Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0128

GREEN PAPER dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern

/* KUMM(2011) 128 finali */

52011DC0128




[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 24.3.2011

KUMM(2011) 128 finali

GREEN PAPER

dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern

SEG(2011) 321 finali

WERREJ

GREEN PAPER dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern 3

1. Ir-regolazzjoni tal-logħob tal-azzard onlajn fl-UE: Żviluppi riċenti u sfidi attwali mil-lat tas-suq intern 6

1.1. L-iskop tal-konsultazzjoni 6

1.2. Il-logħob tal-azzard onlajn fl-UE: is-sitwazzjoni attwali 8

2. Kwistjonijiet ewlenin ta' politika soġġetti għall-konsultazzjoni attwali 9

2.1. Id-definizzjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn 9

2.2. Servizzi relatati mwettqa u/jew użati mill-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn 9

2.3. Għanijiet ta' interess pubbliku 9

2.3.1. Il-protezzjoni tal-konsumatur 9

2.3.2. Ordni pubblika 9

2.3.3. Il-finanzjament ta' attivitajiet benevolenti u ta' interess pubbliku kif ukoll avvenimenti li fuqhom jiddependu l-imħatri fuq l-isports 9

2.4. L-infurzar u kwistjonijiet relatati 9

GREEN PAPER

dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern

L-iskop ta' din il-Green paper huwa li tvara konsultazzjoni pubblika estensiva dwar l-isfidi rilevanti kollha għall-politika pubblika u kwistjonijiet possibbli għas-Suq Intern li jirriżultaw mill-iżvilupp rapidu kemm tal-offerti leċiti ta' logħob tal-azzard onlajn kif ukoll ta' dawk li mhumiex li huma indirizzati lejn iċ-ċittadini li jinsabu fl-UE.

B'mod ġenerali, attwalment hemm żewġ mudelli ta' oqfsa regolatorji nazzjonali applikati fil-qasam tal-logħob tal-azzard: wieħed li huwa bbażat fuq operaturi liċenzjati li jipprovdu servizz f'qafas regolat b'mod strett u ieħor ibbażat fuq monopolju kkontrollat b'mod strett (bħala sjieda tal-istat jew mod ieħor). Fil-passat, dawn iż-żewġ mudelli irnexxielhom jikkoeżistu fi ħdan is-suq intern meta wieħed iqis il-possibbiltajiet rilettivament limitati ta' bejgħ ta' servizzi tal-logħob tal-azzard bejn il-fruntieri li kien hemm.

Is-suq tal-logħob tal-azzard onlajn huwa l-qasam li qed jikber l-aktar malajr mis-suq kollu tal-azzard, bi dħul annwali li jissupera l-EUR 6,16 biljun fl-2008[1] Għaldaqstant il-monopolji, ta' spiss, ġew awtorizzati li jiżviluppaw attivitajiet onlajn u ċerti Stati Membri[2] b'sistemi ta' monopolji gradwalment għażlu li jiftħu s-swieq tagħhom tal-logħob tal-azzard u tal-imħatri onlajn. Huwa importanti li jiġi nnutat li l-imħatri fuq l-isports, għall-kuntrarju ta' forom oħra ta' logħob tal-azzard, f'ċerti sistemi regolatorji huma soġġetti għal sistemi ta' għoti tal-liċenzji relattivament laxki. Fil-qosor, l-iżvilupp tal-internet u l-provvista dejjem akbar ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn għamluha aktar diffiċli biex il-mudelli regolatorji nazzjonali differenti jikkoeżistu.

L-isfidi li ġejjin mill-koeżistenza ta' mudelli regolatorji differenti jidhru mill-għadd ta' digrieti preliminari f'dan il-qasam kif ukoll mill-iżvilupp tal-hekk imsejħa swieq onlajn "griżi[3]" u illegali madwar l-Istati Membri. L-infurzar tar-regoli nazzjonali qed jaffronta bosta sfidi tant li tqajmet il-kwistjoni dwar jekk hemmx bżonn ta' kooperazzjoni amministrattiva msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jew ta' tipi oħra ta' azzjoni. Minbarra dan, minn 14,823 sit attiv tal-logħob tal-azzard fl-Ewropa aktar minn 85 % minnhom joperaw mingħajr l-ebda liċenzja[4].

Fid-dawl tal-impatt transfruntier, evidenti minnu nnifsu, ta' dan it-tkabbir fis-servizz tal-logħob tal-azzard onlajn, kemm fid-dimensjoni legali kif ukoll f'dik mhux awtorizzata tiegħu, kif ukoll tar-rabta tiegħu ma' ħafna kwistjonijiet li diġà ġew indirizzati fil-leġiżlazzjoni tal-UE, il-ħsieb tal-Kummissjoni hu li teżawrixxi għadd ta' kwistjonijiet relatati mal-effetti, u t-tweġibiet possibbli tal-politika pubblika, għal dan it-tkabbir fl-attività tal-logħob tal-azzard onlajn sabiex ikollha stampa sħiħa tas-sitwazzjoni eżistenti, biex tiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri u tiddetermina jekk il-mudelli regolatorji nazzjonali differenti għal-logħob tal-azzard jistgħux jikkoeżistu u jekk hijiex meħtieġa azzjoni speċifika fl-UE għal dak l-iskop. Din il-konsultazzjoni tirreaġixxi wkoll għal serje ta' konklużjonijiet tal-Presidenza (2008-2010) u għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-integrità tal-logħob tal-azzard onlajn (2009).

Il-Kummissjoni qiegħda tvara din il-konsultazzjoni b'moħħ miftuħ jiġifieri ma tippreġudikax il-konklużjonijiet li sussegwentement jistgħu joħorġu fir-rigward tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni, il-forma ta' tali azzjoni, kif xieraq, u f'liema livell għandha tittieħed tali azzjoni. L-iskop fundamentali tagħha hija li tiġbor il-fatti, tivvaluta l-interessi u tiġbor il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha dwar fenomenu li għandu aktar minn dimensjoni waħda.

Qed jintlaqgħu kummenti dwar l-aspetti kollha tad-dokument jew uħud minnhom. Mistoqsijiet speċifiċi huma elenkati wara kull taqsima.

Il-konsultazzjoni u l-mistoqsijiet li jinsabu f'dan id-dokument jiffukaw primarjament fuq il-logħob tal-azzard onlajn, u kwistjonijiet marbuta mal-moviment liberu tas-servizzi (Artikolu 56 TFUE), minħabba il-provvista transfruntiera żviluppata sew ta' tali servizzi. Madankollu, minkejja li din il-konsultazzjoni ma tiffukax fuq il-libertà tal-istabbiliment (Artikolu 49 TFUE) għadd ta' kwistjonijiet jistgħu jkunu wkoll ta' rilevanza diretta għal servizzi oħra tal-logħob tal-azzard onlajn (offruti fi stabbilimenti "li għandhom preżenza fiżika"). Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza wkoll li, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam, kull Stat Membru għandu jiddetermina f'dawk l-oqsma, skont l-iskala ta' valuri tagħhom, dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-interessi konċernati huma protetti, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanja din il-Green Paper huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/internal_market/services/gambling_en.htm

Dan id-dokument ta' ħidma tal-persunal jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-partijiet interessati involuti marbuta mal-interessi tagħhom, id-daqs tas-suq tal-logħob tal-azzard onlajn, il-leġiżlazzjoni sekondarja, il-ġurisprudenza u n-notifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-ambitu tad-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi

L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-partijiet interessati l-oħra huma mistiedna li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom fuq is-suġġerimenti mogħtija f'din il-Green Paper. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintbagħtu lil wieħed mill-indirizzi li ġejjin sabiex jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard mill- 31 ta' Lulju 2011 .

markt-gambling@ec.europa.eu

Il-Kummissjoni Ewropea

DĠ Suq Intern u Servizzi

[J-59 08/061]

Rue de la Loi 200

B-1049

Il-kontribuzzjonijiet se jiġu ppubblikati wkoll fuq l-internet. Huwa importanti wkoll li tinqara d-dikjarazzjoni speċifika ta' privatezza mehmuża ma' din il-Green Paper[5] għal informazzjoni dwar il-ġestjoni tad-dejta personali u l-kontribuzzjonijiet. Il-Kummissjoni titlob lill-organizzazzjonijiet li jixtiequ jippreżentaw kummenti fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet pubbliċi sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-pubbliku kollu informazzjoni dwar min jirrappreżentaw u xiex. Jekk organizzazzjoni tiddeċiedi li ma tipprovdix din l-informazzjoni, hija l-politika dikjarata tal-Kummissjoni li telenka l-kontribuzzjoni bħala parti mill-kontribuzzjonijiet individwali. (Standards ta' Konsultazzjoni, ara COM(2002) 704, u l-Komunikazzjoni dwar is-Segwitu tal-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza, ara COM(2007) 127 tal-21.3.2007)

Flimkien ma' dan, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li torganizza laqgħat ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u oħrajn immirati għall-partijiet interessati kif ukoll sessjonijiet ta' ħidma għall-esperti. Fis-segwitu għal din il-Green Paper u abbażi tal-konklużjonijiet miġbuda mir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tqis il-passi li jmiss li għandhom jittieħdu.

1. Ir-regolazzjoni tal-logħob tal-azzard onlajn fl-UE: Żviluppi riċenti u sfidi attwali mil-lat tas-suq intern

1.1. L-iskop tal-konsultazzjoni

Din il-Green paper tvara konsultazzjoni pubblika dwar ir-regolazzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern. Tipprova tiġbor il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha sabiex jinkiseb fehim aħjar tal-kwistjonijiet speċifiċi mqajma mill-iżvilupp ta' offerti ta' servizzi ta' logħob tal-azzard onlajn, kemm dawk legali kif ukoll dawk "mhux awtorizzati", indirizzati lejn il-konsumaturi li jinsabu fl-UE. Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tiġbor informazzjoni dwar l-eżistenza u l-grad tar-riskji għas-soċjetà u għall-ordni pubblika assoċjati ma' din l-attività. Minbarra dan, tfittex kontribuzzjonijiet dwar il-mezzi regolatorji u tekniċi li l-Istati Membri jużaw jew li jistgħu jużaw sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi, il-ħarsien tal-ordni pubblika jew interessi pubbliċi oħra, u l-effikaċja tagħhom, fid-dawl tal-ħtieġa ta' applikazzjoni proporzjonata, sistematika u koerenti tal-politika tagħhom fir-rigward tal-logħob tal-azzard onlajn. Fl-aħħar, il-konsultazzjoni għandha tgħin sabiex tidentifika jekk ir-regoli attwali applikabbli għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fuq livell ta' UE humiex adegwati sabiex tiġi żgurata l-koeżistenza ġenerali tas-sistemi nazzjonali u biex tara jekk kooperazzjoni akbar fuq livell ta' UE tistax tgħin lill-Istati Membri biex dawn jiksbu b'mod aktar effettiv l-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-azzard.

Illum is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn huma offruti u użati b'mod wiesa' fl-UE u l-valur ekonomiku tal-qasam qiegħed dejjem jikber. L-offerta onlajn hija l-qasam tas-suq tal-logħob tal-azzard li qiegħed jikber l-aktar malajr. Dan jammonta għal 7.5 % tad-dħul annwali mis-suq tal-logħob tal-azzard kollu fl-2008, u huwa mistenni li jirdoppja fid-daqs sal-2013. Fl-istess waqt, il-qafas regolatorju applikabbli għal-logħob tal-azzard ivarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Filwaqt li ċerti Stati Membri jillimitaw jew saħansitra jipprojbixxu l-offerta ta' ċertu logħob tal-azzard, oħrajn għandhom swieq aktar miftuħa. Dan l-aħħar, bosta Stati Membri rrevedew ukoll il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-logħob tal-azzard jew qegħdin fil-proċess li jagħmlu dan fid-dawl tat-tkabbir tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn.

Il-miġja tal-internet u t-tkabbir rapidu tal-opportunitajiet tal-logħob tal-azzard onlajn flimkien mar-regolamenti nazzjonali konsiderevolment differenti bejniethom wasslu mhux biss għal offerta legali dejjem akbar tas-servizzi tal-logħob tal-azzard f'ċerti Stati Membri iżda wkoll fl-iżvilupp ta' suq taransfruntier sinifikanti mhux awtorizzat. Dan jikkonsisti kemm minn suq iswed (b'imħatri u logħob klandestini bla liċenzja inklużi dawk minn pajjiżi terzi) u l-hekk imsejjaħ suq "griż" (operaturi liċenzjati kif xieraq fi Stat Membru wieħed jew aktar li jippromwovu u/jew jipprovdu servizzi tal-logħob tal-azzard liċ-ċittadini fi Stati Membri oħra mingħajr ma jkunu kisbu awtorizzazzjoni speċifika f'dawk il-pajjiżi). Dan is-suq transfruntier mhux awtorizzat jibqa' aċċessibbli għall-konsumaturi, kemm minħabba tolleranza de facto jew nuqqas ta' infurzar effettiv, u dan flimkien mal-offerti legali nazzjonali li huma disponibbli għall-konsumaturi skont is-sitwazzjoni legali li tiddomina fl-Istati Membri fejn jinsabu.

Mil-Lulju tal-2008, l-Istati Membri, fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment u s-Servizzi, iddiskutew kwistjonijiet ta' interess komuni fir-rigward tal-qasam tal-logħob tal-azzard. Presidenzi konsekuttivi talbu għal parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni Ewropea u għal konsultazzjonijiet dettaljati. Fl-2008[6], il-Presidenza Franċiża ssuġġeriet li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltà, fi żmien opportun, li tressaq proposti biex tidentifika l-passi li għandhom jittieħdu. Il-Presidenza Svediża ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvolvi ruħha fil-ħidma fuq din it-tema sabiex tiġi indirizzata r-responsabbiltà fil-logħob tal-azzard[7] u l-Presidenza Spanjola stiednet lill-Kummissjoni biex tibda konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-Istati Membri fid-dawl tal-azzjonijiet tal-UE f'dan il-qasam[8]. Aktar reċentement, taħt il-Presidenza Belġjana, l-Istati Membri kollha ftehmu dwar konklużjonijiet tal-Kunsill li jilqgħu b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni wiesgħa mill-Kummissjoni Ewropea dwar logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern li se twassal għal diskussjoni fil-fond dwar kwistjonijiet imqajma, b'mod partikolari, mis-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn. Dawn il-konklużjonijiet, li ġew adottati fl-10 ta' Diċembru 2010[9] indirizzaw ukoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji u nnutaw li s-sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern tista' ssir għodda ewlenija fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni amministrattiva.

Din il-Green paper tirreaġixxi wkoll għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-10 ta' Marzu 2009 li stiednet lill-Kummissjoni biex tistudja, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet nazzjonali, l-effetti ekonomiċi u dawk mhux ekonomiċi dwar il-provvista ta' servizzi transfruntieri ta' logħob tal-azzard fir-rigward ta' firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet[10].

Fl-ambitu tal-liġi tal-UE, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, is-servizzi tal-logħob tal-azzard huma fl-ambitu tal-Artikolu 56 tat-TFUE u għaldaqstant huma koperti mir-regoli dwar il-provvista ta' servizzi. Skont dawn ir-regoli, l-operaturi awtorizzati fi Stat Membru wieħed jista' jipprovdi servizzi lil konsumaturi fi Stati Membri oħra, sakemm dawk ma jimponux restrizzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku, bħall-protezzjoni tal-konsumatur jew il-ħtieġa ġenerali li tiġi mħarsa l-ordni pubblika. Il-politika ġenerali tal-Istati Membri fir-rigward tal-logħob tal-azzard onlajn għandha tkun proporzjonata u applikata b'mod konsistenti u sistematiku. Minbarra dan, tali restrizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE: għalkemm is-servizzi tal-logħob tal-azzard mhumiex regolati minn regolament għal settur speċifiku fuq livell ta' UE u huma esklużi minn atti orrizontali bħad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE) jew id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (2000/31/KE), dawn huma soġġetti għar-regoli fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE[11].

Fid-dawl tat-tendenzi reċenti, ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-logħob tal-azzard onlajn minn kull Stat Membru huwa mistenni li jkompli jvarja konsiderevolment, bl-effett li dik li hija, jew dik li se tkun, ikkunsidrata bħala offerta legali minn Stat Membru wieħed se tkompli tiġi meqsuja bħala waħda "mhux legali" (jiġifieri ma tkunx impliċitament jew espliċitament awtorizzata) fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. Flimkien ma' dan, l-infurzar effikaċi, safejn huwa soġġett għal kundizzjonijiet legali stabbiliti hawn fuq, huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar il-logħob tal-azzard tal-Istati Membri.

L-għan tal-Kummissjoni huwa li tikkontribwixxi, permezz ta' din il-konsultazzjoni u msejjes fuq l-involviment attiv tal-Istati Membri, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, lejn l-iżvilupp fl-Istati Membri ta' qafas legali għal-logħob tal-azzard onlajn li jipprovdi ċertezza legali akbar għall-partijiet interessati kollha. Il-konsultazzjoni għandha tilqa' l-għanijiet rilevanti kollha ta' interess pubbliku li huma affettwati xi mod jew ieħor minn din l-attività u għandha tippermetti li ssir identifikazzjoni tal-aħjar modi possibbli biex jiġu rrikonċiljati mal-prinċipji tas-Suq Intern. Fit-tmiem ta' dan il-proċess u fid-dawl tat-tweġibiet milqugħa, il-Kummissjoni se tirrapporta fuq dak li jidher bħala l-aktar segwitu xieraq.

1.2. Il-logħob tal-azzard onlajn fl-UE: is-sitwazzjoni attwali

Elementi ewlenin tal-industrija tal-logħob tal-azzard onlajn li topera fl-UE

Fl-2008, id-dħul annwali ġġenerat mis-settur tas-servizzi tal-logħob tal-azzard, imkejjel abbażi tal-Dħul Gross mil-Logħob (GGR) (i.e. il-ġugati bil-premji mnaqqsa iżda bl-inklużjoni tal-bonusijiet), ġie stmat għal EUR 75,9 biljun (UE 27[12]), li juri s-sinfikat ekonomiku tas-settur. Is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn jammontaw għal dħul annwali li jissupera is-EUR 6.16 biljun, 7.5 % tas-suq tal-logħob tal-azzard kollu. Dan is-suq onlajn huwa l-qasam li qiegħed jikber l-aktar malajr u fl-2008 kien mistenni li jirdoppja fuq perjodu ta' ħames snin[13].

Il-mezzi ta' trażmissjoni għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji, b'mod partikolari, l-internet, l-applikazzjonijiet tal-mowbajls u l-IPTV:

2003 | 2008 | 2012 | Żieda pproġettata |

L-internet | EUR 4.8 bn | EUR 5.9 bn | EUR 7.32 bn | 152.5% |

Il-mowbajls/ oħrajn | EUR 0.78 bn | EUR na | EUR 3.51 bn | 450.0 % |

IPTV[14] | EUR 0.32 bn | EUR na | EUR 1.33 bn | 415.6% |

Grafika 1. Żieda pproġettata fit-tliet kategoriji ewlenin tal-logħob tal-azzard mill-bogħod[15].

Il-livelli nazzjonali ta' domanda għal dawn is-servizzi onlajn ivarjaw madwar l-Unjoni skont għadd ta' fatturi. F'dak ir-rigward, mhijiex sorpriża li r-Renju Unit huwa attwalment l-akbar suq meta jitqies li s-suq tiegħu tal-kummerċ elettroniku huwa d-doppju fid-daqs imqabbel mal-medja għall-Istati Membri[16]. Madankollu, huwa interessanti li jiġi nnutat li wħud mill-akbar swieq fl-2008 kienu Stati Membri kkaratterizzati minn mudell regolatorju restrittiv, jiġifieri Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Isvezja.

[pic]Grafika 2. L-akbar ħames swieq nazzjonali tal-logħob tal-azzard fl-UE fl-2008 (GGR f'bn ta' EUR)[17]

Attwalment l-internet huwa l-aktar mezz sinifikanti iżda rati għoljin ħafna ta' tkabbir huma mistennija permezz tal-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet ġodda għall-mowbajls. Huma offruti ħames kategoriji ewlenin ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn (ara Grafika 3).

[pic]

Grafika 3. Tqassim tad-Dħul Gross tal-Logħob skont it-tip ta' servizz ta' logħob tal-azzard onlajn (UE 27)[18]

Firxa wiesgħa ta' partijiet interessati għandhom interess fil-provvista jew promozzjoni ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn jew huma affettwati minnhom. Dawn jinkludu ċ-ċittadini, l-operaturi, il-midja, l-intermedjarji, l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi, klabbs u assoċjazzjonijiet, kawżi ġusti u benefiċjarji oħra[19].

Fir-rigward taċ-ċittadini, is-suq għal-logħob tal-azzard (onlajn u offlajn) huwa wieħed minn 50 suq kopert mill-Istħarriġ ta' Monitoraġġ tas-Suq tal-Konsumatur. Is-suq ġie kklassifikat fid-29 post mill-50 suq inkluż. Il-klassifikazzjoni tal-konsumatur għal "komparabbiltà" hija relattivament għolja, il-klassifikazzjoni għal "fiduċja" hija medja u l-klassifikazzjoni għal "problemi esperjenzati" hija ferm aktar baxxa mill-medja. Il-klassifikazzjoni ġenerali biex jiġi ddeterminat jekk il-prodott laħaqx l-aspettativi tal-konsumaturi hija relattivament baxxa iżda din forsi hija xi ħaġa mistennija meta titqies in-natura tal-prodott[20].

Mistoqsijiet:

(1) Taf b'xi dejta jew studji disponibbli dwar is-suq tal-logħob tal-azzard onlajn tal-UE li jistgħu jgħinu fit-tfassil tal-politika fuq livell tal-UE u dak nazzjonali? Jekk iva, id-dejta jew studju jinkludu operaturi liċenzjati minn barra l-UE fis-suq tal-UE?

(2) Taf b'xi dejta jew studji disponibbli relatati man-natura u d-daqs tas-suq iswed għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn? (Operaturi mhux liċenzjati)

(3) X'esperjenza għandek, jekk dan hu l-każ, dwar l-operaturi tal-logħob tal-azzard ibbażati fl-UE liċenzjati fi Stat Membru jew aktar u li jipprovdu u jippromwovu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE? X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar l-impatt tagħhom fuq swieq korrispondenti u l-konsumaturi tagħhom?

(4) X'inhi l-esperjenza tiegħek, jekk hemm, dwar operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn mhux ibbażati fl-UE li jipprovdu u jippromwovu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri tal-UE? X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar l-impatt tagħhom fuq swieq korrispondenti u l-konsumaturi tagħhom?

Il-logħob tal-azzard onlajn fl-ambitu tar-regoli tat-Trattati

Is-sitwazzjoni regolatorja għal-logħob tal-azzard onlajn hija kkaratterizzata mill-fatt li fl-2006 il-Kummissjoni, fuq talba unanima tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew fl-ewwel qari, eskludiet is-servizzi tal-logħob tal-azzard mill-ambitu tal-proposta mmodifikata għal direttiva dwar is-Servizzi[21]. Bħala konsegwenza tan-nuqqas ta' rieda politika biex tiġi kkunsidrata l-adozzjoni tal-liġi sekondarja f'dan is-settur, il-fokus dar fuq l-applikazzjoni tal-liġi primarja. Għadd ta' proċeduri ta' ksur[22] kontra r-restrizzjonijiet transfruntieri għal tali servizzi ġew ipproċessati bħala riżultat tal-bosta lmenti mressqa lill-Kummissjoni għal vjolazzjonijiet allegati tat-Trattat. Hekk kif issa l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE żviluppat u stabbilixxiet għadd ta' prinċipji ta' gwida, proporzjon sinifikanti tal-Istati Membri, li l-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur kontrihom, minn dak iż-żmien 'l hawn varaw riformi regolatorji nazzjonali għal-logħob tal-azzard u iktar minn 150 abbozz ta' Atti u regolamenti ġew innotifikati lill-Kummissjoni[23].

Studju li sar mill-Kummissjoni fl-2006[24] li jeżamina l-liġijiet varji li jirregolaw is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn u offlajn[25] u l-impatti tagħhom fuq il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern għal dawn is-servizzi u dawk assoċjati, ippreżenta stampa ta' Suq Intern ifframmentat ħafna fejn l-Istati Membri ta' spiss jimponu restrizzjonijiet fuq is-servizzi transfruntieri tal-logħob tal-azzard. L-interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali mhux dejjem kienet ċara u l-istudju elenka madwar 600 każ quddiem il-Qrati nazzjonali li jixhdu l-inċertezza legali sinifikanti li taffettwa s-suq tal-UE għal tali servizzi[26].

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-Artikolu 56 tat-TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi lil riċevituri fi Stati Membri oħra. F' Schindler [27], il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE kkonfermat għall-ewwel darba li l-provvista u l-użu ta' offerti transfruntieri ta' logħob tal-azzard hija attività ekonomiku li hija fl-ambitu tat-Trattat. Minbarra dan, f' Gambelli [28], il-Qorti stabbilixxiet li s-servizzi offruti permezz ta' mezzi elettroniċi kienu koperti u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi operaturi stabbiliti fi Stat Membru milli joffru servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn lil konsumaturi fi Stat Membru ieħor, jew li jfixklu l-libertà li jirċievu jew jibbenefikaw bħala riċevituri tas-servizzi offruti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Restrizzjonijiet huma biss aċċettati bħala miżuri eċċezzjonali espliċitament previsti fl-Artikoli 51 u 52 TFUE, jew iġġustifikati, skont il-każistika tal-Qortim għal raġunijiet prevalenti ta' interess ġenerali. Ċertu għadd ta' raġunijiet prevalenti ta' interess ġenerali ġew rikonoxxuti mill-Qorti bħall-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-prevenzjoni tal-frodi kif ukoll l-inċitament għall-infiq eċċessiv fuq logħob, kif ukoll il-ħtieġa ġenerali li tiġi mħarsa l-ordni pubblika. It-tnaqqis fid-dħul mit-taxxa madankollu mhuwiex wieħed mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 52 tat-TFUE u ma jikkostitwix suġġett ta' interess ġenerali prevalwnti. Il-kwistjonijiet għas-soċjetà rikonoxxuti jistgħu kollha jservu biex jiġġustifikaw il-ħtieġa tal-awtoritajiet nazzjonali li jkollhom marġni suffiċjenti ta' diskrezzjoni biex jiddeterminaw x'jeħtieġu l-protezzjoni tal-konsumatur u l-ħarsien tal-ordni pubblika f'termini tat-tip ta' servizz ipprovdut f'dan il-qasam[29].

Il-każistika tesiġi wkoll li l-provvista ta' tali servizz u r-restrizzjonijiet transfruntieri li jistgħu jirriżultaw mill-approċċ regolatorju għandhom iġibu magħhom tnaqqis ġenwin fl-opportunitajiet ta' logħob tal-azzard u għandhom jiġu applikati b'mod konsistenti u sistematiku għal dawk kollha li qed joffru servizz fiż-żona[30]. Sakemm l-awtoritajiet ta' Stat Membru jinċitaw u jinkoraġġixxu lill-konsumaturi biex jipparteċipaw f'lotteriji, logħob tax-xorti u mħatri għall-benefiċċju finanzjarju tal-kontijiet pubbliċi, l-awtoritajiet ta' dak l-Istat ma jistgħux jinvokaw it-tħassib marbut mal-ordni pubblika relatat mal-ħtieġa li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta' mħatri sabiex jiġu ġġustifikati r-restrizzjonijiet[31]. Ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni u għandhom ikunu proporzjonati, jiġifieri, għandhom ikunu adattati biex jintlaħaq l-għan stabbilit minnhom u mhux imorru lilhinn dawk li huwa meħtieġ biex jintlaħaq. Il-proċedura għall-għoti ta' liċenzja hija marbuta li tikkonforma mal-prinċipji ta' trattament ugwali u nondiskriminazzjoni u bl-obbligu sussegwenti ta' trasparenza[32].

Ta' interess partikolari għal din il-konsultazzjoni hija l-fehma tal-Qorti li s-servizzi tal-logħob tal-azzard permezz tal-internet għandhom bosta karatteristiċi speċifiċi li jippermettu lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jillimitaw l-provvista ta' tali servizzi, jew inkella jiġu regolizzati, sabiex jiġi miġġieled il-vizzju tal-logħob tal-azzard u jiġu protetti l-konsumaturi fil-konfront tar-riskji ta' frodi u kriminalità. Dawk il-karatteristiċi huma li ġejjin:

(1) Fis-settur tal-logħob tal-azzard onlajn, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta' stabbiliment jaffrontaw diffikultajiet speċifiċi biex jivvalutaw il-kwalitajiet professjonali u l-integrità tal-operaturi. Dawn id-diffikultajiet jiġġustifikaw il-fatt li Stat Membru jkun tal-fehma li s-sempliċi fatt li operatur li joffri legalment servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fi Stat Membru ieħor, li fih ikun stabbilixxa ruħu u fejn, fil-prinċipju, huwa diġà soġġett għall-kundizzjonijiet u kontrolli statutorji min-naħa tal-awtoritajiet ta dak l-Istat Membru, ma jistax jiġi meqjus bħala assikurazzjoni suffiċjenti li l-konsumaturi tiegħu se jkunu protetti kontra r-riskji ta' frodi u kriminalità[33],

(2) In-nuqqas ta' kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur tal-logħob tal-azzard onlajn iwassal għal riskji differenti u aktar sinifikanti ta' frodi minn operaturi kontra konsumaturi meta mqabbla mas-suq tradizzjonali tal-logħob tal-azzard[34], u kif ukoll

(3) Il-faċilità partikolari u l-aċċess permanenti għal servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn u l-volumi u frekwenza potenzjalment għoljin ta' tali offerta internazzjonali, f'ambjent li huwa kkaratterizzat mill-iżolament tal-ġugatur, l-anonimità u n-nuqqas ta' kontroll huma fatturi li x'aktarx jiżviluppaw vizzju tal-logħob tal-azzard u jwasslu għal konsegwenzi negattivi oħra (Il-Qorti tistabbilixxi wkoll li l-internet jaf ikun ukoll is-sors ta' riskji ta' tip differenti u ordni akbar fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni żgħar fl-età u dawk b'predispożizzjoni għal-logħob jew li x'aktar jiżviluppaw tali predispożizzjoni, meta mqabbel mas-swieq tradizzjonali għal tali logħob)[35].

Il-Qorti żviluppat il-każistika tagħha primarjament abbażi ta' referenzi għad-digrieti preliminari mill-qrati nazzjonali. Madankollu, fl-istess waqt, il-Kummissjoni varat sensiela ta' proċedimenti ta' ksur kontra Stati Membri sabiex tivverifika, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti, il-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet implimentati fl-Istati Membri. Wara li saru riformi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni kienet diġà għalqet uħud minn dawn il-każijiet[36].

Minbarra dan, il-Kummissjoni Ewropea fetħet, fl-ambitu tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat (Artikoli 107 u 108 TFUE), investigazzjoni formali biex teżamina jekk taxxi aktar baxxi għall-każinojiet onlajn imqabbla mal-każinojiet tradizzjonali fid-Danimarka humiex konformi mar-regoli tat-Trattat[37].

Leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE rilevanti għal-logħob tal-azzard onlajn.

Fir-rigward tal-liġi sekondarja Ewropea, is-servizzi tal-logħob mhumiex regolati minn regoli speċifiċi għas-settur fuq livell tal-UE iżda madankollu huma soġġetti għal għadd ta' atti ta' UE[38]. F'dan ir-rigward ta' min jinnota t-testi li ġejjin[39]: id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media [Midja] Awdjoviżiva[40], id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali[41], id-Direttiva dwar il-Bejgħ mill-Bogħod[42], id-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus[43], id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data [Dejta][44] u d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettonika[45] u d-Direttiva dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[46]. F'każijiet oħra s-servizzi tal-logħob tal-azzard ġew espliċitament esklużi mill-ambitu tal-liġi tal-UE. Dawn huwa l-każ tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku[47] u tad-Direttiva dwar is-Servizzi[48].

Mistoqsijiet:

(5) Fil-fehma tiegħek, liema huma l-problemi legali u/jew prattiċi, jekk hemm, li jitqajmu mill-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-qasam tal-logħob tal-azzard? B'mod partikolari, hemm problemi ta' ċertezza legali fis-suq tiegħek u/jew tal-UE għal tali servizzi?

(6) Taħseb li l-liġi sekondarja nazzjonali attwali u dik tal-UE għal servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn hija adegwata biex tirregola dawk is-servizzi? B'mod partikolari, tqis li l-koerenza/konsistenza hija żgurata bejn l-għanijiet tal-politika pubblika segwiti mill-Istati Membri f'dan il-qasam, fuq naħa, u l-miżuri nazzjonali fis-seħħ u/jew l-imġiba attwali tal-operaturi pubbliċi jew privati li jipprovdu servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn, fuq naħa oħra?

2. KWISTJONIJIET EWLENIN TA' POLITIKA SOġġETTI GħALL-KONSULTAZZJONI ATTWALI

It-taqsimiet li ġejjin ta' din il-Green paper jeżaminaw il-kwistjonijiet ewlenin assoċjati mar-regolazzjoni effiċjenti u ġusta tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn. Dawn il-kwistjonijiet, li jistgħu ma jkunux eżawrjenti, jistgħu jinqasmu f'erba' kategoriji ewlenin: kunċettwali/organizzattivi, soċjetali, ordni pubblika u kawżi ekonomiċi/ġusti.

Il-kunsiderazzjonijiet u l-mistoqsijiet kollha żviluppati hawn taħt u marbuta mal-organizzazzjoni jew ir-regolazzjoni tas-settur tal-logħob tal-azzard onlajn huma mingħajr ħsara għal marġni wiesgħa ta' evalwazzjoni li hi f'idejn l-Istati Membri fir-rigward tal-approċċ regolatorju tagħhom lejn din l-attività, inkluż fir-rigward tal-użu tad-dħul mill-attivitajiet tal-logħob tal-azzard. Pereżempju, id-diskussjoni dwar kwistjonijiet bħall-għoti tal-liċenzji mhijiex ibbażata fuq xi suppożizzjoni li hemm obbligu de jure fuq l-Istati Membri biex jippermettu l-logħob tal-azzard jew biex jiftħu s-swieq lill-operaturi privati. L-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddeterminaw l-approċċ tagħhom lejn dan is-settur fi ħdan il-limiti tal-prinċipji stabbiliti mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

2.1. Id-definizzjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn

Definizzjonijiet

Għadd kbir ta' servizzi differenti tal-logħob tal-azzard huma koperti bit-terminu "logħob tal-azzard onlajn". Dawn jinkludu l-proviżjoni onlajn ta' servizzi ta' imħatri fuq l-isports (inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel), il-logħob tal-każinò, spread betting, logħob fil-midja, logħob promozzjonali, servizzi tal-logħob tal-azzard operati minn u għal benefiċċju ta' karitajiet organizzati u organizzazzjonijiet mingħajr skop li jagħmlu qligħ u servizzi tal-lotteriji.

L-internet (u pjattaformi teknoloġiċi interattivi oħra, bħall-kummerċ bil-mowbajl[49] jew IPTV) jintużaw biex (a) joffru servizzi ta' logħob tal-azzard lill-konsumaturi, (b) jippermettu li jsiru mħatri jew logħob tal-azzard kontra xulxin (pereżempju skambji ta' mħatri jew poker onlajn) jew (c) bħala teknika ta' distribuzzjoni (pereżempju biex jinxtraw biljetti tal-lotterija direttament onlajn).

Id-definizzjoni li ilha teżisti għall-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, b'mod ġenerali, fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE hija dik li ssir dipendenza fuqha biex jiġu esklużi tali servizzi mid-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku:

"attivitajiet ta' logħob tal-azzard...jinvolvu mħatri b'valur monetarju f'logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u tranżazzjonijiet ta' logħob tal-azzard."

Fit-testi sussegwenti bħad-Direttiva dwar is-Servizzi u aktar reċentament fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media [Midja] Awdjoviżiva, definizzjoni daqsxejn differenti hija "logħob tax-xorti li jinvolvu riskju li jirrappreżenta somma flus, inklużi l-lotteriji, l-imħatri u forom oħra ta’ servizzi tal-azzard"[50]. It-terminu "każinò" mhuwiex definit fid-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus.

Skont l-eżitu tal-konsultazzjoni attwali, il-Kummissjoni hija tal-fehma preliminari li definizzjoni usa' bħal dik stabbilita fid-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku għandha tinżamm għal-logħob tal-azzard u din għandha tingħaqad ma' dik għas-servizzi ta' soċjetà tal-informazzjoni kif stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE sabiex id-definizzjoni komuni li ġejja għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn għandha tiġi applikata biex tiddefinixxi l-ambitu tal-konsultazzjoni attwali:

Servizzi tal-logħob tal-azzard huma kwalunkwe servizz li jinvolvi mħatri b'valur monetarju f'logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u tranżazzjonijiet ta' mħatri li huma pprovduti mill-bogħod, permezz ta' mezzi elettroniċi u fuq talba individwali[51] ta' riċevitur tas-servizzi.

Mistoqsijiet:

(7) X'inhi d-differenza bejn id-definizzjoni mogħtija hawn tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn u d-definizzjonijiet fuq livell nazzjonali ?

(8) Is-servizzi tal-logħob tal-azzard offruti mill-midja huma meqjusa bħala logħob tax-xorti fuq livell nazzjonali? Issir distinzjoni bejn il-logħob promozzjonali u l-logħob tal-azzard?

(9) Is-servizzi transfruntieri tal-logħob tal-azzard huma offruti f'siti liċenzjati dedikati lil-logħob tal-azzard (pereżempju każinojiet, swali tal-logħob tal-azzard jew ħanut ta' bookmaker) fuq livell nazzjonali?

L-istabbiliment u l-għoti ta' liċenzji tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn

Skont il-każistika tal-Qorti fl-ambitu tal-Artikolu 49 TFUE, il-kunċett ta' stabbiliment huwa wieħed wiesa' ħafna, li jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jipparteċipaw, fuq bażi stabbli u kontinwa, fil-ħajja ekonomika ta' Stat Membru għajr l-Istat ta' oriġini tagħhom u jisfruttaw dan is-suq, u b'hekk jikkontribwixxu lejn l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunità[52]. Madankollu, sabiex id-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà ta' stabbiliment japplikaw, huwa ġeneralment neċessarju li tiġi żgurata preżenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti[53]. Tali preżenza tista' tkun, pereżempju, uffiċċju stabbilit fejn jista' jiġi segwit l-isport sabiex jiġu ffissati l-probabbiltajiet ta' rebħ jew uffiċċju kummerċjali bl-għan li jippromwovi s-servizzi tal-logħob tal-azzard transfruntier jew biex jipprovdi appoġġ lokali lill-klijent.

Skont id-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku[54], kumpanija li toffri s-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni hija stabbilita fejn twettaq l-attività ekonomika tagħha. Għaldaqstant, la hu l-post fejn tinsab it-teknoloġija li tappoġġa s-sit elettroniku tal-kumpanija u lanqas mhu l-post fejn is-sit elettroniku huwa aċċessibbli. F'każijiet fejn huwa diffiċli biex jiġi ddeterminat minn fejn qiegħed jiġi pprovdut servizz speċifiku minn fost bosta postijiet ta' stabbiliment, il-post fejn il-kumpanija għandha ċ-ċentru tal-attivitajiet tagħha relatati ma' dan is-servizz partikolari għandu jkun il-fattur deċiżiv. Peress li kumpanija tista' tuża server wieħed jew aktar jew infrastruttura "cloud-based"[55] u peress li tista' taqlibhom u ċċaqlaqhom f'perjodu ta' żmien qasir ħafna, server ma jistax jiġi meqjus bħala rabta sigura sabiex jiġi ddeterminat post ta' stabbiliment ta' kumpanija relatata ma' servizz partikolari onlajn.

Xi drabi, il-liġijiet nazzjonali jistabbilixxu limiti kwantitattivi fuq għadd ta' liċenzji li jistgħu jinżammu għal servizzi ta' logħob tal-azzard onlajn jew jistgħu wkoll jipprojbixxuhom kompletament fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet tagħhom. (Pereżempju projbizzjoni jew monopolju legali jew de facto għal kategorija waħda jew aktar tas-servizzi tal-logħob tal-azzard). Stati Membri oħra ma jistabbilixxux limiti fuq l-għadd totali ta' liċenzji li jistgħu joħorġu – liċenzja tingħata lil kwalunkwe operatur onlajn li jissodisfa għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi jew fir-regolamenti. Il-liċenzji jistgħu jkunu limitati fiż-żmien jew mogħtija għal perjodu indefinit. Fi ħdan l-UE, l-akbar għadd ta' operaturi liċenzjati tal-logħob tal-azzard onlajn jinsab f'Malta (madwar 500 liċenzja fl-2009).

Is-sitwazzjoni regolatorja attwali fl-Istati Membri hija tali li l-operaturi jistgħu jkunu meħtieġa, meta joffru l-istess tip ta' servizz tal-logħob tal-azzard onlajn (pereżempju l-imħatri fuq l-isports), fi Stati Membri differenti, li japplikaw għal liċenzja f'kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. Ċerti Stati Membri jirrikonoxxu liċenzji maħruġa minn Stati Membri oħra li jiġu nnotifikati lilhom (elenkar abjad) u jippermettu li tali fornituri liċenzjati joffru s-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fit-territorji tagħhom mingħajr liċenzja addizzjonali. Oħrajn jistgħu jqisu tali liċenzji meta joħorġu l-liċenzji tagħhom lil tali operaturi iżda jimponu sistemi doppji ta' għoti tal-liċenzji fejn kull operatur, irrispettivament minn jekk hux qed jopera fi Stat Membru ieħor, għandu jkun liċenzjat fi ħdan it-territorju qabel ma joffri tali servizzi.

Mistoqsija:

(10) X'inhuma l-vantaġġi/diffikultajiet ewlenin assoċjati mal-koeżistenza fl-UE ta' sistemi, jew prattiki, nazzjonali differenti għall-għoti ta' liċenzji ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn?

2.2. Servizzi relatati mwettqa u/jew użati mill-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn

Għadd ta' servizzi, inklużi s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u pagament, jintużaw mill-operaturi tal-logħob tal-azzard biex jinkoraġġixxu jew jiffaċilitaw il-logħob tal-azzard onlajn. Uħud minn dawn is-servizzi huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni sekondarja.

Il-promozzjoni tal-logħob tal-azzard onlajn – il-Komunikazzjonijiet Kummerċjali

Il-fornituri onlajn ta' servizz jużaw komunikazzjonijiet kummerċjali biex jippromwovu s-servizzi tagħhom, prodotti u imaġni relatati mal-konsumaturi aħħara u/jew distributuri. Il-Kummissjoni tifhem li l-komunikazzjonijiet kummerċjali li ġejjin huma dawk li jintużaw l-aktar ta' spiss:

(1) Reklamar fuq it-TV;

(2) Reklamar fuq l-istampa;

(3) Komunikazzjonijiet kummerċjali onlajn;

(4) Promozzjonijiet ta' bejgħ;

(5) Kummerċjalizzazzjoni diretta (li tinkludi posta diretta, primarjament permezz ta' posta elettronika u sms lil klijenti reġistrati, pereżempju kuntatti ta' segwitu personali); kif ukoll

(6) Ftehimiet ta' sponsorjar

Il-Kummissjoni hija konxja li, f'bosta Stati Membri, hemm restrizzjonijiet fuq tali komunikazzjonijiet kummerċjali li jvarjaw bejn projbizzjonijiet u rekwiżiti fuq il-kontenut tar-reklamar fuq il-midja ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn. Filwaqt li l-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjoni kummenti fuq tali restrizzjonijiet (punti (1) u (2) hawn fuq) hija tixtieq tiffoka din il-konsultazzjoni fuq ċerti fororm ta' komunikazzjonijiet kummerċjali, punti (3) – (6).

- Komunikazzjonijiet kummerċjali onlajn;

"Banners" u "pop-ups" onlajn fuq siti li mhumiex tal-logħob tal-azzard huma żewġ forom ta' reklamar tal-internet intenzjonati li jdwaru t-traffiku għal fuq siti tal-logħob tal-azzard onlajn. Għaldaqstant dawn jidhru fuq servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li mhumiex relatati mal-logħob tal-azzard. Dawn mhumiex fl-ambitu tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku iżda jinsabu fl-ambitu tad-direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali u, safejn l-użu tal-komunikazzjoni kummerċjali jinkludu l-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta personali, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 95/46/KE u d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 2002/58/KE.

- Promozzjonijiet ta' bejgħ;

Promozzjonijiet ta' bejgħ ikopru tnaqqis ta' kull forma; premium offers, free gifts, promotional contests and promotional games. Huma għodda b'aktar minn lat wieħed li jista' jiġi aġġustat skont ċirkostanzi varji: biex jidħlu fis-suq prodotti innovattivi; biex tiġi inkoraġġita l-lealtà tal-konsumatur; biex jiġu stimulati l-azzjonijiet kompetittivi fil-qasir; jew issir reazzjoni rapida għal bejgħ mitluf. Wieħed mill-aktar tipi komuni ta' promozzjonijiet ta' bejgħ huwa l-użu u l-komunikazzjoni tal-bonusijiet ta' reġistrazzjoni u depożitu, jiġifieri fejn mal-ftuħ ta' kont ta' ġugatur tiġi mħallsa somma ta' flus jew jiġu miżjuda fondi żejda mad-depożiti li jkunu diġà tpoġġew minn klijent irreġistrat.

Promozzjonijiet ta' bejgħ relatati ma' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn huma regolati mid-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali kif ukoll mid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data [Dejta] u d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 2002/58/KE.

- - Kummerċjalizzazzjoni diretta.

L-operaturi kollha tal-logħob tal-azzard onlajn jużaw strateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni diretta (permezz tal-posta elettronika, telefown, Internet u tweġibiet diretti) minħabba li huma kkunsidrati bħala għodda essenzjali għall-kumpaniji biex javviċinaw, jinfurmaw u jżommu l-klijenti, kif ukoll biex jipprovdu servizzi wara l-bejgħ lill-klijenti. Dawn huma regolati mid-Direttiva dwar il-Bejgħ mill-Bogħod u d-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data [Dejta] 95/46/KE u d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 2002/58/KE. Tali kummerċjalizzazzjoni diretta tista' tinkludi kummerċjalizzjoni minn ġugatur għall-ieħor u tista' tkun ikkombinata ma' promozzjonijiet ta' bejgħ.

- Sponsorjar

Sponsorjar ifisser kwalunkwe ftehim kummerċjali li bih sponsor, għall-benefiċċju reċiproku tal-isponsor stess u l-parti sponsorjata, kuntrattwalment jipprovdi finanzjament jew appoġġ ieħor sabiex jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-imaġni, id-ditti, l-oġġetti u s-servizzi tal-isponsor u proprjetà ta' sponsorjar bi tpattija għad-dritt li tiġi ppromossa din l-assoċjazzjoni u/jew li jingħataw ċerti benefiċċji diretti jew indiretti miftiehma[56]. L-isponsorjar huwa ċentrali għat-taħlita ta' modi ta' kummerċjalizzazzjoni użati mill-fornituri ta' servizzi ta' logħob tal-azzard onlajn kemm jekk dawn huma lotteriji nazzjonali jew operaturi kummerċjali.

Mistoqsija:

(11) B'iffukar fuq il-kategoriji msemmija hawn fuq, kif inhuma rregolati fuq livell nazzjonali l-komunikazzjonijiet kummerċjali għas-servizzi tal-logħob tal-azzard (onlajn)? Hemm problemi speċifiċi b'tali komunikazzjonijiet kummerċjali transfruntieri?

- - Servizzi tal-pagament onlajn, pagamenti u identifikazzjoni tal-klijent

Peress li servizzi verament effettivi tal-mikropagamenti mill-bogħod għadhom mhumiex disponibbli, l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn normalment jesiġu li l-klijenti tagħhon jiddepożitaw il-fondi fuq kontijiet tal-ġugaturi qabel jilagħbu. Id-depożiti jistgħu jsiru permezz ta' kards ta' kreditu, portafolji elettroniċi, trasferimenti bankarji, kards imħallsa minn qabel u trasferimenti f'kontanti.

Metodi ta’ pagament | Perċentwali stmata[57] |

Kards ta' kreditu (inkluż Maestro) | 64-65% |

Portafolji elettroniċi | 12-14 % |

Trasferimenti bankarji | 11-13% |

Kards imħallsa minn qabel | 9-11% |

Limiti addizzjonali huma tipikament stabbiliti minn operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn, bħal dawk fuq depożiti jew livell ta' rtirar mill-kontijiet tal-ġugatur. Il-limiti fuq l-irtirar ivarjaw minn limitu fiss għall-ħtieġa li ġugatur jagħmel kuntatt personali ma' bank sabiex jirtira somom akbar mill-kont tal-ġugatur.

Ċerti operaturi jesiġu li jintuża l-istess metodu ta' pagament kemm għad-depożiti kif ukoll għall-irtirar tal-fondi (l-hekk imsejħa sistema "magħluqa").

Servizzi tal-logħob tal-azzard offruti permezz tal-mowbajl jew IPTV jinkludu tariffi tat-trażmissjoni marbuta mal-fatturi għas-servizzi tat-telefonija.

Mistoqsijiet:

(12) Hemm regolamenti nazzjonali speċifiċi marbuta mas-sistemi ta' pagament għal servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn? Kif tivvalutahom?

(13) Kontijiet tal-ġugaturi huma rekwiżit neċessarju għal raġunijiet ta' infurzar u protezzjoni tal-ġugatur?

L-identifikazzjoni tal-klijent hija meħtieġa, b'mod partikolari, għall-protezzjoni tal-minuri, il-prevenzjoni tal-frodi, il-kontrolli ta' għarfien dwar il-klijent u l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus. L-identifikazzjoni tal-klijent tista' tqajjem problemi speċifiċi għas-Suq Intern meta l-fornitur ta' servizz u klijent jinsabu f'postijiet differenti kif ukoll minħabba n-nuqqas attwali ta' rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettronika madwar l-UE[58]. B'kuntrast ma' dan, stabbilimenti "li għandhom preżenza fiżika" li joffru logħob tax-xorti se jkollhom il-possibbiltà li jiksbu karta tal-identità u jwettqu rikonoxximent wiċċ imb'wiċċ fis-sit tal-logħob tal-azzard.

Illum, l-identifikazzjoni tal-klijent min-naħa tal-fornituri tas-servizz tal-logħob tal-azzard onlajn hija bbażata fuq:

- Identifikazzjonijiet preċedenti mwettqa minn fornituri ta' servizzi ta' ħlas, peress li l-biċċa l-kbira tal-alternattivi ta' pagamenti jesiġu li l-klijent ikollu kont bankarju;

- Kontrolli li jwettqu huma stess fid-dawl ta' informazzjoni u dokumenti mitluba minn klijent potenzjali; kif ukoll

- Kontrolli minn fornituri ta' servizzi ta' verifika soġġetti għal konformità mal-obbligi stabbiliti mil-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Eżerċizzji ta' xiri bil-moħbi (mystery shopping) mill-operaturi liċenzjati jindikaw li hemm verament ftit nuqqasijiet li jippermettu lil persuni taħt l-età li jilagħbu logħob tal-azzard u jirtiraw ir-rebħiet tagħhom[59]. Il-verifika tal-età ssir qabel klijent ġdid ma jibda jilgħab. Ġie suġġerit li verifikar addizzjonali tal-età mal-ħlas tar-rebħ jista' jaġixxi bħala deterrent ulterjuri għal minuri u adoloxxenti li jippruvaw jirreġistraw.

Mistoqsija:

(14) X'inhuma r-regoli u l-prattiki nazzjonali relatati mal-ivverifikar tal-klijenti, l-applikazzjoni tagħhom għal servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn u l-konsistenza tagħhom mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta? Kif tivvalutahom? Hemm problemi speċifiċi assoċjati mal-verifika tal-klijent f'kuntest transfruntier?

2.3. Għanijiet ta' interess pubbliku

Il-Kummissjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom marġni ta' diskrezzjoni biex jipproteġu għanijiet validi ta' interess pubbliku skont it-Trattat.

Din it-taqsima tiffoka fuq it-tliet għanijiet ta' interess pubbliku li ġejjin li, f'livelli differenti, jistgħu jkunu validi għall-Istati Membri mil-lat tal-politiki nazzjonali tagħhom dwar il-logħob tal-azzard onlajn: Il-protezzjoni tal-konsumatur (2.3.1); l-ordni pubblika (2.3.2) u l-finanzjament ta' dak li jiddefinixxu bħala attivitajiet ta' interess pubbliku (2.3.3).

2.3.1. Il-protezzjoni tal-konsumatur

L-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni f'dan l-istadju tidher li tindika li l-biċċa l-kbira tal-ġugaturi ma jbatux minn dipendenza fuq il-logħob. Madankollu, dawk li huma dipendenti għandhom jitqiesu b'mod sħiħ fid-dawl tal-kostijiet soċjali assoċjati għall-ġugatur, il-familja tiegħu jew tagħha u s-soċjetà kollha. Il-lagħaba kollha jesiġu protezzjoni kontra servizzi qarrieqa. Għal din ir-raġuni, ir-regolaturi jfittxu li jiżguraw li l-logħob kollu offrut ikun ikkontrollat, ġust (jiġifieri ġeneraturi aleatorji tan-numri jkunu konformi ma' standards teknikiċi u mar-regoli għal kull logħba) u ħielsa mill-kriminalità. It-trasparenza hija kruċjali.

Id-dipendenza fuq il-logħob

Il-ħtieġa li jiġu protetti l-ġugaturi u biex jiġi evitat il-logħob tal-azzard problema tiġi mqajma meta jiġu ristretti l-offerti ta' logħob tal-azzard onlajn lill-konsumaturi.

Id-dipendenza fuq il-logħob ta' spiss jiġi deskritt bħala xewqa li tilgħab minkejja l-konsegwenzi negattivi u ta' ħsara jew il-bżonn li tieqaf. Sabiex jiġi vvalutat il-livell tad-dipendenza fuq il-logħob fost il-popolazzjoni ta' pajjiż jiġi mwettaq stħarriġ komprensiv permezz tal-hekk imsejħa studji ta' "prevalenza". L-aktar żewġ strumenti ta' skrining li jintużaw biex jiġu identifikati lagħaba problematiċi huma DSM-IV[60] u SOGS[61]. Skont it-tweġibiet għal lista ta' mistoqsijiet, il-ġugaturi jiġu ddefiniti bħala lagħaba problematiċi (SOGS), lagħaba potenzjalment patoloġiċi (DSM-IV) jew lagħaba probabilment patoloġiċi (SOGS u DSM-IV), li ssir ukoll referenza għalihom bħala ivvizjati bil-logħob tal-azzard (ara hawn taħt).

Il-Kummissjoni hija konxja mill-istudji dwar prevalenza, fuq livell nazzjonali, tad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard fi tmien Stati Membri[62] u sebgħa oħra[63] wettqu xi studji b'ambitu limitat (jew reġjonali jew fuq kategoriji speċifiċi skont l-età, l-aktar, adoloxxenti). Il-livell tad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard fit-tmien Stati Membri li wettqu studji fuq livell nazzjonali jvarja bejn 0.5 % tal-popolazzjoni kollha fir-Renju Unit għal 6.5 % fl-Estonja[64]. Fir-rigward tal-prevalenza tad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard onlajn fl-UE, erba' Stati Membri[65] biss jipprovdu statistika fuq livell nazzjonali, tlieta oħra[66] jipprovdu xi informazzjoni parzjali (stħarriġ ta' ambitu limitat, imwettaq fost ċertu grupp ta' età jew li jikkonċerna ċertu tip ta' logħob onlajn).

Dawn l-istudji jindikaw li l- fatturi ewlenin li jinfluwenzaw id-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard huma dawn li ġejjin:

(1) Il-frekwenza tal-avvenimenti. Iktar ma jkun qasir iż-żmien bejn meta sseħħ il-logħba u l-opportunità biex tagħmel ġugata, akbar ikun ir-riskju.

(2) L-intervall għall-ħlas tal-premju. Iż-żmien bejn meta tintlagħab is-somma u r-riżultat. Aktar ma jkun qasir iż-żmien, aktar jikber ir-riskju.

(3) L-aċċessibbiltà u l-ambjent soċjali.

(4) L-irkupru tat-telf jew meta dak li jkun ikun qrib li jirbaħ. Ikbar ma jkun il-ħlas tal-premju u l-probabbiltà ta' rebħ, iktar tikber l-illużjoni li l-ġugati mitlufa jistgħu jiġu rkuprati u għaldaqstant ir-riskju huwa akbar (dawn huwa marbut ukoll ma' "eċitament" jew "effett ta' ħolma").

(5) Ħiliet ipperċipiti u "involviment". Il-possibbiltà ta' involviment f'avveniment fejn qed jintlagħbu l-flus u ta' użu tal-ħiliet ta' dak li jkun jiġu vvalutati l-possibbiltajiet ta' rebħ tipprovdi evidenza tal-psikoloġija ta' "telfa bi ftit". Dan isaħħaħ is-sentiment li wieħed qiegħed fil-kontroll tal-logħba u dan iżid ir-riskju. Dan jinkludi varjazzjoni tal-ġugata. Għandu jiġu nnotat li dan l-effett jista' jissaħħaħ meta xi element ta' ħila iktar minn sempliċi xorti hija pperċepita bħala karatteristika tal-logħba.

(6) Il-komunikazzjonijiet kummerċjali li jistgħu jħeġġu lill-gruppi vulnerabbli:

Fir-rigward tat-tipi differenti ta' logħob jew it-tipi differenti ta' mħatri jistgħu jippreżentaw riskju differenti għall-ġugaturi. Pereżempju, il-magni tal-logħob (slot machines) li jagħtu malajr il-flus tal-premju, l-iscratch cards u l-logħob tal-każinò huma meqjusa bħala l-aktar problematiċi f'dan ir-rigward. Il-lotteriji li jsiru kull ġimgħa huma meqjusa inqas riskjużi (minkejja li huma marbuta mal-fattur (4) imsemmi hawn fuq), minn dawk li jsiru b'intervalli iqsar (minħabba il-fatturi (1) u (2)). L-imħatri fuq l-isports u l-poker huma esposti aktar għar-riksju identifikat fil-punt (5) imsemmi hawn fuq. Imħatri "live" fuq l-isports huma esposti wkoll għar-riskju stabbilit fil-punt (1).

Mistoqsija:

(15) Għandek evidenza li l-fatturi elenkati hawn fuq huma marbuta ma' u/jew huma ċentrali għall-iżvilupp tad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard jew l-użu eċċessiv tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn? (Jekk possibbli, ikklassifikahom)

Sa llum, l- istrumenti li ntużaw madwar l-Istati Membri biex jiġi limitat id-"dipendenza fuq il-logħob tal-azzard" fis-servizzi onlajn huma dawk applikati għal-logħob tal-azzard kollu, viz.,

(1) Il-limiti ta' età

(2) L-awtolimitazzjoni (finanzjarja u żmien) u l-awtoesklużjoni,

(3) Testijiet ta' informazzjoni/twissija u awtotestijiet (applikati aktar faċilment onlajn milli offlajn),

(4) Il-projbizzjoni tal-użu ta' kreditu,

(5) Il-verifiki tar-realtà,

(6) L-obbligu ta' diliġenza għall-operatur onlajn,

(7) Ir-restrizzjoni ta' ċerti forom ta' logħob u mħatri li huma meqjusa l-aktar riskjużi (pereżempju logħob tal-każinò jew fejn l-imħatri fuq l-isports jiġu ristretti għar-riżultati finali biss), u.

(8) Oħrajn (pereżempju limiti fuq komunikazzjoni kummerċjali – restrizzjonijiet fuq l-użu ta' ċertu midja, promozzjonijiet ta' bejgħ u bonusijiet għar-reġistrazzjoni jew logħob ta' prattika bla ħlas).

Mistoqsija:

(16) Għandek evidenza li l-istrumenti elenkati hawn fuq huma ċentrali u/jew effiċjenti biex jipprevjenu jew jillimitaw il-logħob tal-azzard problematiku relatat mas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn? (Jekk possibbli, ikklassifikahom)

Il-vizzju tal-logħob tal-azzard

Fejn hija disponibbli tali informazzjoni, ir-rati ta' vizzju probabbli tal-logħob tal-azzard jidhru li jvarjaw bejn 0.3 % u 3.1 % tal-popolazzjoni kollha[67]. Logħob tal-azzard patoloġiku (vizzjuż) ġie meqjus minn xi speċjalisti bħala disturb tal-kontroll ta' impuls[68] u għaldaqstant ma ssirx referenza għalih bħala vizzju. Madankollu, studju riċenti żvela similaritajiet bejn il-logħob tal-azzard u d-dipendenza fuq is-sustanzi[69]. Kif spjegat fit-taqsima 3.1, għodod ta' skrining ta' problemi kkawżati mil-logħob tal-azzard li ntużaw fl-istħarriġ iwasslu għall-identifikazzjoni ta' individwi li għandhom problemi serji bl-imġiba tagħhom minħabba l-logħob tal-azzard. Hemm fehmiet kontraditorji fir-rigward tal-potenzjal, bħala vizzju, tal-logħob tal-azzard onlajn. Minkejja li l-logħob tal-azzard mill-bogħod jissodisfa l-kriterja tad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà, u b'hekk iwassal għal logħob frekwenti eħfef meta mqabbel ma' logħob tal-azzard li jsir f'siti reali, huwa diffiċli li jsiru rabtiet diretti bejn il-logħob tal-azzard mill-bogħod u l-probabbiltà li n-nies isiru lagħaba vvizzjati.

Il-logħob tal-azzard onlajn joffri lill-operaturi possibbiltajiet aktar sofistikati biex isegwu t-tranżazzjonijiet ta' kull ġugatur meta mqabbel mal-formats tal-logħob tal-azzard offlajn. B'kuntrast mal-istudji ta' prevalenza, id-dejta dwar il-logħob tal-azzard onlajn tippermetti li jsiru studji fuq l-imġiba reali tal-ġugatur. Studju dwar l-imġiba fil-logħob tal-azzard onlajn imwettaq mid-Diviżjoni dwar il-Vizzji tal-Cambridge Health Alliance affiljata tal-Iskola Medika ta' Harvard[70], ibbażat fuq analiżi fit-tul ta' attività individwali tal-logħob ta' kampjun aleatorju ta' madwar 50,000 ġugatur tal-każinojiet onlajn minn 80 pajjiż u kampjun kważi ugwali ta' ġugaturi f'imħatri onlajn fuq l-isports urew li 99 % tal-klijenti tal-imħatri onlajn fuq l-isports ma wrewx xi mġiba mhux tas-soltu waqt li jilagħbu meta mqabbla ma' 95 % fil-każ tal-ġugaturi onlajn tal-każinojiet[71].

Ir-rapport imħejji għall-Presidenza Svediża fl-2009[72] jistqarr li minkejja xi riċerka tindika l-eżistenza ta' rabta pożittiva bejn l-aċċessibbiltà u l-vizzju tal-logħob tal-azzard, id-dejta empirika disponibbli mhux dejjem tikkonferma dan. Fejn kien possibbli li jsir qbil bejn ir-riżultati tal-istudji ta' prevalenza li saru bejn 7 u 10 snin ilu (meta l-logħob tal-azzard onlajn kien inqas popolari) u r-riżultati tal-istudju mwettqa dan l-aħħar, ir-rata ta' prevalenza tal-vizzju tal-logħob tal-azzard baqgħet stabbli[73].

Minbarra dan, l-Istħarriġ tar-Renju Unit dwar il-Prevalenza tal-Logħob tal-Azzard li sar għall-Kummissjoni dwar il-Logħob tal-Azzard fl-2007 żvela li r-rati ta' vizzji għal-logħob tal-azzard fir-Renju Unit kienu ferm iktar baxxi minn xi tipi ta' logħob offlajn u li l-vizzju deher li kien aktar marbut mal-introduzzjoni ta' tipi aktar ġodda u attraenti ta' logħob, kemm onlajn kif ukoll offlajn[74].

Il-Kummissjoni tinnota li l-biċċa l-kbira tas-siti ekettroniċi tal-logħob tal-azzard stabbiliti u liċenzjati fl-UE għandhom ħoloq għal linji ta' għajnuna jew organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-lagħaba dipendenti fuq il-logħob tal-azzard. Madankollu, anke jekk 15 –il Stat Membru wettqu studji nazzjonali jew reġjonali ta' prevalenza – xorta waħda hemm ftit informazzjoni disponnibli dwar il-politika ta' reazzjoni rilevanti għal dawn l-istudji (pereżempju l-varar ta' kampanji edukattivi jew riżorsi addizzjonali għall-prevenzjoni jew it-trattament) jew f'liema livell għandhom aċċess għat-trattament dawk il-lagħaba dipendenti fuq il-logħob tal-azzard[75].

Mistoqsijiet:

(17) Għandek evidenza (pereżempju studji, dejta statistika) fuq il-livell ta' dipendeza fuq il-logħob tal-azzard fuq livell nazzjonali jew tal-UE?

(18) Hemm studji jew evidenza rikonoxxuti li juru li l-logħob tal-azzard onlajn x'aktarx iwettaq aktar jew inqas ħsara minn forom oħra tal-logħob tal-azzard lil individwi li huma suxxettibbli li jizviluppaw tendenza patoloġika tal-logħob?

(19) Hemm evidenza li tindika li forom tal-logħob tal-azzard onlajn (tipi ta' logħob) huma l-aktar problematiċi f'dan ir-rigward?

(20) X'qed isir fuq livell nazzjonali biex tiġi evitata d-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard? (Pereżempju biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni bikrija)?

(21) Jeżisti trattament li jkun disponibbli fuq livell nazzjonali għall-vizzju tal-logħob tal-azzard? Jekk huwa hekk, f'liema livell l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn jikkontribwixxu lejn il-finanzjament ta' tali azzjonijiet u trattament preventiv?

(22) X'inhuwa l-livell meħtieġ ta' viġilanza fir-regolazzjoni nazzjonali f'dan il-qasam? (Pereżempju r-reġistrazzjoni tal-imġiba tal-ġugaturi onlajn sabiex jiġu identifikati lagħaba patoloġiċi potenzjali?).

Il-protezzjoni ta' minuri u gruppi vulnerabbli oħra

L-oqfsa regolatorji fl-Istati Membri kollha jippruvaw jipproteġu l-minuri b'modi differenti, jiġifieri tfal u adoloxxenti fil-konfront tar-riskji tal-logħob tal-azzard b'mod ġenerali[76]. Il-limiti ta' età għal-logħob tal-azzard jistgħu jiġu stabbiliti fil-liġi jew fil-kundizzjonijiet tal-liċenzji u l-operaturi (inklużi l-bejjiegħa/id-detenturi tal-konċessjoni) huma obbligati li jwettqu l-verifika tal-età. Il-limiti ta' età fl-Istati Membri individwali jistgħu jvarjaw ukoll minn servizz wieħed tal-logħob tal-azzard għall-ieħor.

Mistoqsijiet:

(23) Fil-fehma tiegħek, il-limiti fuq l-età biex wieħed ikollu aċċess għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fl-Istat Membru tiegħek jew f'ieħor huma adegwati sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit?

(24) Jiġu imposti kontrolli onlajn fuq l-età u kif jitqabblu mal-identifikazzjoni offlajn "wiċċ imb'wiċċ"?

L-aċċess tal-minuri għal sistemi ta’ pagament

Is-sistemi ta' pproċessar tal-pagamenti jistgħu jkunu mezzi effikaċi biex jipprevjenu l-aċċess għal servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn minn minuri. Minkejja li huwa possibbli għal persuna taħt l-età ta' 18 –il sena li tiftaħ kont bankarju, hemm ċerti limitazzjonijiet. Firxa wiesgħa ta' dokumenti u provi ta' identità għandhom jiġu ppreżentati u, bħala regola, ġenitur jew kustodju legali għandu jippreżenta ruħu/tippreżenta ruħha l-bank flimkien mad-detentur taħt l-età tal-kont (kontroll mill-ġenituri). Persuni żgħar fl-età normalment mhumiex legalment responsabbli għad-debiti tagħhom għaldaqstant hija improbabbli li jingħataw overdraft fuq kont bankarju u applikazzjonijiet għal kards ta' kreditu minn nies taħt l-età ta' 18 –il sena ma jiġux milqugħa. Bħala konsegwenza ta' dan, il-fornitur tas-servizz bankarju jew finanzjarju jipprovdi livell ieħor ta' verifika tal-età qabel ġugatur żgħir fl-età ikun jista' jiftaħ kont ta' ġugatur ma' operatur onlajn.

Madankollu, il-ġugati jistgħu, u iktar ma jmur se tkompli tiżdied il-possibbiltà, li jitħallsu minn fuq il-mowbajl (flimkien mal-fattura), pereżempju permezz ta' messaġġ jew sejħa fuq numru tat-telefown b'rata primjum u f'dawn il-każijiet se jkun eħfef għall-minuri biex ikunu jistgħu jilagħbu logħob tal-azzard.

- Il-minuri u l-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob onlajn

Hekk kif l-awtoritajiet tal-Istati Membri (u l-operaturi) jippruvaw jipprevjenu l-minuri milli jkollhom aċċess għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn, dawn ifittxu wkoll li jikkontrollaw il-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni ta' tali servizzi. Eżempji ta' restrizzjonijiet jinkludu regoli li jesiġu li l-promozzjonijiet ta' tali servizzi:

- Ma jkunux indirizzati lejn dawk b'età taħt il-limitu nazzjonali tal-parteċipazzjoni;

- Ma jkunux imxandra (fuq it-TV jew ir-radju) jew ikkommunikati waqt programmi speċifiċi mmirati lejn persuni żgħar fl-età jew kanali popolari, jew waqt ċerti perjodi ta' ħin qabel jew wara tali programmi;

- Ma jinkludux jew juru persuna li tidher li hija taħt l-età tal-limitu nazzjonali tal-parteċipazzjoni;

- Ma jappellawx, b'mod jew ieħor, għat-tfal jew persuni żgħar taħt l-età, pereżempju jkunu assoċjati ma' kultura taż-żgħażagħ jew ikkommunikati minn ċelebrità (pereżempju flokkijiet li jippromwovu operatur tal-logħob tal-azzard onlajn) ; jew

- Ma jidhrux qrib żoni ffrekwentati mit-tfal (pereżempju reklamar fuq kartelluni qrib l-iskejjel).

Mistoqsija:

(25) Kif inhuma rregolati l-komunikazzjonijiet kummerċjali għal-logħob tal-azzard sabiex jiġu protetti il- minuri fuq livell nazzjonali u tal-UE? (pereżempju limiti fuq logħob promozzjonali li huma ddisinnjati bħal logħob tal-każinò onlajn, sponsorjar tal-isports, il-"promozzjoni" (pereżempju flokkijiet, logħob tal-kompjuter etc) u l-użu ta' netwerks soċjali onlajn jew tqassim ta' vidjows għall-finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

- - Tipi oħra ta' ġugaturi vulnerabbli

Ġugaturi oħra jistgħu jkunu vulnerabbli minħabba:

- Is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom ; ġugaturi b'introjtu baxx;

- Nuqqas ta' esperjenza ; b'mod partikolari iż-żgħażagħ adulti (ta' età bejn 18 u 21) u/jew dawk li mhumiex konxji tar-riskji assoċjati mad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard;

- - Dipendenza jew vizzju preċedenti relatati ma' użu jew imġiba marbuta mas-sustanzi kimiċi (l-użu ta' servizzi tal-logħob tal-azzard offlajn);

- Aċċess faċli għal-logħob tal-azzard ; aġenti tal-bejgħ jew impjegati mal-fornituri jew kuntratturi tas-servizzi tal-logħob tal-azzard; kif ukoll

- Esponiment frekwenti ieħor għal-logħob tal-azzard u/jew rabtiet ma' oġġetti tal-logħob tal-azzard; dawn jistgħu jinkludu persuni impjegati mas-settur tat-tiġrijiet taż-żwiemel, atleti (dilettanti u professjonali), kowċijiet, referees, stock-brokers, etc.

Mistoqsija:

(26) Liema huma d-dispożizzjonijiet regolatorji nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tal-liċenzji u l-komunikazzjonijiet kummerċjali għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn jindirizzaw dawn ir-riskji u jippruvaw jipproteġu l-konsumaturi? Kif tivvalutahom?

2.3.2. Ordni pubblika

Il-prevenzjoni tal-frodi

L-Istati Membri kollha jippruvaw jevitaw l-frodi u l-logħob inġust. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprova tipproteġi kemm lill-konsumaturi (mill-operaturi frawdulenti u kriminali kif ukoll lill-operaturi (minn konsorzji tal-ġugaturi) u organizzaturi ta' avvenimenti. Eżempji jinkludu: użu mhux awtorizzat ta' kards ta' kreditu, jista' jkun assoċjat ukoll ma' "serq tal-identità" u "xiri tal-logħob" (xiri tal-avveniment) fejn individwu, grupp ta' persuni (normalment assoċjati mal-kriminalità organizzata) jippruvaw jinfluwenzaw l-eżitu ta' avveniment (pereżempju avveniment sportiv jew logħba tal-karti)[77]. Każ ta' frodi jqum wkoll meta grupp ta' ġugaturi jikkonfoffa kontra ġugatur ieħor (pereżempju imwejjed tal-poker imbagħbsa).

Il-Kummissjoni identifikat it-tliet tipi ta' frodi li ġejjin li fuqhom tixtieq tikkonsulta:

- Ġugaturi li ma jirċevux il-premijiet Eżempji tipiċi jinkludu "lotterji qarrieqa" frawdulenti, fejn operatur illegali mhux liċenzjat jagħmel kuntatt ma' konsumaturi u jitlobhom iħallsu ammont ta' flus (miżata ta' amministrazzjoni) jew jagħtu informazzjoni personali (dettalji bankarji) qabel ma jkun jista' jitħallas il-premju. Tali qerq ta' spiss jagħmlu referenza falza għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Ewropej tal-logħob tal-azzard[78].

- Is-serq tal-identità u kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta. Dawn jinvolvu l-użu mhux awtorizzat tal-informazzjoni personali ta' persuna oħra sabiex tittieħed l-identità ta' dik il-persuna u b'hekk jinkisbu l-aċċess għar-riżorsi jew benefiċċji ta' kreditu jew oħrajn f'isem dik il-persuna.

- Il-manipulazzjoni tal-eżitu permezz ta' tbagħbis fis-softwer assoċjat mal-logħba jew korruzzjoni ta' persuni involuti fl-organizzazzjoni ta' logħba jew avveniment.

Mistoqsijiet:

(27) Taf b'xi studji u/jew dejta statistika relatata mal-frodi jew il-logħob tal-azzard onlajn?

(28) Hemm regoli dwar il-kontroll, standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni ta' apparat tal-logħob tal-azzard, ġeneraturi aleatorji jew softwer ieħor fl-Istat Membru tiegħek?

( 29) Fil-fehma tiegħek, x'inhuma l-aħjar prattiki biex jipprevjenu tipi differenti ta' frodi (minn operaturi kontra l-ġugaturi, ġugaturi kontra operaturi u ġugaturi kontra ġugaturi oħra) u biex jassistu fil-proċeduri ta' lment?

(30) Fir-rigward tal-imħatri fuq l-isports u xiri tal-eżitu – x'inhuma r-regolamenti nazzjonali imposti fuq l-operaturi onlajn u persuni involuti fl-avvenimenti/logħob sportiv sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, b'mod partikolari biex jiġu evitati il-"kunflitti ta' interess"? Taf b'xi dejta jew studji disponibbli relatati mad-daqs tal-problema?

(31) Fil-fehma tiegħek x'inhuma l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati bħala prijorità?

(32) X'inhuma r-riskji li operatur tal-imħatri fuq l-isports (onlajn), li daħal fi ftehim ta' sponsorjar ma' klabb jew assoċjazzjoni sportiv/a, li jipprova jinfluwenza l-eżitu ta' avveniment sportiv b'mod dirett jew indirett biex jagħmel il-qligħ?

Il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus

Iż-żewġ tipi estremi ta' attivitajiet ta' "ħasil tal-flus" huma, fuq naħa, operazzjonijiet transnazzjonali kumplessi ddisinnjati biex jaħbu l-oriġni kriminali ta' atti kriminali ta' skala kbira sabiex in-nies u l-proprjetà jidhru leġittimi, u fuq naħa oħra, kwalunkwe attività li taħbi, tbiddel id-dehra, jew tarmi r-rikavat ta' kwalunkwe att kriminali, irrispettivament mis-somma (l-awtoħasil mit-trasgressuri - kultant l-infiq - iżda wkoll kriminalità biex jiġi sostnut vizzju tal-logħob tal-azzard).

Fir-rigward tat-teknika tal-ħasil tal-flus, hemm informazzjoni jew evidenza limitata ħafna li tindika li operaturi liċenzjati tal-logħob tal-azzard onlajn fl-Ewropa huma soġġetti għal attivitajiet ta' ħasil tal-flus. Madankollu, il-problema hija ovvjament relatata mal-operaturi illegali. Il-Kummissjoni tifhem li l-prattiki li ġejjin potenzjalment jistgħu jintużaw għal tali finijiet:

- Id-ditti tal-logħob tal-azzard onlajn jistgħu jikkreditaw rebħiet jew fondi mhux użati lura f'kont għajr dak minn fejn saret l-imħatra oriġinali.

- Dawn jippermettu li ġugatur ikun jista' jirreġistra aktar minn kont wieħed mal-istess operatur.

- Logħob bejn il-ġugaturi bħall-poker elettroniku, fejn it-trasferimenti ta' valur jistgħu jsiru kemm bejn il-ġugaturi elettroniċi kif ukoll dawk umani bħala riżultat ta' telfiet intenzjonali, b'kost relattivament żgħir għall-ġugaturi. Tali logħob jista' jippermetti kollużjoni "chip dumping" onlajn. Per eżempju; ġugatur jiddepożita l-fondi b'kard ta' kreditu misruqa u "jittrasferixxi" iċ-ċippi lil kompliċi ieħor li jkun fuq il-mejda jew fuq kont ieħor li jkun ħoloq hu. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu identifikati ladarba l-prinċipji huma sempliċi – il-ġugaturi jagħmlu mħatri kbar fuq idejn ħżiena ħafna (fejn huwa mistenni li jitilfu fil-konfront tal-kompliċi)[79].

- L-użu ta' kontanti elettroniċi bħala alternattiva ta' pagament jew mezzi simili ta' pagament bħal Kards b'Valur Maħżun[80] (dawk ta' tħassib huma kkaratterizzati minn limiti għolja, mingħajr monitoraġġ wara l-akkwist u kontrolli ta' livell baxx tal-għarfien dwar il-klijent (know-your-customer - KYC). Dawn jistgħu jinkludu wkoll mowbajls li permezz tagħhom ikunu jistgħu jsiru l-pagamenti li ma jkunux għaddew minn kontrolli adegwati tal-KYC.

Mistoqsijiet:

(33) Liema huma l-każijiet li wrew li l-logħob tal-azzard onlajn jista' jintuża għall-finijiet ta' ħasil tal-flus?

(34) Liema sistemi ta' mikropagamenti jesiġu kontroll regolatorju speċifiku fid-dawl tal-użu tagħhom għal servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn?

It-tielet (3et) Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus[81] hija applikabbli għas-settur finanzjarju kif ukoll oqsma oħra inkluz każinojiet (li għandhom preżenza fiżika u onlajn).

Problema partikolari bl-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta' din id-direttiva għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn hija li tali siti elettroniċi joffru varjetà ta' servizzi oħra tal-logħob tal-azzard (mhux tal-każinò) u l-operatur jista' jkun liċenzjat f'aktar minn ġurisdizzjoni waħda.

Flimkien ma' tali prinċipji ġenerali, il-Kummissjoni hija konxja li operaturi liċenzjati tal-logħob tal-azzard u regolaturi nazzjonali stabbilixxew firxa ta' prattiki operazzjonali biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus. Dawn jinkludu:

- Il-viġilanza fir-rigward tal-klijent – huma biss il-ġugaturi reġistrati li għandhom kont mad-detentur tal-liċenzja li għandhom jitħallew jilagħbu. Formoli ta' applikazzjoni għandhom jimtlew b'informazzjoni li tindika li (1) il-ġugatur għandu l-età legali biex jilgħab logħob tal-azzard (2) l-identità tal-ġugatur (3) ir-residenza tal-ġugatur, u (4) l-indirizz validu tal-posta elettronika tal-ġugatur. Il-proċess tal-viġilanza jista' jinkludi analiżi tal-veloċità (depożitu/kummerċ), analiżi tar-riskju ġeografika, anomalija fl-imġiba tal-ġugaturi, esponiment tal-assoċjazzjonijiet tal-ġugaturi u l-politika dwar l-arresti marbuta maċ-ċiberkriminalità. Fil-każijiet kollha l-ġugatur għandu jagħżel personalment li jipprovdi dejta personali li jwassal sabiex jiġi stabbilit il-kont tiegħu.

- Kontrolli tal-pagamenti – il-ġugatur għandu dejjem jirċievi kwalunkwe ħlas mir-rebħiet (bilanċ tal-kont) permezz tal-istess mezzi li bihom kien originjarjament irċieva l-flus (u fil-kont li minnu ġew iddepożitati). L-operaturi għandhom jiżguraw ukoll li għandhom kontroll fuq in-numri tal-kards ta' kreditu u d-dejta personali, relatata mal-ġugaturi, li għandhom maħżuna fis-sistemi tagħhom. Minbarra dan, pagamenti diretti bejn il-klijenti huma pprojbiti.

- Kontrolli operazzjonali - L-operaturi jużaw lista ta' verifika tal-età u listi użati minn banek biex jiddentifikaw terroristi u persuni esposti politikament (PEPs), jiġifieri, l-lista ta' sorveljanza ta' World Check[82] u tal-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Sigurtà Sportiva (ESSA[83]). L-operaturi jżommu wkoll rekords statistiċi ta' imġiba tranżazzjonali, li għandha tkun konformi mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati attivitajiet suspettużi. Dawn huma meħtieġa wkoll li japplikaw rekwiżiti aktar stretti tal-viġilanza fejn hemm limiti għolja fuq il-ġugati. L-operaturi għandhom jippreżentaw ukoll Rapporti dwar Attivitajiet Suspettużi (SAR) lill-Unitajiet dwar Intelliġenza Finanzjarja (FIU).

Mistoqsijiet:

(35) Għandek esperjenza u/jew evidenza ta' prattika tajba biex jiġi identifikat u evitat il-ħasil tal-flus?

(36) Hemm evidenza li turi li r-riskju ta' ħasil tal-flus permezz tal-logħob tal-azzard onlajn huwa partikolarment għoli fil-kuntest ta' tali operazzjonijiet stabbiliti fuq siti elettroniċi soċjali?

Il-prevenzjoni ta' kriminalità oħra

Kriminalità oħra li tista' tkun marbuta mal-logħob tal-azzard onlajn tinkludi:

- Il-provvista ta' servizzi tal-logħob tal-azzard offruti minn operaturi illegali (pereżempju organizzazzjonijiet jew individwi kriminali). Minn rapport Franċiż dwar il-Ċiberkriminalità u l-Logħob tal-Azzard huwa stmat li elf sit elettroniku tal-logħob tal-azzard huma operati direttament mill-gruppi kriminali[84],

- Logħob onlajn mhux awtorizzat offrut minn operatur liċenzjat,

- Evażjoni tat-taxxa (fejn hemm obbligu għall-utent li jħallas taxxa fuq il-flus mirbuħa, jiġifieri, l-evażjoni tat-taxxa tista' tiġi invokata fir-rigward ta'rebħiet minn attivitajiet offshore).

Hemm ukoll għadd ta' attivitajiet kriminali li huma rilevanti għal bosta servizzi tal-logħob tal-azzard iżda mhumiex qegħdin speċifikament għal-logħob tal-azzard onlajn, bħal (i) xiri tal-logħob jew imwejjed tal-poker imbagħbsin (ara hawn fuq), (ii) attivitajiet ta' self b'interessi eċċessivament għolja ("loan sharking"), u (iii) attivitajiet kriminali mwettqa biex jiġi ffinanzjat l-użu tas-servizzi tal-logħob tal-azzard (pereżempju serq) u (iv) il-finanzjament tat-terroriżmu.

Mistoqsija:

(37) Hemm rekwiżti nazzjonali għat-trasparenza tal-logħob tal-azzard onlajn? Dawn japplikaw għall-provvista transfruntiera ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn u fil-fehma tiegħek dawn huma infurzati b'mod effikaċi?

2.3.3. Il-finanzjament ta' attivitajiet benevolenti u ta' interess pubbliku kif ukoll avvenimenti li fuqhom jiddependu l-imħatri fuq l-isports

Restrizzjonijiet fuq servizzi tal-logħob tal-azzard fuq livell nazzjonali huma xi drabi ġġustifikati minn raġunijiet ta' politika bħall-finanzjament ta' attivitajiet benevolenti jew ta' interess pubbliku. Minkejja li s-sistemi li tpoġġew għal dan l-iskop għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi nnutat li skont il-Qorti tal-Ġustizzja il-finanzjament ta' tali attivitajiet soċjali ma jikkostitwux ġustifikazzjoni sostantiva għal politika ristrettiva iżda biss konsegwenza ta' benefiċċju anċillari[85]. Tali restrizzjonijiet jippruvaw jassistu l-finanzjament ta' "attivitajiet ta' interess pubbliku" li s-soċjetà fil-biċċa l-kbira tagħha tista' tibbenefika minnhom. B' mod aktar speċifiku, l-attivitajiet ta' interess pubbliku li attwalment jibbenefikaw direttament b'dan il-mod fl-Istati Membri huma l-arti, il-kultura, l-isport[86], il-programmi taż-żgħażagħ/edukattivi u attivitajiet relatati mal-karità.

Sistemi ta' allokazzjoni tad-dħul

Id-dipendenza fuq id-dħul mil-logħob tal-azzard biex jiġu ffinanzjati attivitajiet ta' interess pubbliku hija organizzata b'modi differenti. L-organizzazzjoni jew il-kumpanija responsabbli minn attivitajiet ta' interess pubbliku:

(1) Tingħata liċenzja[87] biex jiġi offrut servizz tal-logħob tal-azzard onlajn sabiex tiġi appoġġata "kawża ġusta" rikonoxxuta minn awtorità rilevanti għall-għoti ta' liċenzji (pereżempju kumitat nazzjonali olimpiku, korp nazzjonali dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel, assoċjazzjoni għall-persuni neqsin mid-dawl, u oħrajn);

(2) Tirċievi fondi direttament minn operatur tal-logħob tal-azzard tal-Istat (pereżempju, lotterija nazzjonali) skont rata fissa mil-liċenzja jew leġislazzjoni li tirregola dak l-operatur;

(3) Tirċievi fondi minn operatur tal-logħob tal-azzard tal-Istat indirettament mill-baġit tal-Istat li operatur tal-Istat ikun ikkontribwixxa għalih;

(4) Tirċievi fondi minn operatur privat wieħed jew aktar tal-logħob tal-azzard u l-kontribuzzjoni tal-fondi:

(a) Hija ddeterminata minn liċenzja jew leġislazzjoni jew

(b) Hija bbażata fuq kontribuzzjonijiet volontarji mill-operaturi.

(5) Tirċievi kumpens ekonomiku għall-użu ta' avveniment organizzat minnha u li fuqha jsiru l-imħatri anke jekk l-organizzazzjoni jew il-kumpanija mhijiex involuta fl-organizzazzjoni tal-attività tal-logħob tal-azzard innifisha;

(6) Tirċievi fondi mill-baġit tal-Istat li jkunu kkontribwixxew għalih kemm l-Istat kif ukoll l-operaturi kummerċjali tal-logħob tal-azzard.

Mistoqsijiet:

(38) Hemm skemi oħra ta' allokazzjoni tad-dħul għal attivitajiet ta' interess pubbliku fuq livell nazzjonali jew tal-UE?

(39) Hemm mekkaniżmu speċifiku, bħal fond, għar-ridistribuzzjoni tad-dħul minn servizzi pubbliċi u kummerċjali tal-logħob tal-azzard onlajn għall-benefiċċju tas-soċjetà?

(40) Il-fondi jingħataw lura jew jiġu allokati mill-ġdid għall-prevenzjoni u t-trattament tal-vizzju tal-logħob tal-azzard?

Il-Kummissjoni tixtieq tiffoka ulterjurment fuq żewġ kwistjonijiet:

L-estensjoni possibbli tal-prinċipju ta' ritorn lill-organizzaturi tal-avveniment

Avvenimenti sportivi nazzjonali u mhux domestiċi jintużaw minn operaturi onlajn biex jippreżentaw għażla attraenti ta' servizzi tal-logħob tal-azzard lill-klijenti potenzjali tagħhom. Dawn l-avvenimenti jistgħu jibbenefikaw minn attivitajiet tal-logħob tal-azzard peress li joħolqu interess pubbliku addizzjonali u possibilment iżidu wkoll l-esponiment tal-avveniment fil-midja. Hemm kunsens wiesa' li avvenimenti sportivi, li fuqhom jiddependi l-logħob tal-azzard, għandhom jirċievu ritorn ġust mill-attivittà assoċjata mal-logħob tal-azzard.

- Jekk jitqies il-każ speċifiku tat-tiġrijiet taż-żwiemel, ċerti Stati Membri jimponu liċenzja esklussiva għall-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel lil organizzazzjoni jew kumpanija bil-għan li jiġi żgurat li l-fatturat mill-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, bl-eċċezzjoni tal-flus mirbuħa, mill-miżata tat-totalizzatur u l-ispejjeż operattivi, jingħataw lill-isport relatat maż-żwiemel, it-tgħammir taż-żwiemel u t-trobbija taż-żwiemel. Filwaqt li l-istrutturi nazzjonali jvarjaw, l-appoġġ għat-tiġrijiet taż-żwiemel u s-settur taż-żwiemel jista' jkun sinifikant u jitla' għal aktar minn 8 % tal-fatturat totali mill-imħatri f'ċerti pajjiżi. Karatteristika speċifika waħda tat-tiġrijiet taż-żwiemel meta mqabbla ma' sports ieħor hija li l-attrazzjoni ewlenija tagħha hija indirizzata lejn il-lagħaba tal-azzard. Għaldaqstant, f'livell ikbar minn dak f'avvenimenti sportivi oħra, il-vijabbiltà tiegħu jiddependi fuq proporzjonijiet suffiċjenti mid-dħul tal-logħob tal-azzard li jiġi investit mill-ġdid fl-attività. Minbarra dan, f'ċerti Stati Membri it-tradizzjoni tal-isports ekwestri, it-tgħammir u t-trobbija taż-żwiemel, li kollha kemm huma appoġġati permezz ta' din l-allokazzjoni tad-dħul mil-logħob tal-azzard, għandhom u se jkompli jkollhom rwol ekonomiku importanti fiż-żoni rurali u għaldaqstant jistgħu jkunu marbuta ma' żvilupp reġjonali u għanijiet ta' politika ta' koeżjoni territorjali.

- Sports ieħor ikollu fluss ta' dħul aktar imħallat kemm minħabba ġibda pubblika aktar wiesgħa kif ukoll/jew peress li joffru lilhom infushom anqas lis-servizzi tal-logħob tal-azzard. Madankollu, meta servizzi tal-logħob tal-azzard jiġu offruti waqt kompetizzjoni sportiva organizzata, il-kwistjoni dwar jekk l-organizzaturi (organizzazzjonijiet sportivi, timijiet, etc.) għandhom ikunu kapaċi li jiġġeneraw fluss addizzjonali ta' dħul permezz tal-isfruttament tal-imaġni u avvenimenti tagħhom minn fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard ġiet indirizzata mill-Istati Membri. Meta jitqies li mingħajr l-użu tal-avvenimenti tagħhom, is-servizzi tal-logħob tal-azzard ma jkunx vijabbli, għandu jiġi mfittex ritorn ġust għal dan l-użu. Ċerti operaturi tal-Istat joffru servizzi ta' imħatri fuq sports professjonali huma għaldaqstant obbligati li jallokaw id-dħul lura fl-isports ta' għeruq u b'hekk jassistu l-attivitajiet ta' interess pubbliku li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet sportivi b'mod ġenerali. Il-Kummissjoni varat studju tal-UE dwar il-finanzjament tal-isports għad-dilettanti li għandu juri l-importanza reali tas-sorsi differenti ta' finanzjament, inkluż id-dħul mill-organizzazzjoni ta' servizzi tal-logħob tal-azzard, għall-isports għad-dilettanti[88].

Fl-aħħar, avvenimenti sportivi li fuqhom jistgħu jiġu organizzati imħatri jistgħu, minħabba attivitajiet kriminali, ikunu soġġetti għal riskju ogħla minħabba xiri tal-logħob. Stat Membru wieħed (Franza) stabbilixxa dritt mhux esklussiv għall-imħatri fuq l-isports għal servizzi tal-logħob tal-azzard biex jikkontribwixxi għall-investiment minn organizzazzjonijiet ta' kompetizzjonijiet sportivi li huwa primarjament immotivat abbażi tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-integrità.

Mistoqsijiet:

(41) X'inhuma l-proporzjonijiet ta' dħul mil-logħob tal-azzard onlajn li ġej mill-imħatri fuq l-isports li huma allokati mill-ġdid lejn l-isports fuq livell nazzjonali?

(42) Id-dixxiplini sportivi kollha jibbenefikaw minn drittijiet ta' sfruttament mil-logħob tal-azzard onlajn b'mod simili għal dak tat-tiġrijiet taż-żwiemel u, jekk dan, huma sfruttati dawk id-drittijiet?

(43) Jeżistu drittijiet ta' sfruttament tal-logħob tal-azzard onlajn li huma esklussivament iddedikati lejn l-iżgurar tal-integrità?

Ir-riskju ta' "parasitiżmu" permezz tal-provvista ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn

L-Istati Membri, fid-dawl tat-tradizzjonijiet kulturali u storiċi nazzjonali, se jiddependu fuq sistemi u rati differenti ta' direzzjoni tad-dħul mil-logħob tal-azzard. Pereżempju, Stati Membri li ma għandhom l-ebda storja tat-tiġrijiet taż-żwiemel jew tat-trobbija taż-żwiemel ovvjament ma għandhom l-ebda bżonn ta' skema għall-allokazzjoni tad-dħul għal dak l-għan. Bl-istess mod, ċerti Stati Membri se jagħżlu li jiffinanzjaw ċerti attivitajiet ta' interess pubbliku esklussivament minn dħul fiskali filwaqt li oħrajn jistgħu jirrikorru għad-dħul mil-logħob tal-azzard għall-istess għan.

Fl-istess waqt, meta servizzi tal-logħob tal-azzard huma offruti fuq avvenimenti li qed iseħħu fi Stati Membri oħra jew meta l-lagħaba tal-azzard minn Stat Membru wieħed jagħżlu li jilagħbu l-ġugati f'servizzi tal-logħob tal-azzard ipprovduti fi Stat Membru ieħor ikun hemm effetti diretti fuq l-effiċjenza tas-sistemi ta' allokazzjoni ta' dħul mil-logħob tal-azzard. Dan ikun il-każ partikolarment meta l-lagħaba tal-azzard huma esklussivament iffukati fuq li jfittxu l-ogħla dħul. Biex inkunu preċiżi, din il-problema ta' "parasitiżmu" mhijiex limitata għas-servizzi transfruntieri tal-logħob tal-azzard onlajn peress li, fil-prinċipju, il-lagħaba tal-azzard jistgħu dejjem jaqsmu fiżikament il-fruntieri biex ikollhom aċċess għal servizzi tal-logħob tal-azzard iżda, madankollu, is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fil-prattika huma differenti peress li jżidu dan l-effett possibbli b'mod sinifikanti.

L-effett jista' jiġi mbagħbas jew saħansitra mreġġa' lura mill-fatt li ċerti lagħaba tal-azzard jilagħbu fuq servizzi partikolari tal-logħob tal-azzard peress li dawk is-servizzi ikunu marbuta mal-finanzjament ta' attivitajiet ta' interess pubbliku. Dan jista' jkun il-każ peress li r-rabta mal-attivitajiet ta' interess pubbliku tnaqqas l-istigma soċjali assoċjata mal-logħob tal-azzard jew tista' saħansitra tkun il-motivazzjoni prinċipali għal-logħob tal-azzard fuq tali servizzi. Pereżempju, meta jitqiesu l-probabbiltajiet baxxi ħafna ta' rebħ f'ċerti tipi ta' servizzi tal-logħob tal-azzard (pereżempju lotteriji ta' valur baxx offruti minn organizzazzjonijiet karitatevoli) jista' jiġi kkunsidrat li bosta ġugaturi li jipparteċipaw f'dan it-tip ta' logħob jippreferuh minn tipi oħra ta' servizzi oħra li joffru iktar probabbiltajiet ta' rebħ, primarjament minħabba l-fatt li jqisu li jistgħu jiggwadanjaw iktar għal attività ta' interess pubbliku validu. Jista' jkun ukoll li offerti ta' tali servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn minn Stati Membri oħra li għandhom rabtiet diretti aktar b'saħħithom mal-attivitajiet ta' interess pubbliku li jixtiequ jappoġġaw meta mqabbla mal-offerti nazzjonali ta' servizzi ta' logħob tal-azzard onlajn jiġbdu lil dawn it-tip ta' lagħaba tal-azzard.

Mistoqsijiet:

(44) Hemm evidenza li tindika li r-riskju ta' "parasitiżmu" transfruntier innotat hawn fuq għal servizzi ta' logħob tal-azzard onlajn qed inaqqas id-dħul għall-attivitajiet nazzjonali ta' interess pubbliku li jiddependu mill-allokazzjoni ta' dħul mil-logħob tal-azzard?

(45) Hemm obbligi ta' trasparenza li jippermettu lil-lagħaba tal-azzard li jsiru konxji minn jekk u kemm il-fornituri ta' servizzi ta' logħob tal-azzard jallokaw flus mid-dħul lura lejn l-attivitajiet ta' interess pubbliku?

2.4. L-infurzar u kwistjonijiet relatati

Suq transfruntier mhux awtorizzat jista' jkun aċċessibbli għal konsumaturi, minħabba t-tolleranza de facto jew in-nuqqas ta' infurzar effikaċi. L-infurzar effikaċi huwa essenzjali għall-Istati Membri biex jiżguraw li jilħqu l-għanijiet ta' interess pubbliku wara l-politika nazzjonali tagħhom għal-logħob tal-azzard.

L-awtoritajiet dwar il-logħob tal-azzard fl-Istati Membri

Jintużaw tipi differenti ta' strutturi organizzattivi għall-għoti ta' liċenzji, regolazzjoni u sorveljanza tal-logħob tal-azzard onlajn. L-indipendenza u s-setgħa ta' dawn l-istrutturi jvarjaw bejniethom. Fi ħdan l-Istati Membri, forom differenti ta' servizzi tal-logħob tal-azzard jistgħu jiġu rregolati jew sorveljati wkoll minn korpi separati (pereżempju, logħob promozzjonali, logħob tal-midja u "spread betting")[89].

Attivitajiet tal-logħob tal-azzard jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, inklużi:

- Il-ħruġ, is-sospensjoni u r-revoka tal-liċenzji;

- Il-funzjonijiet ta' kontroll u sorveljanza inklużi kontrolli amministrattivi jew finanzjarji, spezzjonijiet fuq il-post, spezzjonijiet tekniċi (pereżempju, tagħmir jew softwer), u monitoraġġ onlajn tal-attivitajiet;

- L-infurzar - il-ftuħ, l-istituzzjoni u l-prosekuzzjoni ta' proċedimenti li jinvolvu offiżi relatati ma' (a) il-forniment ta' servizzi tal-logħob tal-azzard illegali/mhux awtorizzati; u (b) komunikazzjonijiet kummerċjali relatati mas-servizzi u l-operaturi tal-logħob tal-azzard (servizzi tal-logħob tal-azzard legali kif ukoll illegali/mhux awtorizzati);

- L-għoti ta' pariri, informazzjoni jew appoġġ lill-Gvern, il-ġugaturi (il-pubbliku) u/jew l-operaturi.

Mistoqsijiet:

(46) Hemm korp regolatorju fl-Istat Membru tiegħek u liema huma l-kompetenzi u l-ambitu ta' azzjoni tiegħu fost is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn kif iddefiniti f'din il-Green Paper?

(47) Hemm reġistru nazzjonali ta' operaturi liċenzjati tas-servizzi tal-logħob tal-azzard? Jekk iva, dan huwa aċċessibbli għall-pubbliku? Min huwa responsabbli sabiex dan jinżamm aġġornat?

Kooperazzjoni amministrattiva

Attwalment, il-kooperazzjoni amministrattiva bejn ir-regolaturi taż-Żona Ekonomika Ewropea hija bbażata fuq kooperazzjoni ad hoc bejn għadd limitat ta' Stati Membri. Regolaturi minn madwar l-Ewropa kollha għandhom forum speċifiku li fih jiltaqgħu, jaqsmu l-fehmiet tagħhom u jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-logħob (GREF[90]). Oqsma possibbli ta' kooperazzjoni amministrattiva jinkludu l-qsim u l-iskambju ta' informazzjoni relatata ma':

- detenturi ta' liċenzji (inklużi l-kundizzjonijiet tal-liċenzja, il-kwalitajiet professjonali tal-persunal u l-integrità tal-operaturi);

- operaturi mhux liċenzjati u frawdulenti (lista sewda komuni);

- kwistjonijiet ta' natura teknika, bħal standards, ittestjar u ċertifikazzjoni nazzjonali;

- prattiki tajbin (inklużi kampanji pubbliċi biex jiġu evitati l-kriminalità u d-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard u l-kostijiet ta' tali kampanji).

Mistoqsija:

(48) Liema forom ta' kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera taf bihom f'dan il-qasam u liema huma l-kwistjonijiet speċifiċi li huma koperti?

Kooperazzjoni msaħħa ma' partijiet interessati oħra

Jista' jkun li l-awtoratijiet tal-logħob tal-azzard qed jaħdmu wkoll mal-partijiet sportivi interessati Ewropej/nazzjonali u/jew operaturi tal-imħatri pubbliċi/privati sabiex jiżviluppaw:

- Programmi jew kampanji edukattivi għall-atleti (dilettanti u professjonali), kowċijiet, referees, persuni impjegati fis-settur tat-tiġrijiet taż-żwiemel jew minn operaturi pubbliċi/privati tal-logħob tal-azzard onlajn, etc.; u/jew

- Sistemi ta' twissija bikrija biex jissaħħaħ l-infurzar sabiex jiġi evitat ix-xiri tal-logħob.

Mistoqsija:

(49) Taf b'tali kooperazzjoni msaħħa, programmi edukattivi jew sistemi ta' twissija bikrija li huma mmirati lejn it-tisħiħ tal-integrità fl-isport u/jew iż-żieda tal-għarfien fost partijiet interessati oħra?

L-imblukkar tal-pagamenti u s-sistemi ta' responsabbiltà għall-ISPs

Il-fornituri ta' pagamenti u komunikazzjoni (operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, il-kanali televiżivi u l-fornituri tas-soċjetà ta' informazzjoni) jippermettu t-twettiq ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn. Attwalment, sabiex jiġu ristretti servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn "mhux awtorizzat" u transfruntier, jiġu imposti l-metodi li ġejjin fuq tali fornituri intermedjarji tas-servizzi:

- Il-filtrazzjoni skont is-Sistema ta' Isem ta' Dominju (DNS) ; Mekkaniżmu ta' filtrazzjoni skont id-DNS jipprova jiżgura li jiġi evitat li klijenti potenzjali jilagħbu logħob tal-azzard fuq siti mhux awtorizzati elenkati minn qabel jew jintbagħtu fuq indirizz ieħor (sit elettroniku) abbażi ta' lista predefinita ta' indirizzi tal-internet (ismijiet ta' dominji), pereżempju, minn sit ".com" għal wieħed stabbilit fi ħdan il-ġurisdizzjoni nazzjonali rilevanti[91].

- L-imblukkar tal-Protokoll tal-Internet (IP) Kull apparat konness mal-internet pubbliku jiġi mogħti numru uniku magħruf bħala indirizz IP, li jinkludi l-hostname. L-imblukkar tal-IP jevita l-konnessjoni bejn server/sit elettroniku u indirizz IP wieħed jew aktar.

- L-imblukkar tal-pagamenti , jista' jkun fuq il-"Kodiċi tal-Kategorija tan-Negozjant" (Merchant Category Codes – MCC) tal-operaturi[92]. Madankollu, il-projbizzjoni tal-ipproċessar ta' pagamenti marbuta ma' ċertu kodiċi jista' jimblokka tranżazzjonijiet kummerċjali liċiti għajr dawk il-pagamenti relatati ma' ġugati u premijiet.

L-effiċjenza ta' sistema ta' mblukkar tiddependi minn lista predefinita u aġġornata ta' elementi biex jiġu mblukkati kif ukoll sistemi effiċjenti tas-softwer.

Mistoqsijiet:

(50) Hemm xi metodi fost dawk imsemmija hawn fuq, jew mezzi tekniċi oħra, li huma applikati fuq livell nazzjonali biex jiġi limitat l-aċċess għas-servizzi tal-logħob tal-azzard jew biex jiġu ristretti s-servizzi ta' pagament? Taf b'xi inizjattiva/i transfruntiera mmirata/i lejn l-infurzar ta' tali metodi? Kif tivvaluta l-effikaċja tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-azzard onlajn?

(51) X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar il-meriti relattivi tal-metodi msemmija hawn fuq kif ukoll fir-rigward ta' mezzi tekniċi oħra biex jiġi limitat l-aċċess għal servizzi tal-logħob tal-azzard u tal-pagamenti?

[1] Hemm dejta disponibbli limitata għal-logħob tal-azzard onlajn. Dawn iċ-ċifri mogħtija minn H2 Gambling Capital, huma stimi primarjament ibbażati fuq informazzjoni pubblika mogħtija minn regolaturi, monopolji u kumpaniji. Gwida u dejta ulterjuri ġew ipprovduti wkoll fuq bażi kunfidenzjali (ċifri tal-2008). H2 Gambling Capital ivvalutaw ukoll l-Istati Membri koperti bis-servizz ta' operaturi fejn mhijiex disponibbli informazzjoni primarja. Għal informazzjoni aktar dettaljata fuq dawn iċ-ċifri: http://ec.europa.eu/internal_market/services/gambling_en.htm

[2] Il-Kummissjoni hija konxja li ċerti servizzi tal-logħob tal-azzard huma regolati fuq livell reġjonali f'għadd ta' Stati Membri. Madankollu, għall-fini tas-sempliċità, din il-Green Paper tirreferi biss għal "Stati Membri" jew "nazzjonali".

[3] Il-kunċett ta' suq "griż" ta' spiss jintuża biex jiddeskrivi sitwazzjoni fattwali jew legali fil-kuntest tal-liġi tal-UE (pereżempju fir-rigward, i.a., l-importazzjoni parallela tal-oġġetti). Għall-fini ta' din il-konsultazzjoni, dan jintuża biex jiddeskrivi swieq li jikkonsistu minn operaturi liċenzjati kif xieraq fi Stat Membru wieħed jew aktar li jipprovdu servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fi Stati Membri oħra mingħajr ma jkunu kisbu awtorizzazzjoni biex jagħmlu dan fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni korrispondenti. B'kuntrast ma' dan, is-swieq illegali jew "suwed" jintużaw biex jiddeskrivu swieq li fihom operaturi mhux liċenzjati jippruvaw jipprovdu s-servizzi tal-logħob tal-azzard.

[4] "Cyber-criminality in Online Gaming", White Paper minn CERT-LEXSI, (Laboratoire d'Expertise en Securite Informatique), Lulju 2006. http://www.lexsi.com/telecharger/gambling_cybercrime_2006.pdf.

[5] […]

[6] Rapport tal-Presidenza dwar il-progress, ippreżentat fl-1 ta' Diċembru 2008 (ref dok 16022/08).

[7] Rapport tal-Presidenza dwar il-progress, ippreżentat fit-3 ta' Diċembru 2009 (ref dok 16571/09)

[8] Rapport tal-Presidenza dwar il-progress, ippreżentat fil-25 ta' Mejju 2010 (ref dok 9495/10)

[9] Il-Konklużjonijiet dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE, adottati fit-3057 laqgħa tal-Kunsill dwar il-Kompettività fi Brussell fl-10 ta' Diċembru 2010. Id-dokument tal-Kunsill 16884/10 .

[10] Ir-riżoluzzjoni segwiet ir-rapport SCHALDEMOSE. Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-azzard fuq l-internet (2008/2215(INI)); P6-2009-0097. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu reklamar u kummerċjalizzazzjoni u persuni taħt l-età (p.29), frodi u mġiba kriminali (p.30) u l-integrità, responsabbiltà soċjali, protezzjoni tal-konsumatur u tassazzjoni (p 31).

[11] Ara t-taqsima 1.2: Subtqasima " Leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE rilevanti għal-logħob tal-azzard onlajn ".

[12] H2 Gambling Capital (ċifri tal-2008).

[13] EGBA u H2 Gambling Capital, 2009, http://www.egba.eu/pdf/EGBA_FS_MarketReality.pdf

[14] Televixin fuq Protokoll tal-Internet

[15] Studju SICL, paġna 1407, http://ec.europa.eu/internal_market/services/gambling_en.htm

[16] Ara r-Rapport dwar il-monitoraġġ tas-Suq tal-konsumaturi, 5 ta' Lulju 2010 - COM(2010) 355

[17] H2 Gambling Capital

[18] H2 Gambling Capital

[19] Għal aktar tagħrif dwar il-partijiet interessati u l-interessi tagħhom, ara id-"Dokument ta' ħidma tal-persunal"

[20] Riżultati speċifiċi għas-suq f'pajjiżi speċifiċi ("dashboards" - profili li jiġbru l-informazzjoni rilevanti kollha b'mod konċiż), ir-rapport ġenerali (fejn il-logħob tal-azzard huwa ttrattat fuq il-paġna 243), tabelli, eċċ. jinsabu fuq din il-ħolqa:

http://ec.europa.eu/consumers/strategy/cons_satisfaction_en.htm

[21] COM(2006) 160, 4.4.2006. Attwalment l-Artikolu 2(2)(h) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jeskludi b'mod ċar l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard.

[22] Il-Kummissjoni varat inkjesti dwar restrizzjonijiet dwar servizzi ta' mħatri fuq l-isports f'għadd ta' Stati Membri fl-4 ta' April 2006 (IP/06/436). Il-Kummissjoni ġiet ikkritikata mill-Ombudsman Ewropew talli ma pproċessatx dawn l-ilmenti b'mod mgħaġġel biżżejjed wara li tressaq ilment quddiem l-uffiċċju tiegħu mill-Parlament Ewropew (Numru tal-każ: 289/2005).

[23] 151 notifika relatata mal-logħob tal-azzard ġew innotifikati lill-Kummissjoni fl-ambitu tad-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU L 204, 21.7.1998, p.37) (emendata bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, 5.8.1998, p. 18)) 2005 - 2010. Ara wkoll: http://ec.europa.eu/enterprise/tris/index_en.htm

[24] Studju dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard fis-Suq Intern tal-UE, mill-Istitut Svizzeru tal-Liġi Komparattiva. Ara http://ec.europa.eu/internal_market/services/gambling_en.htm

[25] (1) lotteriji , (2) imħatri; (3) logħob tal-azzard offrut fil-każinò; (4) logħob tal-azzard fuq magni tal-logħob tal-azzard li jinsabu f'postijiet għajr każinojiet liċenzjati; (5) bingo; (6) logħob tal-azzard fuq il-midja; (7) servizzi ta' promozzjonijiet ta' bejgħ li jikkonsistu f'logħob promozzjonali bi premju li jaqbeż is-somma ta' EUR 100,000 jew fejn il-parteċipazzjoni hija esklussivament marbuta mal-akkwist; (8) servizzi ta' logħob tal-azzard operati minn jew għal benefiċċju ta' karitajiet rikonoxxuti u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

[26] 587 każ li l-biċċa l-kbira tagħhom ġew ittrattati mill-Qrati Ġermaniżi.

[27] Każ C-275/92, Ġabra 1994, Paġna. I-01039.

[28] Każ C-243/01Ġabra 2003, Paġna. I-13031.

[29] C-275/92, Ġabra 1994, Paġna. I-01039. Każ C-124/97, Ġabra 1999, Paġna.I-06067; Każ C-67/98, Ġabra 1999, Paġna I-07289.

[30] Każ C-67/98, Ġabra 1999, Paġna I-07289. Każ C-243/01Ġabra 2003, Paġna. I-13031.

[31] Każ C-243/01Ġabra 2003, Paġna. I-13031.

[32] Każ-203/08, Ġabra [0000] Paġna I-0000.

[33] Każ C-42/07, Ġabra [2009] Paġna I-7633, § 69, ara wkoll it-taqsima 2.4 (infurzar) u l-mistoqsija 48.

[34] Każ C-42/07, imsemmi hawn fuq, § 70., Fir-rigward ta' identifikazzjoni u verifikazzjoni tal-età tal-klijent wiċċ imb'wiċċ. Ara l-mistoqsijiet 16 u 24.

[35] Każ C-46/08, ECR [0000], Paġna I-0000, §103. Fir-rigward ta' fatturi marbuta mal-logħob tal-azzard problematiku, ara l-mistoqsijiet 17 u 19.

[36] Ara IP/10/504 (Italja) u IP/10/1597 (Franza). Il-Kummissjoni għalqet ukoll il-każ kontra l-Awstrija (l-ebda IP).

[37] Każ C35/2010 – DA – Dazji fuq logħob onlajn fl-Att Daniż dwar id-Dazji fuq il-Logħob (ĠU C 22, 22.1.2011) u IP/19/1711. Ara wkoll id-dokument ta’ ħidma tal-Persunal, Taqsima 2.3.

[38] Ara t-Taqsima 2.1 tad-Dokument ta' ħidma tal-persunal.

[39] Għal lista aktar kompleta tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE, ara d-"Dokument ta' ħidma tal-Persunal"

[40] ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

[41] ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

[42] ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

[43] ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

[44] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[45] ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

[46] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[47] ĠU L 178, 17.0.2000, p. 1.

[48] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

[49] Kummerċ bil-Mowbajl – kompletat bl-użu ta' aċċess mill-mowbajl għal netwerks permezz tal-kompjuters ("computer-mediated netwworks") bl-għajnuna ta' apparat elettroniku (pereżempju telefown ċellulari).

[50] Fi proposta għal regolament li jikkonċerna l-promozzjoni ta' bejgħ fis-Suq Intern, COM(2001) 546, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn logħob tax-xorti u logħob tal-ħila. Dan kien neċessarju minħabba d-definizzjonijiet nazzjonali differenti ta' "xorti". Tali differenzi jistgħu wkoll jispjegaw regolamenti nazzjonali differenti għal ċerti attivitajiet ta' imħatri jew poker

[51] "Mill-bogħod" jew "fuq talba individwali" jfissru talba diretta onlajn mir-riċevitur lill-operatur tal-logħob tal-azzard onlajn mingħajr ma jiddipendi fuq intermedjarji bħal persunal tal-ħanut li jaħdem fil-punt tal-bejgħ. Sakemm it-tranżazzjoni mill-bogħod isseħħ permezz ta' netwerk ta' persuni naturali li jaġixxu bħala intermedjarji li jużaw mezzi elettroniċi din mhijiex intenzjonata li tiġi inkluża fid-definizzjoni ta' hawn fuq.

[52] Każ C-55/94, Ġabra 1995, Paġna I-4165

[53] Każ C-386/04, Ġabra 2006, Paġna I-8203

[54] Id-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, imsemmija fin-nota ta' qiegħ il-paġna nru 47, premessa (19).

[55] "Cloud" hija pjattaforma jew infrastruttura li tippermetti l-eżekuzzjoni ta' kodiċi (servizzi, applikazzjonijiet etc.), b'mod immaniġġjat u elastiku.

[56] Kodiċi Internazzjonali dwar l-Isponsorjar tal-ICC (2003)

http://www.iccwbo.org/policy/marketing/id926/index.html

[57] Stimi tal-Kummissjonim Ewropea abbażi ta' informazzjoni minn operaturi li jaċċettaw depożiti minn konsumaturi li huma residenti fi Stat Membru ieħor (Frar 2010).

[58] Ara wkoll l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa COM (2010) 245, 19.5.2010.

[59] Il-Kummissjoni dwar il-Logħob tar-Renju Unit iwettaq programm kontinwu ta' xiri bil-moħbi fuq siti elettroniċi tal-logħob tal-azzard bħala aprti mill-attività ta' konformità tagħha, ara www.gamblingcommission.gov.uk

[60] "Diagnostic and Statistical Manual of Mental Disorders (Manwal Dijanjostiku u Statistiku tad-Diżordni Mentali)", ir-raba' (4) edizzjoni għal-logħob tal-azzard patoloġiku, l-Assoċjazzjoni Psikjatrika Amerikana, 1994. Il-pubblikazzjoni tal-ħames (5) edizzjoni tal-"Diagnostic and Statistical Manual of Mental Disorders" (DSM-V) huwa previst għal Mejju 2013.

[61] The South Oaks Gambling Screen, Lesieur & Blume, 1987. Iż-żewġ għodda (DSM u SOGS) jeżistu wkoll fil-verżjonijiet adattati għall-adoloxxenti: DSM-IV-J [juvenile (minuri)], DSM-IV-MR-J [multiple response-juvenile (reazzjoni multipla – minuri)] u SOGS-RA (rivedut għall-adoloxxenti).

[62] BE, DK, EE, FI, DE, NL, SE u UK

[63] ES, HU, IT, LT, RO u SK

[64] M. Griffiths , Problem gambling in Europe: An overview, Appex Communications, April 2009

[65] BE, EE, NL u UK

[66] FI, DE u MT

[67] Dejta mis-7 Stati Membri, M. Griffiths , Problem gambling in Europe: An overview, Appex Communications, April 2009

[68] "Diagnostic and Statistical Manual of Mental Disorders (Manwal Dijanjostiku u Statistiku tad-Diżordni Mentali)", ir-raba' (4) edizzjoni, l-Assoċjazzjoni Psikjatrika Amerikana, 1994.

[69] Abbozz ta' "Diagnostic and Statistical Manual of Mental Disorders (Manwal Dijanjostiku u Statistiku tad-Diżordni Mentali)", il-ħames (5) edizzjoni, l-Assoċjazzjoni Psikjatrika Amerikana, pubblikazzjoni ppjanata għall-2013.

[70] L-istudju twettaq bi sħab fir-riċerka ma' bwin li poġġa għad-dispożizzjoni d-dejtabejs tal-klijenti tiegħu.

[71] LaBrie, LaPlante, Nelson, Schaffer, Assessing the Playing Field: A prospective Longitudinal Study of Internet Sports Gambling behaviour (flimkien ma' Schumann,) Journal of Gambling Studies , 2008; Inside the virtual casino: A prospective longitudinal study of Internet casino gambling (flimkien ma' Kaplan), European Journal of Public Health, 2008 u Population trends in Internet sports gambling" (flimkien ma' Schumann),Computers in Human Behaviour, 2008

[72] Svenska Spel, Il-kost tal-logħob tal-azzard. Analiżi tal-kostijiet soċjoekonomiċi li jirriżultaw mil-logħob tal-azzard problematiku fl-Isvezja. Il-Kunsill tal-UE: DS 406/09. Brussell, 2009

[73] Pereżempju: il-Finlandja u r-Renju Unit.

[74] Rati ta' vizzju fost il-lagħaba matul is-sena li għaddiet. British Gambling Prevalence Survey 2007 , National Centre for Social Research, Settembry 2007.

[75] 4 Stati Membri biss (AT, EE, FI u UK) ipprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-logħob tal-azzard problematiku fil-kuntest tal-istudju tal-Kummissjoni "Studju dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard fis-Suq Intern tal-UE", Kapitolu 9.9. p. 1453, imsemmi hawn fuq.

[76] L-età maġġuri fl-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tal-Awstrija hija 18 -il sena (Fl-Awstrija - 19).

[77] Pereżempju, organizzazzjonijiet kriminali bbażati fiċ-Ċina jew fil-Kroazja kienu involuti f'xiri tal-logħob fil-BE, DE u l-FI.

[78] Dan ma għandux jiġi kkunsidrat bħala li huwa assoċjat mar-rebħiet imdewma fejn operatur liċenzjat iżomm ir-rebħiet għall-finijiet ta' dilipenza dovuta mingħajr ma jagħti informazzjoni suffiċjenti lill-parteċipant għalxiex dan qed isir. F'tali każijiet, l-operatur għandu jispjega għalfejn inżamm il-pagament. L-aktar spjegazzjoni komuni għal tali dewmien huma l-kontrolli addizzjonali ta' identifikazzjoni tal-konsumatur.

[79] Kmamar tal-poker onlajn huma konxji dwar din in-nassa u qed ifittxu li jiddentifikaw l-awturi qabel ma jiġu approvati l-pagamenti tar-rebħiet tagħhom.

[80] Kard ta' valur maħżun tirreferi għall-valur monetarju fuq karta li mhuwiex f'kont irreġistrat esternament u li huwa differenti minn karti mħallsa minn qabel fejn il-flus huma fuq depożitu mal-emittent simili għal karti ta' debitu.

[81] Imsemmija fit-taqsima 1.2.

[82] http://www.world-check.com/politically-exposed-person-pep-compliance/

[83] http://www.eu-ssa.org/Home/tabid/36/Default.aspx

[84] L-Istitut Franċiż (CERT-LEXI) analizza 70 miljun sit elettroniku fl-2005 u sab 14823 sit elettroniku li joffru logħob tal-azzard onlajn. Is-siti elettroniċi tal-2005 biss kienu soġġetti għal liċenzja.

[85] Pereżempju Każ C-67/98 (Zenatti) §§ 36-37 u l-Każ C-316/07 (Markus Stoß) § 104. Ara wkoll is-Sentenza tal-Qorti tal-EFTA fil-Każ 3/06 (Ladbrokes) §63

[86] Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport" – COM(2011) 12, li tinnota l-ħtieġa li jitqies il-finanzjament sostenibbli tal-isport meta tiġi indirizzata l-provvista tas-servizzi tal-logħob tal-azzard fis-Suq Intern (paġna 9)

[87] Organizzazzjonijiet jew kumpaniji responsabbli għal attivitajiet benevolenti jew ta' interess pubbliku jistgħu, f'livelli differenti, jidħlu fi ftehim ma' operaturi privati li jipprovdu pjattaforma ta' logħob tal-azzard u jippromwovu servizzi tal-logħob tal-azzard (li tħaddem kompletament jew parzjalment l-operazzjonijiet u tirċievi kumpens ekonomiku għal dan).

[88] COM(2011)12 p. 9

[89] L-awtoritajiet differenti fuq livell nazzjonali li jwettqu l-kompiti regolatorji huma kif ġej: (i) Ministeru mingħajr uffiċċju speċjalizzat; (ii) Uffiċċju speċjalizzat fi ħdan il-ministeru; (iii) Uffiċċju ministejali li jinsab barra l-ministeru; (iv) Aġenzija/spettorat taħt kontroll ministerjali u (v)Korp regolatorju indipendenti rikonoxxut mill-Istat.

[90] http://www.gref.net/index.htm

[91] L-esperjenzi fl-Italja jindikaw li jsiru miljun ta' ridirezzjonamenti kull ġimgħa.

[92] L-MCC li jintuża għal-logħob tal-azzard huwa 7995.

Top