EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0220

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni interim tal-Programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni”

/* KUMM/2011/0220 final */

52011DC0220

/* KUMM/2011/0220 final */ RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni interim tal-Programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni”


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 20.4.2011

KUMM(2011) 220 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni interim tal-Programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni”

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni interim tal-Programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni”

INTRODUZZJONI

Il-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni (YiA), li jimmira li jiżviluppa kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea, ikopri s-snin mill-2007 sal-2013. Skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-Programm[1], "Il-Kummissjoni għandha tissottometti (...) rapport interim ta' evalwazzjoni dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Programm".

Dan hu s-suġġett ta' dan ir-rapport, imsejjes fuq evalwazzjoni esterna indipendenti u fuq ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-YiA ppreżentati lill-Kummissjoni mill-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-YiA.

L-evalwazzjonijiet huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports

GĦANIJIET TAL-PROGRAMM

Sa mill-2007 l-implimentazzjoni tal-YiA:

- offriet liż-żgħażagħ opportunitajiet ta' tagħlim mhux formali, bl-għan li ssaħħaħ il-ħiliet u l-kompetenzi (l-impjegabbiltà) tagħhom kif ukoll iċ-ċittadinanza attiva (il-parteċipazzjoni) tagħhom,

- offriet lill-għaqdiet taż-żgħażagħ u lill-ħaddiema żgħażagħ opportunitajiet għal taħriġ u kooperazzjoni, bl-għan li saħħaħ il-professjonaliżmu u d-dimensjoni Ewropea tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ fl-Ewropa.

Dan joriġina mill-għanijiet ġenerali tal-YiA li huma:

1. "li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ b'mod ġenerali u ċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom b'mod partikolari;

2. li jiżviluppa s-solidarjetà u jippromwovi t-tolleranza fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari sabiex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali fl-UE;

3. li jħeġġeġ intendiment reċiproku bejn iż-żgħażagħ f'pajjiżi differenti;

4. li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità tas-sistemi ta' appoġġ għal attivitajiet taż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ;

5. li jippromwovi kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ"

u li "jikkumplimentaw l-għanijiet segwiti f'oqsma oħra tal-attivitajiet tal-Komunità, b'mod partikolari fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll f'oqsma oħra, bħall-kultura, l-isport u l-impjiegi".

ĊIFRI EWLENIN

L-eżiti kwantitattivi ewlenin tal-YiA matul it-tliet snin bejn l-2007 u l-2009 (ara l-Anness) huma dawn li ġejjin:

- aktar minn 380 000 persuna (278 000 żagħżugħ/a u 102 000 ħaddiema żgħażagħ) ħadu sehem fil-YiA;

- minn 42 700 proġett li ġew ippreżentati ngħataw 21 800 proġett (żieda ta' 14 % mill-2007 sal-2008 u ta' 18 % mill-2008 sal-2009); il-proporzjon tal-proġetti mogħtija naqas minn 52 % fl-2007 għal 43 % fl-2009;

- Il-YiA involviet madwar 20 000 promotur fis-sena (organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, gruppi informali taż-żgħażagħ, korpi pubbliċi...); skont analiżi mwettqa fuq id-dejta tal-2009, kien hemm rata ta' tiġdid sinifikanti minn sena għal sena (28 % biss mill-benefiċjarji tal-2009 kienu diġà benefiċjarji tal-YiA fl-2008).

L-approprjazzjonijiet operazzjonali allokati lill-YiA mill-2007 sal-2009 ammontaw għal EUR 405,4 miljuni (EUR 360,9 miljuni mill-baġit annwali ta' EUR 27 u EUR 44,5 miljuni li jikkorrispondu għal approprjazzjonijiet addizzjonali inklużi kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi tal-EFTA, taż-ŻEE u dawk kandidati) u ntużaw kompletament.

Minħabba l-għadd kbir ta' proġetti u l-ħtieġa ta' qrubija għall-benefiċjarji, il-YiA huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu (81 % tal-baġit) mmaniġġjat b'mod "deċentralizzat" mill-aġenziji nazzjonali (AN) mwaqqfa fil-pajjiżi parteċipanti. Tmien AN, minbarra l-missjoni tagħhom bħala AN għall-pajjiżi tagħhom, jikkostitwixxu SALTOs (Support, Advanced Learning and Training Opportunities – Opportunitajiet ta' Sostenn, Tagħlim u Taħriġ Avvanzat) – Ċentri ta' Riżorsi li jipprovdu sostenn għan-NA kollha billi jiżviluppaw oqsma speċjali ta' kompetenza ġeografika jew tematika. Il-YiA jsostni wkoll iċ-ċentri li jipprovdu tagħrif dwar opportunitajiet għaż-żgħażagħ mal-Ewropa kollha (in-netwerk Eurodesk).

Xi partijiet tal-YiA, li jeħtieġu approċċ "ċentralizzat" fil-livell Ewropew, huma mmaniġġjati mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

EVALWAZZJONI

Proċeduri

L-evalwazzjoni interim hija msejsa fuq:

- rapporti ta' evalwazzjoni mill-Istati Membri u pajjiżi parteċipanti oħra (rapporti nazzjonali);

- rapport imħejji minn evalwatur indipendenti estern li, flimkien mar-rapporti nazzjonali msemmija qabel u r-riżultati tal-monitoraġġ permanenti mwettaq mill-Kummissjoni, uża r-riżultati tar-riċerka tiegħu stess. Din l-evalwazzjoni esterna twettqet minn ECORYS, skont kuntratt ta' qafas konkluż mal-Kummissjoni fl-2006, wara sejħa għall-offerti.

L-approċċ magħżul għall-evalwazzjoni esterna kien imsejjes fuq l-attivitajiet li ġejjin:

- riċerka sekondarja;

- intervisti (partikolarment mal-benefiċjarji, l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-AN);

- gruppi ta' riflessjoni maż-żgħażagħ;

- l-esplojtazzjoni tar-riżultati ta' stħarriġ li tnieda mill-Kummissjoni f'Jannar 2010[2] fost kampjun ta' 4 550 parteċipant (żgħażagħ, ħaddiema żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ), bl-għan li jkejjel l-impatt tal-YiA fir-rigward tal-eżiti ta' tagħlim tiegħu u ċ-ċittadinanza attiva tal-parteċipanti żgħażagħ;

- kwestjonarju onlajn li tnieda minn ECORYS f'Ġunju 2010 fost kampjun ta' 3 920 parteċipanti żgħażagħ;

- kwestjonarju onlajn fost 2 000 żagħżugħ/a mhux parteċipanti (grupp ta' kontroll);

- ir-rapporti nazzjonali.

Konklużjonijiet tal-evalwaturi

L-evalwaturi waslu għal konklużjonijiet pożittivi ferm dwar għadd ta' aspetti li jirrigwardaw ir-relevanza, il-komplementarjetà u l-valur miżjud tal-YiA, l-effikaċja u l-effiċjenza tiegħu. Il-valutazzjoni tagħhom hija fil-biċċa l-kbira sostnuta mill-konklużjonijiet li tħejjew mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rapporti tagħhom.

Barra minn hekk, dawn jenfasizzaw bosta titjib meta mqabbla mal-Programm preċedenti, għalkemm il-loġika tal-intervent xorta għad għandha xi dgħufijiet u l-YiA għadu struttura kumplessa.

Dawn waslu wkoll għall-konklużjoni li l-YiA jitqabbel tajjeb ma' skemi oħra fir-rigward tas-"sodisfazzjon tal-klijenti" espress mill-parteċipanti. Ir-riżultati ferm pożittivi f'termini tas-sodisfazzjoni tal-parteċipanti tal-YiA huma kkonfermati meta jitqabblu mal-livell ta' sodisfazzjoni tal-grupp kampjun ta' dawk "mhux parteċipanti" li ħadu sehem fil-proġetti taż-żgħażagħ iffinanzjati minn skemi oħra.

Relevanza, komplementarjetà u valur miżjud

Il-YiA tindirizza l-problemi identifikati fil-waqt tal-adozzjoni tiegħu (bħal parteċipazzjoni baxxa fil-ħajja tal-komunità u l-kwistjoni tal-impjegabbiltà). Id-diversi Azzjonijiet jitqiesu rilevanti mill-parteċipanti żgħażagħ u minn partijiet interessati oħra. B'konformità mal-problemi attwali identifikati, xi partijiet interessati talbu biex issir enfasi aktar qawwija fuq l-impjegabbiltà; fuq il-bażi tal-analiżi tal-problema, dan il-fattur jista' jiġi rinfurzat, mingħajr ma jiddgħajfu l-għanijiet tal-parteċipazzjoni u billi titqies il-komplementarjetà tal-attivitajiet ma' programmi oħra. Is-sostenn għaż-żgħażagħ ħaddiema jitqies rilevanti għax jikkontribwixxi għall-kwalità tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u r-rikonoxximent tagħha kif ukoll għall-kwalità tal-edukazzjoni mhux formali. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jqisu l-YiA rilevanti għax bis-saħħa tiegħu jistgħu jittestjaw approċċi innovattivi kif ukoll jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom.

Il-YiA huwa integrat sewwa fil-politiki usa' tal-UE għaż-żgħażagħ li ġew definiti meta twaqqaf; dan jikkomplementa ferm ukoll l-istrateġiji li ġew adottati aktar reċentement, bħall-Qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)[3] u ż-Żgħażagħ Attivi[4].

F'termini ta' komplementarjetà, il-YiA jikkomplementa l-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja billi jiffoka fuq l-edukazzjoni mhux formali u jimmira lejn ħaddiema żgħażagħ li jsostnu liż-żgħażagħ. Barra minn hekk, l-għanijiet tiegħu huma marbuta mal-Programmi L-Ewropa għaċ-ċittadini u Kultura għalkemm l-ambitu tal-YiA huwa differenti billi jiffoka fuq it-tagħlim mhux formali u fuq iż-żgħażagħ bħala l-grupp destinatarju. Il-fatt li jiffoka fuq l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet huwa fattur uniku ieħor meta mqabbel ma' programmi oħra.

Hemm ukoll grad sinifikanti ta' komplementarjetà b'rabta mal-programmi nazzjonali. Il-kuntesti nazzjonali huma ferm differenti fost il-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm f'termini ta' politiki u programmi oħra disponibbli. Xi pajjiżi għandhom attivitajiet nazzjonali li huma komparabbli ma' dawk tal-YiA, speċjalment dawk li jsostnu l-inizjattivi u l-volontarjat maħsuba għaż-żgħażagħ. Għal grupp ieħor ta' pajjiżi, il-YiA huwa prinċipalment strument komplementari, billi jiffoka speċifikament fuq it-tagħlim mhux formali, ikopri skambju ta' għarfien u esperjenza fost il-pajjiżi parteċipanti, joffri opportunitajiet transnazzjonali u jpoġġi enfasi fuq is-soċjetà ċivili u l-inklużjoni soċjali. Fit-tielet grupp ta' pajjiżi, ftit li xejn hemm programmi maħsuba għaż-żgħażagħ, u l-YiA jpatti għan-nuqqas ta' finanzjament għal dan il-grupp destinatarju f'dawn il-pajjiżi.

F'termini ta' valur miżjud, il-kontribuzzjoni ewlenija tal-YiA hi li jiffaċilita l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, hemm evalwazzjoni pożittiva ta' ċerti aspetti bħall-ambitu tat-tagħlim mhux formali, il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ u l-possibbiltajiet ta' aktar tagħlim dwar l-Ewropa, u l-fatt li ż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet huma grupp destinatarju speċifiku. Għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ ħaddiema, l-iskambju internazzjonali tal-esperjenzi, it-tagħlim interkulturali u internazzjonali u l-opportunitajiet ta' taħriġ u netwerking jikkostitwixxu valur miżjud. Iż-żgħażagħ infushom jisħqu fuq l-aspett ta' kooperazzjoni, il-komponent internazzjonali u l-għażla wiesgħa ta' attivitajiet bħala aspetti ta' valur miżjud importanti tal-YiA.

L-iskambju ta' esperjenza u kooperazzjoni huma wħud mill-elementi l-aktar apprezzati tal-YiA, li ma jistgħux jinkisbu faċilment minn programm nazzjonali jew reġjonali; l-istess jgħodd b'rabta mal-miri ta' mobilità tal-YiA. L-attivitajiet li jistgħu jiġu implimentati f'pajjiż wieħed biss (bħall-inizjattivi tas-sub-Azzjoni Żgħażagħ) ħafna drabi jitqiesu bħala l-ewwel stadju fil-YiA u li għandhom livell limitu baxx ta' parteċipazzjoni, li hu veru speċjalment għaż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet; għaldaqstant, il-valur miżjud jinsab pjuttost fl-iskambju internazzjonali.

Effikaċja

Il-YiA huwa effettiv fl-ilħiq tal-għanijiet marbuta maż-żgħażagħ u għandu impatti soċjali lil hinn mit-tagħlim mhux formali. Għalkemm l-Azzjonijiet kollha jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-għanijiet, hemm differenzi fil-limiti safejn id-diversi sub-Azzjonijiet jagħmlu dan. L-iskambji fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari, jikkontribwixxu għas-sens ta' appartenenza għall-UE u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika; is-Servizz Volontarju Ewropew għandu l-ogħla kontribuzzjoni għall-impjegabbiltà, l-iżvilupp personali, il-mobilità u l-ħiliet lingwistiċi u l-inizjattivi taż-żgħażagħ jikkontribwixxu speċifikament biex jitħeġġu l-ispirtu imprenditorjali u l-kreattività. Iċ-ċertifikat tal-Youthpass (bl-għan li jivvaluta l-eżiti ta' tagħlim tal-parteċipazzjoni fi proġett tal-YiA) huwa għodda siewja biex jitjiebu l-possibbiltajiet fis-suq tax-xogħol.

Il-YiA jimmira b'mod effettiv lejn iż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet permezz tal-proġetti li jsostni. Jiġu organizzati attivitajiet oħra biex jilħqu l-grupp destinatarju, bħat-taħriġ u l-għoti ta' tagħrif dwar l-inklużjoni, li għandhom effett usa'. Madankollu, jista' jkun hemm opportunitajiet biex tiżdied l-inklużjoni ta' żgħażagħ inqas vantaġġati billi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jkomplu jitħeġġu biex jimmiraw lejn dan il-grupp.

Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma indikazzjoni ta' kontribuzzjoni pożittiva tal-YiA għall-iżvilupp tas-sistemi ta' sostenn tal-kwalità għall-attivitajiet taż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ. Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-ħaddiema żgħażagħ huma involuti fl-iskambji ta' prassi tajba u fil-ħolqien ta' netwerks. Id-dimensjoni internazzjonali hija apprezzata ferm u jinkiseb għarfien dwar it-tagħlim mhux formali fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ. Għaldaqstant, ġeneralment jiġi rrapportat titjib fil-kwalità tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.

L-influwenza tal-YiA fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija limitata. L-impatt tiegħu fuq il-politika u l-prassi nazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ huwa aktar promettenti għaliex l-AN huma involuti dejjem aktar fit-tfassil tal-politika.

Aktar minn żagħżugħ wieħed minn kull tlieta semgħu dwar il-YiA jew l-Azzjonijiet tiegħu[5]. Fl-istess waqt, il-parteċipanti kif ukoll dawk mhux parteċipanti fil-YiA jqisu li l-programm mhuwiex viżibbli jew ippubbliċizzat biżżejjed, u dan juri li għad jista' jitjieb aktar.

Il-YiA għandu impatt sostenibbli fuq il-parteċipanti u l-ħaddiema żgħażagħ f'termini ta' parteċipazzjoni f'avvenimenti wara l-YiA, f'ħidma ta' segwitu għall-NGOs u f'mobilità sussegwenti akbar. Is-sostenibbiltà f'termini ta' sħubiji u netwerks ta' organizzazzjonijiet tvarja filwaqt li hija aktar konsistenti fir-rigward tan-netwerks taż-żgħażagħ.

Il-YiA huwa importanti f'termini tas-sostenibbiltà fit-tul tat-tip ta' attivitajiet sostnuti minnu. Dawn l-attivitajiet probabbilment ma jistgħux jiġu sostnuti finanzjarjament minn għejun oħra fin-nuqqas tal-YiA. Il-partijiet interessati ġeneralment ma jistax ikollhom aċċess għal baġit addizzjonali fil-klima ekonomika attwali. Għaldaqstant, il-possibbiltajiet ta' żieda fil-livell ta' kofinanzjament huma limitati. Madankollu, fejn ikun possibbli, għandu jintalab il-kofinanzjament għaliex jistimola s-sjieda u jiġġenera għejun addizzjonali.

Effiċjenza

Il-YiA jinsab konformi man-nefqa b'rata ta' assorbiment għolja li tirriżulta minn interess qawwi fost il-partijiet interessati.

Għalkemm l-ispejjeż tal-maniġment tal-YiA b'mod ġenerali dehru relattivament għoljin, dan hu ġġustifikat bl-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li japplikaw għall-ewwel darba u ħafna drabi jkunu organizzazzjonijiet mingħajr esperjenza. L-AN żviluppaw approċċ ta' sostenn ta' livell għoli, li jikkontribwixxi wkoll konsiderevolment għall-bini tal-kapaċità ta' dawn l-organizzazzjonijiet. Barra minn hekk, il-fatt li l-attenzjoni tikkonċentra fuq proġetti żgħar iwassal għal għadd relattivament kbir ta' proġetti li jridu jintgħażlu, jiġu kuntrattati u mmonitorjati. Fl-aħħar nett, l-applikazzjonijiet joħorġu ħames darbiet fis-sena sabiex jiġu pprovduti aktar opportunitajiet biex wieħed japplika kif ukoll ma jintilifx l-impetu. Għaldaqstant, jinħtieġu riżorsi ta' maniġment biex isostnu l-punt fokali tal-YiA u l-bini ta' kapaċità b'konformità mal-għanijiet tal-Programm.

Il-baġit huwa mqassam b'mod xieraq u l-AN għandhom ftit flessibbiltà li jċaqilqu l-baġit bejn is-sub-Azzjonijiet, sabiex id-diviżjoni tkun adattata għal ħtiġjiet reali. B'mod ġenerali, l-AN jqisu lilhom infushom li għandhom biżżejjed persunal għall-kompiti tagħhom, li jitqiesu minn xi wħud minnhom bħala piż amministrattiv relattivament għoli, għalkemm il-biċċa l-kbira minnhom jixtiequ jwettqu aktar. It-titjib ta' xi għodod, bħall-għodda ta' monitoraġġ YouthLink, jista' potenzjalment jgħin biex jonqos dan il-piż.

Il-proċess ta' applikazzjoni ma joħloqx problemi sinifikanti f'termini tal-proċeduri ta' għażla u tat-tagħrif dwar fejn wieħed japplika (ċentralizzat jew deċentralizzat). Il-piż amministrattiv marbut mal-mili tal-formola ta' applikazzjoni u mar-rappurtar ġeneralment jitqies bħala għoli fid-dawl tal-baġits tal-proġetti disponibbli. Hemm talba għal aktar semplifikazzjoni, inqas kliem tekniku u l-għoti ta' għodod ta' rappurtar u applikazzjoni elettronika.

It-tqassim tal-kompiti bejn l-AN u l-Aġenzija Eżekuttiva (EACEA) ġeneralment huwa ċar, inkluż f'każijiet fejn Azzjoni tiġi implimentata fuq iż-żewġ livelli. Madankollu, aktar deċentralizzazzjoni tista' tkun ta' għajnuna. L-implimentazzjoni ċentralizzata għadha mixtieqa għal (a) sub-Azzjonijiet b'baġits limitati wisq biex jiġu implimentati b'mod effiċjenti fil-livell deċentralizzat, u (b) proġetti li jinvolvu partijiet interessati/benefiċjarji fil-livell tal-UE.

L-għodod ta' maniġment tjiebu konsiderevolment meta mqabbla mal-Programm preċedenti. Il-monitoraġġ huwa msejjes fuq indikaturi u ġew żviluppati bosta formati standard. Barra minn hekk, hemm livell għoli ta' sodisfazzjon fost il-benefiċjarji vis-à-vis l-istrutturi li jimplimentaw il-YiA.

Impatt ġenerali tal-YiA

Tista' tintwera konverġenza notevoli kemm fost l-evalwazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll b'rabta mal-evalwazzjoni mwettqa fil-livell Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt tal-YiA.

Il-parteċipazzjoni fil-YiA titqies bħala experjenza qawwija ta' tagħlim: "[Il-YiA] jagħmel kontribuzzjoni importanti biex jitħeġġeġ it-tagħlim mhux formali kif ukoll biex jitħeġġu u jiġu żviluppati l-kompetenzi ewlenin. Barra minn hekk, (...) il-YiA jgħin biex jiddistingwi t-tagħlim mhux formali bħala qasam separat ta' ksib ta' ħiliet." (DE) "[Dan] għandu impatt fuq il-ħajja tal-benefiċjarji tiegħu u jwassal għal opportunitajiet ta' edukazzjoni u impjieg aħjar." (UK)

Din l-esperjenza ta' tagħlim f'ambjent mhux formali tista' toħloq rabta mal-edukazzjoni formali u t-taħriġ: "Il-YiA jagħti lill-parteċipanti l-possibbiltajiet li mhumiex se jsibu fil-qafas tal-istituzzjonijiet edukattivi formali. Dawn il-possibbiltajiet miżjuda għandhom ukoll l-effett li jżidu x-xewqa tal-parteċipanti li mhumiex sejrin tajjeb fis-sistema edukattiva formali, li jissoktaw jew jerġgħu lura għas-settur edukattiv formali. Għaldaqstant, jidher li xi wħud mill-gruppi "li mhux faċli tilħaqhom" permezz tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-YiA, jistgħu jitħeġġu jkomplu t-tagħlim tagħhom, u b'hekk jikkontribwixxu għall-prijorità nazzjonali ta' 95 % ta' dawk li jtemmu l-edukazzjoni sekondarja għolja." (DK) "L-effetti soċjali u sekondarji l-aktar importanti huma li l-YiA jistimola l-innovazzjoni u jżid il-motivazzjoni taż-żgħażagħ biex jistudjaw." (NL)

Rigward il-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva: "Mill-perspettiva tal-politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ, il-YiA huwa għodda edukattiva importanti biex jiġi stimolat l-interess għar-realtajiet soċjali u politiċi Ewropej u għall-imġiba ċivika fuq il-bażi tal-valuri Ewropej." (RO) "L-attivitajiet (...) jitqiesu li jtejbu l-mod kif iż-żgħażagħ iħarsu lejn l-UE. (...) Il-YiA jtejjeb bil-kbir l-għarfien soċjali tal-parteċipanti kif ukoll is-sens ta' responsabbiltà u l-maturità tagħhom." (DK)

Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali jirrapportaw dwar il-ftuħ tal-YiA fil-konfront taż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet: "Iż-żgħażagħ qiegħda (...) sarulhom offerti speċifiċi. Hemm ukoll kooperazzjoni mal-Fond Estonjan ta' Assigurazzjoni għall-Qgħad." (EE) "Għal bosta żgħażagħ parteċipanti, din hija l-ewwel darba li jinsabu mhux biss barra mill-Isvezja, iżda mir-reġjun tagħhom." (SE)

Il-YiA jitqies li għandu impatt qawwi fuq il-professjonalizzazzjoni tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ: "Il-YiA għandu dimensjoni edukattiva qawwija, filwaqt li joħloq kontinwament kontributuri kompetenti ġodda għall-politika nazzjonali u Ewropej dwar iż-żgħażagħ. It-taħriġ imwettaq fil-YiA huwa ta' kwalità għolja, speċifiku u aġġornat." (FI) "Il-valur miżjud tal-YiA, għall-promoturi, jinsab fuq naħa waħda fit-taħriġ (kontinwu) tal-persunal tiegħu fir-rigward tat-temi u l-metodi ta' ħidma fil-qasam internazzjonali taż-żgħażagħ, fuq in-naħa l-oħra fit-twaqqif u l-iżvilupp ta' strutturi ta' netwerk u l-estensjoni jew il-profil tal-offerti tagħhom." (DE) "Permezz tal-aċċessibbiltà estiża, il-YiA rnexxielu jattira organizzazzjonijiet ġodda, kif ukoll kategoriji taż-żgħażagħ li jkollhom inqas aċċess għal programmi edukattivi ordinarji." (RO) "Mhuwiex probabbli li l-proġett se jissokta jekk il-finanzjament jieqaf għaliex mhu se jkun hemm l-ebda finanzjament mill-gvern Olandiż li jeħodlu postu u l-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji jindikaw li mingħajr finanzjament ma kinux jibdew il-proġett. It-tixrid u l-esplojtazzjoni tar-riżultati mill-proġetti sejrin tajjeb." (NL)

Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali jirrapportaw impatt sistemiku usa' tal-YiA: "Il-YiA ħoloq valur miżjud sinifikanti fil-livell nazzjonali. Dan daħħal il-kunċett ta' edukazzjoni mhux formali fil-qasam tal-edukazzjoni. (...) Barra minn hekk (...) dan il-Programm jipprovdi kontribuzzjonijiet sinfikanti għat-twaqqif ta' politiki dwar iż-żgħażagħ fit-Turkija." (TR) "Il-liġi ġdida dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, li ġiet infurzata fl-1 ta' Settembru 2010, hija sa ċertu punt imsejsa fuq l-esperjenza miksuba matul il-YiA, pereżempju din tenfasizza l-kuntest ta' tagħlim informali u mhux formali fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ." (EE) "It-tagħlim mhux formali huwa fundamentali fil-YiA u jirrappreżenta valur importanti biex titjieb it-tranżizzjoni bejn l-istudji u l-ħajja tax-xogħol taż-żgħażagħ. Dan il-Programm huwa marbut sewwa mal-prijoritajiet nazzjonali u għandu rwol importanti fis-sostenn tagħhom. Fost l-iżviluppi nazzjonali influwenzati mill-YiA, wieħed jista' jsemmi l-adozzjoni ta' skemi nazzjonali bħalma hu s-"Service volontaire d'orientation" (...) ispirat mis-Servizz Volontarju Ewropew." (LU)

L-importanza tal-YiA fil-kuntest nazzjonali tidher iktar biċ-ċar permezz ta' diversi eżempji: "Il-YiA għandu rwol partikolari billi ma hemm l-ebda politika koerenti dwar iż-żgħażagħ implimentata mill-Istat fil-livell nazzjonali. Dan jippermetti l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea [dwar iż-żgħażagħ] fil-livell nazzjonali, filwaqt li jagħti rwol ferm importanti lill-AN f'dan il-qasam fil-Polonja. (...) [Dan] huwa l-aqwa għodda użata għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni mhux formali fil-Polonja. (...) [Dan] jinsab fuq quddiem nett f'ċerti oqsma (skambji multilaterali, b'mod partikolari ma' pajjiżi mhux membri tal-UE). (...) [Dan] joffri opportunitajiet ta' żvilupp estensivi għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, kemm fir-rigward tal-użu ta' firxa wiesgħa ta' opportunitajiet ta' kofinanzjament ta' attivitajiet kif ukoll tal-iżvilupp personali tal-impjegati." (PL) "Il-firxa wiesgħa ta' azzjonijiet u tipi ta' attivitajiet jagħtu lill-gruppi destinatarji opportunitajiet differenti li mhumiex disponibbli fis-sistema nazzjonali." (DK) "Il-YiA jipprovdi għadd ta' opportunitajiet li mhumiex sostnuti x'imkien ieħor, bħalma huwa l-kunċett uniku tas-Servizz Volontarju Ewropew jew is-sostenn għal inizjattivi lokali taż-żgħażagħ, li hawnhekk jistgħu jitgħallmu għall-ewwel darba dwar l-immaniġġjar tal-proġett." (CZ) "Il-YiA jsostni attivitajiet li għalihom ma hemm kważi l-ebda finanzjament disponibbli". (BE-NL) "Il-YiA [isostni] s-settur taż-żgħażagħ f'Malta u permezz tiegħu l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jorganizzaw attivitajiet li, mingħajr is-sostenn tal-Programm, ma kinux ikunu possibbli." (MT)

RAKKOMANDAZZJONIJIET EWLENIN U KUMMENTI TAL-KUMMISSJONI

L-evalwaturi għamlu serje ta' rakkomandazzjonijiet li jikkostitwixxu reazzjoni importanti u spunti ta' riflessjoni b'rabta kemm mal-implimentazzjoni li għaddejja tal-YiA kif ukoll mal-eżerċizzju konċettwali rigward programm futur. Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin li saru ġew indikati hawn taħt (bil-korsiv), inkluża indikazzjoni ta' kif il-Kummissjoni beħsiebha tweġibhom.

Titjib tal-prinċipju bażiku ta' Programm futur

Għalkemm ġiet imtejba meta mqabbla mal-Programm preċedenti, il-loġika ta' intervent tal-YiA għad tista' titjieb iktar.

Il-Kummissjoni beħsiebha tnaqqas l-għadd ta' Azzjonijiet proposti fi Programm futur, bl-għan li tirrazzjonalizzah u tissemplifikah, li tagħmlu aktar viżibbli u jinqara aħjar u li r-riżultati tiegħu jkunu jistgħu jitkejlu aktar faċilment.

Titqies enfasi akbar fuq l-impjegabbiltà

L-istrateġiji ġodda li jipprovdu l-bażi għal programmi futuri jissuġġerixxu enfasi akbar fuq l-impjegabbiltà. Madankollu, dan għandu jsir mingħajr ma jintesew l-għanijiet tas-soċjetà civika u l-parteċipazzjoni tagħha.

Fil-kuntest ta' Żgħażagħ Attivi u tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ mill-ġdid l-enfasi tal-attivitajiet proposti għaż-żgħażagħ dwar id-dimensjoni ta' tagħlim tagħhom, bl-għan li ssostni bl-aktar mod effettiv il-ksib tal-ħiliet u l-kompetenzi permezz ta' attivitajiet mhux formali bħal dawn.

Tinżamm it-taħlita ta' sostenn għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-ħaddiema żgħażagħ u tal-għotjiet diretti għaż-żgħażagħ

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ jikkontribwixxi għal żieda fil-kwalità, u għadu meħtieġ finanzjament għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'attivitajiet ta' tagħlim mhux formali. Il-bilanċ attwali huwa xieraq u mhuwiex mixtieq l-għoti ta' sostenn għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-ħaddiema żgħażagħ akkost tal-għotjiet għaż-żgħażagħ, billi ma hemmx ħafna riżorsi oħra għall-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet tat-tip tal-YiA.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li Programm futur għandu jissokta jimmira lejn iż-żgħażagħ infushom, filwaqt li jqis l-effikaċja tal-attivitajiet u l-fatt li f'ċerti pajjiżi dawn huma l-uniċi opportunitajiet tranżnazzjonali offruti. Min-naħa l-oħra wieħed irid iqis il-limitu safejn jista' jintlaħaq impatt usa' billi jissaħħaħ is-sostenn għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ. Il-Programm futur irid joħloq bilanċ tajjeb bejn dawn iż-żewġ għanijiet.

Tissokta l-promozzjoni ta' Youthpass

Sabiex jiżdied il-valur ta' Youthpass, għandhom jintużaw aktar attivitajiet ta' promozzjoni u biex jitqajjem l-għarfien.

Youthpass ġie introdott għall-ewwel darba fl-2007 u fil-bidu ġie applikat għal numru limitat ta' Azzjonijiet tal-YiA. Il-Kummissjoni issa beħsiebha tippromwovih b'mod aktar wiesa'.

Promozzjoni u definizzjoni aħjar tal-ispejjeż koperti għaż-"żgħażagħ b'inqas opportunitajiet"

L-opportunitajiet ta' finanzjament addizzjonali proposti għaż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet jistgħu jiġu promossi u definiti aħjar.

Il-Kummissjoni beħsiebha tqis din ir-rakkomandazzjoni meta tiddefinixxi r-regoli ta' finanzjament fil-ġejjieni.

Jitjieb il-mod kif jiġu indirizzati ż-żgħażagħ permezz ta' strateġiji ta' komunikazzjoni addizzjonali

L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-ħaddiema żgħażagħ jidhru li ntlaħqu biżżejjed. Għaldaqstant, il-viżibilità u l-promozzjoni tal-YiA għandhom jgħaddu minn kanali addizzjonali biex ikunu jistgħu jilħqu grupp usa' Is-suġġerimenti jinkludu l-promozzjoni permezz tal-iskejjel, użu aħjar tal-Internet (b'tagħrif li jolqot aħjar l-interessi taż-żgħażagħ) u l-użu tal-midja soċjali.

Il-Kummissjoni beħsiebha ssegwi din ir-rakkomandazzjoni dwar żewġ aspetti: titjib tat-tixrid u l-esplojtazzjoni tar-riżultati tal-proġetti mogħtija (partikolarment permezz ta' pjattaforma bl-għan li turi r-riżultati tad-diversi programmi Ewropej fil-qasam tal-Edukazzjoni u l-Kultura); tisħiħ tal-viżibilità tal-YiA (possibbilment permezz ta' midja soċjali ġdida).

Jitqiesu miżuri biex jitnaqqas il-piż amministrattiv

Il-finanzjament ta' proġetti relattivament żgħar li jinvolvu organizzazzjonijiet qrib iċ-ċittadini huwa għażla espliċita magħmula fi ħdan il-YiA skont il-bażi legali tiegħu u jikkontribwixxi għall-bini ta' kapaċità fuq naħa waħda, iżda jimplika piż amministrattiv u spejjeż ta' maniġment relattivament għoljin fuq in-naħa l-oħra. Hu rrakkomandat li titwettaq investigazzjoni dwar jekk dawn jistgħux jitnaqqsu billi jiġu implimentati xi miżuri ta' effiċjenza.

L-implimentazzjoni tal-Programm futur għandha tiġi semplifikata b'diversi modi (ir-razzjonalizzazzjoni tal-azzjonijiet proposti, il-ħolqien tal-aħjar bilanċ bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kontrolli, jissaħħaħ l-użu ta' forom semplifikati ta' finanzjament b'rata fissa, eċċ.) bl-għan li jista' jintuża b'mod aktar faċli mill-benefiċjarji iżda wkoll jikkonsma inqas f'termini ta' riżorsi amministrattivi għall-organi eżekuttivi. Xi miżuri diġà se jiġu introdotti fil-Programm attwali.

It-titjib tas-sistema ta' monitoraġġ

It-tbiddil tas-sistema ta' monitoraġġ għal għodda ta' maniġment usa' jkun utli.

Il-Kummissjoni diġà nediet il-proċess bl-għan li jiddefinixxi sistema ta' maniġment u monitoraġġ aktar adegwata għall-Programm futur. Dan il-proċess jinvolvi grupp ta' utenti li jinkludi r-rappreżentanti tal-AN.

KONKLUŻJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

Il-valutazzjoni pożittiva li tirriżulta minn din l-evalwazzjoni interim tappoġġja r-riżultati tal-istħarriġ ta' monitoraġġ li tnieda fl-2010 fost id-diversi kategoriji ta' benefiċjarji tal-YiA, li wera inter alia li:

- 77 % tal-parteċipanti żgħażagħ tgħallmu aħjar kif jidentifikaw l-opportunitajiet għall-ġejjieni personali jew professjonali tagħhom u 66 % jemmnu li l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom tjiebu bis-saħħa tal-esperjenza tal-proġett;

- 88 % tal-ħaddiema żgħażagħ jqisu li kisbu ħiliet u għarfien li ma setgħux jiksbu permezz ta' proġetti organizzati f'livell nazzjonali;

- 92 % tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jqisu li hu "veru minnu" jew "xi ftit minnu" li l-parteċipazzjoni fi proġett sostnut minn Żgħażagħ fl-Azzjoni żied il-ħiliet maniġerjali tagħhom tal-proġett.

Il-Kummissjoni beħsiebha timplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula mill-evalwaturi bl-għan li tissokta ttejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza ta' Programm li jirċievi, sena wara sena, għadd dejjem akbar ta' talbiet għal għajnuna finanzjarja. Xi wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jwasslu għal pjan ta' azzjoni mmirat biex diġà jtejjeb il-maniġment tal-Programm attwali, filwaqt li oħrajn se jikkontribwixxu għad-definizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu proposti għaż-żgħażagħ fil-livell Ewropew wara li l-Programm attwali Żgħażagħ fl-Azzjoni jasal fi tmiemu.

Anness

Żgħażagħ fl-Azzjoni – Riżultati 2007-2009

Riżultat (MioEUR) | Numru ta’ proġetti magħżula | Numru ta’ parteċipanti |

Żgħażagħ għall-Ewropa |

1.1 | Skambji taż-żgħażagħ | 82.293 | 3 947 | 123 286 |

1.2 | Sostenn għall-inizjattivi taż-żgħażagħ | 29.244 | 3 970 | 40 396 |

1.3 | Proġetti ta' demokrazija parteċipattiva | 21.315 | 301 | 22 647 |

Servizz Volontarju Ewropew |

Servizz Volontarju Ewropew | 128.023 | 6 675 | 16 491 |

Żgħażagħ fid-Dinja |

3.1 | Kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-UE | 23.140 | 1 511 | 40 807 |

3.2 | Kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra | 7.360 | 85 | - |

Sistemi ta’ sostenn għaż-żgħażagħ |

4.1 | Sostenn għall-korpi attivi fil-livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ | 8.965 | 275 | - |

4.2 | Sostenn għall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ | 6.855 | - | - |

4.3 | Taħriġ u netwerking ta’ dawk attivi fil-ħidma u fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ | 37.634 | 4 630 | 88 313 |

4.4 | Proġetti li jħeġġu l-innovazzjoni u l-kwalità | 2.314 | 28 | - |

4.5 | L-attivitajiet ta’ tagħrif għaż-żgħażagħ u għal dawk attivi fil-ħidma u fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ | 2.448 | 37 | - |

4.6 | Proġetti ta' sħubijiet | 1.950 | 30 | 11 785 |

4.7 | Sostenn għall-istrutturi tal-Programm | 39.552 | - | - |

4.8 | Żieda mal-valur tal-Programm | 1.311 | - | - |

Sostenn għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ |

5.1 | Laqgħat ta’ żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika taż-żgħażagħ | 10.363 | 283 | 37 432 |

5.2 | Sostenn għall-attivitajiet maħsuba għal fehim u għarfien aħjar tal-qasam taż-żgħażagħ | 0.134 | - | - |

5.3 | Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali | 2.476 | - | - |

Total | 405.377 | 21 772 | 381 157 |

[1] ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

[2] http://ec.europa.eu/youth/focus/focus1757_en.htm

[3] ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

[4] COM/2010/0477 finali tal-15.09.2010.

[5] Stħarriġ fost dawk mhux parteċipanti

Top