EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1611

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (Riformulazzjoni)” COM(2011) 402 finali — 2011/0187 (COD)

OJ C 24, 28.1.2012, p. 131–133 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/131


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (Riformulazzjoni)”

COM(2011) 402 finali — 2011/0187 (COD)

2012/C 24/29

Relatur: is-Sur HENCKS

Nhar it-22 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (Riformulazzjoni)

COM(2011) 402 finali – 2011/0187 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is- 7 ta’ Ottubru 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar is-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'150 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Ir-regolament (KE) nru. 717/2007 li jistabbilixxi l-limiti massimi għat-tariffi tas-suq bl-ingrossa u bl-imnut tar-roaming fil-komunikazzjoni mobbli ser jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2012 mingħajr ma żviluppa kompetizzjoni b'saħħitha jew naqqas il-prezzijiet eċċessivi li l-utenti jkollhom iħallsu.

1.2

Għalhekk hemm bżonn ta’ miżuri ġodda mill-UE jekk din trid tilħaq l-għan li stabbiliet fil-qafas tal-istrateġija diġitali tagħha għall-Ewropa, li kważi ma jkun hemm l-ebda differenza bejn it-tariffi tar-roaming u dawk nazzjonali sal-2015.

1.3

Il-KESE japprova l-miżuri l-ġodda li jqis proporzjonati u adatti biex tiġi ggarantita d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali bi prezzijiet li jintlaħqu. It-tnaqqis il-ġdid propost fil-limiti massimi tat-tariffi huwa fid-direzzjoni t-tajba, jiġifieri dik tat-tneħħija fuq perjodu medju ta’ kull forma ta’ prezz speċifiku għar-roaming.

1.4

Fil-prinċipju, il-KESE jaqbel ukoll mad-dispożizzjoni li tippermetti li l-klijenti jkollhom aċċess ħieles għas-servizzi tar-roaming għas-sejħiet, l-SMSs u d-data minn kwalunkwe operatur alternattiv tar-roaming interkonness.

1.5

Mandakollu, il-KESE huwa diżappuntat li l-proposta tal-Kummissjoni m'għandiex magħha studju tal-impatt tal-miżuri l-ġodda fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur.

1.6

Rigward it-tul tas-sejħiet li jsiru minn barra l-pajjiż, il-KESE jitlob li jonqos il-limitu tal-ewwel parti tat-tariffa li hija fissa, u li bħalissa tkompri 30 sekonda, billi jitiqiesu l-iżviluppi fil-qasam b'xi Stati Membri.

2.   Sfond

2.1

Mill-2005, it-tnaqqis fil-prezzijiet tar-roaming fil-komunikazzjonijiet mobbli tal-klijenti li jkunu qed jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea kien parti mill-politika tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tal-industrija tal-UE.

2.2

Peress li l-appelli repetuti tal-Kummissjoni, li stiednet lill-operaturi jraħħsu t-tariffi eċċessivi tagħhom tar-roaming fil-komunikazzjonijiet mobbli, baqgħu ma ntlaqgħux, l-UE ddeċidiet li taġixxi billi tirregola l-prezzijiet.

2.3

Mill-1 ta’ Settembur 2007, l-UE daħħlet limitu massimu fit-tariffi fil-minuta (ewrotariffa) għas-sejħiet biċ-ċellulari li jużaw ir-roaming (suq bl-ingrossa u bl-imnut) permezz tar-Regolament(KE) nru. 717/2007, u b'hekk ir-roħs wasal sa 0.03 euro fis-sena sal-2010.

2.4

Minkejja l-fatt li l-ewrotariffa ġiet stabbilita b'mod li tippermetti biżżejjed spazju taħt il-livell massimu ammissibbli għal kompetizzjoni b'saħħitha bejn l-operaturi, il-Kummissjoni kellha tinnota li b'mod ġenerali l-prezz medju li żammew miegħu l-operaturi ma niżilx wisq taħt il-livelli massimi stabbiliti mir-regolamenti.

2.5

F'dawn il-kundizzjonijiet, ir-Regolament (KE) nru. 717/2007 ġie estiż sat-30 ta’ Ġunju 2012, filwaqt li kompla jitbaxxa l-prezz massimu tas-sejħiet b'ritmu annwali. Fl-istess waqt, iddaħħal limitu massimu għat-tariffi tal-SMSs (bl-ingrossa u bl-imnut) u l-prezzijiet bl-ingrossa għat-trażmissjoni tad-data permezz tar-roaming, filwaqt li l-prezzijiet bl-imnut ta’ din it-trażmissjoni tad-data ma’ ġewx irregolati.

2.6

Barra minn hekk, biex jiġi evitat li l-konsumaturi jkollhom “spejjeż moħbija”, mill-1 ta’ Lulju 2009, huma jħallsu tariffa bis-sekondi wara 30 sekondi għas-sejħiet li jagħmlu, u tariffa bis-sekondi għat-tul kollu tas-sejħiet li jirċievu.

3.   Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni

3.1

Peress li r-Regolament (KE) nru. 717/2007 ser jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2012, u peress li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tas-suq tas-servizzi bir-roaming innota li t-tariffi (barra minn rati fissi speċjali) ma nbidlux biżżejjed biex jiġi garantit li l-klijenti mhux qed iħallsu prezz għoli żżejjed meta mqabbel mat-tariffi nazzjonali li qed jikkompetu magħhom, il-Kummissjoni għadha kif nediet proposta ġdida li temenda r-regolament ikkonċernat.

3.2

Flimkien mar-roħs sustanzjali ġdid fil-limiti massimi tat-tariffi sal-2016 jew l-2022, il-proposta l-ġdida għal regolament fiha wkoll miżuri strutturali, fosthom:

id-distakk tas-servizz tar-roaming mis-servizz nazzjonali, biex l-abbonati jkunu jistgħu jagħżlu operaturi oħra għas-servizz tar-roaming (sejħiet, SMSs, data) filwaqt li jżommu n-numru tagħhom;

l-obbligu li l-operaturi tan-netwerks jagħtu aċċess għal provvista bl-ingrossa tas-servizzi tar-roaming.

3.3

Rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-prezzijiet, il-Kummissjoni tipproponi li ttawwal l-iskadenza tar-Regolament (KE) nru. 717/2007 b'10 snin, jiġifieri sat 30 ta’ Ġunju 2022 bit-tama li r-riformi strutturali jkunu jistgħu jkollhom effett.

3.4

Għall-prezzijiet bl-imnut, il-limiti massimi tat-tariffi għandhom japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2016, filwaqt li għall-prezzijiet bl-ingrossa, il-prezzijiet massimi għandhom jinżammu tul il-perjodu kollu tar-regolament, sakemm il-kompetizzjoni ma tkunx żviluppat biżżejjed fi żmien iqsar.

3.5

Il-prezzijiet tas-servizz tad-data bir-roaming fil-livell tal-imnut, li s'issa huwa l-uniku wieħed li mhuwiex regolat, għadhom eċċessivi u xi drabi huma seba' darbiet il-prezz bl-ingrossa.

3.6

Hija ppjanata miżura regolamentarja biex il-prezzijiet bl-imnut tas-servizzi tad-data kull kilo-octet jonqsu b'mod progressiv sal-2014. Minn Lulju 2014 sa Lulju 2016 il-limiti fit-tariffi ser jibqgħu stabbli, qabel ma jitneħħew għal kollox, sakemm l-evidenza ta’ kompetizzjoni b'saħħitha ma tippermettix li jitneħħew qabel.

3.7

Għas-servizzi tad-data bl-ingrossa it-tariffi massimi ser jorħsu kull sena sat-30 ta’ Ġunju 2015, u wara jibqgħu fl-istess livell sakemm jiskadi r-regolament il-ġdid (fil-pjan, fl-2022).

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-ħtieġa li jiġu regolati l-problemi marbutin mar-roaming biex is-suq uniku jsir realtà hija parti mill-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, daqs l-Att dwar is-Suq Uniku u l-Istrateġija Diġitali għall-Ewropa.

4.2

Il-KESE jfakkar li l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika huma servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li, fid-definizzjoni tiegħu, irid ikun disponibbli għal kulħadd u aċċessibbli bi prezzijiet li jintlaħqu.

4.3

Għaldaqstant, il-KESE japprova l-miżuri kollha li għandhom l-għan li jevitaw li l-konsumaturi jħallsu prezzijiet eċċessivi meta jagħmlu jew jirċievu sejħiet bir-roaming. Barra minn hekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li tkun daqstant ieħor determinata li tieħu azzjoni rigward il-marġni ta’ profitt abbużivi li l-operaturi japplikaw għal servizzi oħra ta’ interess ekonomiku ġenerali meta jkollhom pożizzjoni dominanti.

4.4

Wieħed mill-elementi ewlenin tal-“Istrateġija Diġitali għall-Ewropa” huwa s-servizz taċ-ċellulari bir-roaming li għalih il-mira hi li ma jkun hemm kważi l-ebda differenza bejn it-tariffi tar-roaming u dawk nazzjonali sal-2015, jiġifieri li fuq perjodu medju jitneħħew il-forom kollha ta’ tariffi speċjali għar-roaming.

4.5

Madankollu dan il-għan iddikjarat ma jidhirx bħala dispożizzjoni formali fir-regolament li qed jiġi eżaminat. It-tnaqqis il-ġdid fil-limiti massimi tat-tariffi tar-roaming bilkemm iħallu marġni bejn it-tariffi nazzjonali u dawk tar-roaming.

4.6

Anke jekk l-approċċ attwali li jiġi impost tnaqqis fuq it-tariffi permezz ta’ limiti massimi fissi wassal għal roħs sustanzjali fil-prezzijiet (ara t-tabella hawn taħt, miġbura mill-KESE), bil-proposta li qed tiġi eżaminata, din il-miżura qed tmiss il-limitu tagħha u mhijiex sostenibbli.

 

Sejħiet

Euro/minuta

VAT eskluż

SMS

Euro/sms

VAT eskluż

Data

Euro/kg-octet

VAT eskluż

 

Prezz bl-ingrossa

Prezzbl-imnut Sejħa magħmula

Prezz bl-ingrossa Sejħa rċevuta

Prezz bl-ingrossa

Prezz bl-imnut

Prezz bl-ingrossa

Prezz bl-imnut

prezz medju qabel l-1.9.2007

 

0,7692

0,417

Regolament (KE) nru. 717/2007

prezz massimu

1.9.2007-31.8.2008

0,30

0,49

0,24

prezz massimu

1.9.2008-30.6.2009

0,28

0,46

0,22

prezz massimu

1.7.2009-30.6.2010

0,26

0,43

0,19

0,04

0,11

1,00

Regolament (KE) nru 580/2008

prezz massimu

1.7.2010-30.6.2011

0,22

0,39

0,15

0,04

0,11

0,80

prezz massimu

1.7.2011-30.6.2012

0,18

0,35

0,11

0,04

0,11

0,50

prezz massimu

1.7.2012-30.6.2013

0,14

0,32

0,11

0,03

0,10

0,30

0,90

Proposta għal Regolament COM(2011) 402

prezz massimu

1.7.2013-30.6.2014

0,10

0,28

0,10

0,03

0,10

0,20

0,70

prezz massimu

1.7.2014-30.6.2015

0,06

0,24

0,10

0,02

0,10

0,10

0,50

prezz massimu

1.7.2015-30.6.2016

0,06

0,24

0,10

0,02

0,10

0,10

0,50

prezz massimu

1.7.2016-30.6.2022

0,06

Tneħħija tal-prezz (1) massimu

Tneħħija tal-prezz (1) massimu

0,02

Tneħħija tal-Prezz (1) massimu

0,10

Tneħħija tal-Prezz (1) massimu

4.7

It-tnaqqis tat-tariffi ma jippermettix li jissolvew il-problemi strutturali li għadhom jeżistu fis-suq tar-roaming. Għal din ir-raġuni, il-KESE japprova l-fatt li, flimkien mar-regoli dwar it-tariffi, il-proposta l-ġdida ta’ regolament fiha wkoll dispożizzjonijiet strutturali li, mill-1 ta’ Lulju 2014, jobbligaw lill-operaturi fil-pajjiż tal-oriġini li jippermettu lill-klijenti tagħhom li jkollhom aċċess għas-servizzi tar-roaming minn operaturi oħra ta’ servizzi interkonnessi għas-sejħiet, l-SMSs u d-data.

4.8

Jekk fil-prinċipju l-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din id-dispożizzjoni, huwa xorta jibqa' mħasseb li din il-miżura ser twassal biex il-gruppi l-kbar b'pożizzjoni dominanti jiġbdu lejhom wisq klijenti għad-detriment tal-operaturi ż-żgħar, dan aktar u aktar peress li l-ispejjeż għall-implimentazzjoni teknika u kummerċjali tal-miżura proposta huma proporzjonalment għola minħabba l-ispejjeż fissi.

4.9

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li toqgħod attenta li minkejja l-parteċipazzjoni ta’ atturi addizzjonali fl-istabbiliment tal-komunikazzjoni mobbli, it-trasparenza għall-klijenti tibqa' ggarantita.

4.10

Anke jekk il-proposta tal-Kummissjoni li twessa' l-aċċess għas-suq tal-operaturi transnazzjonali tas-servizzi mobbli (Mobile Virtual Network Operators/MVNO) tista' tkompli tkabbar il-kompetittività, il-KESE jiddispjaċih li t-talba tal-2005 tal-Parlament Ewropew li jiġi eżaminat l-impatt tar-Regolament fuq l-operaturi ż-żgħar tat-telefonija mobbli fil-Komunità u fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq kollu tar-roaming ma ġietx sodisfatta.

4.11

Fl-istess waqt, il-KESE jkollu jinnota li s-sinteżi tal-analiżi tal-impatt u “l-valutazzjoni tal-impatt” annessi mal-proposta li qed tiġi eżaminata ma joffru l-ebda indikazzjoni dwar ir-riperkussjonijiet mistennija mill-miżuri l-ġodda fuq l-impjiegi u/jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur. Il-KESE jitlob għalhekk li jsiru studji addizzjonali.

4.12

Rigward it-tul tas-sejħiet li jsiru minn barra l-pajjiż, il-KESE jitlob li jonqos il-limitu tal-ewwel parti tat-tariffa li hija fissa, u li bħalissa tkompri 30 sekonda, billi jitiqiesu l-iżviluppi fil-qasam b'xi Stati Membri.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  bil-kundizzjoni li l-kompetizzjoni tkun żviluppat biżżejjed


Top