EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0994

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istrateġija UE 2020” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

OJ C 248, 25.8.2011, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istrateġija UE 2020” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

2011/C 248/01

Relatur: is-Sur BARÁTH

Fil-15 ta’ Novembru 2010, is-Sur Péter GYÖRKÖS, rappreżentant permanenti tar-Repubblika Ungeriża lill-Unjoni Ewropea, f'isem il-Presidenza Ungeriża futura tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

Ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politiki ta’ koeżjoni fil-qafas tal-Istrateġija UE 2020

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'141 vot favur, 9 voti kontra u 22 astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet

1.1   Rakkomandazzjonijiet

1.1.1   Fil-fehma tal-KESE, ir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi u l-filosofija wara l-Istrateġija Ewropa 2020, flimkien mal-għanijiet tagħha u l-inizjattivi ewlenin qed jiddefinixxu t-triq adatta u l-miżuri li ttieħdu u l-istrumenti proposti huma promettenti. L-Istrateġija – flimkien mal-Patt Euro Plus - tiffoka fuq il-bidliet kwalitattivi assolutament meħtieġa u l-elementi tat-tkabbir potenzjali.

1.1.2   L-UE qed tkompli taħdem biex tapprofondixxi u tikkonsolida l-integrazzjoni tagħha. Il-KESE huwa tal-fehma li jekk l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jixtiequ jsaħħu l-integrazzjoni, sal-2020 għandhom jintroduċu bidliet deċiżivi, l-iktar rigward il-kwalità tal-istituzzjonijiet u s-sistemi legali u finanzjarji tagħhom. Dan kollu jirrikjedi stabbiltà sostenibbli (fit-tul), kompetittività (il-potenzjal tat-tkabbir) u koeżjoni (ekonomika, soċjali u territorjali) simultanjament.

1.1.3   F'bosta Opinjonijiet, il-KESE enfasizza li l-politika ta’ koeżjoni territorjali hija “valur storiku tal-UE”, u t-tliet objettivi tagħha - il-konverġenza, it-titjib tal-kompetittività reġjonali bil-ħolqien tal-impjiegi, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni territorjali, għandhom jinżammu u jissaħħu. Fil-fatt, il-pajjiżi u r-reġjuni Ewropej inqas żviluppati għandhom bżonn iżidu l-investiment fl-infrastruttura u kapital ieħor li huwa meħtieġ biex iħaffef it-tkabbir potenzjali.

1.1.4   Filwaqt li l-KESE jinsab konvint li r-riżorsi finanzjarji destinati għall-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni fil-parti l-kbira wasslu għal riżultati tajbin, madankollu jqis ukoll li l-fondi jistgħu u għandhom jiġu trasformati u żviluppati iktar u li b'mod speċjali l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom jistgħu jittejbu. L-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni għandhom jiġu armonizzati mal-Istrateġija Ewropa 2020 b'tali mod li ma ssirx ħsara lill-politika Ewropea ta’ koeżjoni.

1.1.5   Il-KESE jirrakkomanda li fil-qafas tal-valutazzjoni tal-għanijiet u l-istrumenti attwali tal-politika ta’ koeżjoni, tiġi studjata l-possibbiltà li jiġu adattati għall-elementi tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif ġej:

1.1.5.1   L-għanijiet u l-istrumenti attwali tal-politika ta’ koeżjoni

Il-politika ta’ koeżjoni

Objettivi

Fondi strutturali u strumenti

 

 

Konverġenza / tkabbir sostenibbli

FAEŻR

FSE

Fondi ta’ koeżjoni

 

 

 

 

Kompetittività reġjonali u impjieg

FAEŻR

FSE

 

 

 

 

 

Kooperazzjomi Territorjali Ewropea

FAEŻR

 

 

1.1.5.2   Ewropa 2020: 3 prijoritajiet relatati

a)

Tkabbir intelliġenti: l-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni;

b)

Tkabbir sostenibbli: il-promozzjoni ta’ ekonomija iktar effiċjenti, iktar ekoloġika u iktar kompetittiva;

c)

Tkabbir inklużiv: it-tħeġġiġ ta’ ekonomija b'rata għolja ta’ impjieg li twassal għall-koeżjoni soċjali u territorjali.

1.1.5.3   Il-KESE jipproponi li l-politika ta’ koeżjoni għandha tenfasizza b'mod ċar l-għanijiet soċjetali, soċjali u solidali, u l-użu tal-Fondi Strutturali għall-investiment, b'rabta stretta ma’ fondi Ewropej oħrajn. Fin-nuqqas ta’ dan, l-orjentazzjoni tal-Ewropa 2020 lejn it-tkabbir ekonomiku, li fih innifsu huwa perfettament aċċettabbli, tista' tnaqqas l-importanza tal-koeżjoni soċjali u territorjali.

1.1.5.4   Kieku kellha tinbidel l-ordni tal-għanijiet marbuta mal-kompetittività u t-tkabbir tal-Fondi Strutturali, u kieku l-kunċett tal-“Fondi Multipli” kellu jitħalla jsir il-fattur dominanti, kieku l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-istrateġija tal-koeżjoni kienu jsiru relattivament kompatibbli, u l-Fondi Strutturali tal-UE kienu jikkontribwixxu b'mod iktar effettiv għat-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali.

Strateġija Ewropa 2020

Politika ta’ koeżjoni

(struttura riformata)

Għanijiet/strumenti

Inizjattivi ewlenin

Għanijiet/strumenti

Fondi Strutturali u strumenti

 

 

 

 

Tkabbir intelliġenti

Aġenda diġitali għall-Ewropa, Unjoni tal-innovazzjoni, Żgħażagħ attivi

Kompetittività reġjonali u impjieg

 

 

 

Riċerka/innovazzjoni, Edukazzjoni, Soċjetà Diġitali

Kompetittività akbar/ titjib fl-attraenza tal-post, żvilupp tal-kapital uman / edukazzjoni, eċċ., Innovazzjoni / soċjetà bbażata fuq l-għarfien

It-tkabbir sostenibbli

Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza, Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni

Konverġenza

 

 

 

Enerġiji ekoloġiċi / soċjetà li tieħu ħsieb l-ambjent, żvilupp tan-netwerks / intrapriżi żgħar

Żvilupp ta’ ambjent u infrastruttura li jiġġeneraw it-tkabbir, żvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali

Tkabbir inklużiv

Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar

Kooperazzjoni Territorjali Ewropea

 

 

 

Ugwaljanza fl-aċċess/iktar impjiegi u impjiegi aħjar

Kooperazzjoni lokali, reġjonali u makroreġjonali

1.1.6   Il-KESE jagħraf li l-armonizzazzjoni strutturali proposta hawn fuq teħtieġ li jsiru bidliet radikali, b'enfasi fuq id-definizzjoni ta’ għanijiet dettaljati: fost oħrajn għandhom jiġu stabbiliti għanijiet komplementari għall-kompetittività u li l-kooperazzjoni territorjali tiġi estiża biex tinkludi appoġġ għall-iżviluppi makroreġjonali. Jekk m'hemm l-ebda possibbiltà li jinħolqu rabtiet diretti bejn l-UE 2020 u l-politika ta’ koeżjoni tal-UE, l-għanijiet u r-riżorsi tagħhom kif ukoll l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-politiki jistgħu jonqsu b'mod konsiderevoli.

1.1.7   Armonizzazzjoni strutturali ta’ din it-tip tista' tiġri kieku l-koeżjoni u l-politika ta’ koeżjoni, fis-sens ġenerali, kellhom jiġu rikonoxxuti mill-UE bħala prijorità ugwali għall-kompetittività. Dan kien ikollu jiġi rifless fl-identifikazzjoni tar-riżors għal dawn iż-żewġ prijoritajiet. Fl-istess ħin, din mhijiex sempliċiment kwistjoni li jitkompla l-infiq fil-koeżjoni fil-futur, iżda li fondi jintefqu b'mod iktar effettiv.

1.1.7.1   Il-KESE jappella b'mod urġenti għal titjib fil-proposti għall-kundizzjonalità ex-ante u ex-post għall-kontroll tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni. Iżda din is-sistema m'għandhiex tfixkel is-semplifikazzjoni tal-istrumenti kollha tal-koeżjoni; għall-kuntrarju, għandha tnaqqas l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u ttejjeb il-previżjoni. Il-KESE jittama li l-bidliet istituzzjonali u amministrattivi ser iġibu magħhom sistema iktar sempliċi u effiċjenti. Għandu jiġi żviluppat mudell li jippermetti l-valutazzjoni tal-interazzjonijiet li jintużaw fit-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija UE2020, il-programmi nazzjonali ta’ riforma u l-politika ta’ koeżjoni skont l-ispeċifiċitajiet tad-diversi pajjiżi u reġjuni li jibbenefikaw mill-politika ta’ koeżjoni.

1.1.8   Il-KESE jaqbel li kull politika tal-UE għandha tikkontribwixxi għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE tiddeskrivi approċċ ġdid għall-programm strateġiku tal-politika ta’ koeżjoni. Il-KESE jaqbel għalkollox li l-Kummissjoni għandha tħejji qafas strateġiku komuni (common strategic framework, CSF), li jsarraf il-miri u l-għanijiet tal-Ewropa 2020 fi prijoritajiet ta’ investiment. Dan il-qafas ikopri l-fondi kollha tal-UE u barra minn hekk jintegra l-istrumenti kollha finanzjarji tal-UE.

1.1.9   Kif diġà stqarr il-KESE f'Opinjonijiet preċedenti, il-Fond Soċjali Ewropew - bħala strument tal-UE għall-investiment fir-riżorsi umani, għandu jappoġġja t-tliet prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 jiġifieri t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-impjieg, it-taħriġ u l-edukazzjoni, l-inklużjoni attiva u l-politiki tal-opportunitajiet indaqs huma kollha elementi kruċjali.

1.1.10   Il-KESE jqis li t-twettiq tal-għanijiet msaħħa jeħtieġ li tiġi konsolidata l-istruttura istituzzjonali tal-FSE u li tittejjeb l-effikaċja mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv. Hija ħaġa importanti li l-FSE jaqdi rwol ewlieni biex is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar b'mod partikolari għall-gruppi soċjali partikolarment żvantaġġati (pereżempju l-immigranti, il-guppi f'minorità, il-persuni b'diżabbiltà jew ir-Roma) u biex jiżgura kundizzjonijiet li jwasslu għall-integrazzjoni tagħhom.

1.1.11   Il-KESE jinnota li l-koordinazzjoni bejn il-politiki ffinanzjati mid-diversi fondi u l-istrumenti u l-miri tal-koeżjoni u l-Istrateġija Ewropea jista' jkollha impatt fuq il-miri inizjali u taffettwa l-integrità territorjali tagħhom li jista' jirriżulta f'bidliet; perspettivi ġodda essenzjali jistgħu joħorġu fid-dieher meta dawn jiġu implimentati. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi tal-ippjanar sistematiku, l-orjentazzjoni u l-monitoraġġ. Il-kunċett ċentrali tal-proċess sistematiku huwa li l-Ftehim ta’ Sħubija ma jiddefinixxix biss il-passi ta’ tħejjija għall-iżvilupp, iżda anke l-proċess sħiħ ta’ implimentazzjoni, il-kundizzjonijiet tiegħu u l-kejl tal-effikaċja; madankollu, il-partijiet għandhom ikunu lesti wkoll għall-fatt li l-għanijiet ġenerali tal-kumitati tal-ġestjoni jistgħu jiġu emendati skont il-monitoraġġ kontinwu tal-benefiċjarji.

1.1.12   Sabiex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija UE 2020, il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-koordinazzjoni fil-livell tal-ġestjoni ta’ kull fond, l-iktar il-Fond ta’ Koeżjoni, il-fondi strutturali u l-fondi tal-innovazzjoni.

1.1.13   Il-KESE jaqbel li fil-perjodu għat-tul, sabiex jiġu evitati l-kunflitti, jeżistu bosta argumenti favur l-integrazzjoni tal-elementi kollha tal-politika strutturali tal-UE (inklużi pereżempju Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni, il-PAK jew il-BEI) f'sensiela kompletament koerenti ta’ politiki ġenerali Komunitarji li tista' tissejjaħ UE 2050. Dan għandu jwassal għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni politika u teknika mingħajr ma jfisser li dawn id-diversi politiki ser jispiċċaw. Naturalment, dan ser ikun diffiċli biex jitwettaq sakemm xi wħud mill-politiki konċernati jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE filwaqt li oħrajn jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. It-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali jista' jservi bħala mezz adatt biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

1.1.14   Il-ħolqien ta’ Ewropa poliċentrika, magħmula minn siti “intelliġenti” relatati flimkien, jeħtieġ ħidma koordinata li tista' ssir biss fil-qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati. Il-kooperazzjoni fiż-żoni transnazzjonali u l-istrateġiji tal-iżvilupp makroreġjonali li jiġbru flimkien l-atturi konċernati tad-diversi pajjiżi u setturi jistgħu jservu bħala wieħed mill-modi li jistgħu jintużaw.

1.2   Ir-reġjuni u l-koeżjoni

1.2.1   Il-KESE jqis li l-kompetittività tal-UE tiddependi ħafna mit-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali.

1.2.2   Fil-fehma tal-KESE, il-forom emerġenti tal-kooperazzjoni makroreġjonali huma essenzjali f'diversi aspetti. Kif diġà enfasizza f'bosta Opinjonijiet (dwar ir-reġjuni tal-baħar Baltiku u d-Danubju), l-għajnuna li tingħata fil-qafas tal-Fondi Strutturali tista' tippermetti t-tfassil tal-istrateġiji fil-qafas tan-netwerks trans-Ewropej, kemm dawk fiżiċi kemm dawk mhux fiżiċi, li huma meħtieġa mill-Unjoni Ewropea biex tikkonsolida l-kompetittività u l-attraenza tat-territorju tagħha.

1.2.3   Il-KESE jqis ukoll li l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea u t-tisħiħ tal-għaqda politika tagħha jiddependu wkoll minn kemm hi kapaċi tmur lil hinn mill-approċċ reġjonali bbażata fuq l-istatistika limitata mill-fruntieri nazzjonali. Huwa ċar li l-progress ta’ dawn l-aħħar snin lejn l-approċċ reġjonali, programmi kumplessi u rabtiet orizzontali kif ukoll il-konsolidazzjoni tal-clusters, qed iservu bħala t-triq li permezz tagħha jistgħu jiffjorixxu d-dimensjonijiet soċjali u reġjonali tal-ekonomija Ewropea.

1.2.4   Fil-fehma tal-Kumitat, m'hemm l-ebda skop li jiġu implimentati għanijiet paralleli, u kultant kompletament identiċi permezz ta’ oqsma ta’ politika differenti, u lanqas li tinħoloq sett ta’ għodod differenti mill-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni relattivament stabbiliti.

1.2.4.1   B'mod progressiv, l-għaxar snin li ġejjin, ser ikollhom ikunu deċennju ta’ reġjuni funzjonali. Ir-reġjuni jista' jkollhom ċentru wieħed jew iktar, b'rabtiet ekonomiċi orizzontali reġjonali u vertikali, appoġġjati mill-potenzjal legali, finanzjarju u istituzzjonali tal-“kooperazzjoni msaħħa”. Għalhekk, tifsira ġdida għat-terminu “reġjonali” tista' ġġib magħha dimensjoni ġdida għal Ewropa intelliġenti. Madankollu, dejjem hemm bżonn programm ta’ konverġenza billi hemm – u ser jibqa' jkun hemm - reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp.

1.2.5   Il-KESE huwa tal-fehma li t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea f'attur dinji li jikseb is-suċċess, it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, it-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, l-appoġġ għall-mikrointrapriżi u għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li joperaw fiż-żoni periferali, ir-rilaxx ta’ riżorsi ġodda, is-sensibilizzazzjoni dwar l-ambjent u stili ta’ ħajja b'saħħithom, it-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni, l-inċentivi għaż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-inkoraġġiment tan-nies biex jieħdu sehem fid-diversi proċessi u t-tisħiħ tal-identità Ewropea huma kollha oqsma li għandhom jiġu indirizzati.

1.3   Il-bliet u l-konurbazzjonijiet

1.3.1   Il-KESE jenfasizza li l-kompetittività tal-Ewropa tiddependi ħafna mill-bliet metropolitani tagħha u r-reġjuni metropolitani tagħha, fejn l-intrapriżi jistgħu jibbenefikaw mill-ekonomiji u n-netwerks agglomerati li jorbtu s-swieq internazzjonali. Iż-żoni urbani ġeneralment jistgħu jkunu muturi tat-tkabbir u ċentri għall-kreattività u l-innovazzjoni. Rati ta’ tkabbir ogħla u impjiegi ġodda jistgħu jinħolqu jekk jingħaqdu flimkien kwantità kbira biżżejjed ta’ atturi bħall-kumpaniji, l-universitajiet u r-riċerkaturi. Il-problemi urbani, sew jekk relatati mad-degradazzjoni ambjentali u sew jekk relatati mal-esklużjoni soċjali, jirrikjedu reazzjoni speċifika u l-involviment dirett tal-livell ta’ gvern ikkonċernat.

1.3.2   Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi żviluppat programm urban ambizzjuż, li fih ir-riżorsi finanzjarji jiġu identifikati b'mod iktar ċar biex jiġu identifikati l-kwistjonijiet urbani u fejn l-awtoritajiet urbani jistgħu jaqdu rwol iktar importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-iżvilupp urban.

1.3.3   Is-sistemi urbani, skont is-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, huma komplementati minn żoni ta’ qbid differenti. Il-KESE ma jistax jaċċetta li fil-futur jibqa' għaddej l-antagoniżmu “tradizzjonali” bejn il-bliet u l-irħula. Il-vantaġġi li jistgħu jġibu magħhom is-sħubijiet bejn iż-żoni urbani u rurali jiddependu ħafna mill-fatturi tal-kuntest lokali, li fl-aħħar mill-aħħar huma uniċi.

1.4   Iż-żoni rurali u l-agrikoltura

1.4.1   Il-KESE huwa tal-fehma li fil-kuntest tat-triq li qabdet l-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni, minn naħa, u l-Politika Agrikola Komuni, min-naħa l-oħra, huma kruċjali, b'mod partikolari fl-iżvilupp integrat tat-territorju. L-agrikoltura, bħala sors importanti tad-dinamika ekonomika, għadha settur strateġiku għall-UE, kemm mil-lat tas-sigurtà tal-ikel kif ukoll minħabba l-potenzjal tagħha f'termini ta’ tkabbir u impjiegi fiż-żoni rurali, u fir-rigward tal-kontribut tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

1.4.2   F'dan il-kuntest, dawn iż-żewġ politiki għandhom jorjentaw is-sinerġiji tagħhom lejn dawk l-għanijiet komuni u trasversali intiżi biex jittrasformaw lill-UE f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva, b'rati għolja ta’ impjieg, produttività u koeżjoni soċjali.

1.4.2.1   Il-KESE huwa tal-fehma li s-siti intelliġenti u b'konnessjonijiet internazzjonali li jinsabu f'żoni rurali għandhom rwol x'jaqdu fl-irkupru previst mill-Ewropa 2020. L-istess bħall-każ taż-żoni urbani, in-netwerks jikkostitwixxu forma organizzattiva tal-ikbar importanza għall-intrapriżi u għall-iżvilupp reġjonali.

2.   Konklużjonijiet

2.1   Il-KESE jisħaq fuq il-fatt li r-referenzi ta’ politika fl-Istrateġija Ewropa 2020 li jirreferu għall-bżonnijiet ta’ innovazzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, is-saħħa u l-bidliet demografiċi huma marbuta strutturalment mal-għanijiet tal-koeżjoni stabbiliti fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u s-soċjetà diġitali. Huma jirrappreżentaw, mhux tal-inqas f'termini reġjonali, pont bejn l-għanijiet ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020.

2.1.1   Il-KESE jinnota wkoll li hemm kontradizzjoni bejn l-approċċi teoretiċi differenti u l-kunċetti użati fil-prattika. It-Trattat ta’ Lisbona żied dimensjoni ġdida lit-tifsira tat-terminu “reġjonali”, billi jagħti rwol leġittimu lill-aspetti territorjali tal-proċess ta’ koeżjoni. Il-mod kif ir-“reġjun” ser jiġi definit fil-futur fil-politika reġjonali mhuwiex ħaġa żgħira. Hemm bżonn definizzjoni li tistabbilixxi stampa komuni, mil-lat territorjali u istituzzjonali kif ukoll mil-lat tal-istrumenti legali u finanzjarji rilevanti, sabiex jiġi żgurat tkabbir imġedded, sostenibbli u dinamiku fl-Ewropa.

2.1.1.1   Il-KESE jagħraf li l-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali huwa proċess ferm pożittiv, marbut mill-qrib mal-kunċett tal-koeżjoni territorjali li nħoloq bit-Trattat ta’ Lisbona. Il-politiki reġjonali fis-sens strett tat-terminu għandhom jikkomplementaw bod effettiv il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni Ewropej li huma ikbar jew iktar imbiegħda, iżda li jkollhom interessi komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni.

2.2   L-intersezzjoni bejn “gruppi” ta’ programmi (jiġifieri reġjonali, territorjali, interurbani) definiti, fost affarijiet oħra, skont l-ispazju, tirrifletti żoni b'attivitajiet li jħeġġu l-iżvilupp li jkollhom ċentru urban wieħed jew iktar, iżda mingħajr ma jeskludu jew iwarrbu bilfors lill-oħrajn. Iċ-“ċentri ta’ eċċellenza” Ewropej li huma definiti skont il-kompetenzi ta’ innovazzjoni, huma karatteristiċi ta’ ċerti setturi ekonomiċi u mhumiex gabra aċċidentali ta’ kapaċitajiet u ħiliet individwali ġo ċentru urban partikolari, iżda iktar għarfien miġbur mir-relazzjonijiet definiti sew fi spazju fiżiku.

2.2.1   L-“eċċellenza” hija possibbli biss permezz ta’ żviluppi kwantitattivi li jinstabu fis-sistema ta’ miri tal-koeżjoni marbuta mal-ambjent, l-infrastruttura, l-edukazzjoni jew it-taħriġ. Waħda mill-karatteristiċi ta’ żoni bħal dawn hija kemm huma miftuħa. Il-parteċipazzjoni hija possibbli kullimkien, iżda, minħabba raġunijiet ta’ kwalità, fuq perjodu twil l-opportunitajiet jinħolqu madwar ċentri ta’ gravità. Il-previdibbiltà hija ġustament ibbażata fuq l-istabbiltà previdibbli storikament tal-kapaċitajiet multidimensjonali tar-reġjuni.

2.3   Biex tirnexxi l-innovazzjoni huwa indispensabbli li jiġu appoġġjati forom ġodda tad-demokrazija. Irridu mmorru lil hinn mill-forom normali tal-konsultazzjoni soċjali, u bl-għajnuna tal-istrumenti tad-demokrazija parteċipattiva, għandhom jiġu rilaxxati l-kompetenzi, biex is-soċjetà ċivili organizzata ssir iktar disposta jew “lesta” tiġi involuta b'konformità mal-prinċipji fundamentali tat-Trattati tal-UE.

2.4   L-innovazzjoni tfisser li jiddaħħlu fil-prattika ideat u suġġerimenti ġodda, li jantiċipaw il-kompetizzjoni u tfisser li jitgħaddew il-proċessi prevedibbli bl-użu tal-għarfien. In-natura kumplessa tagħha tippermettilha tgħaqqad il-ħiliet umani, il-kapaċitajiet tekniċi u r-relazzjonijiet ekonomiċi bid-diversità kollha tagħhom. Naturalment, iċ-ċentri urbani, bħala hubs, jipprovdu l-kundizzjonijiet tajbin – il-qafas essenzjali – li mingħajrhom kollox jibqa' astratt.

2.5   Din hija r-raġuni għalfejn, skont l-analiżi territorjali parti integrali mis-sistemi ta’ appoġġ finanzjarju u politiki għandha tkun appoġġ parallel u koordinat għall-innovazzjoni u l-miżuri għall-konverġenza.

2.6   Għalkemm l-Istrateġija Ewropa 2020 hija programm politiku globali tat-tkabbir, tal-kompetittività, tas-sostenibbiltà, tal-politika strutturali, mil-lat iktar ġenerali u internazzjonali, hija wkoll programm li tgħin lill-Ewropa tkun kompetittiva fis-suq internazzjonali.

2.7   L-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-politika ta’ koeżjoni jikkonformaw mal-punti msemmija hawn fuq. Madankollu, fir-rigward tal-Ewropa 2020 il-qafas istituzzjonali tal-implimentazzjoni tagħhom għad jonqsu elementi finanzjarji u legali ġodda li, meta jinteraġixxu, jistgħu jinbidlu f'fatturi li jikkontribwixxu għal iktar effiċjenza. Jeżisti argument validu li t-tfassil mill-ġdid u l-integrazzjoni tal-istrumenti ta’ koeżjoni jistgħu jħaffu l-ħolqien ta’ Ewropa orjentata lejn l-innovazzjoni, Ewropa “intelliġenti”, iżda biss jekk il-firxa tal-istrumenti finanzjarji tiġi estiża, billi jintużaw is-sinerġiji maħluqa mill-integrazzjoni ta’ sorsi differenti.

3.   Dibattitu

3.1   It-tiġdid politiku u ekonomiku tal-Ewropa tħaffef mill-kriżi li bdiet fi tmiem id-deċennju li għadda.

3.1.1   Parzjalment minħabba l-kriżi internazzjonali, l-Unjoni Ewropea teħtieġ integrazzjoni ekonomika iktar b'saħħitha. F'għajnejn il-Kumitat dan huwa proċess ta’ benefiċċju billi jsaħħaħ l-UE, iżda fl-istess ħin huwa proċess diffiċli, billi l-kooperazzjoni bejn 27 pajjiż mhijiex ħaġa faċli. Minkejja l-problemi kollha tagħha, din l-integrazzjoni ekonomika (u konsegwentement politika) imsaħħa hija bbażata fuq l-idea ta’ “politika ekonomika tal-UE”. Din il-politika hija msejsa fuq tliet aspetti importanti  (1):

a)

L-istabbiltà

L-UE, bil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, qed testendi l-ambitu ta’ kontroll komuni fuq is-setturi li jġibu riskju għall-istabbiltà u qed toħloq mekkaniżmu tal-ġestjoni tal-kriżi (Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja - EFSM u Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà - MES).

b)

Tkabbir u Kompetittività.

Għal dan il-għan, l-UE adottat l-Istrateġija UE 2020 u l-Patt Euro Plus.

c)

Il-koeżjoni

L-UE qed timplimenta l-politika ta’ koeżjoni u l-poltika agrikola komuni bil-għan li tilħaq koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fi ħdanha.

3.2   Ir-reviżjonijiet, id-dokumenti u l-istrateġiji fundamentali li ġew adottati jiffurmaw id-dokumenti għat-tiġdid. Huma stabbilixxew il-kundizzjonijiet u l-istrumenti li l-mexxejja politiċi tal-UE u tal-Istati Membri għandhom ir-responsibbiltà konġunta li jużawhom. Id-diversi strumenti huma disponibbli, u għandhom jintużaw flimkien biex iwettqu l-istabbiltà, it-tkabbir u l-kompetittività u biex jimplimentaw il-koeżjoni.

3.3   Il-kompitu stess tar-rikonċiljazzjoni bejn l-UE 2020 u l-politika ta’ koeżjoni jirrifletti dikotomija. Huwa jagħti idea tal-periklu inerenti fl-oppożizzjoni bejn il-libertà tas-suq u l-koeżjoni soċjali u territorjali. Ir-riskju huwa saħansitra ikbar bħalissa, żmien ta’ nuqqas ta’ fondi, meta l-appoġġ għal parti javvanza fuq id-dahar tal-ieħor. It-tisħiħ tal-koeżjoni għandu jitwettaq billi jittejbu ċ-ċirkostanzi għat-tkabbir u l-kompetittività. L-Istati Membri jew ir-reġjuni inqas żviluppati m'għandhomx iktar ħin x'jitilfu fil-kuntest globali attwali.

3.4   Il-finanzi pubbliċi, min-naħa tagħhom, iddgħajfu sew mill-kriżi f'bosta Stati Membri, u ser ikun diffiċli li jiġu konsolidati meta l-prezz tat-tixjiħ demografiku diġà qed jinħass. Fi ftit kliem, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE qed jiġu kkonfrontati minn futur diffiċli.

3.5   L-Istrateġija Ewropa 2020 ma tagħmilx distinzjoni – u din hija ħaġa tajba - bejn ir-riformi strutturali li jistgħu jiġu implimentati fuq perjodu twil, u l-miżuri li jippromovu l-irkupru fil-perjodu l-qasir.

3.6   Is-suċċess ta’ din l-istrateġija m'għandhux jiddependi minn tendenzi ekonomiċi fil-perjodu l-qasir. Huma eżattament ir-riżorsi investiti fil-bidliet strutturali li jsiru bil-mod li “jmexxu” lis-setturi li, min-naħa tagħhom, jinsabu f'pożizzjoni tajba biex iġeddu s-sistema nnifisha, bis-saħħa tal-kompetittività innovattiva tagħhom.

3.7   L-elementi potenzjali tat-tkabbir jorbtu sew ma’ ħafna mill-għanijiet tal-istrateġija (u din hija ħaġa tajba ħafna), iżda hemm diversi diskrepanzi mhux intenzjonati.

3.7.1   Fost l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 – mil-lat tal-potenzjal tat-tkabbir - iż-żieda fir-rata tal-impjieg u t-titjib tal-livell tal-kwalifiki jikkorrispondu mal-aspetti kwantitattivi u kwalitattivi tal-forza tax-xogħol. L-għanijiet tal-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll tal-klima u l-enerġija huma marbuta mal-kwalità tal-kapital investit u s-sostenibbiltà ambjentali. Madankollu, l-Istrateġija jonqosha xi ftit mill-fatturi li jiddeterminaw il-kwantità u l-kwalità tal-kapital (l-investimenti u l-istandards tekniċi tagħhom), kif ukoll il-produttività globali tal-fatturi. L-Istrateġija tabbina importanza kbira mal-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp, iżda ma tindirizzax fil-fond biżżejjed il-proċess tal-innovazzjoni fil-kumpaniji, jew l-innovazzjoni ekonomika u soċjali, li mhijiex l-istess bħar-riċerka u l-iżvilupp.

3.7.2   Fid-dawl tal-punti msemmija, l-Istrateġija Ewropa 2020 tirrifletti approċċ ekonomiku li jaqbel mal-bżonnijiet u l-ħiliet ta’ ekonomiji żviluppati b'rata ta’ tkabbir baxxa, li għandhom kapaċità kbira fir-riċerka u l-iżvilupp u fejn ir-rati ta’ investiment huma relattivament baxxi; fit-tul anke rati daqshekk baxxi wrew li kienu biżżejjed biex jiżguraw il-bidliet strutturali meħtieġa. Fil-pajjiżi żviluppati, m'hemm l-ebda dubju li r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jaqdu rwol importanti fit-tkabbir ekonomiku. Minn dan il-lat, il-koeżjoni, għalkemm mhijiex neċessarjament f'kontradizzjoni mal-kompetittività, tieħu pożizzjoni sekondarja.

3.7.3   Madankollu, sabiex l-Istati Membri l-ġodda tal-UE, bi żvilupp ekonomiku iktar baxx, ikunu jistgħu jlaħħqu mal-oħrajn, hemm bżonn isir l-investiment fl-infrastruttura u oqsma oħra. F'pajjiżi bħal dawn, ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom inqas ċans li jkunu l-ixprun ewlieni tat-tkabbir mill-investiment. Għad li d-dokument tal-Kummissjoni (2) jsemmi l-konverġenza f'dan ir-rigward, fl-abbozz ma saritx biżżejjed enfasi fuq il-konverġenza tal-Istati Membri inqas żviluppati.

3.8   L-Istrateġija Ewropa 2020 ma tistax tinftiehem mingħajr l-għarfien dwar kif jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji. Minn naħa, hemm “żona griża” bejn l-2010 u l-2013: matul dan il-perjodu, il-perspettiva finanzjarja tibqa' tgħodd iżda mhux dejjem tippermetti li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 (pereżempju, fir-rigward tal-aġenda diġitali). Min-naħa l-oħra, l-għanijiet adottati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom influwenza kbira fuq l-infiq tal-baġit li jmiss tal-UE. F'dan il-kuntest ikun rakkomandabbli li l-għanijiet ta’ din l-Istrateġija jintrabtu mal-prijoritajiet tal-qafas finanzjarju.

3.9   Xi analiżi juru li l-isforz li jiġi investit favur il-konverġenza jrendi ħafna, u barra minn hekk għandu bosta vantaġġi oħra:

l-ewwel nett: jista' jintwera li l-investiment li jirriżulta mill-baġit tal-Unjoni jwassal għal tkabbir ikbar mill-medja tar-riżultati finanzjarji tal-ekonomija tal-UE (PDG), bis-saħħa tat-trasferimenti tat-teknoloġija avvanzata, persentaġġ ogħla ta’ importazzjonijiet fl-investimenti, ħaddiema kwalifikati, infrastruttura bi prezz iktar baxx, u investiment li jibbenefika minn appoġġ finanzjarju u li jibni fuq infrastruttura moderna;

it-tieni nett: l-estensjoni tas-Suq Uniku, attivitajiet tas-servizzi iktar mifruxa u t-tkabbir fil-bażi tal-għarfien ilkoll huma fatturi li fihom infushom jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-attivitajiet tal-innovazzjoni;

it-tielet nett: għas-settur tal-SMEs, l-għajnuna finanzjarja li tista' tinkiseb bis-saħħa tal-Fondi Strutturali ħafna drabi tfisser is-swieq, l-aċċess għas-swieq jew fondi għall-iżvilupp;

fl-aħħar nett, l-impatt potenzjali pożittiv tal-integrazzjoni u l-konverġenza għall-gruppi soċjali l-iktar żvantaġġati, esklużi mis-suq tax-xogħol b'diversi modi, huwa konsiderevoli.

3.10   Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ppreżentatx xenarju tat-tkabbir li jsaħħaħ kemm jista' jkun il-potenzjal tas-suq uniku, iżda ffokat l-iktar fuq il-konsolidazzjoni fiskali drastika bħala l-prerekwiżit għat-tkabbir. Għandha tingħata wisq iktar attenzjoni lill-muturi tat-tkabbir li jippermettu lill-Istati Membri jikkonsolidaw il-baġits filwaqt li jaqbdu t-triq tat-tkabbir sostenibbli. Sabiex dan iseħħ, il-KESE jemmen li politika makroekonomika bilanċjata li tikkombina b'mod adegwat l-aspetti tal-provvista u dawk tad-domanda għandha tkun parti integrali minn kwalunkwe strateġija ekonomika orjentata lejn il-futur.

3.11   Tkun ħaġa tajba tassew jekk il-programmi jiġu determinati mill-eżistenza ta’ “hubs finanzjarji” li jinħolqu skont ir-riżultati mistennija u analiżi tar-riskju. Żgur li dan huwa pass meħtieġ, billi l-globalizzazzjoni tmur lil hinn mir-restrizzjonijiet territorjali, u l-firxa globali tal-“lievi” ta’ innovazzjoni li qed jiżviluppaw f'ċerti reġjuni, kif ukoll il-funzjoni tagħhom ta’ clustering, ser ikomplu jissaħħu.

3.11.1   Jeħtieġ li tali reġjuni jkollhom kontroll fuq ir-riżorsi finanzjarji proprji u li jkunu jistgħu jiddeċiedu huma stess dwar il-prijorità li għandha tingħata lid-diversi fatturi tal-iżvilupp bl-allokazzjonijiet tar-riżorsi; permezz ta’ involviment għat-tul fil-proċessi innovattivi u bis-saħħa tal-valur miżjud ġenerat, għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk japprovawx jew jirtirawx l-appoġġ finanzjarju.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara t-Trattat ta’ Lisbona, Artikoli 3.3 u 174.

(2)  COM(2010) 2020 finali.


Top