EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0715
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS European Union Strategy for Danube Region
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju
/* KUMM/2010/0715 finali */
/* KUMM/2010/0715 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 8.12.2010 KUMM(2010) 715 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju {SEC(2010) 1489 finali}{SEC(2010) 1490 finali}{SEC(2010) 1491 finali} WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Opportunitajiet u Sfidi 4 2.1. Sfidi 4 2.2. Opportunitajiet 5 3. Rispons: Pjan ta’ Azzjoni 6 3.1. Il-konnessjonijiet tar-reġjun tad-Danubju 7 3.2. Il-protezzjoni tal-ambjent fir-Reġjun tad-Danubju 9 3.3. Il-bini tal-prosperità fir-Reġjun tad-Danubju 9 3.4. Tisħiħ tar-Reġjun tad-Danubju 9 4. Implimentazzjoni u governanza 9 5. Rabtiet ma' politiki tal-UE 9 6. Konklużjoni 9 KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju 1. INTRODUZZJONI Ir-reġjun tad-Danubju nbidel b'mod drammatiku. Aktar reċentement, kien hemm il-mewġiet tat-tkabbir tal-UE tal-2004 u tal-2007. Il-baċir tax-xmara l-aktar internazzjonali fid-dinja huwa issa prinċipalment spazju tal-Unjoni Ewropea (UE). Hemm opportunitajiet ġodda biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-potenzjal tiegħu, speċjalment biex jiġu rinfurzati l-effetti tiegħu biex tingħeleb il-kriżi ekonomika b'mod sostenibbli. L-iżvilupp soċjo-ekonomiku, il-kompetittività, l-amministrazzjoni ambjentali u t-tkabbir effiċjenti fl-użu tar-riżorsi jistgħu jittejbu, u s-sigurtà u l-kurituri tat-trasport jistgħu jiġu modernizzati. Id-Danubju jista' jiftaħ l-UE lill-ġirien viċin tiegħu, ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Asja Ċentrali. Strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju tista' tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE, waqt li tirrinforza inizjattivi maġġuri tal-politika tal-UE, speċjalment l-istrateġija Ewropa 2020. Ir-Reġjun tad-Danubju huwa żona funzjonali definita mill-baċir tax-xmara tagħha. Korpi ta' kooperazzjoni bħalma huma il-Kummissjoni tad-Danubju u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi. L-Istrateġija twessa' dan l-approċċ biex tindirizza l-prijoritajiet b'mod integrat. Ġeografikament din tikkonċerna primarjament imma mhux esklussivament: il-Ġermanja (Baden-Württemberg u l-Bavarja), l-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovenja, ir-Rumanija u l-Bulgarija ġewwa l-UE, il-Kroazja, is-Serbja, il-Bożnija u Ħerżegovina, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina (ir-reġjuni tul id-Danubju) barra. L-Istrateġija tibqa' miftuħa għal imsieħba oħrajn fir-Reġjun. Peress li d-Danubju jiskorri fil-Baħar l-Iswed, għandu jkun koerenti mal-perspettivi tal-Baħar l-Iswed. B'aktar minn 100 miljun persuna, u għoxrin fil-mija tas-superfiċje tal-UE, iż-żona hija vitali għall-Ewropa. Fir-Reġjun, hemm il-bżonn li jingħaqdu n-nies, l-ideat u l-bżonnijiet tagħhom. L-interkonnezzjonijiet tat-trasport għandhom jiġu modernizzati, u l-aċċess għall-informatika mtejjeb. L-enerġija tista' tkun irħas u aktar sigura, bis-saħħa ta' rabtiet aħjar u sorsi alternattivi. L-iżvilupp jista' jiġi bbilanċjat mal-protezzjoni tal-ambjent, f'approċċ ta' żvilupp sostenibbli, konformi mal- acquis communautaire tal-ambjent kif applikabbli. Ħidma flimkien hi meħtieġa biex jitnaqqsu r-riskji u d-diżastri bħalma huma l-għargħar, il-perjodi ta' nixfa u l-inċidenti industrijali. Permezz tal-bini fuq ir-riċerka kunsiderabbli u perspettivi ta' innovazzjoni, ir-Reġjun jista' jkun minn ta' quddiem fil-kummerċ u l-intrapriża tal-UE. Id-diskrepanzi fl-edukazzjoni u fl-impjieg jistgħu jingħelbu. Tista' tinbidel f'żona bla periklu u sigura, fejn il-kunflitti, il-marġinalizzazzjoni u l-kriminalità jiġu indirizzati b'mod propju. Sal-2020, iċ-ċittadini kollha tar-Reġjun għandhom igawdu minn prospetti aħjar għall-edukazzjoni għolja, l-impjieg u l-prosperità fiż-żona tad-dar tagħhom stess. L-Istrateġija għandha tagħmel lil dan ir-reġjun wieħed verament tas-seklu 21, sigur u kunfidenti, u wieħed mill-aktar attraenti fl-Ewropa. Biex wieħed jikseb dan, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tipprepara din l-Istrateġija[1]. Din issegwi l-merħba għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, li qegħda tiġi implimentata bħalissa. It-talba tad-Danubju, ibbażata fuq l-esperjenza tal-Baltiku, tenfasizza approċċ integrat għall-iżvilupp sostenibbli. Is-sinerġiji u l-kompromessi għandhom jiġu identifikati, eż. żvilupp ta' teknoloġija ekoloġika avvanzata, ħidma lejn allinjament aħjar ta' politiki u fondi biex jittejjeb l-impatt fuq l-art, u tingħeleb il-frammentazzjoni. Il-Kummissjoni, li topera tul bosta oqsma politiċi, tista' tiffaċilita approċċ bħal dan, kif inhu deskritt: (1) f'din il-Komunikazzjoni lill-Istituzzjonijiet tal-UE oħrajn, u (2) fil-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjaha. Il-Kummissjoni temmen bis-sħiħ li l-iffissar ta' miri huwa essenzjali, biex wieħed jiffoka u jagħti prijorità lill-isforzi. Dawn għandhom ikunu żviluppati aktar mal-partijiet involuti, immedjatament wara l-adozzjoni ta' din il-Komunikazzjoni u iffinalizzati qabel il-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2011. Il-miri se japplikaw għall-Istati Membri; Stati mhux Membri se jkunu mħeġġa biex jirsistu ħalli jilħquhom fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. Il-miri se jkunu monitorati mill-viċin fil-kuntest tar-rappurtar tal-Kummissjoni. 2. OPPORTUNITAJIET U SFIDI Il-proposti jsegwu l-konsultazzjoni estensiva tal-partijiet involuti. Il-gvernijiet, inklużi dawk mill-Istati mhux Membri, involvu ruħhom permezz ta' "Punti ta' Kuntatt Nazzjonali". L-għarfien espert tas-servizzi relevanti tal-Kummissjoni u l-Bank Ewropew għall-Investiment, u korpi reġjonali oħrajn (eż. Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali) ġie mmobilizzat. Il-partijiet involuti ġew ikkonsultati onlajn, u permezz ta' ħames konferenzi maġġuri. Il-messaġġi ewlenin kienu: (1) din hija inizjattiva ta' merħba biex tiġi rinforzata l-integrazzjoni tar-Reġjun fl-UE; (2) L-Istati Membri u l-Pajjiżi Terzi (inklużi pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali) jikkommettu rwieħhom fl-ogħla livell politiku; (3) il-Kummissjoni hija importanti ħafna fil-faċilitar tal-proċess; (4) riżorsi eżistenti jistgħu jkunu użati ħafna aħjar għall-għanijiet tal-Istrateġija u (5) l-Istrateġija trid twassal titjib viżibbli u konkret għar-Reġjun u għan-nies tiegħu. 2.1. Sfidi Storikament, ir-Reġjun tad-Danubju ġie affetwat b'mod partikolari minn avvenimenti turbulenti, b'ħafna kunflitti, movimenti ta' popolazzjoni u reġimi mhux demokratiċi. Madankollu, il-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid u t-tkabbir tal-UE jipprovdu opportunità għal futur aħjar. Dan ifisser li wieħed jindirizza sfidi maġġuri, b'mod partikolari: - Il-mobilità: ix-Xmara Danubju stess hija Kuritur TEN-T maġġuri. Madankollu, hija użata ħafna anqas mill-kapaċità kompleta tagħha. Il-merkanzija trasportata fuq id-Danubju hija biss 10 %-20 % ta' dik fuq ir-Rhine. Peress li t-trasport tal-passaġġi tal-ilma interni għandu benefiċċji ambjentali u benefiċċji ta' effiċjenza importanti, il-potenzjal tiegħu għandu jkun sfruttat b'mod sostenibbli. Hemm bżonn partikolari għal multi-modalità akbar, interkonnezzjoni aħjar ma' baċiri ta' xmajjar oħrajn billi tiġi modernizzata u estiża aktar l-infrastruttura f'punti ta' trasport bħalma huma l-portijiet interni. - L-Enerġija: Il-prezzijiet huma għoljin fir-reġjun, f'termini relevanti. Swieq frammentati jwasslu għal spejjeż ogħla u anqas kompetizzjoni. Dipendenza fuq ammont żgħir ħafna ta' fornituri esterni żżid il-vulnerabilità, kif il-kriżijiet perjodiċi tax-xitwa juru. Diversità ħafna akbar fil-forniment permezz ta' interkonnezzjonijiet u swieq reġjonali ġenwini se żżid is-sigurtà fl-enerġija. L-enerġija mtejba, inklużi sorsi li jiffrankaw l-enerġija u sorsi aktar renovabbli, hija kruċjali. - L-Ambjent: ir-Reġjun tad-Danubju huwa baċir idroloġiku u internazzjonali maġġuri u kuritur ekoloġiku. Dan jirrikjedi approċċ reġjonali għall-konservazzjoni tan-natura, il-ġestjoni tat-territorju u l-amministrazzjoni tal-ilma. It-tniġġiż ma jirrispettax fruntieri nazzjonali. Problemi maġġuri bħalma huma d-drenaġġ mhux ittrattat u l-fertilizzant u l-fluss tal-ilma minn fuq il-ħamrija jagħmlu lid-Danubju ferm imniġġeż. L-impatt fuq l-ambjent tal-konnessjonijiet tat-trasport, żviluppi turistiċi, jew faċilitajiet ġodda li jipproduċu l-enerġija jridu wkoll jiġu kkunsidrati. - Riskji: Avvenimenti ta' għargħar maġġuri, perjodi ta' nixfa u tniġġiż industrijali huma lkoll wisq frekwenti. Il-prevenzjoni, il-preparazzjoni u r-reazzjoni effettiva jirrikjedu grad għoli ta' kooperazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni. - Soċjo-ekonomiku: ir-Reġjun għandu diskrepanzi ferm wiesgħa. Għandu xi ftit mill-aktar reġjuni ta' suċċess fl-UE iżda wkoll reġjuni mill-aktar foqra. B'mod partikolari, il-kuntatti u l-kooperazzjoni jinsabu nieqsa, kemm min-naħa finanzjarja kif ukoll minn dik istituzzjonarja. L-intrapriżi ma' jisfruttawx biżżejjed id-dimensjoni internazzjonali tal-marketing, l-innovazzjoni jew r-riċerka. Il-proporzjon ta' nies b'edukazzjoni għolja fir-Reġjun tad-Danubju huwa anqas mill-medja tal-UE27, għal darb'oħra b'linja diviżorja ppronunċjata. L-aqwa ta' spiss jitilqu. - Sigurtà, il-kriminalità serja u organizzata: il-problemi sinjifikanti jippersistu. It-traffikar tal-persuni umani u l-kutrabandu ta' merkanzija huma problema partikolari f'bosta pajjiżi. Il-korruzzjoni tnawwar il-fiduċja pubblika u xxekkel l-iżvilupp. Dawn l-isfidi jkunu l-aħjar indirizzati f'daqqa, waqt li jiġu identifikati l-prijoritajiet, isir qbil fuq l-azzjonijiet u jiġu implimentati. Per eżempju, l-iżviluppaturi u l-konservazzjonisti jridu jsibu soluzzjonijiet innovattivi, u jsolvu flimkien il-kwistjonijiet l-aktar diffiċli għall-benefiċċju tar-reġjun kollu. 2.2. Opportunitajiet Ir-Reġjun tad-Danubju għandu wkoll ħafna opportunitajiet. Għandu ħafna żoni ta' sbuħija naturali eċċellenti. Għandu storja, wirt u kultura għonja. Hemm potenzjal ta' żvilupp enormi, speċjalment fil-pajjiżi l-aktar affettwati mit-tranżizzjonijiet mill-1989. Hemm ideat kreattivi, u forza tax-xogħol ta' kwalità. Per eżempju, ir-Reġjun: - Huwa fejn l-Ewropa tiftaħ lejn il-lvant. Il-kollegamenti tat-trasport u tal-kummerċ eżistenti jridu jiġu żviluppati (eż. permezz tan-netwerk tat-trasport TRACECA li jgħaqqad l-UE mar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-Kawkażu u l-Asja Ċentrali); - għandu sistemà tal-edukazzjoni solida , b'ħafna universitajiet. Madankollu, il-kwalità hija varjabbli. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu relevanti għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li l-mobilità tal-istudenti ġewwa r-Reġjun għandha tiġi promossa. - Għandu fil-possessjoni tiegħu diversità kulturali, etnika u naturali impressjonanti . Hemm bliet globali u siti ta'wirt storiku, u jinkludi l-aktar numru ta' kapitali aktar minn kwalunkwe xmara fid-dinja. Dan jirrikjedi offerta ta' turiżmu u infrastruttura moderna, sabiex kemm il-mistieden kif ukoll l-ospitant jkunu jistgħu jipprofittaw minnu; - jista' jisfrutta b'mod aħjar is- sorsi ta' enerġija renovabbli , kemm jekk l-ilma, ir-riħ tal-bijomassa jew termali. Hemm ukoll skop kbir għall- effiċjenza tal-enerġija , permezz ta' amministrazzjoni aħjar tad-domanda għall-enerġija, u l-modernizzazzjoni tal-bini u l-loġistika. Dawn l-azzjonijiet għandhom iħeġġu t-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; - Huwa karatterizzat minn assi ambjentali rikki : Fawna u flora eċċezzjonali, riżorsi tal-ilma prezzjużi u pajsaġġi eċċellenti (eż. id-Delta Danubju, il-Karpazji). Dawn għandhom ikunu preservati u restawrati b'mod sostenibbli. Li wieħed jieħu vantaġġ sew minn dawn l-opportunitajiet jirrikjedi wkoll aktar kooperazzjoni, ippjanar u investiment flimkien, u l-iżvilupp ta' konnessjonijiet kruċjali. 3. RISPONS: PJAN TA’ AZZJONI Rispons integrat jinsab għalhekk fil-qalba tal-Istrateġija proposta. Dan jenfasizza: Konnessjonijiet aħjar u aktar intelliġenti għall-mobilità, il-kummerċ u l-enerġija; azzjoni fuq l-ambjent u l-amministrazzjoni ta' riskju; kooperazzjoni dwar is-sigurtà. Hemm benefiċċji mix-xogħol komuni dwar l-innovazzjoni, it-turiżmu, is-soċjetà tal-informazzjoni, il-kapaċità istituzzjonali u komunitajiet marġinalizzati. L-Istrateġija tipproponi Pjan ta' Azzjoni, li għalih impenn qawwi mill-pajjiżi u mill-partijiet involuti huwa meħtieġ. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress b'mod regolari. B'riżultat ta' dan, l-azzjonijiet u l-proġetti se jiġu aġġornati jew mibdula kif jitlestew, u b'hekk tagħmlu Pjan "rikorrenti". Hemm enfasi fuq approċċ integrat u ibbażat fuq il-post. Konnessjonijiet tajba bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, aċċess xieraq għall-infrastrutturu u s-servizzi, u kondizzjonijiet tal-għixien kumparabbli se jippromwovu l-koeżjoni territorjali, li attwalment huwa għan espliċitu tal-UE. Il-konsultazzjoni identifikat ħafna proposti għall-azzjoni. Il-Kummissjoni, bi sħubija mal-Istati Membri, ir-reġjuni u partijiet involuti oħrajn għażlet lil dawk li: - Juru benefiċċji immedjati u viżibbli għan-nies tar-Reġjun; - Għandhom impatt fuq ir-reġjun-makro (jew parti sinifikanti minnu). Il-proġetti għandhom għalhekk jippromwovu żvilupp sostenibbli u jkopru bosta reġjuni u pajjiżi; - Huma koerenti u jagħtu sostenn reċiproku, u joħolqu soluzzjonijiet li jgawdi minnhom kulħadd; - Huma realistiċi (teknikament prattiċi u b'fondi kredibbli). Il-proġetti preżentati huma eżempji li se jkollhom il-promozzjoni. Huma jservu biex jispjegaw, mhux biex jagħtu prijorità. Ħafna oħrajn ġew proposti – il-Pjan ta' Azzjoni huwa qafas indikattiv, li jevolvi mal-progress tax-xogħol. Erbgħa Pilari jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin. Kull wieħed jinkludi Żoni ta' Prijorità, oqsma ta' azzjoni distinti. Dawn huma: 1. Il-konnessjoni tar-reġjun tad-Danubju 2. Biex tittejjeb il-mobilità u l-multimodalità 3. Passaġġi fuq l-Ilma Interni 4. Kollegamenti tat-toroq, tal-ferroviji u tal-ajru 5. Biex tiġi mħeġġa aktar enerġija sostenibbli 6. Biex issir promozzjoni tal-kultura u t-turiżmu, tal-kuntatti bejn il-persuni 7. Il-protezzjoni tal-ambjent fir-reġjun tad-Danubju 8. Biex tiġi restawrata u tinżamm il-kwalità tal-ilmijiet 9. Għall-amministrazzjoni tar-riskji ambjentali 10. Biex jiġu preservati l-biodiversità, il-pajsaġġi u l-kwalità tal-arja u tal-ħamrija 11. Il-bini tal-prosperità fir-reġjun tad-Danubju 12. Biex tiġi żviluppata s-soċjetà tal-informazzjoni permezz tar-riċerka, l-edukazzjoni u t-teknoloġiji tal-informatika 13. Biex tiġi appoġjata l-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-iżvilupp ta' raggruppamenti 14. Biex isir investiment fin-nies u fil-kisba ta' ħiliet 15. Tisħiħ tar-reġjun tad-Danubju 16. Biex jiżdiedu l-kapaċità u l-kooperazzjoni istituzzjonali 17. Biex issir ħidma f'daqqa għall-promozzjoni ta' sigurtà u tiġi trattata l-kriminalità organizzata u serja 3.1. Il-konnessjonijiet tar-reġjun tad-Danubju Konnessjonijiet tajba huma importanti ħafna għar-Reġjun tad-Danubju, sew jekk internalment kif ukoll jekk għal reġjuni oħrajn Ewropej u globali. L-ebda parti ma għandha tibqa' periferali. L-infrastrutturi tat-trasport u l-enerġija għandhom ħafna nuqqasijiet u defiċjenzi, minħabba kapaċità u kwalità insuffiċjenti jew manutenzjoni fqira. Konnessjonijiet aħjar fost in-nies huma wkoll meħtieġa, speċjalment permezz tal-kultura u t-turiżmu. Titjib effettiv jeħtieġ ippjanar, fondi u implementazzjoni kkoordinati. In-nuqqasijiet tas-suq, minħabba esternalitajiet, huma evidenti b'mod impressjonanti fin-nuqqas ta' investimenti minn naħa għal oħra tal-fruntiera. Huwa neċessarju li proġetti kbar jiġu identifikati u implimentati b'mod sostenibbli u effiċjenti, bi spejjeż u benefiċċji maqsuma. Aktar ma jkun hemm utenti, aktar isiru effiċjenti l-investimenti, b'ekonomiji ta' skala sinifikanti. Kwistjonijiet Prinċipali Trasport Il-baċir tax-xmara għandu ħafna potenzjal għal navigazzjoni interna sostenibbli, u x-xmara hija ċentrali. Dan jeħtieġ titjib fil-maniġġjar, fit-tagħmir u d-disponibilità ta' impjegati kwalifikati. Il-kapaċità fiżika tad-Danubju u t-tributarji tagħha għandha tittejjeb, u xkiel eżistenti għandu jitneħħa, biex jiġi żgurat il-livell propju tan-navigazzjoni, u jiġi implimentat il-programm NAIADES u tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni ambjentali, u ibbażat fuq id-"Dikjarazzjoni Konġunta dwar in-Navigazzjoni Interna u s-Sostenibbilità Ambjentali fil-Baċir tax-Xmara Danubju". It-teknoloġiji innovattivi għandhom jiġu appoġjati, konformi mal-bżonnijiet tas-suq. Taħriġ u opportunitajiet ta' karriera aħjar għandhom jegħlbu n-nuqqas ta' ħaddiema żgħażagħ (baħħara, kaptani, eċċ.). L-infrastruttura tat-toroq, tal-ferroviji u tal-ajru spiss mhijiex effiċjenti jew hija sempliċiment nieqsa, speċjalment il-konnessjonijiet ta' bejn il-fruntieri. L-implementazzjoni tal-proġetti ta' prijorità TEN-T u l-Kurituri tal-Ferroviji tal-Merkanzija skont ir-Regolament (KE) Nru 913/2010 għandhom ikunu fil-ħin. It-Trattat tat-Trasport Komunitarju futur jipprovdi għal integrazzjoni aħjar tar-Reġjun tal-Balkani tal-Punent. Il-multimodalità u l-interoperabilità, li jisfruttaw il-potenzjal tax-xmara bħala element ewlieni fil-loġistiċi moderni, huma kruċjali. Konnessjonijiet Tramuntana-Nofsinhar huma wkoll meħtieġa. Il-Blokk ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali tad-Danubju (FAB) huwa essenzjali għall-immaniġġjar ta' titjiriet kif ukoll għat-titjib tal-kapaċitajiet tal-ajruporti reġjonali. L-enerġija Il-kriżijiet perjodiċi jenfasizzaw il-vulnerabbiltà. Il-kwalità tal-infrastruttura, is-sigurtà tal-provvista, l-organizzazzjoni tas-suq, id-domanda mhux sostenibbli, l-effiċjenza tal-enerġija, u l-użu tal-enerġiji renovabbli huma spiss problematiċi. Il-modernizzazzjoni u l-estensjoni tan-netwerks tal-enerġija, speċjalment f'termini ta' interkonnessjonijiet, permezz tal-implementazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u tar-rinfurzar tan-netwerk TEN-E huwa essenzjali. Hemm bżonn li jkun hemm skambju ta' esperjenza speċjalment għal sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti, bliet intelliġenti u eko-innovazzjoni. Il-Kultura u t-Turiżmu Bi storja u tradizzjoni komuni, kultura u arti li jirriflettu l-komunitajiet diversi tar-Reġjun, kif ukoll il-wirt naturali eċċellenti, ir-Reġjun għandu assi attraenti. Id-Delta tad-Danubju hija sit ta' wirt dinji li joffri għażliet sportivi u rekreazzjonali oħrajn. Approċċ komuni u sostenibbli biex jiġu mtejba u reklamati dawn l-opportunitajiet għandhom jagħmlu lir-Reġjun tad-Danubju "ditta" Ewropea u dinjija. Eżempji ta' miri jistgħu jkunu: - Zieda fit-trasport tal-merkanzija fuq ix-xmara b'20 % sal-2020 ikkumparat mal-2010; - Tneħħija ta' xkiel ta' navigazzjoni fuq ix-xmara sabiex ikunu akkomodati l-bastimenti tat-tip VIb tul is-sena kollha sal-2015[2]; - Titjib fil-ħinijiet tal-ivjaġġar għal konnessjonijiet kompetittivi tal-passiġġieri tal-ferrovija bejn bliet maġġuri. - L-implementazzjoni tal-erbgħa Kurituri ta' Ferroviji ta' Merkanzija li jaqsmu ir-Reġjun tad-Danubju kif inhu ippjanat fi żmien tlieta jew ħames snin; - L-iżvilupp ta' terminali multimodali effiċjenti fil-portijiet tax-xmara Danubju biex jingħaqdu l-passaġġi tal-ilma interni mat-trasport tal-ferrovija u tal-art sal-2020; - Il-kisba ta' miri nazzjonali ibbażati fuq il-miri tal-klima u l-enerġija tal-Ewropa 2020. 3.2. Il-protezzjoni tal-ambjent fir-Reġjun tad-Danubju Ir-riżorsi ambjentali jinqasmu minn naħa għal oħra tal-fruntiera u jibqgħu sejrin lil hemm mill-interessi nazzjonali. Dan huwa veru b'mod partikolari fir-Reġjun tad-Danubju, li jinkludi żoni muntanjużi bħalma huma il-Karpazji, il-Balkani u parti mill-Alpi. Għandu wkoll flora u fawna rikka, akwatika u terrestri, inklużi l-ftit postijiet fl-Ewropa li huma dar għall-pellikani, l-ilpup, l-orsijiet u l-linċi. Dawn qegħdin taħt pressjoni li dejjem tikber mill-attività umana. Il-kooperazzjoni hija kruċjali, inkella ħidma tajba f'post wieħed tista' tixxejjen malajr minn xi nuqqas x'imkien ieħor. Strutturi ta' kooperazzjoni eżistenti għandhom ikunu rinforzati. Kwistjonijiet Prinċipali Ilma Ir-Reġjun huwa l-baċir ta' xmara l-aktar internazzjonali fid-dinja, b'ħafna tributarji kruċjali, lagi u korpi tal-ilma ta' taħt l-art. Li tkun żgurata kwalità tajba tal-ilma, kif mitlub mid-Direttiva tal-Qafas tal-Ilma, huwa ċentrali. L-amministrazzjoni sostenibbli tal-ilma hija meħtieġa, biex tnaqqas it-tniġġiż kemm mis-sustanzi organiċi, mis-sustanzi nutrijenti kif ukoll minn dawk perikolużi. Il-Pjan ta' Amministrazzjoni tal-Baċir tax-Xmara adottat mill-Istati tad-Danubju fl-2009 jistabbilixxi miri u miżuri konkreti li fuqhom wieħed jista' jibni. Riskji L-Abitanti tar-Reġjun għandhom ikunu protetti minn avvenimenti diżastrużi, bħalma huma għargħar u inċidenti industrijali li għandhom impatti negattivi transazzjonali sinjifikanti – l-aktar reċenti mġarrba fl-2010 – minn miżuri ta' amministrazzjoni ta' prevenzjoni u diżastri implimentati flimkien, per eżempju kif inhu mitlub mid-Direttivi tal-Għargħar, tas-Seveso, l-Iskart tal-Minjieri jew ir-Responsabbiltà Ambjentali. Ix-xogħol li jsir f'iżolazzjoni jċaqlaq biss il-problema u jitfa' r-reġjuni ġirien fid-diffikultà. Żieda frekwenti ta' fondi hija wkoll kwistjoni, kif inhi wkoll l-addattazzjoni għall-bidla fil-klima. Il-kooperazzjoni reġjonali għandha tiffaċilita l-Infrastruttura Ekoloġija, l-applikazzjoni ta' soluzzjonijet fit-tul ibbażati fuq l-ekosistema, u t-tagħlim minn avvenimenti preċedenti. Biodiversità, Ħamrija It-telf ta' abitati naturali titfa' l-pressjoni fuq il-fawna u l-flora, u taffettwa l-kwalità ġenerali tas-saħħa ambjentali. Il-frammentazzjoni tal-ekosistemi, l-intensifikazzjoni tal-użu tal-art u t-tifrix tal-bliet huma pressjonijiet maġġuri. Il-mira għall-biodiversità tal-2020 tal-UE[3] għandha tintlaħaq, billi titwaqqaf it-telfa ta' biodiversità u tal-ekosistemi, u billi jiġu rrestawrati s-servizzi tal-ekosistema u abitati li jgħaqdu. L-għanijiet ta' żoni ta' protezzjoni għan-natura, bħalma hi Natura 2000, jistgħu jinkisbu biss b'konsiderazzjoni għar-rekwiżiti ekoloġiċi tar-reġjun kollu. Fir-rigward ta' ħamrija, erożjoni ta' raba' li jinħarat tikkawża tniġġiż fl-ilma, flimkien ma' siti ikkontaminati u r-rimi tal-iskart, kollha indirizzati minn azzjonijiet konkreti fl-Istrateġija. Eżempji ta' miri jistgħu jkunu: - Il-kisba tal-miri ambjentali stabbiliti fil-Pjan tal-Amministrazzjoni tal-Baċir tax-Xmara Danubju; - It-tnaqqis tal-livelli ta' nutrijenti fix-Xmara Danubju biex jitħalla l-irkupru tal-ekosistemi tal-Baħar l-Iswed għall-kondizzjonijiet simili għal dawk tal-1960; - It-tlestija u l-adozzjoni tal-Pjan ta' Amministrazzjoni tad-Delta sal-2013; - Li jiġu implimentati l-pjanijiet tal-immaniġġjar ta' riskju għall-għargħar kbir tad-Danubju – dovut fl-2015 taħt id-Direttiva tal-Għargħar – biex jiġi inkluż tnaqqis sinjifikanti ta' riskju ta' għargħar sal-2021, u jittieħdu wkoll f'konsiderazzjoni l-impatti tal-bidla tal-klima; - Jitfasslu pjanijiet ta' amministrazzjoni effettivi għas-siti kollha ta' Natura 2000; - Iż-żamma tal-popolazzjonijiet vijabbli tal-ispeċji tal-isturjun tad-Danubju u tal-ispeċji indiġeni ta' ħut oħrajn sal-2020, li jiġġieldu lill-ispeċji invasivi; - Titnaqqas b'25 % iż-żona affettwata mill-erożjoni tal-ħamrija li taqbeż l-10 tunnellati għal kull ettaru sal-2020. 3.3. Il-bini tal-prosperità fir-Reġjun tad-Danubju Ir-Reġjun jinkludi l-estremitajiet tal-UE fit-termini ekonomiċi u soċjali. Mill-aktar reġjuni kompetittivi tagħha sa dawk l-aktar foqra, minn dawk l-aktar li għandhom ħiliet sa dawk bl-anqas edukazzjoni, u mill-istandard ta' għixien l-aktar għoli sa dak l-aktar baxx, id-differenzi huma impressjonanti. L-Istrateġija tirrinforza l-Ewropa 2020, u toffri l-opportunità biex jitqabbel il-kapital-sinjur max-xogħol-sinjur, u s-swieq li huma avvanzati teknoloġikament ma' dawk li għandhom bżonn aktar teknoloġija , b'mod partikolari billi tespandi s-soċjetà tal-informazzjoni u b'approċċ determinat għall-inklużjoni. Komunitajiet marġinalizzati (speċjalment Roma, li l-maġġoranza tagħhom jgħixu fir-Reġjun) għandhom jibbenefikaw b'mod partikolari. Kwistjonijiet Prinċipali Edukazzjoni u ħiliet L-investiment fin-nies huwa meħtieġ sabiex ir-Reġjun ikun jista' jagħmel progress u jikber, bi prijorità għall-għarfien u l-inklużjoni. Il-bini fuq il-partijiet ta' suċċess tar-Reġjun se jiftaħ l-aċċess għal aktar edukazzjoni, u jimmodernizza t-taħriġ u l-appoġġ soċjali. Riċerka u innovazzjoni: Appoġġ fil-mira għall-infrastruttura tar-riċerka se jistimula l-eċċellenza u jipprofondixxi n-netwerking bejn il-fornituri ta' informazzjoni, il-kumpaniji u dawk li joħolqu l-politika. Ir-reġjun irid juża' l-fondi nazzjonali u reġjonali b'mod aħjar, u jibbenefika b'mod totali miż-Żona tar-Riċerka Ewropea. Ftehim bilaterali eżistenti għandu jwassal għal koordinazzjoni multilaterali. L-iżvilupp tar-reġjuni ta' isfel jista' jibbenefika minn dawk ir-reġjuni innovattivi ta' fuq li qed imexxu - li huma sewwa sew ta' skala dinjija. Intrapriżi Reġjuni fl-Ewropa li qed jagħtu eżekuzzjoni mill-aqwa jinsabu fiż-żona. Oħrajn jaqgħu ħafna lura. Għandhom bżonn jibbenefikaw, permezz ta' konnessjonijiet aħjar bejn l-innovazjoni u istituzzjonijiet li jappoġġjaw il-kummerċ. Gruppi u rabtiet bejn iċ-ċentri ta' eċċellenza, li jorbtuhom mal-edukazzjoni eżistenti u man-netwerks ta' riċerka, se jkabbru l-kompetittività tal-intrapriżi 'l fuq mar-reġjun kollu. Suq tal-impjieg Livelli oġħla ta' impjieg huma kruċjali. In-nies għandhom bżonn ta' opportunitajiet viċin ta' fejn joqgħodu. Għandhom bżonn ukoll tal-mobilità. Ir-Reġjun għandu bżonn joffri futur għal dawk l-aktar intelliġenti u l-aktar intraprendenti, permezz ta' kooperazzjoni li tirrigwarda l-politiki aktar b'saħħitha, ta' miżuri u ta' skambju ta' informazzjoni. Komunitajiet marġinalizzati Terz tal-popolazzjoni tal-UE li qiegħda fir-riskju ta' faqar, ħafna minn gruppi marġinalizzati, jgħixu fiż-żona. Il-komunitajiet ta' Roma, li 80 % minnhom jgħixu fir-Reġjun, isofru speċjalment minn esklużjoni soċjali u ekonomika, seggregazzjoni ta' spazju u kondizzjonijiet ta' għixien bi standards baxxi. Sforzi biex dawn jingħelbu għandhom effetti mal-UE kollha, imma l-kawżi jridu jiġu indirizzati l-ewwelnett fir-Reġjun. Eżempji ta' miri jistgħu jkunu:: - Li jsir investiment ta 3 % tal-PGD fir-Riċerka u l-Iżvilupp sal-2020; - Aċċess ta' broadband għaċ-ċittadini kollha tal-UE fir-Reġjun sal-2013; - Żieda fin-numru ta' privattivi miksuba fir-Reġjun b'50 %; - Żieda fis-sehem tal-popolazzjoni tal-UE ta' età minn 30-34 b'edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti għal 40 % sal-2020. 3.4. Tisħiħ tar-Reġjun tad-Danubju It-tibdil drammatiku mill-1989 ittrasforma lis-soċjetà. Attenzjoni partikolari hija meħtieġa, peress li r-Reġjun tad-Danubju jinkludi Stati Membri, li ngħaqdu f'mumenti differenti, kif ukoll pajjiżi li qed japplikaw għas-sħubija mal-UE, u pajjiżi terzi. Il-maġġoranza jaffaċjaw problemi simili, iżda b'riżorsi differenti disponibbli. Ir-rispons effettiv għall-isfidi komuni tas-sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata jirrikjedi koordinazzjoni fil-livelli kollha. L-iskambju ta' prattika amministrattiva tajba huwa importanti biex jagħmel lir-Reġjun anqas perikoluż u aktar sikur, u biex tiġi rinforzata l-integrazzjoni tiegħu fl-UE. Kwistjonijiet Prinċipali Kapaċità istituzzjonali u kooperazzjoni L-istrutturi u l-kapaċità tat-teħid ta' deċiżjonijiet tas-settur privat u dak pubbliku jridu jittejbu, inklużi l-ippjanar tajjeb u l-kooperazzjoni internazzjonali, u jkunu appoġġjati mill-approċċ makro-reġjonali. L-użu ottimali ta' riżorsi huwa essenzjali. Sigurtà Il-korruzjoni, il-kriminalità organizzata u serja huma ta' inkwiet dejjem jikber. Kwistjonijiet bħalma huma l-kutrabandu ta' merkanzija, it-traffikar ta' persuni umani, u swieq illegali minn naħa għal oħra tal-fruntiera jirrikjedu tisħiħ tar-regola tal-liġi, kemm fi ħdan kif ukoll tul il-ġurisdizzjonijiet. L-intelliġenza għandha tkun maqsuma aħjar, u l-effetti konġunti effettivi għandhom jiġu mmuntati. Eżempji ta' miri jistgħu jkunu: - Li jiġu stabbiliti livelli għal gvern elettroniku u titnaqqas il-burokrazija eċċessiva sal-2012; - Massimu ta' 4 ġimgħat għall-permessi ta' twaqqif ta' kummerċi sal-2015; - Isir skambju ta' informazzjoni effiċjenti bejn atturi tal-infurzar tal-liġi relevanti sal-2015 bl-għan ta' titjib tas-sigurtà u li tiġi ittrattata l-kriminalità serja u organizzata fl-14–il pajjiż. - Kooperazzjoni effettiva bejn l-atturi tal-infurzar tal-liġi relevanti sal-2015. 4. IMPLIMENTAZZJONI U GOVERNANZA Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, għandna bżonn ta' bażi tajba biex naħdmu flimkien. - Qafas sostenibbli għall-kooperazzjoni L-Istrateġija tfittex li tagħmel l-aqwa użu minn dak li hu disponibbli, billi jiġu allinjati l-isforzi, speċifikament il-politiki u l-fondi. L-azzjonijiet huma komplementarji. Il-partijiet involuti kollha jridu jieħdu r-responsabbiltà. F'dan ir-rigward, id-Dikjarazzjoni tas-Samit ta' Bukarest dwar id-Danubju[4] hija impenn importanti. Il-Kummissjoni tista' tgħin billi tiffaċilita u tappoġġja l-azzjonijiet, iżda l-impenn u l-involviment prattiku tal-awtoritajiet kollha, f'livell nazzjonali, reġjonali u livelli oħrajn huwa meħtieġ. Ħidma flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u transkonfinali tul ir-Reġjun se tinkoraġġixxi sinerġiji u tevita d-duplikazzjoni. Dimensjoni territorjali rinforzata se tipprovdi approċċ integrat, u tinkoraġġixxi koordinazzjoni aħjar ta' politiki settorjali. Irid ikun hemm fokus assolut fuq ir-riżultati. - Koordinazzjoni Bosta miżuri huma meħtieġa. Il-koordinazzjon fil-livell tal-politika tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni megħjuna minn Grupp ta' Livell Għoli tal-Istati Membri kollha. Jistgħu jkunu mistednin Stati mhux Membri jekk ikun jaqbel. Il-Kummissjoni tkun tista' tikkonsulta l-Grupp dwar kwistjonijiet ta' modifiki għall-Istrateġija u l-Pjan ta' Ħidma, u dwar is-sorveljanza. Il-Grupp jindirizza l-orjentazzjoni tal-politika u l-prijoritizzazzjoni. Il-koordinazzjoni ta' kull Qasam ta' Prijorità hija xogħol l-Istati Membri (flimkien ma' Stati mhux Membri jew reġjuni, minbarra dawk is-suġġetti li l-UE tindirizzahom fil-livell tal-Istati, bħal ma' huma s-sigurtà, u l-kriminalità serja u organizzata), f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-aġenziji u korpi reġjonali relevanti tal-UE. "Koordinaturi għall-Oqsma ta' Prijorità", li jistgħu juru l-impenn mad-Danubju kollu, l-aċċettazzjoni u l-esperjenza, l-assigurazzjoni ta' implementazzjoni (eż. billi jkun hemm ftehim fuq l-ippjanar, bil-miri, indikaturi u tabelli taż-żmien, u billi jkun assigurazzjoni ta' kuntatti wiesgħa bejn promoturi ta' proġetti, programmi u sorsi ta' fondi, u jkun jipprovdu assistenza teknika u pariri. Dan ix-xogħol se jkun transnazzjonali, intersettorali u interistituzzjonali. Il-Kummissjoni se tkun megħjuna fir-rwol tagħha ta' faċilizzazzjoni mill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali. Dawn jiżguraw il-koordinazzjoni f'kull pajjiż, jidentifikaw il-kuntatti relevanti u, fuq kollox, imexxu 'l quddiem l-aspetti prattiċi tax-xogħol. - Implimentazzjoni L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet hija r-responsabbiltà ta' kulħadd, fil-livelli ta' pajjiż, reġjun, dak urban u dak lokali. L-azzjonijiet (li jiddikjaraw il-mira li trid tintlaħaq) iridu jsiru proġetti konkreti (li jkunu ddettaljati u li jirrikjedu tmexxija tal-proġett, qafas ta' żmien u finanzjament). Filwaqt li tkun rispettata l-awtonomija għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-programm, dawn għandhom jiġu megħjuna b'mod attiv biex iressqu l-proposti. - Finanzjament L-istrateġija hija implimentata bil-mobilizzazzjoni u l-allinjament ta' fondi eżistenti għall-miri tagħha fejn ikun jixraq u konformi mal-oqfsa ġenerali. Tabilħaqq, hemm diġà ħafna mill-fondi disponibbli permezz ta' bosta programmi tal-UE (pereżempju EUR 100 biljun mill-Fondi Strutturali 2007-2013, kif ukoll fondi sinifikanti tal-IPA u tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija). Il-proċeduri ta' selezzjoni tal-proġett jistgħu jiġu riveduti biex isostnu l-miri li jkun hemm qbil dwarhom. Hemm ukoll sorsi oħra, bħal ma hu l-Qafas ta' Investiment fil-Balkani tal-Punent, li jikkombina l-istrument għall-għotjiet u s-self għall-pajjiżi kandidati u dawk li huma kandidati potenzjali, kif ukoll l-istituzzjonijiet internazzjonali ta' finanzjament (pereżempju l-BEI: EUR 30 biljun 2007-2009, bl-appoġġ tiegħu għan-navigabbiltà u t-tindif mit-tniġġiż). Għandha tingħata attenzjoni biex jiġu kkombinati l-għotjiet u s-self. Jeżistu riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali. Tabilħaqq, huwa kruċjali li wieħed ikollu aċċess għall-fondi u jkun jista' jikkumbinhom, speċjalment jekk dawn ikunu ġejjin minn sorsi pubbliċi u privati minn livell taħt dak tal-UE. - Rapportar u evalwazzjoni Ir-rapportar u l-evalwazzjoni jsiru mill-Kummissjoni fi sħubija mal-Koordinaturi tal-Oqsma ta' Prijorità u ma' partijiet interessati oħra. Il-koordinaturi għandhom iqisu t-titjib li jkun riżultat tal-azzjonijiet u l-proġetti, u jipprovdu l-informazzjoni dwar ħidmiethom b'mod regolari. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tabbozza r-rapporti li juru l-progress tal-Pjan ta' Ħidma. Il-Kummissjoni torganizza wkoll Forum regolari biex tiddiskuti x-xogħol, tikkonsulta fuq azzjonijiet riveduti, u tiżviluppa approċċi ġodda. Jipparteċipaw il-pajjiżi, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati (speċjalment il-korpi intergovernattivi, is-settur privat u s-soċjetà ċivili). - Ebda fondi ġodda tal-UE, ebda leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, ebda Strutturi ġodda tal-UE Il-Kummissjoni tħejji l-Istrateġija bil-ftehim li dan ma jimplika ebda trattament speċjali fil-baġit, jew f'termini legali, għar-Reġjun. B’mod speċifiku: 18. L-istrateġija ma tipprovdix fondi ġodda tal-UE. Jista' jkun hemm fondi minn sorsi internazzjonali, nazzjonali, reġjonali jew privati, iżda huwa enfasizzat it-titjib tal-użu ta' fondi eżistenti. 19. L-Istrateġija ma tirrikjedi ebda tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-UE minħabba li l-UE tilleġiżla għas-27 pajjiż tal-UE u mhux għal makroreġjun waħdu. Jekk isir ftehim, jista' jkun hemm xi tibdil f'livelli nazzjonali jew livelli oħrajn, biex jiġu indirizzati miri speċifiċi. 20. L-Istrateġija ma toħloq ebda struttura addizzjonali. L-implimentazzjoni hija permezz ta' korpi li diġà jeżistu, li l-komplementarjetà tagħhom għandha tiġi mmassimizzata. Mhuwiex maħsub impatt ġenerali fuq ir-riżorsi tal-Kummissjoni. 5. RABTIET MA' POLITIKI TAL-UE Biex ttirrinforza l-integrazzjoni tar-Reġjun kollu, l-Istrateġija tfittex li ssaħħaħ il-politiki u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fiż-żona. Tipprovdi l-appoġġ politiku għall-inizjattivi li qed isiru u tagħmilhom iżjed viżibbli. B'mod partikolari, xi azzjonijiet li jkun sar qbil fuqhom fil-qafas ta' korpi eżistenti jiffurmaw parti mill-Pjan ta' Ħidma. Barra minn hekk, - Ewropa 2020 hija l-impenn ewlieni tal-UE favur ix-xogħol u favur tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv li se tikkonsolida l-Istrateġija. Għandha ħames miri ewlenin. Dawn huma: il-promozzjoni tal-impjiegi; it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, għar-riċerka u għall-iżvilupp; il-kisba tal-miri dwar it-tibdil tal-klima u dwar l-enerġija; it-titjib ta' livelli ta' edukazzjoni; u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, u billi jiġu indirizzati l-isfidi tal-età. L-Istrateġija, bil-viżjoni tagħha għar-Reġjun tad-Danubju fl-2020, tirrinfurza dan. Issostni t-tkabbir sostenibbli, tnaqqas il-konsum tal-enerġija, iżżid l-użu tal-enerġija rinovabbli, timmodernizza s-settur tat-trasport biex dan isir iktar favorevoli għall-ambjent u iktar effiċjenti, u tippromwovi t-turiżmu ambjentali. Tgħin biex tneħħi l-konġestjoni fis-swieq interni u ttejjeb l-ambjent tal-kummerċ. - Il-Konsistenza mal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE huma l-qofol tal-Istrateġija. Din tindirizza l-lakuni fl-implimentazzjoni u d-diffikultajiet prattiċi u tal-organizzazzjoni li jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' riżultati. Issostni implimentazzjoni mtejba tal-obbligi legali tal-UE, speċjalment dawk b'rabta mas-Suq Waħdieni u mal-ambjent. Tagħti kontribut ukoll għall-politiki f'oqsma bħal dawk tat-trasport (TEN-T li bħalissa qed tiġi riveduta, kif ukoll il-politika tal-ġejjieni tal-pajjiżi dwar it-trasport), in-netwerks tal-enerġija (TEN-E), u l-Aġenda Diġitali. L-għan u l-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità għal wara l-2010, bil-viżjoni tagħha għall-2050 u mira għall-2020 hija rinforzata wkoll. Dan ir-Reġjun huwa kruċjali għall-appoġġ ta' politiki barranin oħra tal-UE, konformement mal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-inizjattivi reġjonali tagħha (pereżempju is-Sħubija tal-Lvant) billi huwa l-passaġġ li minnu wieħed irid jgħaddi biex jasal fil-pajjiżi ġirien u lil hinn minnhom lejn l-Asja. 6. KONKLUżJONI L-Istrateġija tipprovdi qafas sostenibbli għall-integrazzjoni tal-politiki u l-iżvilupp koerenti tar-Reġjun tad-Danubju. Tistabbilixxi l-ħidmiet ta' prijorità biex iġġib lir-reġjun 'il quddiem bħala reġjun tal-UE denju tas-Seklu 21. Trid tkun akkumpanjata b'biżżejjed informazzjoni u pubbliċità biex ikun żgurat li l-miri tagħha jkunu magħrufin minn udjenza kemm jista' jkun wiegħsa. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-istituzzjonijiet oħra tal-UE jeżaminaw u japprovaw din il-Komunikazzjoni u l-Pjan ta' Ħidma relatat. [1] Il-Kunsill Ewropew talab b'mod formali lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkoordina Strateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, u jiddikjara fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2009: "Dan (...) jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju qabel tmiem l-2010". [2] Il-klassifika internazzjonali tal-Passaġġi tal-Ilma Interni Ewropej (UNECE/TRANS/120/Rev.4, p. 28/29) fil-Ftehim Ewropew dwar il-Passaġġi tal-Ilma Interni Ewlenin ta' Importanza Nazzjonali (AGN) tiklassifika l-parametri għal bastimenti tal-mutur u konvojs imbuttati. Fit-test preżenti, il-kategorija VIb tirreferi biss għall-konvojs imbuttati u l-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni b'fond li jasal sa' 2.5m. [3] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjentali (15 ta' Marzu 2010) : "Biex titwaqqaf it-telfa tal-biodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemà fl-UE sal-2020, għandhom jiġu rrestawrati sakemm ikun possibbli, filwaqt li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-UE biex tiġi evitata telfa ta' biodiversità globali". [4] Bukarest, 8 ta’ Novembru 2010