Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0609

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea

/* KUMM/2010/0609 finali */

52010DC0609

/* KUMM/2010/0609 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 4.11.2010

KUMM(2010) 609 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea

1. Sfidi ġodda għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali

Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta[1] tal-1995 stabbilixxiet pass importanti fl-istorja tal-protezzjoni tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva tonqox tnejn mill-ambizzjonijiet l-aktar qodma u ugwalment importanti tal-proċess Ewropew ta' integrazzjoni: il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi u b'mod partikolari d-dritt fundamentali tal-ħarsien tad-dejta, fuq naħa, u l-kisba tas-suq intern - il-fluss liberu tad-dejta personali f'dan il-każ - fuq in-naħa l-oħra.

Ħmistax-il sena wara, dan l-għan doppju għadu validu u l-prinċipji minquxa fid-Direttiva għadhom sodi. Madanakollu, l-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla u l-globalizzazzjoni biddlu b'mod profond id-dinja madwarna, u ġabu sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-dejta personali.

Illum it-teknoloġija tippermetti lill-individwi li jiskambjaw faċilment l-informazzjoni dwar il-komportament u l-preferenzi tagħhom u li jagħmluhom disponibbli pubblikament u globalment fuq skala bla preċedenti. Is-siti tan-netwerking soċjali, b'mijiet ta' miljuni ta' membri nfirxu madwar id-dinja, forsi huma l-aktar eżempju ovvju, iżda mhux l-uniku, ta' dan il-fenomenu. 'Cloud computing' – jiġifieri użu tal-kompjuter bażat fuq l-internet fejn is-softwer, ir-riżorsi komuni u l-informazzjoni jinħażnu fuq server remot ('fis-sħab') – jista' wkoll jippreżenta sfidi għall-ħarsien tad-dejta minħabba li jista' jinvolvi telf ta' kontroll individwali fuq informazzjoni potenzjalment sensittiva meta persuni jaħżnu d-dejta ma' programmi li huma ospitati fuq il-hardwer ta' xi ħaddieħor. Studju riċenti kkonferma li jidher li hemm konverġenza tal-opinjonijiet – tal-Awtoritajiet tal-Ħarsien tad-Dejta, assoċjazzjonijiet tan-negozju u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi - li r-riskji għall-privatezza u l-ħarsien tad-dejta personali assoċjati mal-attività onlajn qed jiżdiedu[2].

Fl-istess ħin, il-metodi għall-ġabra tad-dejta personali saru aktar elaborati u aktar diffiċli biex wieħed jinduna bihom. Pereżempju, l-użu ta' għodod sofistikati jippermetti lill-operaturi ekonomiċi biex jimmiraw individwi permezz tal-monitoraġġ tal-komportament tagħhom. U l-użu li qed jiżdied ta' proċeduri li jippermetti l-ġbir awtomatiku tad-dejta, bħall-biljetti elettroniċi tat-trasport, il-ġbir tat-taxxi tat-toroq, jew ta' tagħmir ta' lokalizzazzjoni jagħmluha eħfef biex jiġi determinat il-post tal-individwi sempliċiment minħabba li jużaw tagħmir mobbli. L-awtoritajiet pubbliċi wkoll jużaw aktar u aktar dejta personali għal skopijiet varji, bħall-intraċċar tal-individwi fl-eventwalità li tfaqqa' marda li tittieħed, għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità b'mod aktar effettiv, biex jamministraw skemi tas-sigurtà soċjali jew għal skopijiet tat-tassazzjoni, bħala parti mill-applikazzjonijiet tagħhom tal-gvern elettroniku eċċ.

Dan kollu inevitabbilment iqajjem il-mistoqsija jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti għall-ħarsien tad-dejta tal-UE tistax tindirizza b'mod sħiħ u effettiv dawn l-isfidi.

Biex tindirizza din il-mistqosija, il-Kummissjoni nediet reviżjoni tal-qafas legali kurrenti, fejn bdiet permezz ta' konferenza ta' livell għoli f'Mejju tal-2009, li ġiet segwita minn konsultazzjoni pubblika sat-tmiem tal-2009[3]. Tnedew ukoll numru ta' studji.[4]

Is-sejbiet ikkonfermaw li l-prinċipji ewlenin tad-Direttiva għadhom validi u li l-karattru teknoloġikament newtrali tagħha għandu jiġi preservat. Madanakollu, għadd ta' kwistjonijiet ġew identifikati bħala problematiċi u li jġibu sfidi speċifiċi. Fost dawn hemm:

- L-indirizzar tal-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda

It-tweġibiet mill-konsultazzjonijiet, kemm minn organizzazzjonijiet kif ukoll minn individwi privati, kkonfermaw il-bżonn li tiġi ċċarata u speċifikata l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta għat-teknoloġiji l-ġodda, sabiex jiġi żgurat li d-dejta personali tal-individwi tiġi protetta b'mod effettiv, tkun xi tkun it-teknoloġija użata għall-ipproċessar tad-dejta, u li l-kontrolluri tad-dejta jkunu konxi b'mod sħiħ tal-implikazzjonijiet tat-teknoloġiji l-ġodda fuq il-protezzjoni tad-dejta. Fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, dan ġie indirizzat bid-Direttiva 2002/58/KE (l-hekk imsejħa d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika')[5], li tidħol fid-dettall u tikkumplimenta d-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Dejta ġenerali[6].

- Titjib tad-dimensjoni tas-suq intern tal-ħarsien tad-dejta

Waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin rikorrenti tal-partijiet interessati, partikolarment kumpaniji multinazzjonali, hija n-nuqqas ta' armonizzazzjoni suffiċjenti bejn il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, minkejja l-qafas legali komuni tal-UE. Huma saħqu dwar il-bżonn li tiżdied iċ-ċertezza legali, li jitnaqqas il-piż amministrattiv u li jiġi żgurat livell ugwali għall-operaturi ekonomiċi u kontrolluri oħra tad-dejta.

- Indirizzar tal-globalizzazzjoni u titjib fit-trasferiment tad-dejta internazzjonali

Għadd ta' partijiet interessati ssottolineaw li ż-żieda fl-esternament tal-ipproċessar, ħafna drabi barra l-UE, tqajjem għadd ta' problemi f'relazzjoni mal-liġi applikabbli għall-ipproċessar u l-allokazzjoni tar-responsabbiltà assoċjata. Dwar it-trasferiment internazzjonali tad-dejta, għadd ta' organizzazzjonijiet qiesu li l-iskemi kurrenti m'humiex kompletament sodisfaċenti u jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex it-trasferimenti jsiru aktar sempliċi u jkunu ta' anqas piż.

- Provvediment ta' arranġament istituzzjonali aktar b'saħħtu għal infurzar effettiv tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta

Hemm qbil bejn il-partijiet interessati li r-rwol tal-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tal-Dejta jeħtieġ li jissaħħaħ sabiex jiġi żgurat aktar infurzar tar-regoli tal-ħarsien tad-dejta. Xi organizzazzjonijiet talbu wkoll aktar trasparenza fix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Artikolu 29 ( ara 2.5. hawn taħt ) u kjarifika tal-ħidmiet u s-setgħat tiegħu.

- Titjib tal-koerenza tal-qafas legali tal-protezzjoni tad-dejta

Fil-konsultazzjoni pubblika, il-partijiet interessati kollha saħqu dwar il-bżonn ta' strument globali li japplika għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta fis-setturi u l-politiki kollha tal-Unjoni, li jiżgura strateġija integrata kif ukoll protezzjoni konsistenti, effettiva u sħiħa[7].

L-isfidi t'hawn fuq, jeħtieġu li l-UE tiżviluppa strateġija komprensiva u koerenti li tiggarantixxi li d-dritt tal-protezzjoni tad-dejta għall-individwi jiġi rispettat b'mod sħiħ fi ħdan l-UE u lilhinn minnha . It-Trattat ta' Lisbona provda lill-UE bil-mezzi addizzjonali biex jinkiseb dan: il-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali - bl-Artikolu 8 li jirrikonoxxi dritt awtonomu għall-protezzjoni tad-dejta personali - saret legalment vinkolanti, u ġie introdott bażi legali ġdid[8] li jippermetti għat-twaqqif ta' legiżlazzjoni komprensiva u koerenti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta. B'mod partikolari, il-bażi legali ġdida tippermetti li l-UE jkollha strument legali uniku għar-regolazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta, inkluż fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali. Il-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni huwa kopert biss parzjalment mill-Artikolu 16 tat-TFUE, minħabba li regoli speċifiċi għall-ipproċessar tad-dejta mill-Istati Membri jridu jiġu stabbiliti minn Deċiżjoni tal-Kunsill bażata fuq bażijiet legali differenti[9].

Billi tibni fuq dawn il-possibbiltajiet legali ġodda, il-Kummissjoni se tagħti l-ogħla prijorità lill-iżgurar tar-rispett għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-dejta madwar l-Unjoni u fil-politiki kollha tagħha, filwaqt li fl-istess ħin issaħħaħ id-dimensjoni tas-suq intern u tiffaċilita l-fluss ħieles tad-dejta personali. F’dan il-kuntest, drittijiet fundamentali oħra relevanti minquxa fil-Karta, u għanijiet oħra fit-Trattati, iridu jiġu meqjusa b'mod sħiħ filwaqt li jiġi żgurat id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-immodernizzar tas-sistema legali tal-UE għall-ħarsien tad-dejta personali fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni, filwaqt li tieħu kont, b'mod partikolari, tal-isfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni u t-teknoloġiiji l-ġodda, sabiex ikompli jiġi garantit il- livell għoli ta' protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tal-Unjoni. Dan jippermetti lill-UE li tibqa’ forza li tippromwovi standards għoljin tal-protezzjoni tad-dejta madwar id-dinja.

2. Għanijiet Ewlenin tal-Istrateġija Komprensiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta

2.1. Tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi

2.1.1. Żgurar ta' protezzjoni adatta għall-individwi fiċ-ċirkostanzi kollha

L-għan tar-regoli fl-istrumenti kurrenti tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE huwa li jitħarsu d-drittijiet fundamentali ta' persuni naturali u b'mod partikolari id-dritt tagħhom għall-ħarsien tad-dejta personali, f'konformità mal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali[10].

Il-kunċett ta’ 'dejta personali' huwa wieħed mill-kunċetti ewlenin għall-protezzjoni ta’ individwi mill-istrumenti kurrenti tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta u jiskatta l-applikazzjojni tal-obbligi fuq il-kontrolluri tad-dejta u dawk li jipproċessawha.[11] Id-definizzjoni ta’ 'dejta personali' għandha l-għan li tkopri l-informazzjoni kollha relatata ma' persuna identifikata jew identifikabbli, kemm direttament kif ukoll indirettament. Biex jiġi determinat jekk persuna hijiex identifikabbli, għandu jittieħed kont tal-'mezzi kollha li jistgħu jintużaw b’mod raġonevoli mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra biex tidentifika l-persuna konċernata'[12]. Din l-istrateġija magħżula bi ħsieb mil-leġiżlatur għandha l-benefiċċju tal-flessibbiltà, li tippermetti li tiġi applikata għal sitwazzjonijiet u żviluppi varji li jaffettwaw id-drittijiet fundamentali, inkluż dawk li ma setgħux jiġu preveduti meta ġiet adottata d-Direttiva. Madanakollu, konsegwenza ta’ strateġija talment wiesgħa u flessibbli hija li hemm għadd ta’ każijiet fejn meta tiġi implimentata d-Direttiva, ma jkunx dejjem ċar liema strateġija għandha tittieħed, jekk l-individwi jgawduwx mid-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta u jekk il-kontrolluri tad-dejta għandhomx jikkonformaw mal-obbligi previsti mid-Direttiva[13].

Dawn huma sitwazzjonijiet li jinvolvu l-ipproċessar ta' informazzjoni speċifika li tkun teħtieġ miżuri addizzjonali taħt il-liġi tal-Unjoni. Tali miżuri diġà jeżistu f'xi każijiet. Pereżempju, il-ħażna ta' informazzjoni fit-tagħmir tal-utent (eż. mowbajls) hija permess biss bil-kundizzjoni li l-individwu jkun ta l-kunsens tiegħu. Dan jista’ jiġi indirizzat ukoll fil-livell tal-UE fir-rigward ta' eżempju dejta kodifikata, dejta dwar il-lokalizzazzjoni, teknoloġiji li jippermetti li tingħaqad dejta minn sorsi differenti biex tinkiseb dejta ġdida, jew każijiet fejn il-kunfidenzjalità u l-integrità fis-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni[14] trid tiġi żgurata.

Il-kwistjonijiet t’hawn fuq kollha jeħtieġu eżaminazzjoni bir-reqqa.

Il-Kummissjoni se tqis kif tiżgura applikazzjoni ċara tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, filwaqt li tieħu kont tal-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi u l-għan li tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dejta personali fi ħdan is-suq intern.

2.1.2. Żieda fit-trasparenza għas-suġġetti tad-dejta

It-trasparenza hija kundizzjoni fundamentali biex tippermetti lill-individwi jeżerċitaw kontroll fuq id-dejta tagħhom stess u biex jiżguraw protezzjoni effettiva tad-dejta personali. Huwa għalhekk essenzjali li l-individwi jiġu infurmati tajjeb u b ’ mod ċar u trasparenti , mill-kontrolluri tad-dejta dwar kif u minn min tinġabar u tiġi proċessata id-dejta tagħhom, għal liema raġunijiet, il-perjodu ta’ żmien li fih tinżamm u x’inhuma d-drittijiet tagħhom jekk jkunu jridu jaċċessawha, jirranġawha jew iħassruha. Id-dispożizzjonijiet relevanti dwar l-informazzjoni li trid tingħata lis-suġġett tad-dejta[15] m'humiex suffiċjenti.

Elementi bażiċi tat-trasparenza huma l-kundizzjonijiet li l- informazzjoni trid tkun aċċessibbli faċilment u faċli biex tinftiehem, u li jintuża lingwaġġ sempliċi u ċar. Dan huwa relevanti b'mod partikolari fl-ambjent onlajn, fejn spiss l-avviżi dwar il-privatezza ma jkunux ċari, diffiċli biex wieħed jaċċessahom, non-trasparenti[16] u mhux dejjem b’konformità sħiħa mar-regoli eżistenti. Każ fejn jista’ jkun li qed isseġġ dan huwa fir-reklami onlajn bażati fuq il-komportament, fejn kemm il-proliferazzjoni tal-atturi involuti fil-forniment ta' dawn ir-reklami kif ukoll il-kumplessità teknoloġika tal-prattika jagħmluha diffiċli għal individwu li jkun jaf u jifhem jekk hix qed tinġabar id-dejta personali, minn min u għal liema skop.

F’dan il-kuntest, it-tfal jistħoqqilhom protezzjoni speċifika, minħabba li huma anqas konxji tar-riskji, il-konsegwenzi, is-salvagwardji u d-drittijiet f’relazzjoni mal-ipproċessar tad-dejta personali[17].

Il-Kummissjoni se tqis:

- li tintroduċi prinċipju ġenerali ta ’ proċessar trasparenti tad-dejta personali fil-qafas legali;

- li tintroduċi obbligi speċifiċi għall-kontrolluri tad-dejta dwar it-tip ta’ informazzjoni li trid tiġi provduta u dwar il- modalitajiet biex tipprovdihom, inkluż f'relazzjoni mat- tfal ;

it-tfassil ta’ formola/i standard tal-UE 'notifiki ta ’ informazzjoni dwar il-privatezza') li jintużaw mill-kontrolluri tad-dejta.

Huwa importanti wkoll għall-individwi li jiġu infurmati meta d-dejta tagħhom aċċidentalment jew b'mod illegali, titħassar, tintilef, tinbidel jew tiġi moqrija minn persuni mhux awtorizzati. Ir-reviżjoni riċenti dwar id-Direttiva tal-e-Privatezza introduċiet notifika obbligatorja ta ’ aċċess mhux awtorizzat tad-dejta personali li tkopri, madanakollu, biss is-settur tat-telekomunikazzjoni. Minħabba li r-riskji ta’ aċċess mhux awtorizzat għad-dejta jeżistu wkoll f’setturi oħra (eżempju. is-settur finanzjarju) il-Kummissjoni se teżamina l-modalitajiet għall-estensjoni tal-obbligu li jiġi notifikat aċċess mhux awtorizzat tad-dejta personali f’setturi oħra f’konformità mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-notifiki dwar aċċess mhux awtorizzat għad-dejta magħmula quddiem il-Parlament Ewropew fl-2009 fil-kuntest tar-riforma tal-Qafas Regolatorju għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi[18]. Din l-eżaminazzjoni mhix se taffettwa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, li trid tiġi trasposta fil-liġijiet nazzjonali sal-25 ta' Mejju 2011[19]. Dwar dan is-suġġett trid tiġi żgurata strateġija konsistenti u koerenti.

Il-Kummissjoni se:

-teżamina l-modalitajiet għall-introduzzjoni ta’ qafas legali ġenerali ta’ notifika ġenerali ta ’ aċċess mhux awtorizzat tad-dejta personali, inkluż id-destinatarji ta' tali notifiki u l-kriterji li jiskattaw l-obbligu tan-notifika.

2.1.3. Titjib tal-kontroll li wieħed ikollu fuq id-dejta tiegħu stess

Żewġ prekundizzjonijiet importanti għall-iżgurar li l-individwi jgawdu livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta huma l-limitazzjoni tal-ipproċessar tal-kontrolluri tad-dejta f ’ relazzjoni mal-finijiet tagħhom (prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-dejta) u ż-żamma mis-suġġetti tad-dejta ta’ kontroll effettiv fuq id-dejta tagħhom stess. L-Artikolu 8(2) tal-Karta jiddikjara li 'kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal dejta miġbura li għandha x'taqsam magħha u d-dritt li tirrettifikaha'. L-individwi għandhom dejjem ikunu jistgħu jaċċessaw, jirrettifikaw, iħassru jew jibblukkaw id-dejta tagħhom, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet leġittimi, previsiti bil-liġi, sabiex dan ma jsirx. Dawn id-drittijiet diġà jeżistu fil-qafas legali kurrenti. Madanakollu, il-mod li bih dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati mhux armonizzat, u għalhekk l-eżerċitar tagħhom huwa fil-fatt aktar faċli f'xi Stati Membri milli f'xi oħrajn. Barra minn hekk, dan sar partikolarment diffiċli fl-ambjent onlajn, fejn id-dejta tinżamm mingħajr ma tiġi infurmata l-persuna konċernata u/jew mingħajr il-kunsens tagħha.

L-eżempju tan-netwerking soċjali onlajn huwa partikolarment relevanti hawnhekk, minħabba li jippreżenta sfidi sinifikanti għall-kontroll effettiv tal-individwu fuq id-dejta personali tiegħu/tagħha. Il-Kummissjoni rċeviet għadd ta’ mistoqsijiet mingħand individiwi li mhux dejjem kienu kapaċi jiksbu id-dejta personali tagħhom mingħand fornituri tas-servizzi onlajn, bħar-ritratti tagħhom, u li ġew impediti milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ aċċess, rettifika u tħassir.

Tali drittijiet għandhom għalhekk isiru aktar espliċiti, ċari u possibbilment jissaħħu.

Il-Kummissjoni għalhekk se teżamina metodi li bihom:

- issaħħaħ il- prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-dejta ;

- ittejjeb il-modalitajiet għall- eżerċitar propju tad-drittijiet tal-aċċess, rettifika, tħassir jew blukkar tad-dejta (pereżempju, billi tintroduċi skadenzi biex wieħed iwieġeb għall-mistoqsijiet mill-individwi, billi tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet b’mezzi elettroniċi jew billi jiġi provdut li dak id-dritt ta' aċċess għandu jkun żgurat bla ħlas bħala prinċipju);

- kjarifika tad-dritt imsejjaħ ' id-dritt li jintesew ', i.e id-dritt tal-individwi li d-dejta tagħhom titħassar u ma tibqax aktar tiġi proċessata meta ma tkunx aktar meħtieġa għal skopijiet leġittimi. Dan huwa l-każ pereżempju, meta l-ipproċessar huwa bażat fuq il-kunsens ta' persuna u meta huwa jew hija tirtira l-kunsens jew meta l-perjodu ta' ħażna jkun skada;

- kumplimentar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta billi tiġi żgurata ' l-portabbiltà tad-dejta ', jiġifieri li jiġi provdut id-dritt espliċitu għal individwu biex jirtira id-dejta tiegħu stess (eżempju ritratti jew lista ta’ ħbieb) minn programm jew servizz sabiex id-dejta rtirata tkun tista' tiġi trasferita fi programm jew servizz ieħor, sakemm ikun teknikament possibbli, mingħajr tfixkil mill-kontrolluri tad-dejta.

2.1.4. Ħidma ta’ sensibilizzazzjoni

Filwaqt li t-trasparenza hija essenzjali, hemm ukoll il-bżonn li l-pubbliku in ġenerali, u partikolarment iż-żgħażagħ isiru aktar konxji tar-riskji relatati mal-ipproċessar tad-dejta personali u tad-drittijiet tagħhom. Servej tal-Eurobarometer fl-2008 wera li l-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini fl-Istati Membri tal-UE jqisu li l-kuxjenza dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-pajjiż tagħhom hija baxxa[20]. Għandhom għalhekk jiġu nkuraġġiti u promossi attivitajiet li jżidu l-kuxjenza minn firxa wiesgħa ta’ atturi, jiġifieri, awtoritajiet tal-Istati Membri, partikolarment Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta u korpi edukattivi, kif ukoll mill-kontrolluri tad-dejta u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn għandhom jinkludu miżuri non-leġiżlattivi bħal kampanji biex titqajjem kuxjenza fil-mezzi tax-xandir stampati u elettroniċi, il-provvediment ta' informazzjoni ċara fuq websajts, li jindikaw b'mod ċar id-drittijiet tas-suġġetti u r-responsabbiltajiet tal-kontrolluri.

Il-Kummissjoni se tesplora:

- il-possibbiltà ta’ ko-finanzjar ta' attivitajiet li jqajmu kuxjenza dwar il-protezzjoni tad-dejta permezz tal-baġit tal-Unjoni;

- il-bżonn ta' u l-opportunità li jiġi inkluż fil-qafas legali obbligu li jitwettqu attivitajiet li jqajmu kuxjenza f’dan il-qasam.

2.1.5. Żgurar ta’ kunsens infurmat u ħieles

Meta jkun meħtieġ kunsens infurmat, ir-regoli kurrenti jipprovdu li l-kunsens tal-individwu għall-ipproċessar tad-dejta personali tiegħu jew tagħha għandu jkun 'indikazzjoni speċifika u informata mogħtija b’mod ħieles' tax-xewqat tiegħu jew tagħha li biha l-individwu jfisser il-qbil tiegħu jew tagħha għal dan l-ipproċessar tad-dejta[21]. Madanakollu, dawn il-kundizzjonijiet bħalissa huma interpretati b’mod differenti fl-Istati Membri, li jvarjaw minn kundizzjoni ġenerali b’kunsens bil-miktub għall-aċċettazzjoni ta’ kunsens impliċitu.

Aktar minn hekk, fl-ambjent onlajn – minħabba l-opaċità tal-politiki tal-privatezza – huwa spiss aktar diffiċli għall-individwi li jkunu konxji tad-drittijiet tagħhom u li jagħtu kunsens infurmat. Dan jiġi kumplikat aktar mill-fatt li, f'xi każijiet, lanqas ma huwa ċar x'jikkostitwixxi kunsens mogħti b'mod ħieles, kunsens speċifiku u infurmat għall-ipproċessar tad-dejta, bħal fil-każ ta’ reklami bażati fuq il-komportament, fejn is-settings tal-browser tal-internet jitqiesu minn xi uħud, imma mhux minn oħrajn, li jagħtu l-kunsens tal-utent.

Il-kjarifika rigward il-kundizzjonijiet għall-kunsens tas-suġġett tad-dejta għandhom għalhekk ikunu provduti, sabiex dejjem jiggarantixxu kunsens infurmat u jiżguraw li l-individwu huwa konxju b'mod sħiħ li huwa qed jagħti l-kunsens tiegħu, u għal liema dejta qed tiġi proċessata, f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali. Ċarezza dwar kunċetti ewlenin jistgħu jiffavorixxu wkoll l-iżvilupp ta' inizjattivi awto-regolatorji biex jiġu zviluppati soluzzjonijiet prattiċi konsistenti mal-liġi tal-UE.

Il-Kummissjoni se teżamina metodi biex jiġu ċċarati u msaħħha r-regoli dwar il-kunsens.

2.1.6. Il-protezzjoni ta’ dejta sensittiva

L-ipproċessar ta’ dejta sensittiva, jiġifieri, dejta li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trejdjunjin, u l-ipproċessar ta’ dejta li tikkonċerna s-saħħa jew il-ħajja sesswali, bħalissa hija diġà projbita bħala regola ġenerali, b’eċċezzjonijiet limitati taħt ċerti kundizzjonijiet u salvagwardji[22]. Madanakollu, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u soċjetali oħra, hemm il-bżonn li jiġu meqjusa d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar dejta sensittiva, biex jiġi eżaminat jekk għandhomx jiżdiedu kategoriji oħra ta’ dejta u biex jiġu ċċarati aktar il-kundizzjonijiet għall-ipproċessar tagħhom. Dan jikkonċera pereżempju dejta ġenerika li bħalissa mhix imsemmija espliċitament bħala kategorija sensittiva ta' dejta.

Il-Kummissjoni se tqis:

- jekk kategoriji oħra ta’ dejta għandhiex titqies bħala ' dejta sensittiva' , pereżempju dejta ġenetiku;

- aktar iċċarar u armonizzar tal-kundizzjonijiet li jippermettu l-ipproċessar ta’ kategoriji ta’ dejta sensittiva.

2.1.7. Rimedji u sanzjonijiet aktar effettivi

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, huwa essenzjali li jkun hemm dispożizzjonijiet effettivi dwar ir-rimedji u s-sanzjonijiet. Ħafna każijiet fejn individwu huwa affettwat bi ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta wkoll jaffettwaw numru kunsiderevoli ta’ individwi oħra f'sitwazzjoni simili.

Il-Kummissjoni għalhekk se:

- tikkunsidra l-possibbiltà li tiġi estiża s-setgħa biex tittieħed azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali għal awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll assoċjazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw l-interessi tas-suġġetti tad-dejta;

- tevalwa l-bżonn li jissaħħu d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar sanzjonijiet, pereżempju billi jiġu esklużi b’mod espliċitu sanzjonijiet kriminali f’każ ta’ vjolazzjonijiet serji tal-protezzjoni tad-dejta, sabiex isiru aktar effettivi.

2.2. Titjib tad-dimensjoni tas-suq intern

2.2.1. Żieda taċ-ċertezza legali u provvediment ta’ livelli ugwali għall-kontrolluri tad-dejta

Il-Protezzjoni tad-Dejta fl-UE għandha dimensjoni qawwija tas-suq intern , jiġifieri, il-bżonn li jiġi żgurat il-fluss ħieles tad-dejta personali bejn l-Istati Membri fi ħdan is-suq intern. Bħala konsegwenza, l-armonizzazzjoni tad-Direttiva tal-liġijiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta mhix limitata għal awtorizzazzjoni minima imma tammonta għal armonizzazzjoni li ġeneralment hija kompluta[23].

Fl-istess ħin, id-Direttiva tagħti lill-Istati Membri spazju biex jimmanuvraw f’ċerti oqsma u tawtorizzahom biex iżommu jew jintroduċu regoli partikolari għal sitwazzjonijiet partikolari[24]. Dan, flimkien mal-fatt li d-Direttiva kultant ġiet implimentata b’mod inkorrett mill-Istati Membri, wassal għal diverġenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva, li jmorru kontra wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħha, jiġifieri, l-iżgurar tal-fluss ħieles tad-dejta personali fi ħdan is-suq intern. Dan huwa minnu għal numru kbir ta’ setturi u kuntesti, pereżempju fl-ipproċessar ta’ dejta personali fil-kuntest tal-impjegar jew għal finijiet ta’ saħħa pubblika. In-nuqqas ta' armonizzazzjoni hija filwaqt waħda mill-problemi ewlenin u rikorrenti mqajma mill-partijiet interessati private, speċjalment operaturi ekonomiċi, minħabba li għalihom hija spiża addizzjonali u amministrattiva. Dan huwa partikolarment il-każ għal kontrolluri tad-dejta stabbiliti f’għadd ta’ Stati Membri u obbligati li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet u prattiċi f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi. Barra minn hekk, id-diverġenza fl-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri toħloq inċertezza legali mhux biss għall-kontrolluri tad-dejta imma wkoll għal suġġetti tad-dejta, u għalhekk joħolqu r-riskju li jfixklu l-livell ekwivalenti ta’ protezzjoni li d-Direttiva suppost li tikseb u tiżgura.

Il-Kummissjoni se teżamina l-mezzi biex tinkiseb aktar armonizzazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta fil-livell tal-UE

2.2.2. Tnaqqis tal-piż amministrattiv

Provvediment tal-livell ugwali inaqqas il-bżonn li jiġu sodisfatti kundizzjonijiet nazzjonali diverġenti u għalhekk inaqqas b'mod konsiderevoli l-piż amministrattiv għall-kontrolluri. Element konkret ieħor għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u t-tnaqqis tal-ispejjeż għall-kontrolluri tad-dejta tkun ir-reviżjoni u s-simplifikazzjoni tas-sistema kurrenti ta' notifika [25]. Jeżisti kunsens ġenerali fost il-kontrolluri tad-dejta li l-obbligu ġenerali kurrenti biex jiġu notifikati l-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-dejta lill-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta, huwa obbligu li jġib piż kbir, u li fih innifsu ma jipprovdi ebda valur miżjud għall-protezzjoni tad-dejta personali tal-individwi. Barra minn hekk, dan huwa wieħed mill-każijiet fejn id-Direttiva tħalli ċerti lok għall-immanuvrar lill-Istati Membri, li huma liberi li jiddeċiedu dwar eżenzjonijiet u simplifiki possibbli, kif ukoll dwar il-proċeduri li jridu jiġu segwiti.

Sistema armonizzata u simplifikata tnaqqas l-ispejjeż kif ukoll il-piż amministrattiv, speċjalment għall-kumpaniji multinazzjonali stabbiliti f'għadd ta' Stati Membri.

Il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltajiet differenti għas- simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tas-sistema ta' notifika kurrenti, inkluż il-possibbiltà li titfassal formola ta' reġistrazzjoni uniformi madwar l-UE .

2.2.3. Iċċarar tar-regoli dwar il-liġi applikabbli u r-responsabbiltà tal-Istati Membri

L-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta sa mill-2003[26] ssottolinea l-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli[27] kienu 'defiċjenti f'għadd ta' każijiet, bir-riżultat li jistgħu jfiġġu t-tip ta' kunflitti ta' liġi li dan l-Artikolu jfittex li jevita'. Is-sitwazzjoni ma tjibitx minn dak iż-żmien, u minħabba f'hekk mhux dejjem ċar għall-kontrolluri tad-dejta u l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-dejta liema Stat Membru huwa responsabbli u liema liġi hija applikabbli meta huma konċernati għadd ta' Stati Membri. Dan huwa partikolarment il-każ meta kontrollur tad-dejta huwa soġġett għal kundizzjonijiet differenti mill-Istati Membri differenti, meta impriża multinazzjonali hija stabbilita f'aktar minn Stat Membru wieġed jew meta il-kontrollur tad-dejta mhuwiex stabbilit fl-UE imma jipprovdi s-servizzi tiegħu lir-residenti tal-UE.

Il-kumplessità qed tikber ukoll minħabba l-globalizzazzjoni l-iżviluppi teknoloġiċi: il-kontrolluri tad-dejta qegħdin dejjem aktar joperaw f'għadd ta' Stati Membri u ġurisidzzjonijiet, u jipprovdu servizzi u għajnuna erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. L-internet tagħmilha aktar faċli għall-Kontrolluri tad-dejta stabbiliti barra iż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE)[28] biex jipprovdu servizzi mill-bogħod u biex jipproċessaw dejta personali fl-ambjent onlajn; u spiss huwa diffiċli li jiġi determinat il-post tad-dejta personali u t-tagħmir użat f'ħin speċifiku (eżempju programmi u servizzi li jinvolvu 'cloud computing').

Madanakollu, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-ipproċessar tad-dejta personali jitwettaq mill-kontrollur tad-dejta stabbilit f'pajjiż terz m'għandux iċċaħħad lill-individwi mill-protezzjoni li huma intitolati għalija taħt il-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali u l-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE.

Il-Kummissjoni se teżamina kif se tirrevedi u tiċċara d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-liġi applikabbli , inkluż il-kriterji determinanti kurrenti, sabiex ittejjeb iċ-ċertezza legali, tiċċara r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-applikar tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta u fl-aħħar tipprovdi l-istess grad ta' protezzjoni lis-suġġetti tad-dejta tal-UE, indipendentement mill-post ġeografiku tal-kontrullur tad-dejta.

2.2.4. Żieda fir-responsabbiltà tal-kontrolluri tad-dejta

Is-simplifikazzjoni amministrattiva m'għandhiex twassal għal tnaqqis ġenerali mir-responsabbiltà tal-kontrolluri biex jiżguraw protezzjoni tad-dejta effettiva . Bil-kuntrarju, il-Kummissjoni temmen li l-obbligi tagħhom għandhom jiġu ċċarati aktar fil-qafas legali, inkluż f'relazzjoni mal-mekkaniżmi ta' kontroll intern u l-kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Superviżorji tal-Protezzjoni tad-Dejta. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li tali responsabbiltà tapplika wkoll għal kontrolluri li huma soġġetti għall-obbligi tas-sigriet professjonali (eż. avukati) kif ukoll f'dawk l-oqsma komuni li qegħdin dejjem jiżdiedu fejn il-kontrolluri tad-dejta jiddelegaw l-ipproċessar tad-dejta lil entitajiet oħra (eż., proċessuri).

Il-Kummissjoni għalhekk se tesplira metodi biex jiżguraw li l-kontrolluri tad-dejta jdaħħlu fis-seħħ politiki u mekkaniżmu effettivi biex jiżguraw konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta. Meta tagħmel dan, se tieħu kont tad-dibattitu kurrenti dwar l-introduzzjoni possibbli tal-prinċipju tal-'accountability'[29]. Dan ma jkollux l-għan li jżid il-piż amministrattiv fuq il-kontrolluri tad-dejta, minħabba li tali miżuri minflok jiffukaw fuq it-twaqqif ta' salvagwardji u miżuri li jagħmlu l-konformità tal-protezzjoni tad-dejta aktar effettiva filwaqt li fl-istess ħin inaqqsu u jissimplifikaw ċerti formalitajiet amministrattivi, bħan-notifi ( ara 2.2.2 hawn fuq ).

Il-promozzjoni tal-użu tat-Teknoloġiji li Jżidu l-Privatezza (PETs), kif indikat diġà fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007 dwar din il-kwistjoni, kif ukoll tal-prinċipju 'Privatezza bit-Tfassil' jista' jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward, inkluż fl-iżgurar tas-sigurtà[30].

Il-Kummissjoni se teżamina l-elementi segwenti biex iżżid ir-responsabbiltà tal-kontrolluri tad-dejta:

- li l-ħatra ta' Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta indipendenti tkun obbligatorja u li jiġu armonizzati r-regoli relatati mal-ħidmiet u l-kompetenzi tagħhom[31], filwaqt li tirrifletti fuq il-limitu adatt biex jiġu evitati piżijiet amministrattivi żejda, partikolarment għal mikro-intrapriżi żgħar u dawk żgħar ħafna;

- li jiġi inkluż fil-qafas legali obbligu għall-kontrolluri tad-dejta li jwettqu valutazzjoni tal-impatt għall-protezzjoni tad-dejta f'każijiet speċifiċi, pereżempju, fejn dejta sensittiva tkun qed tiġi proċessata, jew fejn it-tip ta' proċessar inkella jinvolvi riskji speċifiċi, b'mod partikolari meta jintużaw teknoloġiji, mekkaniżmu jew proċeduri speċifiċi, inkluż l-ipprofilar u s-sorveljanza bil-vidjows;

- aktar promozzjoni tal-użu tal-PETS u l-possibbiltajiet għal implimentazzjoni konkreta tal-kunċett ta' ' Privatezza bit-Tfassil '.

2.2.5. Ninkoraġġixxu inizjattivi awto-regolatorji u l-esplorazzjoni tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni tal-UE

Il-Kummissjoni tkompli tqis li l-inizjattivi awto-regolatorji mill-kontrolluri tad-dejta jistgħu jikkontribwixxu għal infurzar aħjar tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta . Id-dispożizzjonijiet kurrenti dwar l-awto-regolazzjoni fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-dejta, jiġifieri l-iskop għat-tfassil tal-Kodiċijiet tal-Kondotta[32], rari intużaw s'issa u m'humiex meqjusa sodisfaċenti għall-partijiet interessati privati.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora l-ħolqien possibbli tal- iskemi ta' ċertifikazzjoni tal-UE (eż. ' siġilli tal-privatezza ') għal proċessi, teknoloġiji, prodotti u servizzi li 'jikkonformaw mal-privatezza'[33]. Dan jagħti mhux biss orjentazzjoni lill-individwu bħala utent ta' tali teknoloġiji, prodotti u servizzi, imma jkun relevanti wkoll f'relazzjoni mar-responsabbiltà tal-kontrolluri tad-dejta: li wieħed jagħżel teknoloġiji, prodotti jew servizzi, ċertifikati jista' jgħin jagħti prova li l-kontrollur issodisfa l-obbligi tiegħu ( ara 2.2.4 hawn fuq ). Ċertament, ikun essenzjali li tiġi żgurata l-affidabbiltà ta' tali siġilli tal-privatezza u li wieħed jara kif dawn jiffittjaw mal-obbligi legali u l-istandards tekniċi internazzjonali.

Il-Kummissjoni se:

- teżamina l-mezzi biex tinkoraġġixxi aktar inizjattivi awto-regolatorji, inkluż il-promozzjoni attuva tal-Kodiċijiet tal-Kondotta.

- tesplora l-possibbiltà li jitwaqqfu skemi ta' ċertifikazzjoni tal-UE fil-qasam tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

2.3. Reviżjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fil-qasam kriminali

Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tapplika għall-attivitajiet kollha tal-ipproċessar tad-dejta personali fl-Istati Membri, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat. Madanakollu, din mhux dejjem tapplika fl-ipproċessar tad-dejta personali 'fil-kors ta' attività li taqa' barra mill-iskop tal-liġi Komunitarja, bħal attivitajiet fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali.[34] It-Trattat ta' Lisbona, madanakollu abolixxa 'l-istruttura ta' kolonni' preċedenti tal-UE u introduċa bażi legali ġdida u komprensiva għall-protezzjoni tad-dejta personali tul il-politiki kollha tal-Unjoni.[35] F'dan l-isfond, u fid-dawl tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Stokkolma u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma[36] ssottolineaw il-bżonn li jkun hemm 'skema ta' protezzjoni komprensiva' u li 'tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-dejta personali fil-kuntest tal-politiki kollha tal-UE, inkluż l-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni tal-kriminalità'.

L-istrument tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni f'materji kriminali fija d- Deċiżjoni Qafas 2008/977/JHA [37] . Id-Deċiżjoni Qafas hija pass importanti 'l quddiem f'qasam fejn l-istandards komuni għall-protezzjoni tad-dejta kienu ferm meħtieġa. Madanakollu, għad irid isir aktar xogħol.

Id-Deċiżjoni Qafas tapplika biss għall-iskambju trans-konfinali tad-dejta personali fi ħdan l-UE u mhux għal operazzjoni ta' proċessar domestiku fl-Istati Membri. Din id-distinzjoni tagħmila diffiċli fil-prattika u tista' tikkomplika l-implimentazzjoni attwali u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.[38].

Ukoll, id-Deċiżjoni Qafas fiha eċċezzjoni wiesgħa wisq għall-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop . Nuqqas ieħor huwa n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet li bihom issir distinzjoni għall-kategoriji differenti ta' dejta skont il-grad tagħhom ta' eżattezza u affidabbiltà, li għandha ssir distinzjoni bejn dejta bażata fuq il-fatti u dejta bażata fuq l-opinjonijiet u l-evalwazzjonijiet personali[39], u għandha ssir distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta' suġġetti tad-dejta (kriminali, suspettati, vittmi, xhieda, eċċ.), b'garanziji speċifiċi stabbiliti għal dejta relatati għal persuni mhux suspettati[40].

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Qafas ma tissostitwix l-istrument leġiżlattivi varji speċifiċi għas-settur għall-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali adottati f'livell tal-UE [41], b'mod partikolari dawn li jiggvernaw il-funzjonament tal-Europol, il-Eurojust, is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (l-SIS) u s-Sistema ta' Informazzjoni Doganali (is-CIS)[42], li fihom jew reġimi partikolari tal-protezzjoni tad-dejta, u/jew ġeneralemnt jirreferi għall-istrumenti tal-protezzjoni tad-dejta tal-Kunsill tal-Ewropa. Għal attivitajiet fi ħdan il-qasam ta' kooperazzjoni tal-puliżija u dik ġudizzjarja l-Istati Membri kollha ssottoskrivew għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (87) 15, li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Konvenzjoni 108 għas-settur tal-pulizija. Madankollu, dan mhuwiex strument li jorbot legalment.

Din is-sitwazzjoni tista' taffettwa direttament il-possibbiltajiet għall-individwi li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-dejta f'dan il-qasam (eż. biex ikunu jafu x'dejta personali qed tiġi proċessata u skambjata dwarhom, minn min u għal liema skop, u kif jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, bħad-dritt li jaċċessaw id-dejta tagħhom).

L-għan li tiġi stabbilita sistema komprensiva u koerenti fl-UE u vis-à-vis pajjiżi terzi tinvolvi l-bżonn li tiġi kunsidrata reviżjoni tar-regoli kurrenti dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali Il-Kummissjoni tisħaq li l-idea ta' skema komprensiva ta' protezzjoni tad-dejta ma teskludix regoli speċifiċi għall-protezzjoni tad-dejta għas-settur tal-pulizija u dak ġudizzjarju fi ħdan il-qafas ġenerali, li jieħu kont xieraq tan-natura speċifika ta' dawn l-oqsma, kif indikat mid-Dikjarazzjoni 21 mehmuża mat-Trattat ta' Lisbona. Dan jimplika pereżempju, il-bżonn li jiġi kunsidrat il-limitu sa liema l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet ta' protezzjoni tad-dejta minn individwu, jipperikolaw il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba jew il-prosekuzzjoni ta' offiżi kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' penaltajiet kriminali f'każ speċifiku.

Il-Kummissjoni, b'mod partikolari, se:

- tikkunsidra l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta għall-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, inkluż għall-ipproċessar f'livell domestiku filwaqt li tipprovdi, fejn neċessarju, għal limitazzjonijiet armonizzati għal ċerti drittijiet ta' protezzjoni tad-dejta tal-individwi, eż. Rigward id-dritt tal-aċċess jew il-priniċpju tat-trasparenza;

- teżamina il-bżonn li tintroduċi dispożizzjonijiet speċifiċi u armonizzati fil-qafas ġdid ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta, pereżempju dwar protezzjoni tad-dejta rigward l-ipproċessar ta' d ejta ġenetika għal finijiet ta' liġi kriminali jew li d-distinzjoni ta' kategoriji varji ta' suġġetti tad-dejta (xhieda; suspettati eċċ) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali;

- tniedi, fl-2011, konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati dwar l-aħjar mod biex jiġu riveduti s-sistemi ta' superviżjoni kurrenti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali m sabiex tiġi żgurata superviżjoni konsistenti tal-protezzjoni tad-dejta fuq l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji kollha tal-Unjoni;

- tevalwa l-bżonn li tallinja , fuq medda twila, ir- regoli varji speċifiċi għas-settur adottati fuq il-livell tal-UE għall-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali fi strumenti speċifiċi, mal-qafas legali ġenerali ġdid tal-protezzjoni tad-dejta.

2.4. Id-dimensjoni globali tal-protezzjoni tad-dejta

2.4.1. Kjarifika u simplifikar tar-regoli għat-trasferimenti internazzjonali tad-dejta

Wieħed mill-mezzi li jippermettu t-trasferiment tad-dejta personali barra l-UE u ż-żona taż-ŻEE huwa dak l-hekk imsejjaħ 'il-valutazzjoni tal-adegwatezza' . Bħalissa, l-adegwatezza ta' pajjiż terz - jiġifieri, jekk pajjiż terz jiżgurax livell ta' protezzjoni li l-UE tikkunsidra bħala adegwat - tista' tiġi determinata mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

L-effett tas-sejbiet ta' adegwatezza tal-Kummissjoni huwa li d-dejta personali issa tista' timxi bejn is-27 Stat Membru tal-UE u t-tliet pajjiżi membri taż-ŻEE lejn dak il-pajjiż terz mingħajr ma jkunu neċessarji ebda salvagwardji oħra. Madanakollu, il-kundizzjonijiet ezatti għar-rikonoxximent tal-adegwatezza mill-Kummissjoni bħalissa m'humiex speċifikati f'dettall sodisfaċenti fid-Direttiva tal-dddd. Barraminnhekk, id-Deċiżjoni Qafas ma tipprovdi għal ebda deċiżjoni mill-Kummissjoni.

F'xi Stati Membri l-adegwatezza hija evalwata fl-ewwel istanza mill-kontrollur tad-dejta li fih innifsu ma jittrasferix dejta personali lil pajjiż terz, xi drabi taħt is-superviżjoni ex-post tal-awtorità superviżorja tal-protezzjoni tad-dejta. Din is-sitwazzjoni tista' twassal għal strateġiji differenti biex jiġi valutat il-livell ta' adegwatezza ta' pajjiżi terzi, jew organizzazzjonijiet internazzjonali u tinvolvi r-riskju li l-livell ta' protezzjoni tas-suġġetti tad-dejta li hu provdut għalihom f'pajjiż terz jiġu ġġudikati differenti minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, l-istrumenti legali kurrenti ma jinkludu ebda kundizzjonijiett dettaljati u armonizzati li skont liema t-trasferimenti jistgħu jitqiesu legali. Dan iwassal għal prattiċi li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

Barram inn hekk, rigward it-trasferimenti ta' dejta lil pajjiżi terzi li ma jiżgurawx livell adegwat ta' protezzjoni, il-klawsoli standard kurrenti tal-Kummissjoni għat-trasferiment ta' dejta personali lill-kontrolluri[43] u lill-proċessuri[44] m'humiex imfassla għal sitwazzjonijiet non-kuntrattwali u, pereżempju, ma jistgħux jintużaw għal trasferimenti bejn amministrazzjonijiet pubbliċi.

Barra minn hekk, il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE jew l-Istati Membri tagħha spiss jeħtieġu l-inklużjoni ta' prinċipji tad-dejta personali jew dispożizzjonijiet speċifiċi. Dan jista' jirriżulta f'testijiet li jvarjaw ma' dispożizzjonijiet u drittijiet inkonsistenti, u għalhekk jiftħu interpretazzjonijiet diverġenti, għad-detriment tas-suġġett tad-dejta. B'konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni ħabbret li se taħdem dwar l-elementi ewlenin għall-protezzjoni tad-dejta personali fi ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi għall-fini ta' infurzar[45].

Mezzi oħra li ġew żviluppati bħala forma ta' awto-regolazzjoni, bħal kodiċi ta' kondotta interni tal-kumpanija magħrufa bħala 'Regoli Korporattivi Vinkolanti' (BCRs)[46], jistgħu jkunu wkoll għodda utli biex tiġi trasferita legalment dejta personali bejn kumpaniji tal-istess grupp korporattiv. Madanakollu, il-partijiet interessati ssuġġerew li dan il-mekkaniżmu jista' jittejjeb aktar u li l-implimentazzjoni tiegħu ssir aktar faċli.

Biex tindirizza l-kwistjonijiet identifikati hemm bżonn ġenerali li jittejbu l-mekkaniżmi kurrenti li jippermettu trasferimenti internazzjonali tad-dejta personali , filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw li d-dejta personali tiġi protetta b'mod adegwat meta tiġi trasferita u proċessata barra l-UE u ż-ŻEE.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha teżamina kif:

- ittejjeb il-proċeduri kurrenti għat-trasferimenti ta' dejta internazzjonali, inkluż strumenti legalment vinkolanti u 'Regoli Korporattivi Vinkolanti' sabiex tiżgura strateġija tal-UE aktar uniformi u koerenti vis-à-vis pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali;

- tiċċara il-proċedura ta' adegwatezza tal-Kummissjoni u tispeċifika aħjar il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-livell ta' protezzjoni tad-dejta f'pajjiż terz jew f'organizzazzjoni internazzjonali;

- tiddefenixxi l-elementi ewlenin tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE, li jistgħu jintużaw għat-tipi kollha ta' ftehimiet internazzjonali.

2.4.2. Il-Promozzjoni tal-prinċipji universali

L-ipproċessar tad-dejta huwa globalizzat u jitlob għal żvilupp tal-prinċipji universali għall-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali.

Il-qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta spiss serva bħala referenza għall-pajjiżi terzi meta jirregolaw il-protezzjoni tad-dejta. L-effett u l-impatt tiegħu, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, kien ta' importanza kbira. L-Unjoni Ewropea għalhekk trid tibqa l-forza li tmexxi dan l-iżvilupp u tkompli tippromwovi l-istandards internazzjonali legali u tekniċi għall-protezzjoni tad-dejta personali, bażati fuq strumenti relevanti tal-UE u Ewropej oħra dwar il-protezzjoni tad-dejta. Dan huwa partikolarment importanti fil-qafas tal-politika ta' tkabbir tal-UE.

Rigward l-istandards tekniċi internazzjonali żviluppati mill-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni, il-Kummissjoni temmen li l-koerenza bejn il-qafas legali futur u tali standards huwa ferm importanti biex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u prattika tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta mill-kontrolluri tad-dejta.

Il-Kummissjoni se:

- tkompli il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' standard legali u tekniċi għoljin tal-protezzjoni tad-dejta f'pajjiżi terzi u fil-livell internazzjonali;

- tistinka għall- prinċipju tar-reċiproċità tal-protezzjoni fl-azzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u b'mod partikolari rigward is-suġġetti tad-dejta li dejta tagħhom tiġi esportata mill-UE lejn pajjiżi terzi;

- i żżid il-kooperazzjoni tagħha, għal dan il-għan, ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-OECD, il-Kunsill tal-Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet reġjonali oħra;

- ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-istandards internazzjonali tekniċi mill-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni bħas-CEN u l-ISO, biex tiżgura li jikkumplimentaw b'mod utli r-regoli legali u li jiżguraw implimentazzjoni operazzjonali u effettiva tal-kundizzjonijiet ewlenin tal-protezzjoni tad-dejta.

2.5. Arranġament istituzzjonali aktar b'saħħtu għal infurzar aħjar tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-prinċipji u r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta huma element ewlieni biex jiġu garantiti r-rispett tad-drittijiet tal-individwu.

F'dan il-kuntest, ir-rwol tal-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta (DPAs) huwa essenzjali għall-infurzar tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta. Dawn huma gwardjani indipendenti tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali, li l-individwi jiddependu fuqhom biex jiżguraw il-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom u l-legalità tal-operazzjonijiet ta' proċessar. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni temmen li r-rwol tagħhom għandu jissaħħaħ, speċjalment fir-rigward tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza tagħhom[47], u dawn għandhom jiġu provduti bis-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex jeżerċitaw sewwa l-ħidmiet tagħhom kemm f'livell nazzjonali kif ukoll meta jikkooperaw ma' xulxin.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tqis li l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta għandhom issaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u jikkorrdinaw aħjar l-attivitajiet tagħhom , speċjalment meta jkollhom jaffrontaw kwistjonijiet li, min-natura tagħhom, għandhom dimensjoni trans-konfinali. Dan huwa partikolarment il-każ għal intrapriżi multinazzjonali bażati f'għadd ta' Stati Membri u li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f'kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, jew fejn tkun meħtieġa superviżjoni mas-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta (l-EDPS)[48].

F'dawn ir-rigward, għandu rwol importanti l-Grupp ta' Ħidma Artikolu 29 [49] , li diġà għandu r-rwol, barra mill-funzjoni konsultattiva[50], li jikkontribwixxi għall-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta fuq livell nazzjonali. Madanakollu, l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni diverġenti kontinwa tar-regoli tal-UE mill-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta, anke meta l-isfidi għall-protezzjoni tad-dejta huma l-istess madwar l-UE, jitolbu t-tisħiħ tar-rwol tal-Grupp ta' Ħidma, fil-koordinament tal-pożizzjonijiet tad-DPA, li jiżguraw applikazzjoni aktar uniformi f'livell nazzjonali u għalhekk livell ekwivalent tal-protezzjoni tad-dejta.

Il-Kummissjoni se teżamina:

- kif issaħħaħ, tikkjarifika u tarmonizza l-istatus u s-setgħat tal-Awtoritajie tal-Protezzjoni tad-Dejta nazzjonali fil-qafas legali l-ġdid, inkluż l-implimentazzjoni sħiħa tal-kunċett 'indipendenza sħiħa'[51];

- metodi biex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta;

- kif tiżgura applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE fis-suq intern. Dan jista' jinkludi t-tisħiħ tar-rwol tas-superviżuri nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, koordinament aħjar tax-xogħol tagħhom permezz tal-Grupp ta' Ħidma Artikolu 29 (li għandu jsir korp aktar trasparenti) u/jew il-ħolqien ta' mekkaniżmu għall-iżgurar tal-konsistenza fis-suq intern taħt l-awtorità tal-Kummissjoni Ewropea .

3. Konklużjoni: It-triq ’il quddiem

Bħat-teknoloġija, il-mod kif tintuża u tinqasam id-dejta personali fis-soċjetà tagħna qed jinbidel il-ħin kollu. Dan iġib sfidi għal-leġiżlaturi biex jistabbilixxu qafas leġiżlattiv li jibqa' validu matul iż-żmien. Fit-tmiem tal-proċess ta' riforma, ir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-Ewropa għandhom ikomplu jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni u jipprovdu ċertezza legalli, lill-individwi, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lin-negozji bl-istess mod għal għadd ta' ġenerazzjonijiet. Minkejja l-kumplessità tas-sitwazzjoni jew is-sofistikazzjoni tat-teknoloġija, irid ikun hemm ċarezza fir-rigward tar-regoli u l-istandards applikabbli li l-awtoritajiet nazzjonali jridu jinfuraw u li n-negozji u l-iżviluppaturi tat-teknoloġija jridu jikkonformaw magħhom. L-individwi jrid ikollhom ukoll ċarezza dwar id-drittijiet li jgawdu.

L-istrateġija komprensiva tal-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjonijiet u tikseb l-għanijiet ewlenin issottolineati f'din il-Komunikazzjoni se sservi bħala l-bażi għal aktar diskussjonijiet mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u partijiet oħra interessati u wara se tissarraf fi proposti u miżuri konkreti kemm ta' natura leġiżlattiva kif ukoll non-leġiżlattiva. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tilqa' l-feedback dwar il-kwistjonijiet imqajma f'din il-Komunikazzjoni.

Fuq din il-bażi, wara l-valutazzjoni tal-impatt u filwaqt li jittieħed kont tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni fl-2011 mmirata li tirrevedi l-qafas legali għall-protezzjoni tad-dejta bil-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fil-protezzjoni tad-dejta personali tal-individwu fil-kuntest tal-politiki kollha tal-UE, inkluż l-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni tal-kriminalità filwaqt li jittieħed kont tal-ispeċifitajiet ta' dawn l-oqsma. Miżuri non-leġiżlattivi, bħall-inkoraġġiment tal-awto-regolamentazzjoni u l-esplorazzjoni tal-fattibiltà ta' siġilli tal-privatezza tal-UE, jiġu segwiti b'mod parallel.

Bħala t-tieni pass, il-Kummissjoni se tevalwa l-bżonn li jiġu adottati strumenti legali oħra għall-qafas ġenerali l-ġdid tal-protezzjoni tad-dejta. Dan jikkonċerna, l-ewwel nett, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jridu jiġu adottati għall-qafas legali ġenerali l-ġdid. L-impatt fuq strumenti settorali oħra jkollu bżonn ukoll li jiġi eżaminat bir-reqqa fi stadju aktar tard.

Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura wkoll il-monitoraġġ kif suppost tal-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni f'dan il-qasam, billi ssegwi politika attiva ta' ksur fejn ir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-Ue ma jiġux applikati u implimentati b'mod korrett. Fil-fatt ir-reviżjoni kurrenti tal-istrumenti tal-protezzjoni tad-dejta, ma taffettwax l-obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw u jiżguraw l-applikazzjoni sewwa tal-istrumenti legali eżistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali[52].

Livell għoli u uniformi tal-protezzjoni tad-dejta fi ħdan l-UE ikun l-aħjar mod għall-approvazzjoni u l-promozzjoni tal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE madwar id-dinja.

[1] Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24.10.1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

[2] Ara Study on the economic benefits of privacy enhancing technologies, London Economics, Lulju 2010 (http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/studies/final_report_pets_16_07_10_en.pdf), p.14

[3] Ara t-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni:http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/news_consulting_0003_en.htm. Matul l-2010 twettqu konsultazzjonijiet aktar immirati mal-partijiet interessati. Il-Viċi-President Viviane Reding presediet ukoll laqgħa ta' livell għoli mal-partijiet interessati fil-5 ta' Ottubru 2010 fi Brussell. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll il-Grupp ta' Ħidma Artikolu 29, li ta kontribut komprensiv għall-konsultazzjoni tal-2009 (WP 168) u adotta opinjoni speċifika f'Lulju 2010 dwar il-kunċett tal-affidabbiltà (WP 173).

[4] Barra l-Istudju dwar il-benefiċċji ekonomiċi tat-teknoloġiji li jtejbu l-privatezza (ċit., nota ta' qiegħ il-paġna 2), ara wkoll l-istudju komparattiv dwar strateġiji ġodda għall-isfidi għall-privatezza, b'mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi, Jannar 2010(http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/studies/new_privacy_challenges/final_report_en.pdf). Għaddej ukoll studju għall-valutazzjoni tal-impatt għall-qafas legali tal-UE futur għall-protezzjoni tad-dejta personali.

[5] Id-Direttiva Nru 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37).

[6] Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 95/46/KE tistabbilixxi l-istandards dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-atti leġiżlattivi kollha tal-UE, inkluż id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 2002/58/KE (emendata bid-Direttiva 2009/136/KE - ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11). Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tapplika għall-ipproċessar tad-dejta personali f'konnessjoni mad-dispożizzjoni ta' servizzi elettroniċi tal-komunikazzjoni disponibbli pubblikament fin-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni. Hija traduċiet il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta f'regoli speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Id-Direttiva 95/46/KE tapplika inter alia għas-servizzi tal-komunikazzjoni li m'humiex pubbliċi.

[7] F'kontribuzzjonijiet separati li saru wara t-tmiem tal-konsultazzjoni pubblika, il-Europol u l-Eurojust talbu sabiex minkejja kollox jittieħed kont tal-ispeċifitajiet tax-xogħol tagħhom fir-rigward tal-koordinament tal-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni tal-kriminalità.

[8] Ara l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

[9] Ara l-Artikolu 16(2), l-aħħar paragrafu, TFUE, u l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

[10] Ara l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Każijiet C-101/01, ‘Bodil Lindqvist’, ECR [2003], I-1297, 96, 97, u C-275/06, Productores de Música de España (Promusicae) v Telefónica de España SAU, ECR [2008] I-271 Ara wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, eż. fil-każijiet: S. and Marper v. ir-Renju Unit, 4.12. 2008 (Applikazzjoni nri. 30562/04 u 30566/04) u Rotaru v. Romania, 4.5. 2000; nru. 28341/95, § 55, ECHR 2000-V.

[11] Ara d-definizzjonijiet 'kontrollur tad-dejta' u 'proċessur tad-dejta' fl-Artikolu 2(d) u (e) tad-Direttiva 95/46/KE.

[12] Ara l-Premessa 26 tad-Direttiva 95/46/KE

[13] Ara pereżempju l-każ tal-indirizz tal-IP. Eżaminat fl-Artikolu 29 tal-Opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma 4/2007 dwar il-kunċett ta' dejta personali (WP 136).

[14] Ara per eżempju s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża (Bundesverfassungsgericht) tas-27 ta' Frar 2008, 1 BvR 370/07.

[15] Ara l-Artikolu 10 u 11 tad-Direttiva 95/46/KE.

[16] Servej tal-Eurobarometer li sar fl-2009 wera li madwar nofs ta' dawk li wieġbu jqisu li n-notifiki dwar il-privatezza fil-websajts mhumiex ċari (ara Flash Eurobarometer Nru 282 :http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_282_en.pdf).

[17] Ara l-istudju kwalitattiv Safer Internet for Children li jikkonċerna tfal ta' 9-10 snin u 12-14, li wera li t-tfal għandhom it-tendenza li jissottovalutaw ir-riskji marbuta mal-użu tal-Internet u jimminimizzaw il-konsegwenzi tal-imġiba riskjuża li huwa disponibbli fi: http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/surveys/qualitative/index_en.htm).

[18] 'Il-Kummissjoni tinnota r-rieda tal-Parlament Ewropew li l-obbligu li jkunu innotifikati infrazzjonijiet rigward id-dejta personali m'għandux ikun limitat għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi iżda għandu japplika għal entitajiet bħall-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni […]. Għalhekk, il-Kummissjoni mingħajr dewmien se tibda x-xogħol preparatorju xieraq, inkluża konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, bil-għan li jkunu preżentati proposti f'dan il-qasam, kif xieraq, sal-aħħar tal-2011 […]',li jinsab http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2009-0360+0+DOC+XML+V0//EN Ara wkoll il-premessa 59 tad-Direttiva 2009/136/KE li temenda d-Direttiva dwar l-e-Privatezza 2002/58/KE: 'L-interess ġenerali tal-utenti li jiġu notifikati huwa b'mod ċar mhux limitat għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u għalhekk rekwiżiti ta’ notifika espliċiti u obbligatorji applikabbli għas-setturi kollha għandhom jiġu introdotti fil-livell Komunitarju bħala kwistjoni ta' prijorità'

[19] L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/136/KE.

[20] Ara l-Flash Eurobarometer Nru 225 – Il-Protezzjoni tad-Dejta fl-Unjoni Ewropea:http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_225_en.pdf.

[21] Cf. l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE.

[22] Cf. l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE.

[23] Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, C-101/01, ‘Bodil Lindqvist’, ECR [2003], I-1297, 96, 97.

[24] Ibidem , 97. Ara wkoll il-Premessa 9 tad-Direttiva 95/46/KE.

[25] Ara l-Artikolu 18 tad-Direttiva 95/46/KE.

[26] Rapport mill-Kummissjoni - L-ewwel Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (95/46/KE) – COM(2003) 265.

[27] Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 95/46/KE.

[28] Iż-Żona Ekonomika Ewropea tinkludi n-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Islanda.

[29] Ara b'mod partikolari opinjoni adottata mill-Grupp ta' Ħidma Artikolu 29 fit-13 ta' Lulju, 3/2010.

[30] Dwar il-PETs ara: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Promozzjoni tal-Protezzjoni tad-Dejta b'Teknoliġiji li jtejbu l-Privatezza (PETs) - COM(2007) 228. Il-Prinċipju ta' 'Privatezza bit-Tfassil' ifisser li l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta jkunu parti miċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tat-teknoloġiji, mill-istadju bikri tat-tfassil, sakemm jitnedew, jintużaw u jintremew. Dan il-priniċpju jidher inter alia, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Aġenda Diġitali għall-Ewropa' - COM(2010) 245.

[31] Il-possibbiltà kurrenti għal kontrollur tad-dejta li jaħtar Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta sabiex jiżgura, b'mod indipendenti, konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta nazzjonali u tal-UE u biex jgħin lill-individwi ġiet implimentata diġà f'għadd ta' Stati Membri (ara eż. 'Beauftragter für den Datenschutz' fil-Ġermanja u l-'correspondant informatique et libertés (CIL)' fi Franza).

[32] Ara l-Artikolu 27 tad-Direttiva 95/46/KE.

[33] Dwar dan l-aspett, ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-PETs, ċit. nota ta' qiegħ il-paġna 30.

[34] Ara l-Artikolu 3 (2), l-ewwel inċiż tad-Direttiva 95/46/KE.

[35] Ara l-Artikolu 16 tat-TFUE.

[36] Ara COM(2009) 262, 10.6.2009, u COM(2010) 171, 20.4.2010.

[37] id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JHA tas-27.11.2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60). Id-Deċiżjoni Qafas tipprevedi biss armonizzazzjoni minima tal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta.

[38] Din id-distinzjoni ma teżistix fl-istrumenti relevanti tal-Kunsill tal-Ewropa bħal: Il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Informazzjoni Personali (CETS Nru.: 108), il-Protokoll Addizzjonali dwar l-awtoritajiet superviżorji u l-flussi trans-konfinali ta' dejta (ETS Nru. 181) u r-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri li tirregola l-użu ta' data personali fis-settur tal-pulizija, adottata fis-17 ta' Settemrbu 1987.

[39] Kif meħtieġ mill-Prinċipju 3.2 tar-Rakkomandazzjoni Nru R(87) 15.

[40] Bil-kuntrarju għal Prinċipju 2 tar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 u r-rapporti ta' valutazzjoni tagħha.

[41] Ara ħarsa ġenerali ta' tali strumenti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Ħarsa ġenerali lejn il-ġestjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja' COM(2010) 385.

[42] L-Awtoritajiet Superviżorji Konġunti twaqqfu mill-istrumenti relattivi biex jiżguraw superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta, barra s-setgħat superviżorji ġenerali tas-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta (l-EDPS) fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni bażati fuq ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

[43] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/497/KE tal-15 ta' Ġunju 2001 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment tad-dejta personali lil pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 19); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/16/KE tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment tad-dejta personali lil pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 6, 10.1.2002, p. 52); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/915/KE tas-27 ta' Diċembru 2004 li temenda d-Deċiżjoni 2001/497/KE rigward l-introduzzjoni ta' sett alternattiv ta' klawsoli kuntrattwali standard għat-trasferiment tad-dejta personali lil pajjiżi terzi (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 74).

[44] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2010 dwar klawsoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta' data personali għall-proċessuri stabbiliti f'pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 39, 12.2.2010, p. 5).

[45] Il-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma, ċit (nota ta' qiegħ il-paġna 36).

[46] 'Regoli Korporattivi Vinkolanti' huma kodiċi tal-prattika bażati fuq l-istandards Ewropej tal-protezzjoni tad-dejta, li l-organizzazzjonijiet multinazzjonali fasslu u jsegwu b'mod volontarju biex jiżguaraw salvagwardji adegwati għat-trasferimenti jew kategoriji ta' trasferimenti ta' dejta personali bejn il-kumpaniji li huma parti mill-istess grupp korporattiv u li huma marbuta b'dawn ir-regoli korportattivi. Ara:http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/international_transfers_faq/international_transfers_faq.pdf.

[47] Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-9.3.2010, il-Kummissjoni v il-Ġermanja, Każ C-518/07.

[48] Dan huwa bħalissa l-każ għal sistemi kbar tal-IT, eżempju għas-SIS II (cf. l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 - ĠU L 318, 28.12.2006, p. 4) u għall-VIS (cf. l-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 - ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

[49] Il-Grupp ta' Ħidma Artikolu 29 huwa korp konsultattiv magħmul minn rappreżentant wieħed tal-Istati Membri, Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta, is-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (l-EDPS) u l-Kummissjoni mingħajr dritt tal-vot), li tipprovdi wkoll is-segretarjat. Ara:http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/index_en.htm .

[50] Il-Grupp ta' Ħidma Artikolu 29 għandu r-rwol li jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-livell ta' protezzjoni fl-UE u f'pajjiżi terzi u fuq kull miżura oħra relatata mal-ipproċessar tad-dejta personali.

[51] Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-9.3.2010, il-Kummissjoni v il-Ġermanja, Każ C-518/07.

[52] Dan jinkludi wkoll id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JHA: L-Istati Membri jridu jieħdu l-passi neċessarji biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas qabel is-27 ta' Novembru 2010.

Top