EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0154

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill ta’ […] dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku

/* KUMM/2010/0154 finali - NLE 2010/0084 */

52010PC0154

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill ta’ […] dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku /* KUMM/2010/0154 finali - NLE 2010/0084 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 19.4.2010

KUMM(2010)154 finali

2010/0084 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ […]

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Wara lment imressaq mill-ANAPA (Spanish National Association of Owners of Deep-sea Longliners), il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni fl-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3286/94 (Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ) (avviż ta' inizjazzjoni ppubblikat fl-10 ta' Lulju 1998). Fit-23 ta' Marzu 1999, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-rapport investigattiv tagħha, li skontu, il-prattiki taċ-Ċilì li tiċħad l-aċċess għall-portijiet taċ-Ċilì lil bastimenti li jistadu għall-pixxispad fix-Xlokk tal-Paċifiku kienu inkonsistenti mal-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT).

Wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/296/KE tal-5 ta' April 2000 dwar il-projbizzjoni miċ-Ċilì fuq il-ħatt tal-qabdiet ta' pixxispad minn bastimenti Komunitarji fil-portijiet taċ-Ċilì, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura tad-WTO għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, kontra ċ-Ċilì.

B'reazzjoni għal dan il-każ tad-WTO, iċ-Ċilì talbet li ċerti mistoqsijiet jitressqu għar-riżoluzzjoni obbligatorja tat-tilwim skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar. Sussegwentement, iċ-Ċilì u l-Komunità, fid-19 ta' Diċembru 2000 ressqu lment rigward il-Konservazzjoni u l-Isfruttar Sostenibbli tal-Istokkijiet tal-Pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku lil Awla Speċjali fit-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar (ITLOS).

Fil-25 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċilì laħqu arranġament provviżorju, li b'konsegwenza tiegħu, il-Partijiet qablu dwar is-sospensjoni parallela tal-proċeduri tad-WTO u tal-ITLOS.

F'April 2008, il-Kunsill adotta deċiżjoni li awtorizzat lill-Kummissjoni twettaq negozjati maċ-Ċilì f'isem il-Komunità Ewropea sabiex jintlaħaq qbil definittiv dwar qafas ġdid għall-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd.

Fit-30 ta' Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar is-Sajd Intern u Estern, it-test tal-Ftehim, maqbul bejn in-negozjaturi fir-rigward tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-pixxipsad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku. Il-Ftehim il-ġdid se jiżgura l-aċċess għal portijiet deżinjati taċ-Ċilì għall-operazzjonijiet tat-trażbord u tal-ħatt, kif ukoll għal finijiet loġistiċi, għal bastimenti li jtajru l-bnadar tal-Istati Membri li joperaw fl-ilmijiet tax-Xlokk tal-Paċifiku. Il-Ftehim il-ġdid ma jqajjem l-ebda dubju dwar il-kompetenzi rispettivi ta' organizzazzjonijiet reġjonali eżistenti tal-ġestjoni tas-sajd li attwalment huma stabbiliti (il-Kummissjoni InterAmerikana għat-Tonn Tropikali – IATTC) u lanqas dwar dawk li qegħdin fil-proċess li jiġu stabbiliti (l-Organizzazzjoni Reġjonali tax-Xlokk tal-Paċifiku għall-Ġestjoni tas-Sajd – SPRFMO).

Fit-3 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultat tat-taħditiet tekniċi bilaterali maċ-Ċilì li seħħew fil-5-6 ta' Ottubru 2009 fi New York, lill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar is-Sajd Intern u Estern. Il-Partijiet inizjalaw Anness tekniku I għall-Ftehim li fih proċeduri dettaljati li għandhom jiġu segwiti minn bastimenti tal-UE li jistadu għall-pixxispad u li jridu l-aċċess għall-portijiet Ċileni magħżula. Dawn il-proċeduri jimxu fl-istess direzzjoni tal-miżuri moderni tal-FAO dwar l-Istat tal-Port

Sadanittant, iż-żewġ partijiet diġà rtiraw b'mod konġunt il-każ minn quddiem l-ITLOS. Fis-16 ta' Diċembru 2009, l-Awla Speċjali tal-ITLOS rreġistrat it-twaqqigħ tal-kawża f'konformità mat-talba konġunt miċ-Ċilì u l-UE.

Għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għal irtirar konġunt tal-kawża quddiem id-WTO (WT/DS/193 - Measures Affecting the Transit and Importation of Swordfish [Miżuri li Jolqtu t-Tranżitu u l-Importazzjoni tal-Pixxispad]). Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex sejra, f'dan l-istadju, tipproponi l-għeluq tal-kawża dwar ir-Regolament rigward l-Ostakoli għall-Kummerċ. Il-Kummissjoni biħsiebha tressaq proposta għall-irtirar biss wara l-konklużjoni formali tal-Ftehim mill-awtoritajiet rispettivi tal-UE u dawk taċ-Ċilì, u bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-portijiet taċ-Ċilì mill-bastimenti tas-sajd tal-UE li jistadu għall-pixxispad fl-ibħra internazzjonali tax-Xlokk tal-Paċifiku ġew implimentati b'mod sodisfaċenti matul perjodu ta' żmien raġjonevoli.

L-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandhom jiġu mistiedna mill-Kummissjoni sabiex jibdew il-proċedura rilevanti għall-konklużjoni. Sadanittant, sabiex jiġi żgurat li l-aċċess għall-bastimenti tal-UE li jistadu għall-pixxispad għall-portijiet magħżula taċ-Ċilì ma jkomplix jiġi ttardjat, huwa meħtieġ li jiġi applikat provviżorjament il-Ftehim li għalih fl-istess ħin ġiet proposta deċiżjoni separata tal-Kunsill.

2010/0084 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ […]

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-konservazzjoni tal-istokkijiet ta' pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218 (6) (a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew[1],

Billi:

1. Huwa l-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabilixxi ftehimiet qafas ta' kooperazzjoni dwar is-sajd ma' Partijiet terzi biex jiġu żgurati l-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli ta' speċijiet ta' interess komuni u l-aċċess għall-bastimenti tal-UE għall-portijiet ta' Partijiet terzi għal operazzonijiet ta' trażbord u ta' ħatt l-art, u għal skopijiet loġistiċi.

2. Fl-4 ta' April 2008 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-konservazzjoni ta' stokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku. In-negozjati ġew konklużi b'suċċess billi ngħata bidu għall-Ftehim li jikkonċerna l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku u għall-Anness I dettaljat tiegħu.

3. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/XXX ta' [...][2], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì li jikkonċerna l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku ġie applikat provviżorjament sakemm jiġi konkluż il-Ftehim, wara skambju ta' ittri maċ-Ċilì .

4. Huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi l-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri maċ-Ċilì ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì li jikkonċerna l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku b'dan qed jiġi approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test ta' dan il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì huwa mhemuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni Ewropea hija awtorizzata li tiffirma, f'isem l-Unjoni Ewropea, l-Ittra mill-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 1 u li taħtar il-persuni li jkollhom is-setgħa li li jipproċedu għall-iffirmar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

FTEHIM FIL-FORMA TA’ SKAMBJU TA’ ITTRI

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ- Ċilì dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jikkonċerna l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku

A. Ittra mill-Unjoni Ewropea

Sinjur/Sinjura,

Għandi l-unur nirreferi għan-negozjati li twettqu fi Brussell fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì li wasslu għall-Ftehim li jikkonċerna l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-Ftehim'), kif ukoll għad-diskussjonijiet tekniċi bilaterali fi New York fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2009.

Intlaħaq qbil bejn l- Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì dwar il-Ftehim li ġej:

i) iż-żewġ Partijiet approvaw il-Ftehim imsemmi li dwaru ntlaħaq qbil fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 inkluż l-Anness I dettaljat miftiehem fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2009 fi New York.

ii) id-dokumenti u t-tagħrif li ġejjin jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri:

a) il-Ftehim miftiehem fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 fi Brussell kif immodifikat:

(b) bl-Anness I dettaljat għall-Ftehim kif miftiehem matul il-laqgħa teknika bilaterali fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2009 fi New York;

(c) bin-Note Verbale taċ-Ċilì tat-23 ta' Novembru 2009 li tagħżel il-portijiet Ċileni ta' Arica, Antofagasta u Punta Arenas għal aċċess minn bastimenti tal-UE li jistadu għall-pixxispad fl-ibħra internazzjonali fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku, fir-rigward tal-punt (xi) tal-Anness imsemmi fil-(b) hawn fuq.

Inkun obbligat jekk tirrikonoxxi li rċevejt din l-ittra u tikkonferma li din l-ittra u t-tweġiba tiegħek jikkostitwixxu Ftehim bejn iċ-Ċilì u l-Unjoni Ewropea biex jiġi konkluż il-Ftehim..

Dan il-ftehim għandu japplika mill-ġurnata wara dik li fiha tasal it-tweġiba tiegħek.

Jekk jogħġbok, Sinjur/a, aċċetta l-assigurazzjoni tal-ogħla stima tiegħi.

Għall-Unjoni Ewropea,

B. Ittra mir-Repubblika taċ- Ċilì

Sinjur/Sinjura,

Għandi l-unur ngħarrfek li waslitli l-ittra tiegħek bid-data ta’ llum, li taqra kif ġej:

'Għandi l-unur nirreferi għan-negozjati li twettqu fi Brussell fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì li wasslu għall-Ftehim li jikkonċerna l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-pixxispad fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-Ftehim'), kif ukoll għad-diskussjonijiet tekniċi bilaterali fi New York fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2009.

Intlaħaq qbil bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì dwar il-Ftehim li ġej:

i) iż-żewġ Partijiet approvaw il-Ftehim imsemmi li dwaru ntlaħaq qbil fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 inkluż l-Anness I dettaljat miftiehem fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2009 fi New York.

ii) id-dokumenti u t-tagħrif li ġejjin jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri:

a) it-test tal-Ftehim miftiehem fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 fi Brussell kif immodifikat:

(b) bl-Anness I dettaljat għall-Ftehim kif miftiehem matul il-laqgħa teknika bilaterali fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2009 fi New York;

(c) bin-Note Verbale taċ-Ċilì tat-23 ta' Novembru 2009 li tagħżel il-portijiet Ċileni ta' Arica, Antofagasta u Punta Arenas għal aċċess minn bastimenti tal-UE li jistadu għall-pixxispad fl-ibħra internazzjonali fix-Xlokk tal-Oċean Paċifiku, fir-rigward tal-punt (xi) tal-Anness imsemmi fil-(b) hawn fuq.

Inkun obbligat jekk tirrikonoxxi li rċevejt din l-ittra u tikkonferma li din l-ittra u t-tweġiba tiegħek jikkostitwixxu Ftehim bejn iċ-Ċilì u l-Unjoni Ewropea biex jiġi konkluż il-Ftehim.

Dan il-ftehim għandu japplika mill-ġurnata wara dik li fiha tasal it-tweġiba tiegħek'.

Għandi l-unur nikkonferma li l-ittra tiegħek u din it-tweġiba jikkostitwixxu Ftehim bejn iċ-Ċili u l-Unjoni Ewropea.

Jekk jogħġbok, Sinjur/a, aċċetta l-assigurazzjoni tal-ogħla stima tiegħi.

Għar-Repubblika taċ-Ċilì

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU L , , p. .

Top