EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0543

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea

/* KUMM/2010/0543 finali */

52010DC0543

/* KUMM/2010/0543 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 8.10.2010

KUMM(2010) 543 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea

1. GħELUQ TAċ-ċIKLU: MINN REGOLAMENTAZZJONI AħJAR GħAL DIK INTELLIġENTI

Il-problemi ekonomiċi u finanzjarji ta' dawn l-aħħar sentejn kellhom lezzjonijiet importanti għall-politika regolatorja. L-iktar importanti, huma kkonfermaw li s-swieq ma jeżistux f'iżolament, iżda jeżistu biex jagħtu prosperità sostenibbli lil kulħadd, u dan mhux dejjem se jkun possibbli jekk ikunu waħedhom. Ir-regolamentezzjoni għandha rwol pożittiv u neċessarju. Il-kriżi enfasizzat il-ħtieġa li jiġu indirizzati miżuri regolatorji mhux kompluti, ineffiċjenti u li għandhom prestazzjoni dgħajfa u, f'ħafna każijiet, biex isir dan kemm jista' jkun malajr.

L-approċċ tagħna għar-regolamentazzjoni huwa li tippromwovi l-interessi taċ-ċittadini, u li tagħti l-firxa sħiħa ta' għanijiet tal-politika pubblika li jinkludu l-iżgurar tal-istabilità finanzjarja u t-trattament tal-bidla fil-klima. Ir-regolamenti tal-UE jikkontribwixxu wkoll għall-kompetittività tan-negozji billi jsostnu s-suq uniku, u b'hekk jeliminaw il-frammentazzjoni għalja tas-suq intern minħabba r-regoli nazzjonali differenti. Fl-istess ħin, minħabba li aħna niddependu fuq in-negozji, b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji, biex jerġgħu jpoġġuna fit-triq għat-tkabbir sostenibbli, aħna rridu nillimitaw il-piżijiet għalihom għal dak li huwa biss neċessarju, u nippermettulhom li jaħdmu u jikkompetu b'mod effiċjenti.

Fi ftit kliem, huwa essenzjali li jkollna leġiżlazzjoni tajba sabiex aħna nwasslu l-għanijiet ambizzjużi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv stipulat mill-Istrateġija Ewropa 2020[1].

L-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar diġà wasslet għal bidla sinifikanti dwar kif il-Kummissjoni tfassal il-politika u tipproponi r-regolamenti. Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-valutazzjonijiet tal-impatt issa huma partijiet essenzjali tal-proċess tat-tfassil tal-politika. Huma żiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà, u ppromwovew tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza. Din is-sistema hija kkunsidrata bħala prattika tajba fi ħdan l-UE u qed issostni t-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE[2]. Il-Kummissjoni ssimplifikat ħafna mil-leġiżlazzjoni eżistenti u għamlet progress sinifikanti fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi.

Il-Kummissjoni temmen li issa huwa ż-żmien biex tħaffef il-pass. Regolamentazzjoni aħjar trid issir regolamentazzjoni intelliġenti u trid tkun iktar integrata fil-kultura tal-ħidma tal-Kummissjoni. Il-President tal-Kummissjoni ħa r-responsabbiltà diretta għal regolamentazzjoni intelliġenti u l-Komunikazzjoni tenfasizza din x'se tfisser fil-prattika. Hi tagħmel użu minn numru ta' kontribuzzjonijiet inkluża riżoluzzjoni riċenti mill-Parlament Ewropew dwar Regolamentazzjoni Aħjar[3] konsultazzjoni pubblika[4]; ir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt fl-istituzzjonijiet tal-UE[5]; u r-rapporti tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB)[6]. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni identifikat numru ta' messaġġi ewlenin.

L-ewwel nett, regolamentazzjoni aħjar hija rigward ċiklu sħiħ tal-politika – mit-tfassil ta' biċċa leġiżlazzjoni, għall-implimentazzjoni, infurzar, evalwazzjoni u reviżjoni. Aħna rridu nibnu fuq il-punti sodi tas-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt għal-leġiżlazzjoni ġdida. Iżda aħna rridu nqabblu dan l-investiment ma' sforzi simili sabiex namministraw u nimplimentaw il-korp tal-leġiżlazzjoni eżistenti biex niżguraw li hi twassal il-benefiċċji maħsuba. Dan jeħtieġ għarfien ikbar mill-atturi kollha dwar il-fatt li l-implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-emenda tagħha fid-dawl tal-esperjenza hija importanti daqs il-leġiżlazzjoni ġdida li nressqu aħna.

It-tieni nett, regolamentazzjoni intelliġenti trid tibqa' bħala responsabbiltà komuni tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri. Dawn l-atturi għamlu progress varjat, u l-Kummissjoni se tkompli taħdem magħhom biex tiżgura li l-aġenda hija segwita b'mod attiv minn kulħadd. Din trid tkun akkumpanjata minn rikonoxximent ikbar li r-regolamentazzjoni intelliġenti mhijiex għan fiha nnifisha. Hi trid tkun parti integrali mill-isforzi kollettivi tagħna fl-oqsma kollha tal-politika.

It-tielet nett, l-opinjonijiet ta' dawk l-iktar affettwati mir-regolamentazzjoni għandhom rwol ewlieni fir-regolamentazzjoni intelliġenti. Il-Kummissjoni għamlet passi kbar fil-ftuħ tat-tfassil tal-politika tagħha lill-partijiet interessati. Dan jista' wkoll jimxi iktar 'il quddiem u l-Kummissjoni se ttawwal il-perjodu għall-konsultazzjonijiet tagħha, u se twettaq reviżjoni tal-proċessi ta' konsultazzjonijiet tagħha biex tara kif se ssaħħaħ iktar il-leħen taċ-ċittadini u l-partijiet interessati. Dan se jgħin biex id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona dwar id-demokrażija parteċipatorja jitpoġġew fil-prattika[7].

It-taqsimiet li ġejjin jippreżentaw il-miżuri ppjanati biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

2. IL-ġESTJONI TAL-KWALITÀ TAR-REGOLAMENTAZZJONI MATUL Iċ-ċIKLU TAL-POLITIKA

L-għan tar-regolamentazzjoni intelliġenti huwa li tfassal u twassal regolamentazzjoni li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u li tkun tal-aqwa kwalità possibbli[8]. Dan irid isir matul iċ-ċiklu tal-politika minn meta biċċa leġiżlazzjoni hija mfassla sa meta tiġi riveduta. L-investiment tal-Kummissjoni fil-valutazzjonijiet tal-impatt qed jirċievi riżultati f'termini ta' kwalità mtejba ta' leġiżlazzjoni ġdida. Madankollu peress li huwa l-korp eżistenti ta' leġiżlazzjoni li joħloq l-iktar benefiċċji u spejjeż, aħna rridu nagħmlu sforz ekwivalenti biex namministrawha b'mod iktar sistematiku. Il-politika tar-regolamentazzjoni intelliġenti għalhekk se tagħti importanza ikbar minn qatt qabel lill-evalwazzjoni tal-funzjonament u tal-effettività tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

2.1. Titjib tal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ

Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi

Il-Kummissjoni preċedenti stabbilixxiet żewġ eżerċizzji biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni eżistenti. L-ewwel, il-Programm ta' Simplifikazzjoni ta benefiċċji sostanzjali liċ-ċittadini u lin-negozji[9]. Ġew adottati 155 proposta, u l-aġġornament tal-2010 tal-programm jinkludi 46 inizjattiva ġdida. It-tieni, il-Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi[10] qiegħed fit-triq it-tajba biex jeċċedi l-mira biex tinqata' l-burokrazija bi 25% sal-2012. Il-Kummissjoni ressqet proposti li, jekk jiġu adottati, se jiġġeneraw tfaddil annwali ta' EUR 38 biljun għall-kumpaniji Ewropej minn piż totali stmat ta' EUR 124 biljun – tnaqqis ta' 31%. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill riċentement approvaw proposta dwar taxxa bil-valur miżjud li se ġġib madwar EUR 18.4 minn dan it-tfaddil u qed jiddiskutu proposta oħra biex jippermettu lil iktar minn 5 miljun mikroimpriża li jkunu eżentati minn regoli ta' kontabilità tal-UE[11].

Dawn l-isforzi li rnexxew iridu jkomplu fuq livell tal-UE u dak nazzjonali biex ilestu l-programm sal-2012. Madankollu, il-Kummissjoni hija ċerta li flimkien mat-twassil ta' dan il-programm, l-isforzi jridu jkomplu biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi fejn dan ikun possibbli. Dan l-aħjar li jsir bħala parti minn approċċ usa' li jikkunsidra l-fatturi kollha li jiddeterminaw l-effiċjenza u l-effettività tal-leġiżlazzjoni.

Għalhekk il-Kummissjoni qed tgħaqqad l-isforzi tagħha biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi ma' dawk li jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni. Dan se jgħin biex jiġi indirizzat t-tħassib tal-partijiet interessati li n-negozji mhux dejjem jaraw il-benefiċċji tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv, ukoll minħabba obbligi li joħolqu "irritazzjoni" anke jekk jimponu spiża żgħira. Hi estendiet il-mandat tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Indipendenti sal-aħħar tal-2012 biex tipprovdi pariri fuq dawn il-kwistjonijiet, li sa dik id-data s-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv se jkunu ġew integrati fl-approċċ tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-leġiżlazzjoni preżenti fis-seħħ. Bħalma għamlet fil-passat, il-Kummissjoni se tiżgura li miżuri biex tissimplifika jew tnaqqas il-piżijiet amministrattivi ma jaffettwawx l-għanijiet tal-politika tal-leġiżlazzjoni.

Evalwazzjoni tal-benefiċċji u l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Għodda prinċipali f'dan l-approċċ se jkun l-evalwazzjoni ex-post tal-leġiżlazzjoni[12]. Il-Kummissjoni għandha tradizzjoni twila fl-evalwazzjoni tal-programmi ta' nefqa. Hi bdiet tevalwa l-leġiżlazzjoni f'ċerti oqsma ta' politika inkluż l-akkwist pubbliku, il-kwalifiki professjonali u l-kondizzjonijiet ta' ħidma. Dan l-approċċ għandu jkun estiż sabiex l-evalwazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni jsiru parti integrali tar-regolamentazzjoni intelliġenti. L-evalwazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE se ttejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-politika u tgħin biex jiġu identifikati opportunitajiet ġodda li jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Il-konsultazzjoni pubblika wriet appoġġ qawwi għal din it-tip ta' evalwazzjoni. Hi wriet ukoll li ftit Stati Membri jagħmluha. Minħabba li normalment l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom ftehim aħjar ta' kif taħdem il-leġiżlazzjoni fil-prattika, madankollu, il-Kummissjoni se jkollha taħdem magħhom mill-qrib biex tiżviluppa ta' dan l-approċċ.

L-evalwazzjoni ta' inizjattivi individwali ma tistax turi dejjem l-istampa sħiħa. Għalhekk ħafna drabi hija meħtieġa ħarsa iktar strateġika. Evalwazzjonijiet komprensivi ta' politiki komuni tal-agrikoltura, sajd u strutturali wrew il-ħtieġa għal approċċ bħal dan[13]. Il-Kummissjoni se tibni fuq din l-esperjenza u tikkumplimenta l-evalwazzjoni ta' biċċiet individwali ta' leġiżlazzjoni b'evalwazzjonijiet tal-politika iktar komprensivi. Dawn "il-kontrolli" se jivvalutaw jekk il-qafas regolatorju għall-qasam tal-politika huwiex adattat għall-iskop u, jekk, le, x'għandu jinbidel. L-għan se jkun li jidentifikaw piżijiet żejda, inkonsistenzi u miżuri li m'għadhomx jintużaw jew li mhumiex effettivi u jgħinu fl-identifikazzjoni tal-impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni.

Kemm l-evalwazzjoni kif ukoll il-"kontrolli" għandhom ikunu marbuta mill-qrib mal-ħidma eżistenti dwar l-implimentazzjoni, l-infurzar u l-ksur imfissra fit-Taqsima 2.3 hawn taħt. Il-ġbir tal-informazzjoni minn dawn l-attivitajiet se jgħin biex tiġi pprovduta stampa ċara ta' kif il-leġiżlazzjoni eżistenti qed taħdem u x'hemm bżonn li jinbidel.

Fid-dawl ta' dan kollu, sabiex iżżid l-isforzi biex ittejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni eżistenti il-Kummissjoni bi ħsiebha:

(i) Tiżgura li l-proposti sinifikanti kollha għal-leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta jkunu fil-prinċipju bbażati fuq evalwazzjoni ta' dak li hu diġà fis-seħħ. Hi se tintroduċi dan l-approċċ matul il-mandat attwali tagħha, u se tirrevedi l-linji gwida ta' evalwazzjoni biex tiżgura li l-evalwazzjonijiet jistabbilixxu jekk il-leġiżlazzjoni hijiex se twassal il-benefiċċji mistennija, u tivvaluta l-ispejjeż li huma assoċjati magħha.

(ii) Tipprovdi trasparenza billi tippreżenta evalwazzjonijiet ppjanati ta' leġiżlazzjoni dwar websajt speċifika sabiex tippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jippreparaw l-kontribuzzjonijiet fi stadju bikri.

(iii) Twettaq erba' "kontrolli" mnedija fl-2010 għall-oqsma fl-ambjent, trasport, politika tal-impjieg/soċjali u politika industrijali u testendi l-approċċ għal oqsma oħra ta' politika fl-2011 fuq il-bażi ta' dawn l-esperjenzi.

(iv) Tiffinalizza il-programm tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv sal-2012 u tintegra l-esperjenza miksuba minn dan u mill-attivitajiet ta' simplifikazzjoni fil-proċessi ta' evalwazzjoni u tfassil ta' politika.

(v) Ttejjeb il-websjat ta' konsultazzjoni biex tippermetti lill-partijiet interessati biex jesprimu b'mod iktar faċli t-tħassib tagħhom dwar il-piżijiet amministrattivi u l-kwistjonijiet ta' simplifikazzjoni[14].

(vi) Tistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-possibbiltajiet fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex inneħħu l-obbligi għan-negozji bħall-SMEs. Il-Kummissjoni talbet lill-Grupp ta' Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Indipendenti biex jippreżentaw rapport sa Novembru 2011 dwar l-aħjar prattiki tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE bil-mod l-inqas ta' xkiel. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tanalizza iktar il-kwistjoni ta' "gold plating" (regolamentazzjoni addizzjonali)[15] u tirrapporta fuq kwalunkwe riżultat sostanzjali.

(vii) Taġġusta fejn xieraq l-isħubija tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Indipendenti biex tirrifletti l-ħidma wiesgħa tagħha fuq is-simplifikazzjoni kif ukoll it-tnaqqis tal-piż amministrattiv billi tiżgura rappreżentazzjoni kemm tal-SMEs kif ukoll tas-settur mhux tan-negozju.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw malajr il-proposti ta' simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż li hi diġà ressqet, u l-proposti l-ġodda li se tagħmel matul is-sena d-dieħla. Hi titlob l-Istati Membri biex jimplimentawhom malajr.

2.2. Żgurar li l-leġiżlazzjoni l-ġdida hija l-aħjar possibbli

Il-Kummissjoni stabbilixxiet sistema tal-valutazzjoni tal-impatt biex tipprepara l-evidenza għat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u biex tipprovdi trasparenza dwar il-benefiċċji u l-ispejjeż tal-għażliet politiċi[16]. Element ewlieni ta' din is-sistema huwa l-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jipprovdi kontroll ta' kwalità indipendenti tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. Minn meta nħoloq fl-2006, hu ta iktar minn 400 opinjoni li huma disponibbli għall-pubbliku[17].

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkonfermat li din is-sistema tal-valutazzjoni tal-Impatt titqabbel tajjeb mas-sistemi l-oħra fl-UE, u tassew tista' tiġi kkunsidrata li hija prattika tajba fuq numru ta' kwistjonijiet. Hu sab li l-IAB qed jipprovdi kontroll ta' kwalità ta' valur, li l-valutazzjonijiet tal-impatt saru parti integrali mill-iżvilupp tal-politika fil-Kummissjoni, u li huma jistgħu jgħinu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meta jikkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni. Hu vvalida wkoll l-approċċ integrat tal-Kummissjoni li hu bbażat fuq analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż u jikkunsidra l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha rilevanti. Dan l-approċċ huwa ambizzjuż u huwa f'kuntrast mal-attenzjoni idjaq li tpoġġiet fuq l-ispejjeż jew il-piżijiet amministrattivi f'ċerti Stati Membri. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hu essenzjali li jiġi żgurat li l-miżuri li hi tipproponi huma meħtieġa, kosteffiċjenti u ta' kwalità għolja.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkonsolida s-sistema attwali u l-prijorità se tkun li tiżgura li hi twassal il-potenzjal sħiħ tagħha. Fuq il-bażi tat-titjib li l-Qorti identifikat, li ħafna minnhom huma konformi mas-suġġerimenti li saru mill-IAB jew mill-partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni identifikat dawn il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin.

(i) Filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri kkonfermat li l-IAB huwa effettiv, il-President reġa' saħħaħ iktar ir-rwol tiegħu sabiex fil-prinċipju tkun meħtieġa opinjoni pożittiva mill-IAB qabel ma proposta tkun tista' titressaq għal deċiżjoni tal-Kummissjoni[18]. L-indipendenza tal-IAB tintwera' mill-fehmiet onesti fl-opinjonijiet tiegħu[19] u mill-fatt li ma jżommx lura milli jitlob lis-servizzi tal-Kummissjoni biex jerġgħu jagħmlu l-analiżi tagħhom meta jikkunsidra li dan huwa neċessarju. Għalhekk il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li huwa neċessarju li entità esterna tikkontrolla l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha, kif suġġerit minn xi partijiet interessati. Hija wkoll tal-fehma li entità esterna mhux se tkun kompatibbli mad-dritt tal-Kummissjoni tal-inizjattiva jew mar-rwoli istituzzjonali tal-Parlament u tal-Kunsill li huma l-entitajiet responsabbli għar-reviżjoni, emenda u fl-aħħar l-adozzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni. Il-valutazzjonijiet tal-impatt huma parti mill-proċess intern ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, u ma jkunx xieraq li hi tagħti aċċess privileġjat lill-grupp partikolari ta' esperti esterni jew partijiet interessati.

(ii) Huwa essenzjali li l-ippjanar tal-ħidma tal-valutazzjoni tal-impatt tkun trasparenti ħalli l-partijiet interessati jistgħu jinvolvu ruħhom fil-proċess kemm jista' jkun minn kmieni. Mill-2010, il-Kummissjoni tippubblika pjanijiet direzzjonali għall-proposti kollha li x'aktarx ikollhom impatti sinifikanti, inklużi atti delegati u ta' implimentazzjoni, li jispjegaw jekk hijiex ippjanata jew le valutazzjoni tal-impatt[20]. Is-servizzi tal-Kummissjoni jikkonsultaw u jinfurmaw il-partijiet interessati b'diversi modi u fi stadji differenti tal-ħidma tal-valutazzjoni tal-impatt sabiex jiżguraw li l-analiżi hija kompluta, konsistenti u eżatta. It-Taqsima 4 tidentifika titjib addizzjonali għall-proċess ta' konsultazzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li huwa neċessarju li tikkonsulta dwar abbozzi tal-valutazzjonijiet tal-impatt kif kien mitlub minn ċerti partijiet interessati.

(iii) Sabiex issaħħaħ il-valutazzjonijiet tal-impatt integrati, il-Kummissjoni żviluppat gwida speċifika għall-valutazzjoni tal-impatti soċjali[21] u ħolqot help desk dwar piżijiet amministrattivi.

(iv) Sabiex tirrifletti l-istatus legali ġdid tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatti fuq id-drittijiet fundamentali, u għal dan se tiżviluppa gwida speċifika.

(v) Il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jikkwantifikaw il-benefiċċji u l-ispejjeż meta dan ikun possibbli. Il-Kummissjoni se tkompli l-isforzi biex hi tittejjeb f'dan il-qasam bl-indikazzjoni li hemm limitu għal xiex jista' jiġi kkwantifikat fil-livell tas-27 Stat Membru: id-dejta hija ta' spiss limitata, u l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE ħafna drabi jiddependi fuq kif l-amministrazzjonijiet nazzjonali jimplimentawha. Dan ifisser ukoll li figuri aggregati għall-benefiċċji u l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni tal-UE maż-żmien, kif talbu ċerti partijiet interessati, mhux se jkunu ta' importanza. Konsultazzjonijiet imtejba (ara Taqsima 4) għandhom, madankollu, jgħinu biex jipprovdu dejta aħjar, u l-Kummissjoni se tfittex modi prattiċi biex ittejjeb id-disponibbiltà tad-dejta, pereżempju permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni u n-netwerk tiegħu għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

2.3. Titjib fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE

Il-leġiżlazzjoni tal-UE trid tkun implimentata sew sabiex tikseb l-għanijiet tagħha. Filwaqt li l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għal dan, il-Kummissjoni taħdem mill-qrib magħhom. Hi stabbilixxiet numru ta' miżuri biex tgħin[22]. Dawn jinkludu "azzjoni preventiva" – fejn tingħata attenzjoni ikbar lill-implimentazzjoni u lill-infurzar fil-valutazzjonijiet tal-impatt meta titfassal leġiżlazzjoni ġdida[23]; appoġġ lill-Istati Membri matul l-implimentazzjoni biex jantiċipaw problemi u jevitaw proċedimenti ta' ksur iktar tard; workshops ta' traspożizzjoni għal direttivi ġodda bħal pereżempju professjonijiet regolati, assigurazzjoni, servizzi bankarji, kontabilità u verifika; u linji gwida biex jgħinu lill-Istati Membri jimplimentaw leġiżlazzjoni ġdida bħal pereżempju REACH. Hi qed ittejjeb l-infurzar billi tipprijoratizza u tħaffef il-proċedimenti ta' ksur. Il-Kummissjoni tipproduċi Rapporti Annwali dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE li jitrattaw dawn il-kwistjonijiet[24].

Sabiex ittejjeb iktar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE il-Kummissjoni se:

(i) Ssaħħaħ l-analiżi ta' dawn il-kwistjonijiet f'evalwazzjonijiet ex post tal-leġiżlazzjoni u tiżgura li r-riżultati qed jintużaw f'valutazzjonijiet tal-impatt għall-proposti ġodda jew riveduti.

(ii) Tiżviluppa iktar l-użu tal-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni għal-leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, u tkompli titlob lill-Istati Membri biex jipproduċu tabelli ta' korrelazzjoni biex jipprovdi trasparenza dwar kif liġi nazzjonali tittrasponi l-obbligi fid-direttivi tal-UE. Il-Kummissjoni se tissorvelja u tippubblika informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri[25].

(iii) Tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-UE Pilota li għandu l-għan li jipprovdi tweġibiet malajr u sħaħ għall-mistoqsijiet taċ-ċittadini u tan-negozji dwar il-liġi tal-UE, u tħeġġeġ iktar Stati Membri biex jipparteċipaw fih[26].

(iv) Tesplora kif ittejjeb SOLVIT u tippromwovih iktar lill-SMEs[27].

2.4. Leġiżlazzjoni li tkun iktar ċara u iktar aċċessibbli

Il-ġestjoni tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni tfisser ukoll li jkun żgurat li kemm jista' jkun il-leġiżlazzjoni tkun ċara u possibbli. Il-Kummissjoni tifli l-proposti leġiżlattivi ġodda kollha biex tiżgura li d-drittijiet u l-obbligi li joħolqu huma stipulati f'lingwa sempliċi biex tiffaċilita l-implimentazzjoni u l-infurzar. Għall-leġiżlazzjoni eżistenti, il-Kummissjoni se tkompli tikkodifika, tifformula u tikkonsolida testi legali. Hi se tkompli wkoll tnaqqas il-volum tal-leġiżlazzjoni billi tħassar dispożizzjonijiet li m'għadhomx jintużaw. Fl-aħħar, sabiex ittejjeb l-aċċess elettroniku għall-korp sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE, portal ġdid tal-EUR-Lex qed jiġi żviluppat ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkonsolidaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-leġiżlazzjoni tal-UE u jagħmluha disponibbli elettronikament, inkluż permezz tal-portal tal-EUR-Lex.

3. RESPONSABBILTÀ KOMUNI

3.1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-entitajiet konsultattivi

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom rwol ewlieni fit-twassil tar-regolamentazzjoni intelliġenti. Ħafna partijiet interessati esprimu t-tħassib li huma għandhom jadottaw piż amministrattiv pendenti u proposti ta' simplifikazzjoni iktar malajr, u jitolbuhom biex iwettqu l-impenji li huma għamlu fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Regolamentazzjoni Aħjar. Filwaqt li ż-żewġ istituzzjonijiet ftehmu li jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt dwar emendi sostantivi li jagħmlu lill-proposti tal-Kummissjoni, huma rari biss għamlu hekk. Il-Kummissjoni titlob lill-Parlament u lill-Kunsill biex jagħmlu iktar titjib fuq din il-kwistjoni. Hi se tkompli tirrispondi b'mod kostruttiv u fuq bażi ta' każ b'każ lit-talbiet tagħhom biex jespandu fuq l-aspetti tal-valutazzjonijiet tal-impatt oriġinali.

Ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri wera li l-utenti fiż-żewġ istituzzjonijiet ikkunsidraw li l-valutazzjonijiet tal-impatt kienu ta' għajnuna meta ddiskutew proposti tal-Kummissjoni anke jekk rarament kienu użati b'mod formali fil-laqgħat. Din hija bażi inkoraġġanti biex wieħed jibni fuqha. Filwaqt li huwa f'idejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddeċiedu dwar il-proċessi interni tagħhom, jidher ċar li sabiex titwassal ir-regolamentazzjoni intelliġenti b'mod konsistenti, kull kumitat Parlamentari u formazzjoni tal-Kunsill għandu jikkunsidra l-valutazzjonijiet tal-impatt bħala parti mid-diskussjonijiet tagħhom. Dan l-impenn iktar sħiħ fil-proċess tar-regolamentazzjoni intelliġenti jista' wkoll iħeġġeġ trattament iktar malajr tal-proposti ta' simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piżijiet iktar amministrattivi, u kofidikazzjonijiet u riformulazzjonijiet.

Il-Parlament Ewropew għamel numru ta' passi f'din id-direzzjoni. Il-Kumitat tas-Suq Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumatur indika li se jeżamina b'mod sistematiku l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, u l-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi kkommissjona valutazzjoni tal-impatt fuq l-emendi li hu ppropona għal abbozz ta' direttiva dwar il-liv tal-maternità[28]. Il-Kummissjoni aċċettat dawn l-emendi.

Fl-aħħar, hemm interess kontinwu mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[29] u l-Kumitat tar-Reġjuni[30] fir-regolamentazzjoni intelliġenti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kompetenza u n-netwerks li dawn l-entitajiet jistgħu jimmobbilizzaw jistgħu jkunu sors importanti ta' informazzjoni għall-preparazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt.

3.2. L-Istati Membri

Azzjoni fuq livell tal-UE biss, mhux se tkun biżżejjed biex jinkisbu l-għanijiet għal regolamentazzjoni intelliġnti. Regolamentazzjoni intelliġenti trid ukoll tiġi implimentata fuq livell nazzjonali minħabba l-fatt li f'ċerti oqsma ewlenin bħal pereżempju liġi tal-kumpaniji, tassazzjoni u sigurtà soċjali, il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni hija nazzjonali fl-oriġini tagħha u minħabba li, kif imsemmi qabel, l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-iżgurar li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun implimentata sew. Skont it-Trattat ta' Lisbona, il-parlamenti nazzjonali jiċċekkjaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà fil-proposti tal-Kummissjoni u jistgħu f'dan ir-rigward jikkontribwixxu għall-iżgurar ta' kwalità ogħla tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Xi Stati Membri għamlu progress sinifikanti fuq kwistjonijiet bħal tnaqqis tal-piż amministrattiv, iżda ftit stabbilixxu sistema ta' regolamentazzjoni aħjar li hija wiesgħa daqs dik tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija konxja li m'hemmx approċċ "wieħed għal kulħadd", u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-prijoritajiet fuq il-bażi tal-kapaċitajiet umani u istituzzjonali disponibbli. Madankollu għandhom jiġu enfasizzati tliet punti.

L-ewwel, il-Qorti tal-Awdituri ssuġġeriet li l-valutazzjonijiet tal-impatt nazzjonali jistgħu jikkomplimentaw b'mod utli dawk magħmula mill-Kummissjoni, jistgħu jgħinu d-diskussjonijiet fil-Kunsill dwar bidliet lill-proposti tal-Kummissjoni, u jgħinu lill-Istati Membri bi kwistjonijiet ta' traspożizzjoni u ta' infurzar. Dawn jistgħu jgħinu wkoll fis-soluzzjoni tal-isfidi tad-dejta enfasizzati hawn fuq. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri fil-Grupp tagħha ta' Livell Għoli tal-esperti ta' Regolamentazzjoni Aħjar biex tesplora din il-kwistjoni u biex tiskambja l-opinjonijiet u l-aħjar prattiki dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti in ġenerali.

It-tieni, it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Istati Membri taħt ċerti kundizzjonijiet biex jippreżentaw proposti fuq l-inizjattiva tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u kooperazzjoni tal-pulizija[31]. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dawn il-proposti għandhom ikunu akkumpanjati mill-valutazzjonijiet tal-impatt.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu l-partijiet interessati meta jiddiskutu l-miżuri li għandhom jiġu implimentati jew trasposti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan se jiżgura li t-tħassib tal-partijiet interessati jkunu kkunsidrati kif ukoll iżid l-għarfien tad-drittijiet u l-obbligi li ġejjin mil-liġi tal-UE.

4. TISħIħ TAL-LEħEN TAċ-ċITTADINI U TAL-PARTIJIET INTERESSATI

Il-konsultazzjoni maċ-ċittadini u l-partijiet interessati oħra kemm fl-iżvilupp tal-politiki kif ukoll fl-evalwazzjoni ta' jekk għamlux dak li kellhom il-ħsieb li jagħmlu hija element essenzjali tar-regolamentazzjoni intelliġenti. Il-Kummissjoni tikkonsulta f'diversi modi fuq il-bażi tal-istandards minimi li kienu fis-seħħ mill-2002[32]. It-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika għal din il-Komunikazzjoni żvelat li l-partijiet interessati japprezzaw l-isforzi tal-Kummissjoni f'dan il-qasam iżda jikkunsidraw li hemm bżonn ta' iktar titjib. Ħafna staqsew għall-perjodu itwal ta' konsultazzjoni u li l-konsultazzjonijiet jkunu iktar aċċessibbli, minħabba li ċ-ċittadini u l-partijiet interessati l-oħra m'għandhomx l-istess kapaċità li jikontribwixxu u mhux kollha għandhom aċċess għall-internet.

Il-Kummissjoni tenfasizza li dan it-tħassib għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-firxa wiesgħa ta' opportunitajiet li ċ-ċittadini u l-partijiet interessati l-oħra għandhom jikkontribwixxu għall-proċess tat-tfassil tal-politika. Il-konsultazzjoni pubblika li ddum 8 ġimgħat hija ħafna drabi parti waħda minn proċess itwal fejn is-servizzi tal-Kummissjoni jikkomunikaw mal-partijiet interessati f'modi oħra. Id-disponibbiltà ikbar tal-pjanijiet direzzjonali (ara §2.2) u l-pjanijiet ta' ħidma ta' evalwazzjoni ex-post se jippermettu wkoll liċ-ċittadini u lill-partijiet interessati oħra biex jippjanaw kontribuzzjonijiet għall-proċess ta' politika u biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fi stadju iktar bikri minn qabel. Madankollu, fid-dawl ta' dan it-tħassib, il-Kummissjoni se:

(i) Żżid il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika sa 12-il ġimgħa. Dan se japplika mill-2012 sabiex ikun jista' jiġi inkorporat b'mod xieraq fl-ippjanar tal-inizjattivi futuri.

(ii) Twettaq reviżjoni tal-politika tagħha ta' konsultazzjoni fl-2011[33]. Hi se tesplora:

- Kif se ttejjeb il-kwalità tad-dokumenti ta' konsultazzjoni u d-disponibbiltà tal-ippjanar bil-quddiem tal-konsultazzjonijiet pubbliċi.

- Kif għandha tagħmel użu aħjar tal-għodod bħal portal tal-Informazzjoni tal-Internet "l-Ewropa Tiegħek"[34], Bord bi Prova dwar in-Negozju Ewropew[35], Bord tal-SME[36], Reġistru għar-Rappreżentanti tal-Interessi[37], l-għodda interattiva għat-tfassil tal-politika (IPM)[38] u applikazzjonijiet oħra tal-Web 2.0[39].

- Kif għandha tagħmel l-aħjar użu tal-kanali ta' konsultazzjoni fl-Istati Membri li l-partijiet interessati huma familjari magħhom biex ixerrdu l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni u jħeġġu t-tweġibiet.

- Kif għandha tagħmel użu aħjar tal-proċess ta' konsultazzjoni sabiex tiġbor id-dejta u l-evidenza għall-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet.

- Kif għandha tiżgura konformità aħjar mal-istandards minimi.

5. KONKLUżJONIJIET

Din il-Komunikazzjoni enfasizzat il-miżuri ppjanati tal-Kummissjoni biex tiżgura l-kwalità tar-regolamentazzjoni matul iċ-ċiklu tal-politika, mit-tfassil tal-politika sal-evalwazzjoni u r-reviżjoni tagħha. Billi żżid il-pass, ir-regolamentazzjoni intelliġenti tista' tgħin fil-kisba tal-għanijiet ambizzjużi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv stabbilit mill-Istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, ir-regolamentazzjoni intelliġenti għandha responsabbiltà komuni u s-suċċess tagħha jiddependi fuq l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati kollha involuti fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE li għandhom ir-rwol tagħhom. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-aġenda tar-regolamentazzjoni fl-aħħar sitt xhur tal-2012.

[1] COM(2010) 2020 "Ewropa 2020 - Strateġija ġdida għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv".

[2] Ir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 3/2010 "Valutazzjonijiet tal-Impatt fl-istituzzjonijiet tal-UE: qegħdin jappoġġjaw it-teħid ta' deċiżjonijiet?".

[3] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2010 dwar regolamentazzjoni aħjar (P7_TA(2010)0311).

[4] http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/smart_regulation/consultation_mt.htm

[5] Ara nota f'qiegħ il-paġna 2.

[6] SEC(2009) 1728 "Rapport tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt għall-2009".

[7] Artikolu 11 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

[8] Il-Kummissjoni pproduċiet rapport separat dwar is-sussidjarjetà: "is-17-il Rapport dwar Regolamentazzjoni aħjar".

[9] COM(2009) 17 "It-tielet rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju".

[10] COM(2007) 23 " “Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea”.

[11] COM(2009) 544 "Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE: Il-Pjanijiet għat-Tnaqqis Settorjali u l-Azzjonijijet tal-2009".

[12] Dan it-terminu jkopri l-attivitajiet kollha ta' evalwazzjoni mwettqa wara l-approvazzjoni ta' miżura.

[13] http://ec.europa.eu/agriculture/healthcheck/index_en.htm http://ec.europa.eu/agriculture/eval/index_en.htmhttp://ec.europa.eu/fisheries/reform/index_mt.htm

http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/expost_reaction_en.htm

[14] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/better-regulation/administrative-burdens/online-consultation/index_mt.htm

[15] Gold-plating tirreferi għall-prattika tal-entitajiet nazzjonali li jmorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ fil-leġiżlazzjoni tal-UE meta jittrasponu jew jimplimentaw din il-leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-Istat Membru.

[16] http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/impact_en.htm

[17] Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/governance/impact/ia_carried_out/cia_2010_en.htm

[18] C(2010) 1100 "Il-Metodi ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2010-2014".

[19] Ara nota f'qiegħ il-paġna 17.

[20] Għall-inizjattivi ppjanati tal-Kummissjoni l-pjanijiet direzzjonali jenfasizzaw l-problemi li għandhom jiġu indirizzati, kwistjonijiet ta' sussidjarjetà, soluzzjonijiet potenzjali u impatti possibbli.

http://ec.europa.eu/governance/impact/planned_ia/roadmaps_2010_en.htm

[21] http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=760&langId=mt&preview=cHJldmlld0VtcGxQb3J0YWwh

[22] COM(2007) 502 “Ewropa li Tikseb ir-Riżultati – l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja”.

[23] Ara l-Linji gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt; pp. 42 – 43: http://ec.europa.eu/governance/impact/commission_guidelines/commission_guidelines_en.htm

[24] http://ec.europa.eu/community_law/infringements/infringements_annual_report_mt.htm

[25] http://ec.europa.eu/community_law/directives/directives_communication_mt.htm

[26] http://ec.europa.eu/community_law/infringements/infringements_annual_report_mt.htm

[27] http://ec.europa.eu/solvit/

[28] COM(2008) 637 – Direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu.

[29] Opinjoni tat-Taqsima għas-Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum tal-KSEE, 8 ta' Lulju 2010, INT 489.

[30] Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar 2007/2008, 3-4 ta' Diċembru 2009, KtR 199/2009.

[31] Ara l-Artikolu 76 tat-Trattat.

[32] COM (2002) 704 finali "Lejn kultura aktar b’saħħitha ta’ konsultazzjoni u djalogu - Prinċipji ġenerali u standards minimi għal konsultazzjoni ta’ partijiet interessati mill-Kummissjoni".

[33] Kif previst f'COM(2007) 127 "Segwitu għall-Green Paper 'European Transparency Initiative'".

[34] http://ec.europa.eu/youreurope

[35] http://ec.europa.eu/yourvoice/ebtp/index_mt.htm

[36] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/better-regulation/administrative-burdens/online-consultation/index_mt.htm

[37] https://webgate.ec.europa.eu/transparency/regrin/welcome.do?locale=mt#mt

[38] http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/index_mt.htm

[39] http://www.epractice.eu/

Top