EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0758

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali

/* KUMM/2010/0758 finali */

52010DC0758

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali /* KUMM/2010/0758 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 16.12.2010

KUMM(2010) 758 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali

SEG(2010) 1564 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea poġġiet il-ġlieda kontra l-faqar fil-qalba tal-aġenda ekonomika, tax-xogħol u soċjali tagħha – l-istrateġija Ewropa 2020 . Il-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet qablu dwar pass kbir bla preċedent: mira komuni li l-Unjoni Ewropea għandha terfa' mill-faqar u l-esklużjoni soċjali tal-inqas 20 miljun ruħ fid-deċennju li jmiss. Issa se jiġu stabbiliti miri nazzjonali kumplimentari għas-27 Stat Membru .

Fl-2008, il-livell tal-għajxien ta' iktar minn 80 miljun ruħ fl-Unjoni kollha kien iktar baxx mil-livell limitu ta' faqar, jiġifieri, numru ikbar mill-popolazzjoni tal-ikbar Stat Membru tagħna, jew 16,5 fil-mija tal-popolazzjoni tagħna. Ħafna iktar min-nofs huma nisa u 20 miljun huma tfal. Il-kriżi ekonomika, ovvjament, iggravat is-sitwazzjoni.

L-iktar nies vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna sfaw milquta l-agħar mill-impatt tal-kriżi ekonomika . Is-sitwazzjoni għal dawk li jaqilgħu l-inqas flus kompliet tiddeterjora u issa qed jaffaċċjaw riskju ikbar ta' djun u falliment. Iż-żgħażagħ, il-migranti u dawk bi ftit ħiliet, li ħafna drabi jiddependu fuq impjiegi temporanji u li mhumiex imħallsin tajjeb, esperjenzaw l-ikbar żidiet fil-qgħad u għaldaqstant huma esposti għal sitwazzjoni li qed tiggrava fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-għajxien tagħhom. B'mod partikolari, żagħżugħ minn kull ħamsa fis-suq tax-xogħol huwa qiegħed; ir-rata tal-qgħad għal ċittadini mhux tal-UE hija iktar minn 11-il punt perċentwali ogħla milli għaċ-ċittadini u dawk bi ftit ħiliet qed jesperjenzaw żieda fil-qgħad li hija d-doppju ta' dik esperjenzata minn dawk b'ħafna ħiliet.

L-hekk imsejħa "foqra li jaħdmu" kienu jirrappreżentaw 8 % tal-popolazzjoni attiva fl-2008, filwaqt li r-riskju tal-faqar żdied b'mod sinifikanti għal dawk qiegħda, minn 39 % għal 44 % mill-2005. Barra minn hekk, 8 % tal-Ewropej jgħixu f'kondizzjonijiet ta' tiċħid materjali estrem u ma jistgħux iħallsu għal numru ta' neċessitajiet li huma kkunsidrati essenzjali biex wieħed jgħix ħajja deċenti fl-Ewropa, bħat-telefown, jew tisħin adegwat. Fl-ifqar pajjiżi, ir-rata taqbeż it-30 %. Barra minn hekk, 9 % tal-popolazzjoni Ewropea fl-età tax-xogħol tgħix f'unità domestika fejn ħadd ma jaħdem.

Dan huwa inaċċettabbli fl-Ewropa tas-Seklu 21. Il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, il-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali u d-drittijiet fundamentali ilhom għal żmien twil għanijiet prinċipali tal-Unjoni Ewropea, li hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u s-solidarjetà. Iżda l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha hemm bżonn li jaħdmu iktar u jagħmlu dan b'mod iktar effiċjenti u effettiv biex jgħinu liċ-ċittadini l-iktar vulnerabbli tagħna. L-ikbar vantaġġ għall-Unjoni huwa ċ-ċittadini tagħha. Il-prospetti tagħna għal Unjoni li tħaddar jiddependu fuq Ewropej li jkollhom l-opportunitajiet biex jiżguraw futur aħjar għalihom infushom u għall-familji tagħhom. Il-kisba mill-ġdid ta' tkabbir ekonomiku permezz ta' iktar impjiegi u impjiegi aħjar se tkun kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, bħala waħda mis-seba' inizjattivi prinċipali tagħha għal azzjoni biex jintlaħaq dan il-għan. Il-Pjattaforma timmira li toħloq impenn konġunt bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati prinċipali biex tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Peress li huwa probabbli li l-biċċa l-kbira tal-għaxar snin li ġejjin se jibqgħu jissemmew għal baġits pubbliċi mnaqqsa, l-azzjonijiet se jkollhom iżidu l-effiċjenza u l-fiduċja billi jsibu modi ġodda ta' parteċipazzjoni biex jindirizzaw il-faqar filwaqt li jkomplu jiżviluppaw politiki ta' prevenzjoni u ħtiġijiet ta' miri, fejn ikun hemm bżonn.

Il-Pjattaforma għalhekk se tistabbilixxi qafas għall-azzjoni dinamiku biex tiġi żgurata koeżjoni soċjali u territorjali li tiżgura li l-benefiċċji tat-tkabbir u l-impjiegi jixterdu mal-Unjoni Ewropea kollha u li n-nies li jkunu qed jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali jingħataw iċ-ċans li jgħixu b'mod dinjituż u li jieħdu sehem attiv fis-soċjetà.

Flimkien mal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u l-mira tat-tnaqqis tal-faqar, l-għanijiet soċjali ta' Ewropa 2020 huma appoġġjati mill-mira għall-impjiegi (li tal-inqas 75 % tan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena jkollhom xogħol) u l-mira tal-edukazzjoni (li titnaqqas ir-rata ta' persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien minn 15 % għal inqas minn 10 %). L-inizjattivi prinċipali bħal pereżempju "Żgħażagħ Attivi" u l-"Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi" jimmiraw li jgħinu fil-kisba ta' dawn il-miri. Hemm ukoll rabtiet importanti ma' inizjattivi prinċipali oħra, bħal "Aġenda Diġitali għall-Ewropa"[1], "Unjoni tal-Innovazzjoni"[2], "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni[3]" u l-Inizjattiva Prinċipali li se ssir dalwaqt dwar Ewropa li tuża r-Riżorsi b'mod Effiċjenti u li ma tantx tipproduċi Karbonju.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta kif il-politiki differenti se jikkontribwixxu għal dan il-għan ambizzjuż tat-tnaqqis tal-faqar u ż-żieda tal-inklużjoni, tidentifika għadd ta' azzjonijiet assoċjati biex jgħinu biex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis tal-faqar u tispjega kif inhi mfassla l-Pjattaforma u l-kontenut tagħha (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż li jinkludi lista iktar dettaljata u indikattiva ta' azzjonijiet ppjanati tal-Kummissjoni).

2. L-isfidi

2.1. Il-ħafna dimensjonijiet tal-faqar u l-esklużjoni

Il-mira ewlenija għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni ġiet definita mill-Kunsill Ewropew abbażi ta' tliet indikaturi: ir-rata tar-riskju ta' faqar (wara t-trasferimenti soċjali), l-indiċi tat-tiċħid materjali u l-persentaġġ ta' persuni li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol[4]. Id-definizzjoni hija fl-istess ħin espressjoni tal-ħafna fatturi wara l-faqar u/jew l-esklużjoni u tad-diversità tal-problemi li jaffaċċjaw l-Istati Membri u tal-prijoritajiet li stabbilixxew fid-dawl ta' dan. It-total li huwa ikbar (li fl-2008 kien jilħaq il-116-il miljun ruħ) ikopri popolazzjoni usa' minn dik li normalment titqies bħala "fqira", peress li jinkludi perspettiva territorjali u forom ta' esklużjoni li mhumiex neċessarjament relatati mal-introjtu. Id-dimensjoni territorjali hija partikolarment importanti peress li ħafna drabi jkun hemm konċentrazzjoni tal-"iktar nies foqra" f'reġjuni partikolari jew anki f'żoni iżgħar.

L-indikaturi li fuqhom hi bbażata l-mira tat-tnaqqis tal-faqar tal-UE ġew maqbulin u żviluppati permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali (l-MMK Soċjali). Tul l-aħħar 10 snin, l-Istati Membri ħadmu id f'id u qasmu l-esperjenzi dwar il-funzjonament u r-riforma tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħhom. Huma ddefinixxew għanijiet komuni u qablu dwar indikaturi li skonthom għandhom jorjentaw il-politiki tagħhom tal-inklużjoni soċjali, għar-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet u fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. L-MMK Soċjali appoġġja t-tagħlim reċiproku, ippromwova l-involviment tal-partijiet interessati, kabbar il-fehim tar-riskji soċjali li ilhom jeżistu u dawk ġodda, u tefa' lenti fuq l-isfidi li jirrikjedu approċċi u soluzzjonijiet ġodda.

Ewropa 2020 se tagħti impetu u rilevanza ġodda lil din il-ħidma u se tgħin fl-iżvilupp ta' politiki u azzjonijiet imfasslin apposta għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Filwaqt li r-responsabbiltà prinċipali f'dan il-qasam taqa' fil-kompetenza tal-Istati Membri, il-kisba tal-mira tat-tnaqqis tal-faqar tal-UE se jkollha bżonn l-isforzi konġunti u l-istrumenti kolla fil-livelli tal-UE u nazzjonali.

2.2. Nindirizzaw il-faqar tul iċ-ċiklu tal-ħajja

Jidher li ċerti gruppi fil-popolazzjoni huma partikolarment esposti għar-riskju tal-faqar. Dan jirrigwarda partikolarment lit-tfal, liż-żgħażagħ, lill-ġenitur waħdu, lil unitajiet domestiċi b'persuni dipendenti, lil persuni li għandhom passat ta' migrazzjoni, lil ċerti minoranzi etniċi (bħar-Roma), u lill-persuni b'diżabbiltà. Barra minn hekk, hemm diviżjoni ċara ħafna bejn in-nisa u l-irġiel u n-nisa huma ġeneralment iktar f'riskju mill-irġiel.

Iktar minn 20 miljun tifel u tifla qegħdin f'riskju li jbatu l-faqar fl-Ewropa llum il-ġurnata. Ir-riskju jiżdied għal 25 % għal tfal li ġejjin minn familji kbar u jaqbeż it-30 % għat-tfal li jgħixu ma' ġenitur wieħed. Dawn iċ-ċifri ma wrewx titjib reċentement, minkejja l-għarfien politiku miżjud dwar il-problema. Il-faqar dejjem ifisser inqas opportunitajiet, u potenzjal moħli. Il-futur tagħna jinsab fil-perikolu. Il-faqar ixekkel l-iżvilupp personali, filwaqt li jaffettwa ħażin is-saħħa tat-tfal, il-kisba edukattiva u l-benesseri ġenerali. Tifel li jitrabba fil-faqar u l-esklużjoni jkun f'riskju akbar li jiġi marġinalizzat meta jikber, u li jinqabad f''ċiklu' li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Biex it-tfal jingħataw għajnuna joħorġu mill-faqar jinħtieġ approċċ multidimensjonali b'rabta mal-politiki tal-impjieg (biex il-ġenituri jingħataw appoġġ fit-tfittxija għal xogħol); it-tfassil ta' sistemi ta' benefiċċji tat-taxxa; l-għoti ta' servizzi prinċipali bħal kura tat-tfal ta' kwalità; l-edukazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal – li sar għan espliċitu tal-Unjoni fit-Trattat ta' Lisbona. L-opportunitajiet indaqs u l-politiki tal-familja huma kruċjali wkoll.

Żagħżugħ minn kull ħamsa fl-UE qiegħed f'riskju ta' faqar. Għadd li dejjem qed jikber ta' żgħażagħ mhux qed ikunu jistgħu jsegwu edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jew edukazzjoni għolja u għandhom prospetti limitati li jsibu xogħol. Persuna waħda minn kull ħamsa li għandha taħt il-25 sena hija qiegħda u għalhekk qed taffaċċja riskju kbir li tbati l-faqar. Fl-istess waqt, il-fatt li żagħżugħ minn kull 10 li għandu xogħol xorta jgħix fil-faqar, juri biċ-ċar li l-kwalità tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, jeħtieġ li tittejjeb.

Il-qgħad huwa l-kawża prinċipali tal-faqar għall-popolazzjoni fl-età tax-xogħol Ir-riskju tal-faqar għal persuni qiegħda huwa iktar minn ħames darbiet ogħla milli għal dawk li għandhom xogħol (44 % meta mqabbel ma' 8 %). Il-faqar u l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol jimxu id f'id, u dan huwa partikolarment viżibbli fost in-nisa u persuni iktar ż-żgħażagħ. Madankollu, paga baxxa, ftit ħiliet, u rati għolja ta' qgħad jistgħu jwasslu għall-faqar fost dawk li jaħdmu. Mill-2000, l-għadd ta' individwi li ntlaqtu mill- faqar fost dawk li jaħdmu żdied minħabba ż-żieda fix-xogħol temporanju u dak part-time (inkluż ix-xogħol part-time forzat), flimkien ma', xi drabi, staġnar fil-pagi. Il-faqar fost dawk li jaħdmu huwa marbut ukoll mas-sitwazzjoni ta' familji sħaħ li jiddependu fuq introjtu wieħed mix-xogħol. Fost dawn insibu li l-familji b'ġenitur wieħed u dawk b'sors ta' introjtu wieħed jaffaċċjaw l-ikbar riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu. Nuqqas ta' kura tat-tfal li tintlaħaq mill-but ta' kulħadd ixekkel il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol.

L- anzjani wkoll huma esposti għal riskju akbar ta' faqar meta mqabbla mal-popolazzjoni ġenerali (b'19 %) u f'għadd ta' pajjiżi, il-popolazzjoni anzjana hija partikolarment esposta għat-tiċħid materjali. Id-daqs tal-isfida demografika li qed taffaċċja l-UE se jkompli jiggrava l-problema. Sal-2030 l-għadd ta' pensjonanti fl-UE se jkun żdied b'iktar minn 25 miljun ruħ u dan se jagħmel iktar pressjoni fuq l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjoni tagħna kif ukoll fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani. Fil-perjodu ta' żmien itwal ir-riskju tal-faqar għall-anzjani se jiżdied ukoll jekk il-bijografiji tax-xogħol isiru iktar frammentati.

2.3. Esklużjoni serja, vulnerabbiltajiet ġodda u żvantaġġi speċifiċi

Il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar u l-esklużjoni fl-akkomodazzjoni jirrappreżentaw uħud mill-iktar forom serji ta' faqar u tiċħid, li f'dawn l-aħħar snin żdiedu. Il-faqar enerġetiku, li joħloq ir-riskju li unità domestika ma tkunx tista' ssaħħan jew tkessaħ id-dar u ma jkollhiex ilma sħun, dawl u neċċessitajiet domestiċi essenzjali oħrajn, huwa manifestazzjoni oħra ta' tiċħid serju. L-esklużjoni finanzjarja li tirriżulta min-nuqqas ta' aċċess għal servizzi bankarji bażiċi, u djun kbar, li ġiet aggravata mill-kriżi reċenti, tista' tkun ostakolu ieħor biex wieħed isib xogħol u għalhekk twassal għal marġinalizzazzjoni u faqar persistenti.

Il-kriżi ekonomika kompliet tenfasizza wkoll l-esponiment ikbar għar-riskji soċjali tal- popolazzjoni tal-migranti , li ħafna drabi tintlaqat l-ewwel f'kuntest ta' qgħad li jkun qed jiżdied. Fl-ewwel tliet xhur tal-2010, ir-rata tal-qgħad għal persuni li mhumiex ċittadini diġà kienet qabżet il-21 %. Għal din il-popolazzjoni, it-telf tax-xogħol ħafna drabi jimxi id f'id man-nuqqas ta' aċċess għax-xbieki ta' sikurezza tas-sigurtà soċjali. Ċerti minoranzi etniċi, li fosthom ir- Roma (madwar 10 sa 12-il miljun ruħ fl-Ewropa) huma l-ikbar grupp, jintlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kumbinazzjoni ta' diversi tipi ta' tiċħid.

Il-persuni b'diżabbiltà jew li jbatu minn mard kroniku serju, ħafna drabi jaffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi u soċjali kbar, li ħafna drabi jinvolvu lill-unità domestika kollha li fuqha jiddependu: madwar 6,5 miljun ruħ tan-nies li jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni jiddikjaraw li għandhom xi forma ta' diżabbiltà.

3. Il-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni ħemm bżonn li tiddependi fuq it-tkabbir u l-impjiegi kif ukoll fuq protezzjoni soċjali moderna u effettiva. Barra minn hekk, l-interventi ta' protezzjoni soċjali innovattivi għandhom ikunu kkumbinati ma' sett wiesa' ta' politiki soċjali inkluża edukazzjoni mmirata, kura soċjali, akkomodazzjoni, saħħa, tlaqqigħ tal-kura tal-familja mad-dinja tax-xogħol, u politiki tal-familja, l-oqsma kollha fejn is-sistemi tal-għajnuna soċjali sa issa kellhom tendenza li jintervjenu bi programmi li jkopru għadd limitat ta' riskji.

Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali tirrappreżenta l-kontribut tal-UE fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni identifikat l-oqsma li ġejjin fejn għandha tittieħed azzjoni:

- Twettiq ta' azzjonijiet mifruxa fl-ispettru politiku;

- Użu ikbar u iktar effettiv tal-Fondi tal-UE għall-appoġġ tal-inklużjoni soċjali;

- Promozzjoni ta' innovazzjoni soċjali bbażata fuq l-evidenza mir-riżultati;

- Ħidma fi sħubija u l-esplojtazzjoni tal-potenzjal miġbur tal-ekonomija soċjali;

- Koordinazzjoni politika mtejba bejn l-Istati Membri.

3.1. It-twettiq ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni mifruxa mal-ispettru politiku

Il-faqar fil-ħafna dimensjonijiet tiegħu jinkludi nuqqas ta' introjtu u ta' biżżejjed riżorsi materjali biex wieħed jgħix b'mod dinjituż; aċċess inadegwat għas-servizzi bażiċi, bħall-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-edukazzjoni; l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u xogħol ta' kwalità baxxa. Dawn l-elementi huma l-kawżi prinċipali tal-faqar u juru kif individwi u familji jiġu esklużi soċjalment. L-għoti ta' soluzzjonijiet għal dawn il-problemi jirrikjedi approċċi li jmissu l-oqsma politiċi kollha, u dan jirrikjedi li l-isfida tal-eradikazzjoni tal-faqar tiġi integrata fl-iżvilupp politiku kollu. Dan jirrikjedi koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi u jenfasizza r-rwol kruċjali ta' għadd ta' oqsma politiċi li ma jaqgħux fil-mandat tradizzjonali tal-politiki tal-inklużjoni soċjali u tal-protezzjoni soċjali: sinerġiji effettivi ma' Inizjattivi Prinċipali oħra ta' Ewropa 2020 se jkunu essenzjali.

Aċċess għall-impjiegi

Għal min jista’ jaħdem, li wieħed isib xogħol huwa l-aktar triq sikura kif wieħed jegħleb il-faqar . Dan huwa messaġġ iebes fi żmien ta' kriżi ekonomika, iżda hekk kif l-ekonomiji tagħna qed jerġgħu jesperjenzaw it-tkabbir, il-punt fokali tagħna għandu jkun l-iżgurar ta' tkabbir sostenibbli ffukat fuq il-ħolqien tal-impjiegi. Jekk sal-2020 tintlaħaq il-mira għall-impjiegi ta' 75 %, kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, li ġiet stabbilita għall-Unjoni, ikun sar l-akbar kontribut biex 20 miljun Ewropew jegħlbu l-faqar.

L- Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi tistabbilixxi l-mezzi kif iktar nies jistgħu jiddaħħlu fis-suq tax-xogħol, b'fowkus fuq swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw aħjar u li huma inqas frammentati, forza tax-xogħol b'iktar ħiliet, xogħlijiet u kondizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità aħjar, u l-promozzjoni kemm tal-ħolqien tal-impjiegi u kemm tad-domanda għax-xogħol. Dawn l-erba' aspetti huma rilevanti għat-tnaqqis tal-faqar, u l-azzjonijiet prinċipali li ġejjin li ġew proposti fir-rigward tagħhom huma ta' importanza partikolari: il-kisba ta' momentum ġdid għall-flessigurtà u s-sejbien ta' metodi ġodda biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol bl-iżgurar ta' benefiċċji moderni u inklużivi u sistemi tas-sigurtà soċjali; il-forniment tan-nies bil-ħiliet adattati; inklużi l-kompetenzi diġitali; l-istimolazzjoni tar-reklutaġġ permezz ta' tnaqqis selettiv fl-ispejjeż mhux marbuta mal-pagi partikolarment għal dawk bi ftit ħiliet. Din l-inizjattiva prinċipali tħares lejn it-tkabbir fl-impjiegi minn "perspettiva soċjali", filwaqt li tenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati kemm il-kwantità ta' impjiegi kif ukoll id-dimensjonijiet kwalitattivi tagħhom. Din tenfasizza l-ħtieġa li n-nies il-foqra jingħataw il-ħiliet li bihom ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ minn kwalunkwe espansjoni fil-potenzjal tax-xogħol bħal pereżempju fl-impjiegi relatati mal-ambjent, billi hemm sinerġija ċara bejn il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ambjentali.

L- inklużjoni attiva tal-persuni bl-inqas aċċess għas-suq tax-xogħol hija kwistjoni prominenti fl-aġendi tal-UE u dawk nazzjonali. Issa qbilna dwar sett ta' prinċipji komuni [5] biex ngħinu lin-nies ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol li jkollhom bżonn. Il-prinċipji li jindirizzaw il-bżonn ta' strateġiji integrati li jikkumbinaw skemi ta' appoġġ għal min ma għandux sors ta' introjtu mfasslin tajjeb, swieq tax-xogħol inklużivi u servizzi soċjali adegwati. Dawk bl-inqas aċċess għas-suq tax-xogħol, jeħtieġu wkoll appoġġ soċjali mtejjeb li jkompli jingħatalhom ladarba jsibu impjieg, biex tiġi evitata s-sitwazzjoni tal-bieb li jdur, fejn isibu ruħhom maqbudin bejn il-qgħad u impjieg ta' kwalità baxxa u prekarju. L-evidenza turi li din ħafna drabi ma tingħatax jew ma tkunx adegwata. F'bosta Stati Membri persentaġġ sinifikanti ta' nies fil-bżonn ma għandhomx aċċess għal għajnuna soċjali jew ma jużawx id-drittijiet tagħhom. Oħrajn jinsabu maqbuda f'sitwazzjoni ta' dipendenza fuq il-benefiċċji, fejn ħafna drabi jkunu intitolati għal benefiċċji li mhumiex biżżejjed biex dawn jegħlbu l-faqar.

Fl-2012, il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni li tipprovdi valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-inklużjoni attiva fil-livell nazzjonali, inkluża l-effettività tal-iskemi tal-introjtu minimu u kif il-programmi tal-UE jistgħu jintużaw biex tiġi appoġġjata l-inklużjoni attiva. |

Il-protezzjoni soċjali u l-aċċess għal servizzi essenzjali

Il-kriżi reċenti ppreżentat l-isfida bla preċedent lis-sistemi tal-protezzjoni soċjali, tal-indirizzar tal-livelli li dejjem qed jiżdiedu ta' esklużjoni b'riżorsi pubbliċi mnaqqsin. Minkejja li l-protezzjoni soċjali rnexxielha tindirizza l-bżonnijiet l-iktar immedjati wara li faqqgħet il-kriżi, proporzjon sinifikanti ta' persuni b'introjtu baxx għandhom aċċess limitat għax-xbieki tas-sigurtà soċjali.

Attwalment jinħtieġu effiċjenza ikbar permezz tal-konsolidazzjoni tas-servizzi u twettiq aħjar ta' dan, flimkien mal-mobilizzazzjoni ta' sett ikbar ta' atturi u strumenti. Huwa essenzjali wkoll li l-politiki jindirizzaw żewġ sfidi prinċipali: il-prevenzjoni li hija l-iktar mod effettiv u sostenibbli ta' kif jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-intervent bikri biex jiġi evitat li n-nies li jaqgħu fil-faqar jibqgħu maqbuda f'sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi li kull ma jmur isiru iktar diffiċli u problematiċi.

L-adegwatezza u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjoni huma kruċjali għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-faqar fost l-anzjani. Madankollu, it-tixjiħ b'pass mgħaġġel tal-popolazzjoni Ewropea qed ikollu impatti mifruxa fuq it-tipi kollha ta' skemi tal-pensjonijiet u qed jagħti urġenza bla preċendent lill-aġenda għar-riformi, fejn għandhom jintlaħqu bilanċi diffiċli bejn l-ekwità, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà. Il-muftieħ għal pensjonijiet adegwati u sostenibbli fil-futur huwa x-'xjuħija attiva' li timplika b'mod partikolari li jinħolqu kondizzjonijiet li jippermettu lil ħaddiema iktar anzjani jibqgħu għal żmien itwal fis-suq tax-xogħol. Ir-riformi tal-pensjonijiet għandhom iqisu t-tfassil ġenerali tal-protezzjoni soċjali. Minħabba t-tendenzi attwali fl-għoti tal-pensjonijiet, huwa probabbli li l-gruppi vulnerabbli u persuni b'karrieri qosra jew b'interruzzjonijiet fihom, isiru dejjem iktar dipendenti fuq il-pensjonijiet minimi u d-dispożizzjonijiet dwar l-introjtu minimu għal persuni iktar anzjani.

Id-differenzi fis-saħħa li qed jikbru fl-Istati Membri jenfasizzaw rabtiet mill-qrib bejn id-differenzi fis-saħħa u l-faqar, kif jidher biċ-ċar mid-differenzi bejn gruppi b'introjtu differenti fil-livelli tas-saħħa, restrizzjonijiet f'attivitajiet minħabba mard u diżabbiltà u l-probabbiltà ta' mewt fit-twelid fejn il-qabża bejn il-gruppi soċjoekonomiċi l-iktar għolja u dawk l-iktar baxxi, twassal għal anki sa 10 snin għall-irġiel u sitta għan-nisa. Saħħa li mhix daqshekk tajba – li ħafna drabi tirriżulta minn kondizzjonijiet tal-għajxien ħżiena – tista' tkun kontributur prinċipali għall-faqar, peress li tista' tnaqqas l-abbiltà li persuna taħdem u minħabba l-ispejjeż tat-trattament u l-kura. Il-prevenzjoni tal-mard u l-għoti ta' aċċess għal kura tas-saħħa u soċjali li hi effettiva u li tista' tintlaħaq mill-but ta' kulħadd, huma għalhekk miżuri importanti fil-ġlieda kontra l-faqar. Din hija sfida għall-politika tas-saħħa pubblika u għas-sistemi tas-saħħa, fejn domanda li qed tiżdied flimkien ma' pressjonijiet kbar fuq il-baġit taw urġenza ġdida lill- effiċjenza fis-sistemi tas-saħħa : l-isfida hija li titjieb l-effiċjenza filwaqt li jkun żgurat aċċess għal kura tas-saħħa ta' kwalità għal kulħadd.

Popolazzjoni li qed tixjieħ u bidliet usa' fis-soċjetà bħall-fatt li iktar nisa qed jidħlu fis-suq tax-xogħol, li qed naraw iktar unitajiet domestiċi b'persuna waħda, il-familiji bla tfal u ġenerazzjonijiet differenti ta' familji li jgħixu bogħod minn xulxin, kollha qed jikkontribwixxu għal żieda f'daqqa fid-domanda għal servizzi tas-saħħa u soċjali . Il-foqra jistgħu jsibuha diffiċli li jaċċessaw dawn is-servizzi, u dan ikompli jbegħedhom mis-suq tax-xogħol peress li jkollhom jassumu responsabbiltajiet ta' għoti ta' kura. L-isfida politika, għal darba oħra fil-kuntest tal-pressjoni baġitarja, hija waħda ta' żgurar ta' provvista biżżejjed ta' kura professjonali ta' kwalità għolja, effiċjenti u li tintlaħaq mill-but ta' kulħadd.

Il-Kummissjoni se: Tippreżenta, fl-2011, White Paper dwar il-Pensjonijiet, biex tindirizza kemm is-sostenibbiltà u kemm l-adegwatezza tal-pensjonijiet fil-kuntest ta' wara l-kriżi. Tniedi Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (SEI) fir-rigward ta' xjuħija attiva u sana, fl-2011, u tappoġġja inizjattivi għal xjuħija attiva fil-livelli kollha fil-kuntest tas-Sena Ewropea għax-Xjuħija Attiva fl-2012. Tiżviluppa l-Qafas Ewropew Volontarju għall-Kwalità għas-servizzi soċjali f'livell settorjali, inkluż fil-qasam tal-kura fit-tul u tal-kondizzjoni ta' persuni bla dar. Twettaq valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa fuq is-saħħa, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet enfasizzati fil-komunikazzjoni dwar "Is-Solidarjetà fis-Saħħa: Innaqqsu d-differenzi fil-qasam tas-saħħa fl-UE", Tippreżenta, fl-2011, inizjattiva leġiżlattiva biex tiżgura l-aċċess għal ċerti servizzi bankarji bażiċi u tistieden lis-settur bankarju jissottometti inizjattiva awtoregolatorja mmirata lejn it-titjib tat-trasparenza u l-komparabbiltà tal-miżati tal-banek. |

- L-edukazzjoni u l-politiki taż-żgħażagħ

L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom impatt dirett fuq dak li jistgħu jkunu u dak li jistgħu jagħmlu n-nies. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu strumentali fl-appoġġ tal-mobbiltà soċjali 'l fuq u għandhom jgħinu biex jinqered, u mhux jissaħħaħ, iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ u l-inugwaljanza. L-edukazzjoni qabel dik primparja hija probabbilment l-iktar fattur kruċjali biex jinqered iċ-ċirku vizzjuż tat-trażmissjoni tal-faqar bejn il-ġenerazzjonijiet, u hija l-investiment bl-iktar riżultati. L-investiment f'edukazzjoni u kura, li jkunu ta' kwalità għolja, minn kmieni fit-tfulija jista' jappoġġja bidu sikur fil-ħajja għal kulħadd. L-Istati Membri adottaw il-valur referenzjarju, li 95 % tat-tfal bejn l-erba' snin u l-bidu tal-edukazzjoni obbligatorja għandhom isegwu edukazzjoni u kura fit-tfulija bikrija.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ isiru iktar inklużivi fil-livelli kollha u għall-etajiet kollha (livelli tal-iskola primarja u sekondarja, edukazzjoni għolja, taħriġ vokazzjonali u tagħlim għall-adulti). Mill-perspettiva fit-tul, it-tnaqqis ta' dawk li jitilqu mill-iskola kmieni kif ġie maqbul fil-mira ewlenija ta' Ewropa 2020 għal inqas minn 10 % minn dawk li jieqfu mill-edukazzjoni tagħhom kmieni sal-2020, se jkun kontribut kbir għat-tnaqqis tal-faqar, peress li livell suffiċjenti ta' ħiliet u kompetenzi (inklużi dawk diċitali) huwa kruċjali għall-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fis-swieq tax-xogħol tal-lum. Tendenzi inkwetanti fl-għadd ta' żgħażagħ li la qed jistudjaw u lanqas qed jaħdmu, jenfasizzaw il-ħtieġa li tittejjeb il-firxa usa' ta' politiki li jappoġġjaw liż-żgħażagħ kif ġie maqbul fl-Istrateġija Ewropea taż-Żgħażagħ għal bejn l-2010 u l-2018 [6] . Hemm bżonn ta' approċċi mmirati biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li qed jiżdiedu li jikkaratterizzaw it-tranżizzjoni għall-ħajja adulta f'soċjetajiet postindustrijali, partikolarment għaż-żgħażagħ marġinalizzati. L-inizjattiva prinċipali "Żgħażagħ Attivi" toħloq preċiżament ir-rabta bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ fuq naħa, u s-suq tax-xogħol fuq naħa oħra billi tipproponi miżuri biex ittejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.

Il-Kummissjoni se: Tippreżenta, fl-2011, Komunikazzjoni li takkumpanja proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar politiki biex jiġi indirizzat it-tluq minn kmieni mill-edukazzjoni u titnieda inizjattiva wiesgħa biex tippromwovi interventi iktar effettivi, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, kontra ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ. Tipproponi, fl-2012, Rakkomandazzjoni dwar il-faqar fost it-tfal, li tagħti ħarsa lejn prinċipji komuni u għodda għal monitoraġġ effettiv biex jingħeleb u jiġi prevenut il-faqar kmieni fil-ħajja. |

- Il-migrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti

Il-kontroll tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti attwalment qegħdin fuq quddiem nett fl-aġendi politiki Ewropej u dawk nazzjonali. Iktar min 30 miljun ruħ – jew 6,4 % tal-popolazzjoni – li jgħixu fil-pajjiżi tal-UE mhumiex ċittadini. Żewġ terzi minnhom huma ċittadini ta' pajjiżi terzi. Filwaqt li l-migrazzjoni tista' tkun parti importanti mis-soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ekonomiċi, demografiċi u kompetittivi tal-Ewropa, it-twaqqif ta' qafas politiku komprensiv u effettiv għall-integrazzjoni huwa sfida kbira. Il-proċess li bih wieħed isir parti minn soċjetà ġdida huwa wieħed tassew kumpless u jirrikjedi sforzi f'diversi oqsma. Dan jinvolvi aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-akkomodazzjoni, għas-servizzi pubbliċi (speċjalment is-servizzi tal-għajnuna soċjali u tal-edukazzjoni), għas-servizzi privati (il-banek, l-assigurazzjoni, eċċ), u l-bini ta' relazzjonijiet soċjali u kulturali mal-komunità, u l-parteċipazzjoni fi proċessi politiċi. Hemm ħafna evidenza ta' trażmissjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet ta' żvantaġġi fil-popolazzjoni tal-migranti. Barra minn hekk, it-tieni u t-tielet ġenerazzjonijiet ta' migranti wkoll jesperjenzaw diskriminazzjoni fl-aċċess għax-xogħol kif ukoll għall-prodotti u s-servizzi. Madankollu, huwa kruċjali għall-koeżjoni soċjali Ewropea li l-isfida tal-integrazzjoni tingħeleb, u din hija relatata mill-qrib mal-futur tas-sistemi tal-għajununa soċjali Ewropej. Il-kisba tal-għan tal-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali ta' Ewropa 2020, se tiddependi ħafna fuq il-kapaċità li l-UE u l-Istati Membri tagħha joħolqu rabta bejn il-politiki soċjali u dawk tal-migrazzjoni.

Fl-2011, il-Kummissjoni se tippreżenta "L-Aġenda Ewropea Ġdida dwar l-Integrazzjoni" biex tappoġġja aħjar l-isforzi tal-Istati Membri fil-promozzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi ta' kulturi, reliġjonijiet, lingwi u etniċitajiet differenti biex jipparteċipaw b'mod attiv fl-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. |

- L-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

Jeħtieġ li l-politiki tal-inklużjoni soċjali jikkumplimentaw il-politiki għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, peress li għal ħafna nies l-għeruq tal-faqar u d-diffikultajiet ħafna drabi jinsabu fir-restrizzjonijiet mill-opportunitajiet u d-drittijiet li huma miftuħin għal gruppi oħra. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u għad-drittijiet tal-bniedem kisbu importanza akbar fl-ordni legali tal-UE, iżda l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-livell nazzjonali jeħtieġ li tiġi appoġġjata minn politiki rilevanti u azzjonijiet konkreti. Integrazzjoni iktar mill-qrib bejn il-politiki soċjali u dawk għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-iżvantaġġi speċifiċi li jaffettwaw partijiet kbar mill-popolazzjoni Ewropea.

Hemm bżonn ta' politiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi, f'konformità mal-Istrateġija l-ġdida dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għal bejn l-2010 u l-2015, biex tiġi indirizzata d-differenza fid-dħul tal-irġiel u tan-nisa, li hija viżibbli f'ħafna fil-gruppi tal-etajiet, u li twassal għal rati iktar għoljin ta' faqar fil-popolazzjoni femminili, kemm fost dawk li jaħdmu u kemm fost dawk qiegħda. Dan ir-riskju jiżdied b'mod drammatiku għall-ommijiet waħedhom u għan-nisa anzjani.

L-indirizzar tal-forom speċifiċi ta' diskriminazzjoni u esklużjoni li jaffaċċjaw in-nies b'diżabbiltà, jirrikjedi wkoll interventi f'firxa wiesgħa ta' oqsma politiċi differenti. L-indikaturi eżistenti tal-faqar ma jirriflettux li l-ammont ta' riżorsi li jista' jiżgura ħajja deċenti għal persuna mingħajr diżabbiltà jista' jkun totalment inadegwat għal persuna b'diżabbiltà, minħabba l-ostakoli addizzjonali li din tiltaqa' magħhom waqt l-attivitajiet ta' kuljum tagħha[7]. L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà l-ġdida għal bejn l-2010 u l-2020 se tikkontribwixxi biex tneħħi l-ostakoli li jwaqqfu lil 80 miljun Ewropew b'diżabbiltà milli jipparteċipaw fis-soċjetà fuq bażi ugwali.

Fi kważi kull aspett, il-persuni bi problemi tas-saħħa mentali huma fost il-gruppi l-iktar esklużi fis-soċjetà u b'mod konsisteni jidentifikaw l-istigmatizzazzjoni, id-diskriminiazzjoni u l-esklużjoni bħala l-ostakoli prinċipali għas-saħħa, il-benesseri u l-kwalità fil-ħajja. Il-Patt Ewropew dwar is-Saħħa u l-Benesseri Mentali jista' jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' kif l-atturi politiċi fil-qasam soċjali u tas-saħħa jistgħu jaħdmu flimkien biex jippromwovu inklużjoni soċjali għal persuni bi problemi tas-saħħa mentali.

Il-faqar u l-marġinalizzazzjoni ta' ċerti minoranzi etniċi, bħar- Roma, żdiedu.Stħarriġ tal-2009 dwar id-diskriminazzjoni f'seba' Stati Membri li sar mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali rrapporta li nofs dawk li wieġbu mill-popolazzjoni tar-Roma kienu esperjenzaw diskriminazzjoni fit-tnax-il xahar ta' qabel u wieħed minn kull ħamsa kien safa vittma ta' reati mmotivati mir-razziżmu[8]. Ħafna Roma jgħixu fi djar u akkomodazzjoni ta' kwalità baxxa u maqtugħin mill-bqija. Huwa iktar probabbli li t-tfal Roma jiġu mgħallma fi skejjel issegregati, li jkollhom attendenza baxxa, u li jitilqu mill-iskola kmieni. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jippreżentaw strateġiji nazzjonali għall-inklużjoni tar-Roma fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma biex dawn l-istrateġiji jikkontribwixxu għall-kisba tal-mira ewlenija għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Il-kondizzjoni tal-persuni bla dar u n-nuqqas ta' akkomodazzjoni forsi huma l-iktar eżempji estremi ta' faqar u esklużjoni soċjali fis-soċjetà tal-lum. Għalkemm l-aċċess għal akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli huwa bżonn u dritt fundamentali, il-garanzija ta' din id-dritt għadha tirrappreżenta sfida sinifikanti f'ħafna Stati Membri. L-iżvilupp ta' rispons xieraq u integrat, kemm għall-prevenzjoni u kemm għall-indirizzar tal-kondizzjoni ta' persuni bla dar, għandu jibqa' element importanti tal-istrateġija tal-UE għall-inklużjoni soċjali.

Il-Kummissjoni se: Tippreżenta Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Roma fl-2011. Iżżid l-isforzi biex tippromwovi l-indipendenza ekonomika tan-nisa, li hija l-ewwel waħda minn ħames prijoritajiet tal-Istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għal bejn l-2010 u l-2015. Tiżgura segwitu adegwat tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà ta' bejn l-2010 u l-2020, li hija mmirata partikolarment lejn ċirkostanzi u ostakoli li jipprevjenu lil persuni b'diżabbiltà milli jgawdu bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom. Tidentifika metodi u mezzi biex tkompli l-ħidma li bdiet dwar il-kondizzjoni tal-persuni bla dar u l-esklużjoni soċjali bl-aħjar mod, filwaqt li tqis ir-riżultat tal-konferenza ta' kunsens ta' Diċembru 2010. |

- Il-politiki settorjali

Il-politiki u l-istrumenti finanzjarji tal-UE hemm bżonn li jikkunsidraw iktar fil-fond ir-rwol essenzjali li s-servizzi tan-netwerks bħat-trasport, l-enerġija, l-IT u oħrajn jista' jkollhom fit-tnaqqis tad-diskrepanzi lokali u reġjonali u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. L-aċċess għal dawn is-servizzi u l-iżgurar li dawn jintlaħqu mill-but ta' kulħadd saru neċessità primarja fis-soċjetajiet avvanzati tagħna. Dan jenfasizza l-importanza li l-għanijiet soċjali jsiru iktar viżibbli f'għadd ta' politiki settorjali, kif ukoll fil-politiki tas-suq intern u tal-konsumatur.

L-użu aċċessibbli tat- Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni fl-era tal-internet itejjeb l-impjegabbiltà u l-opportunitajiet tul il-ħajja, l-inklużjoni fil-komunitajiet lokali, l-użu tas-servizzi pubbliċi onlajn u l-aċċess għal kura moderna u effiċjenti, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-inklużjoni soċjali. Dan jirrikjedi sforzi sostnuti tiġi indirizzata l-qabża diġitali permezz tat-titjib tal-litteriżmu diġitali, tal-ħiliet diġitali u tal-użu regolari tal-internet għal persuni żvantaġġjati, kif ukoll permezz tal-għoti ta' servizzi onlajn inklużivi u mmirati f'oqsma prinċipali (l-impjiegi, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u servizzi soċjali oħra) li jappoġġjaw l-għoti tas-setgħa lill-utenti, partikolarment dawk minn gruppi vulnerabbli. L-edukazzjoni jista' jkollha rwol kruċjali biex jiġi evitat it-twessigħ addizzjonali tal-qabża diġitali[9].

Il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew jistgħu jsiru ta' sfida għaċ-ċittadini tal-UE. Il-politika tal-enerġija se tkompli tikkontribwixxi biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u, fejn ikun xieraq, tindirizza r-riskju tal-faqar enerġetiku. F'dan il-kuntest, suq intern li jiffunzjona tajjeb u miżuri għall-użu effiċjenti tal-enerġija huma partikolarment importanti għall-konsumaturi. B'mod partikolari, il-gruppi vulnerabbli huma protetti l-aħjar mill-faqar enerġetiku permezz ta' implimentazzjoni sħiħa mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija u l-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi għall-effiċjenza fl-enerġija.

L-aċċess għas-servizzi finanzjarji għal dawk l-iktar vulnerabbli jista' jittejjeb permezz tal-politiki tas-suq intern u dawk tal-konsumatur. L-esklużjoni finanzjarja tista' xxekkel lin-nies milli jsibu impjieg, jiftħu negozju u jaċċessaw servizzi oħra. L-iżgurar ta' aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi – kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll f'dak Ewropew.

Id-dimensjoni esterna

Fl-aħħar nett, l-isforzi biex jingħeleb il-faqar huma parti prinċipali mid- dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE u, partikolarment, il-politiki tagħha tal-impjieg u dawk soċjali. Mill-adozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, u flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali jew fora , l-UE qiegħda tappoġġja dejjem iktar lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar, partikolarment permezz tal-aċċess għall-edukazzjoni primarja, l-ilma jew is-saħħa, u l-promozzjoni ta' xogħol deċenti iżda anki permezz tal-politika tal-kummerċ, u bir-rinfurzar tad-demokrazija u t-tmexxija tajba. Il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd, għandha rwol essenzjali fit-tnaqqis tal-faqar u t-titjib tal-inklużjoni soċjali. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa d-djalogu politiku mal-imsieħba strateġiċi tal-UE u f'fora internazzjonali, notevolment l-ILO, il-G20, il-G8 u n-NU.

Fil-qafas tal-proċess tat-tkabbir tal-UE u fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li l-pajjiżi rilevanti jibdew jaħdmu biex jilħqu l-għanijiet ta' din il-Pjattaforma.

L-istima tal-Impatt Soċjali

Koordinazzjoni aħjar tal-politika tfisser li l-impatt soċjali tal-inizjattivi politiċi jeħtieġ li jiġi vvalutat bir-reqqa u li l-konsegwenzi soċjali li huma potenzjalment negattivi għandhom jiġu mminimizzati permezz ta' miżuri mmirati lejn l-ekwità u li jiffukaw fuq il-faqar. Il-Kummissjoni Ewropea għaddiet l-inizjattivi prinċipali kollha u l-proposti leġiżlattivi minn stima tal-impatt komprensiva (SI), inkluża d-dimensjoni soċjali. Il-Kummissjoni se tkompli tirfina u ttejjeb il-kwalità tal-istima tal-impatt biex tiżgura li tingħata attenzjoni lid-dimensjoni soċjali. Huwa importanti li meta jkunu qed jimmodifikaw il-proposti tal-Kummissjoni l-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u l-Istati Membri, fil-livell nazzjonali, jivvalutaw id-dimensjoni soċjali tal-proposti tagħhom stess.

3.2. Naraw li l-fondi tal-UE jagħtu l-frott fir-rigward tal-għanijiet tal-inklużjoni soċjali u dawk tal-koeżjoni soċjali

Ir-Reviżjoni tal-Baġit u l-għanijiet ta' Ewropa 2020

F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea nediet reviżjoni tal-baġit tal-UE . Fir-rigward tat-tkabbir inklużiv, il-Kummissjoni enfasizzat li l-fondi ta' koeżjoni kellhom bżonn jiffukaw fuq l-għanijiet ta' Ewropa 2020. Il-Politika ta' Koeżjoni futura għandha tbiddel il-miri ta' Ewropa 2020 f'benefiċċji tanġibbli u tagħmel differenza reali fil-ħajja taċ-ċittadini.

Ir-Reviżjoni tal-Baġit tenfasizza l-importanza tas-solidarjetà, filwat li targumenta li l-kunsiderazzjoni għall-iktar vulnerabbli għandha impatt pożittiv fuq it-tkabbir u toħloq benefiċċji li jgawdi minnhom kulħadd. Din tenfasizza wkoll li l-kwistjoni hija primarjament dwar kif l-infiq għandu jsir b'mod iktar intelliġenti . Jinħtieġu approċċi innovattivi li jikkumplimentaw l-għodod eżistenti u li jgħinu fl-iżgurar ta' użu kosteffiċjenti, effettiv u ekwu tan-nefqa soċjali pubblika.

Fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni tas-sena d-dieħla fir-rigward tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, l-istrumenti finanzjarji tal-UE qed jerġgħu jiġu eżaminati fid-dawl tal-għanijiet u l-prinċipji ewlenin tar-Reviżjoni Baġitarja. Għall-għanijiet tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huma ta' rilevanza partikolari, iżda anki fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u ta' komponenti oħra tal-baġit komunitarju, dawn għandhom rwol importanti x'jaqdu.

Il-kontribuzzjoni tal-Fondi tal-Fondi

Kull sena, ħames miljun persuna qiegħda u madwar miljun persuna minn gruppi vulnerabbli jibbenefikaw minn appoġġ dirett mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-għodda finanzjarja Ewropea prinċipali għall-appoġġ tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali. Tul il-perjodu ta' programmar bejn l-2007 u l-2013 iktar minn EUR 10 biljun twarbu għal proġetti li jiġġieldu l-esklużjoni soċjali li jkomplu jiġu megħjuna mill-fondi nazzjonali. L- FSE jikkofinanzja proġetti mfasslin apposta biex jgħinu lil persuni vulnerabbli u żvataġġjati li l-inqas li għandhom aċċess għas-suq tax-xogħol (l-aċċess ta' dawn huwa limitat minħabba problemi bħan-nuqqas ta' taħriġ, id-diżabbiltà, jew id-diskriminazzjoni) kif ukoll dawk li ilhom qiegħda, ħaddiema li huma ikbar fl-età u dawk li tilfu xogħolhom.

L-FSE se jiġi aġġustat għall-qafas il-ġdid ta' Ewropa 2020 biex jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu fl-iżgurar tal-ħiliet adattati għall-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar, permezz ta' volumi ta' fondi prevedibblibaġit prevedibbli. Għandu jiġi żgurat aċċess issimplifikat mill-benefiċjarji, partikolarment għall-NGOs u għas-sħubijiet lokali, permezz ta' skemi ta' għotjiet li jkunu mfasslin apposta. L-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar huma tnejn mit-temi li tista' ssir proposta li jinżammu mill-Istati Membri taħt l-FSE, biex jappoġġjaw bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Linji gwida Integrati. Għandha issir enfasi akbar fuq riżorsi li jkunu mmirati tajjeb mhux biss lejn gruppi speċifiċi, iżda anki lejn ċerti żoni żvantaġġjati: f'dan il-kuntest, l-approċċi integrati għall-ġlieda kontra l-faqar għandhom jittejbu u jippermettu investiment mill-fondi fl-infrastruttura soċjali, fejn ikun neċessarju, għall-implimentazzjoni li tirnexxi tal-miżuri tal-politika soċjali li huma appoġġjati mill-FSE. L-FSE jista' jikkontribwixxu wkoll permezz ta' modi innovattivi biex iktar riżorsi privati jintużaw b'appoġġ għall-inklużjoni soċjali. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jistgħu jintalbu jidentifikaw il-gruppi li qegħdin f'riskju ta' diskriminazzjoni, u se jitħeġġu jwarrbu fondi speċifiċi għal azzjonijiet f'dan il-qasam. L-azzjoni tal-FSE fil-qasam tal-integrazzjoni attwalment hija ikkumplimentata mill- Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi (għall-migranti) u, mill- Fond Ewropew għar-Rifuġjati (għar-rifuġjati).

Il-programm PROGRESS li jaħdem id f'id mal-FSE, tfassal biex jiżgura li l-politika soċjali tal-UE tibqa' fid-direzzjoni t-tajba biex taffaċċja l-isfidi politiċi prinċipali. Dan jaħdem biex jgħin lill-Istati Membri jwettqu l-impenji tagħhom biex joħolqu iktar xogħlijiet u xogħlijiet aħjar biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni, biex jiggarantixxu opportunitajiet indaqs u jimplimentaw il-liġijiet soċjali tal-UE. PROGRESS kien strumentali billi influwenza u kkonsolida l-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali, u qed jippromwovi dejjem iktar it-tagħlim reċiproku u l-innovazzjonijiet soċjali.

Kemm l-UE u kemm il-Bank Ewropew tal-Investiment ħadu l-impenn li jikkontribwixxu EUR 100 miljun kull wieħed għall- Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress . Dan il-fond jimmira li jipprovdi EUR 500 miljun għall-mikroself tul l-għaxar snin li ġejjin. Il-mikrofinanzjament huwa mezz importanti għall-istimolazzjoni tal-impjieg indipendenti u l-ħolqien ta' mikrointrapriżi u huwa possibbli li jkollu rwol sinifikanti fil-promozzjoni kemm tal-inklużjoni soċjali u kemm tal-ħolqien tal-impjiegi. Il-kisba tal-għanijiet tal-inklużjoni soċjali tal-UE se tiddependi wkoll fuq l-operat u t-tfassil attwali u futuri tal- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) In-natura tal-iżvantaġġ li jaffettwa lin-nies f'sitwazzjonijiet ta' faqar u esklużjoni soċjali hija influwenzata miż-żona fejn ikunu jgħixu u wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Pjattaforma huwa li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali.

Il-ħames rapport ta' Koeżjoni li ġie adottat f'Novembru 2010 jipprovdi l-orjentazzjonijiet prinċipali fir-rigward tal-politika ta' Koeżjoni futura li jimmira fuq il-prijoritajiet prinċipali Ewropej. Din tippermetti rabta iktar mill-qrib bejn l-aġenda soċjali u dik territorjali.

Ir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali għal wara l-2013 għandhom jappoġġjaw l-investimenti kkoordinati tal-FSE u l-FEŻR fl-implimentazzjoni ta' approċċi integrati. In-tnaqqis tad-diskrepanzi u l-ġlieda kontra livelli ta' faqar li qed jogħlew dejjem iktar, partikolarment fiż-żoni urbani, fil-futur, se jirrikjedu azzjonijiet immirati li jkopru l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Azzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu kkoordinati mil-qrib mal-azzjonijiet tal-FSE. Mingħajr ħsara għall-proposti futuri dwar il-Fondi Strutturali għall-perjodu ta' wara l-2013, l-FEŻR se jkompli jakkumpanja dawn l-azzjonijiet b'investimenti kbar fl-infrastruttura edukattiva, soċjali u tas-saħħa, partikolarment fl-ifqar reġjuni f'kooperazzjoni mill-qrib ma' fondi oħra.

Filwaqt li ħafna min-nies f'kundizzjonijiet żvantaġġjati jgħixu f'ċentri urbani prinċipali, f'termini relattivi, għandhom tendenza li jkunu rrappreżentati żżejjed f'żoni u komunitajiet rurali u dawk iżolati ġeografikament. F'ċerti Stati Membri r-riskju tal-faqar f'żoni rurali huwa d-doppju ta' dak f'żoni urbani. L-Unjoni Ewropea għandha politika attiva ta' żvilupp rurali, appoġġjata mill- Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' infrastruttura u servizzi soċjali u edukattivi, u b'mod iktar ġenerali, għat-titjib tal-kapital uman fiż-żoni rurali. Fis-snin reċenti, l-interventi tal-politika tal-iżvilupp rurali dejjem qed jiġu mmirati iktar lejn l-għanijiet tal-inklużjoni soċjali, b'tali mod li jista' jkun utli għall-appoġġ lill-komunitajiet rurali tar-Roma. Is-sinerġiji bejn l-azzjonijiet sostnuti mill-fondi strutturali kemm fiż-żoni rurali u kemm f'dawk urbani għandhom ikomplu jittejbu.

Il-promozzjoni tar-riċerka avvanzata soċjoekonomika Ewropea ġiet appoġġjata wkoll permezz tal- Programm Qafas ta' Riċerka, notevolment permezz tal-iżvilupp ta' metodoloġiji, indikaturi tal-progress jew infrastrutturi tar-riċerka ġodda.

Il-Fond Soċjali Ewropew, għandu jintuża f'konformità mar-Reviżjoni tal-Baġit, biex isostni l-isforzi tal-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet ta' Ewropa 2020, inkluża l-mira għat-tnaqqis tal-faqar. Dan jimplika li r-riżorsi neċessarji se jiġu ffukati fuq l-inklużjoni soċjali filwaqt li l-aċċess tal-partijiet interessati rilevanti għal dawk ir-riżorsi jiġi ffaċilitat. Il-Kummissjoni se timmira li tiffaċilita l-aċċess għall-għotjiet globali għal organizzazzjonijiet żgħar u aċċess imtejjeb għall-finanzjament għal gruppi b'ħafna żvantaġġi u li qegħdin f'riskju kbir ta' faqar. Skont il-proposti li saru fil-ħames rapport ta' koeżjoni, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti, fl-2011, għall-qafas regolatorju tal-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu ta' wara l-2013 li se jissimplifikaw l-aċċess għall-fondi strutturali għal gruppi lokali u jiżguraw kumplimentarjetà u sinerġiji aħjar bejn il-fondi tal-UE għall-promozzjoni ta' approċċi msejsa fil-komunità, inkluż għar-riġenerazzjoni urbana. Il-Kummissjoni se tipproponi Qafas Strateġiku Komuni (QSK) għall-Politika ta' Koeżjoni għal wara l-2013, li se jiżgura l-koerenza u l-kumplimentarjetà bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew tas-Sajd. Il-QSK se jidentifika l-prijoritajiet tal-UE biex tiġi indirizzata l-mira għat-tnaqqis tal-faqar tal-Ewropa u l-azzjonijiet stabbiliti f'din l-inizjattiva prinċipali. |

- 3.3. L-iżvilupp ta' approċċ ibbażat fuq ir-riżultati lejn l-innovazzjonijiet u r-riformi soċjali

L-UE issa ilha tippromwovi l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-politiki soċjali tal-Istati Membri permezz tar-reviżjoni tal-pari, it-tagħlim reċiproku, il-komunikazzjoni u t-trasferiment tal-aqwa prattiki għal bosta snin, filwaqt li tgħin fit-titjib tat-tfassil u l-fowkus tal-politiki. Madankollu, it-tagħlim transnazzjonali fil-qasam tal-politika soċjali jista' jibbenefika minn referenza ibar għal metodi xjentifiċi biex tiġi ttestjata u vvalutata l-innovazzjoni politika.

Ħafna drabi l-programmi tal-gvern fil-qasam tal-politika soċjali ikunu neqsin minn evidenza soda dwar x'jiffunzjona u x'ma jiffunzjonax. L-innovazzjoni soċjali bbażata fuq ir-riżultati fl-għamla ta' "esperimentazzjoni soċjali" tista' tkun għodda tajba ħafna biex tiggwida r-riformi strutturali li se jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-viżjoni ta' Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

L-esperimentazzjoni soċjali tirreferi għal proġetti fuq skala żgħira mfasslin biex jittestjaw l-innovazzjonijiet politiċi (jew ir-riformi) qabel ma dawn jiġu adottati b'mod usa'. L-impatt tal-innovazzjoni fuq il-popolazzjoni magħżula fil-kampjun jiġi vvalutat meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta' 'grupp ta' kontroll' b'karatteristiċi soċjoekonomiċi simili li jibqa' taħt ir-reġimi politiċi dominanti. L-esperimenti soċjali ilhom isiru mis-snin sebgħin f'diversi pajjiżi biex jiġu vvalutati l-bidliet proposti fil-politiki jew il-programmi pubbliċi. Dawn ġew applikati fi spettru wiesa' ta' interventi soċjali, bħal programmi għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, l-għoti ta' servizzi tas-saħħa, l-indirizzar tal-kondizzjoni ta' persuni bla dar, l-edukazzjoni, l-iżvilupp bikri tat-tfal, l-aċċess għal utilitajiet pubbliċi, l-irtirar attiv, eċċ. Ħafna minnhom intużaw għall-valutazzjoni tal-politiki mmirati lejn gruppi żvantaġġjati.

L-esperimentazzjoni soċjali tirrikjedi tħejjija u għażla bir-reqqa. Il-programmi għandhom ikunu fuq skala kbira biżżejjed biex ikunu politikament rilevanti u għandhom jiffukaw fuq oqsma fejn l-evidenza tissuġġerixxi li hemm bżonn ta' bidla fil-politika. Biex ikun konklużiv, il-programm jeħtieġ li jiġi suġġett għal standards valutattivi definiti b'mod ċar, biex jiġi żgurat li r-riżultati tiegħu jkunu trasferibbli għal kuntest ieħor. Dan joħloq kwistjonijiet li jippreżentaw sfida fir-rigward tal-metodoloġija ta' bażi u xi drabi anki kwistjonijiet etiċi importanti.

L-isforzi tal-Istati Membri fl-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-politika soċjali jistgħu jibbenefikaw b'mod sinifikanti minn inizjattiva Ewropea dwar l-innovazzjoni soċjali . Inizjattiva bħal din timmira li tipprovdi l-aqwa kompetenzi Ewropej fir-rigward tal-metodi għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-esperimentazzjoni soċjali. Din tippermetti lill-Istati Membri jikkumplimentaw ir-riżorsi nazzjonali bil-fondi tal-UE. Barra minn hekk, tiżgura wkoll tixrid usa' tal-għerf.

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jista' jipprovdi l-fondi biex l-azzjonijiet innovattivi jiġu ttestjati, flimkien mal-programm PROGRESS. L-FSE jista' jipprovdi wkoll qafas għall-integrazzjoni tal-innovazzjoni soċjali.

Il-Kummissjoni, fl-2011, se tniedi inizjattiva biex tinġabar firxa ta' fondi Ewropej għall-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali bbażata fuq l-evidenza mir-riżultati, li possibbilment fil-bidu tiffoka fuq skemi ta' għajnuna soċjali. L-inizjattiva se tinkludi: Netwerk Ewropew ta' eċċellenza fir-riċerka li jippromwovi l-bini tal-kapaċità għat-tfassil u l-valutazzjoni tal-programmi tal-innovazzjoni soċjali. Proġett Ewropew ta' riċerka fil-qasam tal-innovazzjoni soċjali mmirat lejn it-tfassil ta' metodi fattibbli u miżuri li jħallu impatt konkret. Id-definizzjoni ta' prinċipji komuni fir-rigward tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' proġetti fuq skala żgħira mfasslin biex jittestjaw l-innovazzjonijiet (jew ir-riformi) politiċi qabel l-adozzjoni tagħhom b'mod usa' (esperimenti soċjali). Komunikazzjoni u l-ħolqien ta' għarfien dwar l-innovazzjoni soċjali li tkun għaddejja. "Kumitat ta' tmexxija ta' livell għoli" li se jipprovdi pariri u gwida dwar l-azzjonijiet ta' żvilupp. |

- 3.4. Il-promozzjoni ta' approċċ ta' sħubija u l-ekonomija soċjali

It-twessigħ u t-titjib tal-involviment tal-partijiet interessati

Ewropa 2020 tirrappreżenta sħubija ġdida bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, u l-partijiet interessati Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali kollha. Dan il-bidu ġdid joffri l-opportunità kemm li jittejbu l-istrutturi ta' sħubija eżistenti, u iktar importanti minn hekk, li jwessgħu s-sħubija biex jiġu inklużi atturi oħra.

L-appoġġ tal-isforzi li jsiru mill- awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jibqa' ċentrali għall-azzjoni tal-UE. Dawn l-awtoritajiet huma fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-politika u 'inkubaturi' ippruvati tal-innovazzjoni soċjali. L-involviment tagħhom, partikolarment permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni u netwerks Ewropej u assoċjazzjonijiet nazzjonali prinċipali, se jżid il-fowkus fuq id-dimensjoni territorjali tal-faqar, u se jsaħħaħ is-sinerġiji fl-għoti tal-fondi tal-UE.

L-imsieħba soċjali wkoll għandhom rwol kritiku fl-għoti ta' għajnuna għall-iżgurar tal-aċċess għas-suq tax-xogħol . L-imsieħba soċjali għandhom ikunu fil-qalba ta' din l-istrateġija, u l-Kummissjoni se taħdem biex tappoġġja l–implimentazzjoni effettiva tal-ftehim ta' qafas tagħhom dwar l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol.

L-NGOs saru atturi essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u jinvolvu rwieħhom fi djalogu regolari mal-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, iż-żmien u l-impatt tal-involviment ma tantx huma uniformi madwar l-Ewropa, u l-parteċipazzjoni effettiva tinsab f'riskju hekk kif il-baġits qed jiġu iktar ristretti. Għalhekk huwa importanti li jiġu ssudati u stabbilizzati s-sħubijiet eżistenti fil-livell Ewropew, u li jiġi promoss l-involviment sostenibbli fil-livell nazzjonali. Il- parteċipazzjoni tal-persuni li qed jesperjenzaw il-faqar hija rikonoxxuta bħala għan importanti ħafna tal-politiki tal-inklużjoni, kemm bħala għodda għall-għoti tas-setgħa lill-individwu u kemm bħala mekkaniżmu ta' tmexxija. L-UE qed tagħti eżempju u se tkompli xxerred l-għerf u l-aqwa prattiki ta' parteċipazzjoni.

Il-Kummissjoni se tappoġġja permezz tal-programm PROGRESS skambji regolari u sħubijiet bejn sett usa' ta' partijiet interessati f'oqsma ta' prijorità speċifiċi, bħall-inklużjoni attiva, il-faqar fost it-tfal, l-inklużjoni tar-Roma, il-kondizzjoni ta' persuni bla dar u l-inklużjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni se telabora linji gwida voluntarji dwar l-involviment tal-partijiet interessati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet u programmi politiċi biex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni, u se tippromwovi l-implimentazzjoni tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. |

L-esplojatzzjoni tal-potenzjal miġbur tal-ekonomija soċjali

L-inizjattivi tal-ekonomija soċjali żviluppaw madwar l-Ewropa, u ġabu rispons innovattiv għall-bżonnijiet u l-isfidi soċjali emerġenti li la l-istat u lanqas is-suq ma jistgħu jlaħħqu magħhom. Iżda tista' tinħoloq tensjoni bejn l-appoġġ għal dawn l-iżviluppi u l-funzjonament bla xkiel u ġust tas-suq. Diversi Stati Membri qed ifasslu oqfsa għall-politiki u l-leġiżlazzjoni biex jiċċaraw ir-rwoli u r-relazzjonijiet u biex jiżguraw l-approċċ legali, soċjali, amministrattiv, u finanzjarju neċessarju. Biex ma taqax lura, l-UE qed tistinka biex ittejjeb il-qafas legali u amministrattiv tagħha biex l-ekonomija soċjali tkun tista' tilħaq il-potenzjal tagħha u topera b'mod effiċjenti madwar l-Ewropa.

Il-volontarjat huwa importanti għat-tkabbir tal-ekonomija soċjali. Madwar 100 miljun ċittadin tal-UE qed jikkontribwixxu b'mod pożittiv fil-komunità tagħhom billi joffru ħinhom, it-talent tagħhom u anki flushom. Il-volontarjat jagħti s-setgħa lill-individwi u jgħin fil-ħolqien ta' komunitajiet iktar sodi, filwaqt li jingħataw servizzi lil dawk li huma esklużi. Dan irawwem ukoll ħiliet ġodda, responsabbiltà ċivika u impjegabbiltà mtejba. L-2011 hija s-"Sena Ewropea tal-Volontarjat". Is-Sena Ewropea tax-Xjuħija Attiva proponuta mill-Kummissjoni għall-2012 se tkun ukoll opportunità biex tenfasizza u tippromwovi l-kontribut ta' voluntiera ikbar fl-età fis-soċjetà. Dan se jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal xjuħija attiva u sana li għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni fl-2011.

Il-fondazzjonijiet xterdu madwar l-Ewropa. L-azzjonijiet tagħhom ħafna drabi jrawmu s-setgħa tan-nies li jaffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà. Huma jippromwovu wkoll il-ħolqien ta' kuxjenza, ir-riċerka, l-analiżi u d-dibattitu politiċi, jew jappoġġjaw il-bidla u l-implimentazzjoni politika. Dawn l-attivitajiet jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-faqar u l-esklużjoni soċjali li jkopri firxa ta' oqsma – bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kultura, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà, u billi jitpoġġew fil-mira gruppi differenti tal-popolazzjoni. Il-Kummissjoni ħabbret li qed tippjana li tippreżenta regolament dwar Statut Ewropew tal-Fondazzjonijiet sa tmien l-2011.

Is-settur tal-intrapriżi soċjali jirrappreżenta 10 % tan-negozji Ewropej kollha u jħaddem iktar minn 11-il miljun impjegat bi ħlas. Madankollu ħafna ostakoli legali u prattiċi jxekklu l-iżvilupp effettiv tiegħu, inkluż in-nuqqas ta' kondizzjonijiet ekwi bejn l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-kompetituri tagħhom li huma purament kummerċjali. Kif tħabbar fl-Inizjattiva Prinċipali Unjoni tal-Innovazzjoni, Proġett Pilota fl-Innovazzjoni Soċjali li se jitnieda biex jipprovdi l-kompetenzi u 'ċentru ta' attività virtwali' magħqud permezz ta' netwerk għall-intraprendituri soċjali u s-setturi pubbliċi u terzi.

B'mod iktar ġenerali il-mudell Ewropew ta' ekonomija pluralista u inklużiva jeħtieġ li jiġi ssudat bl-inkoraġġiment tal-involviment tan-negozji fil-bini ta' soċjetajiet iktar inklużivi, inkluż bil-promozzjoni ta' Responsabbiltà Soċjali Korporattiva . Dan jista' jintlaħaq, fost l-oħrajn, bl-inkoraġġiment tal-kumpaniji biex iħaddmu persuni minn gruppi żvantaġġjati u jimmaniġġjaw aħjar id-diversità, kif ukoll billi jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku.

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali bħala għodda għall-inklużjoni attiva billi tipproponi miżuri biex ittejjeb il-kwalità tal-istrutturi legali relatati mal-fondazzjonijiet, is-soċjetajiet reċiproki u kooperattivi li joperaw f'kuntest Ewropew, filwat li tipproponi "Inizjattiva tan-Negozji Soċjali" fl-2011, kif ukoll ittejjeb l-aċċess għal programmi finanzjarji rilevanti tal-UE. |

3.5. It-titjib tal-koordinazzjoni politika bejn l-Istati Membri

Ewropa 2020 issa għandha fil-qalba tagħha d-dimensjoni soċjali. L-istrutturi tat-tmexxija ġodda u mtejbin tal-istrateġija joffru l-opportunità li jsir xi titjib fil-koordinazzjoni li l-Istati Membri ilhom li stabbilixxew fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali, notevolment fi ħdan l-MMK Soċjali.

Il-mira ewlenija għat-tnaqqis tal-faqar se ttejjeb l-impenn u l-affidabbiltà politiċi, u se tkun mutur qawwi għat-tkomplija tal-iżvilupp tal- indikaturi soċjali . L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) , li jiġi ppreżentat kull Jannar, se jirrevedi inter alia l-progress kollu miksub fir-rigward tal-miri ewlenin, tal-inizjattivi prinċipali, u se jidentifika l-prijoritajiet għal azzjoni mmirata lejn il-kisba tal-għanijiet u l-miri tal-istrateġija.

L-Istati Membri, issa, huma mitlubin li jirrappurtaw fuq bażi annwali dwar l-istrateġiji ġenerali tagħhom fil- Programmi Nazzjonali ta' Riforma (NRP) Ir-rappurtar dwar il-miri soċjali tal-istrateġija se jkun parti integrali minn dawn il-programmi ta' riforma. L-NRPs se jistabbilixxu miri nazzjonali (inkluż fir-rigward tal-faqar) u trajettorji u riformi proposti biex dawn jintlaħqu. L-NRPs għandhom jindikaw ukoll kif l-awtoritajiet nazzjonali jinvolvu jew se jinvolvu l-awtoritajiet lokali/reġjonali u lill-partijiet interessati rilevanti fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-NRP, u kif jikkomunikaw dwar Ewropa 2020 u dwar l-NRP tagħhom.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress miksub mill-Istati Membri fir-rigward tal-istrateġija, inkluż fir-rigward tal-mira għat-tnaqqis tal-faqar, u fejn ikun rilevanti, u fi ħdan il-kuntest tas-setgħat offruti mit-Trattat, se ttippreżenta proposta għal sett ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż konġunti tal-Kummissjoni/Kunsill fl-oqsma koperti mil-linji gwida integrati. Fi ħdan il-linji gwida integrati, il-Linja gwida 10 dwar " Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar" tistabbilixxi rabtiet iktar mill-qrib bejn l-aġenda għall-impjiegi u dik soċjali.

Dan kollu juri li l-integrazzjoni tal-MMK Soċjali fl-istrateġija Ewropa 2020, tipprovdi bażi iktar soda biex l-UE tkun tista' tilħaq l-għanijiet soċjali tagħha.

Fl-istess waqt, huwa importanti li l-istrumenti u l-għodod li ġew żviluppati skont l-MMK Soċjali jagħtu l-frott flimkien mal-arkitettura ta' tmexxija ta' Ewropa 2020, biex l-għanijiet tal-istrateġija l-ġdida jintlaħqu bl-aħjar mod. L-arranġamenti ddettaljati għandhom jiżguraw li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-integrazzjoni u l-konċentrazzjoni, il-kontinwità u l-innovazzjoni, is-simplifikazzjoni u r-responsabbiltà, u l-koordinazzjoni u s-sussidjarjetà. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati prinċipali fix-xhur li ġejjin, u se trawwem soluzzjonijiet li jiżguraw is-sjieda, l-impenn u t-twettiq.

Mill-esperjenza tal-ewwel Semestru Ewropew ta' Ewropa 2020, il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Istati Membri u atturi istituzzjonali u nonistituzzjonali oħra, kif il-metodi ta' ħidma tal-Metodu Miftuħ għall-Koordinazzjoni Soċjali jistgħu jiġu adattati bl-aħjar mod għat-tmexxija l-ġdida ta' Ewropa 2020. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport qabel tmiem l-2011 li jagħti sommarju tal-orjentazzjonijiet li ħarġu u s-segwitu li se tagħmel fir-rigward tagħhom. |

4. Insejsu fuq il-wirt tas-Sena Ewropea 2010 kontra l-faqar u l-esklużjoni

Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali timmarka l-bidu ta' fażi ġdida fil-politiki Ewropej għall-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni soċjali. L-għeruq tagħha jinsabu fir-rieda politika li tiġi msawra l-viżjoni Ewropea l-ġdida għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u se tieħu vantaġġ mill-impetu politiku ġġenerat mis-Sena Ewropea 2010 kontra l-faqar u l-esklużjoni.

Tul is-sena, ġew organizzati eluf ta' avvenimenti u inizjattivi madwar l-Ewropa, li mmobilizzaw l-istituzzjonijiet, l-amministrazzjonijiet, lill-atturi soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-midja, lill-artisti, lill-iskejjel u lill-universitajiet, lill-politiċi, lill-esperti u liċ-ċittadini komuni f'kampanja għall-għoti ta' informazzjoni u l-ħolqien ta' kuxjenza li żviluppat fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali. Il-messaġġi ewlenin li ħarġu minn din il-mobilizzazzjoni bla preċendent issa huma inkorporati f'dikjarazzjoni tal-Kunsill li se tissiġilla din il-kampanja.

Istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE – kemm il-Kunsill u kemm il-Parlament – u b'mod partikolari l-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ikkontribwixxew biex tiżdied il-viżibbiltà u l-impatt politiku ta' dawn l-inizjattivi, u pproponew ukoll postijiet ġodda għall-involviment u l-iskambji tal-partijiet interessati. Dawn kollha talbu li d-djalogu li nbeda waqt is-Sena Ewropea jitkompla, partikolarment permezz ta' skambji regolari dwar il-progress lejn il-kisba tal-mira għat-tnaqqis tal-faqar.

Waħda mil-lezzjonijiet importanti li tgħallimna mis-Sena Ewropea 2010 hija li l-għarfien u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini huma kruċjali biex jiżguraw li l-għanijiet Ewropej għall-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni soċjali jingħataw il-viżibbiltà u l-prijorità li tistħoqqilhom fl-aġendi politiċi Ewropej u nazzjonali.

Lezzjoni oħra hi li l-Unjoni Ewropea tista' tkun pijuniera fir-rigward ta' mudelli u prattiki ġodda ta' tmexxija li jistgħu jixxettlu f'realtajiet nazzjonali u lokali. Iktar importanti minn hekk, jekk tagħmel dan, l-Unjoni tkun tista' tippromwovi b'mod effettiv li "t-tmexxija b'bosta livelli", hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-epoka li qed naffaċċjaw.

Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni tipprovdi l-qafas adegwat biex jiġi żgurat li l-esperjenzi tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni u d-djalogu estiż li lilhom is-Sena Ewropea kkontribwixxiet biex tagħti spinta, jistgħu jitkomplew u jittejbu.

Il-Kummissjoni se taħdem ma' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE biex tbiddel Id-Diskussjonijiet Annwali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni f'Konvenzjoni Annwali usa' tal-Pjattaforma Ewropea mfassla biex l-atturi rilevanti kollha jinġiebu flimkien. Dan l-avveniment se jsir fil-ħarifa, qrib il-Jum Internazzjonali għall-Eradikazzjoni tal-Faqar. Il-Konvenzjoni Annwali se tqis il-progress li sar lejn il-kisba tal-mira ewlenija, tirrevedi l-implimentazzjoni tal-attivitajiet imħabbra taħt il-Pjattaforma u tipprovdi suġġerimenti għal azzjonijiet futuri. |

- 5. Konklużjonijiet

L-azzjonijiet ewlenin tal-Pjattaforma u l-miżuri akkumpanjanti u preparatorji huma elenkati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal akkumpanjanti. Dawn jiddependu fuq taħlita ta' koordinazzjoni politika, djalogu mal-atturi istituzzjonali u nonistituzzjonali, fuq il-fondi u s-sħubijiet strateġiċi.

Barra mir-rappurtar regolari fi ħdan il-mekkaniżmi tat-tmexxija tal-istrateġija Ewropa 2020, u partikolarment fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il- Kummissjoni se tirrevedi l-implimentazzjoni tal-Pjattaforma fl - 2014, anki bil-għan li tadatta għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali l-ġdid.

Anness

Figura 1a : Ir-rata u t-total ta' dawk f'riskju ta' faqar skont l-età u l-istatus tax-xogħol; 2005-08

[pic]

Sors: EU-SILC

Figura 1b Ir-rata ta' dawk f'riskju ta' faqar[10] skont il-pajjiż; 2008

[pic]

Sors: EU-SILC (2008)

Figura 2: Is-sehem ta' nies li qed ibatu tiċħid materjali serju[11] skont il-pajjiż; 2008

[pic]

Sors: EU-SILC (2008)

Figura 3: Is-sehem ta' persuni li għandhom bejn iż-0 u d-59 sena f'unità domestika fejn ħadd ma jaħdem[12] skont il-pajjiż; 2008

[pic]

Sors: EU-SILC (2008)

[1] COM (2010) 245

[2] COM (2010) 546

[3] COM (2010) 614

[4] Għad-definizzjoni ta' dawn l-indikaturi u deskrizzjoni tal-livell tagħhom fil-pajjiżi tal-UE, ara l-Anness.

[5] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva ta' persuni li huma esklużi mis-suq tax-xogħol (2008/867/KE), inklużi prinċipji komuni approvati permezz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar prinċipji komuni ta' inklużjoni attiva għal ġlieda iktar effettiva kontra l-faqar (17 ta' Diċembru 2008)

[6] COM (2009) 200

[7] Bħala eżempju, permezz tal-iżvilupp f'livell tal-UE ta' għodda adegwata għal aċċess imtejjeb għall-prodotti u s-servizzi għal persuni bi problemi fil-vista u s-smigħ.

[8] L-istħarriġ tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni fl-UE – ir-Roma – Novembru 2009.

[9] Cf. Studju dwar l-Impatt Soċjali tal-ICT, il-Kummissjoni Ewropea 2010, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/docs/eda/social_impact_of_ict.pdf

[10] Ir-rata ta' dawk f'riskju ta' faqar tirrifletti wkoll id-definizzjoni tal-faqar adottata mill-Kunsill Ewropew fl-1975, li ddefinixxa lill-"foqra" bħala "dawk l-individwi jew familji li r-riżorsi tagħhom huma tant baxxi li huma esklużi mill-mod tal-għajxien minimu aċċettabbli fil-pajjiż fejn jgħixu." Il-livell limitu tal-faqar huwa ta' 60 % tal-introjtu medju nazzjonali disponibbli ekwivalizzat (wara t-trasferiment soċjali).

[11] Persuna tkun ikkunsidrata "imċaħħda materjalment" jekk tkun imċaħħda minn tal-inqas erba' affarijiet minn disgħa: persuni li ma jistgħux iħallsu (i) il-kera jew il-kontijiet tas-servizzi bażiċi, (ii) biex iżommu d-djar tagħhom adegwatement sħan, (iii) spejjeż mhux previsti, iv) jieklu laħam, ħut, jew l-ekwivalenti għal dawn fir-rigward ta' proteini darba iva u oħra le, v) għal vaganza ta' ġimgħa bogħod mid-dar darba f'sena, (vi) biex jixtru karozza, (vii) biex jixtru magna tal-ħasil, viii) biex jixtru televixin bil-kulur, jew (ix) telefown

[12] Persuni li jgħixu fi djar fejn l-intensità tax-xogħol hija baxxa ħafna huma l-persuni ta' bejn iż-0 u d-59 sena li jgħixu f'unitajiet domestiċi fejn l-adulti ħadmu inqas minn 20 % tal-potenzjal kollu għax-xogħol tagħhom tul is-sena li għaddiet.

Top