EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0553

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020

/* KUMM/2010/0553 finali */

52010DC0553




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 6.10.2010

KUMM(2010) 553 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020

SEG(2010) 1183

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020

INTRODUZZJONI

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi r-rwol tal-Politika Reġjonali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija 2020[1], fil-qasam tat-tkabbir intelliġenti u b'mod partikolari l-inizjattiva ewlenija, "Unjoni tal-Innovazzjoni". Kif enfasizza l-Kunsill Ewropew[2], il-Politika Reġjonali tista' toħroġ il-potenzjal tat-tkabbir tal-UE billi tippromwovi l-innovazzjoni fir-reġjuni kollha, filwaqt li tiżgura l-komplementarjetà bejn is-sostenn tal-UE, nazzjonali u reġjonali għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-intraprenditorija u l-ICT. Fil-fatt, il-Politika Reġjonali hija mezz ta' kif il-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni jissarrfu f'azzjoni prattika fuq il-post.

Hija tagħmel dan billi toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni, l-edukazzjoni u r-riċerka u b'hekk issostni r-riċerka u l-iżvilupp u l-investiment b'għarfien intensiv u tersaq lejn attivitajiet b'valur miżjud ogħla. B'hekk tista' tgħin biex tintlaħaq l-isfida ewlenija għall-Istati Membri u r-reġjuni li tiżdied il-kapaċità ta' innovazzjoni u riċerka u żvilupp fin-negozji u t-tisħiħ tar-rabtiet tiegħu ma' universitajiet u ċentri ta' riċerka.

Ir-reġjuni għandhom rwol ċentrali peress li huma s-sħab istituzzjonali ewlenija għall-universitajiet, istituti ta' riċerka u edukazzjoni oħrajn u SMEs, li huma ewlenin għall-proċess ta' innovazzjoni, li jagħmilhom parti indispensabbli mill-istrateġija Ewropa 2020.

Din il-Komunikazzjoni tikkomplementa dik tal- Unjoni tal-Innovazzjoni billi ssejjaħ lil min ifassal il-politika fl-Istati Membri fil-livelli kollha biex jaġixxu mingħajr dewmien biex jinvestu iktar mir-riżorsi li għadhom disponibbli mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fil-perjodu ta' programmazzjoni preżenti dwar it-tkabbir intelliġenti. Id-dokument l-ewwel jara x'inhi s-sitwazzjoni fir-reġjuni fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni filwaqt li jagħti ħarsa lejn ir-riżorsi li r-reġjuni ppjanaw li jinvestu f'dawn l-oqsma. Hu mbagħad jiddeskrivi l-elementi ewlenin ta' sforz imsaħħaħ fis-sostenn għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni skont il-Politika Reġjonali tal-UE. Hu jikkonkludi billi jressaq ideat konkreti għall-implimentazzjoni ta' sforzi bħal dawn.

POTENZJAL U SFIDI TAL-INNOVAZZJONI REġJONALI

L-Unjoni tal-Innovazzjoni hija bbażata fuq kunċett wiesgħa ta' innovazzjoni li ma tinkludix biss prodotti jew proċessi ġodda jew imtejba, imma wkoll servizzi, metodi ġodda għat-tqegħid fis-suq, għall-branding u għad-disinn u forom ġodda ta' organizzazzjoni tan-negozju u arranġamenti kollaborattivi. L-innovazzjoni qiegħda tinftiehem dejjem iktar bħala sistema miftuħa fejn atturi differenti jikkollaboraw u jinteraġixxu.

Għaldaqstant, hemm bżonn li s-sostenn pubbliku għall-innovazzjoni jadatta ruħu għal din il-bidla, billi jikkomplementa sforzi biex isostni r-riċerka u t-teknoloġija bil-promozzjoni ta' kollaborazzjoni miftuħa bejn il-partijiet interessati kollha.

Sostenn tali huwa ġġustifikat peress li l-forzi tas-suq ma jkunux dejjem jistgħu jiżguraw finanzjament adegwat fit-tul għall-investiment dovut għad-differenzi bejn ir-redditi soċjali u dawk privati, riżultati inċerti, asimetrija tat-tagħrif u falliment tas-sistema (eż. regolazzjoni ineffiċjenti). L-intervent pubbliku huwa importanti daqstant biex jiffaċilita l-bidla. Il-ġeografija tal-innovazzjoni hija madankollu diversifikata ħafna b'ċerti reġjuni jikkompetu mad-dinja kollha fuq il-front teknoloġiku filwaqt li oħrajn ibatu biex jersqu qrib dak il-front billi jadottaw u jaddattaw soluzzjonijiet innovattivi għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom ("qasma fl-innovazzjoni"). Hemm bżonn li s-sostenn pubbliku jfassal strateġija u interventi biex jirrifletti din id-diversità.

Diversità reġjonali għas-servizz ta' għan komuni: tkabbir intelliġenti

Biex jintlaħaq l-għan ta' Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, hemm bżonn li jiġi mmobilizzat il-potenzjal innovattiv sħiħ tar-reġjuni tal-UE. L-innovazzjoni hija importanti għar-reġjuni kollha; għal dawk avvanzati biex jibqgħu fuq quddiem u għal dawk li baqgħu lura biex jilħqu lill-oħrajn[3].

Mappa 1: Indiċi Reġjonali ta' Rendiment tal-Innovazzjoni

[pic]

Il-kapaċità ta' għarfien u innovazzjoni tar-reġjuni tiddependi fuq ħafna fatturi - il-kultura tan-negozju, il-ħiliet tal-forza tax-xogħol, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi għas-sostenn tal-innovazzjoni, il-mekkaniżmi tat-trasferiment teknoloġiku, l-istruttura għar-riċerka u l-iżvilupp u l-ICT, il-mobilità tar-riċerkaturi, inkubaturi tan-negozju, sorsi ġodda ta' finanzjament u l-potenzjal kreattiv lokali. Governanza tajba hija kruċjali wkoll. Ir-rendiment fir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni jvarja sew madwar l-UE kif jidher mill-Indiċi Reġjonali ta' Rendiment tal-Innovazzjoni (ara l-Mappa 1), indikatur kompost ta' ħafna minn dawn il-fatturi.

Bl-istess mod, id-distakk bejn il-mira tal-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp ta' 3 % tal-PGD ivarja sew minn reġjun għall-ieħor. 27 reġjun biss fl-UE, madwar wieħed minn kull għaxra, laħqu dik il-mira (ara l-Mappa 2). Effetti ta' agglomerazzjoni jwasslu biex riżorsi tar-riċerka u l-iżvilupp ikunu kkonċentrati fi ftit reġjuni li qegħdin fuq quddiem (eż. fi Braunschweig (il-Ġermanja) fejn l-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp huwa ta' kważi 7 % tal-PGD) filwaqt li jkunu baxxi ħafna f'reġjuni oħrajn (eż. Severen tsentralen (il-Bulgarija) fejn qiegħda taħt il-1 %).

Mappa 2: Infiq fir-riċerka u l-iżvilupp

[pic]

Il-Politika Reġjonali ssostni t-tkabbir intelliġenti fir-reġjuni kollha

L-Istati Membri u r-reġjuni huma diġà impenjati li jsostnu t-tkabbir intelliġenti minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi sfavorevoli. Kważi EUR 86 biljun huma allokati lil dawn l-oqsma politiċi, tliet kwarti minnhom ikunu ffinanzjati mill-FEŻR (EUR 65 biljun).

Madankollu, is-sotenn mogħti lir-riċerka u l-innovazzjoni mill-Politika Reġjonali jvarja bil-kbir minn reġjun għall-ieħor (ara l-Mappa 3). Huwa għandu t-tendenza li jkun ogħla f'reġjuni iktar avvanzati li jsaħħa ċirku virtwuż ta' tkabbir immexxi mill-innovazzjoni. Il-politika trid taħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Programm Komunitarju għall-Innovazzjoni u s-7 Programm Qafas ta' Riċerka (FP7). Filwaqt li dan tal-aħħar għandu jkompli jiffoka fuq sostenn għall-eċċellenza, it-tagħlim reċiproku u l-kooperazzjoni madwar l-UE kollha ta' riċerkaturi u intrapriżi, il-Politika Reġjonali għandha tkompli tiffoka s-sostenn fuq l-iżgurar li r-reġjuni kollha jkunu kapaċi jassorbu u jagħmlu użu effettiv mill-innovazzjoni, sabiex il-benefiċċji tagħha jixxerrdu mal-UE kollha, li b'hekk jgħin il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-Unjoni li huwa bbażat fuq l-għarfien.

Mappa 3: Finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni għall-RTD u l-innovazzjoni, 2007-2013

[pic]

Sa minn Settembru 2009[4] EUR 22 biljun biss jew 26 % mis-EUR 86 biljun inizjalment ippjanati taħt il-Politika Reġjonali tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluża l-intraprenditorija u l-ICT li bħalissa huma allokati għall-proġetti (ara l-Grafika 1)

Grafika 1: Rata ta' Progress fl-għażla tal-proġetti tal-innovazzjoni skont l-Istat Membru,

2007-2013

[pic]

Għalhekk hemm bżonn li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni, jiġi ottimizzat l-impatt tal-interventi, l-attivitajiet jiġu riorjentati lejn oqsma li jagħtu lir-reġjuni l-aqwa ċans li jiżviluppaw vantaġġ kompetittiv u tiġi mmassimizzata s-sinerġija bejn is-sorsi differenti ta' finnanzjament Komunitarju għall-innovazzjoni.

EWROPA 2020: IT-TISħIħ TAL-KONTRIBUZZJONI TAL-POLITIKA REġJONALI TAL-UE

Hemm bżonn ta' intelliġenza strateġika biex jiġu identifikati l-attivitajiet ta' valur għoli miżjud li joffru l-aqwa ċans ta' tisħiħ tal-kompetittività reġjonali. Biex iħallu l-ikbar impatt, ir-riżorsi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni jridu jilħqu massa kritika u jkunu akkumpanjati mill-miżuri biex jiżdiedu l-ħiliet, l-livelli tal-edukazzjoni u l-infrastruttura tal-għarfien.

Il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali għandhom, għaldaqstant, jiżviluppaw strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-Politika Reġjonali flimkien ma' politiki oħrajn tal-Unjoni.

Strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti jistgħu jiżguraw użu iktar effettiv tal-fondi pubbliċi u jistgħu jistimulaw l-investiment privat. Huma jistgħu jgħinu lir-reġjuni jikkonċentraw ir-riżorsi tagħhom fuq ftit prijoritajiet ewlenin minflok ma jaqsmu l-investiment f'biċċiet żgħar għal oqsma u setturi tan-negozju differenti. Huma jistgħu jkunu wkoll element ewlieni fl-iżvilupp ta' governanza b'ħafna livelli għall-politiki ta' innovazzjoni integrati. Barra minn hekk huma għandhom ikunu marbuta mill-qrib ma' suġġetti politiċi oħrajn u jeħtieġu fehim tal-qawwiet reġjonali relattivi ma' reġjuni oħra[5] u tal-ksib possibbli ta' kooperazzjoni interreġjonali u transnazzjonali.

Minflok tkun strateġija imposta minn fuq, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tinvolvi n-negozji, iċ-ċentri ta' riċerka u l-universitajiet li jaħdmu flimkien biex jidentifikaw l-oqsma ta' speċjalizzazzjoni l-iktar promettenti ta' reġjun, imma wkoll id-dgħufijiet li jtellfu l-innovazzjoni. Hija tqis il-kapaċitajiet varji tal-ekonomiji reġjonali biex jinnovaw. Filwaqt li r-reġjuni li qegħdin fuq quddiem jistgħu jinvestu biex javvanzaw teknoloġija ġenerika jew innovazzjoni ta' servizz, għall-oħrajn, l-investiment fl-applikazzjoni tagħha f'settur partikolari jew setturi relatati spiss iħalli iktar frott.

Is-sostenibilità tal-istrateġija se tiddependi fuq il-puntwalità u l-koordinament tal-miżuri politiċi, u dwar il-governanza, inklużi modi ta' kif jistgħu jiġu ingaġġjati l-partijiet interessati. Din għandha tinkludi mekkaniżmi għat-tagħlim tal-politika, b'mod partikolari permezz ta' reviżjonijiet tal-pari, li jinvolvu uffiċjali pubbliċi, prattikanti u partijiet reġjonali interessati. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti hemm bżonn li tisfrutta d-diversità reġjonali, tistimula l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri nazzjonali u reġjonali u tiftaħ opportunitajiet ġodda, billi tevita l-frammentazzjoni u tiżgura li l-għarfien jiċċirkola iktar liberament madwar l-UE.

X'għandhom ikunu l-elementi ewlenin ta' strateġiji bħal dawn? Xi ideat huma elenkati hawn taħt, mingħajr ebda ambizzjoni li l-lista tkun eżawrjenti u r-reġjuni jistgħu jużaw f'kumbinazzjoni differenti biex titfassal l-istrateġija tagħhom sabiex tiġi riflessa s-sitwazzjoni speċifika tagħhom.

Għenieqed ta' innovazzjoni għat-tkabbir reġjonali

Għenieqed - konċentrazzjonijiet ġeografiċi ta' kumpaniji, spiss SMEs, li jinteraġixxu ma' xulxin u mal-klijenti u l-fornituri u spiss jaqsmu grupp ta' ħaddiema speċjalisti, servizzi finanzjarji u tan-negozju, faċilitajiet ta' taħriġ u riċerka u żvilupp - huma element importanti fl-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti. Huma jipprovdu ambjent favorevoli biex titrawwem il-kompetittività u tingħata spinta lill-innovazzjoni. Is-sostenn għall-iżvilupp tagħhom irid ikun ikkonċentrat f'oqsma ta' vantaġġ komparattiv.

Ambjenti ta' negozju tajbin għall-innovazzjoni għall-SMEs

Settur tal-SMEs li jkun sejjer tajjeb huwa essenzjali għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni u għalhekk għall-koeżjoni. L-SMEs huma ċentrali għall-ekonomija tal-UE: xi 20 miljun minnhom huma responsabbli għal kważi 60 % tal-valur miżjud u żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat. 'Il fuq minn 92 % huma mikrointrapriżi li jimpjegaw inqas minn 10 persuni[6]. L-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali għandhom għalhekk isostnu ambjenti tan-negozju tajbin għall-innovazzjoni biex jgħinu lill-SMEs, speċjalment dawk b'rata intensa ta' riċerka u żvilupp, u l-ħolqien ta' intrapriżi ġodda. Il-valutazzjoni ex-post tal-FEŻR fl-2000-2006 sabet li għalkemm is-sostenn ippermetta l-ħolqien ta' mill-inqas miljun impjieg u żieda fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, hemm bżonn li jsir iktar użu estensiv mis-self, il-finanzjament tal-ekwitajiet u forom oħra ta' inġinerija finanzjarja.

Tagħlim tul il-ħajja fir-riċerka u l-innovazzjoni

Ħafna universitajiet fl-UE qed jgħinu biex jikkummerċjalizzaw ir-riċerka billi jżidu l-ħsieb intraprenditorjali tal-istudenti u billi jikkollaboraw ma' intrapriżi reġjonali fl-innovazzjoni, biex b'hekk isiru dejjem iktar involuti fl-iżvilupp ekonomiku reġjonali. Hemm bżonn ta' iktar każijiet ta' dan it-tip.

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija huwa l-ewwel inizjattiva li għandha l-għan li tagħti spinta lill-kompetittività tal-UE billi tintegra bis-sħiħ l-edukazzjoni ogħla, ir-riċerka u n-negozju (it-Trijangolu tal-Għarfien) biex tiġġenera u tippromwovi l-innovazzjoni ta' impatt u livell ta' klassi dinjija. L-EIT għalhekk għandu kontribut importanti x'jagħti lix-xenarju Ewropew tal-innovazzjoni.

L-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif imsemmi fl-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 "Żgħażagħ Attivi" u fl-inizjattiva l-ġdida "Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda", huma vitali għall-iżvilupp ta' kapaċità reġjonali għall-innovazzjoni. Iffukar tal-kurrikuli tal-iskejjel, il-kurrikuli vokazzjonali u l-kurrikuli tal-edukzzjoni ogħla għal fuq kompetenzi trasversali bħall-kreattività, l-intraprenditorija u l-inizjattiva se tgħin liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom għall-innovazzjoni. Għandhom jiġu promossi iktar proġetti biex tiġi sostnuta kooperazzjoni effettiva bejn it-tipi kollha ta' edukazzjoni, istituzzjonijiet tat-taħriġ u negozji mill-FEŻR.

Infrastruttura ta' riċerka reġjonali attraenti u ċentri ta' kompetenza

L-infrastruttura tar-riċerka hija ċentrali għas-sistemi tal-innovazzjoni bbażati fuq l-għarfien. Hemm bżonn ta' approċċ maqsum fi tlieta biex ir-reġjuni jingħataw l-għajnuna biex jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom: (i) l-iżvilupp ta' riċerka ta' klassi dinjija u infrastruttura tal-ICT li tibni fuq l-eċċellenza xjentifika reġjonali eżistenti permezz ta' sostenn mill-Fond Strutturali, (ii) it-twaqqif ta' netwerks ta' faċilitajiet ta' riċerka għal pajjiżi inqas intensivi fir-riċerka u (iii) l-iżvilupp tal-Faċilitajiet ta' Sħubijiet Reġjonali (RPF). L-iżvilupp ulterjuri u l-użu ta' infrastruttura elettronika bbażata fuq l-ICT biex tiġi interkonnessa u ffaċilitata l-kollaborazzjoni bejn timijiet ta' riċerka f'postijiet ġeografiċi differenti u l-qsim ta' riżorsi xjentifiċi u għarfien huwa mezz essenzjali biex dan iseħħ.

L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għandhom iqisu, b'mod partikolari, kif il-Politika Reġjonali tal-UE tista' tikkontribwixxi għall-għan tal-2015 tal-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni li jitlestew jew jinbdew 60 % tal-infrastruttura tar-riċerka li bħalissa hija identifikata mill-Forum Ewropew għall-Istrateġija dwar l-Infrastrutturi ta' Rierka (ESFRI).

Kreattività u industriji kulturali

Il-kapaċità tal-UE biex tirkupra mill-kriżi u tilħaq l-isfidi fit-tul ma sserraħx biss fuq bażi industrijali qawwija imma wkoll fuq il-kreattività u l-ħiliet tan-nies, il-governanza u valuri soċjali b'saħħithom - solidarjetà, rispett għall-ambjent, trasparenza u diversità kulturali.

L-industriji kulturali u kreattivi, li jiffjorixxu fil-livell lokali u reġjonali, qegħdin f'pożizzjoni strateġika biex jillinkjaw il-kreattività mal-innovazzjoni. Dawn jistgħu jgħinu biex jagħtu spinta lill-ekonomiji lokali, jistimulaw attivitajiet ġodda, joħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli, ikollhom effetti li jolqtu lill-industriji l-oħra u jsaħħu l-attraenza tar-reġjuni u l-bliet[7]. L-industriji kreattivi huma għalhekk il-katalisti għall-bidla strutturali f'ħafna żoni industrijali u żoni rurali bil-potenzjal biex jiġu rinġovaniti l-ekonomiji tagħhom u jikkontribwixxu għal bidla tal-immaġni pubblika tar-reġjuni.

Huma għandhom jiġu integrati fi strateġiji ta' żvilupp reġjonali sabiex tiġi żgurata sħubija bejn is-soċjetà ċivli, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej.

L-Aġenda Diġitali

L-Aġenda Diġitali għandha l-mira li twassal benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali bbażat fuq applikazzjoni tal-internet veloċi u li tiftaħ l-aċċess għall-kontenut onlajn.

Is-sostenn għall-Politika Reġjonali għall-broadband fl-2000-2006 u l-2007-2013 għen biex jitnaqqas id-distakk f'kemm nies jieħdu l-broadband bejn ir-reġjuni b'popolazzjoni mxerrda u dawk b'popolazzjoni densa minn 67 % fl-2004 għal 24 % fl-2008 u d-distakk fil-kopertura tal-broadband bejn ir-reġjuni rurali u dawk urbani minn 33 % fl-2004 għal 28 % fl-2007. Imma għad fadal distakki b'mod partikolari fiż-żoni rurali: 94 % tal-Ewropej huma koperti minn netwerks broadband imma 80 % biss mill-popolazzjoni rurali.

Ħafna reġjuni għadhom ibatu biex jinvestu l-finanzjament tal-FEŻR allokat għall-ICT (madwar 4,4 % tal-ammont totali) parzjalment minħabba nuqqas ta' kapaċità ta' ppjanar. Hemm bżonn ukoll ta' iktar investiment privat fl-ICT biex ipatti għal-limiti baġitarji dwar l-infiq pubbliku. Fir-rigward tal-importanza tal-ICT għas-sistema ta' innovazzjoni, l-istati membri għandhom jikkunsidraw kif jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-FEŻR biex jiġi aċċellerat il-ksib tal-għanijiet tal-UE 2020 għall-aċċess għall-broadband inkluża kopertura totali, bl-użu ta' teknoloġiji differenti (fibri, adsl, konnessjoni bla fili, satellita) disponibbli biex jaddattaw l-bżonnijiet ġeografiċi differenti u l-isfidi tar-reġjuni madwar l-UE.

Akkwist pubbliku

L-akkwist pubbliku huwa mutur ewlieni tal-innovazzjoni peress li jista' jgħin lill-intrapriżi innovattivi jħaffu l-introduzzjoni fis-suq ta' innovazzjonijiet u ritorn fuq l-investiment. Akkwist pubbliku innovattiv ifisser is-settur pubbliku li jieħu r-rwol u r-riskji ta' klijent ewlieni, filwaqt li jtejjeb il-kwalità tas-servizzi tiegħu u l-produttività.

Il-baġits għall-akkwist għandhom jinkludu akkwist tat-tip prekummerċjali kif ukoll Sħubijiet ta' Innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida u sostenn biex tistimula l-proċess, inkluż qafas ġuridiku biex tiffaċilita l-akkwist konġunt bejn entitajiet kuntrattanti minn Stati Membri differenti.

Proċessi bħal dawn qed jiġu żviluppati f'reġjuni inkużi fl-inizjattiva "Reġjuni għal Bidla Ekonomika" u hemm bżonn li jiġu integrati fil-Programmi Operattivi.

Politika Reġjonali li tindirizza l-isfidi l-kbar permezz ta' Sħubijiet Ewropej ta' Innovazzjoni

Xi sfidi tas-soċjetà jwasslu biex approċċ koordinat maġġuri fil-livell tal-UE jkun neċessarju għas-sejbien u t-tħaddim ta' soluzzjonijiet effettivi. Dawk identifikati fl-Ewropa 2020 jinkludu bdil fil-klima, effiċjenza tar-riżorsi u tal-enerġija, skarsità ta' materja prima u tixjiħ demografiku.

L-Unjoni tal-Innovazzjoni tinkludi għadd ta' Sħubijiet Ewropej ta' Innovazzjoni biex jiġu ttrattati sfidi speċifiċi billi jiġu pprovduti l-mezzi biex jinġabru flimkien ir-riżorsi u jingħaqdu flimkien l-atturi prinċipali kollha kif ukoll l-istrumenti politiċi rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE bil-ħsieb li jintlaħqu miri komuni.

Il-Politika Reġjonali għandha tkompli tindirizza dawn l-isfidi u jridu jinstabu mezzi biex jiġu integrati s-Sħubijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni tagħha.

ŻIEDA FIS-SINERġIJI BEJN L-ISTRUMENTI POLITIċI

Il-Kunsill[8] u l-Parlament Ewropew[9] enfasizzaw l-importanza tat-tisħiħ tas-sinerġija bejn il-politiki ta' sostenn tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Huma sejħu biex il-Kummissjoni tesplora modi ulterjuri ta' armonizzazzjoni u semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri għall-miżuri kkonċernati u biex jiġu eżaminati l-interkonnessjonijiet bejniethom, sabiex tiġi pprovduta gwida u titrawwem il-kooperazzjoni ma' entitajiet nazzjonali u reġjonali involuti fl-implimentazzjoni tagħhom.

Minn dak iż-żmien, ittieħdu għadd ta' passi ta' sostenn kemm għal dawk involuti direttament fl-innovazzjoni u kemm għall-entitajiet pubbliċi responsabbli għat-tfassil ta' sistemi ta' innovazzjoni reġjonali u għall-forniment ta' servizzi ta' sostenn. Għall-ewwel wieħed, il-Kummissjoni ppubblikat "Gwida prattika"[10] għar-riċerkaturi u l-intrapriżi. Għal min ifassal il-politika fil-livell nazzjonali u reġjonali, qed isiru sforzi biex jiġu infurmati bil-benefiċjarji lokali ta' finanzjamenti tal-UE biex jiżdied il-potenzjal ta' sinerġija bejn l-attivitajiet ikkonċernati.

Is-servizzi tal-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali, qed jesploraw kemm il-programmi kofinanzjati jistgħu jipprovdu sostenn finanzjarju komplementari għall-FP7:

- għall-kostruzzjoni ta' infrastruttura ta' riċerka prevista mil-Pjan ESFRI

- għall-proġetti taħt l-azzjoni ta' Potenzjal ta' Riċerka tal-FP7 li kienu vvalutati b'mod pożittiv imma li ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba nuqqas ta' riżorsi.

Possibilità oħra hija li l-Istati Membri u r-reġjuni jadottaw l-aqwa prassi mill-ġestjoni tal-proġetti tal-FP7 u, permezz tal-użu ta' reviżjoni tal-pari internazzjonali, jidentifikaw prijoritajiet ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-programmi ta' Politika Reġjonali tal-UE.

Parks għax-xjenza u teknoloġija, kif ukoll inkubaturi tan-negozju, huma importanti fil-faċilitazzjoni tal-innovazzjoni u l-istimolu tal-iżvilupp reġjonali[11]. Il-Kummissjoni reċentement ipproduċiet "Gwida Intelliġenti għall-Inkubaturi Bbażati fuq l-Innovazzjoni" għal min ifassal il-politika reġjonali[12].

L-Enterprise Europe Network (in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi) huwa bbażat fuq l-entitajiet ta' sostenn tan-negozju u l-innovazzjoni lokali u reġjonali, li ħafna minnhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni tal-FEŻR. In-Netwerk jippromwovi l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-proġetti tal-FP7 u s-CIP u jrawwem sħubijiet ta' negozju u trasferiment tat-teknoloġija, biex b'hekk jgħin lill-kumpaniji biex jikkonnettjaw man-netwerks transnazzjonali tal-innovazzjoni u l-għarfien. In-Netwerk iżid ukoll il-kapaċità ta' għaqdiet ta' sħubija lokali u reġjonali biex joffru servizzi ta' sostenn addattati għall-ktajjen ta' valur dejjem iżjed globali.

Barra minn hekk, fil-livell tal-UE, sostenn għall-programmi transnazzjonali (eż. L-Istrateġija għall-Baħar Baltiku) u kooperazzjoni interreġjonali (eż. ir-Reġjuni tal-Għarfien tal-FP7, inizjattivi għenieqed tas-CIP u INTERREG IVC u URBACT, inkluża l-inizjattiva għar-Reġjuni għall-Bidla Ekonomika) jgħinu lir-reġjuni jipparteċipaw iżjed fir-riċerka tal-eċċellenza globali u jżidu l-opportunitajiet ta' tagħlim.

KONKLUżJONIJIET

Din il-Komunikazzjoni ssejjaħ lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jgħinu ħalli jinkisbu l-għanijiet ta' tkabbir intelliġenti tal-Ewropa 2020 permezz tal-Politika Reġjonali u l-finanzjament tagħha, il-FEŻR.

Bidliet ewlenin fil-mod li topera l-Politika Reġjonali jisgħu jkunu previsti biss fil-qafas finanzjarju multiannwali li ġej. Madankollu, fl-aħħar tliet snin tal-perjodu ta' programmazzjoni ta' bħalissa, l-Istati Membri u r-reġjuni diġà jistgħu jibdew jiffukaw mill-ġdid il-prassi tagħhom. L-anness ma' din il-komunikazzjoni jissuġġerixxi modi għall-bini ta' diversità reġjonali u biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta' riżorsi skarsi billi jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn is-sorsi tal-finanzjament u bejn is-sistemi ta' riċerka u innovazzjoni f'reġjuni differenti. Dawn l-azzjonijiet għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni" u jkunu komplementarji għaliha.

Anness 1 - Azzjonijiet biex jinkisbu l-għanijiet ta' tkabbir intelliġenti tal-UE 2020 permezz tal-politika reġjonali u l-finanzjament tagħha

Azzjoni 1: L-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti

Din l-azzjoni għandha l-għan li r-riżorsi jkunu kkonċentrati fuq iż-żoni l-iktar promettenti ta' vantaġġ komparattiv, eż dwar għenieqed, setturi eżistenti u attivitajiet transsettorjali, ekoinnovazzjoni, swieq b'valur għoli miżjud jew oqsma ta' riċerka speċifiċi. L-iżvilupp ta' strateġiji ta' dan it-tip jista' jibda minnufih, billi jkun hemm irfid fuq is-sostenn għal għajnuna teknika u soġġezzjoni ta' dawn l-istrateġiji għal reviżjoni tal-pari internazzjonali.

Jekk din l-attenzjoni tkun ritenuta, hija trid tkun akkumpanjata minn żewġ miżuri ta' affjankament:

- Tisħiħ tas-sostenn mill-FEŻR għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-perjodu attwali biex tingħata spinta lill-investiment f'dawn l-oqsma, inkluż billi wieħed jieħu mill-finanzjament komplementari mill-FP7 u s-CIP. Il-kundizzjonijiet qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni u ekonomija bbażata fuq l-għarfien għandhom jittejbu billi s-sostenn mill-FEŻR jiġi allinjat mal-prijoritajiet tal-Programm ta' Riforma Nazzjonali (marbuta mal-Linja Gwida 4 tal-Linji Gwida tal-Politika Ekonomika u tal-Impjiegi Integrata).

- Użu sħiħ mill-flessibilità tal-programmi tal-Politika Reġjonali tal-UE biex il-finanzjamenti jiddawru għal din il-fini. Il-Kummissjoni se tappoġġja talbiet b'ridirezzjonijiet bħal dawn li jkunu jaqblu mal-approċċ ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u jħaffu l-approvazzjoni tagħhom.

Azzjoni 2: użu iktar estensiv tal- istrumenti ta' inġinerija finanzjarja li jsostnu l-innovazzjoni, inkluż self aġevolat, garanziji u kapital ta' riskju, skont it-tip u d-daqs tal-intrapriża u r-riskju involut. L-espansjoni tas-self u l-finanzjament tal-ekwità għall-innovazzjoni permezz tal-istrumenti eżistenti inkluż il-grupp tal-BEI, u partikolarment l-SMEs għandhom ikunu prijorità politika.

Azzjoni 3: tfittxija li tinkiseb il-possibilità (skont l-Artikolu 37 (6)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006) ta' finanzjament għall- koperazzjoni interreġjonali għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni skont l-Għanijiet ta' Konverġenza u Kompetittività Reġjonali u aċċess aħjar għar-riċerka internazzjonali u n-netwerks ta' innovazzjoni skont l-FP7 u s-CIP;

Azzjoni 4: żgurar ta' koerenza bejn il-politika tal-innovazzjoni u r-riċerka li tagħti spinta lill-provvista u dik tal-ġibda għad-domanda, billi jsir użu mill-opportunitajiet offruti permezz ta' akkwist pubbliku kkofinanzjat mill-FEŻR biex jiżdied il-kontenut tal-innovazzjoni tal-prodotti, il-proċessi u s-servizzi;

Azzjoni 5: l-użu ta' reviżjoni tal-pari internazzjonali minn esperti indipendenti għal proġetti ta' riċerka b'mod iktar sistematiku biex issaħħaħ l-effettività tas-sostenn;

Azzjoni 6: konsiderazzjoni tal-użu mill-FEŻR għall-finanzjament ta' proġetti FP7 u CIP adatti mill-għażla preliminari ;

Azzjoni 7: sfruttament tal-possibilitajiet għat-titjib ta' politika ta' innovazzjoni reġjonali permezz ta' tagħlim tal-pari offrut mill-pjattaformi u netwerks FP7, CIP u INTERREG IV C.

L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta' hawn fuq għandhom jiġu stabbiliti f'taqsima ddedikata tar-rapporti ta' implimentazzjoni u diskussi mill-Kumitati ta' Monitoraġġ tal-Programm.

Anness 2 - Lista ta' azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni

Bħala sostenn għall-azzjoni msemmija fl-Anness 1 fil-każ li jinżammu mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se:

- Tiffaċilita l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti mill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali billi:

- tiżviluppa "Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti" qabel l-2012, li tgħaqqad l-għarfien espert mill-universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka, l-awtoritajiet reġjonali, in-negozji u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex tgħin biex jiġu identifikati l-bżonnijiet, il-punti b'saħħithom u l-opportunitajiet;

- dejta, analiżi politika u tagħrif dwar ir-rendiment tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni minn perspettiva li tqis l-UE kollha (b'mod partikolari l-Osservatorju Ewropew tal-Għenieqed, l-Iskorbord u l-Monitor tal-Innovazzjoni Reġjonali u l-Osservatorju tal-Innovazzjoni Settorjali);

- pjattaformi għal tagħlim reċiproku dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġiji bħal dawn (inklużi l-finanzjament mis-CIP "Forum Ewropew ta' Kooperazzjoni tal-Għenieqed"[13] u l-Alleanza Ewropea tal-Għenieqed u r-"Reġjuni tal-Għarfien" iffinanzjat mill-FP7 u l-proġetti tal-Potenzjal ta' Riċerka).

- Tgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jimplimentaw il-proġetti tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz tat-trasferiment tal-għarfien u t-tixrid tal-prassi tajba, bl-għajnuna tal-inizjattiva "Reġjuni għall-Bidla Ekonomika" (inkluża "RegioStars") u billi jingħata sostenn tekniku għal netwerks reġjonali Fast Track kif ukoll għal kollaborazzjoni reġjonali appoġġjata pereżempjun minn INTERREG IVC, Reġjuni tal-Għarfien u attivitajiet ta' għenieqed iffinanzjati mis-CIP.

- Taħdem mill-qrib ma' istituzzjonijiet finanzjarji biex iġġib finanzjament u timmassimizza l-użu ta' strumenti finanzjarji eżistenti, kif xieraq, inkluż billi possibilment jiġi stabbilit spazju/faċilità tal-RSFF[14] iddedikata lir-Reġjuni ta' Konverġenza, użu iktar intensiv minn JEREMIE[15] biex jiġi pprovdut finanzjament għar-riskju u garanziji biex tiġi stimulata l-innovazzjoni fl-SMEs u negozji fil-bidu bbażati fuq it-teknoloġija; kif ukoll billi jiġu eżaminati modi ta' kif jiġi estiż l-ambitu ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja eżistenti għal attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni ġodda.

- Tiffaċilita l-opportunitajiet tan-negozju għall-SMEs billi tikkonsolida u ssaħħaħ l- Enterprise Europe Network (EEN), li s-sħab tiegħu għandhom, min-naħa tagħhom, jgħinu lill-organizzazzjonijiet biex jagħmlu użu aħjar mill-finanzjament għall-innovazzjoni tal-FEŻR.

- Ittejjeb il-koerenza u l-komplementarjetà tal-politiki tal-UE għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni , bl-għan li:

- jiġu identifikati u promossi t-teħid ta' eżempji ta' prassi tajba għal min ifassal il-politika u l-fornituri ta' sostenn għall-innovazzjoni; tespandi u taġġorna l-"Gwida Prattika għall-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE" f'dan il-qasam u jiġi stabbilit portal uniku fuq l-internet għas-sostenn mill-Kummissjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni, marbut ma', jew inkluż fil-Portal tal-Parteċipanti tal-FP7 biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-entitajiet innovattivi għall-finanzjament tal-UE.

-

[1] COM (2010)2020 “Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv."

[2] Il-Kunsill tal-UE EUCO 13/10, 17 ta' Ġunju 2010.

[3] R. Wintjes, H. Hollanders, "The regional impact of technological change in 2020".

[4] COM (2010)110 Politika ta' koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013

[5] L-input tal-Presidenza Belġjana għall-kunsill ta' kompetittività informali, Lulju 2010.

[6] "Innovation policy at regional level: Crafts and SME priorities for the new Innovation Strategy" – Dokument ta' diskussjoni mis-segretarjat tal-UEAPME (2010).

[7] COM(2010)183 “L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi."

[8] Konklużjonijiet tas-17 ta' Mejju 2010

[9] Riżoluzzjoni tal-PE (EP:A7-0138/2010, P7_TA(2010) 0189; Mejju 2010).

[10] http://cordis.europa.eu/eu-funding-guide/home_en.html

[11] EESC CCMI/072 (Lulju2010), "Parks tat-Teknoloġija, l-Innovazzjoni industrijali u x-Xjenza".

[12] http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/working/sf2000_en.ht

[13] Li jrid jiġi stabbilit taħt l-Osservatorju Ewropew tal-Għenieqed fl-2011

[14] Risk-Sharing Finance Facility (RSFF - Faċilità ta' Finanzjament ta' Qsim tar-Riskju) hija faċilità li tiffinanzja d-dejn kożviluppat mill-KE u l-BEI sabiex jitrawwem l-investiment privat fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni.

[15] L-Artikolu 44 tar-Regolament 1083/2006

Top