Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0516

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Reviżjoni ta' nofs it-terminu tar-Regolament LIFE+

/* KUMM/2010/0516 finali */

52010DC0516

/* KUMM/2010/0516 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Reviżjoni ta' nofs it-terminu tar-Regolament LIFE+


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 30.9.2010

KUMM(2010) 516 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Reviżjoni ta' nofs it-terminu tar-Regolament LIFE+

SEK(2010) 1120

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Reviżjoni ta' nofs it-terminu tar-Regolament LIFE+

1. DAĦLA

Il-Programm LIFE li ġie mniedi fl-1992, jikkostitwixxi forza importanti fil-finanzjament ambjentali tal-UE u ffinanzja 3115-il proġett filwaqt li kkontribwixxa EUR 2,2 biljun għall-ħarsien tal-ambjent. L-Istrument Finanzjajru għall-Ambjent l-aktar reċenti (LIFE+) ġie adottat bir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ir-Regolament)[1] .

L-għan tar-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni, l-aġġornar u l-iżvilupp tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli (L-Artikolu 1(2)). Għan ieħor huwa li jikkontribwixxi għall-komunikazzjoni u t-tixrid ta' kwistjonijiet ambjentali madwar l-UE.

Ir-Regolament japplika għall-perjodu 2007-2013 u għandu pakkett finanzjarju ta' EUR 2,14 biljun. Il-Parlament Ewropew ta allokazzjoni addizzjonali biex il-baġit jiżdied għal EUR 2,17 biljun. Taħt il-LIFE+ hemm tliet tipi ta' interventi possibbli:

- Għotjiet ta' azzjoni, il-Programm LIFE tradizzjonali, li jirrappreżentaw 78 % tal-baġit;

- Għotjiet operattivi għall-NGOs, il-Programm NGO ta' qabel, li jirrappreżentaw 3 % tal-baġit;

- Kuntratti tal-Akkwist pubbliku għall-forniment ta' servizzi, li jirrappreżenta 19 % tal-baġit.

Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta reviżjoni ta' nofs it-terminu lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat tal-LIFE+ sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2010 . Il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll dwar il-passi li ttieħdu sabiex tiżgura l-komplementarjetà ma strumenti finanzjarji oħra tal-UE. (L-Artikolu 9 tar-Regolament).

Fit-tħejjija għal din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni kkuntratat evalwazzjoni esterna li ġiet ippubblikata f'Ġunju 2010 (minn issa 'l quddiem "l-evalwazzjoni")[2].

Meta r-Regolament daħal fis-seħħ f'Ġunju 2007, l-ewwel sejħa għal proposti setgħet titnieda biss f'Ottubru 2007 u l-proġetti setgħu jibdew f'Jannar 2009. Għalhekk hemm disponibbiltà ta' tagħrif limitat dwar ir-riżultati. Il-konklużjonjiet tal-evalwazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati bħala indikattivi u għandhom jiġu kkonfermati fis-snin li ġejjin.

2. RIŻULTATI U TAGĦLIMIET MIKSUBA

Fil-perjodu ta' rappurtar, LIFE+ serva bħala għodda effettiva għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fis-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (6EAP)[3] . It-taqsimiet li ġejjin janalizzaw il-prestazzjoni ta' kull intervent.

2.1. Eżerċizzju ta' simplifikazzjoni

LIFE+ ikkonsolida kważi l-infiq ambjentali kollu tad-DĠ Ambjent fi[4] strument finanzjarju uniku. Barra minn hekk ir-Regolament ġab flimkien żewġ tipi ta' intervent, i.e. l-akkwist pubbliku u l-għotjiet għaż-żieda fil-flessibbiltà fl-għażla ta' wieħed jew l-ieħor skont il-ħtiġijiet ta' politika kif stabbiliti fl-Anness II għar-Regolament.

Il-benefiċċju prinċipali tal-konsolidazzjoni huwa l-potenzjali għall- ippjanar strateġiku mtejjeb . L-evalwazzjoni tirrikonoxxi l-isforzi għat-titjib tas-sinerġiji bejn l-għotjiet ta' azzjoni u l-iżvilupp ta' politika/l-aġġornament filwaqt li tidentifika lok għal titjib. Dan għaliex ir-riżultati tal-proġetti jinkisbu wara 3-5 snin, li jagħmel l-għotjiet ta' azzjoni aktar adattati bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika milli għall-iżvilupp ta' politika.

Madankollu, ġew identifikati xi ostakli speċjalment għal Forest Focus . Għalkemm il-finanzjament inżamm taħt il-LIFE+, Forest Focus qabel kien ibbażat fuq tip ta' ġestjoni ċentrali indiretta, li permezz tagħha l-aġenziji nazzjonali ġew allokati sehem mill-appoġġ finanzjarju fuq bażi mhux kompetittiva. Dan m'għadux il-każ. L-evalwazzjoni tirrakkomanda konsultazzjoni mal-Istati Membri fir-rigward milli jidher ta' dan in-nuqqas fil-LIFE+.

L-evalwazzjoni eżaminat ukoll l-impatt tal- Artikolu 1(2) tar-Regolament li jiddikjara li l-attivitajiet kollha ffinanzjati għandhom ikunu għall-benefiċċju tal-Istati Membri. Interpretazzjoni stretta ta' din id-dispożizzjoni tostakola l-attivitajiet ta' finanzjament barra l-UE u b'hekk jinħolqu bosta kompromessi. Fir-rigward tal-għotjiet ta' azzjoni, tnaqqas il-potenzjal għall-finanzjament ta' proġetti li jittrattaw ma' problemi ambjentali transkonfinali lil hinn mill-UE. Fir-rigward tal-appoġġ għall-NGO, għandha impatt negattiv fuq id-dimensjoni internazzjonali tal-ħidma tagħhom, pereżempju l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-membri tagħhom. Għall-akkwist pubbliku, tnaqqas il-kapaċità għat-twettiq ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni, bħal avvenimenti internazzjonali barra l-UE.

2.2. Għotjiet ta' Azzjoni

L-għotjiet ta' azzjoni huma s-suċċessuri tal-LIFE III, madankollu r-Regolament daħħal bidliet: żied il-Bijodiversità mal-linja Natura u wessa' l-ambitu tal-linja Ambjent biex jiġi alinjat mal-prijoritajiet tas-6EAP. Tneħħiet il-linja tal-Pajjiż Terz u l-attivitajiet tagħha ddaħħlu fi strumenti oħra. Inħoloq komponent ġdid, Informazzjoni & Komunikazzjoni, bil-għan tal-komunikazzjoni aħjar tat-temi ambjentali.

Il-linji ta' żvilupp tal-LIFE+ Natura u Bijodiversità proġetti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u l-Komunikazzjoni dwar it-twaqqif [il-waqfien] tat-telf tal-bijodiversità sal-2010. Ambjent u Tmexxija [Environment & Governance]: proġetti innovattivi jew ta' wiri relatati mal-objettivi ambjentali tal-UE. Informazzjoni u Komunikazzjoni: kampanji ta' komunikazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni dwar il-politika ambjentali tal-UE u dwar in-nirien tal-foresti. |

Ir-rata ta' kofinanzjament hija 50 % tal-ispejjeż eliġibbli iżda r-rata massima ta' kofinanzjament fil-proġetti tan-Natura tista' tkun sa 75 % jekk il-miri jkunu ħabitati jew speċijiet ta' prijorità.

547 proġett ġew iffinanzjati fil-perjodu ta' rappurtar. Proġetti taħt il-linja Natura u Bijodiversità rrappreżentaw madwar 51 % tal-baġit għall-għotjiet ta' azzjoni, ammont li jilħaq l-obbligu tal-allokazzjoni ta' għall-inqas 50 % tar-riżorsi baġitarji tal-għotjiet ta' azzjoni għan-natura u l-bijodiversità.

Għalkemm il-linji tradizzjonali tal-LIFE (jiġifieri LIFE Natura u LIFE Ambjent) għad għandhom irwol ċentrali, iż-żewġ linji ta' żvilupp il-ġodda kellhom bidu kajman. Din hija ħaġa normali, għaliex il-benefiċjarji potenzjali jeħtieġ li jsiru familjari mal-proċeduri, ir-regoli u r-rekwiżiti l-ġodda għall-għażla. Il-kriżi finanzjarja wkoll kellha impatt fuq is-sejħiet għal proposti. Benefiċjarji privati u NGOs sabuha aktar diffiċli biex jiksbu l-kofinanzjament u f'ħafna każijiet entitajiet privati rtiraw l-appoġġ tagħhom. Din il-probema ġiet osservata wkoll fil-każ ta' applikanti mis-settur pubbliku minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji li ġew adottati biex tingħeleb il-kriżi.

Fir-rigward tal-proġetti ffinanzjati għal kull Stat Membru, ir-Regolament introduċa allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi bil-għan tal-promozzjoni tad-distribuzzjoni proporzjonali tal-proġetti madwar l-UE kollha. Allokazzjonijiet nazzjonali tejbu d-distribuzzjoni ġeografika tal-proġetti, iżda mhux sostanzjalment. L-Italja, Spanja u l-Ġermanja għadhom jikkostitwixxu dawk l-Istati Membri li jirċievu aktar finanzjament tal-LIFE+. L-Istati Membri l-ġodda b'mod ġenerali għandhom rata ta' suċċess aktar baxxa. Studju estern partikolari identifika bosta raġunijiet sottostanti bħal pereżempju appoġġ attiv għal applikanti minn awtoritajiet nazzjonali jew aċċess għal fondi simili.

L-evalwazzjoni tissuġġerixxi li l-allokazzjonijiet nazzjonali jistgħu jwasslu għal għażla ta' proġetti ta' kwalità inferjuri li mbagħad ikollha impatt fuq l-effettività tal-programm li jipprovdi valur miżjud għall-UE.

Il-valur miżjud għall-UE

L-evalwazzjoni tikkonkludi li LIFE+ għadu relevanti għaliex huwa l-uniku strument finanzjarju tal-UE li jiffoka speċifikament fuq l-ambjent: "Il-Programm qed isir dejjem aktar ta' ħtieġa minħabba n-nuqqas fil-ksib tal-miri tal-bijodiversità tal-UE u minħabba l-ħtieġa għat-titjib u l-investiment fil-kapital naturali u fl-ekonomija ekoloġika".

Il-Programm jikseb valur miżjud permezz tat-titjib fl-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali u billi joffri skambju ta' tagħrif fil-livell tal-UE. L-inklużjoni ta' temi u linji ta' żvilupp ġodda saħħet aktar ir-relevanza tiegħu kif ukoll il-kapaċità tiegħu fil-ħolqien ta' valur miżjud għall-UE. Benefiċjarji flimkien ma' Stati Membri jqisu li l-Programm għandu jkompli għaliex huwa kruċjali għall-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE. Il-LIFE+ huwa aċċettat fuq firxa wiesgħa mill-partjiet involuti kollha.

L-evalwazzjoni tikkonkludi li s-sistemi ta' bħalissa għall-għażla, il-ġestjoni u l-monitoraġġ huma effettivi, effiċjenti u mfassla b'mod tajjeb għall-kisb tal-valur miżjud għall-UE.

Ir-Regolament jiddefinixxi l-valur miżjud ta' Natura u Bijodiversità bħala l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE nfisha. L-evalwazzjoni turi li l-LIFE+ huwa strument effettiv fil-ksib tal-għanijiet tal-UE għan-natura u l-bijodiversità. Bosta applikanti jqisuh bħala mekkaniżmu ewlieni għall-finanzjament tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-konservazzjoni tan-natura madwar l-UE kollha għaliex l-objettiv primarju tiegħu huwa l-ħarsien tan-natura, filwaqt li f'programmi oħrajn, dan l-objettiv huwa anċillari. L-effett katalista tal-proġetti LIFE+ itejjeb l-implimentazzjoni tal-politiki tan-natura fl-Istati Membri.

LIFE+ jgħin fl-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni, fir-restawr ta' ħabitati ta' valur, fl-irkupru ta' speċijiet emblematiċi u fl-iżvilupp tan-netwerk Natura2000. Jgħin ukoll fil-ħolqien ta' pjattaformi kollaborattivi li jtejbu s-sħubiji u b'hekk jiffaċilita t-trasferiment tal-aħjar prassi bejn il-partijiet involuti u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-linja ta' Bijodiversità tipprovdi l-opportunità li tkun strument ewlieni għall-iffinanzjar speċifiku tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Bijodiversità b'attenzjoni fuq il-konservazzjoni tal-bijodiversità fuq firxa wiesgħa. Il-ġlieda kontra l-ispeċijiet aljeni, il-promozzjoni tal-infrastruttura ekoloġika, jew ir-rwol tal-agrikoltura fil-preservazzjoni tal-bijodiversità s'issa kienu l-kontributi prinċipali tal-proġetti tal-bijodiversità. Madankollu din il-linja ta' żvilupp għad trid tiskjera l-potenzjal kollu tagħha: minkejja l-fatt li daħlu bosta applikazzjonijiet 24 proġett biss intagħżlu għall-finanzjament iżda r-rata ta' suċċess tal-proġetti ta' bijodiversità żdied minn 13 % fis-sejħa tal-2007 għal 38 % fis-sejħa tal-2009. Ir-rekwiżiti taħt dan il-komponent huma aktar stretti li jispjega parzjalment ir-rata baxxa ta' suċċess. Is-suq tal-bijodiversità wkoll huwa aktar mifrux minn tan-natura u anqas konsolidat li jirrikjedi aktar sforzi għall-pubblikazzjoni tal-linja tagħha.

L-evalwazzjoni tirrakkomanda aktar flessibbiltà u t-tisħiħ tal-isforzi biex tkun attirata l-komunità tal-bijodiversità aktar mifruxa. Għall-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss l-evalwazzjoni tirrakkomanda l-alinjament tal-bijodiversità mar-rekwiżiti tan-natura u ż-żieda fir-rata ta' kofinanzjament sabiex jiżdiedu wkoll l-għadd u l-kwalità tal-applikazzjonijiet.

Fir-rigward ta' Ambjent u Tmexxija, LIFE+ joffri opportunitajiet għall-finanzjament f'oqsma li mhumiex koperti minn fondi oħrajn (storbju, arja, sustanzi kimiċi, approċċi strateġiċi). Il-valur miżjud huwa marbut mal-potenzjal ta' replikazzjoni ta' proġett li għandu jtejjeb l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. Fil-proċess tal-għażla, dan l-impatt aktar mifrux ġie vvalutat bħala fil-medja jew inkella għoli waqt l-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-UE.

Ir-riżorsi tal-iskart u dawk naturali, it-tibdil fil-klima u l-ilma jirrappreżentaw 71 % tal-proġetti kollha ffinanzjati taħt din il-linja. Madankollu, fis-sejħiet tal-2008 u tal-2009 ġiet osservata xejra pożittiva fil-għadd ta' applikazzjonjiet u proġetti li ntagħżlu għal temi ġodda.

L-objettiv ta' Ambjent u Tmexxija jipprovdi stimulu pożittiv għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn produzzjoni aktar sostenibbli li tnaqqas id-diskrepanza bejn ir-riċerka u l-iżvilupp ta' applikazzjoni kummerċjali fuq skala kbira. Huwa għodda effettiva għall-appoġġ ta' setturi ewlenin għall-ksib ta' vantaġġ kompetittiv bl-adozzjoni ta' proċessi ta' produzzjoni li huma aktar effiċjenti fir-riżorsi u aktar ekoloġiċi. Ħafna BATs u BREFs ġew żviluppati bil-konfinanzjament tal-LIFE.

Jirrappreżenta wkoll appoġġ sinifikanti għall-ekoinnovazzjoni kemm għas-settur privat kif ukoll għas-settur pubbliku: perċentwal jiżdied ta' proġetti (madwar żewġ terzi) jittrattaw ġestjoni jew metodi ta' negozju innovattivi.

Huwa wkoll strument effettiv għall-iskambju tal-aħjar prassi u għall-promozzjoni ta' tagħlim bejn l-Istati Membri l-ġodda u dawk ta' qabel, għaliex joffri pjattaforma eċċellenti għal proġetti transnazzjonali li permezz tagħhom il-kumpaniji jgħaqqdu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

Madankollu, ir-Regolament ma solvix problema ewlenija identifikata fl-evalwazzjoni ex-post tal-Programm: nuqqas ta' attenzjoni strateġika b'saħħitha fuq il-prijoritajiet tal-politika ambjentali f'dik il-linja. L-Anness II għar-Regolament ma jippermettix l-istabbiliment ta' prijoritajiet speċifiċi ħafna u b'hekk potenzjalment jillimita l-kapaċità għall-ġenerazzjoni ta' impatti li jmorru lil hinn mill-proġetti individwali u għall-valutazzjoni tar-riżultati fil-livell tematiku.

L-evalwazzjoni tirrakkomanda aktar prijoritizzazzjoni u attenzjoni taħt kull tema. Għall-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss, tissuġġerixxi l-stabbiliment ta' oqsma għall-attenzjoni annwali jew l-iffokar fuq interessi ta' politika tal-UE li huwa aktar probabbli li jintlaħqu mill-Programm u li jiksbu l-akbar valur.

Fir-rigward ta' LIFE+ Informazzjoni, l-evalwazzjoni turi li l-iffinanzjar ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni huwa diffiċli ħafna fil-livell nazzjonali u lokali. Għalhekk, din il-linja toffri opportunità unika biex dan l-ostaklu jingħeleb u biex jiġu promossi temi ambjentali. Madankollu, s'issa intagħżlu biss 38 proġett għall-finanzjament. Għadd sinifikanti ta' proġetti ġew irrifjutati fis-sejħa tal-2007 għaliex ma kinux ambizzjużi biżżejjed jew inkella kienu nieqsa minn miri ambjentali ċari. Il-Gwida għall-applikanti ġiet modifikata sabiex jingħataw aktar eżempji ta' tipi ta' proġetti adattati taħt din il-linja. B'riżultat ta' dan il-kwalità globali tal-proġetti tjiebet, iżda r-riżultati baqgħu minn taħt meta mqabbla mal-linji l-oħra. Barra minn hekk, il-proġetti ffinanzjati jkopru firxa wiesgħa ta' temi u jimmiraw għal udjenzi varji ħafna li jiffokaw fuq problemi lokali jew reġjonali u b'hekk jonqos il-valur miżjud tagħhom għall-UE. Madankollu, xi proġetti għandhom impatt aktar sinifikanti fil-livell tal-UE.

L-evalwazzjoni tirrakkomanda li din il-linja tkun definita b'mod aħjar sabiex l-applikanti jkollhom gwida aħjar u sabiex il-kwalità tal-applikazzjonijiet titjieb. Għall-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss tissuġġerixxi żieda fir-rata tal-kofinanzjament li għandha tippermetti kampanji usa' u għadd akbar ta' applikazzjonijiet.

Komplementarjetà

LIFE+ ma għandux jiffinanzja attivitajiet li jistgħu jkunu ffinanzjati minn fondi oħra tal-UE (L-Artikolu 9 tar-Regolament). Dan l-obbligu strett ikun jirrikjedi linja ta' separazzjoni ċara bejn LIFE+ u fondi oħrajn. L-evalwazzjoni tirrikonoxxi l-isforzi biex tkun żgurata l-komplementarjetà. Il-formoli tal-applikazzjoni jirrikjedu informazzjoni dwar azzjonijiet inklużi fil-proposta li jistgħu jiġu ffinanzjati minn programmi ta' appoġġ oħrajn. L-applikanti għandhom jispjegaw għaliex iqisu li dawk l-azzjonijiet ma jaqgħux fl-ambitu prinċipali ta' strumenti alternattivi tal-UE u għandhom jiddikjaraw li l-azzjonijiet elenkati fil-proposta ma jirċevux u mhumiex se jirċievu għajnuna minn kwalunkwe strument ieħor tal-UE.

Il-Kummissjoni tikkordina għall-identifikazzjoni ta' proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi oħra tal-UE. Ġie żviluppat protokoll għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet li jsiru taħt il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) u LIFE+ Ambjent u Tmexxija u biex jiġi identifikat l-istrument l-aktar adatat għal attività partikolari. Miżuri oħra jinkludu ftehim li l-Istati Membri se jipprovdu gwida addizzjonali lill-applikanti potenzjali.

Il-Kummissjoni tiffoka fuq l-evitar tal-finanzjament doppju iżda ppruvat attitudni aktar pożittiva favur il-komplementarjetà billi tat punti addizzjonali għal proġetti li juru sinerġiji ma' fondi oħrajn jew li juru approċċ integrat fl-użu ta' fondi differenti. Madankollu, il bini u t-titjib ta' sinerġiji ma' programmi oħra, huma aktar ta' sfida meta dawn ikunu deċentralizzati jew jinsabu f'ġestjoni kondiviża ma' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. Barra minn hekk, l-applikanti għandhom it-tendenza li jagħżlu l-fond li huma aktar familjari miegħu.

Jenħtieġu aktar sforzi għat-titjib tas-sinerġiji bejn is-Seba' Programm Qafas dwar ir-Riċerka, il-LIFE+ Ambjent, is-CIP, il-FAEŻR, il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni li jakkumpanjaw ideat innovattivi mill-istadju tal-ħolqien, l-ittestjar u l-wiri sal-kummerċjalizzazzjoni u t-tixrid mifrux.

L-evalwazzjoni tirrakkomanda t-tgħaqqid tal-komponent Ekoinnovazzjoni tas-CIP u l-LIFE+ Ambjent u Tmexxija għall-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss biex jinħoloq mekkaniżmu waħdieni għall-finanzjament tal-ekoninnovazzjoni. Ir-raġuni fundamentali għal dan huwa r-rwol tad-DĠ Ambjent tas-superviżjoni tal-attività tar-replikazzjoni tas-suq, tal-konsulenza dwar sejħiet permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, u tar-rabtiet mill-qrib bejn LIFE+ u l-objettivi tas-CIP.

L-evalwazzjoni tenfasizza l-isfidi tal-approċċ integrat fl-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-ħtiġijiet ambjentali. Studji ta' dan l-aħħar dwar il-finanzjament ta' Natura 2000 jissuġġerixxu li għad hemm lok għal titjib fl-użu ta' fondi taħt l-istrumenti varji tal-UE għas-sodisfar tal-ħtiġijiet finanzjarji tan-netwerk. Il-LIFE+ jista' jitħaddem b'mod li jtejjeb l-użu tal-fondi billi tiġi adottata attitudini pożittiva lejn il-komplementarjetà u billi ssir promozzjoni effettiva tal-użu integrat tal-fondi differenti tal-UE.

L-evalwazzjoni wettqet valutazzjoni preliminarja tal-impatt tal-waqfien tal-LIFE Pajjiżi Terzi. Tenħtieġ aktar analiżi iżda l-evalwazzjoni tikkonkludi li LIFE TCY kien sempliċi u flessibbli u li mhuwiex dejjem il-każ li strumenti alternattivi se jiffinanzjaw applikanti jew tipi ta' proġetti li setgħu kisbu finanzjament taħt il-programmi LIFE ta' qabel. Dawn l-istrumenti jipprovdu finanzjament bħala parti minn aġenda ta' żvilupp ħafna aktar wiesgħa u minħabba f'hekk l-attenzjoni fuq prijoritajiet ambjentali tiddgħajjef bir-riżultat li jkun hemm il-possibbiltà li tinħoloq lakuna tematika u ġeografika fil-finanzjament. Min-naħa l-oħra, ir-reviżjoni esterna tal-2009 tal-programm tematiku għall-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali (ENRTP - Environment and Natural Resources Thematic Programme) ikkonkludiet li l-ENRTP tippermetti l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE fil-livell globali".

2.3. L-għotjiet operattivi għall-NGOs

L-għan ta' dan l-intervent huwa li jiffaċilita lil NGOs ambjentali li għandhom missjoni Ewropea biex jikontribwixxu għall-involviment ibbilanċjat tal-partijiet involuti fil-proċess tal-politika tal-UE. L-evalwazzjoni kkonfermat li l-intervent għadu rilevanti.

Intagħżlu 30 NGOs fl-2007, 33 fl-2008 u 32 fl-2009. Dawn l-organizzazzjonijiet jirrappreżentaw spektrum wiesa' ta' NGOs ambjentali f'termini ta' daqs, fokus u kopertura ġeografika. Il-maġġoranza tal-NGOs iffinanzjati jinsabu jew qrib jew fi Brussell, għaliex huma involuti attivament fil-proċess tal-politika u jeħtieġu l-aċċess għall-istituzzjonijiet tal-UE. Madankollu, l-organizzazzjonijiet membri mill-pajjiżi tal-UE u lil hinn, huma rrappreżentati permezz tan-netwerks tagħhom.

L-evalwazzjoni wriet li l-prijoirtajiet kollha tas-6EAP huma koperti minn bilanċ tajjeb bejn l-iżvilupp ta' politika, l-implimentazzjoni tal-politika u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet. Ikkonkludiet ukoll li l-NGOs magħżula jagħtu kontribut meħtieġ għall-politika tal-UE. Jista' jkun hemm titjib f'ċerti aspetti proċedurali u amministrattivi, pereżempju l-iskedar tad-deċiżjoni annwali tal-għażla jippermetti li l-kuntratti jistgħu jiġu ffirmati biss bosta xhur wara l-bidu tas-sena ta' finanzjament.

L-evalwazzjoni tirrakkomanda tranżizzjoni fil-perjodu taż-żmien tal-proċedura tal-għażla jew bidla fil-ftehimiet tas-sħubija fil-qafas multiannwali biex jiġu indirizzati problemi ta' likwidità u titjieb l-effiċjenza fl-ispiża. Il-Premessa 12 tar-Regolament tagħti r-rekwiżit minimu ta' attivitajiet f'talanqas tliet pajjiżi Ewropej sabiex NGO partikolari tkun eliġibbli. Għall-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss, l-evalwazzjoni tissuġġerixxi li dan l-għadd jiżdied sabiex il-proċess ta' politika jingħata n-netwerking u l-esperjenza meħtieġa f'dan il-qasam.

2.4. Appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika

Il-Kummissjoni tuża l-akkwist pubbliku biex tikkompleta studji u evalwazzjonijiet, biex issejjaħ laqgħat, workshops u seminars jew biex tiżviluppa u ssostni s-sistemi tal-kompjuter (pereżempju s-sit elettroniku tal-LIFE jew is-sistema tal-informazzjoni ta' Natura2000). Dan l-intervent jintuża wkoll biex jgħin lill-Kummissjoni bl-attivitajiet ta' informazzjoni, pubblikazzjoni u tixrid li huma ċentrali għall-objettivi tagħha.

L-evalwazzjoni turi li l-akkwist pubbliku huwa bbażat fuq proċeduri sodi li huma sodisfaċenti. Dawn il-proċeduri jiżguraw li l-finanzjament jintrabat b'mod adegwat mal-prijoritajiet deskritti fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni L-evalwazzjoni tikkonkludi wkoll li l-akkwist ta' servizzi bħal dawn huwa kruċjali għall-Kummissjoni.

L-evalwazzjoni tirrakkomanda titjib fil-mekkaniżmi ta' reazzjonijiet dwar il-kwalità tas-servizz mogħti mill-kuntratturi esterni u li jitħeġġeġ l-użu ta' kuntratti multiannwali.

3. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

3.1. Azzjonijiet għall-bqija tal-perjodu ta' ffinanzjar.

Il-Kummissjoni nnutat ir-rakkomandazzjonjiet li saru fir-rapport tal-konsulenti u qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-kwistjonijiet l-aktar urġenti li ġew identifikati jingħelbu. Bosta rakkomandazzjonijiet ta' importanza pereżempju l-allokazzjonijiet nazzjonali jew ir-rata ta' kofinanzjament ma jistgħux jiġu implimentati mingħajr emenda għar-Regolament iżda dawn se jitqiesu fit-tfassil ta' kwalunkwe strument ieħor. L-azzjonijiet proposti hawn jistgħu jiġu implimentati fi ħdan il-qafas ta' bħalissa.

Il-Kummissjoni :

- Organizzat workshops għal applikanti potenzjali wara kull sejħa għal proposti sabiex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-applikazzjonijiet.

- Irrevediet sostanzjalment il-Gwida għal applikanti għas-sejħa għal għotjiet ta' azzjoni tal-2010 inklużi aktar eżempji u approċċi flessibbli, kif ukoll għall-ksib ta' rati ta' kofinanzjament ogħla fil-limiti tar-Regolament. Stabbilixxiet listi indikattivi ta' żoni ta' fokus vantaġġati għal kull tema taħt LIFE+ Ambjent u Tmexxija li jirriflettu l-prijoritajiet ta' politika tal-programm ta' ħidma għall-2010. Dawn il-modifiki jimmiraw ukoll għat-titjib fit-teħid tal-linji tal-LIFE+ li għandhom rati aktar baxxi ta' suċċess.

- Qassret il-proċedura tal-għażla mingħajr ma naqqset mill-kwalità tal-għażla tal-proġetti

- Tejbet il-mekkaniżmi għat-twettiq ta' żjarat ex-post aktar sistematiċi għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà.

- Tejbet l-isforzi tagħha ta' appoġġ għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali u għall-Istati Membri li rreġistraw użu aktar baxx. Fl-2010, il-Kummissjoni organizzat sessjoni ta' taħriġ ta' jumejn biex ir-rwol tagħhom fil-għażla, fil-ġestjoni u fis-segwitu tal-proġetti tissaħħaħ. Il-Kummissjoni żviluppat ukoll linji gwida dwar attivitajiet ta' komunikazzjoni għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali.

Il-Kummissjoni se tkompli :

- Bl-isforzi tagħha għall-integrazzjoni msaħħa tal-għotjiet ta' azzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika.

- Issaħħaħ u ttejjeb l-attivitjiet ta' tixrid u iżżid l-isforzi tagħha biex tattira applikanti mhux tradizzjonali għal LIFE speċjalment għal Bijodiversità u għal temi ġodda taħt Ambjent u Tmexxija. Dan jinkludi l-pubblikazzjoni ta' opuskuli tematiċi aktar adattati li juru kif proġetti LIFE+ jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali; l-organizzazzjoni ta' konferenzi tematiċi għall-iskambju ta' esperjenza u għat-tixrid tar-riżultati tal-proġetti; it-titjib fil-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-LIFE.

- Tħeġġeġ aktar netwerking, fost oħrajn billi torganizza laqgħat reġjonali u madwar l-UE dwar proġetti għall-qsim tal-esperjenza u l-għarfien tekniku. In-netwerking sar obbligu għall-proġetti. Twaqqaf forum ta' diskussjoni għall-proġetti tal-LIFE+.

- Tesplora l-possibbiltà għall-iżvilupp ta' indikaturi tar-riżultati simili għal dawk adottati taħt is-CIP.

- Tesplora modi ġodda kif jistgħu jittejbu s-sinerġiji u l-komplementarjetà ma' fondi oħrajn. Jistgħu jiġu adottati protokolli ma' programmi oħra. Se jiġu esplorati modi kif tista' tittejjeb il-komunikazzjoni fost id-diversi servizzi tal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet kompetenti u barra minn hekk se jiġi esplorat ukoll l-iżvilupp ta' linji gwida

- Fir-rigward tal-programm tal-finanzjament tal-NGO, l-esplorazzjoni ta' fokus aktar b'saħħtu fuq prijoritajiet annwali, u l-possibbiltajiet għall-introduzzjoni ta' valutazzjoni esterna u s-sħubiji ta' qafas multiannwali. Il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll indikaturi għall-monitoraġġ tal-attivitajiet operazzjonali tal-NGOs u b'mod partikolari se tivvaluta l-effettività tas-sistema kif inhi bħalissa biex tikkontribwixxi għal tmexxija ambjentali aħjar billi tkabbar l-involviment ta' partijiet involuti fil-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika.

3.2. Il-futur ta' LIFE+

Skont l-Artikolu 15(3) tar Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk xieraq, proposta għal żvilupp ulterjuri ta' strument finanzjarju esklussivament fil-qasam ambjentali, li għandu japplika mill-2014 'il quddiem. Il-Kummissjoni diġà qed twettaq sensiela ta' studji biex tanalizza modi effettivi kif tindirizza l-problemi ambjentali ta' bħalissa u dawk emerġenti.

F'dan l-istadju, il-konklużjoni primarja u prinċipali tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu hija li strument speċifiku għall-ambjent, jiġifieri LIFE huwa relevanti u meħtieġ għaliex qed joħloq valur miżjud għall-UE għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE. Madankollu, l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji ambjentali u tal-ostakli prinċipali għall-iffinanzjar tagħhom tirrikjedi aktar ħidma li twassal sabiex jiġu definiti l-alternattivi għall-infiq ambjentali għall-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss.

L-evalwazzjoni saħqet fuq l-importanza li jkun hemm qafas adegwat għall-iffinanzjar tan-Natura2000 u l-bijodiversità. Il-Kunsill Ewropew huwa impenjat għall-viżjoni fit-tul dwar il-bijodiversità għall-2050 u l-mira għall-2020 stabbilita fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2010. Issa li n-netwerk ġie stabbilit, l-attenzjoni għandha tkun fuq il-konservazzjoni u r-restituzzjoni li għandhom iwasslu għal żieda sinifikanti fl-ispejjeż imġarrba mill-maniġers pubbliċi u privati tan-netwerk. Fl-istess waqt għat-twassil tal-viżjoni l-ġdida tal-UE dwar il-bijodiversità għandha tkun ikkunsidrata l-ħtieġa ta' aktar investimenti.

Fil-futur kwalunkwe strument ieħor għandu jqis ukoll jekk hemmx bżonn ta' aktar attenzjoni bħal pereżempju fuq żoni ta' fokus annwali jew fuq il-prijoritajiet ta' politika tal-UE fil-LIFE+ Ambjent u Tmexxija ta' bħalissa sabiex jiżdied il-valur miżjud tiegħu. Sabiex ikun definit l-intervent tal-UE l-aktar effettiv li jindirizza l-ħtiġijiet tas-settur kummerċjali u tas-settur pubbliku, għandhom jiġu esplorati mekkaniżmi ta' twassil oħrajn minbarra għotjiet ta' azzjoni. Kif tissuġġerixxi l-evalwazzjoni, mekkaniżmi oħrajn bħal dawn jistgħu jkunu investiment dirett, finanzjament ta' investiment għall-mobilizzazzjoni ta' fondi mis-settur privat, garanziji fuq self, ekwità kif ukoll tgħaqqid ta' għotjiet u strumenti finanzjarji oħra. B'mod simili, il-Kummissjoni se tivvaluta l-effettività li żżomm żewġ strumenti separati (pereżempju, CIP u LIFE+ Ambjent u Tmexxija) għall-iffinanzjar ta' ideat innovattivi għall-ambjent, u jekk jistax ikun hemm il-ħtieġa ta' fondi speċifiċi oħrajn (pereżempju strument speċifiku għall-klima).

Il-finanzjament għall-NGOs ambjentali tal-UE għandu jiġi rivedut biex ikun hemm appoġġ aktar effettiv tar-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u fil-bini tal-bażi ta' għarfien għall-politika ambjentali, u biex jiġu promossi atturi ġodda u netwerks ġodda.

Id-dimensjoni esterna tal-politika ambjentali se titqies ukoll fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni. Se ssir analiżi ulterjuri bil-għan li tissaħħaħl-effettività u l-impatt tal-istrumenti li jistgħu jintużaw biex ikopru d-dimensjoni esterna tal-politika ambjentali u biex jiġu proposti l-għażliet l-aktar xierqa f'dan il-kuntest.

Il-Kummissjoni f'Settembru 2010 se tibda valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet possibbli għar-reviżjoni tar-Regolament. Se tibni fuq l-istudji dwar l-integrazzjoni intensifikata tat-tħassib ambjentali fl-istrumenti ta' appoġġ tal-UE u evalwazzjonijiet ta' LIFE, u se tqis l-evalwazzjonijiet ta' fondi oħra tal-UE.

Il-valutazzjoni tal-impatt se tittratta l-kwistjoni fundamentali tal-aħjar proċessi għall-iffinanzjar tal-ħtiġijiet ambjentali. L-għan huwa li jiġu identifikati ż-żoni ambjentali bi ħtiġijiet ta' ffinanzjar li għalihom il-mezz l-aktar effettiv kif jiġu ttrattati l-problemi ambjentali jkun strument speċifiku għall-ambjent tal-UE u dawk fejn ikun aktar xieraq il-finanzjament ambjentali permezz ta' strumenti oħra minbarra l-LIFE. Fi tmiem dan il-proċess, il-Kummissjoni tistenna li jkollha biżżejjed informazzjoni biex tiddetermina t-tfassil l-aktar effettiv għall-finanzjament ambjentali (strument, fokus, ambitu, allokazzjoni baġitarja) u biex tikseb il-massimu tal-valur miżjud għall-UE.

Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt se jkunu disponibbli sat-tielet perjodu ta' tliet xhur tal-2011 u se jiffurmaw il-bażi, fejn relevanti, ta' proposta tal-Kummissjoni għal strument finanzjarju ġdid għall-ambjent.

[1] ĠU L 149, 09.06.2007.

[2] http://ec.europa.eu/environment/life/publications/lifepublications/evaluation/index.htm#mte2010

[3] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni għal aktar tagħrif dettaljat.

[4] LIFE, Programmi ta' Żvilupp Sostenibbli Urban u ta' NGOs, Forest Focus u l-linji tal-baġit tad-DĠ Ambjent mingħajr bażi legali

Top