negattiv
tiegħu fuq l-ambjent u fuq assi naturali ewlenin bħall-ilma, l-art u
l-ekosistemi. Bħala medja, mill-2012 ’il
quddiem se jkun hemm tnaqqis ta’ 1 % fis-sena fl-emissjonijiet
tal-gassijiet b’effett ta’ serra mis-settur tat-trasport. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-inizjattivi
mogħtija fil-White Paper dwar it-trasport ikunu implimentati b’mod li jkun
konsistenti mal-għanijiet tal-effiċjenza fl-użu
tar-riżorsi, b’mod partikulari billi nimxu lejn l-internalizzazzjoni
tal-ispejjeż esterni.
6.
Il-governanza u l-monitoraġġ
Il-bidla tal-UE għal ekonomija li tuża
r-riżorsi b’mod iżjed effiċjenti se tkun teħtieġ
azzjoni miftiehma mifruxa fuq għadd wiesa’ ta’ politiki. Il-Kummissjoni se tniedi sforz konġunt
mal-partijiet interessati biex taħdem fuq id-definizzjoni tal-indikaturi u
l-miri t-tajbin biex l-azzjonijiet ikunu ggwidati u l-progress jiġi
mmonitorjat. Dawn se jħallu l-effett ta’
bidla meħtieġ biss jekk huma jagħtu s-sehem kollu tagħhom
fl-istrateġija “Ewropa 2020” u jekk l-użu effiċjenti
tar-riżorsi jkun integrat fis-Semestru Ewropew dwar il-koordinazzjoni tal-politika
ekonomika.
6.1.
Toroq ġodda għall-azzjonijiet marbutin
mal-użu effiċjenti tar-riżorsi
Intejbu d-djalogu: Dawk li jfasslu l-politika
fil-livell tal-UE, fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell reġjonali
għandhom bżonn jieħdu sehem f’taħditiet attivi man-negozji
u mas-soċjetà ċivili dwar il-kundizzjonijiet tal-politika li huma
meħtieġa sabiex jingħelbu l-ostakli li hemm għall-użu
effiċjenti tar-riżorsi. Ninvestu fil-bidla:
L-użu effiċjenti tar-riżorsi
jista’ jnaqqas il-kosti, iżda ħafna drabi jkun jeħtieġ investiment
inizjali. L-UNEP stima li hemm bżonn ta’
finanzjament ta’ bejn USD 1.05 u USD 2.59 triljun fis-sena
sabiex l-ekonomija dinjija tibda tuża r-riżorsi b’mod iktar
effiċjenti, u li dan il-finanzjament irid jiġi l-aktar mis-settur
privat[25]. Dan se jeħtieġ mhux biss infiq għal
soluzzjonijiet ekoloġiċi iżda wkoll li l-investimenti kollha
pubbliċi u privati jkunu ekoloġiċi. Il-proposta
għal Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-2014-2020 diġà
ħadet passi kbar ħafna lejn l-integrazzjoni tal-użu
effiċjenti tar-riżorsi fil-baġit tal-UE.
It-tkabbir b’rata mgħaġġla tal-finanzjament dinji
għall-enerġija nadifa juri li din il-bidla fl-attitudnijiet hija
possibbli. Madankollu, in-nuqqas ta’
familjarità tal-finanziera mar-riskji u mal-qligħ fuq l-investimenti
fl-użu effiċjenti tar-riżorsi jippreżenta ostaklu
għall-investiment, in-nuqqas ta’ ċertezza dwar id-direzzjoni u
l-kredibilità tal-politika jżid ir-risku finanzjarju u l-investimenti
iktar fit-tul ħafna drabi ma tantx jingħataw benefiċċji
mis-swieq finanzjarji li huma mmirati lejn prestazzjonijiet fuq terminu qasir
taż-żmien. Niżviluppaw indikaturi u miri
potenzjali: Jekk nistabbilixxu l-indikaturi u
niddefinixxu proċess għal miri wesgħin għall-użu
effiċjenti tar-riżorsi, dan se jgħinna nfasslu t-triq lejn
il-viżjoni ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi li għandna
għall-2050: il-politika pubblika tista’ titfassal aħjar sabiex tqis
l-ispejjeż u l-benefiċċji li jkun hemm meta wieħed
juża r-riżorsi b’mod iktar effiċjenti u s-settur pubbliku se
jibbenefika minn sinjali aħjar għall-pjanijiet tal-investiment
tiegħu u mill-prevedibbiltà u t-trasparenza meħtieġa biex
jittieħdu deċiżjonijiet fit-tul. L-għan tat-tkabbir sostenibbli
mogħti fl-istrateġija “Ewropa 2020” diġà jistabbilixxi miri
speċifiċi marbutin mal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’
serra, mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u mal-enerġija
minn sorsi rinnovabbli, li huma rilevanti għall-kisba tal-għanijiet
tal-użu effiċjenti tal-enerġija. Huwa importanti ferm li dawn
il-miri jintlaħqu sabiex jitħarsu r-riżorsi naturali u
l-azzjonijiet mogħtija f’dan il-pjan direzzjonali se jikkontribwixxu wkoll
sabiex dawn jintlaħqu. Madankollu, dawn ma jaqbdux uħud
mill-konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija tagħna, fuq saħħitna
u fuq il-kwalità ta’ ħajja tagħna, pereżempju fatturi
bħalma huma l-użu tal-art b’mod mhux effiċjenti, il-kwalità
ħażina tal-ilma u l-livell baxx ta’ disponibbiltà tal-ilma, l-iskart,
it-tniġġis tal-arja u t-telf tas-servizzi tal-ekosistemi,
tal-istokkijiet tal-ħut u tal-bijodiversità. Jekk dawn jittieħdu f'kunsiderazzjoni,
jkun imsaħħaġ l-isfruttament ta’ sorsi ġodda ta’ tkabbir
sostenibbli u tissaħħaħ il-kompetittività fit-tul. Diġà qed isir progress sabiex jiġu
integrati sistemi tal-kontabbiltà ekonomiċi u soċjali ambjentali,
iżda hemm diversi ideat li qed jikkompetu ma’ xulxin dwar liema indikaturi
jeħtieġ li jintużaw, li jittejbu jew li jiġu
żviluppati sabiex jiggwidaw aħjar id-deċiżjonijiet dwar
il-politika u dwar l-investimenti. Se jkun jeħtieġ li tali indikaturi
jkunu sodi, jinftiehmu faċilment u jkunu aċċettati b'mod wiesa'
sabiex ikejlu b'mod kontinwu l-progress fit-titjib tal-użu effiċjenti
tar-riżorsi. Minħabba dan il-Kummissjoni tipproponi li taħdem
mal-partijiet interessati ewlenin biex tiżviluppa indikaturi u miri
potenzjali bħal dawn. Madankollu, filwaqt li tirrikonoxxi
l-ħtieġa li tibda tkejjel il-progress b’mod immedjat, il-Kummissjoni
qed tipproponi, bħala indikatur ewlieni provviżorju, il-produttività
tar-riżorsi, imkejla permezz tal-proporzjon tal-PDG mal-Konsum domestiku
tal-materjali (mogħti f’Euro għal kull tunnellata). Proporzjon
ogħla jkun jindika prestazzjoni aħjar u t-tkabbir għandu
jikkonsma, relattivament, inqas riżorsi[26]. Madankollu, dan juri biss l-aspett
tar-riżorsi materjali u ma jittratta l-ebda riżorsi oħrajn jew
iċ-ċaqliq potenzjali fil-piż minn pajjiż
għall-ieħor. Minħabba li
l-indikatur ewlieni provviżorju jagħti biss stampa parzjali, dan
għandu jiġi kkumplimentat minn “daxxbord” ta’ indikaturi dwar
l-ilma, l-art, il-materjali u l-karbonju u minn indikaturi li jkejlu l-impatti
ambjentali u l-kapital naturali tagħna jew l-ekosistemi tagħna, u li
jippruvaw iqisu wkoll l-aspetti globali tal-konsum fl-UE. Fuq livell terz, se
jintużaw indikaturi tematiċi sabiex jiġi mmonitorjat il-progress
fl-ilħiq ta’ miri eżistenti f’setturi oħrajn, kif inhu spjegat
fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li
jakkumpanja ’l dan il-pjan direzzjonali. Il-pass ewlieni: Sal-2020, se jkunu
mmobilizzati l-partijiet interessati fil-livelli kollha sabiex ikun żgurat
li l-politika, il-finanzjament, l-investiment, ir-riċerka u l-innovazzjoni
jkunu koerenti u jkunu jsaħħu ’l xulxin b’mod reċiproku. Miri
ambizzjużi għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u
indikaturi b’saħħithom u fil-ħin se jmexxu ’l dawk li
jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u f’dak privat
fil-bidla tal-ekonomija lejn waħda li tuża r-riżorsi b’mod iktar
effiċjenti. Il-Kummissjoni,
flimkien mal-Istati Membri: ·
se jintegraw, mill-2012 ’il quddiem,
il-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi
fis-Semestru Ewropew u se jiffokaw fuq il-fatt li tingħata prijorità
lill-miżuri li jiffavorixxu t-tkabbir li jkun sostenibbli; ·
se jiġbru flimkien in-negozji, ix-xjenzati,
l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-awtoritajiet lokali u nazzjonali
sabiex jeżaminaw l-opportunitajiet u l-isfidi u jirrakkomandaw toroq
ġodda għall-azzjonijiet marbutin mat-tkabbir sostenibbli li juża
r-riżorsi b’mod effiċjenti (fl-2012); ·
se jilħqu ftehim ġenerali ma’ dawn
il-partijiet interessati dwar kif għandu jitkejjel il-progress u kif
għandhom jiġu stabbiliti l-miri meħtieġa sabiex
tintlaħaq l-isfida (sal-2013). Il-Kummissjoni: ·
se tniedi “Pjattaforma tal-UE għall-bidla lejn
l-użu effiċjenti tar-riżorsi” (fl-2012), li tissejjes fuq
ix-xogħol ta’ pjattaformi eżistenti; ·
se tistabbilixxi Diskussjoni Madwar Mejda Tonda
dwar il-Finanzi għall-Użu Effiċjenti tar-riżorsi, li fiha
jieħdu sehem rappreżentanti tal-banek mis-settur privat u tal-banek
tal-istituzzjonijiet (bħall-BEI u l-BERŻ), rappreżentanti
tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u rappreżentanti tal-kumpaniji
tal-kapital tar-riskju, sabiex jiġu identifikati l-opportunitajiet
għall-iżvilupp ta’ finanzjament adattat u biex jintużaw
strumenti finanzjarji innovattivi għall-użu effiċjenti
tar-riżorsi (fl-2012); ·
se tiżviluppa Panorama ta’ Ħiliet tal-UE
u Kunsill Ewropew għas-Settur dwar il-ħiliet għall-impjiegi
ekoloġiċi u għal impjiegi oħrajn li jkunu iktar
ekoloġiċi; ·
se tkompli taħdem fuq l-indikaturi, fosthom
fuq il-kwalità tad-dejta, filwaqt li jittieħed kont tal-oqfsa ta’
valutazzjoni eżistenti, bħall-‘iGrowGreen’, bil-għan li dawn
jiddaħħlu fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija
“Ewropa 2020” (fl-2013); ·
se tipproponi indikatur ewlieni ġdid dwar
il-kapital naturali u l-impatti ambjentali tal-użu tar-riżorsi (fi
tmiem l-2013); ·
se tkompli l-isforzi tagħha skont il-pjan
direzzjonali msejjaħ “Il-PDG u lil hinn minnu” sabiex il-progress
ekonomiku u tas-soċjetà jitkejjel b’mod iktar komprensiv, fost
l-oħrajn billi jitkompla l-iżvilupp tas-sistema tal-kontabbiltà ambjentali,
u b’hekk ikomplu jiġu integrati aktar l-aspetti ambjentali esterni
fil-kontabbiltà nazzjonali u billi jiġi żviluppat indiċi kompost
dwar il-pressjonijiet fuq l-ambjent; ·
se tqis kif il-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu
effiċjenti tar-riżorsi jistgħu jiġu inklużi
bl-aħjar mod fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-proposti dwar il-politika
fil-ġejjieni. L-Istati
Membri għandhom: ·
jiżviluppaw jew isaħħu
l-istrateġiji nazzjonali eżistenti għall-użu
effiċjenti tar-riżorsi u jdaħħluhom fil-politiki nazzjonali
dwar it-tkabbir u l-impjiegi (sal-2013); ·
jirrappurtaw dwar il-progress tagħhom marbut
mal-użu effiċjenti tar-riżorsi bħala parti mill-programmi
nazzjonali ta’ riforma tagħhom.
6.2.
Nappoġġaw l-użu effiċjenti
tar-riżorsi fil-livell internazzjonali
Diversi
pajjiżi qed jimplimentaw politiki sabiex jibbenefikaw mill-qligħ li
jirriżulta minn użu ta' riżorsi b’mod iktar effiċjenti,
mhux biss pajjiżi fl-UE, iżda wkoll il-Ġappun, il-Korea,
l-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina u pajjiżi oħra. Hemm
ukoll interess qawwi fid-djalogu u l-kooperazzjoni f'dawn il-kwistjonijiet
fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE. Wieħed jista’ jara t-tali
inizjattivi fil-kuntest tal-isforzi li qed isiru mad-dinja kollha sabiex
tiġi promossa l-bidla lejn ekonomija ekoloġika. L-UE tista’
titgħallem mill-esperjenzi ta’ ħaddieħor. Hija tipparteċipa
b’mod attiv f’affarijiet li jgħinu biex tiġi influwenzata t-triq li
jaqbdu l-pajjiżi msieħba magħha, b’mod speċifiku
l-pajjiżi kandidati li huma mistiedna biex jibdew jallinjaw il-politiki
tagħhom. Bħala
bażi għal iktar diskussjonijiet waqt il-Konferenza msejħa
“Rio+20” li se ssir f’Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea dan
l-aħħar ipproponiet għadd wiesa’ ta’ azzjonijiet possibbli,
fosthom inizjattivi internazzjonali ġodda dwar ir-riżorsi tal-ilma,
l-enerġija, l-agrikultura, l-użu tal-artijiet, il-foresti,
is-sustanzi kimiċi u r-riżorsi tal-baħar, dwar programm
għat-taħriġ dwar is-snajja’, dwar il-mobilizzazzjoni tal-finanzi
u tal-investiment min-naħa tas-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll
inizjattivi biex nimxu lejn sistema ta’ governanza globali u multilaterali li
tkun iktar effettiva[27]. Il-pass
ewlieni: Sal-2020, l-użu effiċjenti
tar-riżorsi se jkun għan komuni maqsum mal-komunità internazzjonali
kollha u se jkun sar progress biex dan l-għan jintlaħaq abbażi
tal-approċċi maqbulin fil-konferenza li se ssir f’Rio. Il-Kummissjoni
flimkien mal-Istati Membri, (fuq bażi kontinwa): ·
se jippromwovu riżultat tajjeb tas-samit
“Rio+20” li se jsir fl-2012 u se jikkonċentraw fuq progress reali lejn
ekonomija ekoloġika u lejn użu iktar effiċjenti tar-riżorsi
naturali; ·
se jtejbu d-djalogu mal-pajjiżi msieħba
strateġiċi sabiex ikun hemm l-iskambju tal-esperjenzi u
tal-aħjar prattiki dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi; ·
se jwettqu inizjattivi konġunti
mal-pajjiżi kandidati, mal-pajjiżi li huma kandidati potenzjali u ma’
pajjiżi oħrajn li huma ġirien, li jaqsmu magħna ħafna
riżorsi ambjentali; ·
se jappoġġaw il-konklużjoni u
l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet internazzjonali biex il-konsum
globali u x-xejriet ta’ produzzjoni jsiru aktar sostenibbli; ·
se jużaw l-għajnuna
għall-iżvilupp sabiex tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi
li huma inqas żviluppati biex itejbu l-effiċjenza tagħhom
fl-użu tar-riżorsi fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u tal-qerda
tal-faqar; ·
se jikkooperaw mal-imsieħba internazzjonali
f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-użu
effiċjenti tar-riżorsi; ·
se jaħdmu favur mekkaniżmi multilaterali
iktar b’saħħithom għall-governanza globali tal-oġġetti
pubbliċi.
6.3.
Intejbu l-benefiċċji mill-miżuri
tal-UE favur l-ambjent
Il-progress marbut
mal-użu effiċjenti tar-riżorsi jiddependi fuq il-fatt li
wieħed itejjeb il-mod kif jiġu amministrati r-riżorsi u
l-ekosistemi naturali tagħna. Għad
hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri marbutin mal-prestazzjoni
tagħhom fl-implimentazzjoni tal-miżuri differenti, b’mod
speċjali dawk fl-oqsma tal-ħarsien tan-natura, tal-iskart u
tal-ġestjoni tal-ilma. Huwa stmat li
l-ispejjeż tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
attwali jammontaw għal madwar EUR 50 biljun fis-sena[28]. Il-pass
ewlieni: Sal-2020, se jkunu ngħataw
il-benefiċċji kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE favur
l-ambjent. Il-Kummissjoni: ·
se tipproponi miżuri sabiex ittejjeb
l-għarfien, tqajjem kuxjenza u timmobilizza aħjar
lill-parteċipanti ewlenin sabiex jitjieb l-għoti tal-miżuri ambjentali
fl-UE kollha. L-Istati Membri għandhom: ·
jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-prestazzjoni
tagħhom b’rabta mal-għoti tal-benefiċċji
tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
7.
Konklużjoni
Ix-xejriet ta’ qabel tat-tkabbir wasslu
għal iktar prosperità, iżda għamlu dan permezz ta’ użu
intensiv u, ħafna drabi, b’mod mhux effiċjenti, tar-riżorsi. Ir-rwol tal-bijodiversità, l-ekosistemi u
s-servizzi tagħhom huma fil-biċċa l-kbira sottovalutati,
il-kosti ħafna drabi ma jirriflettux l-ispejjeż tal-iskart u s-swieq
attwali u l-politiki pubbliċi attwali ma jistgħux jittrattaw
bis-sħiħ id-domandi li jikkompetu ma’ xulxin għar-riżorsi
strateġiċi bħall-minerali, l-art, l-ilma u l-bijomassa. Dan jitlob għal tweġiba koerenti u
integrata, mifruxa fuq għadd wiesa’ ta’ politiki, sabiex jiġu
ttrattati l-limiti tar-riżorsi li mistennija jkun hemm u sabiex tiġi
sostnuta l-prosperità tagħna fit-tul. Dan il-pjan
direzzjonali mhuwiex it-tweġiba aħħarija għall-isfidi
kollha. Huwa l-ewwel pass biex infasslu qafas
ta’ azzjoni koerenti mifrux fuq diversi oqsma u setturi tal-politika. L-għan tiegħu hu li jipprovdi prospetti
stabbli biex nibdlu l-ekonomija. Il-Kummissjoni
se tħejji proposti dwar il-politika u proposti leġiżlattivi
sabiex timplimenta dan il-pjan direzzjonali. Mhux
se jirnexxilna niksbu l-għanijiet tagħna tal-użu effiċjenti
tar-riżorsi jekk ma jkunx hemm impenn min-naħa ta’ parteċipanti
oħra mis-settur pubbliku u minn dak privat. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill,
lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat
tar-Reġjuni japprovaw dan il-pjan direzzjonali u jikkontribwixxu sabiex
jiġu żviluppati aktar l-azzjonijiet tal-UE biex naslu għal
Ewropa li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Anness: L-użu
effiċjenti tar-riżorsi - il-konnessjonijiet reċiproki bejn is-setturi
u r-riżorsi u l-inizjattivi tal-politika tal-UE Ir-riżorsa/is-settur || Il-fjuwils fossili || Il-materjali u l-minerali || L-ilma || L-arja || L-art || Il-ħamrija || L-ekosistemi: Il-bijodiversità || Ir-riżorsi tal-baħar || L-iskart || L-inizjattivi tal-politika tal-UE Ekonomija ċirkolari || Naqqas, uża mill-ġdid, irriċikla, ibdel, issalvagwardja, agħti valur || Reviżjoni tal-PKS (fl-2012) L-enerġija || Tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili billi: - tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (20 % sal-2020); - l-fjuwils fossili jinbidlu b’riżorsi rinnovabbli (20 % sal-2020 u 10 % fis-settur tat-trasport). || - Żgurar tas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima kruċjali (għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-elettrifikazzjoni); - Tnaqqis fl-intensità tal-enerġija fl-estrazzjoni, il-produzzjoni u l-konsum tal-materjali. || - Użu b’mod effiċjenti tal-ilma bħala sors tal-enerġija rinnovabbli; - Tnaqqis tal-ħtiġijiet tat-tkessiħ tal-impjanti tal-elettriku; - Tnaqqis fl-intensità tal-enerġija fit-trattament tal-ilma; - Tnaqqis fl-użu tal-ilma sħun permezz ta’ apparat aħjar u infrastruttura tal-ilma aħjar. || - Tnaqqis fit-tniġġis minn sustanzi li jagħmlu l-ħsara, b’mod partikulari billi jitnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili; - Tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020 (30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin); - Tnaqqis ta’ 80 sa 95 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050. || - Tnaqqis fit-teħid tal-art għall-bijofjuwils; - Titjib kemm jista’ jkun fl-infrastruttura tal-enerġija. || - Prevenzjoni tal-ħsara lill-ħamrija mill-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit SO2 u tal-ossidi tan-nitroġenu; - Mitigazzjoni tal-impatti ta’ soluzzjonijiet ġodda tal-infrastruttura jew tal-enerġija fuq il-ħamrija; - Ħarsien tal-ħamrija li fiha l-pît. || - Tnaqqis tal-aċidifikazzjoni billi jitnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili; - Evitar tal-ħsara lill-ekosistemi mill-estrazzjoni jew mill-isfruttament tas-sorsi tal-enerġija. || - Użu tar-riżorsi tal-baħar bħala sors tal-enerġija rinnovabbli; - Żgurar tal-użu sostenibbli tal-alka għall-bijofjuwils; - Prevenzjoni tar-riskji li jixxerred iż-żejt u li jkun hemm diżastri marbutin mal-industrija taż-żejt. - Tnaqqis tal-aċidifikazzjoni kkawżata mill-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. || - Żgurar tal-irkupru tal-enerġija mill-iskart li ma jistax jiġi rriċiklat; - Tnaqqis fl-intensità tal-enerġija fit-trattament tal-iskart; - Żieda fl-użu tal-iskart bijodegradabbli għall-bijoenerġija u għall-bijoprodotti. || -Enerġija 2020 - Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u sikura (fl-2011); - Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija għall-Ewropa; -Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara - Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat (fl-2011); -Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika għall-2020 (fl-2011); -Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija (fl-2011); - Il-pakkett dwar l-infrastruttura tal-enerġija (fl-2011); - Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija għall-2050 (fl-2011); - Il-grilji intelliġenti (fl-2011); - Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali (fl-2011). L-ikel || - Tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili billi tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-produzzjoni tal-ikel; - Evitar tal-impatti negattivi li jista’ jkun hemm meta l-fjuwils fossili jinbidlu bil-bijofjuwils. || - Titjib kemm jista’ jkun fl-użu tal-materjali u tal-minerali (pereżempju tal-fosfru); - Titjib fil-pakketti sabiex l-ikel ikun priservat aħjar u sabiex il-pakketti jkunu jistgħu jiġu rriċiklati iktar. || - Titjib kemm jista’ jkun fl-użu tal-ilma fl-agrikultura; - Prevenzjoni tal-għargħar u tan-nixfiet, jiġifieri billi jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; - Żgurar tad-disponibbiltà tal-ilma nadif biex ikun hemm prodotti ta’ kwalità tajba; - Evitar tat-tniġġis mill-fertilizzanti u mill-pestiċidi. || - Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra; - Tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit SO2 u tal-ossidi tan-nitroġenu NOx. || - Titjib kemm jista’ jkun fl-użu tal-art sabiex ikun hemm rikonċiljazzjoni ma’ użijiet oħrajn; - Użu ta’ art għammiela meħuda għall-agrikultura; - Tnaqqis fit-teħid tal-art (pereżempju billi nieħdu, b’mod ottimu, il-proteini mill-annimali). || - Treġġigħ lura tat-telf tal-ħamrija; - Restawr tal-kontenut tal-materja organika fil-ħamrija; - Prevenzjoni tal-ħsara lill-ħamrija mill-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit SO2 u tal-ossidi tan-nitroġenu NOx; - Evitar tat-tniġġis mill-fertilizzanti u mill-pestiċidi. || - Restawr u ħarsien tal-ekosistemi sabiex ikunu żgurati d-dakkir, iż-żamma tal-ilma, eċċ.; - Evitar tal-ewtrofikazzjoni minħabba l-fertilizzanti u tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi; - Tkabbir tal-bijodiversità permezz ta' prattiki tajbin tal-agrikoltura. || - Treġġigħ lura tal-livelli tal-istokkijiet tal-ħut u eliminazzjoni tal-qabdiet inċidentali u l-iskartar tal-ħut; - Eliminazzjoni tat-tekniki tas-sajd li jagħmlu l-ħsara; - L-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli; - Tnaqqis tat-tniġġis taż-żoni ta’ mal-kosta mill-fertilizzanti - Evitar tal-ħmieġ tal-baħar. || - Inqas ħela ta’ ikel; - L-użu ta’ pakketti li jistgħu jiġu rriċiklati jew ta’ pakketti li huma bijodegradabbli; - L-iżvilupp tal-kompostjar tal-bijoskart. || - Ir-riforma tal-PAK (fl-2011); - Proposta għal Sħubija għall-innovazzjoni dwar il-produttività u s-sostenibbiltà fl-agrikultura (fl-2011); - “Green Paper” dwar il-fosfru (fl-2012); - Komunikazzjoni dwar l-ikel sostenibbli (fl-2013). Il-bini || - Tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili billi tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini u billi tintuża l-enerġija minn sorsi rinnovabbli fihom; - Il-bini ta’ bini li ma juża l-ebda enerġija u żieda fir-rata ta’ restawr tal-bini eżistenti. || - Titjib kemm jista’ jkun fl-użu tal-materjali; - L-użu ta’ materjali sostenibbli. || - Użu iktar effiċjenti tal-ilma fil-bini u fl-apparat. || - Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-bini; - Titjib fil-kwalità tal-arja ta’ ġewwa. || - L-evitar ta’ iktar teħid tal-art (pereżempju għat-tixrid urban); - Tranġar tas-siti mniġġsin. || - L-evitar tat-tixrid urban fuq art għammiela; - Tnaqqis kemm jista’ jkun tas-siġillar tal-ħamrija. || - Żgurar ta’ spazji suffiċenti u ekoloġiċi konnessi bħala parti minn infrastrutturi ekoloġiċi. || - Tnaqqis tal-aċidifikazzjoni kkawżata mill-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. || - Ir-riċiklaġġ tal-iskart mill-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ tal-bini (70 % sal-2020). || - Strateġija għall-kompetittività sostenibbli tas-settur tal-bini tal-UE (fl-2011); - Komunikazzjoni dwar il-bini sostenibbli (fl-2013); - Inizjattiva dwar l-użu effiċjenti tal-ilma fil-bini (fl-2012). Il-mobbiltà || - Tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi: tittejjeb l-effiċjenza tal-fjuwils, billi tintuża enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi, sal-2050, jitneħħew bil-mod il-mod mill-ibliet il-karozzi li jużaw il-fjuwils konvenzjonali u billi jkun hemm loġistika multimodali mtejba, netwerks aħjar tat-trasport u vetturi iktar effiċjenti. || - Żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fl-infrastruttura; - Titjib kemm jista’ jkun fit-trasport tal-materjali; - Żgurar tas-sigurtà tal-provvista ta’ materjali kruċjali (meħtieġa għall-batteriji). || - L-użu tal-potenzjal tat-trasport bil-baħar sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet; - Tnaqqis tat-tniġġis mit-trasport bil-baħar. || - Tnaqqis tat-tniġġis mit-trasport bil-baħar: 60 % inqas emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050; inqas ożonu fil-livell tal-art, inqas materja tal-partikoli u inqas dijossidu tan-nitroġenu NO2; inqas kontenut tal-kubrit fil-fjuwils marittimi. || - Tnaqqis kemm jista’ jkun tal-impatti tal-infrastruttura tat-trasport fuq il-frammentazzjoni tal-art. || - Tnaqqis kemm jista’ jkun tal-impatti tal-infrastruttura tat-trasport fuq is-siġillar tal-art. || - Tnaqqis kemm jista’ jkun tal-impatti tas-siġillar tal-art, tal-frammentazzjoni tal-art u tat-tniġġis tal-art; - L-evitar tal-firxa ta’ speċi aljeni invażivi. || - L-użu tal-potenzjal tat-trasport marittimu sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet; - Evitar tal-iskart tal-baħar, inkluż dak mill-vapuri. || - L-iżgurar ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ effiċjenti tal-vetturi li jkunu waslu biex ma jibqgħux jintużaw (85 sa 95 % sal-2015) u tal-vapuri. || -White Paper dwar il-ġejjieni tat-trasport (fl-2011); - Reviżjoni tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (fl-2011); - Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tat-Trasport. L-inizjattivi tal-politika tal-UE || Qafas għall-għajnuna mill-Istat (fl-2013); Direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwil; eċċ.. || -Indirizzar tal-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbutin mal-materja prima (fl-2011); - Proposta għal Sħubija għall-innovazzjoni dwar il-materja prima. || - Pjan iddettaljat għall-ilma (fl-2012); - Sħubija għall-innovazzjoni dwar l-użu effiċjenti tal-ilma; - Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istandards tal-kwalità ambjentali (għas-sustanzi ta’ prijorità) (fl-2011); - Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art (fl-2012). || -Pjan direzzjonali għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (fl-2011); - Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u r-rappurtar dwarhom; - Reviżjoni tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja (fl-2013). || - Komunikazzjoni dwar l-użu tal-art (fl-2014). - Komunikazzjoni dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (l-LULUCF) fl-impenji tal-UE marbutin mat-tibdil fil-klima (fl-2011). || - Linji gwida dwar l-aħjar prattiki biex jiġi llimitat is-siġillar tal-ħamrija, biex dan jittaffa jew biex ikun hemm kumpens għalih b’xi mod. || -Strateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2020 (fl-2011); - Komunikazzjoni dwar l-infrastruttura ekoloġika u r-restawr (fl-2012); - Inizjattiva biex ma jkun hemm l-ebda telf nett (fl-2015). || - Riforma tal-politika komuni tas-sajd u tal-politika marittima komuni (fl-2011) [AGRI]; - L-adattament mal-kosta u fil-baħar għat-tibdil fil-klima (fl-2012); - It-Tkabbir marittimu (fl-2013); - Ġestjoni integrata taż-żoni ta’ mal-kosta (fl-2012); - Ippjanar tal-ispazju marittimu (fl-2012). || - Reviżjoni tal-miri għall-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart u għar-rimi tiegħu fil-miżbliet (fl-2014). || - Pjan direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (fl-2011); - Qafas finanzjarju multiannwali għall-2014 sal-2020; - Il-politika ta’ koeżjoni wara l-2013 (fl-2011) [REGIO]; - Pjan ta’ Azzjoni għal bijoekonomija sostenibbli sal-2020 (fl-2011); - Pjan ta’ Azzjoni għall-innovazzjoni ekoloġika (fl-2011); - L-Orizzont tal-UE għall-2020 (fl-2011); - Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. [1] COM(2011) 21. [2] COM(2005) 670. [3] Kif muri,
pereżempju, fl-Istrateġija tal-OECD għal tkabbir ekoloġiku
u fir-rapport tal-UNEP dwar ekonomija ekoloġika, kif ukoll fix-xogħol
tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. [4] http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm [5] Kif
stipulati f'COM(2011) 571 ta' akkumpanjament. [6] Studju
partikulari jissuġġerixxi li, fil-Ġermanja biss, użu iktar
effiċjenti tar-riżorsi fil-manifattura jista’ jwassal għal
iffrankar ta’ bejn 20 % u 30 % fl-ispejjeż u joħloq sa
miljun impjieg fil-pajjiż. Studju riċenti ieħor juri li
fir-Renju Unit, in-negozji jistgħu jiffrankaw ammont li hu stmat li hu ta’
GBP 23 biljun meta jimplimentaw miżuri favur użu iktar
effiċjenti tar-riżorsi li ma jiswew xejn jew li jiswew ftit
ħafna. [7] Għal
aktar dettalji ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. [8] OECD,
Sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent: l-isfidi għar-riforma,
2005 [9] COM(2011) 11
finali. [10] COM(2011) 11
finali. [11] EUCO 10/1/11
REV1. [12] Ara
r-rapport tal-Unjoni Ewropea maħruġ fl-2011 intitolat “Ix-xejriet
tat-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea”. [13] L-istudju
tal-2007 tal-“Ecologic Institute” imsejjaħ “Il-potenzjal
għall-iffrankar tal-ilma fl-UE”. [14] Ir-rapport
tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent imsejjaħ “SOER 2010”. [15] Rapport
tal-2011 taċ-Ċentru għall-enerġija l-ambjent u
s-saħħa (is-CEEH), miktub minn J. Brandt et al., imsejjaħ
“Valutazzjoni tal-aspetti esterni tal-kosti tas-saħħa li ġejjin
mit-tniġġis tal-arja fil-livell nazzjonali bl-użu tas-sistema
tal-mudell tal-EVA (l-għoti ta’ valur ekonomiku lit-tniġġis
tal-arja)”. [16] Ir-rapport
tal-2011 tal-Komunitajiet Ewropej, miktub minn Prokop et al.,
imsejjaħ “Rapport dwar l-aħjar prattiki biex jiġi llimitat
is-siġillar tal-ħamrija u biex jittaffew l-effetti tiegħu”. [17] COM(2011) 112,
COM(2011) 109, COM(2010) 639. [18] COM(2011) 500. [19] COM(2007) 860
finali. [20] COM(2007) 414
finali. [21] Id-Direttiva 2010/31/UE. [22] F’konformità
mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2010/31/UE
tad-19 ta’ Mejju 2010. [23] F’konformità
mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/98/KE. [24] COM(2011) 144. [25] Ara
s-Sinteżi tal-UNEP tal-2010 dwar ekonomija ekoloġika. [26] Bħala
eżempju ta’ dan l-indikatur, fl-2007, il-medja fl-UE kienet ta’ madwar
EUR 1.30 għal kull tunnellata, u kienet tvarja minn inqas minn 0.3
għal madwar 2.5. [27] COM(2011) 363. [28] Studju
tal-kumpanija COWI li se jinħareġ dalwaqt imsejjaħ
“L-ispiża li wieħed ma jimplimentax l-acquis ambjentali”.